Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Ottubru 2011 - Kronofrance u Kronoply vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-560/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Kronofrance SAS (Sully sur Loire, Franza), Kronoply GmbH (Heiligengrabe, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Nierer u L. Gordalla, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2011 (C 28/2005) li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja favur Glunz AG u OSB Deutschland GmbH fl-ammont ta' EUR 69 797 988;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-Trattat FUE, tat-Trattat KE jew ta' dispożizzjoni legali li timplementahom

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma osservatx ir-regoli stabbiliti fil-Qafas multisettorjali dwar l-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta' investiment (ĠU C 107, 07.04.1998, p. 7, iktar 'il quddiem il-"Qafas multisettorjali") sa fejn:

ma ddeterminatx l-intensità massima permessa tal-għajnuna kif mitlub, fil-fehma tar-rikorrenti, mill-punt 3.1 tal-Qafas multisettorjali;

iddeterminat ir-rata ta' tkabbir annwali, fis-sens tal-punt 7.8 tal-Qafas multisettorjali, fir-rigward tal-particleboards fuq il-bażi ta' perijodu ta' żmien mhux rilevanti u b'hekk waslet għal fattur ta' kompetizzjoni ogħli wisq;

ikkunsidrat flimkien diversi fatturi ta' kompetizzjoni għal proġett wieħed u b'hekk injorat il-qafas legali stabbilit fil-punt 3.10 tal-Qafas multisettorjali.

It-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta' poter

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostni li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-għajnuna, użat ħażin il-poter tagħha sa fejn ma osservatx ir-regoli li hija stess kienet stabbilixxiet.

____________