Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-243/18, VW vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-139/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bauer u M. Alver, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: VW, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi l-kawża u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju, invokat prinċipalment, huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti abbażi tal-Artikolu 18 jew tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, bejn, minn naħa, il-konjuġi superstiti ta’ eks uffiċjal li żżewweġ qabel ma ntemmet l-attività ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, il-konjuġi superstiti ta’ eks uffiċjal li żżewweġ wara li ntemmet l-attività. F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, inklużi, partikolarment, is-sitwazzjonijiet legali rispettivi, fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, jiġifieri r-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom. B’hekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt billi kkonstatat li d-data tal-konklużjoni taż-żwieġ hija l-unika element li jiddetermina l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 jew tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li dak li jiġġustifika d-differenza fit-trattament hija d-differenza fundamentali, fattwali u legali bejn is-sitwazzjoni legali ta’ uffiċjal li jinsab f’waħda mill-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal u dik ta’ eks uffiċjal.

It-tieni aggravju, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt li jikkonċernaw il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq l-għażliet tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-eżistenza ta’ “sempliċi” marġni ta’ manuvra tal-leġiżlatur tal-Unjoni li “jimplika n-neċessità li jiġi vverifikat jekk ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun xierqa u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq”. Issa, il-qorti tirrikonoxxi lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu timplika għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali, u fejn għandu jwettaq kunsiderazzjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, kif inhu l-każ fil-qasam tat-tfassil ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali. B’hekk, il-kwistjoni ma hijiex jekk miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli. Fil-fatt, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa tagħha fir-rigward tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura. Meta wettqet stħarriġ li jmur lil hinn min-natura manifestament mhux xierqa tal-miżura inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-leġiżlatur u b’hekk eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità tagħha.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt imwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tan-natura ġġustifikata tad-differenza fit-trattament. Qabel kollox, dan l-eżami huwa vvizjat mill-iżball ta’ dritt imwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-portata tal-istħarriġ tagħha tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza li tgħid li huwa r-rikorrent li għandu jressaq il-prova tal-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva mad-dritt primarju, u mhux l-istituzzjonijiet awturi tal-att li għandhom jipprovaw il-legalità tagħha. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta eżaminat in-natura ġġustifikata tad-differenza fit-trattament fid-dawl ta’ ġurisprudenza li tgħid li preżunzjoni ġenerali ta’ frodi ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika miżura li tikser l-għanijiet tat-Trattat FUE, biex jiġi konkluż li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi “preżunzjoni ġenerali u inkonfutabbli ta’ frodi fil-konfront taż-żwiġijiet li jkunu damu inqas minn ħames snin”.

____________