Language of document : ECLI:EU:C:2013:474

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2013 (1)

Kawżi magħquda C‑199/12 sa C‑201/12

X, Y u Z

vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

“Direttiva 2004/83/KE — Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr Stat li jkunu qed japplikaw għal status ta’ refuġjat — Tifsira ta’ ‘persekuzzjoni’ — Orjentazzjoni sesswali”





1.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, magħmula mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), jirrigwardaw tliet rikorrenti li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin jippruvaw jiksbu status ta’ refuġjat. Kull wieħed minnhom qiegħed jikkontendi li għandu biża’ fondat ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

2.        Il-qorti nazzjonali qed tagħmel tliet domandi li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal status ta’ refuġjat skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) (2). L-ewwel nett, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma omosesswali jiffurmaw parti minn xi grupp soċjali partikolari fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva? It-tieni nett, kif għandhom l-awtoritajiet nazzjonali jevalwaw x’jikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet omosesswali għall-iskopijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva? It-tielet nett, il-kriminalizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet fil-pajjiż tal-oriġini tar-rikorrent, flimkien mal-possibbiltà ta’ ħabs jekk persuna tinstab ħatja, tammonta għal persekuzzjoni skont it-tifsira tad-Direttiva?

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

3.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”) (3) jipprovdi li l-kelma “refuġjat” għandha tapplika għal kull persuna li “minħabba biża’ fondat li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika, tkun tinsab barra pajjiżha u ma tkunx tista’, jew minħabba dan il-biża’, ma tkunx tixtieq tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew, billi ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra l-pajjiż fejn qabel kellha r-residenza abitwali minħabba dawn il-ġrajjiet, ma tistax, jew minħabba dan il-biża’ ma tkunx trid, tirritorna fih.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

4.        L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta” (4)) jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal­kommunikazzjonijiet tagħha”. L-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta’, inter alia, l-orjentazzjoni sesswali. L-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi illi dawn id-drittijiet għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (5).

 Id-Direttiva

5.        Id-Direttiva hija waħda minn bosta miżuri maħsuba sabiex tinkiseb Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (6). Din is-sistema hija bbażata fuq l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève li tipprovdi l-bażi tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati (7). L-għan tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi standards minimi u kriterji komuni għall-Istati Membri kollha, sabiex ikunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti r-refuġjati u l-elementi essenzjali tal-istatus ta’ refuġjat (8), sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati persuni li ġenwinament għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (9), u sabiex ikun hemm proċedura tal-ażil li tkun ġusta u effiċjenti. Filwaqt li tagħmel dan, id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet, il-libertajiet u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta (10). Il-premessa 21 fil-preambolu tad-Direttiva tistipula: “Huwa ugwalment meħtieġ li jiddaħħal kunċett komuni tal-bażi tal-persekuzzjoni ‘sħubija ta’ grupp soċjalipartikolari’[soċjali partikolari]”.

6.        L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jipprovdi li “‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih”.

7.        Sakemm jibqgħu konsistenti mad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu, biex jiddeterminaw min jikkwalifika bħala refuġjat, jadottaw regoli iżjed favorevoli (11). L-Artikolu 4 jistabilixxi r-regoli li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (12). L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jistipula li l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha ssir fuq bażi individwali. L-Artikolu 6 jinkorpora fih lista illustrattiva ta’ “atturi ta’ persekuzzjoni” inklużi l-Istat u atturi mhux tal-Istat.

8.        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

“Atti ta’ persekuzzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 A tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jridu:

(a)      jkunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu vjolazzjoni serja [ksur serju] ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet minn liema deroga ma tistax issir skond l-Artikolu 15(2) [KEDB]; jew

(b)      ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet [ksur] ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individu f’manjiera simili kif imsemmi f’(a) ” (13).

9.        L‑Artikolu 9(2) jipprovdi li:

“Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

(c) prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

[…]”

10.      L-Artikolu 9(3) jipprovdi li “[b]i qbil ma’ l-Artikolu 2(ċ), irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta' persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1. ”

11.      L-Artikolu 10 huwa intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”. L-Artikolu 10(1)(d) jipprovdi:

“grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

–        membri ta’ dak il-grupp jaqsmu ambjent minn fejn ikunu ġew [jew] karatteristiku [karatteristika] naturali, jew komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristiku jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identita jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunsjah, u

–        li grupp għandu identita distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li huwa notat bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru;

skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż tal-orġini, grupp soċjali partikolari jista' jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristiku komuni ta’ orjentament sesswali. Orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri: Aspetti li għandhom x’jaqsmu mas-sess jistgħu jitqiesu, mingħajr ma joħolqu weħidhom presunzjoni għall-applikabilita ta’ dan l-Artikolu”.

[…]”

 Id-dritt nazzjonali

12.      Il-Vreemdelingenwet 2000 (Liġi dwar il-Persuni ta’ Nazzjonalità Barranija) (iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) tagħti s-setgħa lill-Ministru rilevanti (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) (14) li jaċċetta, jirrifjuta jew ma jikkunsidrax applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal perijodu ddeterminat (status ta’ refuġjat). Permess ta’ residenza għal żmien iddeterminat jista’ jingħata lil persuna ta’ nazzjonalità barranija li tkun refuġjat taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève.

13.      Ir-regoli ta’ politika stabbiliti mill-Ministru sabiex jimplementa l-Vw 2000 jinsabu fil-Vreemdelingencirculaire 2000 (Linji Gwida għall-Implementazzjoni tal-Liġi dwar il-Persuni ta’ Nazzjonalità Barranija (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”). Skont dawn il-Linji Gwida hija politika stabbilita u ġurisprudenza stabbilita li l-persekuzzjoni minħabba s-sħubija fi grupp soċjali kif imsemmi fl-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi persekuzzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. L-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat ibbażati fuq din ir-raġuni jiġu evalwati b’kunsiderazzjoni speċjali lejn il-pożizzjoni tal-applikant fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Meta l-omosesswalità jew l-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali jkunu suġġetti għal sanzjonijiet penali fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant, il-piena applikabbli trid tkun ta’ ċerta severità. Multa waħda tkun ġeneralment insuffiċjenti sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li għandu jingħata l-istatus ta’ refuġjat. Il-fatt li l-omosesswalità jew l-atti omosesswali huma kkriminalizzati fil-pajjiż tal-oriġini ta’ applikant ma jfissirx li l-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata awtomatikament. L-applikant għandu jippreżenta każ plawsibbli illi huwa personalment għandu biża’ fondat li jiġi ppersegwitat. L-applikanti omosesswali ma humiex mistennija jaħbu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom meta huma jirritornaw fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

14.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew anonimizzati u qed jissejħu X, Y u Z. X huwa ċittadin ta’ Sierra Leone, Y huwa Ugandiż u Z huwa Senegaliż.

15.      Fi Sierra Leone l-atti omosesswali huma reati skont l-Artikolu 61 tal-Offences Against the Person Act tal-1861, u huma suġġetti għal minimu ta’ 10 snin ħabs sa massimu ta’ għomor il-ħabs. Fl-Uganda, skont l-Artikolu 145 tal-Penal Code Act 1950, persuna li tinsab ħatja ta’ reat deskritt bħala “għarfien karnali kontra l-ordni tan-natura” hija suġġetta li teħel il-ħabs. Il-piena massima hija ta’ għomor il-ħabs. L-awtoritajiet Senegaliżi jikkriminalizzaw l-atti omosesswali. Skont l-Artikolu 319(3) tal-Code Pénale (Kodiċi Penali) persuna misjuba ħatja ta’ ċerti atti omosesswali għandha tiġi kkundannata għall-ħabs għal bejn sena u ħames snin, u għal multa ta’ bejn XOF (15) 100 000 u XOF 1 500 000 (bejn wieħed u ieħor EUR 150 sa EUR 2 000).

16.      Fit-tliet każijiet il-Ministru rrifjuta l-applikazzjonijiet oriġinali għall-permess ta’ residenza (status ta’ refuġjat) skont il-Vw 2000. Kull applikant imbagħad appella kontra dawn id-deċiżjonijiet. X u Z appellaw lir-Rechtbank. Y ippreżenta applikazzjoni għal miżuri provviżorji. L-appelli rispettivi ta’ X u Y intlaqgħu. L-appell ta’ Z lir-Rechtbank ġie miċħud.

17.      Wara dan, il-Ministru appella lir-Raad van State fir-rigward ta’ X u Y. Z ukoll ppreżenta appell f’dik il-qorti.

18.      Fit-tliet każijiet ma hijiex qed tiġi kkontestata l-orjentazzjoni omosesswali tal-applikanti (16).

19.      Għaldaqstant ir-Raad van State qiegħda tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-barranin b’orjentazzjoni omosesswali jikkostitwixxu grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) [tad-Direttiva]?

2.      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: liema attivitajiet omosesswali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u, fil-każ ta’ atti ta’ persekuzzjoni kontra dawn l-attivitajiet, jistgħu l-imsemmija atti, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jiġu ssodisfatti, iwasslu għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat? Din id-domanda tinkludi ż-żewġ sottodomandi li ġejjin:

a)      Barranin b’orjentazzjoni omosesswali jistgħu jiġu mistennija li jaħbu l-orjentazzjoni tagħhom minn kulħadd fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom sabiex jevitaw li jiġu ppersegwitati?

b)      Jekk tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, jista’ jiġi mistenni — u f’dan il-każ, sa fejn — li barranin b’orjentazzjoni omosesswali jrażżnu ruħhom fl-espressjoni ta’ din l-orjentazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini sabiex jevitaw li jiġu ppersegwitati? F’dan ir-rigward, jista’ jiġi mistenni li l-omosesswali jrażżnu ruħhom iktar mill-eterosesswali?

c)      Jekk, f’dan ir-rigward, tista’ ssir distinzjoni bejn l-espressjonijiet li jikkonċernaw in-nukleu [il-qalba] tal-orjentazzjoni u l-espressjonijiet l-oħra, x’għandu jinftiehem b’nukleu tal-orjentazzjoni u kif jista’ jiġi stabbilit?

3.      Is-sempliċi penalizzazzjoni tal-attivitajiet omosesswali flimkien mat-theddida ta’ piena ta’ priġunerija, kif previsti mil-Liġi tal-1861 fuq il-ksur kontra l-persuna (Offences against the Person Act 1861) tas-Sierra Leone, jikkostitwixxu att ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) moqri flimkien mas-subparagrafu inizjali u mas-subparagrafu (ċ) tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva? Jekk tingħata risposta fin-negattiv, f’liema ċirkustanzi huwa dan il-każ?”

20.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-mitkub minn X, Y u Z, mill-UNHCR, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, u mill-Kummissjoni, li kollha kemm huma (ħlief ir-Renju Unit) ġew irrappreżentati waqt is-seduta tal-11 ta’ April 2013.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

21.      Sa ċertu punt, id-domandi tal-qorti nazzjonali jikkoinċidu. Meta wieħed ikun qiegħed jinterpreta l-Artikoli 9 u 10(1)(d) tad-Direttiva, għandu jżomm f’moħħu l-prinċipji segwenti.

22.      L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-intenzjoni u l-għan ġenerali tagħha, u b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Genève u mat-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fil-bażi legali tagħha (Artikolu 78(1) TFUE (17)). Bħalma jidher mill-premessa 10 fil-preambolu tagħha, id-Direttiva għandha wkoll tiġi interpretata b’mod konsistenti mad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta (18).

23.      It-tieni nett, il-Konvenzjoni ta’ Genève tipprovdi l-kuntest – u b’hekk tindika l-għan u l-intenzjoni ġenerali tad-Direttiva, liema Direttiva spiss tirreferi għal din il-Konvenzjoni. Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mitluba tipprovdi interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 10(1)(d) tad-Direttiva, għandha, meta tkun qed tagħmel dan, tirreferi għall-Konvenzjoni ta’ Genève (19).

24.      It-tielet nett, la fil-Konvenzjoni ta’ Genève u l-anqas fil-KEDB ma hemm riferiment espliċitu għad-dritt tal-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tirrigwarda l-orjentazzjoni sesswali ġiet żviluppata fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB (id-dritt li tiġi rrispettata l-ħajja privata u tal-familja) u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fl-Artikolu 14 KEDB (20). Għalhekk huwa neċessarju li d-domandi tal-qorti nazzjonali jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-prinċipji żviluppati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem(21).

25.      Ir-raba’ nett, f’dan ir-rigward il-Konvenzjoni ta’ Genève, bħall-KEDB, ma hijiex ħaġa statika. Hija strument ħaj li għandu jiġi interpretat fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-lum u skont l-iżviluppi fid-dritt internazzjonali (22). Il-ġurisprudenza tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tikkonċerna d-differenza fit-trattament tar-relazzjonijiet omosesswali u eterosesswali f’dak li jirrigwarda l-età minima tal-kunsens, fil-fatt turi li l-mod kif tiġi interpretata l-KEDB evolva. Għaldaqstant, qabel l-1997 il-Kummissjoni kienet tal-fehma li huwa konsistenti mal-KEDB li tiġi stabbilita età minima tal-kunsens li tkun ogħla fir-rigward tar-relazzjonijiet omosesswali (23). Fis-sentenza Sutherland vs Ir-Renju Unit il-Kummissjoni rrevediet u tbiegħdet mill-ġurisprudenza stabbilita tagħha billi ddeċidiet li l-impożizzjoni ta’ età minima ta’ kunsens ogħla fir-rigward ta’ atti omosesswali kienet diskriminatorja u tammonta għal ksur tad-dritt tar-rispett tal-privatezza tal-ħajja privata tar-rikorrent fid-dawl tal-iżviluppi kurrenti (24).

26.      Fl-aħħar nett jidhirli li l-qofol tad-domandi tal-qorti nazzjonali huwa li jiġu ddeterminati l-kriterji komuni li għandhom japplikaw meta jkunu qed jiġu identifikati dawk il-persuni li ġenwinament ikollhom bżonn il-protezzjoni internazzjonali, u li jkunu qed japplikaw għall-istatus ta’ refuġjat taħt id-Direttiva u abbażi tal-omosesswalità tagħhom. Il-kwistjonijiet li jqumu fit-tieni domanda jistgħu jiġu deskritti iżjed bħala kwistjonijiet ta’ politika ġuridika pjuttost milli kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni leġiżlattiva. Għaldaqstant, qabel ma ndur għat-tieni domanda, jien ser nibda billi nittratta l-ewwel u t-tielet domandi, li jqajmu kwistjonijiet iżjed sempliċi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-formulazzjoni tad-Direttiva.

 L-ewwel domanda

27.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-applikanti għall-istatus ta’ refuġjat li jkollhom orjentazzjoni omosesswali jistgħux jiffurmaw grupp soċjali partikolari għall-iskopijiet tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva.

28.      Dawk kollha li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom lill- Qorti tal-Ġustizzja (barra r-Renju Unit, li ma indirizzax dan il-punt) jaqblu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun “iva”.

29.      Jien ukoll naqbel ma’ din il-fehma.

30.      Fil-proċeduri ewlenin li jikkonċernaw lil Z, il-provi prodotti quddiem il-qorti fl-ewwel istanza (ir-Rechtbank) ma ssodisfawx din il-qorti li fis-Seneral persuni ta’ orjentazzjoni omosesswali kienu ġeneralment ippersegwitati jew issuġġettati għal xi diskriminazzjoni; u r-Rechtbank għaldaqstant ikkunsidra li r-rikorrent ma kienx membru ta’ grupp soċjali partikolari fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva (25).

31.      L-Artikolu 10 jikkonsisti f’żewġ paragrafi. L-ewwel paragrafu jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu kont ta’ ċerti elementi meta jkunu qed jevalwaw ir-raġunijiet tal-persekuzzjoni. F’dan il-kuntest l-Artikolu 10(1)(d) jiddefinixxi x’inhu dak li jikkostitwixxi grupp soċjali partikolari. It-tieni paragrafu mbagħad jittratta kif għandu jiġi evalwat jekk applikant partikolari għandux biża’ fondat li jiġi ppersegwitat. Min dan jirriżulta li applikant ma għandux għalfejn jipprova li hu suġġett għall-persekuzzjoni jew għad-diskriminazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu (26) (elementi li jiffurmaw parti mill-Artikolu 10(2)) sabiex juri li jifforma parti minn grupp soċjali partikolari (jiġifieri illi jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(d)).

32.      L-omosesswali rġiel jistgħu jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu “membri ta’ grupp soċjali partikolari” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva?

33.      Għall-kuntrarju tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li tirreferi biss għal “sħubija fi grupp soċjali partikolari”, il-frażi “orjentament [orjentazzjoni] sesswali” tintuża fid-Direttiva, iżda ma hijiex iddefinita. Jista’ jkun illi l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment espliċitu għal sħubija fi grupp soċjali abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fl-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva, minħabba li fiż-żmien li l-Kummissjoni ssottomettiet il-proposta tagħha għal din id-Direttiva kien qed jiġi rrikonoxxut illi l-individwi jistgħu jkunu kostretti jaħarbu mill-persekuzzjoni u jiksbu l-protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ dan (27), allavolja din ir-raġuni ma kinitx espliċitament inkluża fil-Konvenzjoni ta’ Genève (28).

34.      L-Artikolu 10(1)(d) jibda billi jgħid, “grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment ....”; u dawn il-kliem huma immedjatament segwiti b’żewġ inċiżi (l-ewwel wieħed fih tliet għażliet li ġew isseparati bil-kelma ‘jew’). L-inċiżi huma konnessi bil-kelma ‘u’, li jindika li fihom kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti. Madankollu t-test ikompli biex (b’mod espliċitu) jistipula li, “skond iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż ta’ l-orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristiku komuni ta’ orjentazzjoni sesswali [...]”.

35.      Jidhirli li meta wieħed iħares lejn it-test u jqabblu maż-żewġ inċiżi li jippreċeduh eżatt qabel, jara li l-leġiżlatur tal-Unjoni wera bl-iżjed mod ċar possibbli li dawk il-persuni li għandhom l-istess karatteristika f’dak li jirrigwarda l-orjentazzjoni sesswali, jistgħu tabilħaqq ikunu membri ta’ grupp soċjali partikolari għall-iskopijiet tal-Artikolu 10(1)(d). Dawn jissodisfaw l-ewwel inċiż (jidhirli li dan jagħmluh fi kwalunkwe każ minħabba li jaqgħu taħt it-tielet għażla: jiġifieri li “jaqsmu karatteristiku .... li tant huwa fondamentali għall-identita .... li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunsjah”). Skont iċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tal-oriġini, huma jistgħu wkoll jissodisfaw it-tieni inċiż (li jistipula li dak il-“grupp għandu identita distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li huwa notat bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru”). Sabiex jiġi ddeterminat jekk jissodisfawx it-tieni inċiż jew le, għandha ssir evalwazzjoni tar-regoli legali u tad-drawwiet soċjali u kulturali fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant. Din hija kwistjoni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiddeċiedu dwarha abbażi tal-fatti, u suġġett għal stħarriġ mill-qorti nazzjonali.

36.      Għaldaqstant nikkunsidra li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fis-sens li l-applikanti għall-istatus ta’ refuġjat li għandhom orjentazzjoni omosesswali jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, jiffurmaw grupp soċjali partikolari fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, jekk dan il-grupp għandux “identita distinta”, fir-rigward tal-pajjiż tal-oriġini ta’ kull applikant, “minħabba li huwa notat bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru”, għall-iskopijiet tat-tieni inċiż ta’ dik id-dispożizzjoni.

 It-tielet domanda

37.      Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk il-kriminalizzazzjoni ta’ atti omosesswali u l-possibbiltà ta’ ħabs jekk il-persuna inkwistjoni tinstab ħatja, jikkostitwixxux att ta’ persekuzzjoni fi ħdan l-Artikolu 9 tad-Direttiva.

38.      Fil-proċeduri nazzjonali saru ċerti kostatazzjonijiet li jikkonċernaw it-tliet rikorrenti. Fir-rigward ta’ X, l-omosesswalità fiha nnifisha ma hijiex ikkriminalizzata fi Sierra Leone; iżda ċerti atti omosesswali huma suġġetti għal sanzjonijiet penali. Fir-rigward ta’ Y, l-omosesswalità nnifisha hija kkriminalizzata fl-Uganda (29). Fir-rigward ta’ Z, l-omosesswalità ma tidhirx li hija kkriminalizzata fis-Senegal, iżda ċerti atti omosesswali huma suġġetti għal sanzjonijiet penali (30).

39.      Peress illi ma huwiex qed jiġi kkontestat li t-tliet applikanti huma omosesswali, jien ma għamiltx distinzjoni, f’dawn il-konklużjonijiet, bejn is-sitwazzjoni fl-Uganda (fejn ġie kkostatat li l-omosesswalità fiha nnifisha tikkostitwixxi att kriminali) u s-Sierra Leone jew is-Senegal (fejn ċerti atti omosesswali huma suġġetti għal sanzjonijiet kriminali (31)).

40.      X, Y u Z jikkontendu li l-Artikolu 9 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriminalizzazzjoni ta’ attivitajiet omosesswali fiha nnifisha tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni. Il-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom u l-UNCHR jikkonverġu, sa ċertu punt, favur fehma kuntrarja għal dan.

41.       Fl-Unjoni Ewropea, kien hemm tibdil fl-approċċ sa fejn il-leġiżlazzjoni li tikkriminalizza u timponi s-sanzjonijiet fir-rigward ta’ atti omosesswali li jsiru fil-privat bejn adulti konsenzjenti issa titqies li tmur kontra l-KEDB (32). Għalhekk huwa ċar li, fl-Istati Membri kollha, miżuri bħal dawn illum jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ individwu, kemm jekk jiġu applikati fil-prattika kif ukoll jekk le. Madankollu, l-għan tad-Direttiva ma huwiex li toffri l-protezzjoni kull meta individwu ma jkunx jista’, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, jeżerċita b’mod sħiħ u effettiv il-libertajiet iggarantiti mill-Karta jew mill-KEDB. Fi kliem ieħor: l-għan ma huwiex li nesportaw dawn l-istandards (33). Pjuttost, dan huwa li nirrestrinġu r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat għal dawk l-individwi li jistgħu jiġu esposti għal ċaħda serja jew ksur sistematiku tal-iżjed drittijiet fundamentali tagħhom, u li l-ħajja tagħhom tkun saret intollerabbli fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

42.      Dak li huwa meqjus bħala ksur ta’ dritt fundamentali fl-UE neċessarjament jikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva?

43.      L-Artikolu 9(1) jipprovdi li “[a]tti ta’ persekuzzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 A tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jridu: (a) jkunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu vjolazzjoni serja [ksur serju] ta’ drittijiet tal-bniedem bażiċi ... jew (b) ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individ[w]u f’manjiera simili kif imsemmi f’(a).” Mir-riferiment magħmul hawn għall-frażijiet “serji biżżejjed”, “vjolazzjoni serja [ksur serju] u “akkumulu ... li huwa serju biżżejjed” jirriżulta li mhux kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem (anki meta dan ikun verament aborrenti) għandu jiġi kkunsidrat bħala “att ta’ persekuzzjoni” għall-iskopijiet tal-Artikolu 9. Fil-fatt, il-lista illustrattiva ta’ atti ta’ persekuzzjoni li tinsab fl-Artikolu 9(2) tirreferi b’mod espliċitu għar-regola stabbilita mill-Artikolu 9(1), peress li tipprovdi li “[a]tti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 (34) jistgħu inter alia jinkludu dawk stabbiliti fil-punti (a) sa (f). L-Artikolu 9(3) ikompli sabiex jagħmilha ċara li għandu jkun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet tal-persekuzzjoni (Artikolu 10) u l-atti ta’ persekuzzjoni kif definiti fl-Artikolu 9(1).

44.      Tinqala’ diffikultà kunċettwali minħabba li, meta l-Karta tipproteġi libertà fundamentali, kull prosekuzzjoni jew kastig fir-rigward ta’ persuna minħabba li teżerċitaha tkun, fi ħdan l-UE, intrinsikament “sproporzjonata”.  Jien għalhekk ninterpreta r-riferiment fl-Artikolu 9(2)(ċ) — l-entrata fil-lista mhux eżawrjenti ta’ atti ta’ persekuzzjoni li l-iżjed tidher li hija rilevanti għall-proċeduri preżenti — għal “prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju” fis-sens li tfisser l-istess ħaġa bħal “prosekuzzjoni jew kastig li jkunu severi jew diskriminatorji”.

45.      Jidhirli li meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu qegħdin jiddeterminaw — abbażi ta’ dan — jekk atti li jipprojbixxu l-espressjoni ta’ orjentazzjoni sesswali jikkostitwixxux “atti ta’ persekuzzjoni” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1), huma għandhom b’mod partikolari jikkunsidraw (i) jekk jeżistux provi dwar l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet kriminali fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant, bħal pereżempju jekk fir-realtà l-awtoritajiet jakkużawx u jħarrku lill-individwi; (ii) jekk is-sanzjonijiet penali jiġux infurzati u, jekk iva, kemm huma severi dawn is-sanzjonijiet fil-prattika, u (iii) l-informazzjoni li tirrigwarda l-prattiki u d-drawwiet tas-soċjetà inġenerali fil-pajjiż tal-oriġini (35).

46.      Meta tkun qed issir l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat, għandu jsir dan it-test: ġrajja waħda jew akkumulazzjoni ta’ ġrajjiet jindikaw li l-applikant għandu biża’ fondat li d-drittijiet tal-bniedem bażiċi tiegħu x’aktarx ser jiġu miċħuda jekk huwa jirritorna fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu? (36)

47.      Sanzjonijiet penali li jirriżultaw f’perijodu twil ta’ ħabs għal min ikun esprima orjentazzjoni sesswali jistgħu jammontaw għal ksur tal-Artikolu 3 KEDB (il-projbizzjoni ta’ trattament jew kastig inuman u degradanti), u għalhekk ikunu serji biżżejjed sabiex jikkostitwixxu ksur sever tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi għall-iskopijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva.

48.      Meta nikkunsidrahom f’dan id-dawl, jidhirli li huwa ċar (anki fin-nuqqas ta’ informazzjoni ddettaljata dwar il-karatteristiċi tal-ksur relatati mar-rikorrenti fil-proċeduri ewlenin u l-pieni speċifiċi normalment imposti fir-rigward ta’ dawn il-ksur) li f’sens ġenerali, il-pieni imposti fi Sierra Leone, fl-Uganda u fis-Senegal jistgħu potenzjalment jammontaw għal kastig illi huwa “sproporzjonat” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(2)(c) tad-Direttiva. Huwa veru li l-pieni leġiżlattivi fir-rigward ta’ ċerti atti omosesswali fis-Senegal ma humiex ħorox daqs dawk fi Sierra Leone jew fl-Uganda. Qabel ma tasal għall-konklużjoni li, għal din ir-raġuni, il-livell minimu meħtieġ għal att ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva ma huwiex issodisfatt, il-qorti nazzjonali għandha tieħu kont tar-riskju ta’ prosekuzzjoni kemm jekk ta’ darba u kemm jekk irripetuta, u tas-sentenza imposta jekk prosekuzzjoni tirnexxi.

49.      Huma għalhekk ġeneralment l-awtoritajiet nazzjonali illi għandhom, wara li jkunu vverifikaw li applikant partikolari għandu jiġi meqjus bħala membru ta’ grupp soċjali partikolari fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) minħabba l-orjentazzjoni omosesswali tiegħu, ikomplu sabiex jeżaminaw jekk iċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu huma tali li jwasslu għal atti ta’ persekuzzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1). Sabiex jagħmlu dan għandhom jivverifikaw jekk humiex applikabbli miżuri repressivi fir-rigward ta’ dawk li huma, jew maħsuba li huma, membri ta’ dak il-grupp soċjali (37); jekk dawn il-miżuri jiġux infurzati u s-severità tas-sanzjonijiet imposti; u jekk — minħabba dan — l-applikant għandux biża’ fondat li jiġi ppersegwitat. L-iddeterminar ta’ dawn il-kwistjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali għandu naturalment ikun suġġett għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali sabiex tkun tista’ tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta tal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva.

50.      Għaldaqstant, jidhirli li t-tielet domanda magħmula għandha tiġi risposta b’tali mod li l-kriminalizzazzjoni ta’ attività ma tikkostitwixxix fiha nnifisha att ta’ persekuzzjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva. Pjuttost, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jeżaminaw, b’mod partikolari fid-dawl taċ-ċirkustanzi prevalenti fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant, (i) ir-riskju u l-frekwenza tal-prosekuzzjoni, (ii) fil-każ ta’ prosekuzzjoni li tkun irnexxiet, is-severità tas-sanzjoni normalment imposta, u (iii) miżuri oħra u drawwiet soċjali li l-applikant jista’ raġonevolment jibża’ li ser jiġi ssuġġettat għalihom, jekk applikant partikolari x’aktarx li ser jiġi ssuġġettat jew għal atti li, minħabba n-natura tagħhom jew minħabba l-fatt li jiġu rripetuti, ikunu serji biżżejjed sabiex jikkostitwixxu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, jew għal akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li tkun gravi biżżejjed sabiex taffettwa lill-applikant bl-istess mod.

It-tieni domanda

51.      Permezz tat-tieni domanda il-qorti qed titlob li tiġi ggwidata dwar jekk, fil-każ li applikant omosesswali jiġi kkunsidrat li jappartjeni għal grupp soċjali partikolari għall-iskopijiet tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva, jeżistux ċerti attivitajiet omosesswali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u li jfissru li l-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata.

52.      Il-qorti nazzjonali tkompli sabiex tagħmel serje ta’ domandi sekondarji (38) li jirrigwardaw il-kriterji komuni li jistgħu japplikaw meta jkun qed jiġi ddeterminat min għandu jikkwalifika bħala refuġjat. L-ewwel nett tistaqsi sa liema punt l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva jipproteġi l-espressjoni, privata jew pubblika, ta’ orjentazzjoni omosesswali? It-tieni nett, għandu applikant jiġi mistenni jaħbi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu sabiex jevita li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu? It-tielet nett, jista’ jiġi mistenni li jeżerċità ċertu rażan meta jkun qed jesprimi l-orjentazzjoni omosesswali tiegħu, u jekk iva, sa liema punt? Ir-raba’ nett, x’għandu allura jiġi mifhum li jikkostitwixxi l-qalba ta’ orjentazzjoni sesswali? Fl-aħħar nett, id-dritt tal-Unjoni inġenerali jew id-Direttiva b’mod partikolari, jipprekludu, fir-rigward tal-protezzjoni li huma intitolati għaliha l-barranin, li ssir distinzjoni skont jekk l-orjentazzjoni sesswali tagħhom hijiex omosesswali jew eterosesswali?

53.      Qabel ma nindirizza dawn id-domandi sekondarji, hemm bżonn illi nagħmel xi rimarki preliminari.

54.      L-ewwel nett, il-qorti nazzjonali hawnhekk essenzjalment tixtieq tiġi ggwidata dwar kif għandha twettaq l-evalwazzjoni ddettaljata rikjesta mill-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva. L-Artikolu 10(1)(d) jistabbilixxi limitu ċar dwar x’jista’ jikkostitwixxi grupp soċjali bbażat fuq karatteristika komuni ta’ orjentazzjoni sesswali, billi jipprovdi b’mod ċar li l-“orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri”. Għalhekk, sabiex nieħdu eżempju, orjentazzjoni sesswali li tinvolvi li l-applikant ikollu jwettaq mutilazzjoni ġenitali obbligatorja fuq is-sieħba sesswali tiegħu sabiex jirrendiha “denja” sabiex ikollha relazzjonijiet sesswali miegħu, ma tikkwalifikax għal protezzjoni skont l-Artikolu 10(1)(d). L-Artikolu 9 għandu definizzjoni (Artikolu 9(1)(a) u (b)) segwita b’lista mhux eżawrjenti (Artikolu 9(2)) u b’rekwiżit fis-sens li għandu jkun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet u l-atti ta’ persekuzzjoni (Artikolu 9(3)), iżda f’dak li jirrigwarda x’jista’ jikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni, ma jistabbilixxix limiti.

55.      It-tieni nett, ma huwiex eżattament ċar kif id-domandi sekondarji magħmula jirrelataw mal-kwistjonijiet imqajma fil-proċeduri ewlenin. Pjuttost, jidher li l-qorti nazzjonali qiegħda titlob parir dwar kif din id-Direttiva għandha tiġi applikata inġenerali. Fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, dan jaqa’ barra r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja (39).

56.      It-tielet nett, fuq livell iżjed prammatiku, il-qorti nazzjonali tispjega li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidraw li attivitajiet omosesswali jistħoqqilhom l-istess protezzjoni bħal attivitajiet eterosesswali. Madankollu, ma nikkunsidrax li l-attivitajiet tal-applikant għandhom ikunu punt ewlieni tal-evalwazzjoni. L-Artikoli 9 u 10 essenzjalment ma jirrigwardawx l-aġir tal-persuna li tkun tixtieq tikseb l-istatus ta’ refuġjat. Pjuttost, huma jirrigwardaw atti potenzjali ta’ persekuzzjoni u r-raġunijiet warajhom, jiġifieri l-aġir attiv ta’ atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni, iżjed milli l-aġir ta’ kuljum tal-vittma potenzjali.

57.      Ir-raba’ nett, meta tkun qed issir din l-evalwazzjoni għandhom naturalment jittieħdu inkunsiderazzjoni xi restrizzjonijiet li kienu japplikaw lill-applikant qabel ma telaq mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Madankollu, huwa daqshekk ieħor importanti li jiġu eżaminati l-provi disponibbli sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-applikant x’aktarx li ser jiffaċċja xi atti ta’ persekuzzjoni jekk huwa jirritorna f’pajjiżu. Għaldaqstant, id-domanda li wieħed għandu jagħmel hija jekk l-applikant għandux biża’ fondat li ser isofri ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi tiegħu. Din id-domanda ma tistax tingħata risposta billi wieħed iħares biss lejn l-atti li seħħew qabel ma l-applikant telaq mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

58.      Il-ħames nett, jidher li l-premessa li huma bbażati fuqha d-domandi tal-qorti nazzjonali hija li l-applikanti għall-istatus ta’ refuġjat omosesswali li jinvokaw l-Artikolu 10(1)(d) għandhom l-għażla (jew forsi anki r-responsabbiltà) li fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom rispettivi jikkomportaw ruħhom b’mod li jnaqqas ir-riskju li jiġu ppersegwitati minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Jien ma naqbilx ma’ din il-premessa, minħabba li tmur kontra d-dritt tar-rispett tal-identità sesswali tagħhom.

59.      Huwa fuq dan l-isfond li issa ser nikkunsidra d-diversi domandi sekondarji magħmula mill-qorti nazzjonali.

60.      F’dak li jirrigwarda l-ewwwel domanda sekondarja, id-Direttiva tagħmel distinzjoni bejn l-espressjoni tal-orjentazzjoni omosesswali ta’ applikant fil-privat jew fil-pubbliku?

61.      It-test tad-Direttiva ma jagħmel ebda distinzjoni bħal din. Għalhekk jidhirli li din it-tip ta’ distinzjoni ma hijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx att ta’ persekuzzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva. Pjuttost, id-domandi rilevanti huma jekk l-applikant, minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, huwiex membru ta’ grupp soċjali għall-iskopijiet tal-Artikolu 10(1)(d), u jekk hemmx konnessjoni skont kif rikjest mill-Artikolu 9(3), bejn dik ir-“raġuni għall-persekuzzjoni” u att jew atti ta’ persekuzzjoni skont l-Artikolu 9(1).

62.      Il-qorti nazzjonali tkompli sabiex tistaqsi jekk l-applikanti għall-istatus ta’ refuġjat għandhomx jiġu mistennija jaħbu, jew irażżnu l-espressjoni ta’, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Ma huwiex ċar mill-ordni tar-rinviju jekk din id-domanda għandhiex impatt fuq il-mod li bih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ttrattaw dawn l-applikazzjonijiet partikolari għall-ażil. Jista’ jkun li l-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk il-Linji Gwida, sa fejn dawn jgħidu li l-ħabi ma huwiex kriterju li għandu jiġi kkunsidrat, humiex sempliċiment qed jirriflettu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jew jekk jikkostitwixxux l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ standards iżjed favorevoli, kif permess skont l-Artikolu 3 (40). Sa fejn dawn id-domandi jsiru fl-astratt, ma għandhomx jingħataw risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex inkun eżawstiva, jien xorta waħda ser nittrattahom fil-qosor.

63.      Ma nikkunsidrax li applikant għall-istatus ta’ refuġjat għandu jiġi mistenni jaħbi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu sabiex jevita li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

64.      La l-formulazzjoni u l-anqas l-istruttura tad-Direttiva ma jsostnu din il-fehma. Fil-fatt, tkun kontra r-raġuni illi wieħed jinterpreta d-Direttiva b’dan il-mod. Dan ikun ifisser li jekk l-applikant (il-vittma) jonqos milli jaħbi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, huwa jkun b’xi mod implikat fis-sitwazzjoni li jkun jinsab fiha bħala attur tal-persekuzzjoni, li hija irrikonċiljabbli mal-mod illi bih huwa fformulat l-Artikolu 6 tad-Direttiva. Fil-fatt, rekwiżit li l-applikanti għandhom jaħbu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom jista’ titqies bħala li jikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni fih innifsu.

65.      L-applikanti omosesswali għall-istatus ta’ refuġjat għandhom jiġu mistennija jirritornaw lura u jeżerċitaw ir-rażan fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom?

66.      Ma naħsibx.

67.      L-ewwel nett, ma huwiex ċar għalija kif, mill-aspett kunċettwali, din il-kundizzjoni tista’ tinkwadra fl-istruttura tad-Direttiva (jew saħansitra, tal-Konvenzjoni ta’ Genève). Id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi sabiex ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat ikunu jistgħu jikkwalifikaw bħala refuġjati (Artikolu 1). Sabiex jevalwa jekk applikant partikolari jissodisfax dawn l-istandards minimi, l-Istat Membru jeżamina l-fatti u ċ-ċirkustanzi (Artikolu 4) sabiex jiddetermina jekk l-applikant kienx jew jistax ikun suġġett għal atti ta’ persekuzzjoni jew ħsara serja (kif iddefiniti fl-Artikolu 9) minħabba raġunijiet speċifiċi ta’ persekuzzjoni (kif iddefiniti fl-Artikolu 10). Jekk applikant ikollu biża’ fondat li jista’ jiġi hekk ippersegwitat, huwa jkun intitolat għall-istatus ta’ refuġjat. Imkien f’din l-istruttura ma hija sostnuta l-propożizzjoni li l-bżonn li jingħata l-istatus ta’ refuġjat jista’ jiġi evitat jekk l-applikant “jieqaf jipprovoka” lill-atturi tal-persekuzzjoni billi jaġixxi skont in-natura tiegħu.

68.      It-tieni nett, huwa veru li persuna li tapplika għall-ażil abbażi tal-orjentazzjoni omosesswali tagħha ma tistax tippretendi li tkun intitolata tgħix fil-pajjiż tal-oriġini tagħha bl-istess mod li tkun tista’ tgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi (41). Minkejja dan, jidhirli li d-determinar ta’ kemm “rażan” (a) ikun hemm bżonn sabiex l-applikant ikun jista’ jgħix mingħajr periklu f’pajjiżu, u fl-istess waqt (b) dan ir-rażan jibqa’ kompatibbli mal-ħarsien tad-dritt fundamentali li ċ-ċaħda tiegħu tiġġustifika l-għoti ta’ status ta’ refuġjat, huwa proċess intrinsikament suġġettiv u li x’aktarx jipproduċi riżultati arbitrarji pjuttost milli ċertezza legali. Fid-digriet tar-rinviju tagħha l-qorti nazzjonali stess tippreċiża li l-Ministru ma jistax jiddetermina minn qabel il-livell ta’ rażan li għandu jiġi mistenni. Fiha nnifisha, din l-istqarrija tindikali li din il-loġika ma tistax tirnexxi fil-prattika.

69.      It-tielet nett, meta wieħed jgħid illi kollox ikun sew jekk l-applikant jikkomporta ruħu b’mod diskret meta jirritorna f’pajjiżu, ikun qed jinjora r-realtà. Il-prudenza ma tissalvagwardjax kontra l-iskoperta u r-rikatt jew persekuzzjoni riżultanti.

70.      Abbażi ta’ dan, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domanda sekondarja (dwar x’jikkostitwixxi l-“qalba” ta’ orjentazzjoni sesswali). Madankollu, sabiex inkun eżawstiva jien ser inżid l-osservazzjonijiet segwenti.

71.      Jien nifhem li t-terminu “qalba” ittieħed mis-sentenza Y u Z, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat jekk id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti nkisrux minħabba restrizzjonijiet fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà reliġjuża. Jien ma jienx konvinta li din il-frażi tista’ tiġi trasposta fil-kuntest tal-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali. Jidhirli li wieħed jew għandu orjentazzjoni jew le (42). Ma hemm ebda “qalba” jew “ċentru” x’wieħed jikkunsidra per se. Għalhekk, insibha diffiċli li naċċetta li huwa possibbli li tiġi identifikata qalba ta’ espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali. Lanqas ma nemmen li din hija l-linja li għandha ssegwi l-Qorti tal-Ġustizzja.

72.      Madankollu, nikkunsidra li b’mod iżjed ġenerali, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Y u Z, b’analoġija, japplika hawn (43). Ma teżisti ebda ġustifikazzjoni għal approċċ fis-sens ta’ “qalba” fil-formulazzjoni tal-Artikolu 9 u 10 tad-Direttiva. L-Artikolu 9 jirreferi għad-drittijiet impreskrittibbli tal-KEDB; u għandu jkun dan, il-punt ta’ riferiment li abbażi tiegħu jiġu evalwati atti ta’ persekuzzjoni. Ma hemm xejn illi jissuġġerixxi li għandha ssir distinzjoni bejn diversi tipi ta’ espressjonijiet jew saħansitra modi ta’ espressjonijiet li ma jikkostitwixxux atti sesswali jew atti ta’ affezzjoni. Min-natura tiegħu stess, approċċ ibbażat fuq din il-premessa x’aktarx illi jirriżulta fl-arbitrarjetà.

73.      L-aħħar domanda sekondarja tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni inġenerali jew id-Direttiva b’mod partikolari jipprekludux li, fir-rigward tal-protezzjoni li jkunu intitolati għaliha ċittadini barranin, issir distinzjoni skont jekk l-orjentazzjoni sesswali tagħhom hijiex omosesswali jew eterosesswali.

74.      Kif għandhom jiġu evalwati l-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat fil-każ fejn l-allegati atti ta’ persekuzzjoni jkunu japplikaw kemm għall-omosesswali kif ukoll għall-eterosesswali?

75.      Nassumu li f’pajjiż terz partikolari kull espressjoni ta’ affezzjoni fil-pubbliku bejn żewġ persuni (pereżempju jekk iżommu idejn xulxin jew ibusu lil xulxin) tkun ipprojbita u li, skont il-liġi, jekk il-persuna tinstab ħatja, is-sanzjoni għal dan ir-reat tista’ tvarja (skont iċ-ċirkustanzi) minn multa sa swat bil-frosta. Il-miżura leġiżlattiva li tikkriminalizza u tikkastiga dan l-aġir tkun ġiet abbozzata b’tali mod li tapplika kemm għall-eterosesswali kif ukoll għall-omosesswali. Nassumu li persuna b’orjentazzjoni omosesswali taħrab minn dak il-pajjiż u tmur fi Stat Membru tal-Unjoni sabiex tipprova tikseb ażil. Ma jkunx mal-ewwel evidenti li tali applikant ikun suġġett għall-persekuzzjoni sempliċement minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Madankollu, jekk huwa jkun jista’ jipprova li fil-prattika l-miżura tiġi infurzata regolarment, jew li għandha l-iżjed sanzjonijiet severi, biss fil-każijiet fejn ikunu involuti persuni omosesswali (u li, fil-prattika, persuni eterosesswali jkunu jistgħu ġeneralment jimxu fit-triq filwaqt li jżommu idejn xulxin jew ibusu lil xulxin fil-pubbliku mingħajr ma jiġu kkastigati, jew li f’kull każ jiġu suġġetti biss għal multi żgħar ħafna), x’aktarx li jkun f’pożizzjoni aħjar sabiex jipprova li jifforma parti minn grupp soċjali partikolari għall-iskopijiet tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva. F’dan il-każ ikun neċessarju illi wieħed jeżamina jekk il-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet normalment imposti fuq persuna omosesswali hekk kif din tinstab ħatja kinux jammontaw għal att ta’ persekuzzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (fl-eżempju tiegħi u fl-evalwazzjoni tiegħi, ir-risposta tkun iva).

76.      Nikkunsidra li, meta ngħaqqad flimkien r-risposti tiegħi għad-diversi domandi sekondarji magħmula mill-qorti nazzjonali, it-tieni domanda magħmula għandha tingħata risposta fis-sens li, meta jkunu qegħdin jevalwaw jekk il-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni tal-omosesswalità bħala espressjoni ta’ orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxix att ta’ persekuzzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jikkunsidraw jekk l-applikant x’aktarx li jista’ jkun suġġett għal atti, jew għal akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri li huma serji biżżejjed, minħabba n-natura tagħhom jew meta jkunu rripetuti, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem.

 Konklużjoni

77.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmula mir-Raad van State skont kif ġej:

(1)      L-applikanti għall-istatus ta’ refuġjat illi għandhom orjentazzjoni omosesswali jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, jiffurmaw parti minn grupp soċjali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan il-grupp għandux “identità distinta”, fir-rigward tal-pajjiż tal-oriġini ta’ kull applikant, “minħabba li huwa notat bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru”, għall-iskopijiet tat-tieni inċiż ta’ dik id-dispożizzjoni.

(2)      Il-kriminalizzazzjoni ta’ atti omosesswali fiha nnifisiha ma tikkostitwixxix att ta’ persekuzzjoni għall-iskopijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi prevalenti fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant li huma b’mod partikolari relatati, ma’:

–        il-livell ta’ riskju tal-prosekuzzjoni u l-frekwenza tagħha;

–        fil-każ li l-prosekuzzjoni tkun irnexxiet, is-severità tas-sanzjoni normalment imposta; kif ukoll

–        kull miżura oħra u prattiki soċjali li l-applikant jista’ b’mod iġġustifikat jibża’ li ser jiġi ssuġġettat għalihom,

jekk applikant partikolari x’aktarx li ser jiġi ssuġġettat jew għal atti li, minħabba n-natura tagħhom jew meta jiġu rripetuti, ikunu serji biżżejjed sabiex jikkostitwixxu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, jew għal akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li tkun gravi biżżejjed sabiex taffettwa lill-applikant bl-istess mod.

(3)      Meta jkunu qegħdin jevalwaw jekk il-kriminalizzazzjoni tal-espressjoni tal-omosesswalità bħala espressjoni ta’ orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxix att ta’ persekuzzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jikkunsidraw jekk l-applikant x’aktarx li jista’ jkun suġġett għal atti, jew għal akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri li huma serji biżżejjed, minħabba n-natura tagħhom jew meta jkunu rripetuti, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


3 – Iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet issupplimentata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967. Nirreferi għaż-żewġ strumenti flimkien bħala il-“Konvenzjoni ta’ Genève”.


4 – ĠU C 83, 30.3.2010, p. 389.


5 – Id-drittijiet korrispondenti huma stabbiliti fl-Artikoli 8 u 14 tal-KEDB rispettivament. L-Artikolu 8 jipproteġi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. L-Artikolu 14 jiggarantixxi li d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-KEDB ikunu mħarsa mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, l-assoċjazzjoni ma’ minorità nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid jew status ieħor.


6 –      Ara l-premessi 1 u 2 fil-preambolu u l-Artikolu 1 tad-Direttiva.


7 – Ara l-premessa 3 tad-Direttiva. Ara wkoll il-premessa 15 li tipprovdi li l-konsultazzjonijiet mal-UNHCR jistgħu jipprovdu gwida utli għall-Istati Membri meta jiddeterminaw l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ GenèveAra l-premessi 1 u 2 fil-preambolu u l-Artikolu 1 tad-Direttiva.


8 – Ara l-premessa 4 fil-preambolu tad-Direttiva.


9 – Ara l-premessi 6, 16 u 17 tad-Direttiva.


10 –      Ara l-premessa 10 fil-preambolu tad-Direttiva.


11 – Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva.


12 – Bħalissa hemm tliet kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kawżi magħquda C‑148/13 sa C‑150/13, A, B u C, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva u l-kriterji komuni għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tal-orjentazzjoni sesswali ddikjarata tal-applikant.


13 –      Id-drittijiet impreskrittibbli skont l-Artikolu 15(2) KEDB huma d-dritt għall-ħajja (Artikolu 2), il-projbizzjoni tat-tortura u l-iskjavitù u x-xogħol furzat (Artikoli 3 u 4 rispettivament) u dritt li individwu ma jiġix ikkastigat mingħajr proċess ġust fil-qorti (Artikolu 7).


14 – Fiż-żmien li saru l-applikazzjonijiet il-Ministru rilevanti kien il-“Minister voor Immigratie en Asiel”. Minn dak iż-żmien ’l hawn it-titlu tiegħu nbidel għal “Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel”.


15 –      Frank CFA tal-Afrika tal-Punent (BCEAO)


16 – Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (il-“UNHCR”) inkluda lill-individwi lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġender u intersesswali; u uża l-akronimu “LGBTI” sabiex jagħti tifsira wiesgħa lill-espressjoni “orjentament sesswali”. Madankollu, minħabba li l-proċeduri ewlenin jirrigwardaw tliet applikanti għall-istatus ta’ refuġjati li huma omosesswali rġiel, jien żammejt din id-deskrizzjoni f’dawn il-konklużjonijiet.


17 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, li għadha ma ġiex ippubblikati fil-Ġabra, punt 48) u l-ġurisprudenza ċċitata.


18 – Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abdel El Karem El Kott et (C‑364/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 42 u 43) u l-ġurisprudenza ċċitata.


19 – Ara l-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Abdel El Karem El Kott et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, iktar ’il fuq.


20 – Sentenza Dudgeon vs Ir-Renju Unit tat-22 ta’ Ottubru 1981, punti 60 sa 62, Serje A nru. 45 li tirrigwarda d-dritt għal ħajja privata. Ara X et vs L-Awstrija [GC] tad-19 ta’ Frar 2013, Nru 19010/07, punt 95, li tirrigwarda d-dritt għal ħajja tal-familja.


21 –      Id-dritt għan-nondiskriminazzjoni huwa ggarantit minn ċerti strumenti reġjonali bħall-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli. Madankollu, bħall-Konvenzjoni ta’ Genève Ġinevra u l-KEDB, ma hemm l-ebda garanzija espliċita tad-dritt tal-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali. Ara “Making Love a Crime – Criminalisation of Same-Sex Conduct in Sub-Saharan Africa” (Meta l-imħabba issir delitt – il-kriminalizzazzjoni ta’ relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess fl-Afrika Sub-Saħarjana) rapport ippubblikat minn Amnesty International fil-25 ta’ Ġunju, 2013: www.amnesty.org/en/library/into/AFRO1/001/2013/en.


22 – Ara Mamatkulov u Askarov vs It-Turkija [GC], nri. 46827/99 u 46951/99, punt 121, QEDB 2005-I, li tirrigwarda l-KEDB inġenerali. Ara l-paragrafi 5 sa 7 tal-Guidelines on International Protection Nru. 9 tat-23 ta’ Ottubru 2012, li jistgħu jinsabu fis-sit tal-internet www.unhcr.org/509136ca9.html (il-“Linji Gwida tal-UNHCR”), fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


23 – X. vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Nru 5935/72, deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 1975, paragrafu 2 u Johnson vs Ir-Renju Unit, nru. 10389/83, deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 1986.


24 – Nru 25186/94, deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 1997, punti 58 sa 66.


25 – Dil l-evalwazzjoni tar-Rechtbank tissemma fit-talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma indikatx jekk hijiex tal-istess fehma bħar-Rechtbank. Kif nifhimha jien ir-Raad van State irreferiet għall-evalwazzjoni tar-Rechtbank sabiex tispjega r-raġunijiet tagħha għat-talba tagħha biex tiġi ggwidata dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva. Għalhekk, fl-analiżi tiegħi jien ikkunsidrajt l-evalwazzjoni tar-Rechtbank.


26 – Ir-Rechtbank setgħet kienet żgwidata mill-fatt li t-tieni inċiż tal-Artikolu 10(1)(d) jirreferi għal grupp illi għandu identità distinta minħabba li huwa “notat bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru”. Madankollu, li wieħed ikun “notat bħala differenti” hija intrinsikament sitwazzjoni newtrali. Huwa ċar li dan ma huwiex il-każ meta wieħed ikun ippersegwitat jew meta ssir diskriminazzjoni kontrih.


27 – Ara KUMM (2001) 510 finali, b’mod partikolari t-tielet parti.


28 – Il-Linji Gwida tal-UNHCR issa jirreferu għall-Prinċipji ta’ Yogyakarta Dwar l-Applikazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem Internazzjonali fir-rigward tal-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru, adottati fl-2007. Fil-paragrafu 4 tal-preambolu tal-Prinċipji ta’ Yogyakarta, “orjentazzjoni sesswali” tirreferi għall-“kapaċità ta’ persuna li jkollha ġibda emozjonali, sentimentali u sesswali profonda lejn, u relazzjonijiet sesswali intimi ma’, individwi ta’ sess differenti jew tal-istess sess jew ta’ iżjed minn sess wieħed”.


29 – Fil-każijiet ta’ X u ta’ Y dawn il-konklużjonijiet tal-ewwel istanza (magħmula rispettivament mir-Rechtbank u mill-Imħallef għal miżuri provviżorji) jissemmew fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma indikatx jekk hijiex tal-istess fehma bħall-qrati tal-ewwel istanza. Kif nifhimha jien ir-Raad van State irreferiet għal dawn il-kostatazzjonijiet biex tispjega r-raġunijiet tagħha għat-talba tagħha sabiex tiġi ggwidata dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-direttiva; u għalhekk jien ikkunsidrajthom fl-evalwazzjoni tiegħi.


30 – Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.


31 – Jidhirli li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jadottaw pożizzjoni simili fil-Linji Gwida: ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


32 – Barra s-sentenza Dudgeon, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq, is-sentenzi msemmija huma Norris vs L-Irlanda tas-26 ta’ Ottubru 1988, Serje A Nru142 u Modinos vs Ċipru tat-22 ta’ April 1993, Serje A Nru 259. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fis-sentenza Modinos ġiet imħassra relattivament riċenti (fl-1997). Ara wkoll il-ġurisprudenza tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tirrigwarda d-diskriminazzjoni u l-età tal-kunsens għal atti omosesswali u eterosesswali, imsemmija fil-punt 24 u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 23 u 24 iktar ’il fuq.


33 – F. vs Ir-Renju Unit tat-22 ta’ Ġunju 2004, rikors Nru 17341/03, paragrafu 3 u I.I.N. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi tad-9 ta’ Diċembru 2004, rikors Nru ru. 2035/04. Esportazzjoni bħal din fil-fatt tista’ tiġi meqjusa bħala forma ta’ imperjaliżmu tad-drittijiet tal-bniedem jew kulturali.


34 – Korsiv miżjud minni għall-enfasi.


35 – Għalhekk, pereżempju, jekk l-espressjoni tal-intimità sesswali fil-pubbliku bejn l-adulti eterosesswali hija skoraġġita u ppenalizzata mid-dritt kriminali, is-sempliċi applikazzjoni tal-istess regoli għall-adulti omosesswali ma tkunx tammonta għal atti ta’ persekuzzjoni. Madankollu, il-pożizzjoni tkun waħda differenti li kieku l-liġi qatt ma tiġi infurzata kontra l-eterosesswali iżda applikata b’mod attiv kontra l-omosesswali. Ara l-punt 73 iktar ’l isfel.


36 – Ara s-sentenza Y u Z iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ʼil fuq, punti 53 u 54.


37 – Ara l-Artikoli 9(3) u 10(2).


38 – Jien bdilt l-arranġament ta’ dawn id-domandi sekondarji sabiex inwarrab għalihom id-diversi kwistjonijiet imqajma mill-qorti nazzjonali.


39 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (C‑244/80, Ġabra p. 3045, punti 18 sa 20).


40 – Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


41 – Ara pereżempju, is-sentenza F. vs Ir-Renju Unit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, iktar ’il fuq.


42 – Iċ-ċelibat, bħala n-nuqqas ta’ espressjoni (fiżikament) tal-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna, jista’ volontarjament jiġi mħaddan għal diversi raġunijiet; iżda meta dan jiġi impost tkun qed tiġi miċħuda l-eżistenza proprja tal-personalità sesswali.


43 – Ara l-punti 38 sa 52 u 62 sa 68 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fis-sentenza Y u Z, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ’il fuq.