Language of document : ECLI:EU:T:2010:367

Kawża T-319/05

Il-Konfederazzjoni Svizzera

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Relazzjonijiet esterni — Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru — Miżuri Ġermaniżi dwar l-approċċi lejn l-ajruport ta’ Zürich — Regolament (KEE) Nru 2408/92 — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trasport — Trasport bl-ajru — Aċċess għat-trasportaturi Komunitarji għar-rotot intra-Komunitarji — Miżuri meħuda minn Stat Membru sabiex jillimita jew jirrifjuta l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 2408/92, Artikoli 8(2) u (3), u 9(1) sa (4))

2.      Trasport — Trasport bl-ajru — Aċċess għat-trasportaturi tal-Komunità għar-rotot intra-Komunitarji — Regoli operazzjonali li jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku

(Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 2; Regolament tal-Kunsill Nru 2408/92, Artikolu 8(2) u (3))

3.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Trattament ugwali — Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza — Projbizzjoni — Applikazzjoni fil-kuntest tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru

(Artikolu 12 KE; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikoli 1(2) u 3; Regolament tal-Kunsill Nru 2408/92)

1.      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2408/92, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji, jikkostitwixxi, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-istess regolament, lex specialis, fis-sens li l-Artikolu 9 jkopri biss parti mill-miżuri koperti mill-Artikolu 8 u jissuġġetta l-applikazzjoni tal-miżuri kkonċernati għal kundizzjonijiet addizzjonali, mhux previsti fl-Artikolu 8. Il-miżuri koperti mill-Artikolu 9 jikkostitwixxu, essenzjalment, projbizzjoni, li hija mill-inqas kundizzjonali jew parzjali, tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku.

Fil-fatt, il-miżuri koperti mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92 ma jistgħux jiġu applikati minn Stat Membru ħlief jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu huma sodisfatti u jekk, barra minn hekk, l-Istat Membru inkwistjoni jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu, previst paragrafu 3 tal-istess artikolu, li jinforma, mill-inqas tliet xhur qabel l-implementazzjoni tagħhom, l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu implementati l-imsemmija miżuri. Huwa biss fil-każ li tali informazzjoni tiġi trażmessa mill-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jimplementa l-miżuri inkwistjoni lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li l-Artikolu 9(4) isir applikabbli. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jiġu implementati mill-Istat Membru kkonċernat, anki jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tagħhom, previsti fl-Artikolu 9(1) u (2) huma sodisfatti.

Jekk madankollu l-Istat Membru kkonċernat jimplementa tali miżuri, il-Kummissjoni għandha d-dritt teżaminahom mhux taħt l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 2408/92, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu ma humiex sodisfatti, iżda taħt l-Artikolu 8(3) tal-istess regolament. Fil-każ li jiġu implementati, minn Stat Membru, miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(1), mingħajr ma tiġi osservata l-proċedura prevista fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, l-eżami tal-imsemmija miżuri skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92 jista’ jwassal biss għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat ma jistax ikompli jimplementahom.

Konsegwentement jekk Stat jeżiġi l-osservanza tar-regoli operazzjonali nazzjonali, reġjonali jew lokali tiegħu, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ħarsien tal-ambjent, sabiex jawtorizza l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku fis-sens tar-Regolament Nru 2408/92, dan ma huwiex ekwivalenti għall-impożizzjoni ta’ kundizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. Jekk dan kien il-każ, l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament ma jkollu ebda sinjifikat. Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) huma iktar dawk li jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku dipendenti fuq ċirkustanzi oħra minbarra s-sempliċi osservanza tar-regoli nazzjonali, reġjonali jew lokali.

(ara l-punti 75-81, 89)

2.      Il-leġiżlatur pprovda, minn naħa, fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2408/92 dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji, li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku huwa suġġett għar-regoli operazzjonali Komunitarji, nazzjonali, reġjonali jew lokali li jirrigwardaw is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slotts u, min-naħa l-oħra, awtorizza lill-Kummissjoni li teżamina, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-paragrafu 2 tiegħu u li tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat jistax ikompli jimplementa l-miżuri li huma s-suġġett tal-eżami. L-eżami ta’ miżura, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92, jittratta l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku fuq ir-rotot intra-Komunitarji. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet eventwali ta’ operaturi ta’ ajruporti jew ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi tiegħu ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’tali eżami.

Skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, approvat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 2002/309, id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, tal-Anness tal-Ftehim japplikaw sakemm jolqtu t-trasport bl-ajru jew materji li huma direttament relatati mat-trasport bl-ajru. L-unika estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2408/92 fil-kuntest tal-Ftehim hija dik li tirriżulta mill-assimilazzjoni, skont l-Anness tal-Ftehim, tal-Konfederazzjoni Svizzera u tat-trasportaturi bl-ajru li hemmhekk għandhom il-post prinċipali tal-attivitajiet tagħhom mal-Istati Membri tal-Komunità u t-trasportaturi bl-ajru Komunitarji rispettivament. Bla ħsara għal din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 2408/92 ma japplikax, fil-kuntest tal-Ftehim, għal sitwazzjonijiet li, f’kuntest Komunitarju, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-drittijiet tal-operaturi ta’ ajruporti jew ta’ dawk li jgħixu fil-viċinanzi tagħhom jikkostitwixxu materji li huma direttament relatati mat-trasport bl-ajru, la l-Artikolu 2 u lanqas dispożizzjoni oħra tal-Ftehim ma jawtorizzaw lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-drittijiet, fl-applikazzjoni, fil-kuntest tal-Ftehim, tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92.

(ara l-punti 121, 122, 125, 127-129)

3.      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, dwar il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-qasam tad-dritt Komunitarju, li r-regoli ta’ trattament ugwali bejn ċittadini u dawk li ma humiex ċittadini jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari abbażi taċ-ċittadinanza, jew fuq fejn jinsab l-uffiċċju reġistrat f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat.

Skont l-Artikolu 1(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, din il-ġurisprudenza hija rilevanti wkoll għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2408/92, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji, fil-kuntest tal-Ftehim, billi l-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar huwa, essenzjalment, identiku għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE.

B’dan il-mod, il-konstatazzjoni li miżura meħuda minn Stat Membru, fil-kuntest tal-imsemmi Regolament Nru 2408/92, bil-għan li tnaqqas il-ħsara kkawżata mill-ħoss b’mod partikolari f’żona turistika tat-territorju tiegħu, taffettwa biss ajruport wieħed tal-Istat Svizzeru li jinsab fil-viċinanzi u twassal għall-istess riżultat bħal diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li tali miżura hija inkompatibbli mal-Artikolu 12 KE jew, f’dan il-każ, mal-Artikolu 3 tal-Ftehim. Għad irid jiġi stabbilit jekk l-imsemmija miżura hijiex ġustifikata minn ċirkustanzi oġġettivi u jekk hijiex proporzjonali għall-għan li għalih hija intiża. Huwa biss jekk dan ma huwiex il-każ li l-miżura inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala pprojbita mill-Artikolu 12 KE jew, f’dan il-każ, mill-Artikolu 3 tal-Ftehim.

(ara l-punti 140, 141, 145, 150)