Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Mejju 2012 - PAN Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-192/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: J. Rutteman, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta' Marzu 2012, li ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interna, tikser ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 2 u l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ("il-Konvenzjoni ta' Aarhus");

tannulla id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2012;

tordna, madankollu, lill-Kummissjoni sabiex tevalwa s-sustanza tat-talba għal reviżjoni interna, f'terminu li għandu jiġi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta żbaljat meta ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, peress li r-rikorrenti kienet diġà ilha teżisti għal iktar minn sentejn meta ppreżentat it-talba tagħha għal reviżjoni interna.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta żbaljat meta ddikjarat li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1143/2011  ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, kif definit fl-Artikolu 2(1)(g) ta' dak ir-regolament, peress li d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-prokloraż hija suffiċjentement individwali fl-effetti u fil-kontenut tagħha sabiex tiġi kkunsidrata bħala att amministrattiv kif imfisser fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1143/2011, tal-10 ta' Novembru 2011, li japprova s-sustanza attiva prokloraż, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/934/KE (ĠU L 293, p. 26)