Language of document : ECLI:EU:C:2022:217

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Marzu 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2 – Riproduzzjoni – Artikolu 5(2)(b) – Eċċezzjoni ta’ kkoppjar għal użu privat – Kunċett ta’ ‘kull mezz’ – Servers li jappartjenu lil terzi li jiġu magħmula disponibbli għal individwi għal użu privat – Kumpens ġust – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissuġġettax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ cloud computing għall-ħlas għall-ikkoppjar għal użu privat”

Fil-Kawża C‑433/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH

vs

Strato AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele (Relatriċi), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH, minn M. Walter, Rechtsanwalt,

–        għal Strato AG, minn A. Anderl u B. Heinzl, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, G. Kunnert u M. Reiter, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff, V. Jørgensen u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, A. Daniel u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf, G. von Rintelen u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-mukalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Austro-Mechana”), soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, u Strato AG, fornitur ta’ servizz ta’ ħażna fil-cloud, dwar ir-remunerazzjoni dovuta minn dan tal-aħħar bħala d-dritt ta’ awtur għall-provvista ta’ dan is-servizz.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 5, 21, 31, 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29 jistipulaw:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew, meta ltaqa’ f’Korfu fl‑24 u l‑25 ta’ Ġunju 1994, enfasizza l-ħtieġa li jifforma qafas legali ġenerali u flessibbli f’livell tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ suq intern għal prodotti u servizzi ġodda. Leġislazzjoni importanti mill-Komunità [intiża li tistabbilixxi tali qafas regolatorju] diġà teżisti, jew l-adozzjoni tagħha miexja l quddiem sewwa. Id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest għax dawn jipproteġu u jistimulaw l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u l-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom.

[…]

(5)      L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

[…]

(21)      Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern.

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.

[…]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

[…]

(38)      L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. Għalkemm differenzi bejn dawk l-iskemi ta’ rimunerazzjoni jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern, dawk id-differenzi, b’rigward ta’ riproduzzjoni privata analoga, m’għandhomx ikollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Ikkupjar privat diġitali huwa aktar faċli li jkun mifrux u jkollu impatt ekonomiku akbar. Għandha għalhekk tittieħed kunsiderazzjoni xierqa dwar id-differenzi bejn ikkupjar diġitali u dak analogu privat u għandha ssir distinzjoni f’ċerti aspetti bejniethom.”

4        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħlijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

5        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jippreċiża:

“1.      Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

(a)      trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

(b)      użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

(a)      rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat.

[…]”

 Id-dritt Awstrijak

7        L-Artikolu 42b tal-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt tal-Awtur) tad‑9 ta’ April 1936 (BGBl. 111/1936), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Jekk, minħabba n-natura ta’ xogħol imxandar, impoġġi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew rrekordjat fuq mezz ta’ ħażna prodott għal finijiet kummerċjali, huwa mistenni li jiġi […] riprodott, billi jiġi rrekordjat fuq mezz ta’ ħażna, għal użu personali jew privat, allura, l-awtur għandu jkollu dritt għal remunerazzjoni xierqa (remunerazzjoni għall-mezzi ta’ ħażna) fil-każ fejn mezzi ta’ ħażna ta’ kwalunkwe tip, li jistgħu jiġu rrekordjati b’dan il-mod, jitqiegħdu fis-suq fit-territorju nazzjonali għal finijiet kummerċjali.

[…]

(3)      Il-persuni li ġejjin għandhom iħallsu r-remunerazzjoni:

1.      fir-rigward tar-remunerazzjoni għal mezzi ta’ ħażna u ta’ apparat, il-persuna li, minn post li jinsab fit-territorju nazzjonali jew barra l-pajjiż, tqiegħed għall-ewwel darba fiċ-ċirkulazzjoni, għal skopijiet kummerċjali, mezzi ta’ reġistrazzjoni jew apparat ta’ riproduzzjoni […]; hija madankollu eżentata minn kull responsabbiltà l-persuna li, matul simestru, tikseb mezzi ta’ ħażna b’tul ta’ ħażna li ma jeċċedix 10 000 siegħa jew li hija impriża żgħira […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Austro-Mechana hija soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li, f’isimha proprju iżda f’kapaċità fiduċjarja fl-interess u għan-nom tal-benefiċjarji, teżerċita b’mod partikolari d-drittijiet legali għar-remunerazzjoni dovuta skont l-Artikolu 42b(1) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

9        Austro-Mechana adixxiet lill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’talba għal digriet li jippermettilha tiffattura kif ukoll titħallas remunerazzjoni għal “mezzi ta’ ħażna ta’ kull tip”, għar-raġuni li Strato tipprovdi servizz lill-klijenti professjonali u privati tagħha, magħruf bl-isem ta’ “HiDrive”, li permezz tiegħu hija tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom l-ispazju għall-ħażna fil-kuntest tal-cloud computing.

10      Strato kkontestat it-talbiet imressqa, għar-raġuni li ebda remunerazzjoni ma kienet dovuta għas-servizzi ta’ cloud computing. Din il-kumpannija affermat li diġà ħallset fil-Ġermanja, Stat Membru li fih huma miżmuma s-servers tagħha, it-tariffa imposta bħala drittijiet tal-awtur, peress li din it-tariffa ġiet integrata fil-prezz ta’ dawn is-servers mill-manifattur jew l-importatur tagħhom. Hija żiedet li l-utenti li jinsabu fl-Awstrija kienu wkoll diġà ħallsu tariffa għat-twettiq ta’ kopji privati (iktar’ il quddiem il-“ħlas għall-ikkoppjar għal użu privat”) fuq l-apparat terminali neċessarju sabiex itellgħu kontenut fil-cloud.

11      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Frar 2020, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) ċaħdet it-talbiet ta’ Austro-Mechana, peress li din il-qorti qieset li Strato ma kinitx tittrasferixxi mezzi ta’ ħażna lill-klijenti tagħha, iżda kienet tipprovdilhom servizz ta’ ħażna online.

12      Austro-Mechana appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li tosserva, billi tagħmel riferiment għas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913), li l-kwistjoni dwar jekk il-ħażna ta’ kontenut fil-kuntest tal-cloud computing taqax taħt l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma hijiex nieqsa minn inċertezza.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘[fuq] kull mezz’ skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva [2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll servers li jappartjenu lil terzi persuni, li jipprovdu spazju għall-ħażna lil individwi (klijenti) għal użu privat (u mhux għal skopijiet kummerċjali diretti jew indiretti), li l-klijenti jużaw biex joħolqu kopji permezz tal-ħażna (‘cloud computing’)?

2)      Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv: id-dispożizzjoni ċċitata fl-ewwel domanda għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-awtur għandu dritt għal kumpens xieraq (kumpens għall-mezz tal-ħażna),

–        jekk xogħol (imxandar, magħmul disponibbli għall-pubbliku jew maħżun fuq mezz ta’ ħażna prodott għal skopijiet kummerċjali) huwa min-natura tiegħu mistenni li jiġi riprodott għal użu personali jew privat billi jinħażen fuq ‘mezz ta’ ħażna ta’ kull tip li huwa xieraq għal tali riproduzzjoni u li huwa kummerċjalment disponibbli fit-territorju nazzjonali’,

–        u jekk jintuża l-metodu ta’ ħażna deskritt fl-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

14      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “riproduzzjonijiet ta’ [fuq] kull mezz”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, tkoprix it-twettiq, għal finijiet privati, ta’ kopji ta’ salvagwardja ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq server li fih żona ta’ ħażna titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz tal-cloud computing.

15      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “rigward riproduzzjonijiet ta’ [fuq] kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust”.

16      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk it-twettiq ta’ kopji ta’ salvagwardja fi spazju għall-ħażna fil-cloud jikkostitwixxix “riproduzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “riproduzzjoni” għandu jinftiehem fis-sens wiesa’, fid-dawl kemm tar-rekwiżit espress fil-premessa 21 ta’ din id-direttiva li l-atti koperti mid-dritt ta’ riproduzzjoni jibbenefikaw minn definizzjoni wiesgħa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fi ħdan is-suq intern, kif ukoll tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li tuża espressjonijiet bħal “diretta jew indiretta”, “temporanja jew permanenti”, “b’kull mezz” u “f’kull forma”. Barra minn hekk, il-portata ta’ tali protezzjoni tal-atti koperti mid-dritt ta’ riproduzzjoni tirriżulta wkoll mill-għan prinċipali tal-istess direttiva, li huwa li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni favur, b’mod partikolari, l-awturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 40 sa 43).

17      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li xogħol jittella’ (upload) minn terminal konness ma’ utent fi spazju għall-ħażna fil-cloud mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ dan l-utent fil-kuntest ta’ servizz tal-cloud computing jimplika t-twettiq ta’ riproduzzjoni ta’ dan ix-xogħol, peress li dan is-servizz jikkonsisti b’mod partikolari fil-ħażna fil-cloud ta’ kopja tiegħu. Barra minn hekk, riproduzzjonijiet oħra ta’ dan ix-xogħol jistgħu wkoll jitwettqu, b’mod partikolari meta l-utent jaċċedi, permezz ta’ terminal konness, għall-cloud sabiex iniżżel (download), fuq dan it-terminal, xogħol imtella’ minn qabel fil-cloud.

18      Minn dan isegwi li t-twettiq ta’ kopja ta’ salvagwardja ta’ xogħol fi spazju għall-ħażna mqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent fil-kuntest ta’ servizz tal-cloud computing jikkostitwixxi riproduzzjoni ta’ dan ix-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

19      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “kull mezz”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikoprix server li fih spazju għall-ħażna jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz tal-cloud computing għat-twettiq ta’ kopji ta’ salvagwardja ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit f’din id-direttiva u ma jinkludix riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddefinita l-portata tiegħu.

20      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, sa fejn dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kunċett partikolari, dan tal-aħħar għandu jsib, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tkun imfittxija billi jitqiesu mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, skont is-sens wiesa’ tagħhom, il-kliem “kull mezz” jirreferi għall-mezzi kollha li fuqhom xogħol protett jista’ jiġi riprodott, inklużi servers bħal dawk użati fil-kuntest tal-cloud computing.

22      Fil-fatt, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma tippreċiża bl-ebda mod il-karatteristiċi tal-mezzi li minnhom jew li bl-għajnuna tagħhom isiru l-kopji għal użu privat, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li dawn ma humiex rilevanti fid-dawl tal-għan li huwa fittex li jilħaq mix-xogħol tiegħu ta’ armonizzazzjoni parzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 86 u 88).

23      Għalhekk, ma hijiex determinanti, f’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-ispazju għall-ħażna jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent fuq server li jappartjeni lil terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 89). Minn dan isegwi li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jista’ japplika wkoll għal riproduzzjonijiet magħmula minn persuna fiżika bl-għajnuna ta’ mezz li jappartjeni lil terz.

24      It-tieni, din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kull mezz” hija kkorroborata mill-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-paragun tal-formulazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li bl-ebda mod ma tippreċiża l-karatteristiċi tal-mezzi li minnhom jew li bl-għajnuna tagħhom isiru l-kopji għal użu privat, ma’ dik tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(a) tal-imsemmija direttiva. Filwaqt li din tal-aħħar tapplika għar-“riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili”, l-eċċezzjoni għall-ikkoppjar għal użu privat hija applikabbli għar-“riproduzzjonijiet ta’ [fuq] kull mezz” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et, C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 65, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 85 u 86).

25      It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, mill-premessi 2 u 5 tad-Direttiva 2001/29 isegwi li din hija intiża sabiex toħloq qafas ġenerali u flessibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex tiffavorixxi l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u tadatta u tikkompleta r-regoli attwali fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni teknoloġika, li ħolqot forom ġodda ta’ sfruttament ta’ xogħlijiet protetti (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, fir-rigward tal-eċċezzjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, li l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni għandha tirrendi possibbli u tiżgura l-iżvilupp u l-funzjonament ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll iżżomm bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi ta’ detenturi ta’ drittijiet u ta’ utenti ta’ xogħlijiet protetti li jixtiequ jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Public Relations Consultants Association, C‑360/13, EU:C:2014:1195, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Tali interpretazzjoni, li tikkonforma mal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, skont liema l-liġi għandha tistipula d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni b’mod ġeneriku, sabiex ma tipprivileġġjax l-użu ta’ teknoloġija b’detriment ta’ oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Eutelsat, C‑515/19, EU:C:2021:273, punt 48), għandha tiġi aċċettata wkoll fid-dawl tal-eċċezzjoni fakultattiva msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu.

28      Fil-fatt, it-twettiq tal-għan, imfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni tinqabeż jew tiġi obsolita minħabba l-evoluzzjoni teknoloġika u l-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ sfruttament ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur, li jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2001/29, ikun kompromess jekk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li, skont il-premessa 31 ta’ din id-direttiva, ġew adottati fid-dawl tal-ambjent elettroniku ġdid, jiġu interpretati b’tali mod li jkollhom bħala effett li jiġi eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni simili ta’ dawn l-iżviluppi teknoloġiċi u l-ħolqien b’mod partikolari ta’ mezzi diġitali u servizzi tal-cloud computing.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok, minn perspettiva funzjonali, li ssir distinzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, skont liema r-riproduzzjoni ta’ xogħol protett issir fuq server li fih spazju għall-ħażna jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz ta’ cloud computing jew li tali riproduzzjoni ssir fuq mezz ta’ ħażna fiżika li jappartjeni lil dan l-utent.

30      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “kull mezz”, imsemmi fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, ikopri server li fih spazju għall-ħażna jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz ta’ cloud computing.

31      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni Ewropea li t-twettiq ta’ kopja ta’ salvagwardja fil-cloud ma huwiex iżolat minn eventwali atti ta’ komunikazzjoni, b’tali mod li tali att, abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C-265/16, EU:C:2017:913), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C-263/18, EU:C:2019:1111), għandu jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, il-kawża prinċipali hija distinta minn dawk li taw lok għas-sentenzi li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom. Minn naħa, il-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST (C‑265/16, EU:C:2017:913), kienet tikkonċerna servizz b’funzjonalità doppja, jiġifieri mhux biss riproduzzjoni fil-cloud, iżda wkoll, simultanjament jew kważi simultanjament, komunikazzjoni lill-pubbliku. Min-naħa l-oħra, il-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111), kienet tikkonċerna l-provvista minn klabb ta’ servizz online li jikkonsisti f’suq virtwali ta’ kotba elettroniċi “użati”, li fil-kuntest tiegħu xogħlijiet protetti tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna li rreġistrat ruħha fis-sit internet ta’ dan il-klabb, b’dawn il-persuni jkun jista’ jkollhom aċċess għalih mill-post u fil-mument li huma jagħżlu individwalment, liema servizz ikollu jitqies bħala komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

32      Fi kwalunkwe każ, kull komunikazzjoni li tirriżulta mill-qsim ta’ xogħol mill-utent ta’ servizz ta’ ħażna fil-cloud tikkostitwixxi att ta’ sfruttament distint mill-att ta’ riproduzzjoni msemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “riproduzzjonijiet ta’ [fuq] kull mezz”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, tkopri t-twettiq, għal finijiet privati, ta’ kopji ta’ salvagwardja ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq server li fih spazju għall-ħażna jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz tal-cloud computing.

 Fuq it-tieni domanda

34      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm mill-formulazzjoni tat-tieni domanda jsegwi li din tirrigwarda formalment il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 “japplikax” għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li leġiżlazzjoni li timplimenta l-eċċezzjoni għall-ikkoppjar għal użu privat imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ma tissuġġettax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-cloud computing għall-ħlas ta’ kumpens ġust.

35      Għalhekk, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-eċċezzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, li ma tissuġġettax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-cloud computing għall-ħlas ta’ kumpens ġust, abbażi tat-twettiq mingħajr awtorizzazzjoni ta’ kopji ta’ salvagwardja ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur minn persuni fiżiċi, utenti ta’ dawn is-servizzi, għal użu privat jew għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.

36      Fil-punt 15 ta’ din is-sentenza tfakkar li, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fil-każ ta’ riproduzzjonijiet fuq kull mezz magħmula minn persuni fiżiċi għal użu privat u għal skopijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali, bil-kundizzjoni li d-detenturi ta’ dan id-dritt esklużiv jirċievu kumpens ġust li jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

37      Bħalma jsegwi mill-premessi 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi sistema partikolari ta’ kumpens li l-implimentazzjoni tagħha tiskatta bl-eżistenza ta’ dannu kkawżat lid-detenturi ta’ drittijiet, li jagħti lok, bħala prinċipju, għall-obbligu li dawn tal-aħħar jiġu kkumpensati (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Minn dan isegwi li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw l-eċċezzjoni għall-ikkoppjar għal użu privat prevista mill-imsemmija dispożizzjoni fid-dritt intern tagħhom, huma obbligati, b’mod partikolari, li jipprevedu l-ħlas ta’ kumpens ġust, għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, EGEDA et, C‑470/14, EU:C:2016:418, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru li jkun introduċa tali eċċezzjoni fid-dritt nazzjonali tiegħu għandu, f’dan ir-rigward, obbligu ta’ riżultat, fis-sens li dan l-Istat huwa obbligat jiżgura, konformement mal-ġurisdizzjoni territorjali tiegħu, il-ġbir effettiv tal-kumpens ġust bħala kumpens għad-danni subiti mid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni minħabba r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mwettqa minn utenti finali li jirrisjedu fit-territorju tal-imsemmi Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      It-twettiq ta’ kopja minn persuna fiżika li taġixxi f’kapaċità privata, mingħajr ma titlob l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol protett, għandu, fil-fatt, jitqies bħala att ta’ natura li jikkawża dannu għall-imsemmi detentur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 26, u tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għalhekk, sa fejn, minn naħa, bħalma jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-espressjoni “riproduzzjonijiet ta’ [fuq] kull mezz”, imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, tkopri t-twettiq, għal finijiet privati, ta’ kopji ta’ salvagwardja ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq server li fih spazju għall-ħażna jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz ta’ cloud computing u, min-naħa l-oħra, ir-riproduzzjonijiet inkwistjoni jitwettqu minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika, għandu jitqies li l-Istati Membri li jimplimentaw l-eċċezzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni huma obbligati jipprevedu sistema ta’ kumpens ġust intiża sabiex tikkumpensa lid-detenturi ta’ drittijiet, konformement mal-imsemmija dispożizzjoni.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jispeċifikawx id-diversi elementi tas-sistema ta’ kumpens ġust, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxuhom. Huma b’mod partikolari l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-persuni li għandhom iħallsu dan il-kumpens, kif ukoll jiffissaw il-forma, il-modalitajiet u l-livell tal-imsemmi kumpens (sentenzi tal‑21 ta’ April 2016, Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 18, u tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Kif tfakkar il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, huma l-Istati Membri li għandhom, matul din id-determinazzjoni, jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 22).

43      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ġust, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li fil-prinċipju hija l-persuna li tagħmel l-ikkoppjar għal użu privat li għandha tikkumpensa d-dannu marbut ma’ din ir-riproduzzjoni, billi tiffinanzja l-kumpens li għandu jingħata lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur (sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 45; tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 22, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 30). Għalhekk, fir-rigward tal-offerta ta’ servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-cloud computing, huwa, bħala prinċipju, l-utent ta’ dawn is-servizzi li għandu jiffinanzja l-kumpens imħallas lil dan id-detentur.

44      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid‑dawl tad‑diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l‑utenti privati kif ukoll sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid‑detenturi tad‑drittijiet għad-dannu li joħolqulhom u fid‑dawl tal‑fatt li d-dannu li jista’ jirriżulta minn kull użu privat, meqjus individwalment, jista’ jkun minimu u, għaldaqstant, ma jagħtix lok għal obbligu ta’ ħlas, huwa possibbli għall‑Istati Membri li jistabbilixxu, għall‑finijiet tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, ħlas għall-ikkoppjar għal użu privat impost mhux fuq il-persuni privati kkonċernati, iżda fuq dawk li jkollhom tagħmir, apparat u mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, għalhekk, fid‑dritt jew fil‑fatt, ipoġġu dan it‑tagħmir għad‑dispożizzjoni ta’ persuni privati jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni. Fil-kuntest ta’ tali sistema, huma l-persuni li għandhom l-imsemmi tagħmir li għandhom jagħmlu l-ħlas għall-ikkoppjar għal użu privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 46; tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 23, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 31).

45      F’dan r-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress li l-imsemmija sistema tippermetti lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jgħaddu l-ammont tal-ħlas għall-ikkoppjar għal użu privat fuq il-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan l-istess tagħmir, apparati u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fuq il-prezz tas-servizz ta’ riproduzzjoni mogħti, ir-responsabbiltà għall-ħlas hija finalment sostnuta mill-utent privat li jħallas dan il-prezz, u dan konformement mal-“bilanċ ġust”, imsemmi fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, li għandu jintlaħaq bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti ta’ oġġetti protetti (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 33).

46      Minn dan isegwi li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kumpens ġust li fiha l-produttur jew l-importatur tas-servers, li permezz tagħhom is-servizzi ta’ cloud computing jiġu offruti lil persuni privati, huwa marbut jagħmel il-ħlas għall-ikkoppjar għal użu privat, peress li dan il-ħlas huwa mgħoddi ekonomikament fuq ix-xerrej ta’ tali servers, flimkien mal-iffissar ta’ ħlas għall-ikkoppjar għal użu privat fuq il-mezzi inklużi fil-mezzi konnessi li jippermettu li jsiru kopji ta’ oġġetti protetti f’żona ta’ ħażna fil-kuntest tal-cloud computing, bħall-mobiles, il-kompjuters u t-tablets, jaqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni rrikonoxxut lil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jistabbilixxi d-diversi elementi tas-sistema ta’ kumpens xieraq, kif imfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

47      Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tas-sistema nazzjonali u tal-limiti imposti mid-Direttiva 2001/29, li l-implimentazzjoni ta’ tali sistema hija ġġustifikata minn diffikultajiet prattiċi marbuta mal-identifikazzjoni tal-utenti finali jew ma’ diffikultajiet oħra simili u li l-persuni responsabbli għall-ħlas ikollhom dritt għar-rimbors ta’ dan il-ħlas meta dan ma jkunx dovut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-informatika fil-cloud, għandu jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, bħalma rrileva essenzjalment il-Gvern Daniż, li tali diffikultajiet jistgħu jirriżultaw min-natura dematerjalizzata ta’ tali servizzi, li jistgħu jiġu proposti minn Stati Membri differenti minn dak ikkonċernat jew minn Stati terzi, li jinkludu b’mod ġenerali l-possibbiltà, għall-utent, li jbiddel fuq rieda tiegħu, b’mod evoluttiv u dinamiku, id-daqs tal-ispazju għall-ħażna li jista’ jintuża għat-twettiq ta’ kopji privati.

49      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-forma, il-modalitajiet u l-livell tal-kumpens ġust, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kumpens kif ukoll, għaldaqstant, is-sistema li fuqha huwa bbażat u l-livell tiegħu għandhom ikunu marbuta mad-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet minħabba t-twettiq ta’ kopji privati (sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 21, u tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fil-fatt, kull kumpens ġust li ma jkunx marbut mad-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet minħabba tali twettiq ma jkunx kompatibbli mar-rekwiżit, stabbilit fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, li jipprovdi li għandu jinżamm bilanċ ġust bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti ta’ oġġetti protetti (sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punt 86, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 54).

51      F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, il-kopja ta’ xogħlijiet protetti fi spazju għall-ħażna fil-kuntest tal-cloud computing teħtieġ it-twettiq ta’ diversi atti ta’ riproduzzjoni, li jistgħu jsiru minn numru kbir ta’ terminals konnessi.

52      Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn it-tqegħid online u t-tniżżil ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur waqt l-użu ta’ servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-cloud computing jistgħu jitqiesu bħala proċess uniku għall-finijiet ta’ kopji privati, l-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom, imfakkra fil-punti 41 u 46 ta’ din is-sentenza, jistabbilixxu sistema li fiha jitħallas kumpens ġust biss għall-apparat u l-mezzi li jikkostitwixxu element neċessarju ta’ dan il-proċess, sakemm tali kumpens ikun jista’ raġjonevolment jitqies li jikkorrispondi mad-dannu potenzjali subit mid-detentur tad-dritt tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, VG Wort et, C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 78).

53      F’dan il-kuntest, għalkemm huwa possibbli għall-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-ħlas għall-ikkoppjar għal użu privat, iċ-ċirkustanza li ċertu apparat u mezzi jistgħu jintużaw sabiex isiru kopji privati fil-kuntest tal-cloud computing, huma għandhom jiżguraw ruħhom li l-ħlas hekk magħmul, sa fejn jolqot diversi apparati u mezzi fil-kuntest tal-imsemmi proċess uniku, ma jeċċedix id-dannu potenzjali mġarrab mid-detenturi tad-drittijiet minħabba l-att inkwistjoni, kif tfakkar il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29.

54      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-eċċezzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, li ma tissuġġettax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-cloud computing għall-ħlas ta’ kumpens ġust, għat-twettiq mingħajr awtorizzazzjoni ta’ kopji ta’ salvagwardja ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur minn persuni fiżiċi, utenti ta’ dawn is-servizzi, għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens ġust għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “riproduzzjonijiet ta’ [fuq] kull mezz”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, tkopri t-twettiq, għal finijiet privati, ta’ kopji ta’ salvagwardja ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq server li fih spazju għall-ħażna jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utent mill-fornitur ta’ servizz tal-cloud computing.

2)      L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-eċċezzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, li ma tissuġġettax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna fil-kuntest tal-cloud computing għall-ħlas ta’ kumpens ġust, għat-twettiq mingħajr awtorizzazzjoni ta’ kopji ta’ salvagwardja ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur minn persuni fiżiċi, utenti ta’ dawn is-servizzi, għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens ġust għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ drittijiet.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.