Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 17 de Madrid (Spanja) fis-27 ta’ Mejju 2021 – European Superleague Company, S.L. vs Unión de Federaciones Europeas de Fútbol (UEFA) u Fédération internationale de football association (FIFA)

(Kawża C-333/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil nº 17 de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: European Superleague Company, S.L.

Konvenuti: Unión de Federaciones Europeas de Fútbol (UEFA) u Fédération internationale de football association (FIFA)

Domandi preliminari

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi artikolu jipprojbixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li jikkonsisti f’li l-FIFA u l-UEFA jistabbilixxu fl-istatuti tagħhom (b’mod partikolari, l-Artikoli 22 u 71 sa 73 tal-Istatuti tal-FIFA, l-Artikoli 49 u 51 tal-Istatuti tal-UEFA, kif ukoll kwalunkwe artikolu simili inkluż fl-istatuti tal-assoċjazzjonijiet membri u l-ligs nazzjonali) li hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel minn dawn l-entitajiet, li taw lilhom infushom il-kompetenza esklużiva sabiex jorganizzaw jew jawtorizzaw kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ klabbs fl-Ewropa, sabiex entità terza tistabbilixxi kompetizzjoni ġdida ta’ klabbs pan-Ewropea bħas-Superliga, b’mod partikolari fejn ma teżisti ebda proċedura rregolata, ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, u fid-dawl ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali li jaffettwa lill-FIFA u lill-UEFA?

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi artikolu jipprojbixxi lill-FIFA u lill-UEFA milli jirrikjedu fl-istatuti tagħhom (b’mod partikolari l-Artikoli 22 u 71 sa 73 tal-Istatuti tal-FIFA, l-Artikoli 49 u 51 tal-Istatuti tal-UEFA, kif ukoll kwalunkwe artikolu simili inkluż fl-istatuti tal-assoċjazzjonijiet membri u l-ligs nazzjonali) awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dawn l-entitajiet, li taw lilhom infushom il-kompetenza esklużiva sabiex jorganizzaw jew jawtorizzaw kompetizzjonijiet internazzjonali fl-Ewropa, sabiex entità terza tkun tista’ toħloq kompetizzjoni ta’ klabbs pan-Ewropea bħas-Superliga, b’mod partikolari fejn ma teżisti ebda proċedura rregolata, ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, u fid-dawl ta’ kunflitt ta’ interessi potenzjali li jaffettwa lill-FIFA u lill-UEFA?

L-Artikoli 101 u/jew 102 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-imsemmija artikoli jipprojbixxu aġir mill-FIFA, mill-UEFA, mill-assoċjazzjonijiet membri tagħhom u/jew mil-ligs nazzjonali li jikkonsisti fit-theddida li jiġu adottati sanzjonijiet kontra l-klabbs li jipparteċipaw fis-Superliga u/jew il-plejers tagħhom, minħabba d-deterrent li tali sanzjonijiet jistgħu joħolqu? Jekk jiġu adottati s-sanzjonijiet li jinvolvu esklużjoni minn kompetizzjonijiet jew projbizzjoni mill-parteċipazzjoni f’logħob ta’ timijiet nazzjonali, tali sanzjonijiet, jekk ma kinux ibbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, ikunu jikkostitwixxu ksur tal-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE?

L-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 67 u 68 tal-Istatuti tal-FIFA huma inkompatibbli ma’ dawn l-artikoli sa fejn dawn jidentifikaw lill-UEFA u lill-federazzjonijiet nazzjonali membri tagħha bħala “sidien oriġinali tad-drittijiet kollha li joriġinaw mill-kompetizzjonijiet [...] taħt il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jċaħħad lill-klabbs parteċipanti u lil kwalunkwe organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet alternattivi mis-sjieda oriġinali ta’ dawn id-drittijiet u jagħtu lilhom infushom responsabbiltà esklużiva għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom?

Jekk il-FIFA u l-UEFA, bħala entitajiet li taw lilhom infushom il-kompetenza esklużiva sabiex jorganizzaw u jawtorizzaw kompetizzjonijiet ta’ klabbs tal-futbol internazzjonali fl-Ewropa, kellhom jipprojbixxu jew jopponu, abbażi tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-istatuti tagħhom, l-iżvilupp tas-Superliga, l-Artikolu 101 TFUE jkollu jiġi interpretat fis-sens li dawn ir-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-eċċezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, abbażi tal-fatt li l-produzzjoni hija sostanzjalment limitata, il-ħolqien ta’ prodotti alternattivi għal dawk offruti mill-FIFA/UEFA fis-suq huwa prekluż u l-innovazzjoni hija ristretta, billi formats u arranġamenti oħrajn huma preklużi, u b’dan il-mod tiġi eliminata kompetizzjoni potenzjali fis-suq u tiġi limitata l-għażla tal-konsumatur? Tali restrizzjoni tkun tibbenefika minn ġustifikazzjoni oġġettiva li tkun tagħmilha possibbli li jitqies li ma hemmx abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE?

L-Artikoli 45, 49, 56 u/jew 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, billi tirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel tal-FIFA u l-UEFA għall-istabbiliment, minn operatur ekonomiku ta’ Stat Membru, ta’ kompetizzjoni ta’ klabbs pan-Ewropea bħas-Superliga, dispożizzjoni bħal dik inkluża fl-Istatuti tal-FIFA u tal-UEFA (b’mod partikolari, l-Artikoli 22 u 71 sa 73 tal-Istatuti tal-FIFA, l-Artikoli 49 u 51 tal-Istatuti tal-UEFA, kif ukoll kwalunkwe artikolu simili inkluż fl-istatuti tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali membri [u] il-ligs nazzjonali) tikkostitwixxi restrizzjoni kuntrarja għal xi libertà fundamentali rrikonoxxuta f’dawn id-dispożizzjonijiet?

____________