Language of document : ECLI:EU:F:2015:69

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL‑UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

30 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑124/14

Olivier Petsch

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Persunal mal-crèches u mal-garderies — Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 — Regolament Nru 1023/2013 — Żieda fis-sigħat ta’ xogħol — Ammont fix-xahar supplimentari — Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura — Ġerarkija tan-normi — Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 2 tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu O. Petsch jitlob l-annullament tad-dikjarazzjoni tar-remunerazzjoni tiegħu għax-xahar ta’ Jannar 2014 u tad-dikjarazzjonijiet stabbiliti għax-xhur segwenti sa fejn ma jipprevedux “ammont fix-xahar supplimentari” fid-dawl taż-żieda fis-sigħat ta’ xogħol tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2014.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. O. Petsch għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni ċara u preċiżi tal-motivi invokati — Kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tal-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 50(1)(e))

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Kundizzjonijiet tax-xogħol — Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 — Żieda fis-sigħat ta’ xogħol mingħajr żieda fis-salarju — Impatt fuq l-ammont fix-xahar supplimentari skont l-Artikolu 2(2) tal-Anness tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 55; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 93 u Anness, Artikolu 2(2); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1023/2013, premessi 12 u 22)

3.      Uffiċjali — Regolamenti tal-Persunal — Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni — Kompetenza tal-istituzzjonijiet — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra)

4.      Drittijiet fundamentali — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-impriża — Dritt ta’ negozjar kollettiv — Invokabbiltà fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persunal tagħhom — Limiti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 27 u 28)

1.      L-għan tal-emenda tal-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura l-antiki tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz tal-Artikolu 50(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-verżjoni tagħhom li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2014, kien b’mod partikolari li jissaħħaħ l-obbligu tar-rikorrent li jippreżenta b’mod ċar il-motivi tiegħu billi issa jeżiġi li dawn il-motivi għandhom ikunu bbażati fuq identifikazzjoni preċiża tal-bażi legali tagħhom, li l-argumenti ppreżentati taħt kull motiv ikunu marbuta esklużivament ma’ din il-bażi legali u li kull wieħed mill-motivi jkun strettament distint mill-oħrajn, u dan fl-interess tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ġudizzjarju, jiġifieri l-individwi, l-avukati, l-aġenti u l-ġudikatura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex il-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jipproċedi b’miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew b’mistoqsijiet matul is-seduta bis-sempliċi għan li jirrimedja l-insuffiċjenzi, in-nuqqasijiet ta’ preċiżjoni jew l-ambigwitajiet redazzjonali tar-rikors fid-dawl tal-Artikolu 50(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura.

F’dan ir-rigward, meta l-motivi ma jkunux strutturati kif issa jeżiġi l-Artikolu 50(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, sakemm in-natura suċċinta tal-argumenti magħmula tippermetti, wara li jiġu eliminati l-punti irrilevanti, il-frażijiet interpolati u lmenti oħra ekwivoki, mhux preċiżi jew mhux żviluppati, li jiġu identifikati l-ilmenti li r-rikorrent għandu l-intenzjoni jqajjem, ir-rikors ma jistax jitqies inammissibbli fl-intier tiegħu.

(ara l-punti 21 u 23)

Referenza:

Il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il-Kummissjoni, F‑104/10, EU:F:2013:64, punt 57

2.      Fid-dawl tal-premessi 12 u 22 tiegħu, ir-Regolament Nru 1023/2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, emenda l-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal billi ppreveda tul minimu ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ 40 siegħa, filwaqt li ħalla kif kien l-Artikolu 93 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ aġenti oħra, li jistabbilixxi s-salarju bażiku tal-membri tal-persunal bil-kuntratt.

Minn dan isegwi li, meta adotta r-Regolament Nru 1023/2013, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jżid it-tul minimu ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa għal 40 siegħa, u dan mingħajr żieda fis-salarju, meta dan it-tul kien qabel iffissat bi ftehim komuni mill-Awtoritajiet tal-Ħatra ta’ kull istituzzjoni għal 37 siegħa u 30 minuta, fid-dawl tal-marġni ta’ manuvra mogħti lill-istituzzjonijiet mill-Artikolu 55 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Fir-rigward tal-ħlas tal-ammont supplimentari previst fl-Artikolu 2(2) tal-Anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ aġenti oħra, dan ma kienx biss “possibbiltà” li tħalliet fid-diskrezzjoni ta’ kull istituzzjoni iżda barra minn hekk kien previst biss sabiex tiġi protetta l-kapaċità ta’ akkwist tal-persuni kkonċernati, li issa hija kkalkolata fuq bażi mensili b’effett mill-bidla fil-kundizzjonijiet, b’kumpens għall-eventwali tnaqqis fir-remunerazzjoni minħabba l-aċċettazzjoni min-naħa tagħhom ta’ kuntratt bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, u dan filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tas-salarju mħallas taħt li-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-data tal-bidla fil-kundizzjonijiet. Issa, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati strettament.

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-għan u tal-kuntest stabbilit mill-Artikolu 55 l-ġdid tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tal-Artikolu 93 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, għandu għaldaqstant jitqies li l-Artikolu 2 tal-Anness tal-imsemmija Kondizzjonijiet iżomm il-possibbiltà għal kull istituzzjoni li tħallas l-ammont fix-xahar supplimentari, mingħajr madankollu ma dan l-ammont ma jkun jista’ jiġi affettwat miż-żieda fis-sigħat ta’ xogħol mingħajr kumpens fis-salarju deċiża mil-leġiżlatur tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, b’osservanza tan-normi superjuri applikabbli għalih, il-leġiżlatur huwa liberu li jintroduċi f’kull mument, fir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal, l-emendi li fil-fehma tiegħu jkunu konformi mal-interess tas-servizz u li jadotta, fil-futur, dispożizzjonijiet li jagħmlu parti mir-Regolamenti tal-Persunal u li jkunu iktar sfavorevoli għall-uffiċjali jew għall-membri tal-persunal ikkonċernati.

(ara l-punti 27, 28, 33, 35 u 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 86

Il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Dalmasso vs Il-Kummissjoni, F‑61/05, EU:F:2008:47, punt 78, u Bosman vs Il-Kunsill, F‑145/07, EU:F:2008:149, punti 32 u 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati fil-kuntest tal-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom saħħa vinkolanti inferjuri għal dik tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Għaldaqstant, huma fl-ebda każ ma jistgħu legalment jistabbilixxu regoli li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġerarkikament superjuri ta’ dawn tal-aħħar.

(ara l-punt 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, EU:T:2007:347, punt 38

Il-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Bouillez et vs Il-Kunsill, F‑11/11, EU:F:2012:8, punt 45

4.      Għalkemm id-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema u d-dritt ta’ negozjar kollettiv, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 27 u fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jistgħu japplikaw għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-persunal tagħhom, huwa d-dritt tal-Unjoni li għandu jirregola l-eżerċizzju tagħhom, inkonformità mat-termini stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(ara l-punt 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punti 44 u 45.

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet Bergallou vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑22/14, EU:T:2014:954, punt 33