KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 (1)
Kawża C‑416/13
Mario Vital Pérez
vs
Ayuntamiento de Oviedo
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Oviedo (Spanja)]
“Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Direttiva 2000/78 — Limitu ta’ età ta’ 30 sena għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għażla għar-reklutaġġ f’korp tal-pulizija lokali — Ġustifikazzjonijiet”
I – Introduzzjoni
1. Id-Direttiva 2000/78 (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tiġġieled, fil-qasam tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tiegħu, kontra kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq wieħed mill-motivi elenekati fl-Artikolu 1 tagħha. L-għan ta’ tali leġiżlazzjoni huwa li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jingħata effett fl-Istati Membri.
2. L-età ġiet inkluża, skont kif previst fl-Artikolu 13 KE, fost il-motivi ta’ diskriminazzjoni li hemm fl-Artikolu 1 tad-Direttiva (3) u fil-fatt hija tat lok, fil-kuntest tal-każistika dwar l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, għall-ikbar numru ta’ deċiżjonijiet min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ġiet stabbilita bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju fis-sentenza Mangold (4) u mbagħad ġiet ikkodifikata fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għalhekk jikkostitwixxi l-parametru ta’ riferiment li fuq il-bażi tiegħu għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.
3. Din tal-aħħar, għalkemm tistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg direttament jew indirettament ibbażata fuq l-età, tipprevdi ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha, li wħud minnhom huma komuni ma’ raġunijiet oħra ta’ diskriminazzjoni previsti fl-Artikolu 1. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(1) − li huwa s-suġġett tal-ewwel parti tad-domanda preliminari f’din il-kawża − li fuq il-bażi tiegħu l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, b’osservanza ta’ kundizzjonijiet speċifiċi, li differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika marbuta ma’ wieħed mill-motivi kkontemplati mid-Direttiva ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta, min-natura tal-attività tax-xogħol jew mill-kuntest li fih issir, dik il-karatteristika tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali u determinanti għall-iżvolġiment ta’ dik l-attività. Min-naħa l-oħra, eċċezzjonijiet oħra huma speċifiċi għall-età bħala motiv ta’ diskriminazzjoni. L-Artikolu 3(4) jiddisponi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li d-Direttiva ma tapplikax għall-forzi armati għal dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà jew fuq l-età, filwaqt li l-Artikolu 6 − li huwa s-suġġett tat-tieni parti tad-domanda preliminari f’din il-kawża − jistabbilixxi sistema ta’ deroga li tippermetti, f’kundizzjonijiet speċifiċi, li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tirriżulta minn interventi tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali.
4. Għalhekk, id-Direttiva tistabbilixxi sistema speċifika għad-differenzi fit-trattament ibbażati direttament jew indirettament fuq il-kriterju tal-età. Din is-sistema hija spjegabbli, parzjalment, bil-fatt li, bħala prinċipju, l-età ma hijiex meqjusa li hija motiv “suspettuż” bl-istess mod bħar-razza jew is-sess, li ma għandhiex storja twila ta’ diskriminazzjoni bħalhom (5), u parzjament bil-fatt li dan huwa fattur ta’ riskju li l-portata tiegħu u l-limiti tiegħu ma jistgħux jiġu ddefiniti b’mod faċli (6).
5. L-element speċifiku tal-età bħala motiv diskriminatorju fis-sistema tad-Direttiva huwa wieħed mir-raġunijiet fil-bażi ta’ diversi talbiet għal interpretazzjoni li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja min-naħa tal-qrati nazzjonali u li, fil-parti l-kbira, xtaqu li tiġi ċċarata l-portata tal-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq dan il-motiv. It-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado Contencioso‑Administrativo de Oviedo (Spanja), li wasslet għal din il-kawża, tressqet f’dan il-kuntest.
II – Il-kawża prinċipali u d-domanda prelimiari
6. It-tilwima li minnha oriġinat it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bejn V. Pérez u l-komun ta’ Oviedo dwar rikors li tal-ewwel ippreżenta kontra d-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2013 tal-ġunta komunali ta’ Oviedo, li biha ġew approvati r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet speċifiċi għal avviż ta’ kompetizzjoni ta’ għażla sabiex jimtlew 15-il pożizzjoni ta’ uffiċjal tal-puliżija lokali. Ir-rikors jirrigwarda speċifikament ir-rekwiżit 3.2 tal-avviż, fejn jintqal li l-kandidati ma jridux ikunu qabżu l-età ta’ 30 sena.
7. V. Pérez isostni li dan ir-rekwiżit, li jeskludih b’mod inġustifikat mill-kompetizzjoni, jikser id-dritt fundmentali tiegħu li jaċċedi, b’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, għal funzjonijiet u kariġi pubbliċi, kif jirriżulta kemm mill-kostituzzjoni Spanjola kif ukoll mid-Direttiva. Fl-oppożizzjoni għar-rikors, il-komun ta’ Oviedo jsostni li, minn naħa, l-avviż tal-kompetizzjoni jikkonforma ma’ dak li tgħid il-Liġi Nru 2/2007 tal-Komunità Awtonoma tal-Prinċipat tal-Asturias (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 2/2007”) li l-artikolu 32 tagħha jistabbilixxi li l-kandidati fi kwalunkwe kategorija tal-korp tal-pulizija lokali ma jridux ikun qabżu t-30 sena ta’ età u, min-naħa l-oħra li, fis-sentenza Wolf (7), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet favur limitu ta’ etá simili f’ċirkustanzi analogi.
8. Billi kellha dubji dwar il-leġittimità tal-limitu ta’ età kkontestat u billi qieset li kienet meħtieġa interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni, il-Juzgado Contencioso‑Administrativo de Oviedo għamel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikoli 2(2), 4(1) u 6(1)(ċ) tad-Direttiva […] kif ukoll l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, jipprekludu l-iffissar, skont avviż ta’ kompetizzjoni muniċipali li japplika espressament liġi reġjonali ta’ Stat Membru, ta’ età massima ta’ 30 sena sabiex persuna taċċedi għal pożizzjoni ta’ membru tal-korp tal-pulizija lokali?”
III – Analiżi
9. Ma hemmx dubju li ċ-ċirkustanzi li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Din id-direttiva, skont l-Artikolu 3(1)(a) tapplika fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Unjoni “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi f’dak li jirrigwarda [...] il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali”. Issa, meta jistabbilixxi li l-kandidati għal pożizzjoni fi kwalunkwe kategorija tal-korpi tal-pulizija lokali ma għandhomx ikunu qabżu t-30 sena, l-Artikolu 32 tal-Liġi Nru 2/2007 jistabbilixxi regoli fil-qasam tal-aċċess għal impjieg pubbliku skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva (8).
10. Ma hemmx dubju wkoll li l-liġi inkwistjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, għall-finijiet tagħha, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din tal-aħħar jispeċifika li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni analoga (9). Issa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Liġi Nru 2/2007 għandha bħala konsegwenza li persuni jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni analoga minħabba l-fatt biss li jkunu qabżu l-età ta’ 30 sena. Għalhekk din id-dispożizzjoni tintroduċi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva (10)
11. Għaldaqstant, l-unika kwistjoni li tqum fil-kawża prinċipali, li dwarha l-qorti tar-rinviju qed titlob interpretazzjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, hija jekk l-imsemmija differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva jew tistax tidħol f’waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 4(1) u 6(1) tagħha.
A – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78
12. Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, l-Istati Membri “jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat” (11).
13. Il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Italja, tal-Ġermanja u ta’ Franza jqisu li l-limitu ta’ età li dwaru hemm kontestazzjoni fil-kawża prinċipali huwa ġġustifikat bis-saħħa tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, għaliex uħud mill-funzjonijiet mogħtija lill-uffiċjali tal-pulizija lokali jeħtieġu rekwiżiti fiżiċi partikolarment għolja, jekk mhux ogħla min-normal, li ssibhom biss f’uffiċjali żgħażagħ. L-iskop ta’ tali limitu huwa li tiġi ggarantita n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-uffiċjali tal-puliżija lokali, u għalhekk li jiġi ggarantit li l-uffiċjali impjegati ġodda jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu xogħol iktar impenjattiv mill-aspett fiżiku għal perijodu ta’ żmien relattivament twil matul il-karriera tagħhom. Madankollu, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni għandhom dubji dwar il-legalità tal-limitu ta’ età kkontestat.
14. Skont dak li spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wolf - li jirriferu għaliha kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll, b’argumenti kuntrarji, l-intervenjenti kollha - l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta karatteristika marbuta mal-motiv li fuqu hija bbażata d-differenza fit-trattament, u mhux il-motiv fih innifsu, tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali u determinanti għall-finijiet tal-iżvolġiment tal-attività tax-xogħol, sakemm l-għan li jrid jintlaħaq ikun leġittimu u r-rekwiżit proporzjonat (12).
15. F’dik is-sentenza, fejn kien hemm ikkontestat il-limitu massimu ta’ età ta’ 30 sena impost minn Land Ġermaniż għall-aċċess għas-servizz tekniku ta’ livell medju ta’ uffiċjali tat-tifi tan-nar, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fl-ewwel lok, li l-għan li jikkonsisti fil-garanzija tan-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb ta’ servizzi bħal dawk enumerati fil-premessa 18 tad-Direttiva (13), li fosthom hemm anki s-servizzi tal-pulizija, għandu jitqies li huwa “għan leġittimu” skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva (14).
16. F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ? dejjem jekk wieħed jassumi li, kif isostni b’mod partikolari l-Gvern Spanjol, għandha għan bħal dak, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li trid tiżgura b’mod definittiv (15) ? tista’ b’hekk tkun iġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjoni tad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq, ladarba l-kundizzjonijiet l-oħrajn li tistabbilixxi jiġu ssodisfatti.
17. Fit-tieni lok, fis-sentenza Wolf, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq il-bażi ta’ spjegazzjonijiet li pprovda l-Gvern Ġermaniż, li l-fatt li wieħed ikollu “kapaċitajiet fiżiċi partikolarment għolja” huwa rekwiżit essenzjali u determinanti skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għall-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward hija osservat li, kuntrarjament għall-funzjonijiet ta’ direzzjoni u ta’ kontroll li huma tas-servizz tekniku tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar, l-attivitajiet tas-servizz tekniku ta’ livell medju kienu kkaratterizzati minn impenn ta’ natura fiżika, billi l-membri ta’ dak is-servizz kienu, b’mod partikolari, inkarigati mit-tifi tan-nar, mis-salvataġġ ta’ persuni u ta’ annimali, mil-ħarsien tal-ambjent u mill-protezzjoni kontra annimali perikolużi minbarra attivitajiet ta’ appoġġ (16).
18. Mhux konvint li tista’ tinsilet l-istess konklużjoni f’din il-kawża għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali tal-puliżija lokali fl-Asturias. Skont dak li jirriżulta mid-digriet ta’ rinviju, l-attività li jwettqu dawn l-uffiċjali tkopri diversi setturi ta’ intervent u tinkludi kemm operazzjonijiet “fuq il-post”, bħal, pereżempju, l-arrest ta’ minn jikkommetti atti kriminali, li jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ saħħa fiżika, kif ukoll xogħol inqas impenjattiv mil-lat psikofiżiku, bħal, pereżempju, il-kontroll tat-traffiku (17). Il-funzjoni tal-korpi tal-pulizija lokali fi Spanja hija għalhekk mifruxa fuq spettru ta’ attivitajiet ferm usa’ u varjat milli dak tas-servizz tekniku ta’ livell medju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq Wolf, membri li, skont kif jirriżulta minn dik is-sentenza, huma meħtieġa li jagħmlu prevalentement, jekk mhux esklużivament, ħidmiet fil-post li jinvolvu impenn fiżiku kbir.
19. Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi għoljin sabiex jitwettqu l-funzjonijiet mogħtija lis-servizz tekniku ta’ livell medju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar huwa marbut mal-età. Għal dan l-iskop, u fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tirriżulta minn studji magħmula fil-kuntest tal-mediċina okkupazzjonali u tal-isport tal-Gvern Ġermaniż, minn fejn irriżulta li l-kapaċitajiet respiratorji, il-muskolatura u r-reżistenza jonqsu bl-età, hija kkonkludiet li wħud mill-kompiti mogħtija lill-membri ta’ dak is-servizz, bħat-tifi tan-nar u s-salvataġġ tal-persuni, jeħtieġu kapaċitajiet fiżiċi għolja ħafna u jistgħu jsiru biss minn uffiċjali li għadhom żgħar jew, fi kwalunkwe każ, ta’ età iżgħar fl-ewwel każ, minn 45 sena, u fit-tieni, ta’ 50 sena.
20. Issa, fil-fehma tiegħi ma hemmx elementi li jippermettu li jinsiltu l-istess konklużjonijiet f’dan il-każ. Minn naħa, l-affermazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, jiġifieri li l-forma fiżika li għandhom ikollhom l-uffiċjali tal-korpi tal-pulizija lokali hija paragunabbli ma’ dik meħtieġa mill-pumpieri fix-xogħol tat-tifi tan-nar u tas-salvataġġ tal-persuni (18), kif aċċertata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija kawża Wolf, hija bbażata fuq allegazzjonijiet sempliċi li ma humiex sostnuti minn elementi jew informazzjoni li jippermettu analiżi tas-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn il-korpi. Min-naħa l-oħra, kif osservajt diġà iktar ’il fuq, skont l-informazzjoni li hemm fid-digriet tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, il-parti l-kbira tal-kompiti mogħtija lill-uffiċjali tal-puliżija lokali Spanjoli ma jidhirx li jeħtieġu karatteristiċi fiżiċi eċċezzjonali, filwaqt li mis-sentenza Wolf jirriżulta b’mod ċar li l-kumpless tal-attivitajiet magħmula mill-membri tas-servizz tekniku intermedju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar, jew tal-inqas dawk li l-iktar jikkaratterizzaw il-funzjoni ta’ dak is-servizz, kienu jeħtieġu dawn il-karatteristiċi.
21. Iktar inġenerali, minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li, f’dan il-każ partikolari, ma hemmx il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi favur il-limitu ta’ età inkwistjoni fis-sentenza Wolf. Fil-fatt ma nemminx li huwa possibbli li wieħed jikkonkludi, kuntrarjament għal dak li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, li l-pussess ta’ “ħtiġiet fiżiċi eċċezzjonalment għolja” huwa rekwiżit essenzjali u determinati għall-iżvolġiment tal-funzjoni ta’ uffiċjal tal-puliżija lokali, kif deskritt fid-digriet tar-rinviju, anki meta tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza, li enfasizzaw b’mod partikolari l-Gvern Spanjol u dak Franċiż, li l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni tista’ tfisser l-użu tal-armi. Barra minn hekk, għalkemm jista’ ġustament jitqies li parti mill-kompiti mogħtija lill-uffiċjali tal-pulizija lokali teħtieġ kapaċitajiet fiżiċi partikolari, madankollu, fil-fehma tiegħi ma huwiex possibbli, abbażi tal-elementi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li wieħed jikkonkludi li dawn il-kapaċiajiet huma invarjabbilment marbuta ma’ grupp ta’ età partikolari u li dawn jinsabu f’persuni li jkunu qabżu limitu speċifiku ta’ età, kif konkluż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Wolf.
22. Isegwi, mil-lat tan-natura neċessarja u għalhekk proporzjonata tal-limitu ta’ età kkuntestat, li lanqas ma huwa possibbli li jiġi konkluż, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ċċitata Wolf, li l-għan li tiġi ggarantita n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali jeħtieġ li tinżamm fi ħdanu konfigurazzjoni ddeterminata tal-etajiet li twassal, min-naħa tagħha, li jiġu rreklutati esklużivament uffiċjali taħt it-30 sena (19).
23. Dejjem mill-aspett ta’ proporzjonalità, nosserva li mid-digriet tar-rinviju ma jirriżultax li l-uffiċjali li jkunu qabżu età partikolari awtomatikament jingħataw attivitajiet inqas impenjattivi mil-lat fiżiku jew li ma jkunx hemm il-ħtieġa tal-użu tal-armi, filwaqt li dak id-digriet isemmi l-possibbiltà, għall-uffiċjali tal-pulizija nazzjonali jew ta’ xi komunitajiet lokali li qegħdin f’servizz attiv, li jgħaddu, fuq talba tagħhom stess, għal attività oħra ladarba jagħlqu t-58 sena (l-hekk imsejħa skema tas-“segunda actividad”), jiġifieri 7 snin biss mill-irtirar, stabbilit fl-età ta’ 65 sena.
24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jingħad li l-pussess tal-kapaċitajiet fiżiċi meħtieġa għall-iżvolġiment tal-attività ta’ uffiċjal tal-pulizija lokali jista’ jiġi evalwat b’mod adegwat fuq il-bażi tat-testijiet fiżiċi, li huma partikolarment iebsa, u tal-esklużjonijiet mediċi previsti fl-avviż tal-kompetizzjoni kkontestat u li, għalhekk, il-limitu ta’ età inkwistjoni ma huwiex meħtieġ.
25. Infakkar li, billi jawtorizza deroga minn prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 4(1) għandu jiġi interpretat b’mod strett u li, kif inhu espressament indikat fil-premessa 23 tad-direttiva stess, il-possibbiltà ta’ deroga hija ristretta għal każijiet “limitati ħafna” (20). Fil-fehma tiegħi l-kawża tal-lum ma hijiex każ minnhom.
26. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, li tistabbilixxi limitu massimu ta’ età ta’ 30 sena għall-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ għażla għar-reklutaġġ fil-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali.
B – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
27. Infakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 l-“Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti bbażat fuq l-età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji” (21).
28. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema ta’ deroga fir-rigward tal-“ispeċifiċità” rrikonoxxuta lill-età fost il-motivi ta’ diskriminazzjoni li d-Direttiva tikkontempla (22). B’mod partikolari, hija tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jipprevedu differenżi fit-trattament ibbażat fuq l-età li kieku, fin-nuqqas ta’ dan, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ diskriminazzjoni diretta, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva (23). Din il-possibbiltà, “inkwantu tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni (24), hija madankollu strettament inkwadrata mill-kundizzjonijiet previsti fl-istess Artikolu 6(1)” (25).
29. Għalhekk, hemm bżonn li wieħed jistaqsi jekk, fid-dritt Spanjol, il-limitu ta’ età inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux għan leġittimu skont id-dispożizzjoni ċċitata, li tista’ tiġġustifika oġġettivament u raġonevolment id-differenza fit-trattament li tirriżulta u jekk dan il-limitu jikkostitwixxix mezz xieraq u neċessarju biex dan il-għan jintlaħaq.
a) Identifikazzjoni tal-għanijiet imfittxija
30. L-ewwel nett nixtieq nosserva li la mid-digriet tar-rinviju u lanqas mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni li fuqha huwa bbażat l-avviż tal-kompetizzjoni kkontestat fil-kawża nazzjonali tirreferi espressament għall-għan kif speċifikat fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva biex jiġi ġġustifikat l-istabbiliment tal-limitu ta’ età kkontestat. Din iċ-ċirkustanza iżda ma hijiex fiha nnifisha biżżejjed sabiex teskludi li dan il-limitu jista’ xorta waħda jiġi ġġustifikat abbażi ta’ tali dispożizzjoni (26). Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrikonoxxiet li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-għanijiet li din tal-aħħar trid tilħaq jistgħu jirriżultaw minn “elementi oħra misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata” (27).
31. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti, minħabba li issa din hija ġurisprudenza stabbilita, li l-analiżi tal-“elementi kontestwali” tista’ tagħmel tajjeb għal nuqqas ta’ riferiment espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, madankollu l-limiti tal-użu ta’ tali analiżi għadhom ma humiex ċari. Jekk, f’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet rikostruzzjoni attenta tal-għanijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni billi bbażat ruħha fuq indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jew li hemm fil-proċess (28), f’oħrajn hija rriferiet biss għall-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, anki fejn l-invokazzjoni ta’ għanijiet koperti mid-deroga fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva kienet tirriżulta ftit li xejn iddettaljata (29). Hija rrikonoxxiet ukoll li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jinvokaw u juru għanijiet differenti minn dawk identifikati mill-qorti tar-rinviju jew anki dawk espressament imsemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (30). Fl-aħħar nett, ma eskludietx il-possibbiltà li tikkunsidra, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, anki l-għanijiet li ma jissemmewx mill-Istat Membru kkonċernat imma mill-Istati Membri intervenjenti (31).
32. F’dan ir-rigward jidhirli li għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jistabbilixxi forma limitata ta’ deroga għall-prinċipju fundamentali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet partikolari ta’ politika soċjali proprji ta’ Stat Membru partikolari.
33. L-applikazzjoni ta’ din id-deroga tippreżupponi l-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali speċifika li jkollha għanijiet iddefiniti sew. Dawn l-għanijiet, meta ma jkunux imsemmijin espressament, għandhom għall-inqas jirriżultaw b’mod ċar mill-kuntest tal-miżura stess. Jekk, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza The Incorporated Trustees of the National Council for Ageing, id-Direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri jistabbilixxu lista preċiża tad-differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġġustifikati minn għan leġittimu skont l-Artikolu 6(1) (32) imsemmi iktar ’il fuq, rekwiżiti kemm ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju jeżiġu li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ddaħħal deroga għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jiġu identifikati b’mod ċar mill-Istat Membru u li n-natura leġittima tagħhom skont id-dispożizzjoni inkwistjoni tintwera b’mod suffiċjenti.
34. Min-naħa l-oħra, l-istess Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li “[s]empliċi affermazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw r-raġonevolezza ta’ miżura partikolari li tipparteċipa fil-politika tax-xogħol, tas-suq tax-xogħol jew tat-tagħlim professjonali mhumiex biżżejjed sabiex jintwera li l-għan ta’ din il-miżura hija tali li tiġġustifika li ssir deroga” skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva u li dik id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri “l-oneru li jistabbilixxu l-leġittimità tal-għan imfittex fl-osservanza tal-limitu probatorju għoli” (33).
35. Dak li ntqal hawn fuq jeskludi li jista’ jkun hemm għanijiet differenti minn dawk imsemmija fid-dispożizzjoni inkwistjoni jew indikati mill-qorti tar-rinviju li hija l-unika waħda kompetenti sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, u/jew li jistgħu jinsiltu, anki fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jagħti l-Istat Membru inkwistjoni, mill-kuntest tad-dispożizzjoni.
36. Kif antiċipajt iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-liġi li tintroduċi l-limitu ta’ età kkontestat ma tippreċiżax ir-raġunijiet għal dik l-għażla. Id-digriet tar-rinviju fih biss riferiment impliċitu għall-ħtieġa li jiġi żgurat perijodu raġonevoli ta’ okkupazzjoni qabel l-irtirar jew il-mogħdija għall-hekk imsejħa “segunda actividad” u l-proċess nazzjonali ma fihx elementi addizzjonali. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol, b’riferiment għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ċċitata Wolf (34), jirriferi għall-finijiet tal-politika tal-impjieg marbuta mal-ġestjoni tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali bħal, b’mod partikolari, it-twettiq ta’ konfigurazzjoni bbilanċjata tal-etajiet fi ħdan dan il-korp, li tippermetti li jiġi żgurat il-qadi ta’ diversi kompiti assenjati lilu. Dan il-gvern isostni wkoll li r-reklutaġġ ta’ uffiċjali f’pożizzjoni li jeżegwixxu dawn il-kompiti kollha għal żmien biżżejjed twil qabel l-irtirar jew il-mogħdija għas-“segunda actividad” tirrifletti wkoll l-għan li titnaqqas l-ispiża pubblika, għaliex jippermetti li r-reklutaġġ ġdid isir b’inqas frekwenza. Dan il-għan, skont il-politika, ipprattikata f’livell nazzjonali, ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tal-amministrazzjoni pubblika, huwa inkluż fil-kumpless ta’ miżuri adottati sabiex tissaħħaħ mill-ġdid l-ekonomija Spanjola.
37. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u peress li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali li għandha tidentifika l-għan verament imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (35), l-għanijiet li jistgħu jiġu attribwiti lill-miżura kkontestata fil-kawża prinċipali fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja huma: i) il-ħtieġa li jiġi żgurat perijodu raġonevoli ta’ okkupazzjoni qabel l-irtirar, ii) it-twettiq ta’ konfigurazzjoni tal-etajiet ibbilanċjata fi ħdan il-korp tal-uffiċjali tal-puliżija lokali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tiegħu, u iii) politika ta’ reklutaġġ immirata lejn tnaqqis tal-ispejjeż.
38. Iżda fil-fehma tiegħi ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, għaliex ma jirriżultax li jirreferu għad-dispożizzjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, l-għanijiet imsemmijin mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja u ta’ Franza jew li jirriżultaw mill-osservazzjonijiet tagħhom u li jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti marbutin mat-taħriġ professjonali, mal-promozzjoni tal-okkupazzjoni taż-żgħażagħ u mas-sigurtà pubblika. Madankollu, fl-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem ser nikkunsidra wkoll dawn l-għanijiet fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni li esprimejt dwar l-irrilevanza tagħhom f’dan il-każ.
b) Il-legittimità tal-finalitajiet u tal-għanijiet imfittxija
39. Ma hemmx dubju li kundizzjonijiet eventwali ta’ taħriġ meħtieġa għax-xogħol inkwistjoni jew il-ħtieġa li jiġi żgurat perijodu raġonevoli ta’ impjieg qabel l-irtirar jikkostitwixxu għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw l-iffissar ta’ età massima għar-reklutaġġ (u għalhekk għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għażla għar-reklutaġġ). Dawn l-għanijiet huma msemmijin espressament fit-tieni inċiż tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva.
40. Izda, fil-fehma tiegħi, ma huwiex daqstant stabbilit li l-għan li tiġi stabbilita struttura bbilanċjata tal-etajiet, li tippermetti li tiġi ggarantita n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali, jikkostitwixxi għan leġittimu skont dik id-dispożizzjoni
41. F’dan ir-rigward infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma “leġittimi” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(1), u konsegwentement, xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, huma “għanijiet ta’ politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonali” (36).
42. Issa, għalkemm ma jistax jiġi miċħud li l-funzjonament tajjeb ta’ korp tal-pulizija, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll lokali, huwa għan ta’ interess ġenerali, dan il-għan ma huwiex fost dawk li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettu li l-Istati Membri jidderogaw mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.
43. Mis-sentenza mogħtija mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Prigge et jirriżulta b’mod ċar li mhux l-għanijiet kollha ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Istati Membri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(1). F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tenniet li “l-għanijiet leġittimi elenkati f’din id-dispożizzjoni huma marbuta mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali”, eskludiet li dawn l-għanijiet jinkludu l-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru (37). Huwa veru li fis-sentenza Fuchs u Köhler, li ngħatat ftit qabel is-sentenza Prigge et, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tammetti li anki l-għan li jiġi żgurat servizz pubbliku ta’ kwalità, fil-każ partikolari dak tal-ġustizzja, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Madankollu, mill-punti 50 u 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li dak l-għan tqies li kien rilevanti biss sa fejn kien jikkoinċidi, fil-kuntest ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-politika tal-okkupazzjoni u tas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, ma’ għanijiet oħra, bħal, b’mod partikolari, dak li tiġi ffavorita l-okkupazzjoni u l-promozzjoni taż-żgħażagħ (38).
44. Min-naħa l-oħra, kif rajna iktar ’il fuq, fis-sentenza Wolf, l-għan li tiġi ppreżervata l-operattività u l-funzjonament tajjeb tas-servizz tekniku ta’ livell medju tal-uffiċjali tat-tifi tan-nar li invoka l-Gvern Ġermaniż, li huwa analogu għal dak imsemmi f’din il-kawża mill-Gvern Spanjol, ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest biss tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, u dan minkejja li d-domandi preliminari fformulati mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss l-Artikolu 6(1). Wara li rriferiet għall-premessa 18 tad-Direttiva, li tgħid li “ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi”, fil-punt 39 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-interess li tiġi żgurata n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizz tal-pompieri professjonali jikkostitwixxi obbjettiv leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva”. Fl-istess sens, fis-sentenza Petersen (39), għanijiet marbutin mal-ħarsien tas-saħħa kienu ġew eżaminati fid-dawl biss tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, minkejja li, anki f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kienet stabbilixxiet l-analiżi tagħha fuq l-Artikolu 6(1).
45. Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, ma jistgħux jitqiesu li huma inklużi fost l-għanijiet leġittimi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva l-għanijiet ta’ sigurtà pubblika, li rriferew għalihom b’mod ġeneriku wħud mill-gvernijiet intervenjenti, minn tal-inqas fejn ma jkunux akkumpanjati minn għanijiet ta’ politika soċjali bħal dawk li tispeċifika din id-dispożizzjoni.
46. Fil-fehma tiegħi, kunsiderazzjonijiet analogi jistgħu jsiru anki f’dak li jirrigwarda l-għan li huwa intiż li jiffaċilita politika ta’ reklutaġġ li tippermetti tnaqqis tal-ispejjeż u, għaldaqstant, tnaqqis tal-ispejjeż tal-amministrazzjoni pubblika, li ġie invokat ukoll mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet tiegħu.
47. F’dan ir-rigward infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għanijiet leġittimi li jippermettu l-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “jiddistingwu ruħhom minn motivi purament individwali li japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ persuna li timpjega, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż jew it-titjib tal-kompetittività” (40).
48. Issa, huwa ċar li fejn il-persuna li timpjega tkun amministrazzjoni pubblika, l-għan tat-tnaqqis tal-ispejjeż jikkorrispondi, bħala regola, ma’ għan ta’ interess ġenerali, bl-istess mod bħal dawk ikkontemplati mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Madankollu, din l-unika kunsiderazzjoni ma hijiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, biex jiġi deċiż li għan bħal dan jidħol fost l-għanijiet leġittimi ammessi minn din id-dispożizzjoni. Skont din il-loġika, kull differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tippermetti tnaqqis tal-ispiża pubblika tkun, għal dan il-motiv biss, ġustifikabbli abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (41). Dan jirriżulta fi twessieh inammissibbli ta’ eċċezzjoni għall-prinċipju fundamentali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li, bħala tali ġiet ristretta mil-leġiżlatur Komunitarju f’limiti ddefiniti sew u li għandha tiġi interpretata mill-qorti tal-Unjoni f’sens restrittiv.
49. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha b’mod ċar f’dan is-sens fis-sentenza Fuchs u Köhler. Hija affermat li, għalkemm “id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet baġitarji fl-istess ħin ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, soċjali jew demografika”, dan jista’ jseħħ biss b’osservanza tal-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazjoni bbażata fuq l-età (42) u li, “għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet tal-politika soċjali ta’ Stat Membru u jistgħu jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li Stat Membru jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, għan leġittimu” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (43).
50. Għal dak li jirrigwarda, iktar speċifikament, l-għan li jikkonsisti fit-twaqqif ta’ konfigurazzjoni bbilanċjata tal-etajiet fil-kuntest ta’ settur partikolari ta’ attività, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura leġittima għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, biss sa fejn din tkun intiża li tiffavorixxi għanijiet okkupazzjonali bħal, b’mod partikolari, il-promozzjoni tar-reklutaġġ, partikolarment taż-żgħażagħ (44) fl-interess tat-tqassim tax-xogħol fost il-ġenerazzjonijiet (45). Barra minn hekk, is-sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur in-natura leġittima ta’ dak l-għan kienu jikkonċernaw miżuri nazzjonali li kienu jipprevedu l-irtirar obbligatorju tal-impjegati li kienu laħqu l-età tal-irtirar (46) u l-irtirar awtomatiku tagħhom (47).
51. Il-kawża preżenti hija differenti ħafna minn dawk l-ipoteżijiet, kemm għaliex jirrigwarda limitu massimu tal-età għall-aċċess għall-professjoni inkwistjoni u għaldaqstant jinvolvi grupp usa’ ta’ persuni u mhux biss lil dawk li jinsabu fl-aħħar tal-ħajja tax-xogħol tagħhom, kif ukoll għaliex it-tqassim, fost faxex ta’ etajiet, invokat bħala għan leġittimu mill-Gvern Spanjol ma jirriflettix l-għan li jiġi promoss reklutaġġ ġdid − u b’hekk l-okkupazzjoni − imma, għall-kuntrarju, li jiġi limitat, bl-iskop speċifiku li jitnaqqsu l-ispejjeż marbutin miegħu.
52. Mill-kumpless tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fost dawk ikkunsidrati iktar ’il fuq, huma biss l-għanijiet relatati, minn naħa, mal-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u, min-naħa l-oħra, mal-ħtieġa li jiġi żgurat perijodu raġonevoli ta’ impjieg qabel l-irtirar jew tal-mogħdija għas-“segunda actividad”, li jistgħu jiġu kkunsidrati “għanijiet leġittimi” skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.
c) Neċessità u adegwatezza tal-istrumenti
53. Il-limitu ta’ età kkontestat jista’ jitqies oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat mill-għanijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, bil-kundizzjoni li l-iffissar tiegħu ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex dawn jintlaħqu u jissodisfa dawk l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku (48).
54. L-eżami dwar il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni jikkostitwixxi l-qofol li fuqu huwa bbażat l-istħarriġ tal-legalità tal-użu tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 6(1). Għalhekk, dan għandu jkun preċiż u ma jistgħux jitqiesu suffiċjenti għal dan il-għan sempliċi affermazzjonijiet ġeneriċi, magħmula mill-Istat Membru kkonċernat dwar l-attitudni tal-miżura inkwistjoni biex jitwettqu l-għanijiet ta’ politika soċjali li huwa jrid jilħaq (49). Kif intqal mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità teżiġi li kwalunkwe deroga minn dritt individwali timponi li, sa fejn possibbli, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiġi rrikonċiljat mal-ħtieġa tal-għan infittex (50).
55. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni diskrezzjonali wiesa’ fid-definizzjoni tal-miżuri intiżi għat-twettiq ta’ finalitajiet ta’ politika soċjali u ta’ okkupazzjoni li jkollhom l-intenzjoni li jsegwu (51), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikollu l-effett li jirrendi ineffettiv il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (52).
56. Inġenerali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-għan leġittimu ta’ politika soċjali identifikat jista’ jintlaħaq permezz ta’ mezzi oħra, jekk il-miżura inkwistjoni, bħala mezz intiż sabiex jintlaħaq dan l-għan, hijiex, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, “approprjat[a] u neċessarj[a]” (53). Madankollu, nirrileva li, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżenta ruħha, sabiex tiggwida l-qorti tar-rinviju, milli tagħmel, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkollha, l-eżami tagħha fuq il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, li kultant ikun partikolarment iddettaljat.
57. F’din il-kawża, nemmen li l-limitu ta’ età kkontestat imur ferm lil hinn minn dak li jista’ jitqies li huwa meħtieġ fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ taħriġ għall-kariga ta’ uffiċjal tal-puliżija lokali kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-persuna impjegata ġdida tagħti servizz għal perijodu ta’ żmien raġonevoli qabel l-irtirar jew il-mogħdija għas-“sugunda actividad”.
58. Fir-rigward tat-taħriġ professjonali − ġustifikazzjoni li, infakkar, issemmiet mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu iżda li ma tirriżultax li hija fost l-għanijiet li jrid jilħaq il-leġiżlatur tal-Asturias − mill-avviż tal-kompetizzjoni inkwistjoni, li jinsab fil-proċess, jirriżulta li, qabel ma jidħlu fis-servizz, il-kandidati li jkunu għaddew minn dik il-kompetizzjoni għandhom jgħaddu minn perijodu ta’ “taħriġ selettiv” li t-tul tiegħu jiġi stabbilit mill-akkademja reġjonali tal-pulizija lokali jew mill-komun ta’ Oviedo (54). Issa, tali perijodu ta’ taħriġ, anki meta jdum iktar minn sena jew sentejn (55), fil-fehma tiegħi ma jiġġustifikax l-esklużjoni tal-aċċess għall-impjieg inkwistjoni ta’ kategorija importanti ta’ ħaddiema, li tinkludi fiha faxex ta’ etajiet li jkunu, jekk mhux fil-bidu tal-ħajja professjonali ta’ individwu, fi stadju ċertament mhux avanzat. Għal ħaddiema li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, qegħdin fil-faxex ta’ etajiet iktar viċin il-limitu kkontestat, it-telf ta’ opportunitajiet minħabba l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni jista’ jkun saħansitra iktar ta’ preġudizzju sa fejn tali ħaddiema jkunu għadhom ’il bogħod mill-età fejn jibdielhom id-dritt għal pensjoni u jkunu esposti ferm iktar għal-piżijiet tal-familja (56).
59. Kunsiderazzjonijiet simili jgħoddu wkoll f’dak li jirrigwarda l-għan intiż li jiġi żgurat li uffiċjali impjegati ġodda jagħmlu perijodu raġonevoli ta’ servizz qabel ma jirtiraw jew jgħaddu għas-“segunda actividad”, li tagħmel riferiment espliċitu għalih il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, peress li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn din il-qorti, l-età tal-irtirar tal-uffiċjali tal-pulizija lokali hija ffissata għal 65 sena u dik għall-mogħdija għas-“segunda actividad” hija ta’ 58 sena, anki persuna li tibda l-professjoni inkwistjoni wara t-30 sena, b’mod partikolari jekk taqa’, bħal fil-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-faxex tal-etajiet iktar viċin għal-limitu kkontestat, ikollha quddiemha karriera professjonali regolari u tkun tista’ tiżgura perijodu raġonevoli ta’ servizz, inklużi fir-rwoli iktar operattivi, qabel ma tibdielha d-dritt li jkollha aċċess għall-iskema tas-“segunda actividad” għal raġunijiet ta’ età jew qabel ma tilħaq l-età għall-irtirar. F’dan ir-rigward infakkar ukoll li, għall-finijiet tal-ammissjoni fil-kompetizzjoni speċifika, inkwistjoni fil-kuntest tal-mobbiltà interna, l-avviż tal-kompetizzjoni inkwistjoni jeżiġi li l-kandidat ikun fadallu mhux inqas minn 15-il sena biex jilħaq l-età tal-irtirar, u dan jgħolli l-limitu massimu ta’ età minn 30 sa 50 sena, u b’hekk jintroduċi element ta’ inkoerenza fir-rekwiżiti ta’ reklutaġġ marbuta direttament jew indirettament mal-età (57).
60. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-limitu ta’ età kkontestat ma jidhirx li huwa proporzjonat mal-għanijiet ikkunsidrati u għaldaqstant ma jistax jitqies li huwa oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat minn dawn l-għanijiet.
61. Għall-kompletezza nżid ngħid li la l-eżiġenzi marbuta mas-sigurtà pubblika, u lanqas l-għan li tiġi żgurata n-natura operattiva tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali, invokati mill-gvernijiet intervenjenti, jekk jiġi preżunt li jidħlu fost dawk li jrid jilħaq il-leġiżlatur tal-Asturias u li jistgħu jitqiesu li huma għanijiet leġittimi skont l-Artikolu 6(1), ma jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġġustifikaw il-limitu ta’ età kkontestat bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.
62. F’dan ir-rigward nosserva biss li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-iffissar ta’ tali limitu ta’ età ma tidhirx strettament meħtieġa sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, kif juri, fost l-oħrajn, il-fatt li l-ebda limitu ta’ dan it-tip ma huwa previst għall-aċċess għall-kariga ta’ uffiċjal tal-puliżija nazzjonali Spanjola (58) u ta’ uffiċjal tal-pulizija lokali f’komunitajiet awtonomi differenti minn dik tal-Asturias, li età massima ogħla hija prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ komunitajiet awtonomi oħra, jew ukoll li limitu ta’ età simili għall-ammissjoni għal kompetizzjoni għal spettur kadett tal-korp tal-pulizija nazzjonali ġie ddikjarat illegali mit-tribunal suprem Spanjol (59), u, fl-aħħar nett, li dibattitu dwar il-legalità tal-limitu kkontestat fil-kawża prinċipali bħalissa jinsab għaddej fil-korpi leġiżlattivi tal-Asturias.
63. Id-differenza fis-soluzzjonijiet adottati fuq livell nazzjonali u reġjonali mhux biss tqiegħed fid-dubju l-ħtieġa tal-miżura inkwistjoni, imma tikkostitwixxi fattur ta’ inkoerenza leġiżlattiva ġewwa l-Istat Membru kkonċernat. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l‑għan mixtieq biss jekk effettivament tirrifletti l‑intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (60).
64. Ċertament, fis-sentenza Fuchs u Köhler, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, fil-kuntest tat-tqassim ta’ kompetenzi bejn awtoritajiet ċentrali u reġjunali ta’ Stat Membru, f’dak il-każ ir-Repubblika Federali Ġermaniza, l-eżistenza ta’ “sempliċi mogħdija ta’ żmien bejn il-bidliet introdotti fil-liġi [...] ta’ Land u dawk introdotti [...] f’Land oħra, [...], ma tistax, fiha nfisha, tagħti lil-leġiżlazzjoni inkwistjoni natura inkoerenti”, peress li r-ritmu ta’ dawn il-bidliet jista’ jvarja sew minn korp territorjali għal ieħor skont l-ispeċifiċitajiet reġjonali (61). Madankollu, f’dan il-każ, ma jirriżultax li l-limitu ta’ età inkwistjoni nżamm minħabba r-realtà soċjoekonomika tal-Asturias. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju donnha teskludi li l-ispeċifiċitajiet ta’ dan ir-reġjun jistgħu jiġġustifikaw soluzzjoni differenti minn dik li sabet Spanja kemm fuq livell ċentrali kif ukoll fuq dak lokali.
d) Eżitu tal-analiżi skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78
65. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età inerenti fil-limitu massimu ta’ età mdaħħal fil-avviż tal-kompetizzjoni kkontestat ma jistax jiġi ġġustifikat bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.
IV – Konklużjoni
66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado Contencioso-Administrativo de Oviedo kif ġej:
“L-Artikoli 4(1) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, li tistabbilixxi limitu massimu ta’ età ta’ 30 sena għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għażla għar-reklutaġġ fil-korp tal-uffiċjali tal-pulizija lokali.”