Language of document : ECLI:EU:T:2024:26

Kawża T602/22

Veneziana Energia Risorse Idriche Territorio Ambiente Servizi SpA (Veritas)

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal24 ta’ Jannar 2024

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokument ikkomunikat fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot ta’ rimbors tal-VAT – Dokument li joriġina minn Stat Membru – Rifjut ta’ aċċess – Kunsens minn qabel tal-Istat Membru – Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu

(Artikoli 263 u 296 TFUE)

(ara l-punt 18)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

(ara l-punt 21)

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li d-dokumenti ma jiġux żvelati – Obbligu tal-Istat Membru li jressaq talba formali speċifika sabiex jesprimi oppożizzjoni – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(5))

(ara l-punt 23)

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Obbligi tal-istituzzjoni kkonċernata fil-qasam ta’ konsultazzjoni tal-Istat Membru qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni – Ksur – Konsegwenzi

(Artikolu 4(3) TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(4) u (5))

(ara l-punti 24, 25)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li d-dokumenti ma jiġux żvelati – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3) u (5))

(ara l-punti 33, 35 sa 37)

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li d-dokumenti ma jiġux żvelati – Implikazzjonijiet proċedurali – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess li jaqa’ fuq l-Istat Membru u fuq l-istituzzjoni tal-Unjoni – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3) u (5))

(ara l-punti 38 sa 41, 48 sa 50)

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Possibbiltà għall-Istat Membru li jitlob lill-istituzzjoni li d-dokumenti ma jiġux żvelati – Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni għall-istħarriġ tal-fondatezza tar-rifjut – Stħarriġ komplet tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet invokati fuq il-bażi tal-evalwazzjoni materjali mwettqa mill-imsemmi Stat Membru

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4(1) sa (3) u (5))

(ara l-punt 52)

8.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Kamp ta’ applikazzjoni – Dokumenti mhux imfassla għall-għanijiet biss ta’ proċedura ġudizzjarja, iżda li jistgħu jippreġudikaw il-kapaċità ta’ difiża tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati fl-imsemmija proċedura – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

(ara l-punti 54 sa 58, 61, 62, 64 sa 67)

9.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Kamp ta’ applikazzjoni – Dokumenti mhux imfassla għall-għanijiet biss ta’ proċedura ġudizzjarja, iżda li jistgħu jippreġudikaw il-kapaċità ta’ difiża tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati fl-imsemmija proċedura – Garanzija tal-opportunitajiet ugwali fil-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Natura plawżibbli ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-qorti nazzjonali – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

(ara l-punti 69 sa 71)

Sunt

Adita b’rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru, permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċċarat id-distinzjoni bejn ir-rekwiżit formali ta’ motivazzjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti u l-legalità sostanzjali ta’ tali rifjut. Barra minn hekk, hija ppreċiżat il-modalitajiet għall-kisba tal-ftehim minn qabel previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), fir-rigward tal-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw mill-Istati Membri, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, quddiem il-qrati nazzjonali (2), fil-preżenza ta’ tali dokumenti u fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari possibbli.

Fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot (3) mibdija wara lment tar-rikorrenti, Veneziana Energia Risorse Idriche Territorio Ambiente Servizi SpA (Veritas), il-Kummissjoni kienet talbet lill-awtoritajiet Taljani kjarifiki dwar il-modalitajiet tar-rimbors tal-VAT miġbura indebitament fuq it-tariffa Taljana għall-iġjene tal-ambjent (TIAI). Wara li ġiet informata mill-Kummissjoni li, fid-dawl tal-ittra ta’ tweġiba tal-awtoritajiet Taljani, hija kienet iddeċidiet li ma tibdiex proċedura ta’ ksur minħabba nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni minn dawn l-awtoritajiet, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni kopja tat-tweġiba tal-awtoritajiet Taljani.

Fit-tweġiba inizjali, l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal din it-tweġiba, minħabba li l-iżvelar tagħha tippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti fl-Italja, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata (4), il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut ta’ żvelar, wara l-oppożizzjoni għall-iżvelar tal-ittra inkwistjoni mill-awtoritajiet Taljani, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq il-bażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Att li ma huwiex suffiċjentement motivat, fis-sens tal-obbligu ta’ motivazzjoni formali, huwa dak li ma jippermettix li jinftiehem għaliex, fuq liema bażi jew għal liema raġuni dan ġie adottat, filwaqt li l-motivi ta’ att, li huma r-raġunijiet u l-ġustifikazzjonijiet tiegħu, jistgħu jkunu suffiċjentement magħrufa u komprensibbli, iżda insuffiċjenti sabiex jiġġustifikawh legalment, sa fejn dawn ma jkunux sostnuti, rilevanti jew konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija allegatament ibbażata b’mod illegali fuq l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, fl-assenza ta’ oppożizzjoni effettiva għall-iżvelar mill-awtoritajiet Taljani, b’mod partikolari qabel it-tweġiba inizjali tal-Kummissjoni, l-Qorti Ġenerali indikat li ma jirriżulta la minn din id-dispożizzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza li, sabiex ikun jista’ jressaq oppożizzjoni, huwa neċessarju li l-Istat Membru, awtur tad-dokument inkwistjoni, jressaq minn qabel talba formali speċifika għall-istituzzjoni kkonċernata u lanqas ma huwa meħtieġ li l-Istat Membru jinvoka espliċitament l-imsemmija dispożizzjoni. Ma hemm xejn li jindika fil-formulazzjoni ta’ din tal-aħħar, li hija dispożizzjoni ta’ natura proċedurali li titratta l-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Unjoni, li l-Istat Membru għandu jressaq talba formali, li mingħajrha l-oppożizzjoni espressa minnu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Għalhekk, l-Istat Membru ma huwiex meħtieġ jipproċedi f’żewġ stadji sabiex jopponi għall-iżvelar ta’ wieħed mid-dokumenti tiegħu, l-ewwel billi jitlob lill-Kummissjoni ma tiżvelax id-dokument inkwistjoni mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, imbagħad billi jirrifjuta li jagħti dan il-kunsens.

Minn dan isegwi wkoll li l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jiġi kkonsultat skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jeskludix l-applikazzjoni sussegwenti tal-Artikolu 4(5) tal-istess regolament. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma ġewx meqjusa bħala esklużivi għal xulxin, iżda pjuttost bħala dispożizzjoni relatata ma’ terzi b’mod ġenerali (paragrafu 4) u dispożizzjoni li tapplika għal terzi speċifiċi li huma l-Istati Membri u li tirriproduċi d-Dikjarazzjoni Nru 35 annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam (paragrafu 5)

Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari billi l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-possibbiltà li jeżiġi l-kunsens minn qabel tiegħu għall-iżvelar ta’ dokument li huwa jkun l-awtur tiegħu, l-Qorti Ġenerali rrilevat li jeħtieġ ukoll li dan jiġi informat bl-eżistenza ta’ talba għall-aċċess għal dan id-dokument, fatt li huwa preċiżament is-suġġett tal-konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4(4) tal-istess regolament.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-rikorrenti li s-sempliċi affermazzjoni tan-natura partikolarment plawżibbli ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-qrati Taljani kkonċernati ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tal-ittra tal-awtoritajiet Taljani.

Ċertament, hija fakkret li, sabiex din l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tkun tista’ tapplika għal dokumenti li ma tfasslux fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, jeħtieġ li d-dokumenti mitluba, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għalihom, ikollhom rabta rilevanti jew ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni u li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka din l-eċċezzjoni, jew ma’ proċedura pendenti quddiem qorti nazzjonali, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jqajmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni b’mod li, fid-dawl tal-kuntest tal-kawża, ikun jidher partikolarment plawżibbli li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Madankollu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna d-dokumenti mfassla mill-istituzzjonijiet stess, u mhux, bħal f’dan il-każ, dokumenti li joriġinaw minn Stati Membri u mibgħuta lil istituzzjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dokument imfassal minn istituzzjoni, il-preġudizzju għall-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u għall-kapaċità ta’ difiża tal-istituzzjoni kkonċernata jista’ jsir biss fil-kuntest ta’ istanzi li fihom hija parti, jiġifieri istanzi li jiżvolġu bħala prinċipju quddiem il-qorti tal-Unjoni.

Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ dokument li joriġina minn Stat Membru u marbut ma’ proċeduri pendenti quddiem il-qrati nazzjonali li fihom l-Istat huwa parti, bħal f’dan il-każ, hija l-garanzija ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet f’dawn il-proċeduri nazzjonali li tittieħed inkunsiderazzjoni. Minn dan isegwi li hija irrilevanti f’dan il-każ il-kwistjoni dwar jekk rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-qrati Taljani aditi b’proċeduri nazzjonali inkwistjoni kienx partikolarment plawżibbli.


1      Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


2      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.


3      Proċedura EU Pilot 9456/19/TAXUD, dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) miġbura indebitament fuq it-tariffa Taljana għall-iġjene tal-ambjent (tariffa di igiene ambientale, stabbilita permezz tal-Artikolu 49 tad-decreto legislativo n. 22 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 22), tal‑5 ta’ Frar 1997.


4      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 5221 final tal‑15 ta’ Lulju 2022.