Language of document : ECLI:EU:T:2024:41

Kawża T280/23

Oil company “Lukoil” PAO

vs

IlParlament Ewropew et

 Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal25 ta’ Jannar 2024

“Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Inammissibbiltà manifesta”

1.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni – Kunċett – Oneru tal-prova tal-komunikazzjoni

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 7)

2.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni – Kunċett – Kundizzjoni għall-validità tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni – Tqegħid tad-destinatarju tad-deċiżjoni f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli l-kontenut tagħha – Inklużjoni

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 8)

3.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Deċiżjoni kkomunikata permezz tal-posta elettronika – Prova tal-komunikazzjoni lid-destinatarju f’data preċiża – Kundizzjonijiet – Provi tal-komunikazzjoni effettiva tal-posta elettronika lid-destinatarju u tat-tqegħid tiegħu f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli l-kontenut tad-deċiżjoni – Inklużjoni

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 9)

4.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Deċiżjoni kkomunikata permezz tal-posta elettronika – Preżunzjoni tal-komunikazzjoni – Assenza

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punt 10)

Sunt

Adita b’rikors għal annullament li hija ċaħdet bħala manifestament inammissibbli minħabba tardività, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, applikat għall-ewwel darba, f’qasam differenti minn dak tas-servizz pubbliku, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Kerstens vs Il‑Kummissjoni (1), dwar il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni kkomunikata permezz ta’ posta elettronika, u, min-naħa l-oħra, għamlet preċiżazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ reġistrazzjoni unika, skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar Reġistru Obbligatorju ta’ Trasparenza (2).

Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2023, Oil company “Lukoil” PAO, ir-rikorrenti, stabbiliti f’Moska, talbet l-annullament tad-deċiżjoni tas-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza li tordna t-tħassir tagħha mir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-Unjoni Ewropea (3). L-imsemmi segretarjat, permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023, ikkomunika d-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti. Din tal-aħħar irrikonoxxiet b’mod espliċitu li l-imsemmi messaġġ elettroniku kien wasal f’din l-istess data fl-inbox tal-posta elettronika taż-żewġ rappreżentanti li hija kienet ħatret waqt l-iskrizzjoni tagħha fir-Reġistru ta’ Trasparenza (iktar ’il quddiem ir-“rappreżentanti”).

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali fakkret qabel kollox li, sabiex deċiżjoni tiġi kkomunikata b’mod validu, jeħtieġ, mhux li d-destinatarju tagħha jkun effettivament sar jaf bil-kontenut tagħha, iżda li dan ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf bil-kontenut tagħha b’mod utli. F’dan ir-rigward, il-prova li d-destinatarju ta’ deċiżjoni mhux biss irċevieha, iżda seta’ wkoll isir jaf bil-kontenut tagħha, tista’ tirriżulta minn diversi ċirkustanzi.

F’dan is-sens, sabiex jiġi stabbilit li deċiżjoni kkomunikata permezz ta’ messaġġ elettroniku ġiet debitament ikkomunikata lid-destinatarju tagħha f’data preċiża u li, għaldaqstant, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri minn din id-data, il-parti li tinvoka t-tardività għandha turi, mhux biss li din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha, fis-sens li din ġiet trażmessa fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħu u li dan tal-aħħar irċeviha f’dan l-indirizz, iżda wkoll li l-imsemmi destinatarju tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli bil-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni f’din id-data, jiġifieri li huwa seta’ jiftaħ il-messaġġ elettroniku li jinkludi d-deċiżjoni inkwistjoni, b’tali mod li jsir jaf biha kif xieraq fl-imsemmija data.

F’dan ir-rigward, preżunzjoni li d-destinatarju ta’ deċiżjoni kkomunikata permezz ta’ messaġġ elettroniku jista’, fi kwalunkwe każ, ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli bil-kontenut tagħha biss fid-data li fiha huwa jkun ikkonsulta l-inbox tal-posta elettronika tiegħu, bħal preżunzjoni li d-destinatarju ta’ tali deċiżjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli bil-kontenut tagħha, fi kwalunkwe każ, minn meta jirċeviha fl-inbox tal-posta elettronika tiegħu, ma tistax tkun konformi mad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu t-termini għall-preżentata ta’ rikors.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali oġġezzjonat li, fid-dawl tad-data li fiha ntbagħtet id-deċiżjoni kkontestata fis‑6 ta’ Marzu 2023, it-terminu sabiex jintalab l-annullament tagħha, bħala prinċipju, skada fis‑16 ta’ Mejju 2023, b’tali mod li, prima facie, dan ir-rikors huwa tardiv.

Madankollu, hija eżaminat is-sensiela ta’ argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkontesta n-natura tardiva tar-rikors.

B’mod partikolari, hija ċaħdet, fl-ewwel lok, l-argument ibbażat fuq il-komunikazzjoni tal-posta elettronika barra mill-ħinijiet tal-uffiċċju. Fil-fatt, skont ir-regoli tal-komputazzjoni tat-termini, “[f]ejn perjodu li hemm referenza għalih bil-ġranet, ġimgħat jew snin għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih tiġri ġrajja jew isseħħ azzjoni, il-ġurnata li tulha tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni ma għandhiex tingħadd bħala parti mill-perjodu in kwestjoni” (4).

Issa, minn naħa, il-Qorti Ġenerali osservat li, permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2023 indirizzata lis-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza, il-konsulenti legali tar-rikorrenti ppreżentaw, b’reazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata annessa mal-messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni, li l-eżami tagħha jista’ jsir biss f’terminu massimu ta’ 20 jum ta’ xogħol wara l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni lill-partijiet ikkonċernati (5).

Min-naħa l-oħra, hija rrilevat li, sabiex jiġġustifikaw li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti tressqet f’dan it-terminu, il-konsulenti legali tagħha semmew espliċitament, fl-ittra tal‑31 ta’ Marzu 2023, il-fatt li t-terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol kien beda jiddekorri fis‑7 ta’ Marzu 2023” u li kien skada fit‑3 ta’ April 2023.

Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li informazzjoni daqstant preċiża, mogħtija mill-konsulenti legali tar-rikorrenti stess, ma tistax tiġi interpretata b’mod ieħor ħlief bħala r-rikonoxximent minnhom li l-messaġġ elettroniku li jinkludi d-deċiżjoni kkontestata ġie effettivament ikkomunikat fis‑6 ta’ Marzu 2023 lir-rappreżentanti tagħha, li l-imsemmi messaġġ elettroniku wasal fl-inbox tal-posta elettronika ta’ dawn tal-aħħar f’din l-istess data u li dawn saru jafu bih jew, tal-inqas, kienu f’pożizzjoni li jsiru jafu bih b’mod utli fl-istess ġurnata ta’ din il-komunikazzjoni u ta’ din ir-riċezzjoni. Minn dan hija kkonkludiet li l-messaġġ elettroniku li kien fih d-deċiżjoni kkontestata ġie “debitament ikkomunikat” fis‑6 ta’ Marzu 2023 lill-imsemmija rappreżentanti.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-messaġġ elettroniku li jinkludi d-deċiżjoni kkontestata ġie kkomunikat biss, fis‑6 ta’ Marzu 2023, lir-rappreżentanti tas-sussidjarja Belġjana tar-rikorrenti, u mhux lir-rikorrenti stess, u li għalhekk din tal-aħħar ma setgħetx issir taf bih dakinhar.

Għalhekk, hija fakkret, b’mod partikolari, li, skont il-Linji Gwida stabbiliti mis-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza, dwar l-imsemmi reġistru u intiżi intiżi għall-applikanti għar-reġistrazzjoni u għall-persuni rreġistrati, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-imsemmi ftehim (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), sabiex jiġu evitati reġistrazzjonijiet multipli u jitħaffef l-ipproċessar amministrattiv ta’ applikazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni, ir-rappreżentanti ta’ interessi attivi f’diversi pajjiżi (bħall-kumpanniji multinazzjonali) għandhom jirreġistraw l-attivitajiet tagħhom fir-reġistru darba biss u, b’dan il-mod, ikopru l-entitajiet differenti l-oħra ta’ network, ta’ grupp ta’ impriżi jew oħrajn (6). Il-Linji Gwida jispeċifikaw li, fil-prattika, ir-reġistrazzjoni bħala regola ġenerali taqa’ fuq il-fergħa jew l-uffiċċju li jirrappreżenta l-interessi tal-entità fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li mill-estratt tar-Reġistru ta’ Trasparenza jirriżulta li r-rikorrenti biss kienet irreġistrata fl-imsemmi reġistru. Fil-fatt, is-sussidjarja Belġjana tagħha bl-ebda mod ma kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni separata u ssemmiet biss bħala “uffiċċju inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Unjoni”. Għalhekk, skont il-Ftehim Interistituzzjonali (7) u fis-sens tal-prinċipju ta’ reġistrazzjoni unika stabbilit fil-Linji Gwida (8), l-indikazzjoni tar-rikorrenti bħala l-unika organizzazzjoni inkluża fir-Reġistru ta’ Trasparenza kopriet l-impriżi kollha tal-grupp li hija tappartjeni għalih fil-pajjiżi kollha fejn dan il-grupp kien preżenti, inkluża s-sussidjarja Belġjana.

Min-naħa l-oħra, irrispettivament mill-funzjoni rispettiva tagħhom fl-imsemmija sussidjarja, billi fl-estratt tar-reġistru semmiet l-isem ta’ żewġ diretturi tagħha bħala “persuna legalment responsabbli għall-entità” u “persuna responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Unjoni”, ir-rikorrenti aċċettat li dawn il-persuni jaġixxu f’isimha u bħala rappreżentanti responsabbli mir-relazzjonijiet tagħha mas-segretarjat tar-Reġistru tat-Trasparenza (9).


1      Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Kerstens vs Il‑Kummissjoni (C‑447/21 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:612).


2      Ftehim Interistituzzjonali tal‑20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Reġistru Obbligatorju ta’ Trasparenza (ĠU 2021, L 207, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Interistituzzjonali”).


3      Deċiżjoni tas-Segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza Ares (2023) 1618717, tas‑6 ta’ Marzu 2023, li tordna t-tħassir tar-rikorrenti mir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-Unjoni Ewropea.


4      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tat‑3 ta’ Ġunju 1971, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51).


5      Skont il-punti 7.3 u 7.4 tal-Anness III tal-Ftehim Interistituzzjonali.


6      Il-punt 2 tal-Linji gwida, intitolat “Prinċipju ta’ reġistrazzjoni unika”.


7      Artikolu 8(3)(b) tal-Ftehim Interistituzzjonali.


8      Il-punt 2 tal-Linji Gwida.


9      Artikolu 6(2) u l-punt I tal-Anness II tal-Ftehim Interistituzzjonali.