Language of document : ECLI:EU:C:2020:257

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ April 2020 (*)

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/95/UE

Id-Deċiżjonijiet Qafas 2015/1523 u 2015/1601

Il-fatti li wasslu għall-kawżi u l-proċeduri prekontenzjużi

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-rikorsi

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-Kawżi C 715/17, C718/17 u C719/17, ibbażati fuq il-fatt li r-rikorsi huma mingħajr suġġett u jikkontradixxu l-għan tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-Kawżi C 715/17 u C718/17, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-Kawża C 718/17, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura prekontenzjuża

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-Kawża C 719/17, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew fuq l-inkoerenza tar-rikors

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-mertu

Fuq il-materjalità tan-nuqqasijiet allegati

Fuq il-motivi ta’ difiża mressqa mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Ungerija bbażati fuq l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-motiv tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq id-disfunzjoni u fuq in-nuqqas ta’ effikaċja li sofra l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 fl-applikazzjoni konkreta tiegħu

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ispejjeż


“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 – Artikolu 5(2) u (4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id‑deċiżjonijiet – Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana – Sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit‑territorju ta’ ċerti Stati Membri – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra – Proċedura ta’ rilokazzjoni – Obbligu għall-Istati Membri li jindikaw f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit‑territorju tagħhom – Obbligi konsekuttivi li jwasslu għar-rilokazzjoni effettiva – Interessi tal-Istati Membri marbuta mas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku – Possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka l-Artikolu 72 TFUE minħabba li ma japplikax atti tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura vinkolanti”

Fil-Kawżi magħquda C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17,

li għandhom bħala suġġett rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-21 u fit-22 ta’ Diċembru 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Z. Malůšková, A. Stobiecka‑Kuik, G. Wils u A. Tokár, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża C‑715/17,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Borawska‑Kędzierska u B. Majczyna, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, J. Pavliš u A. Brabcová, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M..Z. Fehér, bħala aġent,

intervenjenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Z. Malůšková, A. Stobiecka‑Kuik, G. Wils u A. Tokár, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża C‑718/17,

vs

L-Ungerija, irrappreżentata minn M..Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, J. Pavliš u A. Brabcová, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Borawska‑Kędzierska u B. Majczyna, bħala aġenti,

intervenjenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Z. Malůšková, A. Stobiecka‑Kuik, G. Wils u A. Tokár, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, J. Pavliš, u A. Brabcová, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn E. Borawska‑Kędzierska u B. Majczyna, bħala aġenti,

intervenjenti (Kawża C‑719/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, L. S. Rossi (Relatur), J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑715/17, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, mis-16 ta’ Marzu 2016, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523, tal-14 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146), u tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80), kif ukoll, konsegwentement, l-obbligi ulterjuri ta’ rilokazzjoni imposti fuqha skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

2        Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑718/17, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti tagħha skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni.

3        Permezz tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑719/17, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti tagħha ta’ rilokazzjoni imposti fuqha skont l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

4        Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

5        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, wara li jiddefinixxi, b’mod partikolari, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat” għall-finijiet tal-imsemmija konvenzjoni, jistabbilixxi, fit-Taqsima F:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma humiex applikabbli għall-persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġuni serja li jiġi ssuspettat li:

a)      huma wettqu delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali mfassla sabiex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

b)      huma wettqu delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż ospitanti qabel id-dħul tagħhom fih bħala refuġjati;

ċ)      saru ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2011/95/UE

6        Fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, l-Artikolu 12 tagħha, bit-titolu “Esklużjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

a)      hija tkunu ikkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

b)      hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

ċ)      hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti[, iffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945].

3.      Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.”

7        Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, jinkludi l-Artikolu 17 tagħha, intitolat “Esklużjoni”, li jipprovdi:

“1.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:

a)      hija tkunu ikkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

b)      hija tkun ikkommettiet delitt serju;

ċ)      hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

d)      hija tikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti.

2.      Il-paragrafu 1 japplika għall-persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq ta’ delitti jew atti msemmija fih.

3.      L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċittadin nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuna mingħajr stat milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jekk hija, qabel id-dħul tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, tkun ikkommettiet delitt wieħed jew aktar barra mill-iskop ta’ paragrafu 1 li jwassal għal kastig ta’ ħabs kieku ġew kommessi fl-Istat Membru interessat, u jekk hija tkun telqet biss mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha sabiex tevita sanzjonijiet li jirriżultaw minn dawk id-delitti.”

 Id-Deċiżjonijiet Qafas 2015/1523 u 2015/1601

8        Il-premessi 1, 2, 7, 11, 12, 23, 25, 26, 31 u 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601 jistipulaw:

“(1)      Skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), f’każ li Stat Membru wieħed jew aktar isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i).

(2)      Skont l-Artikolu 80 TFUE, il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fuq il-fruntiera, tal-asil u l-immigrazzjoni u tal-implimentazzjoni tagħhom, għandhom jiġu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u l-atti tal-Unjoni adottati f’dan il-qasam għandhom jinkludu miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

[…]

(7)      Fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda fost l-oħrajn, li għandhom jiġu avvanzati tliet dimensjonijiet ewlenin f’mod parallel: ir-rilokazzjoni/ir-risistemazzjoni, ir-ritorn/ir-riammissjoni/ir-reintegrazzjoni, u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta’ emerġenza u tal-impenn biex tissaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabbiltà, il-Kunsill Ewropew laħaq qbil, b’mod partikolari, dwar ir-rilokazzjoni temporanja u eċċezzjonali, mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra tul perijodu ta’ sentejn ta’ 40 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, li jieħdu sehem fiha l-Istati Membri kollha.

[…]

(11)      Fl-20 ta’ Lulju 2015, fid-dawl tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istat Membri, ġiet adottata b’kunsens Riżoluzzjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja ta’ 40 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali. Matul perijodu ta’ sentejn, 24 000 persuna għandhom jiġu rilokati mill-Italja u 16 000 persuna għandhom jiġu rilokati mill-Greċja Fl-14 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] adotta d-Deċiżjoni […] 2015/1523, li stipulat mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni temporanju u eċċezzjonali mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra ta’ persuni fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.

(12)      Matul ix-xhur reċenti, il-pressjoni migratorja fil-fruntieri esterni tan-Nofsinhar fuq l-art u fil-baħar reġgħet żdiedet bil-qawwa, u tkompla l-moviment tal-flussi migratorji mill-Mediterran ċentrali għall-Mediterran tal-Lvant u lejn ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, bħala riżultat tan-numru dejjem jikber ta’ migranti li qed jaslu fil-Greċja u mill-Greċja. Fid-dawl tas-sitwazzjoni, għandhom ikunu ġġustifikati miżuri proviżorji ulterjuri biex tittaffa l-pressjoni tal-asil minn fuq l-Italja u l-Greċja.

[…]

(23)      Il-miżuri ta’ rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja, previsti f’din id-Deċiżjoni, jinvolvu deroga temporanja mir-regola stabbilita fl-Artikolu 13(1) tar-[Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31)]li skontu l-Italja u l-Greċja kienu altrimenti jkunu responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll deroga temporanja mill-passi proċedurali, inklużi l-limiti ta’ żmien, stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 29 ta’ dak ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament […] Nru 604/2013 […] jibqgħu applikabbli […].

[…]

(25)      Kellha ssir għażla fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu applikati meta jiġi deċiż min u kemm-il applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali dwar l-applikazzjonijiet għall-asil. Hija prevista sistema ċara u vijabbli bbażata fuq limitu tar-rata medja fil-livell tal-Unjoni tad-deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fil-proċeduri li jittieħdu fl-ewwel istanza, kif definiti mill-Eurostat, fuq in-numru totali fil-livell tal-Unjoni ta’ deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali meħuda fl-ewwel istanza, abbażi tal-statistiċi l-aktar reċenti disponibbli. Minn naħa waħda, dan il-limitu jiżgura, sal-massimu possibbli, li l-applikanti kollha fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali jkunu f’pożizzjoni li jgawdu b’mod sħiħ u rapidu d-drittijiet tagħhom ta’ protezzjoni fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan il-limitu għandu jimpedixxi, sal-massimu possibbli, li applikanti li probabbilment jirċievu deċiżjoni negattiva għall-applikazzjoni tagħhom, jirrilokaw għal Stat Membru ieħor, u b’hekk jtawlu b’mod indebitu s-soġġorn tagħhom fl-Unjoni. F’din id-Deċiżjoni għandu jintuża livell limitu ta’ 75 %, ibbażat fuq l-aktar data trimestrali reċenti aġġornata disponibbli tal-Eurostat għal deċiżjonijiet fl-ewwel istanza.

(26)      Il-miżuri proviżorji huma maħsuba biex itaffu l-pressjoni sinifikanti tal-asil fuq l-Italja u fuq il-Greċja, b’mod partikolari billi jiġu rilokati numru sinifikanti ta’ applikanti fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, li jkunu waslu fit-territorju tal-Italja jew il-Greċja wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir applikabbli. Abbażi tan-numru globali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu fl-Italja u fil-Greċja b’mod irregolari fl-2015, u n-numru ta’ dawk fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, it-total ta’ 120 000 applikant fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja. […]

[…]

(31)      Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tiġi stabbilita proċedura ta’ rilokazzjoni rapida u li l-implimentazzjoni tal-miżuri proviżorji tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib bejn l-Istati Membri u minn appoġġ operazzjonali li jingħata mill-[Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)].

(32)      Is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni, sakemm it-trasferiment tal-applikant jiġi implimentat. B’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-applikant, inklużi r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, meta Stat Membru ikollu raġunijiet raġonevoli biex jikkunsidra applikant bħala ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan.”

9        Il-premessi 1, 2, 7, 23, 25, 26, 31 u 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601 kienu redatti f’termini identiċi għal dawk, rispettivament, tal-premessi 1, 2, 6, 18, 20, 21, 25 u 26 tad-Deċiżjoni 2015/1523.

10      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/1601, intitolat “Suġġett”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/1523:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, bil-ħsieb li tappoġġahom biex ilaħħqu aħjar ma’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’dawk l-Istati Membri.”

11      L-Artikolu 2 ta’ kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

e)      “rilokazzjoni” tfisser it-trasferiment ta’ applikant mit-territorju tal-Istat Membru li l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament […] Nru 604/2013 jindikaw bħala responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni;

f)      “Stat Membru ta’ rilokazzjoni” tfisser l-Istat Membru li jsir responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament […] Nru 604/2013 ta’ applikant wara r-rilokazzjoni tiegħu jew tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.”

12      Skont it-termini identiċi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/1601 u tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/1523, intitolati “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.      Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha ssir biss fir-rigward ta’ applikant li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja jew fil-Greċja u li għalih dawk l-Istati kienu altrimenti jkunu responsabbli skont il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament […] Nru 604/2013.

2.      Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta’ applikant li huwa ta’ nazzjonalità li għaliha il-proporzjon ta’ deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fost deċiżjonijiet meħuda fl-ewwel istanza dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60)], tkun daqs jew ogħla minn 75 % jew iktar minn). […]”

13      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1523 kien jipprevedi r-rilokazzjoni, mill-Italja u mill-Greċja, lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra li għalihom kienet applikabbli din id-deċiżjoni u li l-Ungerija ma kinitx tagħmel parti minnhom, ta’ 40 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, fosthom 24 000 mill-Italja u 16 000 mill-Greċja.

14      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2015/1601 jipprevedi:

“1.      120 000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra kif ġej:

a)      15 600 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness I;

b)      50 400 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Greċja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness II.

c)      54 000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn it-territorju tal-Istati Membri proporzjonalment għall-figuri stabbilit fl-Annessi I u II, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew permezz ta’ emenda għal din id-Deċiżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Mis-26 ta’ Settembru 2016, 54 000 applikant, imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, fil-proporzjon li jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, lejn it-territorju ta’ Stati Membri oħra u proporzjonalment mal-figuri li jinsabu fl-Annessi I u II. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar iċ-ċifri li għandhom jiġu allokati skont dan għal kull Stat Membru.

[…]”

15      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta’ Settembru 2016 (ĠU 2016, L 268, p. 82) ikkompleta l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni 2015/1601 bil-paragrafu li ġej:

“3 a.      Fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-applikanti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom bl-ammissjoni fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija skont l-iskemi ta’ ammissjoni legali nazzjonali jew multilaterali għal persuni li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, minbarra l-iskema ta’ risistemazzjoni li kienet is-suġġett tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill [Ewropew] tal-20 ta’ Lulju 2015. In-numru ta’ persuni ammessi b’dan il-mod minn Stat Membru għandu jwassal għal tnaqqis korrispondenti tal-obbligu tal-Istat Membru rispettiv.

[…]”

16      L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2015/1601 kienu jinkludu tabelli li jindikaw, għall-Istati Membri, minbarra r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, li għalihom kienet applikabbli din id-deċiżjoni, fosthom ir-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, il-kwoti vinkolanti tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali provenjenti, rispettivament, mill-Italja jew mill-Greċja li kellhom jiġu rrilokati fit-territorju ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri.

17      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601, intitolat “Proċedura ta’ rilokazzjoni”, jipprevedi:

“[…]

2.      L-Istati Membri għandhom, f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra.

3.      Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, l-Italja u l-Greċja, bl-assistenza tal-EASO u, fejn applikabbli, tal-uffiċjali ta’ kuntatt tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 8, għandhom jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra u, kemm jista’ jkun malajr, jagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-punti ta’ kuntatt ta’ dawk l-Istati Membri. Għal dak il-għan għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96)].

4.      Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista’ jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta’ rilokazzjoni speċifiku, f’konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli, kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

5.      L-applikanti li jkun jeħtieġ li jittiħdulhom il-marki tas-swaba’ skont l-obbligi stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ diġitali għall-finijiet tal-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, u li jemenda Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1),] jistgħu jiġu proposti għar-rilokazzjoni biss jekk il-marki tas-swaba’ jkunu ttiħdulhom u ntbagħtu lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, skont dak ir-Regolament.

6.      It-trasferiment tal-applikant lejn it-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jsir kemm jista’ jkun malajr wara d-data tan-notifika lill-persuna kkonċernat bid-deċiżjoni ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-Deċiżjoni. L-Italja u l-Greċja għandhom jibagħtu lill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni d-data u l-ħin tat-trasferiment kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra.

7.      L-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jew meta jkun hemm raġunijiet serji biex jiġu applikati dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni stipulati fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95/UE.

8.      Għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-proċedura ta’ rilokazzjoni deskritta f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri, wara li jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha, jistgħu jiddeċiedu li jaħtru uffiċjali ta’ kuntatt għall-Italja u għall-Greċja.

9.      F’konformità mal-acquis tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom. Għaldaqstant, l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid ta’ marki tas-swaba’ għall-proċedura ta’ rilokazzjoni għandhom jiġu garantiti mill-Italja u mill-Greċja. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess jibqa’ effiċjenti u maniġġabbli, il-faċilitajiet u l-miżuri tal-akkoljenza għandhom jiġu debitament organizzati sabiex il-persuni jkunu jistgħu jiġu akkomodati temporanjament, f’konformità mal-acquis tal-Unjoni, sakemm tittieħed deċiżjoni malajr dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-applikanti li jaħarbu l-proċedura ta’ rilokazzjoni għandhom jiġu esklużi mir-rilokazzjoni.

10.      Il-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista f’dan l-Artikolu għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tingħata l-indikazzjoni mill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, sakemm l-approvazzjoni mill-Istat Membru tar-rilokazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ssir inqas minn ġimagħtejn qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu ta’ xahrejn. F’każ bħal dan, il-limitu ta’ żmien biex titlesta l-proċedura ta’ rilokazzjoni jista’ jiġi estiż għal perijodu mhux itwal minn ġimagħtejn oħra. Barra minn hekk, dan il-limitu ta’ żmien jista’ wkoll jiġi estiż, b’perijodu ulterjuri ta’ erba’ ġimgħat, kif xieraq, fejn l-Italja jew il-Greċja juru li hemm ostakoli prattiċi oġġettivi li jimpedixxu t-trasferiment milli jsir.

Fejn il-proċedura ta’ rilokazzjoni ma titlestiex f’dawn il-limiti ta’ żmien u sakemm l-Italja u l-Greċja ma jaqblux mal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta’ żmien, l-Italja u l-Greċja għandhom jibqgħu responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament UE Nru 604/2013.

11.      Wara r-rilokazzjoni tal-applikant, l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jieħu, u jibgħat lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, il-marki tas-swaba’ tal-applikant skont l-Artikolu 9 tar-Regolament UE Nru 603/2013 u jaġġorna l-ġabriet ta’ data skont l-Artikolu 10, u fejn applikabbli, l-Artikolu 18, ta’ dak ir-Regolament.”

18      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1523, intitolat “Proċedura ta’ rilokazzjoni”, kien ifformulat, essenzjalment, fl-istess termini tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601.

19      L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2015/1523 u tad-Deċiżjoni 2015/1601 kien jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kellha tirrapporta lill-Kunsill, kull sitt xhur, dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

20      Sussegwentement, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta rapporti kull xahar dwar l-implimentazzjoni tad-diversi miżuri ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali meħuda fuq il-livell tal-Unjoni, fosthom dawk previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill ħmistax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni.

21      Fil-15 ta’ Novembru 2017 u fl-14 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll rapporti ta’ progress li jinkludu b’mod partikolari data aġġornata dwar ir-rilokazzjonijiet imwettqa skont id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601.

22      Mill-Artikolu 13(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 jirriżulta li din daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Settembru 2015 u kienet applikabbli sas-17 ta’ Settembru 2017. L-Artikolu 13(3) ta’ din id-deċiżjoni kien jipprevedi li din kienet tapplika għall-persuni li kienu waslu fit-territorju Taljan jew fit-territorju Grieg bejn is-16 ta’ Settembru 2015 u s-17 ta’ Settembru 2017 kif ukoll għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li kienu waslu f’wieħed minn dawn it-territorji mill-15 ta’ Awwissu 2015.

23      Konformement mal-Artikolu 13(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, din daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2015 u kienet applikabbli sas-26 ta’ Settembru 2017. L-Artikolu 13(3) ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi li din kienet tapplika għall-persuni li kienu waslu fit-territorju Taljan u dak Grieg bejn il-25 ta’ Settembru 2015 u s-26 ta’ Settembru 2017 kif ukoll għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li kienu waslu f’wieħed minn dawn it-territorji mill-24 ta’ Marzu 2015.

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi u l-proċeduri prekontenzjużi

24      Fis-16 ta’ Diċembru 2015, ir-Repubblika tal-Polonja indikat, skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, numru ta’ 100 applikant għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, li minnhom 65 mill-Greċja u 35 mill-Italja. Sussegwentement, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana identifikaw, rispettivament, 73 u 36 persuna li huma talbu lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tirriloka. Dan l-aħħar Stat Membru ma segwiex dawn l-applikazzjonijiet u ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali ma ġie rrilokat fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru skont id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja ma ħadet ebda impenn ieħor ta’ rilokazzjoni.

25      Huwa paċifiku li l-Ungerija, li ma pparteċipatx fil-miżura ta’ rilokazzjoni volontarja prevista mid-Deċiżjoni 2015/1523, fl-ebda mument ma indikat numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u li, konsegwentement, ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali ma ġie rrilokat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru skont din id-deċiżjoni.

26      Fil-5 ta’ Frar u fit-13 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Ċeka indikat, skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, numru, rispettivament, ta’ 30 u ta’ 20 applikant għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, fosthom 20 u 10 mill-Greċja u darbtejn 10 mill-Italja. Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana identifikaw, rispettivament, 30 u 10 persuni li huma talbu r-rilokazzjoni tagħhom lejn ir-Repubblika Ċeka. Dan l-aħħar Stat Membru aċċetta li jirriloka 15‑il persuna mill-Greċja, li minnhom 12 ġew effettivament irrilokati. Ir-Repubblika Ċeka ma aċċettat l-ebda waħda mill-persuni identifikati mir-Repubblika Taljana, u mill-Italja ma saret ebda rilokazzjoni lejn ir-Repubblika Ċeka. Għaldaqstant, total ta’ 12‑il applikant għal protezzjoni internazzjonali, kollha provenjenti mill-Greċja, ġew irrilokati fit-territorju tar-Repubblika Ċeka skont id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Wara t-13 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Ċeka ma ħadet ebda impenn ieħor ta’ rilokazzjoni.

27      Permezz ta’ ittri tal-10 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Polonja, lill-Ungerija u lir-Repubblika Ċeka, b’mod partikolari, sabiex jikkomunikaw mill-inqas kull tliet xhur indikazzjonijiet dwar in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati fit-territorju tagħhom u sabiex jirrilokaw tali applikanti f’intervalli regolari sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi legali tagħhom.

28      Permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni fakkret lill-Istati Membri kollha fl-obbligi tagħhom ta’ rilokazzjoni skont id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601.

29      F’ittra tat-28 ta’ Frar 2017, indirizzata flimkien mill-Kummissjoni u mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Ministri tal-Intern, l-Istati Membri li kienu għadhom ma għamlux rilokazzjonijiet jew li ma kinux irrilokaw proporzjonalment għall-kwota tagħhom kienu mitluba jżidu l-isforzi tagħhom immedjatament.

30      Ir-Repubblika Ċeka indikat, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Marzu 2017, li hija kienet tqis li l-ewwel offerta tagħha, tal-5 ta’ Frar 2016, li tirriloka 30 persuna kienet suffiċjenti.

31      Fil-5 ta’ Ġunju 2017, ir-Repubblika Ċeka adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 439 li permezz tagħha ddeċidiet li tissospendi l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha assunti waqt il-laqgħa, fil-25 u fis-26 ta’ Ġunju 2015, tal-Kunsill Ewropew, ifformalizzati sussegwentement waqt il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, tal-20 ta’ Lulju 2015 u implimentati bid-Deċiżjoni 2015/1523, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1601 “fid-dawl tad-deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni fil-qasam tas-sigurtà fl-Unjoni […] u minħabba d-disfunzjoni manifesta tas-sistema ta’ rilokazzjoni”.

32      F’diversi rapporti tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, il-Kummissjoni insistiet li l-Istati Membri jindikaw f’intervalli regolari numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati fit-territorju tagħhom konformement mal-obbligi ta’ kull Stat Membru skont id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew skont id-Deċiżjoni 2015/1601 u jagħmlu rilokazzjonijiet effettivi proporzjonalment mal-obbligi tagħhom u, b’mod partikolari, tal-kwoti tagħhom li jinsabu fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2015/1601, taħt piena ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

33      Fil-komunikazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Mejju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — It-tielet rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 360 final, tal-15 ta’ Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Ir-raba’ rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 416 final, tat-13 ta’ Lulju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Il-ħames rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 480 final, tat-28 ta’ Settembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Is-sitt rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 636 final, tad-9 ta’ Novembru 2016 lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Is-seba’ rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 720, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — It-tmien rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2016) 791 final, il-Kummissjoni indikat li tirriżerva d-dritt li tuża l-poteri mogħtija lilha mit-Trattati jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jiħdux il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi ta’ rilokazzjoni tagħhom kif previsti fid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601.

34      Barra minn hekk, fil-komunikazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Frar 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Id-disa’ rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 74 final, tat-2 ta’ Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — L-għaxar rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 202 final, tat-12 ta’ April 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Il-ħdax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 212 final, kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — It-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 260 final, il-Kummissjoni talbet speċifikament li r-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka jikkonformaw ruħhom mal-obbligi ta’ rilokazzjoni tagħhom skont id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew id-Deċiżjoni 2015/1601 billi jirrilokaw applikanti għal protezzjoni internazzjonali u billi jieħdu impenji ta’ rilokazzjoni. Hija indikat li kienet qiegħda tirriżerva l-possibbiltà li tibda proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dawn l-Istati Membri jekk dawn ma jikkonformawx ruħhom mal-obbligi tagħhom kemm jista’ jkun malajr.

35      Fit-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, il-Kummissjoni eżiġiet li l-Istati Membri li ma kienu għadhom irrilokaw ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali jew li ma kinux indikaw għal sena numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati mill-Greċja u mill-Italja fit-territorju tagħhom jipproċedu immedjatament jew, l-iktar tard, f’terminu ta’ xahar għal tali rilokazzjonijiet u impenji.

36      Permezz ta’ ittri ta’ intimazzjoni tal-15 ta’ Ġunju 2017, f’dak li jirrigwarda l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, u tas-16 ta’ Ġunju 2017, fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258(1) TFUE kontra dawn it-tliet Stati Membri. F’dawn l-ittri, il-Kummissjoni sostniet li dawn l-Istati Membri ma kinux osservaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u lanqas, konsegwentement, l-obbligi sussegwenti tagħhom ta’ rilokazzjoni previsti fl-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601.

37      Peress li ma kinitx konvinta mir-risposti tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka għal dawn l-ittri ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Lulju 2017, bagħtet opinjoni motivata lil kull wieħed minn dawn it-tliet Stati Membri, filwaqt li żammet il-pożizzjoni tagħha li r-Repubblika tal-Polonja, mis-16 ta’ Marzu 2016, l-Ungerija, mill-25 ta’ Diċembru 2015, u r-Repubblika Ċeka, mit-13 ta’ Awwissu 2016, kienu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, kif ukoll, bħala konsegwenza, l-obbligi sussegwenti tagħhom taħt l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601, waqt li stiednet lil dawn it-tliet Stati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ruħhom ma’ dawk l-obbligi fi żmien erba’ ġimgħat, jiġifieri mhux iktar tard mit-23 ta’ Awwissu 2017.

38      Ir-Repubblika Ċeka, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2017, kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija, permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Awwissu tal-istess sena, irrispondew għall-imsemmija opinjonijiet motivati.

39      Fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Settembru 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Il-ħmistax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 465 final, il-Kummissjoni, mill-ġdid, ikkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija kienu l-uniċi Stati Membri li ma rrilokaw ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali, li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx għadha ħadet impenji ta’ rilokazzjoni mis-16 ta’ Diċembru 2015 u li r-Repubblika Ċeka ma kinitx għadha ħadet tali impenji mit-13 ta’ Mejju 2016 u ma kinitx għadha għamlet rilokazzjoni mix-xahar ta’ Awwissu 2016. Hija talbet li dawn it-tliet Stati Membri jieħdu immedjatament l-impenji ta’ rilokazzjoni u jipproċedu immedjatament għal rilokazzjonijiet. Barra minn hekk, hija rreferiet f’din il-komunikazzjoni għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), filwaqt li indikat li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601.

40      Permezz ta’ ittri tad-19 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka dwar din is-sentenza billi rrepetiet li din kienet ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni 2015/1601, u stiednet lil dawn it-tliet Stati Membri jadottaw, mill-iktar fis possibbli, il-miżuri neċessarji sabiex jieħdu impenji ta’ rilokazzjoni u jipproċedu għal rilokazzjonijiet.

41      Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda risposta għal dawn l-ittri, hija ddeċidiet li tressaq ir-rikorsi preżenti.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ġunju 2018, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja fil-Kawża C‑715/17.

43      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2018, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka fil-Kawża C‑719/17.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2018, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Ungerija fil-Kawża C‑718/17.

45      Peress li l-partijiet u l-Avukat Ġenerali nstemgħu fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, minħabba l-konnessjoni tagħhom flimkien, dawn il-kawżi għandhom jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq ir-rikorsi

 Fuq l-ammissibbiltà

46      It-tliet Stati Membri inkwistjoni jqajmu diversi argumenti sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonċernahom.

 Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-Kawżi C715/17, C718/17 u C719/17, ibbażati fuq il-fatt li r-rikorsi huma mingħajr suġġett u jikkontradixxu l-għan tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE

–       L-argumenti tal-partijiet

47      It-tliet Stati Membri inkwistjoni jsostnu, essenzjalment, li r-rikors li jikkonċernahom huwa inammissibbli minħabba li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew mid-Deċiżjoni 2015/1601 li huma kkritikati bih, xorta jibqa’ l-fatt li huwa impossibbli għal kull Stat Membru inkwistjoni li jirrimedja għal dan tal-aħħar billi jimplimenta l-obbligi imposti mill-Artikolu 5(2) u (4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, peress li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom u, konsegwentement, l-obbligi li huma jimponu ilhom li skadew definittivament mis-17 ta’ Settembru u mis-26 ta’ Settembru 2017, rispettivament.

48      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE għandu jkollu l-għan li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-dawl tal-waqfien tiegħu u ma jistax ikollu bħala għan biss l-għoti ta’ sentenza purament dikjaratorja li permezz tagħha tiġi kkonstatata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

49      Għaldaqstant, ir-rikorsi huma mingħajr skop u ma jservux l-għan tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

50      Barra minn hekk, fir-rigward tan-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn atti tal-Unjoni li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom ikun skada b’mod definittiv u li ma jistgħux jiġu rrimedjati, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka interess suffiċjenti sabiex titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata dawn in-nuqqasijiet.

51      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52      Għandu jitfakkar li l-għan imfittex mill-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE huwa l-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi imposti fuqu mit-Trattat FUE jew minn att tad-dritt sekondarju u li tali proċedura tippermetti wkoll li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru kisirx id-dritt tal-Unjoni f’każ partikolari (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-kuntest, wieħed mill-għanijiet tal-proċedura prekontenzjuża huwa li jagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punti 39 u 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE jirriżulta li, jekk l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata fit-terminu stabbilit f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem dan it-terminu (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Huwa minnu, kif ifakkru t-tliet Stati Membri inkwistjoni, li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-missjoni li tiżgura, ex officio u fl-interess ġenerali, l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dritt tal-Unjoni u li tikkonstata, bil-għan li dawn jintemmu, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet eventwali tal-obbligi li jirriżultaw minnu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑20/09, EU:C:2011:214, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Madankollu, din il-ġurisprudenza għandha tinftiehem fis-sens li, f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma tistax titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bil-għan li dan jintemm. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax, pereżempju, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tordna lil Stat Membru jadotta aġir partikolari sabiex jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑20/09, EU:C:2011:214, punt 41).

57      Min-naħa l-oħra, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ammissibbli jekk il-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari f’sitwazzjoni, bħal dik f’dan il-każ, fejn l-att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li l-ksur tiegħu jkun allegat ikun definittivament waqaf milli jkun applikabbli wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

58      Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, tali rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sa fejn jirrigwarda l-konstatazzjoni oġġettiva mill-Qorti tal-Ġustizzja tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi li jimponi fuqu att ta’ dritt sekondarju u jippermetti li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru kisirx id-dritt tal-Unjoni f’każ partikolari, jaqa’ kompletament taħt l-għan imfittex mill-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

59      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 skada definittivament fis-17 ta’ Settembru u fis-26 ta’ Settembru 2017 rispettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 94).

60      F’dan ir-rigward, it-tliet Stati Membri inkwistjoni jinvokaw il-fatt li ma huwiex iktar possibbli li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat peress li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 skada b’mod definittiv. Issa, dan il-fatt, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà ta’ dawn ir-rikorsi.

61      Fil-fatt, it-tliet Stati Membri inkwistjoni ngħataw il-possibbiltà li jtemmu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġew akkużati bih qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjonijiet motivati, jiġifieri t-23 ta’ Awwissu 2017, u, għalhekk, qabel dak tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 billi jieħdu impenji ta’ rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tad-Deċiżjoni 2015/1601, u billi jagħmlu rilokazzjonijiet effettivi fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601, hekk kif il-Kummissjoni kienet talbithom jagħmlu f’sensiela ta’ ittri u f’bosta mill-komunikazzjonijiet ta’ kull xahar tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni.

62      Peress li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu hekk stabbilit fl-opinjonijiet motivati, l-obbligi li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kienu għadhom fis-seħħ u li, kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, it-tliet Stati Membri kkonċernati kienu għadhom ma kkonformawx ruħhom ma’ dawn l-obbligi minkejja li l-Kummissjoni kienet offritilhom il-possibbiltà li jagħmlu dan sa mhux iktar tard mill-imsemmija data, din l-istituzzjoni hija, minkejja l-iskadenza sussegwenti tal-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, ammissibbli biex tressaq ir-rikorsi preżenti, bil-għan li jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

63      Li kieku l-argumenti tat-tliet Stati Membri inkwistjoni kellhom jiġu aċċettati, kull Stat Membru li, bl-aġir tiegħu, jippreġudika t-twettiq tal-għan inerenti ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE u li japplika biss, bħala “miżura provviżorja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għal perijodu limitat, kif huwa l-każ għad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punti 90 u 94), ikun jista’ għalhekk jevita proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għas-sempliċi raġuni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda att tad-dritt tal-Unjoni li l-perijodu ta’ applikazzjoni tiegħu jkun skada b’mod definittiv wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’konsegwenza ta’ liema l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw min-nuqqas tagħhom stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 48).

64      F’tali każ, ma jkunx possibbli għall-Kummissjoni li taġixxi, fil-kuntest tal-kompetenzi li hija għandha taħt l-Artikolu 258 TFUE, kontra l-Istat Membru kkonċernat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkonstatat tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u twettaq b’mod sħiħ il-missjoni ta’ gwardjana tat-Trattati mogħtija lilha mill-Artikolu 17 TUE (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 49).

65      Barra minn hekk, li tiġi ammessa, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dawn il-kawżi, l-inammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru minħabba ksur ta’ deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE, bħad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, ikun ta’ preġudizzju kemm għan-natura obbligatorja ta’ dawn id-deċiżjonijiet, kif ukoll, b’mod ġenerali, għall-osservanza tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-Istat tad-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 50).

66      Il-konstatazzjoni tan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni tkompli barra minn hekk tinvolvi interess materjali, b’mod partikolari, sabiex tiġi stabbilita l-bażi ta’ responsabbiltà li Stat Membru jista’ jinkorri, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiegħu, fir-rigward ta’ Stati Membri oħra, tal-Unjoni jew ta’ individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 39/72, EU:C:1973:13, punt 11).

67      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li, wara l-iskadenza definittiva tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, il-Kummissjoni ma għadx għandha interess ġuridiku, għandu jitfakkar il-prinċipju, stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li l-Kummissjoni la għandha turi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku u lanqas li tindika l-motivi li wassluha sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan ir-rigward, huwa minnu, hekk kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, li, f’sitwazzjoni fejn ir-rikors kien ġie ppreżentat fi żmien meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien ġie tterminat virtwalment minħabba s-sostituzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda tad-dritt tal-Unjoni ma’ dawk li l-ksur tagħhom kien allegat, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, b’eċċezzjoni għall-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, huwa obbligu tagħha li, mingħajr ma tkun tista’ tevalwa l-motivi ta’ opportunità li jispiraw ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni, teżamina jekk rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda aġir fil-passat jikkostitwixxix azzjoni li tkun għadha turi “interess suffiċjenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, EU:C:1970:67, punti 9 u 10).

69      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni inkwistjoni f’dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma taqax taħt is-sitwazzjoni partikolari msemmija mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li hija kkaratterizzata mis-sostituzzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-ksur tagħhom kien allegat minn dispożizzjonijiet ġodda li wasslu virtwalment għat-tmiem tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni.

70      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, l-interess tal-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni ma jistax jiġi ddubitat. Fil-fatt, minn naħa, it-terminu stabbilit fl-opinjonijiet motivati kien jintemm f’data li fiha kienu għadhom jeżistu n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn it-tliet kawżi jqajmu kwistjonijiet importanti dwar id-dritt tal-Unjoni, fosthom il-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, dwar liema kundizzjonijiet Stat Membru jista’ jinvoka l-Artikolu 72 TFUE sabiex iħalli mhux applikati deċiżjonijiet, adottati abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, li n-natura obbligatorja tagħhom ma hijiex ikkontestata u li huma intiżi għar-rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust bejn l-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, EU:C:1970:67, punti 11 u 13).

71      Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq il-fatt li r-rikorsi huma mingħajr suġġett u jikkontradixxu l-għan tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE, bħal dawk ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma sostnietx interess suffiċjenti sabiex tippreżenta dan ir-rikors, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-Kawżi C715/17 u C718/17, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–       L-argumenti tal-partijiet

72      Fil-Kawża C‑718/17, l-Ungerija ssostni li r-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma inammissibbli peress li l-Kummissjoni, billi llimitat ruħha li tippreżenta rikors kontra t-tliet Stati Membri inkwistjoni biss filwaqt li l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri ma osservawx b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew id-Deċiżjoni 2015/1601, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u b’hekk marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 258 TFUE.

73      Fil-Kawża C‑715/17, ir-Repubblika tal-Polonja tressaq, essenzjalment, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-istess natura.

74      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi jekk huwiex opportun li taġixxi kontra Stat Membru, sabiex tiddetermina d-dispożizzjonijiet li jkun kiser u sabiex tagħżel il-mument meta tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, peress li l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-assenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra Stat Membru ieħor (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 25).

77      Barra minn hekk, kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, hija indikat b’mod ċar fit-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni li l-Istati Membri li kienu għadhom ma rrilokaw ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali, sitwazzjoni li fiha kienu jinsabu r-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija, u/jew li ma kinux għadhom ħadu impenji ta’ rilokazzjoni mill-Greċja u mill-Italja għal iktar minn sena, sitwazzjoni li fiha kienu jinsabu r-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Ċeka, setgħu jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ħlief jekk dawn kienu jibdew immedjatament, jew, l-iktar tard, f’terminu ta’ xahar jieħdu dawn l-impenji u jwettqu rilokazzjonijiet effettivi.

78      Sussegwentement, fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Ġunju 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill —It-tlettax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, COM (2017) 330 final, il-Kummissjoni kkonstatat li, wara s-sejħa tagħha mnedija fit-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka, kienu bdew jieħdu regolarment impenji skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 u indikat li hija kienet iddeċidiet li tibda tliet proċeduri kontra dawn l-Istati Membri.

79      F’dan il-kuntest, l-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni, sa fejn hija intiża sabiex tiżgura li l-Istati Membri kollha, minbarra r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, li kienu marbuta bl-obbligi ta’ rilokazzjoni li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, jimplimentaw dawn l-obbligi, kienet taqa’ kompletament taħt l-għan imfittex minn dawn id-deċiżjonijiet.

80      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-piżijiet li jinkludu l-miżuri provviżorji previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, peress li dawn ġew adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE sabiex jgħinu lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana sabiex jaffrontaw aħjar sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom, għandhom, bħala prinċipju, jitqassmu bejn l-Istati Membri l-oħra kollha, konformement mal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, peress li, skont l-Artikolu 80 TFUE, dan il-prinċipju jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 291).

81      L-azzjoni tal-Kummissjoni hija għalhekk ibbażata, f’dan il-każ, fuq kriterju newtrali u oġġettiv, relatat mal-gravità u mal-persistenza tan-nuqqasijiet allegati fil-konfront tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Ungerija u tar-Repubblika Ċeka, li, fid-dawl tal-għan tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kif għadu kif tfakkar, jippermetti li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ dawn it-tliet Stati Membri u dik tal-Istati Membri l-oħra, inklużi dawk li ma osservawx b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dawn id-deċiżjonijiet.

82      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma qabżet il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fil-kuntest tal-Artikolu 258 TFUE meta ddeċidiet li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka, u mhux kontra Stati Membri oħra. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-Kawża C718/17, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura prekontenzjuża

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Fil-Kawża C‑718/17, l-Ungerija takkuża lill-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża tagħha fil-proċedura prekontenzjuża sa fejn it-terminu għal risposta ta’ erba’ ġimgħat mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata kien eċċessivament qasir, kuntrarju għat-terminu abitwali ta’ xahrejn u mhux iġġustifikat minn sitwazzjoni ta’ urġenza leġittima.

84      Il-Kummissjoni kisret b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tal-Ungerija billi ċaħdet it-talba tagħha għal estensjoni tat-terminu għar-risposta mogħti fl-opinjoni motivata.

85      L-Ungerija ssostni li l-Kummissjoni, sa fejn iddeċidiet biss fix-xahar ta’ Ġunju 2017, u għalhekk f’data relattivament qrib id-data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li tibda l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra t-tliet Stati Membri inkwistjoni, hija hi stess il-kawża tal-urġenza li qiegħda tiġi invokata minnha. It-termini sabiex tingħata risposta eċċessivament qosra u l-għaġla tal-proċedura prekontenzjuża huma spjegati mhux b’urġenza reali, iżda mill-fatt li l-Kummissjoni riedet li askapitu ta’ kollox tibqa’ tista’ tistabbilixxi fl-opinjoni motivata t-terminu mogħti lill-Istati Membri inkwistjoni sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom b’tali mod li dan jiskadi qabel ma l-imsemmija deċiżjonijiet ma jibqgħux applikabbli fix-xahar ta’ Settembru 2017, u dan sabiex jiġi evitat li r-rikorsi tagħha jiġu kkontestati bħala inammissibbli fil-konfront tagħha. L-urġenza invokata mill-Kummissjoni hija wkoll kontradetta mill-fatt li din l-istituzzjoni reġgħet stenniet erba’ xhur wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi.

86      Fit-tieni lok, l-Ungerija tilmenta li l-Kummissjoni ma indikatx, matul il-proċedura prekontenzjuża, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tagħha.

87      L-Ungerija ssostni, f’dan ir-rigward, li, għalkemm, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjoni qasira li tindika għaliex, fil-fehma tagħha, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 jimplika ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni, din l-ispjegazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tirrimedja għall-fatt li, matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx b’mod ċar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura.

88      Filwaqt li, fil-motivi tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata, l-Ungerija kienet akkużata biss bi ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, il-Kummissjoni, fit-talbiet ta’ din l-ittra u ta’ din l-opinjoni, allegat ukoll ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr analiżi addizzjonali.

89      Din l-impreċiżjoni tas-suġġett tal-proċedura hija dovuta wkoll għall-fatt li, fil-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni rreferiet diversi drabi għal ksur kemm tad-Deċiżjoni 2015/1523 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2015/1601 filwaqt li, fin-nuqqas ta’ impenn volontarju, l-Ungerija ma kinitx obbligata tirriloka applikanti għal protezzjoni internazzjonali taħt l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

90      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka l-eċċezzjonijiet tad-difiża tiegħu b’mod utli kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tammonta għal garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat FUE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex tiġi żgurata li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kawża ddefinita b’mod ċar (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      Dawn l-għanijiet jobbligaw lill-Kummissjoni tħalli terminu raġonevoli lill-Istati Membri sabiex jirrispondu għall-ittra ta’ intimazzjoni u sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ opinjoni motivata jew, jekk ikun il-każ, sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom. Dak li jikkostitwixxi terminu raġonevoli għandu jiġi deċiż każ b’każ, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-każ inkwistjoni. Għalhekk, termini qosra ħafna jistgħu jiġu ġġustifikati f’sitwazzjonijiet partikolari, b’mod partikolari meta jkun hemm urġenza sabiex jiġi rrimedjat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew meta l-Istat Membru kkonċernat ikun jaf b’mod sħiħ il-perspettiva tal-Kummissjoni ferm qabel il-bidu tal-proċedura (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, EU:C:2001:687, punt 65).

93      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita diġà msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra Stat Membru, li għandha tiddetermina d-dispożizzjonijiet li huwa kiser u li tagħżel il-mument meta tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, peress li l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tal-azzjoni.

94      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it-termini ta’ risposta allegatament eċċessivament qosra li ġew stabbiliti fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata, mir-rapporti tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li din l-istituzzjoni ddeċidiet li tibda l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-15 ta’ Ġunju u fis-16 ta’ Ġunju 2017, u għalhekk fi stadju relattivament avvanzat tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 li kien jintemm, rispettivament, fis-17 ta’ Settembru u fis-26 ta’ Settembru 2017. Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-fatt li, qabel ma bdiet dawn il-proċeduri u qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ applikazzjoni, l-imsemmija istituzzjoni riedet tagħti l-aħħar possibbiltà lit-tliet Stati Membri inkwistjoni, li jew kienu għadhom ma rrilokaw ebda applikant għal protezzjoni internazzjonali, jew kienu ilhom ma jieħdu impenji ta’ rilokazzjoni iktar minn sena, li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi imposti fuqhom skont l-imsemmija deċiżjonijiet billi jieħdu impenji formali u jirrilokaw lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mhux iktar tard minn terminu ta’ xahar.

95      Barra minn hekk, din l-għażla li tinbeda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fi stadju relattivament avvanzat tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 tidher iġġustifikata fid-dawl tal-fatt, diġà rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, bħal dik prevista mid-Deċiżjoni 2015/1601, hija operazzjoni fl-istess ħin ġdida u kumplessa li teħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fuq il-livell tal-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel ma hija tipproduċi effetti konkreti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 97).

96      Għaldaqstant, għalkemm, fid-dawl tad-dati tal-iskadenza relattivament qrib tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, finalment sar urġenti, matul ix-xahar ta’ Mejju 2017, li jiġi previst li t-tliet Stati Membri inkwistjoni, permezz ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġu mġiegħla josservaw l-obbligi tagħhom ta’ rilokazzjoni imposti minn dawn id-deċiżjonijiet għall-parti li jifdal ta’ dan il-perijodu ta’ applikazzjoni, ir-raġuni ta’ din l-urġenza ma tistax tiġi attribwita għal xi inerzja jew azzjoni tardiva tal-Kummissjoni, iżda tinsab fir-rifjut persistenti ta’ dawn it-tliet Stati Membri li jaġixxu fuq sejħiet repetuti mill-Kummissjoni biex jikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-obbligi.

97      Kien għalkollox leġittimu għall-Kummissjoni, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fir-rigward tal-għażla tal-mument li fih hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li teżawrixxi qabelxejn il-possibbiltajiet kollha sabiex tikkonvinċi lit-tliet Stati Membri inkwistjoni li jwettqu rilokazzjonijiet u li jieħdu impenji formali sabiex dawn l-Istati Membri jikkontribwixxu debitament, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri li, skont l-Artikolu 80 TFUE, jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, għall-għan ta’ rilokazzjoni effettiva segwit mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, filwaqt li jkun assigurat li dawk l-Istati Membri ma jaħarbux minn azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jekk jiddeċiedu li ma jsegwux l-appell finali tal-Kummissjoni biex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom.

98      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma eċċedietx dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

99      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tliet Stati Membri inkwistjoni kienu ġew informati, tal-inqas mis-16 ta’ Mejju 2017, data tat-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrihom jekk huma jkomplu jirrifjutaw li jikkonformaw ruħhom mad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601.

100    Bl-istess mod, huma kellhom għarfien sħiħ tal-perspettiva tal-Kummissjoni ferm qabel il-bidu tal-proċedura prekontenzjuża fil-15 ta’ Ġunju u s-16 ta’ Ġunju 2017. Fil-fatt, l-opinjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqasijiet allegati fil-konfront tat-tliet Stati Membri kkonċernati kienet ġiet enfasizzata minnha f’diversi ittri kif ukoll f’diversi rapporti dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-termini inkwistjoni ta’ erba’ ġimgħat ma jistgħux jitqiesu li huma irraġonevolment qosra.

101    Barra minn hekk, ma jidhirx li t-termini għat-tweġiba ta’ erba’ ġimgħat stabbiliti fl-ittri ta’ intimazzjoni u fl-opinjonijiet motivati ma ppermettewx lill-Istati Membri inkwistjoni li jsostnu b’mod utli, fil-proċedura prekontenzjuża, l-eċċezzjonijiet tagħhom kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni.

102    Fil-fatt, fir-risposti, fil-kontroreplika u fl-intervent tagħhom, it-tliet Stati Membri inkwistjoni essenzjalment jirriproduċu l-argumenti li huma kienu diġà qajmu fir-risposti tagħhom għall-ittri ta’ intimazzjoni u fl-opinjonijiet motivati.

103    Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument iktar speċifiku tal-Ungerija li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi fuqha termini ta’ risposta ta’ erba’ ġimgħat u ma setgħetx tirrifjutalha estensjoni ta’ dawn it-termini peress li dawn kienu jiskadu fil-perijodu tas-sajf tas-sena 2017 li matulu persunal imnaqqas fi ħdan il-Ministeru Ungeriż ikkonċernat kellu jipprepara risposta mhux biss f’din il-kawża, iżda wkoll f’żewġ kawżi oħra li kienu qajmu kwistjonijiet kumplessi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li kienu jeħtieġu sforzi konsegwenti.

104    Fil-fatt, l-Ungerija kienet taf, tal-inqas mis-16 ta’ Mejju 2017, id-data tat-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibda, fi żmien qasir, proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru jekk dan ikompli ma jimplimentax id-Deċiżjoni 2015/1601. L-Ungerija lanqas ma setgħet tinjora li, jekk din il-proċedura tkun inbdiet, il-Kummissjoni kienet tkun obbligata tagħti termini ta’ risposta relattivament qosra sabiex tiżgura li l-proċedura prekontenzjuża tkun tista’ tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fis-26 ta’ Settembru 2017. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru kellu, f’dan il-każ, jipprevedi dispożittiv suffiċjenti, inkluż matul il-perijodu tas-sajf tas-sena 2017, sabiex ikun f’pożizzjoni li jirrispondi l-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata.

105    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata impreċiżjoni tal-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni kontra l-Ungerija fil-proċedura prekontenzjuża u, b’mod iktar partikolari, tal-fatt li r-rabta bejn in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni ġiet spjegata biss fir-rikors u b’mod partikolarment qasir, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kemm fit-talbiet fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni akkużat b’mod espliċitu lill-Ungerija li kisret l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u, “konsegwentement”, tal-“obbligi ta’ rilokazzjoni oħra” tagħha imposti mill-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ dik id-deċiżjoni.

106    Barra minn hekk, fil-motivi tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni spjegat din ir-rabta kawżali, f’termini identiċi u suffiċjentement ċari, billi indikat li l-impenji msemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 jikkostitwixxu l-“ewwel pass” li fuqu hija “mibnija” il-proċedura ddettaljata u vinkolanti ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, minn naħa, u l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni, min-naħa l-oħra, li għandhom l-għan li jwettqu t-trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mill-ewwel żewġ Stati Membri lejn l-oħrajn, u li l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ dik id-deċiżjoni fih serje ta’ obbligi legali preċiżi u konsekuttivi għall-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rilokazzjoni effettiva tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali permezz tat-trasferiment tagħhom lejn it-territorju ta’ Stat Membru ta’ rilokazzjoni hija possibbli biss jekk dan l-Istat Membru, fl-ewwel fażi tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, ikun ħa impenn f’dan is-sens għal ċertu numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Għalkemm tali impenn ma tteħidx, bi ksur tal-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, tali nuqqas iwassal neċessarjament għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi konsekuttivi imposti mill-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-fażijiet sussegwenti tal-proċedura intiża għar-rilokazzjoni effettiva tal-applikanti inkwistjoni permezz tat-trasferiment tagħhom lejn it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

108    Għaldaqstant, l-Ungerija ma setgħetx tinjora r-rabta kawżali manifesta bejn il-ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u dik tal-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni.

109    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, f’ċerti motivi tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata, b’mod partikolari f’dawk li jiddeskrivu l-kuntest ġuridiku, il-Kummissjoni rreferiet mhux biss għad-Deċiżjoni 2015/1601, iżda wkoll għad-Deċiżjoni 2015/1523, filwaqt li l-Ungerija ma kinitx marbuta b’din id-deċiżjoni tal-aħħar, is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih hija akkużata l-Ungerija kien kompletament ċar għal dan l-Istat Membru fid-dawl ta’ qari tal-motivi kollha tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jirreferu biss għad-Deċiżjoni 2015/1601. Barra minn hekk, kemm fit-talbiet tal-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll tal-opinjoni motivata, l-Ungerija hija akkużata biss b’nuqqas ta’ twettiq ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk ma jidhirx li l-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ ċerti motivi tar-rikors seta’ jaffettwa l-eżerċizzju mill-Ungerija tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Ungerija u bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura prekontenzjuża għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-Kawża C719/17, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew fuq l-inkoerenza tar-rikors

–       L-argumenti tal-partijiet

111    Fil-Kawża C‑719/17, ir-Repubblika Ċeka, wara mistoqsija għal tweġiba bil-miktub li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-seduta, ikkontestat, fir-risposta tagħha għal din id-domanda, l-ammissibbiltà tar-rikors li jikkonċernaha minħabba li r-rikors ma jistabbilixxix b’mod koerenti u preċiż in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li, fit-talbiet tar-rikors, id-data tal-bidu tal-ksur li hija akkużata bih ma tissemmiex filwaqt li, kemm fil-talbiet fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll tal-opinjoni motivata, it-13 ta’ Awwissu 2016 hija msemmija bħala d-data tal-bidu tal-ksur. Barra minn hekk, ċerti motivi tar-rikors jindikaw jew it-13 ta’ Mejju 2016 jew it-13 ta’ Awwissu 2016 bħala d-data tal-bidu ta’ dan il-ksur.

112    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113    Għandu jitfakkar li rikors għandu jiġi eżaminat biss fid-dawl tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑132/09, EU:C:2010:562, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 53).

116    B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tal-motivi li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi li ġew imposti fuqu bis-saħħa tat-Trattati. Għaldaqstant, kontradizzjoni fl-espożizzjoni tal-motiv imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 35).

117    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li kemm fil-konklużjonijiet tal-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll tal-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ffissat id-data tal-bidu tal-ksur akkużat fil-konfront tar-Repubblika Ċeka għat-13 ta’ Awwissu 2016, it-talbiet tar-rikors fil-Kawża C‑719/17, kif ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 112, p. 19), ma jsemmux din id-data u lanqas data oħra bħala d-data tal-bidu ta’ dan il-ksur.

118    Għaldaqstant, id-deskrizzjoni, fit-talbiet tar-rikors promotur, tal-aġir li bih hija akkużata r-Repubblika Ċeka hija, bħala tali, ikkaratterizzata minn ċerta impreċiżjoni jew ambigwità. Dawn it-talbiet jistgħu għalhekk jissuġġerixxu li dan l-Istat Membru kiser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 matul il-perijodu kollu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn tagħhom, meta huwa paċifiku li r-Repubblika Ċeka assumiet impenji ta’ rilokazzjoni fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet matul l-imsemmi perijodu ta’ applikazzjoni, bit-tieni u l-aħħar impenn tagħha datat 13 ta’ Mejju 2016.

119    Madankollu, għalkemm, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew ambigwità tat-talbiet tar-rikors fil-Kawża C‑719/17 huwa ta’ dispjaċir, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mill-motivi tar-rikors u li huwa kkonfermat mir-replika li n-nuqqas preċiż allegat mill-Kummissjoni fil-konfront tar-Repubblika Ċeka jikkonsisti f’li ma baqgħetx tadotta impenji ta’ rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 wara t-13 ta’ Mejju 2016. Issa, peress li, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, tali impenji għandhom jittieħdu “mill-inqas kull tliet xhur”, id-data tal-bidu tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Repubblika Ċeka tikkorrispondi neċessarjament għat-13 ta’ Awwissu 2016, kif barra minn hekk il-Kummissjoni semmiet espressament kemm fit-talbiet tal-ittra ta’ intimazzjoni u tal-opinjoni motivata kif ukoll f’ċerti motivi tar-rikors.

120    Minn dan isegwi li r-Repubblika Ċeka ma setgħetx raġonevolment tiżbalja dwar id-data preċiża tal-bidu tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha li l-Kummissjoni akkużatha bih u li hija setgħet effettivament teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑267/09, EU:C:2011:273, punt 28, u tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑395/17, EU:C:2019:918, punt 57). Bl-istess mod, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jeżisti ebda riskju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita.

121    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata mir-Repubblika Ċeka fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew fuq l-inkoerenza tar-rikors promotur fil-Kawża C‑719/17 għandha tiġi miċħuda.

122    Fir-rigward tal-Kawża C‑718/17, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, filwaqt li, fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ffissat id-data tal-bidu tal-ksur allegat kontra l-Ungerija għall-25 ta’ Diċembru 2015, it-talbiet tar-rikors, kif ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2018, C 112, p. 19), ma jsemmu l-ebda data f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li s-suġġett tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun ċirkoskritt mill-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni vs l-Italja, C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-rikors f’dan il-każ huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-allegat nuqqas mill-Ungerija li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5(2) u (4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601 mill-25 ta’ Diċembru 2015.

123    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u suġġett għall-kjarifika magħmula fil-punt preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li t-tliet rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq il-materjalità tan-nuqqasijiet allegati

124    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni, li għandha l-oneru li tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza tal-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑458/08, EU:C:2010:692, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja, b’effett mis-16 ta’ Marzu 2016, lill-Ungerija, mill-25 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll lir-Repubblika Ċeka, mit-13 ta’ Awwissu 2016, li naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, kif ukoll, konsegwentement, l-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni imposti fuqhom skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601.

126    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-obbligu li jittieħdu impenji ta’ rilokazzjoni minn tal-inqas kull tliet xhur huwa preskritt fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u li l-obbligi ulterjuri ta’ rilokazzjoni effettiva huma stabbiliti fl-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601, bil-ftit differenzi fil-kliem tal-paragrafi 4 u 9 tal-imsemmi Artikolu 5 jkunu irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-tliet rikorsi.

127    Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, teżisti rabta kawżali manifesta, li fuqha t-tliet Stati Membri inkwistjoni ma setgħux raġonevolment jiżbaljaw, bejn il-ksur tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 u l-ksur tal-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tal-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601.

128    Fil-fatt, dawn huma obbligi konsekuttivi fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, b’tali mod li, jekk l-obbligu impost mill-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma jiġix osservat, peress li l-impenji ta’ rilokazzjoni ta’ ċertu numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma jkunux meħuda, l-obbligi imposti mill-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet għar-rilokazzjoni effettiva tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li għalihom ikunu ttieħdu impenji lanqas ma jiġu osservati.

129    Għandu jiġi kkonstatat li t-tliet Stati Membri inkwistjoni ma jikkontestawx l-eżistenza, fid-data tat-23 ta’ Awwissu 2017, fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjonijiet motivati, tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601, b’tali mod li hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala stabbilita l-eżistenza ta’ dawn in-nuqqasijiet kif ukoll, konsegwentement, dik tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni imposti fuqhom skont l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew l-Artikolu 5(4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601.

130    Barra minn hekk, dawn in-nuqqasijiet ma jistgħux jiġu kkontestati peress li, fid-diversi rapporti ta’ kull xahar dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, li huwa paċifiku li t-tliet Stati Membri inkwistjoni kienu jafu bihom, il-Kummissjoni żgurat monitoraġġ, b’mod partikolari, tal-istat ta’ progress tar-rilokazzjonijiet mill-Greċja u mill-Italja previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li jindikaw, għal kull Stat Membru ta’ rilokazzjoni, in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li għalihom kienu effettivament ittieħdu impenji ta’ rilokazzjoni kif ukoll in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li effettivament ġew irrilokati. Issa, dawn ir-rapporti juru r-realtà tan-nuqqasijiet allegati mill-Kummissjoni u mfakkra fil-punt 125 ta’ din is-sentenza.

131    Fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih tirriżulta wkoll b’mod ċar mir-Riżoluzzjoni Nru 439 tal-5 ta’ Ġunju 2017, imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħha dan l-Istat Membru ddeċieda li jissospendi l-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu assunti waqt il-laqgħa, fil-25 u fis-26 ta’ Ġunju 2015, tal-Kunsill Ewropew, ifformalizzati sussegwentement waqt il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, miġbura fi ħdan il-Kunsill Ewropew, tal-20 ta’ Lulju 2015 u implimentati bid-Deċiżjoni 2015/1523 kif ukoll l-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1601.

132    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-materjalità tan-nuqqasijiet allegati fit-tliet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni.

133    Madankollu, it-tliet Stati Membri inkwistjoni jressqu sensiela ta’ argumenti li jiġġustifikaw li dawn ma japplikawx id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Dawn huma, minn naħa, argumenti dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, ibbażati mir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija fuq l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, u, min-naħa l-oħra, argumenti bbażati mir-Repubblika Ċeka fuq id-disfunzjoni u l-ineffikaċja tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni kif previst minn dawn id-deċiżjonijiet.

 Fuq il-motivi ta’ difiża mressqa mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Ungerija bbażati fuq l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE

 L-argumenti tal-partijiet

134    Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija jsostnu, essenzjalment, li, f’dan il-każ, huma kellhom id-dritt, skont l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, li jirriżervaw il-kompetenza esklużiva għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna fil-kuntest ta’ atti adottati fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja msemmi fit-Titolu V tat-Trattat FUE, li ma japplikawx l-obbligi tagħhom taħt id-dritt sekondarju, u għalhekk ta’ livell inferjuri, li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1523, li huma atti meħuda abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE u li għalhekk jaqgħu taħt l-imsemmi Titolu V.

135    Dawn l-Istati Membri jsostnu li huma ddeċidew, skont l-Artikolu 72 TFUE, li ma japplikawx id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew id-Deċiżjoni 2015/1601. Huma jqisu li, skont l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji li toħloq ir-rilokazzjoni eventwali fit-territorju tagħhom ta’ persuni estremisti u perikolużi li jistgħu jwettqu atti vjolenti, jew anki ta’ natura terroristika, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni kif previst fl-Artikolu 5 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet u kif kien applikat mill-awtoritajiet Griegi u Taljani ma jippermettilhomx li jiżguraw b’mod sħiħ iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

136    F’dan ir-rigward, l-imsemmija Stati Membri jirreferu għal diversi problemi li ltaqgħet magħhom l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-istabbiliment b’ċertezza suffiċjenti tal-identità u tal-oriġini tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li għandhom l-għan li jiġu rrilokati, problemi li ġew aggravati min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet Griegi u Taljani fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, b’mod partikolari, permezz tar-rifjut tagħhom lill-uffiċjali ta’ kuntatt tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu intervisti mal-applikanti kkonċernati qabel it-trasferiment tagħhom.

137    Ir-Repubblika tal-Polonja tqis, b’mod partikolari, li l-Artikolu 72 TFUE ma huwiex dispożizzjoni li fir-rigward tagħha l-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi kkontestata. Għall-kuntrarju, din hija regola paragunabbli għal regola ta’ kunflitt li tipprovdi li l-prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tal-protezzjoni tas-sigurtà interna jieħdu preċedenza fuq l-obbligi tagħhom ta’ dritt sekondarju. Stat Membru jista’ jinvoka l-Artikolu 72 TFUE sabiex ma jimplimentax att adottat fil-kuntest tat-Titolu V tat-Trattat kull darba li huwa jqis li jeżisti riskju anki potenzjali għaż-żamma tal-ordni pubbliku u għas-salvagwardja tas-sigurtà interna li r-responsabbiltà għalihom tkun tiegħu. F’dan ir-rigward, Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna u għandu juri biss il-plawżibbiltà ta’ riskju għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna sabiex ikun jista’ jinvoka l-Artikolu 72 TFUE.

138    Mingħajr ma tqajjem motiv ta’ difiża distint ibbażat fuq l-Artikolu 72 TFUE, ir-Repubblika Ċeka ssostni, min-naħa tagħha, li, quddiem it-theddid għas-sigurtà pubblika li timplika r-rilokazzjoni ta’ persuni potenzjalment marbuta mal-estremiżmu reliġjuż, għandu jiġi żgurat li kull Stat Membru ta’ rilokazzjoni jkun jista’ jipproteġi s-sigurtà interna tiegħu. Issa, din is-salvagwardja tas-sigurtà interna ma kinitx żgurata fuq kollox minħabba l-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-persuni kkonċernati u l-impossibbiltà li jsiru intervisti intiżi sabiex jiġi vverifikat li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkonċernati ma jikkostitwixxux theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139    Fl-Unjoni Ewropea bbażata fuq l-Istat tad-dritt, l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu mill-preżunzjoni tal-legalità. Peress li d-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kienu, sa mill-adozzjoni tagħhom, vinkolanti fuq ir-Repubblika tal-Polonja u fuq ir-Repubblika Ċeka, dawn l-Istati Membri kienu obbligati josservaw dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni u jimplimentawhom matul il-perijodu kollu ta’ applikazzjoni tagħhom ta’ sentejn. L-istess japplika għall-Ungerija, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2015/1601, att li kien obbligatorju għal dan l-Istat Membru mill-adozzjoni tiegħu u matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tiegħu kollu ta’ sentejn (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 85).

140    Din in-natura obbligatorja tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 bl-ebda mod ma hija mibdula mill-fatt li l-legalità tad-Deċiżjoni 2015/1601 ġiet ikkontestata mill-Ungerija u mir-Repubblika Slovakka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, proċeduri li fihom intervjeniet ir-Repubblika tal-Polonja insostenn ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Barra minn hekk, ebda wieħed minn dawn tal-aħħar ma talab sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni jew l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE, b’tali mod li, skont dan l-Artikolu 278, dawn ir-rikorsi għal annullament ma kellhom ebda effett sospensiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑620/16, EU:C:2019:256, punti 86 u 87).

141    Mill-bqija, permezz tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn ir-rikorsi għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2015/1601, u b’hekk ikkonfermat il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

142    F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija, filwaqt li jindikaw li ma għandhomx l-intenzjoni li jeċċepixxu l-illegalità tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tad-Deċiżjoni 2015/1601 fid-dawl tal-Artikolu 72 TFUE, isostnu li dan l-artikolu kien jippermettilhom li ma japplikawx dawn id-deċiżjonijiet jew xi waħda minnhom.

143    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom kif ukoll is-sigurtà interna u esterna tagħhom, madankollu minn dan ma jirriżultax li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 36, 45, 52, 65, 72, 346 u 347 TFUE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali ddefiniti sew. Ma jistax jiġi dedott minn dan li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura adottata għal raġunijiet tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 51, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑38/06, EU:C:2010:108, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

144    Barra minn hekk, id-deroga prevista fl-Artikolu 72 TFUE għandha, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, b’mod partikolari, għad-derogi previsti fl-Artikoli 346 u 347 TFUE, tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 52, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑38/06, EU:C:2010:108, punt 63).

145    Minn dan isegwi li, għalkemm l-Artikolu 72 TFUE jipprevedi li t-Titolu V tat-Trattat ma jippreġudikax l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, dan ma jistax jiġi interpretat b’mod li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi jinvokaw biss dawn ir-responsabbiltajiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 53, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑38/06, EU:C:2010:108, punt 64).

146    Il-portata tar-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali ma tistax għalhekk tiġi ddeterminata unilateralment minn kull Stat Membru, mingħajr stħarriġ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 48, kif ukoll tat-2 ta’ Mejju 2018, K. u H. F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra), C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata].

147    Huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 72 TFUE li għandu jipprova l-ħtieġa li jirrikorri għad-deroga prevista f’dan l-artikolu għall-finijiet tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tiegħu fil-qasam taż-żamma tal-ordni pubbliku u tal-protezzjoni tas-sigurtà interna (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑461/05, EU:C:2009:783, punt 55, u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑38/06, EU:C:2010:108, punt 66).

148    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2015/1601, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 307 sa 309 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), diġà ċaħdet l-argument, imqajjem mir-Repubblika tal-Polonja bħala intervenjenti, li din id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li ma tippermettix lill-Istati Membri jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tar-responsabbiltajiet tagħhom għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna skont l-Artikolu 72 TFUE.

149    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2015/1601, barra minn hekk redatta f’termini identiċi għal dawk tal-premessa 26 tad-Deċiżjoni 2015/1523, kienet tistabbilixxi, b’mod partikolari, li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni kollha, sat-trasferiment effettiv tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, u li, f’dan il-kuntest, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, inklużi r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, kien meħtieġ (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 307).

150    Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/1601, intitolat “Proċedura ta’ rilokazzjoni”, li jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu, li t-termini tiegħu huma barra minn hekk identiċi għal dawk tal-Artikolu 5(7) tad-Deċiżjoni 2015/1523, li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant għal protezzjoni internazzjonali biss meta jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex jitqies li dan jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom jew meta jeżistu raġunijiet serji sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 308).

151    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u, f’termini identiċi, l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2015/1601, jipprevedu li Stat Membru ta’ rilokazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali identifikat mir-Repubblika Ellenika jew mir-Repubblika Taljana għall-finijiet tar-rilokazzjoni tiegħu biss jekk ikunu jeżistu motivi raġonevoli kif imsemmija fil-paragrafu 7 tal-imsemmi Artikolu 5, jiġifieri motivi raġonevoli sabiex jitqies li l-applikant inkwistjoni jirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fit-territorju tiegħu.

152    Il-modalitajiet tal-mekkaniżmu li fih l-Artikolu 5 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet jirriflettu barra minn hekk il-prinċipji, imfakkra fil-punti 143 sa 147 ta’ din is-sentenza, li jipprovdu li l-Artikolu 72 TFUE għandu, bħala dispożizzjoni derogatorja, interpretazzjoni stretta u, għaldaqstant, ma jagħtix lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi jinvokaw biss l-interessi marbuta maż-żamma tal-ordni pubbliku u mas-salvagwardja tas-sigurtà interna, iżda jimponilhom jipprovaw in-neċessità li jirrikorru għad-deroga prevista f’dan l-artikolu għall-finijiet li jeżerċitaw dawn ir-responsabbiltajiet f’dawn il-materji.

153    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ħa debitament inkunsiderazzjoni, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 72 TFUE billi inkwadra dan l-eżerċizzju, f’dak li jirrigwarda ż-żewġ fażijiet tal-proċedura ta’ rilokazzjoni sussegwenti għal dik tat-teħid tal-impenji, fil-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet.

154    F’dan ir-rigward, fir-rigward tar-“raġunijiet serji” sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-“esklużjoni” li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95, motivi li, skont l-Artikolu 5(7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, kienu jippermettu lil Stat Membru li jirrifjuta r-rilokazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ma tistax tinvoka l-kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95 u fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ dik id-direttiva, li jirrelataw mal-kummissjoni mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ta’ “delitt serju”, biss wara li tkun ipproċediet, għal kull każ individwali, għal evalwazzjoni tal-fatti speċifiċi li hija jkollha konjizzjoni tagħhom bil-għan li tiddetermina jekk hemmx raġunijiet serji biex temmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li barra minn hekk tissodisfa l-kriterji għall-kisba tal-istatus mitlub, jaqgħu taħt din ir-raġuni ta’ esklużjoni, filwaqt li l-evalwazzjoni tal-gravità tar-reat inkwistjoni teħtieġ eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ individwali kkonċernat (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punti 48, 55 u 58).

155    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, minkejja li r-raġunijiet ta’ esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95 huma artikolati madwar il-kunċett ta’ “delitt serju”, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni mill-istatus tal-protezzjoni sussidjarja prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 huwa usa’ minn dak tal-kawża ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat prevista fl-Artikolu 1(F)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, filwaqt li l-kawża ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda delitt serju tad-dritt komuni li twettaq barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel id-dħul tal-persuna kkonċernata bħala refuġjat, ir-raġuni ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 tirreferi b’mod iktar ġenerali għal delitt serju u għalhekk la hija limitata ġeografikament, la ratione temporis u lanqas fir-rigward tan-natura tad-delitti inkwistjoni (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punti 46 u 47).

156    Fir-rigward tal-motivi msejħa “raġonevoli” sabiex jitqies li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jirrappreżenta “periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku” fit-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni inkwistjoni, li jippermettu lil dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 5(4) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali identifikat mir-Repubblika Ellenika jew mir-Repubblika Taljana, u, skont l-Artikolu 5(7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, li jirrifjuta li jirriloka applikant għal protezzjoni internazzjonali, dawn ir-raġunijiet, minħabba li għandhom ikunu “raġonevoli”, mhux “serji”, u mhux neċessarjament għandhom x’jaqsmu ma’ reat gravi diġà mwettaq jew ma’ delitt serju tal-liġi ordinarja li twettaq barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel ma l-persuna kkonċernata hija ammessa bħala refuġjat, iżda jeħtieġu biss prova ta’ “periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku”, iħallu b’mod ċar marġni usa’ ta’ apprezzament lill-Istati Membri mir-raġunijiet serji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni stabbiliti fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95.

157    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 huwa differenti, b’mod partikolari, minn dak tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), li teħtieġ li l-aġir tal-individwu kkonċernat jirrappreżenta “theddida reali, attwali u suffiċjentement gravi għall-interess fundamentali tas-soċjetà” fl-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, għandu jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’ mill-ġurisprudenza dwar il-persuni li jgawdu d-dritt għall-moviment liberu. Dan il-kunċett jista’ b’mod partikolari jkopri theddid potenzjali għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ April 2017, Fahimian, C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 40, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑380/18, EU:C:2019:1071, punti 29 u 32).

158    Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta dawn jiddeterminaw jekk ċittadin ta’ pajjiż terz mitlub jiġi rrilokat jikkostitwixxix riskju għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑380/18, EU:C:2019:1071, punt 37).

159    Madankollu, l-istess bħar-raġunijiet serji sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-esklużjoni li jinsabu fl-Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva 2011/95, il-motivi raġonevoli sabiex applikant għal protezzjoni internazzjonali jitqies bħala perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku jistgħu jiġu invokati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni biss fil-preżenza ta’ elementi konkordanti, oġġettivi u preċiżi, li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-applikant inkwistjoni jirrappreżenta tali perikolu attwali jew potenzjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku), C‑380/18, EU:C:2019:1071, punt 49), u wara li dawn l-awtoritajiet ikunu wettqu, għal kull applikant li r-rilokazzjoni tiegħu hija proposta, evalwazzjoni tal-fatti li huma jkunu jafu bihom sabiex jiddeterminaw jekk, fid-dawl ta’ eżami globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat, jeżistux tali motivi raġonevoli.

160    Minn dan isegwi li d-dispożittiv previst, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kien jawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jinvokaw motivi serji jew raġonevoli marbuta maż-żamma tas-sigurtà nazzjonali jew tal-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom biss wara eżami każ b’każ tal-perikolu attwali jew potenzjali li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kkonċernat kien jirrappreżenta għal dawn l-interessi. Għalhekk huwa kien jipprekludi, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 223 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, Stat Membru jinvoka b’mod perentorju, għall-finijiet biss ta’ prevenzjoni ġenerali u mingħajr ma jistabbilixxi relazzjoni diretta ma’ każ individwali, l-Artikolu 72 TFUE sabiex jiġġustifika sospensjoni, jew saħansitra waqfien, tal-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu skont id-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew tad-Deċiżjoni 2015/1601.

161    Dan jispjega għaliex l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li kien jikkonċerna l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ rilokazzjoni u kien jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri ta’ rilokazzjoni li jindikaw, tal-inqas kull tliet xhur, numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħhom, kien jagħti natura inkundizzjonata lil dan l-obbligu u ma kienx jipprevedi l-possibbiltà, għal dawn l-Istati Membri, li jinvokaw l-eżistenza ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku f’dan it-territorju sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-assenza ta’ identifikazzjoni, f’dan l-istadju inizjali ta’ din il-proċedura, tal-applikanti li jistgħu jiġu rrilokati fl-Istat Membru kkonċernat tirrendi impossibbli kull evalwazzjoni individwalizzata tar-riskju li huma setgħu jirrappreżentaw għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru.

162    Fir-rigward ukoll tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom ir-Repubblika tal-Polonja sabiex tiżgura s-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku fil-fażijiet tal-proċedura ta’ rilokazzjoni sussegwenti għat-teħid ta’ impenji fis-16 ta’ Diċembru 2016, għandu jiġi osservat li dawn jirrigwardaw il-bidu tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif diġà tfakkar fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, li rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ persuni bħal dik prevista mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 hija operazzjoni kemm ġdida kif ukoll kumplessa li teħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel ma tipproduċi effetti konkreti.

164    Barra minn hekk, jekk, kif isostnu r-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Ċeka, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 ma kienx effettiv minħabba, b’mod partikolari, nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Taljani, tali diffikultajiet ta’ natura prattika ma jidhrux inerenti għall-imsemmi mekkaniżmu u kellhom, jekk ikun il-każ, jiġu riżolti fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji tar-rilokazzjoni u dawk tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni li għandu jipprevali f’kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 309).

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mir-rapporti dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni jirriżulta li, għalkemm, fil-bidu tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, in-numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali effettivament irrilokati kien relattivament baxx minħabba, b’mod partikolari, li ċerti Stati Membri rrifjutaw, f’numru sinjifikattiv ta’ każijiet, li jirrilokaw l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali identifikati mir-Repubblika Ellenika jew mir-Repubblika Taljana minħabba, b’mod partikolari, il-perikolu li dawn kienu rrappreżentaw għall-ordni pubbliku tagħhom jew għas-sigurtà, din il-problema naqset gradwalment fid-daqs u l-pass tar-rilokazzjonijiet imwettqa sar aktar sostnut.

166    Kif jirriżulta mit-tmien, mill-ħdax u mit-tnax‑il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni setgħu, fil-fatt, iwasslu, f’ċerti kundizzjonijiet, għal kontrolli ta’ sigurtà addizzjonali, jew anki sistematiċi, permezz, b’mod partikolari, ta’ intervisti, u, fir-rigward ta’ rilokazzjonijiet mill-Italja, kellhom il-possibbiltà, mill-1 ta’ Diċembru 2016, li jitolbu l-assistenza tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) sabiex iwettqu dawn l-intervisti, biex jipprevjenu li dawn il-kontrolli jdewmu indebitament il-proċess tar-rilokazzjoni.

167    Barra minn hekk, fir-rigward tar-rilokazzjonijiet mill-Greċja, l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni kellhom il-possibbiltà, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, li jeżiġu li jsiru intervisti ta’ sigurtà mill-uffiċjali tal-pulizija tagħhom stess qabel ir-rilokazzjoni.

168    Dawn il-miżuri jiżdiedu mad-dispożittiv diġà previst fl-Artikolu 5 ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-persuni inkwistjoni, b’mod partikolari fil-paragrafi 5 u 11 ta’ dan l-artikolu li kienu jimponu t-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali qabel u wara t-trasferiment tagħhom, kif ukoll it-trażmissjoni tagħhom fis-sistema ċentrali tal-Eurodac.

169    Minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Polonja u l-Ungerija ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 72 TFUE sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom li jimplimentaw l-obbligi kollha ta’ rilokazzjoni li kienu imposti fuqhom mill-Artikolu 5(2) u (4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u/jew mill-Artikolu 5(2) u (4) sa (11) tad-Deċiżjoni 2015/1601.

170    Kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 226 u 227 tal-konklużjonijiet tagħha, l-argument ibbażat fuq qari flimkien tal-Artikolu 72 TFUE u tal-Artikolu 4(2) TUE ma huwiex ta’ natura li jinvalida din il-konklużjoni. Fil-fatt, xejn ma jindika li l-preżervazzjoni effettiva tal-funzjonijiet statali essenzjali msemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni, bħal dik li tipproteġi s-sigurtà nazzjonali, tista’ tiġi żgurata biss billi ma jiġux applikati d-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601.

171    Għall-kuntrarju, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, inkluż fl-applikazzjoni konkreta tiegħu hekk kif żviluppat fil-prattika matul il-perijodi ta’ applikazzjoni tagħhom, kien iħalli f’idejn l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni possibbiltajiet reali sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom marbuta mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà interna fil-kuntest tal-eżami tas-sitwazzjoni individwali ta’ kull applikant għal protezzjoni internazzjonali li tiegħu ġiet proposta r-rilokazzjoni, mingħajr madankollu ma kien jippreġudika l-għan ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet li kien li tiġi żgurata rilokazzjoni effettiva u rapida ta’ numru sinjifikattiv ta’ applikanti li kellhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex tittaffa l-pressjoni kunsiderevoli li kienet qiegħda ssir fuq is-sistemi tal-ażil Griegi u Taljani.

172    Għaldaqstant, il-motivi ta’ difiża mressqa mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Ungerija bbażati fuq l-Artikolu 72 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv tar-Repubblika Ċeka bbażat fuq id-disfunzjoni u fuq in-nuqqas ta’ effikaċja li sofra l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 fl-applikazzjoni konkreta tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

173    Ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-deċiżjoni tagħha li ma tapplikax id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kienet iġġustifikata mill-fatt li, fl-applikazzjoni konkreta tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni kif previst minn dawn id-deċiżjonijiet irriżulta li kien fil-parti l-kbira disfunzjonali u ineffikaċi, minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas sistematiku ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet Griegi u Taljani jew minħabba n-nuqqas effettiv fil-Greċja jew fl-Italja, fil-mument tat-teħid ta’ impenji ta’ rilokazzjoni, ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li kienu intiżi li jiġu rrilokati, li huwa enfasizzat b’mod sħiħ mid-dgħufija ta’ dan il-mekkaniżmu f’termini ta’ ammont totali ta’ rilokazzjonijiet effettivament imwettqa.

174    Fid-dawl tat-theddid għas-sigurtà pubblika li tinvolvi r-rilokazzjoni ta’ persuni potenzjalment marbuta mal-estremiżmu reliġjuż, għandu jiġi żgurat li kull Stat Membru ta’ rilokazzjoni jkun jista’ jipproteġi ruħu konformement mal-Artikolu 4(2) TUE u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 72 TFUE. Dan il-prinċipju huwa rifless ukoll fl-Artikolu 5(7) ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601. Issa, fl-applikazzjoni konkreta tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ma żgurax tali protezzjoni tas-sigurtà pubblika minħabba, b’mod partikolari, l-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti fuq il-persuni kkonċernati u l-impossibbiltà li jsiru intervisti fil-qasam tas-sigurtà filwaqt li dawn kienu kundizzjonijiet indispensabbli sabiex jiġi vverifikat li dawn il-persuni ma jikkostitwixxux theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

175    Minn dan jirriżulta li t-teħid ta’ impenji ta’ rilokazzjoni skont l-Artikolu 5(2) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kien biss eżerċizzju purament formali li ma wettaqx l-għan ta’ rilokazzjoni effettiva mfittex mill-imsemmija deċiżjonijiet.

176    Għalhekk, ir-Repubblika Ċeka ppreferiet tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq miżuri ta’ appoġġ iktar effikaċi minn miżura ta’ rilokazzjoni billi pprovdiet, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fil-kuntest tal-Unjoni, assistenza finanzjarja, teknika jew persunal lill-pajjiżi terzi l-iktar milquta u lill-Istati Membri li jinsabu fl-ewwel linja tal-influss massiv ta’ persuni li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.

177    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

178    Preliminarjament, għandu jitfakkar, kif diġà ntqal fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li, fil-5 ta’ Ġunju 2017, ir-Repubblika Ċeka adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 439 li permezz tagħha ddeċidiet li tissospendi l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha assunti waqt il-laqgħa, fil-25 u fis-26 ta’ Ġunju 2015, tal-Kunsill Ewropew, ifformalizzati sussegwentement waqt il-laqgħa tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill Ewropew, tal-20 ta’ Lulju 2015 u implimentati bid-Deċiżjoni 2015/1523, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Deċiżjoni 2015/1601 “fid-dawl tad-deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni fil-qasam tas-sigurtà fl-Unjoni […] u minħabba d-disfunzjoni manifesta tas-sistema ta’ rilokazzjoni”. Huwa paċifiku li r-Repubblika Ċeka fl-ebda mument sussegwenti matul il-perijodi ta’ applikazzjoni rispettivi tal-imsemmija deċiżjonijiet ma neħħiet din is-sospensjoni.

179    F’dan il-każ, fil-kuntest tad-difiża tagħha fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tikkonċernaha, ir-Repubblika Ċeka tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet relatati mad-disfunzjoni jew man-nuqqas ta’ effikaċja li kien isofri, fl-applikazzjoni konkreta tiegħu, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, inkluż il-mekkaniżmu speċifiku previst fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet intiż sabiex jippermetti lill-Istati Membri jipproteġu s-sigurtà nazzjonali jew l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, bħala ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tagħha li ma timplimentax l-obbligi ta’ rilokazzjoni imposti fuqha skont l-Artikoli 5(2) u (4) sa (11) ta’ kull waħda mill-istess deċiżjonijiet.

180    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat, sakemm ma jiġix permess li jiġi ppreġudikat l-għan ta’ solidarjetà inerenti għad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kif ukoll in-natura obbligatorja ta’ dawn l-atti, li Stat Membru jista’ jibbaża ruħu, mingħajr madankollu ma jinvoka, għal dan il-għan, bażi legali prevista mit-Trattati, fuq l-evalwazzjoni unilaterali tiegħu tan-nuqqas allegat ta’ effikaċja, jew saħansitra tal-allegata disfunzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni stabbilit mill-imsemmija atti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda ż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, biex jevita kwalunkwe obbligu ta’ rilokazzjoni li jaqa’ fuqu bis-saħħa ta’ dawn l-istess atti.

181    Għandu jitfakkar ukoll, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, li l-piżijiet li jinkludu l-miżuri provviżorji previsti mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, peress li dawn ġew adottati skont l-Artikolu 78(3) TFUE sabiex jgħinu lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana sabiex jaffrontaw aħjar sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom, għandhom, bħala prinċipju, jitqassmu bejn l-Istati Membri l-oħra kollha, konformement mal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, peress li, konfermement mal-Artikolu 80 TFUE, dan il-prinċipju jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil.

182    Barra minn hekk, id-diffikultajiet ta’ natura prattika fl-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 li ssemmi r-Repubblika Ċeka ma jidhrux li huma inerenti għall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst minn dawn id-deċiżjonijiet u lanqas, barra minn hekk, għall-mekkaniżmu partikolari inkluż fl-Artikolu 5(4) u (7) ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, u kellhom, skont dak li diġà tfakkar fil-punt 164 ta’ din is-sentenza, jiġu riżolti, jekk ikun il-każ, fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni li jrid jirrenja fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet.

183    Għalhekk, l-allegata ineffettività jew l-allegata disfunzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ma pprekludewx lil Stati Membri oħra milli jieħdu, f’intervalli regolari, impenji ta’ rilokazzjoni u milli jirrilokaw b’mod effettiv applikanti għal protezzjoni internazzjonali matul il-perijodi ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 u, b’mod iktar ċar, lejn l-aħħar ta’ dawn il-perijodi, b’risposta għall-appell magħmul mill-Kummissjoni fir-rapporti ta’ kull xahar dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni biex jintensifikaw ir-ritmu tar-rilokazzjonijiet qabel l-iskadenza tal-imsemmija perijodi.

184    Barra minn hekk, uħud mill-problemi prattiċi mqajma mir-Repubblika Ċeka jirriżultaw mill-fatt, kif diġà tfakkar fil-punti 95 u 163 ta’ din is-sentenza, li rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ persuni bħal dik prevista mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 hija operazzjoni kemm ġdida kif ukoll kumplessa li teħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel ma tipproduċi effetti konkreti.

185    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 166 ta’ din is-sentenza, li, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601, saru ċerti aġġustamenti għall-proċedura ta’ rilokazzjoni sabiex tingħata risposta b’mod partikolari għall-problemi ta’ natura prattika msemmija mir-Repubblika Ċeka. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-possibbiltà għall-Istati Membri ta’ rilokazzjoni li jwettqu kontrolli ta’ sigurtà addizzjonali fil-Greċja jew fl-Italja qabel ir-rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-possibbiltà, offruta mill-1 ta’ Diċembru 2016, li jitolbu l-assistenza tal-Europol sabiex jitwettqu dawn il-kontrolli ta’ sigurtà addizzjonali fl-Italja.

186    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-Repubblika Ċeka li dan l-Istat Membru pprefera jsostni lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana bħala Stati Membri li jinsabu fl-ewwel art kif ukoll ċerti pajjiżi terzi permezz tal-provvista ta’ għajnuna li ma hijiex rilokazzjonijiet.

187    Fil-fatt, peress li, mill-adozzjoni tagħhom u matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom, id-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 kellhom natura obbligatorja għar-Repubblika Ċeka, dan l-Istat Membru kien obbligat jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ rilokazzjoni imposti minn dawn id-deċiżjonijiet indipendentement mill-provvista ta’ tipi oħra ta’ għajnuna lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana, u anki jekk tali għajnuna kienet intiża wkoll sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ ażil ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri li jinsabu fl-ewwel linja. Mill-bqija, għandu jiġi nnotat li ċerta għajnuna kienet barra minn hekk imposta mill-imsemmija deċiżjonijiet jew minn atti oħra adottati fil-livell tal-Unjoni. Tali għajnuna ma setgħet fl-ebda każ tissostitwixxi l-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601.

188    Minn dan isegwi li l-motiv ta’ difiża mqajjem mir-Repubblika Ċeka bbażat fuq l-allegata disfunzjoni u l-allegat nuqqas ta’ effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-Deċiżjonijiet 2015/1523 u 2015/1601 għandu jiġi miċħud.

189    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li:

–        billi ma indikatx f’intervalli regolari, u tal-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, mis-16 ta’ Marzu 2016, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet;

–        billi ma indikatx f’intervalli regolari, jew tal-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, l-Ungerija, mill-25 ta’ Diċembru 2015, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni; u

–        billi ma indikatx f’intervalli regolari, u tal-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika Ċeka, mit-13 ta’ Awwissu 2016, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

190    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

191    Peress li l-Kummissjoni talbet, fil-Kawża C‑715/17, li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka u l-Ungerija, li intervjenew insostenn tar-Repubblika tal-Polonja f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

192    Peress li l-Kummissjoni talbet, fil-Kawża C‑718/17, li l-Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja, li intervjenew insostenn tal-Ungerija f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

193    Peress li l-Kummissjoni talbet, fil-Kawża C‑719/17, li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Għandu jiġi deċiż li l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja, li intervjenew insostenn tar-Repubblika Ċeka f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi C715/17, C718/17 u C719/17 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja, mis-16 ta’ Marzu 2016, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, u taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja, kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

3)      Billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, l-Ungerija, mill-25 ta’ Diċembru 2015, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ din id-deċiżjoni.

4)      Billi ma indikatx f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, numru xieraq ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu rrilokati malajr fit-territorju tagħha, ir-Repubblika Ċeka, mit-13 ta’ Awwissu 2016, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1523 u taħt l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 2015/1601 kif ukoll, konsegwentement, milli twettaq l-obbligi sussegwenti ta’ rilokazzjoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4) sa (11) ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

5)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess fil-Kawżi C715/17, C718/17 u C719/17, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawża C715/17.

6)      L-Ungerija għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess fil-Kawżi C715/17, C718/17 u C719/17, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawża C718/17.

7)      Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess fil-Kawżi C715/17, C718/17 u C719/17, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawża C719/17.

Firem


*      Lingwi tal-kawża: iċ-Ċek, l-Ungeriż u l-Pollakk.