Language of document : ECLI:EU:C:2017:586

Kawża C‑646/16

Proċedura mibdija minn Khadija Jafari
u
Zainab Jafari

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Organizzazzjoni tal-qsim tal-fruntiera mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor – Dħul awtorizzat b’deroga għal raġunijiet umanitarji – Artikolu 2(m) – Kunċett ta’ ‘viża’ – Artikolu 12 – Ħruġ ta’ viża – Artikolu 13 – Qsim irregolari ta’ fruntiera esterna”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑26 ta’ Lulju 2017

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Viża – Kunċett – Ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jittranżitaw lejn Stat Membru ieħor biex hemmhekk iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Esklużjoni – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 2(m) u 12)

2.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Dħul u/jew soġġorn – Ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jittranżitaw lejn Stat Membru ieħor biex hemmhekk iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Sitwazzjoni meqjusa bħala qsim irregolari ta’ fruntiera esterna – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 13(1))

1.      L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri flimkien mal-Artikolu 2(m) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għall-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, li jittolleraw id-dħul fit-territorju ta’ tali ċittadini, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul meħtieġa bħala prinċipju f’dan l-ewwel Stat Membru, ma għandux jiġi kklassifikat bħala “viża” fis-sens tal-Artikolu 12.

L-Artikolu 2(m) tal-istess regolament jistipula definizzjoni ġenerali tal-kelma “viża” u jispeċifika li n-natura tal-viża għandha tiġi evalwata skont definizzjonijiet iktar speċifiċi li jirrigwardaw il-viża għal soġġorn twil, il-viża għal soġġorn qasir u l-viża għal tranżitu f’ajruport, rispettivament.

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “viża”, fis-sens tar-Regolament Dublin III, ikopri mhux biss il-viżi għal soġġorn qasir u għal tranżitu f’ajruport, li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom huma armonizzati mill-Kodiċi dwar il-Viżi, iżda wkoll il-viżi għal soġġorn twil li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi u jistgħu, fl-assenza attwali ta’ miżuri ġenerali adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 79(2)(a) TFUE, jinħarġu b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punti 41 u 44). F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-atti adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-viżi jikkostitwixxu elementi ta’ kuntest li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(m) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III, xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ “viża” fis-sens ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi dedott direttament minn dawn l-atti u għandu jinftiehem billi wieħed jibbaża ruħu fuq id-definizzjoni speċifika fl-Artikolu 2(m) tal-imsemmi regolament kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tiegħu.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni tispeċifika li viża hija “awtorizzazzjoni jew deċiżjoni ta’ Stat Membru” li hija “rekwiżita għal transitu jew għal soġġorn” fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ diversi Stati Membri. Għaldaqstant mill-kliem użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta li, minn naħa, il-kunċett ta’ viża jagħmel riferiment għal att adottat formalment minn amministrazzjoni nazzjonali, u mhux għal sempliċi tolleranza, u li, min-naħa l-oħra, il-viża ma għandhiex tiġi konfuża mal-ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, għaliex il-viża hija ġustament meħtieġa sabiex din l-ammissjoni tiġi permessa. Din id-distinzjoni hija barra minn hekk koerenti mal-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma kkonċernati. Fil-fatt, filwaqt li r-regoli dwar l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri kienu previsti, meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viżi huma ddefiniti f’atti differenti bħal, fir-rigward tal-viżi għal soġġorn qasir, il-Kodiċi dwar il-Viżi.

(ara l-punti 43, 44, 47, 48, 51, 58, u d-dispożittiv 1)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 73)

3.      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fid-dawl tas-sens abitwali tal-kunċett ta’ “qsim irregolari” ta’ fruntiera, għandu jitqies li l-qsim ta’ fruntiera mingħajr ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat għandu neċessarjament jitqies bħala “irregolari”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

Minn dan isegwi li, fil-każ li l-fruntiera maqsuma hija dik ta’ Stat Membru marbut bil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, in-natura irregolari tal-qsim tagħha għandha tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-regoli stabbiliti minn dan il-kodiċi.

Għaldaqstant, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 74 ta’ din is-sentenza ma hijiex biżżejjed għad-definizzjoni kompleta tal-kunċett ta’ “qsim irregolari” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri esterni jistgħu jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-possibbiltà li jidderogaw, billi jinvokaw motivi umanitarji, mill-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jiżguraw ir-regolarità tas-soġġorn futur tagħhom fl-Istati Membri. Possibbiltà ta’ dan it-tip hija b’mod partikolari prevista fl-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jippermetti lill-Istati Membri li jipparteċipaw f’dan il-kodiċi jawtorizzaw, bħala eċċezzjoni, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx kundizzjoni waħda jew diversi ta’ dħul bħala prinċipju imposti fuq dawn iċ-ċittadini sabiex jidħlu fit-territorju tagħhom għal raġunijiet umanitarji jew ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika, b’differenza għall-Artikolu 5(4)(b) ta’ dan il-kodiċi, li tali awtorizzazzjoni tapplika biss għat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u mhux għat-territorju “tal-Istati Membri” fit-totalità tagħhom. Għaldaqstant, din l-ewwel dispożizzjoni ma tistax twassal sabiex tagħmel regolari l-qsim tal-fruntiera minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ammess mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru għas-sempliċi għan li jiġi permess it-tranżitu ta’ dan iċ-ċittadin lejn Stat Membru ieħor sabiex iressaq hemmhekk applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

F’dan il-kuntest, mir-rabta bejn l-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li dawn l-artikoli jkopru, bħala prinċipju, is-sitwazzjonijiet kollha ta’ dħul regolari fit-territorju tal-Istati Membri, għaliex id-dħul regolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’dan it-territorju huwa normalment ibbażat jew fuq viża jew permess ta’ residenza, jew fuq eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża. L-applikazzjoni tal-kriterji differenti stipulati f’dawn l-artikoli, kif ukoll fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, għandha, bħala regola ġenerali, tippermetti li l-Istat Membru li minnu joriġina d-dħul jew is-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri jiġi attribwit ir-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali eventwalment ippreżentata minn dan iċ-ċittadin. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-kriterji stipulati fl-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament Dublin III ma jistgħux, mingħajr ma jqiegħdu inkwistjoni l-istruttura ta’ dan ir-regolament, jiġu interpretati b’mod li l-Istat Membru li jkun iddeċieda li jawtorizza, billi jinvoka raġunijiet umanitarji, id-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr viża u li ma jgawdix minn eżenzjoni minn viża, jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu.

Barra minn hekk, il-fatt li, bħal f’dan il-każ, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun daħal fit-territorju tal-Istati Membri taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma evita b’ebda mod il-kontroll fil-fruntieri, ma jistax ikun determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament.

Il-fatt li l-qsim tal-fruntiera seħħ f’sitwazzjoni kkaratterizzata bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-istess regolament u tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma għandux isir it-trasferiment ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali lill-Istat Membru responsabbli meta dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali li l-persuna kkonċernata ssofri trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 65). Għaldaqstant trasferiment ma jistax jiġi eżegwit jekk, wara l-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali, kien hemm tali riskju fl-Istat Membru responsabbli.

(ara l-punti 74, 75, 77‑80, 86, 87, 89, 90, 93, 101, 102, u d-dispożittiv 2)