Language of document : ECLI:EU:T:2014:839

Kawża T‑601/11

Dansk Automat Brancheforening

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Logħob online – Stabbiliment fid-Danimarka ta’ taxxi inqas għolja għal-logħob online milli għall-casinos u għas-swali tal-logħob – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet – Nuqqas ta’ interess individwali – Att regolatorju li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni – Inammissibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Settembru 2014

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura fil-qasam tal-għajnuna – Impriża kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna – Dritt għal azzjoni legali – Kundizzjonijiet

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Rikors ta’ assoċjazzjoni li għandha l-inkarigu li tiddefendi l-interessi kollettivi ta’ impriżi – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern – Rikors ta’ assoċjazzjoni li taġixxi fl-interess kollettiv tal-membri tagħha – Interess individwali tal-membri tal-assoċjazzjoni – Neċessità, għall-assoċjazzjoni, li turi l-interess sostanzjali tal-membri tagħha – Nuqqas – Inammissibbiltà

(Artikolu 108(2) u (3) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji li jinkludu jew ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni – Kunċett – Azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli kontra dawn l-atti

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Artikoli 267 TFUE u 277 TFUE)

5.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji li jinkludu miżuri ta’ implementazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern – Inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu li jttieħdu r-rimedji nazzjonali għall-kontestazzjoni ta’ dawn il-miżuri

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 267 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31-33, 41, 42)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 37)

3.      Fir-rigward ta’ rikors ta’ assoċjazzjoni li taġixxi fl-interess kollettiv tal-membri tagħha kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-membri tal-assoċjazzjoni rikorrenti u l-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna. Hija biss l-assoċjazzjoni li għandha tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom l-għajnuna inkwistjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi ta’ membru jew ta’ diversi membri tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fis-suq inkwistjoni.

Ladarba l-assoċjazzjoni ma wrietx, minn naħa, li l-konsegwenzi tal-miżura ta’ għajnuna ma taffettwax biss il-membri tagħha fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi tal-logħob mhux online fid-Danimarka, fuq l-istess bażi bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jinsab f’sitwazzjoni identika, lanqas, min-naħa l-oħra, il-portata tal-impatt li din il-miżura seta’ jkollha fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-membri tagħha, hija ma wrietx, għalhekk, li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet toħloq preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni ta’ membru jew diversi membri tagħha fis-suq ikkonċernat. Għalhekk, il-membri tar-rikorrenti u, konsegwentement, din tal-aħħar ma humiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 40, 52)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 54-57)

5.      Deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddikjara għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, li ma tiddefinixxi l-konsegwenzi speċifiċi u konkreti ta’ din id-deċiżjoni għal kull waħda mill-persuni taxxabbli u li minnha jirriżulta li d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob ikun ġie pospost mill-awtoritajiet nazzjonali sakemm il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni finali tagħha konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, tinkludi miżuri ta’ implementazzjoni.

Fil-fatt, il-konsegwenzi speċifiċi u konkreti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-persuni taxxabbli ġew materjalizzati b’atti nazzjonali, jiġifieri l-Liġi dwar id-Dazji fuq il-Logħob, li permezz tagħha ġiet introdotta fl-Istat Membru l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, u l-atti li saru għall-implementazzjoni ta’ din il-liġi li jistabbilixxu l-ammont tat-taxxi dovuti mill-persuni taxxabbli, li jikkostitwixxu bħala tali miżuri ta’ implementazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tittratta, fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dawn l-atti kellhom jintervjenu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tipproduċi effetti fir-rigward tal-persuni taxxabbli. Peress li dawn l-atti setgħu jiġu kkontestati quddiem qorti nazzjonali, il-persuni taxxabbli setgħu jaċċedu għal qorti, u dan mingħajr ma kienu kostretti jiksru l-liġi. Fil-fatt, fl-ambitu ta’ azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali, huma setgħu jsostnu l-invalidità tad-deċiżjoni kkontestata u jwasslu lil dawn tal-aħħar sabiex jagħmlu rinviju, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari. Konsegwentement, ir-rikors kontra tali deċiżjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 58-60)