Language of document : ECLI:EU:C:2019:775

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2019(1)

Kawżi magħquda C558/18 u C563/18

Miasto Łowicz

vs

Skarb Państwa – Wojewoda Łódzki (C‑558/18),

partijiet intervenjenti:

Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (inizjalment Prokuratura Regionalna w Łodzi),

Rzecznik Praw Obywatelskich

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja))

u

Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (inizjalment Prokuratura Okręgowa w Płocku)

vs

VX,

WW,

XV (C‑563/18)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE —Ammissibbiltà tad-domandi — Stat tad-dritt —Artikolu 2 TUE —Artikolu 19(1) TUE —Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva —Prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura — Miżuri nazzjonali li jistabbilixxu reġim għal proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-kawżi ineżami huma r-raba’ minn sensiela ta’ konklużjonijiet li ktibt (2) dwar ir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja Pollakka istitwita b’miżuri adottati fl-2017 u li jifformaw parti mill-proposta motivata tal-Kummissjoni, maħruġa skont l-Artikolu 7(1) TUE, rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja (3). Il-bidliet fil-liġi ta’ dan l-Istat Membru li għandhom impatt fuq l-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka ġibdu kritika internazzjonali kunsiderevoli (4), u huma wkoll is-suġġett ta’ numru ta’ kawżi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (5).

2.        Fil-kawżi preżenti, is-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja) u s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) jitolbu gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ir-reġim il-ġdid għall-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin fil-Polonja jissodisfax ir-rekwiżiti tal-indipendenza tal-ġudikatura skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Dan huwa fid-dawl, inter alia, tal-fatt li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Ministru tal-Ġustizzja kiseb influwenza fuq il-bidu u t-tmexxija ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin, u l-awtoritajiet leġiżlattivi kisbu influwenza fuq il-kompożizzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura), il-korp responsabbli mill-għażla tal-grupp ta’ mħallfin li huma eliġibbli għall-ħatra fl-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema li teżamina każijiet dixxiplinari li jinvolvu l-imħallfin.

3.        Barra minn dan, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qrati tar-rinviju jesprimu l-biża’ ta’ retribuzzjoni jekk ma jiġġudikawx favur l-Istat, biża’ mnissla minn abbuż tal-proċess dixxiplinari taħt ir-reġim il-ġdid. Huwa wkoll sinjifikattiv li l-imħallfin tal-qrati tar-rinviju indikaw li huma ġew imsejħa biex iwieġbu għad-deċiżjonijiet tagħhom biex iressqu t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ineżami permezz ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni li nbdew wara li tressqu dawn it-talbiet, minkejja li proċeduri dixxiplinari kontra dawk l-imħallfin ma kinux formalment inbdew.

4.        Jiena wasalt għall-konklużjoni li t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari fil-kawżi preżenti huma inammissibbli minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax toħroġ opinjonijiet konsultattivi dwar problemi ġenerali jew ipotetiċi skont l-Artikolu 267 TFUE.

5.        B’mod iktar speċifiku, hemm spjegazzjoni insuffiċjenti fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, li ma humiex issupplimentati sal-grad meħtieġ fil-proċess tal-kawża dwar ir-rabta bejn il-miżuri tal-Istat Membri inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet relevanti tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jipproteġi kontra ksur strutturali tal-indipendenza tal-ġudikatura (6), minħabba li jobbliga lill-Istati Membri “jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” (7).

6.        Fi kliem ieħor, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li għandhom jiġu osservati b’mod skrupluż (8), ma ġewx issodisfatti. Dawn ir-rekwiżiti jidhru wkoll fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (9).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

7.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

B.      Id-dritt Pollakk

1.      Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-2017

8.        L-Artikolu 3 tal-Ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, intestaturi 5, 650, 771, 847, 848, 1045 u 1443) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-2017”), li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ April 2018, tipprovdi li l-Qorti Suprema hija maqsuma f’diversi awli, fosthom l-Awla Dixxiplinari.

9.        L-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-2017 jipprovdi li:

“1.      Għandhom jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari il-proċeduri:

(1)      dixxiplinari;

(a)      li jinvolvu mħallfin tal-Qorti Suprema;

(b)      eżaminati mill-Qorti Suprema inkonnessjoni mal-proċeduri dixxiplinari taħt il-liġijiet li ġejjin:

[…]

-      ustawa z dnia 21 sierpnia 1997 r. — Prawo o ustroju sądów wojskowych ((Dz. U. tal-2017, intestaturi 2243 u 2265 u tal-2018, intestaturi 3 u 5) (il-Liġi tal-21 ta’ Awwissu 1997 dwar is-Sistema tal-Qrati Militari));

[…]

-      ustawaz dnia 27 lipca 2001 r. — Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi tas-27 ta’ Lulju 2001 dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji);

[…]

2.      L-Awla Dixxiplinari għandha tikkonsisti f’:

(1)      l-Ewwel Diviżjoni;

(2)      it-Tieni Diviżjoni.

3.      L-Ewwel Diviżjoni għandha eżamina, b’mod partikolari, il-kawżi li jinvolvu:

(1)      l-imħallfin tal-Qorti Suprema;

(2)      l-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi dwar reati dixxiplinari li għandhom il-karatteristiċi ta’ reati intenzjonati li jistgħu jiġu ppersegwiti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u r-reati stabbiliti fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 97(3)

4.      It-Tieni Diviżjoni għandha teżamina, b’mod partikolari:

(1)      appelli mid-deċiżjonijiet tal-qrati dixxiplinari tal-ewwel istanza f’kawżi li jinvolvu mħallfin u prosekuturi pubbliċi u deċiżjonijiet u ordnijiet li jipprekludu li tingħata sentenza;

(2)      appelli fil-kassazzjoni minn deċiżjonijiet dixxiplinari;

(3)      appelli minn riżoluzzjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura.”

10.      L-Artikolu 29 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-2017 jipprovdi:

“L-imħallfin għandhom jinħatru fil-Qorti Suprema mill-President tar-Repubblika tal-Polonja li jaġixxi fuq proposta mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura.”

2.      Il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura (iktar ’il quddiem il-“KNĠ”)

11.      Skont l-Artikolu 3 tal-Ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat-12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal-2018, intestaturi 389, 848 u 1045) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KNĠ”):

“[…]

2.      Barra minn hekk, il-Kunsill għandu jwettaq kompiti oħra kif stabbilit bil-liġi, b’mod partikolari:

[…]

(4)      għandu jeleġġi l-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji u assistenti mħallfin, u l-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Militari.”

12.      L-Artikolu 7 tal-Liġi dwar il-KNĠ jipprovdi li:

“L-Ewwel President tal-Qorti Suprema, il-President tal-Qorti Amministrattiva Suprema u l-Ministru tal-Ġustizzja għandhom ikunu membri tal-Kunsill sakemm idumu jwettqu dawk il-funzjonijiet.”

13.      L-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-KNĠ jipprovdi li:

“1.      Il-persuna maħtura mill-President tar-Repubblika tal-Polonja għandha twettaq il-funzjonijiet tagħha fil-Kunsill għal mandat mhux limitat ratione temporis u li jista’ jiġi rrevokat f’kull waqt.

2.      Il-mandat tal-persuna maħtura mill-President għandu jiskadi sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara tmiem il-mandat tal-President jew wara li jkun temm il-kariga ta’ President tar-Repubblika tal-Polonja.”

14.      L-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-KNĠ jipprovdi li:

“1.      Is-Sejm [il-Kamra Inferjuri tal-Parlament Pollakk] għandu jeleġġi minn fost id-deputati erba’ membri tal-Kunsill għal perijodu ta’ erba’ snin.

2.      Is-Senat [il-Kamra Superjuri tal-Parlament] għandu jeleġġi minn fost is-senaturi żewġ membri tal-Kunsill għal perijodu ta’erba’ snin.

3.      Il-membri tal-Kunsill eletti mis-Sejm u s-Senat għandhom jaqdu l-funzjonijiet tagħhom sakemm il-membri l-ġodda jkunu ġew eletti.”

15.      L-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KNĠ jipprovdi li:

“1.      Is-Sejm għandu jeleġġi minn fost l-imħallfin tal-Qorti Suprema, il-qrati ordinarji, il-qrati amministrattivi u l-qrati militari 15-il membru tal-Kunsill għal mandat konġunt ta’ erba’ snin.

2.      Meta jwettaq l-elezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, is-Sejm għandu, kemm jista’ jkun possibbli, iqis il-ħtieġa għal rappreżentanza fil-Kunsill tal-imħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.      Il-mandat konġunt ta’ membri ġodda tal-Kunsill eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada ta’ jum l-elezzjoni tagħhom. Il-membri tal-Kunsill maħtura għat-terminu preċedenti tal-kariga għandhom jaqdu l-funzjonijiet tagħhom sal-jum li fih jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda tal-Kunsill.”

16.      Skont l-Artikolu 11a tal-Liġi dwar il-KNĠ:

“2.      L-entitajiet intitolati li jipproponu kandidati għas-sħubija fil-Kunsill għandhom jinkludu grupp ta’ mill-inqas: (1) 2 000 ċittadin tar-Repubblika tal-Polonja li għandhom 18-il sena jew iktar, għandhom kapaċità legali sħiħa u jgawdu drittijiet pubbliċi sħaħ; (2) 25 imħallef, esklużi mħallfin irtirati.”

17.      L-Artikolu 11d tal-tal-Liġi dwar il-KNĠ jipprovdi wkoll li:

“1.      Il-President tas-Sejm għandu jitlob lil-gruppi parlamentari jinnominaw, fi żmien sebat ijiem, kandidati għas-sħubija fil-Kunsill.

2.      Grupp parlamentari għandu jinnomina massimu ta’ disa’ kandidati għas-sħubija fil-Kunsill minn fost l-imħallfin li isimhom ikun ġie sottomess skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11a.

3.      Jekk in-numru totali ta’ kandidati magħżula mill-gruppi parlamentari jkun inqas minn 15, il-Presidju tas-Sejm għandu jaħtar kandidati minn fost l-ismijiet sottomessi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11a, b’tali mod li n-numru ta’ kandidati jkun ta’ 15.

4.      Il-kumitat kompetenti tas-Sejm għandu jiġbor il-lista tal-kandidati billi jeleġġi, minn fost il-kandidati magħżula skont il-paragrafi 2 u 3, 15‑il kandidat għas-sħubija fil-Kunsill, bil-kundizzjoni li l-lista għandha tinkludi mill-inqas kandidat magħżul minn kull grupp parlamentari li jopera fi żmien 60 jum mill-ewwel sessjoni tas-Sejm matul it-terminu parlamentari li fih issir l-elezzjoni, iżda dak il-kandidat għandu jkun maħtur mill-grupp parlamentari skont il-proċedura tan-nomina msemmija fil-paragrafu 2.

5.      Is-Sejm għandu jeleġġi membri tal-Kunsill għal mandat konġunt ta’ 4 snin fis-sessjoni li jkun imiss tas-Sejm, b’maġġoranza ta’ tlieta minn ħamsa tal-voti mitfugħa fil-preżenza ta’ mill-inqas nofs in-numru statutorju ta’ deputati, li jivvotaw għal-lista tal-kandidati msemmija fil-paragrafu 4.

6.      Jekk il-membri tal-Kunsill ma jiġux eletti skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 5, is-Sejm għandu jeleġġi membri tal-Kunsill b’maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa fil-preżenza ta’ mill-inqas nofs in-numru statutorju ta’ deputati, li jivvutaw għal-lista ta’ kandidati msemmija fil-paragrafu 4. […]”

3.      Il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji

18.      L-Artikolu 22a tal-Ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji) tas-27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal-2018, intestaturi 23, 3, 5, 106, 138, 771, 848, 1000, 1045 u 1443) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”) jipprovdi li:

“5.      Imħallef jew assistent imħallef li l-attivitajiet allokati tiegħu nbidlu b’mod li jirriżulta f’bidla fin-natura tad-dmirijiet tiegħu, partikolarment meta dan jinvolvi trasferiment għal diviżjoni oħra tal-qorti, jista’ jappella quddiem il-[KNĠ] fi żmien sebat ijiem mid-data li ġie mgħarraf bin-natura tad-dmirijiet ġodda tiegħu. Ma jkunx intitolat jappella fil-każ li:

(1)      jiġi ttrasferit għal diviżjoni li teżamina kawżi fl-istess qasam;

(2)      dak l-imħallef jew assistent imħallef jingħataw dmirijiet fl-istess diviżjoni skont ir-regoli applikabbli għal imħallfin oħrajn, u b’mod partikolari fejn tiġi rrevokata l-allokazzjoni lil sezzjoni jew lil forma oħra ta’ speċjalizzazzjoni.

6.      L-appell imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jsir permezz tal-president tal-qorti li jkun wettaq l-allokazzjoni ta’ attivitajiet li tkun is-suġġett tal-appell. Il-president ta’ dik il-qorti għandu jgħaddi l-appell lill-[KNĠ] fi żmien 14-il jum minn meta jiġi rċevut flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu fil-każ. Il-[KNĠ] għandu jadotta riżoluzzjoni li tikkonferma jew tiċħad l-appell tal-imħallef, billi jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Riżoluzzjoni tal-[KNĠ] dwar l-appell imsemmi fil-paragrafu 5 ma għandhiex tkun motivata. Ir-riżoluzzjoni tal-[KNĠ] ma tistax tiġi appellata. Sakemm tiġi adottata r-riżoluzzjoni, l-imħallef jew l-assistent imħallef għandhom ikomplu jaqdu d-dmirijiet eżistenti tagħhom.”

19.      L-Artikolu 82c tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“Imħallef għandu jkun obbligat iwettaq l-attivitajiet ikkonċernati mad-dmirijiet ta’mħallef ta’ qorti dixxiplinari f’qorti tal-appell li jkunu ġew fdati lilu.”

20.      L-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1.      Imħallef għandu jkun responsabbli għal azzjoni dixxiplinari għal kondotta ħażina professjonali, inkluż ksur manifest u serju tal-liġi u li jkun ikkomprometta d-dinjità tal-kariga tiegħu (reati dixxiplinari).

2.      Imħallef għandu jkun suġġett ukoll għal azzjoni dixxiplinari għall-aġir tiegħu qabel ma jassumi l-kariga tiegħu meta dan ikun wassal għal twettiq negliġenti tal-kariga tal-Istat eżerċitata f’dak iż-żmien jew jagħmlu mhux idoneu għal kariga ġudizzjarja”.

21.      L-Artikolu 109a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1      Id-deċiżjoni finali tal-qorti dixxiplinari għandha tkun pubblika.

2.      Il-qorti dixxiplinari tista’ ma tippubblikax dik id-deċiżjoni meta dan ma jkunx meħtieġ biex jinkisbu l-iskopijiet tal-proċeduri dixxiplinari jew meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti l-interessi privati leġittimi. […]”

22.      L-Artikolu 110 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1.      F’każijiet dixxiplinari li jinvolvu l-imħallfin, dawn li ġejjin għandhom jiġġudikaw:

(1)      fl-ewwel istanza

(a)      qrati dixxiplinari fi qrati tal-appell, komposti minn tliet imħallfin

(b)      il-Qorti Suprema, komposta minn żewġ imħallfin mill-Awla Dixxiplinari u mħallef ġurat tal-Qorti Suprema, f’każijiet ta’ reati dixxiplinari li għandhom il-karatteristiċi ta’ reati intenzjonati li jistgħu jiġu ppersegwiti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jew ta’ reati intenzjonati ta’ natura fiskali jew każijiet li fihom il-Qorti Suprema ressqet talba għall-eżami ta’ każ dixxiplinari flimkien ma’ indikazzjoni ta’ kondotta ħażina;

(2)      fit-tieni istanza — il-Qorti Suprema komposta minn żewġ imħallfin mill-Awla Dixxiplinari u mħallef ġurat tal-Qorti Suprema.”

23.      L-Artikolu 110a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1.      Il-Ministru tal-Ġustizzja għandu, wara li jkun ikkonsulta lill-[KNĠ], jafda d-dmirijiet ta’ mħallef dixxiplinari f’qorti tal-appell lil imħallef ordinarju tal-qorti li jkun serva bħala mħallef għal mill-inqas għaxar snin.”

24.      L-Artikolu 112 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“3.      Uffiċjal Dixxiplinari għal Imħallfin tal-Qorti Ordinarja u żewġ deputati uffiċjali dixxiplinari għal Imħallfin tal-Qorti Ordinarja għandhom jinħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja għal mandat ta’ erba’ snin.”

25.      L-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1.      Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja biex imexxi każ partikolari li jikkonċerna mħallef. Il-ħatra ta’ Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja għandha tipprekludi uffiċjal ieħor milli jaġixxi f’dan il-każ.

2.      L-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja għandu jinħatar minn fost l-imħallfin tal-qorti ordinarji jew imħallfin tal-Qorti Suprema. Fil-każ ta’ reati dixxiplinari li għandhom il-karatteristiċi ta’ reati intenzjonati li jistgħu jiġu ppersegwiti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja jista’ wkoll jinħatar minn fost il-prosekuturi pubbliċi indikati mill-Prosekutur Ġenerali Pubbliku. F’każijiet iġġustifikati, b’mod partikolari fil-każ tal-mewt tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja jew ostakli fit-tul għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja għandu jaħtar floku mħallef ieħor jew, fil-każ ta’ reat dixxiplinari li jkollu l-karatteristiċi ta’ reat intenzjonat li jista’ jiġi ppersegwit mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, imħallef jew prosekutur pubbliku.

3.      L-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jibda l-proċeduri fuq talba tal-Ministru tal-Ġustizzja jew jingħaqad fi proċeduri li jkunu għaddejjin.

4.      Il-ħatra tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja hija ekwivalenti għal talba biex jinbdew proċeduri investigattivi jew dixxiplinari.”

26.      L-Artikolu 114 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1.      Uffiċjal dixxiplinari għandu jwettaq attivitajiet investigattivi fuq talba tal-Ministru tal-Ġustizzja, il-president ta’ qorti tal-appell jew il-president ta’ qorti distrettwali, il-kulleġġ ta’ qorti tal-appell jew il-kulleġġ ta’ qorti distrettwali, il-[KNĠ] jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, wara stabbiliment preliminari taċ-ċirkustanzi li huma meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk twettaqx reat dixxiplinari. L-attivitajiet investigattivi għandhom jitwettqu fi żmien 30 jum mill-ewwel azzjonijiet meħuda mill-uffiċjal dixxiplinari.

[…]

9.      Jekk l-uffiċjal dixxiplinari ma jsib l-ebda raġuni biex jibda proċeduri dixxiplinari meta jkun mitlub jagħmel dan mill-awtorità kompetenti, huwa għandu jagħti deċiżjoni li jirrifjuta li jagħmel dan. Kopja tad-deċiżjoni għandha tintbagħat lill-awtorità li ressqet it-talba biex jinbdew il-proċeduri, lill-kulleġġ rispettiv tal-qorti distrettwali jew tal-appell u lill-akkużat. Kopja tad-deċiżjoni għandha wkoll tingħata lill-Ministru tal-Ġustizzja, li jista’ jagħmel oġġezzjoni fi żmien 30 jum. Il-preżentazzjoni ta’ oġġezzjoni hija ekwivalenti għal obbligu biex jinbdew proċeduri dixxiplinari, u l-istruzzjonijiet mill-Ministru tal-Ġustizzja dwar kif jipproċedu ulterjorment il-proċeduri għandhom jorbtu lill-uffiċjal dixxiplinari.

10.      Jekk, fi proċeduri dixxiplinari, ma jkunux ġew ipprovduti raġunijiet għall-preżentazzjoni ta’ rikors li jitlob lill-qorti dixxiplinari biex teżamina każ dixxiplinari, l-uffiċjal dixxiplinari għandu jordna li jintemmu l-proċeduri dixxiplinari.

11.      L-akkużat, l-awtorità li ressqet it-talba biex jinbdew proċeduri dixxiplinari u l-kulleġġ kompetenti jistgħu jappellaw lil qorti dixxiplinari fi żmien sebat ijiem mid-data li jkunu ġew innotifikati bl-ordni msemmija fil-paragrafu 10.”

27.      L-Artikolu 115a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1.      Assenza mhux iġġustifikata min-naħa tal-akkużat innotifikat, jew tal-avukat difensur tiegħu, ma għandux jipprevjeni l-eżami tal-kawża.

2.      Jekk ma jkunx possibbli li tiġi eżaminata l-kawża minħabba l-assenza ġġustifikata tal-akkużat u jekk ma jkollux avukat difensur, il-qorti dixxiplinari għandha tinnomina avukat difensur ex officio, u tistabbilixxi t-terminu għall-avukat difensur biex jiffamiljarizza ruħu mal-proċess tal-kawża.

3.      Il-qorti dixxiplinari għandha tmexxi l-proċeduri minkejja l-assenza ġġustifikata tal-akkużat innotifikat jew tal-avukat difensur tiegħu, sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tal-proċeduri dixxiplinari li jkunu qegħdin jitmexxew.”

28.      L-Artikolu 115b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1.      Meta l-qorti dixxiplinari tikkunsidra, abbażi tal-provi miġbura mill-uffiċjal dixxiplinari, li ċ-ċirkustanzi tar-reat u l-ħtija tal-akkużat ma humiex fid-dubju, u li l-impożizzjoni tal-penalitajiet previsti fis-subparagrafi (1) sa (3) tal-Artikolu 109(1) tkun biżżejjed, tista’ tagħti digriet kriminali.

2.      Digriet kriminali għandu jingħata minn qorti dixxiplinari magħmula minn imħallef wieħed.

3.      Penalità msemmija fis-subparagrafu (2a) tal-Artikolu 109(1) li hija imposta b’digriet kriminali għandha tvarja minn 5 % sa 10 % tas-salarju bażiku għal perijodu ta’ sitt xhur sa sena.”

29.      L-Artikolu 115c tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“L-evidenza miksuba għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kif stipulata fl-Artikoli 168b, 237 jew 237a tal-Kodeks postępowania karnego [il-Kodiċi Pollakk ta’ Proċedura Kriminali], jew miksuba bħala riżultat tal-użu ta’ sorveljanza operattiva, tista’ tintuża fi proċeduri dixxiplinari.”

30.      L-Artikolu 125 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“Il-[KNĠ], l-Ewwel President tal-Qorti Suprema u l-Ministru tal-Ġustizzja jistgħu jitolbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri dixxiplinari.”

31.      L-Artikolu 126(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri dixxiplinari għad-detriment tal-akkużat jista’ jseħħ jekk it-twaqqif tal-proċeduri jew l-għoti tas-sentenza seħħew illegalment jew jekk, fi żmien ħames snin mit-twaqqif tal-proċeduri jew l-għoti tas-sentenza, jirriżultaw fatti jew provi ġodda li jistgħu jiġġustifikaw kundanna jew penalità iktar ħarxa.”

32.      L-Artikolu 129 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“1.      Il-qorti dixxiplinari tista’ tissospendi mid-dmirijiet tiegħu mħallef li kontrih ikunu nbdew proċeduri dixxiplinari jew proċeduri ta’ inkapaċità u tista’ wkoll tagħmel hekk jekk tadotta riżoluzzjoni li tippermetti lill-imħallef jinżamm responsabbli kriminalment.

2.      Jekk il-qorti dixxiplinari tadotta riżoluzzjoni li tippermetti lil imħallef jinżamm responsabbli kriminalment għal reati intenzjonati li jistgħu jiġu ppersegwiti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, din għandha tissospendi l-imħallef mid-dmirijiet tiegħu awtomatikament.

3.      Meta l-qorti dixxiplinari tissospendi lil imħallef mid-dmirijiet tiegħu, hija għandha tnaqqas l-ammont tas-salarju tiegħu bejn 25% u 50% għat-tul ta’ dik is-sospensjoni; din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax persuni li fir-rigward tagħhom inbdew proċeduri ta’ inkapaċità.

3a.      Jekk il-qorti dixxiplinari tadotta riżoluzzjoni li tippermetti lil imħallef irtirat jinżamm responsabbli kriminali għal reati intenzjonati li jistgħu jiġu ppersegwiti mill-Uffiċju tal-Prosekutur, din għandha tnaqqas l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu bejn 25% u 50% għat-tul tal-proċeduri dixxiplinari.

4.      Jekk il-proċeduri dixxiplinari jintemmu jew jaslu fi tmiemhom permezz ta’ liberazzjoni, il-kumpens għandu jitħallas kollu fir-rigward tas-salarju jew ir-remunerazzjoni kollha.”

III. Il-fatti, il-proċeduri prinċipali u d-domandi preliminari

33.      Il-Kawża C‑558/18 tikkonċerna azzjoni mressqa mill-Belt ta’ Łowicz, il-Polonja (iktar ’il quddiem “il-muniċipalità”) kontra t-Teżor Pubbliku irrappreżentat mill-Gvernatur tal-Provinċja ta’ Łódź (iktar ’il quddiem “it-Teżor Pubbliku”) quddiem is-Sąd Okręgowy w Łodzi, Wydział I Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź, l-Ewwel Diviżjoni Ċivili).

34.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-azzjoni tinvolvi l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Ustawa dochodach jednostek samorządu terytorialnego (il-Liġi dwar id-Dħul tal-Unitajiet tal-Gvern lokali) tat‑13 ta’ Novembru 2003 (Dz. U. tal-2017, intestaturi 1453, 2203, 2260, u tal-2018, intestatura 317). Il-muniċipalità ssostni li, għas-snin 2005 sal-2015, hija rċeviet sussidji insuffiċjenti għat-twettiq ta’ kompiti ddelegati mill-Gvern Ċentrali, u titlob il-ħlas ta’ 2 357 148 zloty Pollakk (PLN) biex tkopri dawk l-ispejjeż. Il-qorti tar-rinviju tindika li huwa probabbli li s-sentenza fil-kawża ser tkun sfavorevoli għat-Teżor Pubbliku. Dan ġiegħel lill-qorti tar-rinviju tħoss biża’ reali li, fil-każ li tittieħed deċiżjoni partikolari fil-kawża, jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra l-kulleġġ ġudikanti li jiddeċiedu din il-kawża.

35.      Il-Kawża C‑563/18 tikkonċerna azzjoni kriminali mressqa mill-Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (inizjalment Prokuratura Okręgowa w Płocku) (il-Prosekutur Ġenerali rrappreżentat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, il-Polonja (inizjalment l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali fi Plock, il-Polonja)) kontra VX, WW u XV (iktar ’il quddiem l-“akkużati”) quddiem il-Sąd Okręgowy w Warszawie w VIII Wydziale Karnym (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, it-Tmien Diviżjoni Kriminali, il-Polonja) ippreseduta mill-Imħallef Igor Tuleya.

36.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-inkjesta tal-Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (inizalment Prokuratura Okręgowa w Płocku) (il-Prosekutur Ġenerali rrappreżentat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzojnali (inizjalment l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali fi Płock)) dwar l-attivitajiet tal-membri ta’ organizzazzjoni kriminali li twettaq, inter alia, assassinji u ħtif ta’ persuni bil-għan li jinkisbu flus għar-rilaxx tagħhom. L-akkużati ammettew l-allegazzjonijiet kriminali kontrihom, u applikaw għall-istatus ta’ xhieda li jikkooperaw minħabba l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Bħala konsegwenza, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha tiddeċiedi jekk tapplikax tnaqqis straordinarju ta’ piena taħt l-Artikolu 60(3) sa (5) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk. L-applikazzjoni ta’ tali tnaqqis tal-piena ġiegħlet lill-qorti tar-rinviju tħoss biża’ reali li, f’każ li tittieħed deċiżjoni partikolari fil-kawża, dan jista’ jirriżulta fi proċeduri dixxiplinari li jinbdew kontra l-membri tal-kulleġġ ġudikanti li jiddeċiedu f’din il-kawża u b’mod partikolari l-Imħallef Igor Tuleya.

37.      Il-qrati tar-rinviju għandhom dubji dwar jekk ir-reġim il-ġdid għal proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin fil-Polonja huwiex konsistenti mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (10). Huma jindikaw li minħabba tibdiliet fis-sistema tal-proċeduri dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin imressqa mil-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-2017, moqrija flimkien mal-Liġi dwar il-KNĠ u l-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-Ministru tal-Ġustizzja, li huwa wkoll il-Prosekutur Ġenerali Pubbliku, kiseb influwenza deċiżiva fuq il-bidu u t-tmexxija ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin. Il-qrati tar-rinviju jqisu li, b’riżultat tal-mudell adottat għal proċeduri dixxiplinari, il-qrati dixxiplinari jistgħu jsiru għodda biex jitneħħew persuni li jagħtu deċiżjonijiet li l-awtoritajiet ma japprovawx u jista’ jkun hemm effett paralizzanti fuq l-imħallfin minħabba t-theddida li jinbdew proċeduri dixxiplinari għal deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija, b’hekk jikkostitwixxu theddida diretta għall-indipendenza ġudizzjarja u jwasslu għar-riskju li l-ġudikatura tintuża għal finijiet politiċi. F’dak ir-rigward, il-qrati tar-rinviju jagħmlu, inter alia, l-osservazzjonijiet li ġejjin.

38.      L-ewwel nett, l-imħallfin sedenti fl-Awla Dixxiplinari li għadha kif inħolqot tal-Qorti Suprema (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”), li teżamina każijiet dixxiplinari li jinvolvu l-imħallfin, huma rrakkomandati mill-KNĠ għall-ħatra mill-President tar-Repubblika. Madankollu, il-membri tal-KNĠ issa huma eletti primarjament mill-awtoritajiet leġiżlattivi u għalhekk il-persunal tiegħu huwa r-riflessjoni tal-għażliet politiċi tal-partit politiku fil-Gvern fil-Polonja. Dan huwa kkonfermat mill-għażla tal-KNĠ ta’ kandidati ġudizzjarji għall-Awla Dixxiplinari li tqajjem tħassib dwar ir-regolarità u l-imparzjalità tal-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin. Il-KNĠ sar ukoll korp kważi-dixxiplinari li jeżamina l-appelli minn deċiżjonijiet ta’ presidenti tal-qorti dwar it-trasferiment ta’ mħallef f’diviżjoni tal-qorti oħra.

39.      Barra minn hekk, il-Ministru tal-Ġustizzja jaħtar direttament imħallfin tal-qorti dixxiplinari fil-qrati tal-appell, u d-dispożizzjonijiet fis-seħħ jobbligaw lill-imħallfin biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ mħallef ta’ qorti dixxiplinari, peress li r-rifjut ta’ mħallef li jagħmel dan jinvolvi l-possibbiltà li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra dak l-imhallef. Il-Ministru tal-Ġustizzja jaħtar ukoll lill-uffiċjal dixxiplinari u żewġ viċi deputati uffiċjali għal Imħallfin tal-Qorti Ordinarja li jagħtih influwenza fuq il-bidu ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin. Hemm korp ġdid imsejjaħ l-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja li jinħatar mill-Ministru tal-Ġustizzja biex imexxi każijiet speċifiċi kontra l-imħallfin, u li għandu pożizzjoni pprivileġġata peress li l-ħatra tiegħu tipprekludi uffiċjali dixxiplinari oħra milli jaġixxu f’każ partikolari. Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ joġġezzjona kontra d-deċiżjoni ta’ uffiċjal dixxiplinari biex ma jinbdewx il-proċeduri, u dan jista’ jikkawża li dawn il-proċeduri jkomplu mingħajr perijodu ta’ żmien determinat.

40.      Hemm ukoll tħassib li l-garanziji proċedurali mogħtija lill-imħallfin fi proċeduri dixxiplinari huma ristretti. B’mod partikolari, qorti dixxiplinari tista’ tmexxi l-proċeduri minkejja l-assenza iġġustifikata tal-imħallef akkużat jew ir-rappreżentant tiegħu; hemm il-possibbiltà li jingħataw digrieti kriminali u li tintuża evidenza miksuba permezz ta’ att kriminali kontra mħallef; id-definizzjoni ta’ reati li għalihom jista’ jinżamm responsabbli mħallef ma hijiex ċara; u l-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri dixxiplinari f’ċerti każijiet li jfisser li sentenza tal-qorti dixxiplinari ma twaqqafx lill-imħallef akkużat milli iktar tard jinżamm responsabbli għall-istess att.

41.      Il-qrati tar-rinviju jindikaw li r-reġim dixxiplinari l-ġdid li jinvolvi l-imħallfin u d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-2017, il-Liġi dwar il-KNĠ u l-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji elenkati fid-deċiżjonijiet tar-rinviju huma ta’ importanza fundamentali għad-deċiżjonijiet li għandhom jingħataw fil-kawża prinċipali, peress li dawk id-deċiżjonijiet jistgħu jinvolvu għall-imħallfin li jiddeċiedu fil-kawżi mmotivati politikament sanzjonijiet dixxiplinari applikati abbażi ta’ dawk il-liġijiet Pollakki. Fil-fehma tagħhom, dan jikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għalhekk l-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni hija essenzjali biex tippermetti lill-qrati tar-rinviju jagħtu sentenza. Il-qrati tar-rinviju jqisu wkoll li l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE hija rilevanti għall-kawża prinċipali, peress li l-Artikolu 267 TFUE jagħtihom ċerta diskrezzjoni biex jiddeterminaw id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija meħtieġa biex jiġu deċiżi l-kawżi prinċipali, u d-dispożizzjonijiet tal-liġi Pollakka relatati mal-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin huma ta’ rilevanza reali, u mhux purament ipotetiċi, għad-deċiżjonijiet f’dawk il-kawżi.

42.      Il-qrati tar-rinviju jindikaw barra minn hekk li huma qrati Ewropej minħabba li kawżi f’oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

43.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź), fil-Kawża C‑558/18, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha, u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li b’konsegwenza tal-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, huwa jipprekludi dispożizzjonijiet li jżidu b’mod kunsiderevoli r-riskju li jiġu ppreġudikati l-garanziji ta’ proċeduri dixxiplinari indipendenti fil-konfront ta’ mħallfin fil-Polonja permezz ta’:

(1)      influwenza politika fl-iżvolġiment tal-proċeduri dixxiplinari,

(2)      il-ħolqien ta’ riskju li s-sistema ta’ proċeduri dixxiplinari tintuża għall-kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-qrati, kif ukoll

(3)      il-possibbiltà li fi proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin jintużaw provi miksuba b’mod kriminali?”

44.      Is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), fil-Kawża C‑563/18, iddeċidiet ukoll li tissospendi l-proċeduri quddiemha, u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li b’konsegwenza tal-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, huwa jipprekludi dispożizzjonijiet li jeqirdu l-garanziji ta’ proċeduri dixxiplinari indipendenti fil-konfront ta’ mħallfin fil-Polonja permezz ta’ influwenza politika fl-iżvolġiment tal-proċeduri dixxiplinari u l-ħolqien ta’ riskju li s-sistema ta’ proċeduri dixxiplinari tintuża għall-kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-qrati?”

IV.    Il-ġrajjiet wara t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari

45.      Fuq il-bażi tal-paragrafu 24 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja (11), il-qrati tar-rinviju ppreżentaw ittri li jissupplimentaw it-talbiet tagħhom għal deċiżjonijiet preliminari, sabiex jinformaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-ġrajjiet li seħħew wara dawk it-talbiet.

46.      Fir-rigward tal-Kawża C‑558/18, skont l-ewwel ittra tas-7 ta’ Diċembru 2018, il-qorti tar-rinviju indikat, inter alia, li d-Deputat Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qorti Ordinarja sejjaħ lill-Imħallef Ewa Maciejewska, li ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑558/18, biex tidher bħala xhud waqt seduta fl-20 ta’ Settembru 2018 “dwar ir-restrizzjoni tal-indipendenza tas-sentenza mogħtija mill-president tal-kulleġġ ġudikanti” fil-kawża prinċipali. Dan l-uffiċjal dixxiplinari talab ukoll lill-President tas-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź għal informazzjoni dwar in-numru ta’ talbiet għall-ħlas imressqa kontra t-Teżor Pubbliku irreġistrati mal-Ewwel Diviżjoni Ċivili tas-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź) bejn Jannar 2015 u l-31 ta’ Awwissu 2018, il-lista ta’ kawżi ta’ dak it-tip assenjati lill-Awla tal-Imħallef Maciejewska, flimkien ma’ indikazzjoni tal-kontenut tas-sentenzi maħruġa, inklużi n-numri ta’ referenza tal-kawżi li fihom ġew stabbiliti l-motivi tas-sentenzi.

47.      Skont it-tieni ittra tal-11 ta’ Diċembru 2018, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑558/18 indikat li l-Imħallef Ewa Maciejewska rċeviet talba mid-Deputat Uffiċjal Dixxiplinari għal Imħallfin tal-Qorti Ordinarja biex tissottometti “dikjarazzjoni bil-miktub […] dwar il-possibbilità ta’ abbuż ġudizzjarju mill-[qorti tar-rinviju] li tikkonsisti f’talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn dik il-qorti li tmur kontra l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 267 [TFUE]”.

48.      Fir-rigward tal-Kawża C‑563/18, skont l-ewwel ittra tat-30 ta’ Ottubru 2018, il-qorti tar-rinviju indikat li l-Imħallef Igor Tuleya qiegħed jieħu sehem f’sitt proċeduri mmexxija mill-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qorti Ordinarja, li waħda minnhom tirrigwarda r-raġunijiet għat-tressiq tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari fil-Kawżi C‑558/18 u C‑563/18.

49.      Skont it-tieni ittra tat-12 ta’ Diċembru 2018, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑563/18 indikat b’mod partikolari li l-Imħallef Igor Tuleya qiegħed jieħu sehem f’seba’ proċeduri mmexxija mill-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qorti Ordinarja, u li huwa rċieva talba mingħand id-Deputat Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qorti Ordinarja biex jibgħat “dikjarazzjoni bil-miktub dwar possibbilità ta’ abbuż ġudizzjarju mill-[qorti tar-rinviju] li tikkonsisti f’talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn dik il-qorti li tmur kontra l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 267 [TFUE]”.

V.      Il-Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

50.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u tas-sentenza.

51.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2018 (12), it-talba tal-qrati tar-rinviju sabiex tintuża l-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx milqugħa.

52.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta trattament prijoritarju lil din il-kawża, bis-saħħa tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

53.      Osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domandi magħmula f’dawn il-kawżi ġew ippreżentati mis-Skarb Państwa – Wojewoda Łódzki (it-Teżor Pubbliku – Gvernatur tal-Provinċja ta’ Łódź), il-Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (inizjalment Prokuratura Regionalna w Łodzi) (il-Prosekutur Ġenerali rrappreżentat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, il-Polonja (inizjalment l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali f’Łódź, il-Polonja)) u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (inizjalment Prokuratura Okręgowa w Płocku) (il-Prosekutur Ġenerali rrappreżentat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali (inizjalment l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku Reġjonali fi Płock)) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”), il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea.

54.      Il-Prosekutur Ġenerali, ir-Rzecnik Praw Obywatelskich (il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Polonja), ir-Repubblika tal-Polonja, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2019 (13).

VI.    Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

A.      Oġġezzjonijiet proċedurali

55.      It-Teżor Pubbliku u l-Polonja jsostnu li l-proċeduri prinċipali jikkostitwixxu sitwazzjonijiet purament interni u ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. It-Teżor Pubbliku jenfasizza li l-Artikolu 19(1) TUE ma għandu l-ebda rabta mal-kawża prinċipali, u l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet li jinvolvu sitwazzjonijiet interni fil-ġurisprudenza ma tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi (14).

56.      Il-Polonja, flimkien mal-Prosekutur Ġenerali, tissottometti, inter alia, li r-regoli dwar proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri, u għal din ir-raġuni, id-dritt tal-Unjoni ma japplikax għall-evalwazzjoni tagħhom. Fil-fehma tal-Polonja, ma jistgħux jiġu dedotti standards speċifiċi relatati ma’ proċeduri dixxiplinari mill-Artikolu 19(1) TUE. Waqt is-seduta, il-Polonja enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (15), il-miżuri tal-Istati Membri għandhom attwalment, u mhux potenzjalment, jaqgħu taħt l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Il-Prosekutur Ġenerali kompla jargumenta li l-kompetenza tal-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja ma nbidlitx bit-Trattat ta’ Lisbona, kif rifless fis-sentenza ta’ Lisbona tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża (16).

57.      Il-Kummissjoni, minkejja li ma tqajjimx oġġezzjoni formali, issostni, għall-finijiet ta’ kompletezza, li l-kawża prinċipali ma taqax taħt l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Hija tindika li, fir-rigward tal-Kawża C‑558/18, l-eżerċizzju ta’ kompiti fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika ma huwiex kopert mid-dritt tal-Unjoni u ma jikkostitwixxix, b’mod partikolari, għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Bl-istess mod, fir-rigward tal-Kawża C‑563/18, il-Kummissjoni ssostni li l-kawża prinċipali tikkonċerna d-dritt kriminali Pollakk u b’mod partikolari ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(b) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 300, p. 42) jew tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

58.      It-Teżor Pubbliku, il-Prosekutur Ġenerali, il-Polonja u l-Kummissjoni jsostnu li d-domandi magħmula huma inammissibbli minħabba li huma ipotetiċi u ma għandhom l-ebda rabta mal-proċeduri prinċipali (17).

59.      It-Teżor Pubbliku, il-Prosekutur Ġenerali u l-Polonja jsostnu li l-qrati tar-rinviju ma jistabbilixxux, inter alia, ir-raġunijiet għalfejn għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE jew ir-rabta bejn din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Rakkomandazzjonijiet tagħha.

60.      It-Teżor Pubbliku, il-Prosekutur Ġenerali u l-Polonja jsostnu wkoll li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-kawża prinċipali, peress li dawk il-kawżi ma għandhomx x’jaqsmu mar-reġim dixxiplinari fil-Polonja u l-imħallfin ikkonċernati bħalissa ma huma suġġetti għal ebda proċedura dixxiplinari. Fil-fehma tagħhom, ir-rinviji huma relatati mal-biżgħat suġġettivi tal-imħallfin li jirrigwardaw il-possibbiltà li jiġu istitwiti proċeduri dixxiplinari li huma ġrajjiet ipotetiċi, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat sitwazzjonijiet simili fis-sentenzi Falciola (18) u Nour (19) li wasslu għaċ-ċaħda tad-domandi magħmula. Huma jsostnu wkoll li jekk il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu domandi mhux relatati mat-tilwim fil-kawża prinċipali, dan jippreġudika l-għan tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari. It-Teżor Pubbliku jenfasizza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (20) li tagħmel iktar flessibbli l-kundizzjoni tar-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma hijiex applikabbli f’dawn il-kawżi.

61.      Il-Polonja u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-fatt li l-qrati tar-rinviju jistgħu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, peress li dawn għandhom ikunu rilevanti u neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwim pendenti quddiem il-qrati tar-rinviju. Il-Prosekutur Ġenerali u l-Kummissjoni jaffermaw ukoll li l-kawżi preżenti huma differenti mis-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses (21), peress li f’din il-kawża l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE kienet rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

62.      Il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 19(1) TUE ma huwiex rilevanti għas-suġġett tat-tilwim fil-kawża prinċipali jew għal ebda domanda preliminari (quaestio in limine litis) relatata ma’ dan it-tilwim. Fil-fehma tagħha, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tammonta għall-għoti ta’ opinjoni konsultattiva dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi u teċċedi l-limiti tal-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, kif iddefinit fil-ġurisprudenza (22). Hija tirrikonoxxi li t-tħassib tal-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltà li wieħed ikun suġġett għal proċedura dixxiplinari ma jistax jiġi eskluż, imma tqis li din iċ-ċirkustanza ma tbiddilx il-fatt li d-domandi magħmula huma inammissibbli. Il-Kummissjoni enfasizzat, waqt is-seduta, li l-qrati tar-rinviju ma indikaw ebda element li jwassalhom sabiex jieħdu deċiżjoni b’riżultat tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE.

63.      Il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jsostnu li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

64.      Il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem jargumenta li s-sentenza Falciola (23) ma hijiex applikabbli għal dawn il-kawżi, peress li ġiet deċiża qabel ma ġie introdott l-Artikolu 19(1) TUE fit-Trattati. Huwa jsostni li f’dawn il-kawżi jeżisti element tad-dritt tal-Unjoni, primarjament minħabba l-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE. Fid-dawl tas-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses (24), il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja skont l-Artikolu 19(1) TUE tiskatta ladarba l-leġiżlatur nazzjonali jafda kwistjonijiet ta’ dritt tal-Unjoni lil qorti, u testendi għall-attività ġudizzjarja kollha tal-qorti nazzjonali sabiex din id-dispożizzjoni ma tispiċċax mingħajr effett utli. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, imħallfin protetti mill-Artikolu 19(1) TUE għandhom ikunu jistgħu jibdew il-proċedura għal deċiżjoni preliminari mingħajr ma jġarrbu ebda riskju, u n-nuqqas ta’ dawk il-garanziji jikkostitwixxi fih innifsu element ta’ dritt tal-Unjoni f’dawn il-kawżi, irrispettivament mill-fatt li kienu nbdew investigazzjonijiet kontra l-imħallfin li għamlu t-talba għal deċiżjoni preliminari.

65.      Il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem isostni wkoll li d-domandi magħmula ma humiex ipotetiċi, u r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa sabiex il-qrati tar-rinviju jagħtu deċiżjoni taħt il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja mogħtija mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Huwa jenfasizza li jekk l-imħallfin ikunu jistgħu jqajmu biss il-kwistjoni tal-indipendenza ġudizzjarja fil-proċeduri dixxiplinari mressqa kontrihom, dan ikun inkompatibbli mas-sentenza Unibet (25), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqajjim tal-inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni meta l-individwu jirriskja ċerti sanzjonijiet ma hijiex biżżejjed biex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

66.      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA targumenta li mis-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses (26) jirriżulta li l-indipendenza ġudizzjarja hija indiviżibbli. Fil-fehma tagħha, il-qrati nazzjonali jaġixxu bħala qrati tal-Unjoni f’kull ħin u mhux biss meta jiddeċiedu dwar każijiet speċifikament relatati mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, hija ssostni li l-kawżi ineżami huma ammissibbli, peress li hemm b’mod ċar kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi indirizzata fir-rigward tar-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja imposti fuq il-qrati nazzjonali.

B.      Sustanza

67.      Il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem isostni li d-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta fl-affermattiv. Huwa jargumenta li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (27), il-miżuri Pollakki fuq proċeduri dixxiplinari ma jiżgurawx li l-imħallfin ikunu protetti minn kontroll eċċessiv mill-awtoritajiet eżekuttivi. Huwa jsostni, inter alia, li l-Ministru tal-Ġustizzja jaħtar imħallfin tal-qorti dixxiplinari fil-qrati tal-appell għal mandat definit, imma dan il-mandat jiskadi meta l-imħallef ikun suġġett għal sanzjonijiet dixxiplinari, u kien hemm sitwazzjonijiet fejn imħallfin irrifjutaw li jibdew proċeduri dixxiplinari kontra mħallef ieħor u spiċċaw huma s-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari. Huwa jirrimarka wkoll li l-Ministru tal-Ġustizzja jaħtar l-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qorti Ordinarji u ż-żewġ deputati, u jista’ jopponi d-deċiżjoni ta’ uffiċjal dixxiplinari li ma jiftaħx proċeduri dixxiplinari, li jirriżulta fil-ħtieġa li jinbdew proċeduri dixxiplinari u l-istruzzjonijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja rigward l-iżvolġiment ta’ tali proċeduri jkunu vinkolanti fuq dak l-uffiċjal dixxiplinari.

68.      Barra minn hekk, skont il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jaħtar l-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja li jeskludi kwalunkwe uffiċjal dixxiplinari ieħor milli jaġixxi u huwa ekwivalenti għan-neċessità li tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari. Huwa jsostni li l-proċeduri dixxiplinari jistgħu jinbdew mingħajr skeda ta’ żmien iddefinita, li tikser ir-rekwiżit li l-kawżi għandhom jiġu deċiżi fi żmien raġonevoli, u li l-Ministru tal-Ġustizzja jista’, fil-każ ta’ ċirkustanzi ġodda jew ta’ evidenza ġdida, jitlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri dixxiplinari li jippermetti li mħallef jiġi mċanfar għall-istess ksur.

69.      Il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem ikompli jargumenta li hemm nuqqas tal-garanziji meħtieġa tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin fi proċeduri dixxiplinari. B’mod partikolari, huwa jafferma li l-qorti dixxiplinari tista’ tiddeċiedi fl-assenza ġġustifikata tal-imħallef akkużat u tar-rappreżentant tiegħu, u jindika, b’riferiment għall-Artikolu 115c tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li l-użu ta’ evidenza minn proċeduri kriminali ma huwiex iġġustifikat fi proċeduri dixxiplinari relatati ma’ kondotta professjonali ħażina tal-imħallfin. Fil-fehma tiegħu, aspetti istituzzjonali tar-reġim dixxiplinari huma wkoll problematiċi, inkluż l-użu ta’ mħallfin ġurati fl-Awla Dixxiplinari peress li huwa meħtieġ għarfien legali sabiex jiġu deċiżi kawżi dixxiplinari, u l-fatt li l-President tal-Awla Dixxiplinari jaħtar il-qorti dixxiplinari tal-ewwel istanza, u dan iqajjem dubji dwar jekk tali qorti hijiex tribunal stabbilit bil-liġi.

70.      Il-Prosekutur Ġenerali jargumenta li s-sistema dixxiplinari Pollakka fir-rigward tal-imħallfin tissodisfa l-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (28), flimkien mal-istandards li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (29). B’mod partikolari, huwa jenfasizza li l-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jagħti bidu għal proċeduri dixxiplinari u jopponi deċiżjoni li tirrifjuta l-ftuħ ta’ tali proċedura, imma ma jistax jiddetermina l-eżitu tal-proċedura u lanqas ma jista’ jissanzjona mħallef. Fil-fehma tiegħu, ir-riformi tal-Polonja tar-reġim dixxiplinari għandhom l-għan li jtejbu r-responsabbiltà tal-imħallfin. Waqt is-seduta huwa enfasizza li ma hemm l-ebda responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin għall-kontenut tad-deċiżjonijiet tagħhom, u li ħadd ma kien suġġett għal proċeduri dixxiplinari talli ressaq talbiet għal deċiżjoni preliminari; il-proċedura ta’ investigazzjoni li tinvolvi lill-imħallfin f’dawn il-kawżi kienet differenti, u kellha l-għan li tiċċara għaliex ir-rinviji kienu identiċi.

71.      Il-Polonja targumenta li l-ordinament ġuridiku Pollakk ma fihx dispożizzjonijiet li jiksru l-garanziji ta’ proċeduri dixxiplinari indipendenti kontra l-imħallfin jew li jżidu r-riskju ta’ ksur ta’ dawk il-garanziji. Fil-fehma tagħha, it-talbiet jirreferu għal miżuri li ma jeżistux fil-Polonja, u huma ipotetiċi, peress li dawn ma jindikawx liema garanziji konkreti nkisru u kif inkisru. Barra minn hekk, il-Polonja tafferma li huwa diffiċli li wieħed iwieġeb għall-allegazzjonijiet fit-talbiet, peress li dawn jikkonsistu f’dikjarazzjoni selettiva ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk dwar proċeduri dixxiplinari, imħallta ma’ evalwazzjonijiet suġġettivi, li l-għan tagħhom huwa li jifformulaw kritika ġenerali tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja.

72.      Il-Polonja ssostni, inter alia, li la l-Ministru tal-Ġustizzja u lanqas organu ieħor tal-fergħa eżekuttiva ma jiddeċiedu dwar proċeduri dixxiplinari jew japplikaw sanzjonijiet dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin. Hija tfakkar li, skont l-Artikoli 110 u 110a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, il-qrati dixxiplinari fil-qrati tal-appell jiddeċiedu fuq proċeduri dixxiplinari li jirrigwardaw imħallfin tal-qrati ordinarji, u f’ċerti każijiet l-Awla Dixxiplinari tagħti deċiżjoni dwar dawn il-proċeduri. Skont il-Polonja, l-imħallfin tal-Kamra Dixxiplinari jinħatru, skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni Pollakka, mill-President tar-Repubblika, u l-Ministru tal-Ġustizzja, wara li jikkonsulta mal-KNĠ, jaħtar imħallfin dixxiplinari fil-qrati tal-appell għal perijodu ta’ 6 snin minn fost l-imħallfin tal-qrati ordinarji b’mill-inqas 10 snin ta’ anzjanità u, bħala tali, minn fost l-imħallfin maħtura f’dak l-uffiċċju skont il-Kostituzzjoni Pollakka. Fil-fehma tagħha, l-imħallfin li jiddeċiedu fi proċeduri dixxiplinari kontra mħallfin igawdu mill-garanziji formali ta’ indipendenza (30), inkluża l-ħatra għal żmien illimitat, l-irremovabbiltà, l-immunità, ir-remunerazzjoni u l-obbligi li jibqgħu apolitiċi (31).

73.      Il-Polonja tenfasizza li la l-Ministru tal-Ġustizzja u lanqas kwalunkwe politiku ieħor ma jeżerċitaw influwenza fuq il-qrati dixxiplinari u li l-imħallfin li jippresjedu f’tali qrati, b’mod partikolari għaliex: (1) ma jiddeterminawx il-kompożizzjoni tal-qrati dixxiplinari li skont l-Artikolu 111 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji tiġi ddeterminata billi jittellgħu bix-xorti minn lista tal-imħallfin ta’ qorti partikolari; (2) ma jistgħux jindirizzaw linji gwida lill-imħallfin li jippresjiedu f’qrati dixxiplinari; (3) ma jistgħux ineħħu mħallfin ta’ qorti dixxiplinari; (4) ma jistgħux ikeċċu mħallef ta’ qorti dixxiplinari minn kawża li jkun qiegħed jisma’; u (5) ma għandhom l-ebda dritt li jikkontrollaw l-attività ta’ qrati dixxiplinari.

74.      Il-Polonja tirrikonoxxi li l-Ministru tal-Ġustizzja għandu ċerti setgħat biex jibda proċeduri dixxiplinari, peress li jista’ jirrikjedi li uffiċjal dixxiplinari jibda investigazzjoni, joġġezzjona għad-deċiżjoni ta’ dan l-uffiċjal li jirrifjuta l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, jew jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja biex jittratta każ speċifiku. Minkejja dan, il-Polonja tenfasizza, li l-Ministru tal-Ġustizzja jeżerċita influwenza indiretta, prinċipalment billi jopponi d-deċiżjoni li tirrifjuta l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, u ma għandu l-ebda influwenza fuq l-eżitu tal-proċeduri mibdija minn uffiċjal dixxiplinari jew id-deċiżjoni tal-qorti dixxiplinari. Waqt is-seduta, il-Polonja qalet li l-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru tal-Ġustizzja jinħatar f’sitwazzjonijiet fejn ikun meħtieġ li wieħed jiffoka fuq proċedura waħda, u dan il-korp inħoloq biex jiffaċilita x-xogħol ta’ uffiċjali dixxiplinari u jittratta każijiet li jinvolvu ċirkustanzi legali u fattwali kumplessi.

75.      Il-Polonja ssostni li l-imħallfin igawdu l-garanziji proċedurali tad-dritt għal smigħ xieraq fi proċeduri dixxiplinari. Hija tasserixxi li l-kawżi jiġu deċiżi minn qorti li taġixxi abbażi tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, l-imħallfin li jagħtu deċiżjoni f’dawn il-kawżi huma suġġetti għal garanziji ta’ imparzjalità u indipendenza, u proċeduri dixxiplinari huma pubbliċi skont l-Artikolu 116(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji. Il-Polonja tindika li l-proċedura dixxiplinari tirrispetta l-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ ne bis in idem, u l-imħallef akkużat jista’ jaħtar avukat tad-difiża minn fost imħallfin, prosekuturi, avukati jew konsulenti legali u, fil-każ ta’ mard, ikun intitolat għal avukat difensur maħtur mill-qorti skont l-Artikolu 113(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji; dan l-imħallef jibbenefika wkoll mill-preżunzjoni ta’ innoċenza, u jista’ jappella mid-deċiżjoni tal-qorti dixxiplinari fl-ewwel istanza li għandu jiġi eżaminat fi żmien xahrejn mill-preżentata tiegħu skont l-Artikolu 121 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji. Skont il-Polonja, id-definizzjoni ta’ reati dixxiplinari stabbilita fl-Artikolu 107 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji baqgħet ma nbidlitx għal ħafna snin, u tiżgura l-flessibbiltà u l-prevedibbiltà. Waqt is-seduta, il-Polonja enfasizzat li ma hemm l-ebda responsabbiltà dixxiplinari għall-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

76.      Fir-rigward tal-ittri tal-qorti tar-rinviju li jissupplimentaw it-talbiet tagħhom għal deċiżjonijiet preliminari, il-Polonja tiddikjara li l-Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji wieġeb għall-informazzjoni li tinsab f’dawk l-ittri f’Komunikazzjoni “dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni bil-Parteċipazzjoni ta’ Mħallfin Ewa Maciewska u Igor Tuleya, b’rabta mas-Sottomissjoni ta’ Domandi Preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” (32). Il-Polonja ssostni li, skont din il-komunikazzjoni, l-għan tal-investigazzjoni kien li jiġi ddeterminat jekk xi mħallef kienx ipprova jeżerċita influwenza fuq l-imħallfin tar-rinviju sabiex jinterferixxi mal-kontenut tas-sentenzi fil-kawżi li fihom saru dawn id-domandi. Il-Polonja tgħid li s-suspett ta’ kondotta ħażina kienet tqajmet minħabba li d-deċiżjonijiet tar-rinviju kienu kważi identiċi. Il-Polonja tgħid ukoll li d-Deputat Uffiċjal Dixxiplinari għall-Imħallfin tal-Qorti Ordinarja għalaq l-investigazzjoni minħabba l-assenza ta’ kondotta ħażina dixxiplinari, u li f’dawk il-proċeduri l-imħallfin ikkonċernati kellhom l-istatus ta’ xhieda u mhux ta’ mħallfin akkużati. Barra minn hekk, il-Polonja tirrimarka li dawk l-imħallfin bħalissa ma humiex is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari u nstemgħu biss bħala xhieda f’każijiet li jikkonċernaw imħallfin oħra.

77.      Il-Latvja tipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu obbligu li jiżgura li r-reġim dixxiplinari tal-imħallfin jirrispetta l-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja. Hija tenfasizza li tali reġim għandu josserva dawn il-garanziji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (33), kif turi s-sistema dixxiplinari Latvjana. Hija tosserva li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, bħala prinċipju, ma jinvolvux ir-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin, u hija biss kondotta ħażina flagranti u mhux skużabbli li tista’ tkun is-suġġett ta’ din ir-responsabbiltà (34). Hija tenfasizza r-rabta tal-indipendenza ġudizzjarja mas-separazzjoni tas-setgħat u l-istat tad-dritt kif irrikonoxxut, inter alia, fid-dritt Latvjan u tal-Unjoni (35).

78.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jipproponu li d-domandi magħmula għandhom jitwieġbu fl-affermattiv (36). Huma tal-fehma li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (37), miżuri nazzjonali li, kif spjegat mill-qrati tar-rinviju, jinvolvu jew jippermettu influwenza politika fuq proċeduri dixxiplinari kontra mħallfin u li jistgħu jintużaw biex jeżerċitaw kontroll politiku fuq il-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, jiksru l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

79.      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tenfasizza l-importanza tal-indipendenza ġudizzjarja għall-osservanza tal-istat tad-dritt, kif irrikonoxxut fl-ordinamenti ġuridiċi taż-ŻEE u tal-Unjoni (38). Hija tesprimi tħassib li, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (39), għadd ta’ elementi tar-reġim dixxiplinari Pollakk kontra l-imħallfin huma inkonsistenti mar-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja. Dawn l-elementi jinkludu: (1) ir-reat dixxiplinari ta’ kondotta professjonali ħażina ma huwiex iddefinit b’mod ċar; (2) jidher li hemm rabta bejn il-parti responsabbli għal proċeduri dixxiplinari u l-fergħa eżekuttiva fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Awla Dixxiplinari u l-ħatra tal-fergħa eżekuttiva ta’ uffiċjal dixxiplinari għall-eżami ta’ każijiet u fl-eżiti tal-investigazzjonijiet; (3) l-użu ta’ evidenza miksuba minn proċeduri kriminali jew sorveljanza operattiva fi proċeduri dixxiplinari; (4) tħassib dwar l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari; u (5) is-sanzjonijiet dixxiplinari huma severi u l-proċeduri jistgħu jerġgħu jinfetħu għad-detriment tal-imħallfin akkużati.

80.      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li għandha titqies l-istampa sħiħa tal-bidliet fil-liġi dwar is-sistema ġudizzjarja fil-Polonja, u li jekk kull bidla tiġi kkunsidrata b’mod separat, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-effetti kumulattivi, hemm riskju li ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lill-impatt sħiħ ta’ dak li jidher li huwa sett ta’ miżuri kkoordinati. Hija tenfasizza wkoll li hemm effett dissważiv li jirriżulta mill-fatt li l-qrati tar-rinviju ntalbu jippreżentaw dikjarazzjonijiet bil-miktub fir-rigward tad-domandi magħmula.

81.      Waqt is-seduta l-Kummissjoni sostniet, b’mod alternattiv li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (40), is-sistema dixxiplinari fil-Polonja tikser il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja, peress li din ma toffrix il-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat ir-riskju li din is-sistema tintuża bħala strument ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ddikjarat li nediet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE kontra l-Polonja, fejn allegat li r-reġim dixxiplinari l-ġdid għall-imħallfin ma huwiex kompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta (41).

82.      Sabiex tiġbor l-allegazzjonijiet tagħha fi ftit kliem fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li: (1) il-liġi Pollakka tagħmilha possibbli li l-imħallfin tal-qrati ordinarji jinżammu responsabbli b’azzjoni dixxiplinari għall-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħhom, inklużi talbiet għal deċiżjonijiet preliminari; (2) l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja skont id-dritt tal-Unjoni, kif kopert mill-Kawżi magħquda pendenti C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema); (3) ir-reġim dixxiplinari Pollakk ma jiggarantix li qorti stabbilita bil-liġi tiddeċiedi fl-ewwel istanza fi proċedimenti dixxiplinari kontra mħallef tal-Qorti Ordinarja, peress li l-President tal-Awla Dixxiplinari jiddetermina, fuq bażi ad hoc u diskrezzjonali, il-qorti dixxiplinari li tisma’ l-kawża; u (4) id-drittijiet proċedurali tal-imħallfin fi proċeduri dixxiplinari huma ristretti, peress li dan ir-reġim ma jiggarantix iktar li l-każijiet jiġu ttrattati fi żmien raġonevoli, u d-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin akkużati huma affettwati.

VII. Analiżi

83.      Wasalt għall-konklużjoni li t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari f’dawn il-kawżi huma inammissibbli peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex f’idejha biżżejjed punti ta’ fatt u ta’ liġi biex tiddetermina jekk kienx hemm ksur tal-obbligu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu l-indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

84.      B’mod iktar speċifiku, in-nuqqas ta’ spjegazzjoni fid-deċiżjonijiet tar-rinviju dwar ir-rabta bejn il-miżuri tal-Istati Membri inkwistjoni u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li huwa inkonsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, wassal lill-qrati tar-rinviju biex jagħmlu domandi ġġeneralizzati. Għaldaqstant, risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi tikkostitwixxi opinjoni konsultattiva li hija prekluża mill-Artikolu 267 TFUE.

85.      L-analiżi tiegħi hija maqsuma f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, fit-Taqsima A, ser neżamina jekk is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fit-tieni lok, fit-Taqsima B, ser nagħmel evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jinsabu. Matul id-diskussjoni fit-Taqsima B ser jirriżulta ċar għaliex ma hemmx biżżejjed informazzjoni fil-proċess tal-kawża sabiex issir evalwazzjoni tal-mertu, ta’ jekk seħħx ksur strutturali tal-indipendenza ġudizzjarja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, Għal din ir-raġuni mhux ser nagħti l-opinjoni tiegħi dwar jekk ġewx miksura l-garanziji inerenti għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

A.      Is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

86.      Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

87.      Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) (42), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, irrispettivament minn jekk l-Istati Membri humiex qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet dan li ġej:

“Kuntrarjament għal dak sostnut mir-Repubblika tal-Polonja u mill-Ungerija f’dan ir-rigward, il-fatt li l-miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis fis-salarji inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), ġew adottati minħabba raġunijiet imperattivi marbuta mal-eliminazzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-baġit tal-Istat Membru kkonċernat u fil-kuntest ta’ programm ta’ assistenza finanzjarja mill-Unjoni għal dak l-Istat Membru, hekk kif jirriżulta mill-punti 29 sa 40 ta’ din is-sentenza, ma kellu ebda rwol fl-interpretazzjoni li wasslet sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE japplika fil-kawża inkwistjoni. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li l-qorti nazzjonali kkonċernata minn din il-kawża, jiġifieri t-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall), kienet, suġġetta għal stħarriġ mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu fl-oqsma koperti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses,C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40)” (43).

88.      Dak li huwa notevoli fis-sentenza msemmija huwa r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-argumenti mressqa mill-Polonja u l-Ungerija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kien applikabbli fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses għaliex il-miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis tas-salarju inkwistjoni li wasslu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ ġew adottati minħabba rekwiżiti li jillimitaw id-defiċit eċċessiv tal-baġit fl-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest ta’ programm ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni. Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li dak li kien essenzjali fis-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses kien li l-korp nazzjonali inkwistjoni f’dak il-każ “[seta’]” jiddeċiedi, bħala qorti jew tribunal, li jiena nifhimha skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

89.      Dan jgħodd ukoll għall-qrati tar-rinviju fil-kawżi ineżami (ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ma huwiex ikkontestat li dawn huma korpi li “jistgħu” jiddeċiedu, bħala qrati jew tribunali skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-qrati tar-rinviju jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’dawn il-kawżi.

90.      Minkejja dan, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fis-sentenzi tagħha Associação Sindical dos Juízes Portugueses jew Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) li l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE biddel, jew saħansitra attenwa, ir-regoli tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari. Huwa dan l-aspett – li ma kienx preżenti fil-proċeduri li wasslu għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża magħquda A.K. et (Indipendenza tal-Kamra Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (44), rinviju ieħor għal deċiżjoni preliminari minn qorti Pollakka dwar il-konformità ta’ miżuri Pollakki mar-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi dwar jekk inkisirx it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE f’dawn il-proċeduri. Dan ser jiġi diskuss hawn taħt fit-Taqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet.

91.      Il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimplika wkoll li, kuntrarjament għal dak li jsostni t-Teżor Pubbliku, il-ġurisprudenza dwar l-hekk imsejħa sitwazzjonijiet interni u, b’mod partikolari, is-sentenza tagħha Ullens de Schooten (45) tagħha ma tapplikax fil-kawża prinċipali. Din il-linja ta’ ġurisprudenza tikkonċerna l-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li twieġeb għat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari f’ċirkustanzi li jistgħu jitqiesu li jidderogaw mir-regola ġenerali li sitwazzjonijiet interni, fejn l-elementi kollha ta’ każ partikolari huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed, jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Din il-ġurisprudenza tidħol prinċipalment fil-kuntest ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari relatati mar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu u oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni fejn bħala prinċipju huwa meħtieġ element transkonfinali (46). Dawn il-kawżi jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Dan fih innifsu ma jistax jiġi kklassifikat bħala kwistjoni purament interna.

92.      Dan huwa hekk għaliex “l-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jinkludu awtorità li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar ksur strutturali tal-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja, peress li l-Artikolu 19 TUE huwa manifestazzjoni konkreta tal-istat tad-dritt, wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 TUE, u l-Istati Membri huma marbuta skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE “sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” (47). Ksur strutturali tal-indipendenza ġudizzjarja inevitabbilment għandu impatt fuq il-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE u għalhekk fuq il-kapaċità tal-qrati tal-Istati Membri li jaġixxu bħala qrati tal-Unjoni.

93.      F’dan ir-rigward, naċċetta l-argumenti tal-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar it-tifsira tal-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (48), u niċħad dawk tal-Prosekutur Ġenerali u tal-Polonja fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet li deċiżjoni fis-sens li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tinterferixxi mad-diviżjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Dan għaliex id-dritt tal-Unjoni għandu impatt fuq il-kompetenzi tal-Istati Membri biex jorganizzaw is-sistemi tagħhom għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fiċ-ċirkustanzi ristretti deskritti hawnhekk.

94.      Għaldaqstant, ma huwiex wisq importanti li t-tilwim fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Pollakka dwar l-amministrazzjoni pubblika fil-Kawża C‑558/18 u tal-liġi kriminali Pollakka fil-Kawża C‑563/18. Kif iċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 51 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) u riprodotta fil-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE bl-ebda mod ma huwa marbut ma’ jekk it-tilwima sostantiva li fiha l-indipendenza ġudizzjarja qiegħda tiġi kkontestata tikkonċernax d-dritt tal-Unjoni. Kif ġie indikat iktar ’il fuq fil-punti 88 u 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa wiesa’. Irrispettivament minn jekk il-ksur ta’ indipendenza ġudizzjarja huwiex ta’ natura strutturali u għalhekk bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkostitwixxi eżerċizzju separat (ara l-punt 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

95.      Għalhekk, ix-xebh ta’ dawn il-kawżi mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Falciola (49) u Nour (50) ma humiex direttament rilevanti għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, peress li dawn id-deċiżjonijiet kienu nħarġu qabel is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Associação Sindical dos Juízes Portugueses u Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18).

96.      Fid-digriet tal-26 ta’ Jannar 1990 fis-Seduta Plenarja tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Falciola (51), it-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju kien ċar li l-għan tad-domandi preliminari kien li jiġi ddeterminat jekk l-imħallfin nazzjonali jistgħux iwettqu dmirijiethom bħala mħallfin tal-Unjoni b’mod indipendenti u imparzjali minkejja l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni Taljana dwar ir-responsabbiltà tal-ġudikatura. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-domandi magħmula ma kellhom ebda rabta mal-kawża prinċipali, peress li ma kinux jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni, u l-qorti tar-rinviju kellha “dubju biss dwar ir-reazzjonijiet psikoloġiċi possibbli ta’ ċerti mħallfin Taljani” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minħabba din il-leġiżlazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-domandi magħmula ma kinux jinvolvu interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni oġġettivament meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima, u li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar dawn id-domandi.

97.      Bl-istess mod, fid-digriet tagħha tal-25 ta’ Mejju 1998 fil-kawża Nour (52), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-domandi preliminari ma kinux relatati mal-azzjoni prinċipali, u li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondihom. Dawn id-domandi tressqu minn Bord tal-Appell Awstrijak fil-kuntest ta’ tilwima bejn tabib u fond ta’ assigurazzjoni dwar l-onorarji mediċi tiegħu, u kienu jirrigwardaw il-prinċipji ġenerali li jifformaw parti mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-funzjonament ta’ dan il-bord. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien ibbażat fuq tliet motivi. L-ewwel nett, id-domandi magħmula kienu jaqgħu barra mill-kuntest tal-kawża, u għalhekk ma kinux jinvolvu interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni oġġettivament meħtieġa sabiex tinstab soluzzjoni għal dik it-tilwima. It-tieni nett, ma kienx permess taħt il-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE li mħallef nazzjonali jkun jista’ jagħmel domandi marbuta ma’ tilwima li fiha kien involut fuq bażi privata permezz tat-tribunal li huwa jippresjedi u fi proċeduri differenti, kif kien għamel il-president ta’ dak il-bord ta’ appell. It-tielet nett, id-dritt tal-Unjoni ma ġiex ipprovat li huwa applikabbli għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

98.      Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kawżi ma kienet tikkonċerna t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-oġġezzjoni li tallega li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandha tiġi miċħuda.

B.      Għaliex il-domandi preliminari huma inammissibbli

99.      Jiena tal-opinjoni li l-oġġezzjoni dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula għandha tiġi milqugħa, imma għal raġunijiet li huma kemxejn differenti minn dawk magħmula fl-osservazzjonijiet tal-partijiet. Il-qofol tal-problema ta’ ammissibbiltà f’dawn il-kawżi tinsab fin-nuqqas ta’ bażijiet suffiċjenti, kemm f’termini ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk kienx hemm ksur ta’ indipendenza ġudizzjarja protetta skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Għal din ir-raġuni, huwa impossibbli għalija li nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk kienx hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, jiena ser noqgħod lura milli nesprimi opinjoni b’mod sussidjarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi tal-ammissibbiltà tad-domandi magħmula.

1.      Regoli rilevanti dwar l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari

100. Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali li tkun adita bil-kawża u li jkollha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti li għandha, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, teżamina l-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, fejn id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (53).

101. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq talba għal deċiżjoni preliminari biss jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (54).

102. Skont il-ġurisprudenza li tinterpreta l-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (55), il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula jew, tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (56). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa essenzjali li l-qorti tar-rinviju tagħti spjegazzjoni tar-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija tixtieq l-interpretazzjoni tagħhom u tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (57). Kif innutat fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn ir-rekwiżiti jidhru wkoll fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti (58).

103. Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li tippermetti l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja (59). Għalhekk, meta r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domanda magħmula twassalha biex tagħti opinjoni konsultattiva dwar problema li hija ta’ natura ġenerali (60) jew ipotetika (61), il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li dawn id-domandi huma inammissibbli.

104. Dan jikkorrispondi mal-iskop tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. Bl-istabbiliment ta’ djalogu bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri, din il-proċedura għandha l-għan li tiggarantixxi l-konsistenza u l-uniformità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tiżgura l-effett sħiħ tagħha u l-awtonomija tagħha, kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit bit-Trattati (62).

105. Analiżi tal-ġurisprudenza dwar ir-rekwiżiti tal-kontenut tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja turi għalfejn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi preżenti huma problematiċi f’termini ta’ ammissibbiltà.

106. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2017 Puškár (63) kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ azzjoni magħmula kontra l-awtoritajiet Slovakki li jneħħu isem ir-rikorrent minn lista ta’ persuni kkunsidrati li jaġixxu bħala “faċċata” fir-rwoli ta’ direttur ta’ kumpannija. Ir-rikorrent sostna li l-inklużjoni tiegħu f’din il-lista kienet tikser id-drittijiet tal-personalità tiegħu.

107. Ir-raba’ domanda fis-sentenza Puškár (64) kienet dwar jekk għandhiex tingħata preċedenza lill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta din tkun differenti minn dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-domanda kienet inammissibbli peress “ġiet magħmula mill-qorti tar-rinviju b’mod ġenerali, mingħajr ma ppreċiżat b’mod ċar u konkret f’xiex jikkonsistu d-diverġenzi li hija tevoka”. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li, fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, “il-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni” u “li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-intepretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha”.

108. Spjegazzjoni insuffiċjenti tad-dritt tal-Istat Membru li tippermetti l-istabbiliment ta’ din ir-rabta kritika, u għalhekk konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà, seħħet b’mod partikolari fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017 Milkova (65) u s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018 Rittinger et (66), flimkien mad-digriet tal-7 ta’ Ġunju 2018 f’Filipi et (67).

109. Fis-sentenza Milkova (68), li kienet tinvolvi kontestazzjoni ta’ tkeċċija mill-impjieg quddiem il-qrati Bulgari li allegatament kisret il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti tar-rinviju sempliċement irreferiet b’mod ġenerali għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva, mingħajr ma stabbilixxiet rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża prinċipali.

110. Is-sentenza Rittinger et (69) kienet tinvolvi tilwima b’riferiment, inter alia, għad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tipprovdi li l-adulti kollha li għandhom residenza fit-territorju nazzjonali kienu obbligati jħallsu kontribuzzjoni lix-xandara pubbliċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien fatali għall-ammissibbiltà tad-deċiżjoni tar-rinviju li “għalkemm din il-qorti tesponi li l-kontribuzzjoni awdjoviżiva ppermettiet il-finanzjament ta’ din is-sistema għall-benefiċċju biss tax-xandara fil-Ġermanja, hija ma tippreċiżax il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-imsemmija sistema u lanqas ir-raġunijiet għalfejn xandara oħra huma esklużi mill-użu tal-istess sistema”.

111. Fis-sentenza Filipi et (70), dwar il-qbid mill-awtoritajiet Awstrijaċi u sanzjonijiet oħra fir-rigward ta’ magni tal-logħob li jeħtieġu awtorizzazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-talba għal deċiżjoni preliminari kienet manifestament inammissibbli. Dan kien dovut, b’mod partikolari, għan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ma kien hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li kien jesponi bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u ma ġietx spjegata r-rabta bejn id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwim fil-kawżi prinċipali. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-informazzjoni dwar din il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet nieqsa. Filwaqt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tistabbilixxi l-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, hija ma “tindikax b’mod ċar biżżejjed kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw fil-kawżi li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju u li huma s-suġġett ta’ din it-talba”.

112. Fl-aħħar nett, ninnota li fis-sentenza reċenti Wightman et (71) mogħtija mis-Seduta Plenarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ċaħdet argumenti dwar l-ammissibbiltà ta’ rinviju rigward in-notifika tar-Renju Unit tal-intenzjoni tagħha li tirtira mill-Unjoni, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża r-rabta meħtieġa mill-Artikolu 94(c) ta’ dawn ir-regoli bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-Istat Membru applikabbli għall-kawża prinċipali, ma kinux ikkontestati.

2.      Applikazzjoni għall-kawżi  ineżami

113. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju tissodisfax ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-portata tad-domanda preliminari (72). Huwa stabbilit ukoll fil-ġurisprudenza li dawk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ta’ importanza partikolari f’oqsma, bħad-dritt tal-kompetizzjoni, fejn is-sitwazzjonijiet fattwali u legali huma ta’ spiss kumplessi (73).

114. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, flimkien mal-fatt li huwa stabbilit b’mod iktar wiesa’ fil-ġurisprudenza li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jinvolvu osservanza skrupoluża (74), iwassluni sabiex nikkonkludi li l-kumplessitajiet tad-determinazzjoni ta’ jekk seħħx ksur strutturali tal-indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jfisser li, f’dan il-kuntest, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġ spjegazzjoni suffiċjenti tal-miżuri tal-Istat Membru kkontestati u għaliex huma inkonsistenti mal-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja mogħtija mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

115. F’dawn il-kawżi, id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jispjegawx biżżejjed ir-relazzjoni li hemm bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-miżuri Pollakki inkwistjoni. Fil-kuntest tat-tħassib tal-qrati tar-rinviju fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja, il-miżuri Pollakki rilevanti huma ġeneralment riprodotti fil-punti 8 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, b’kuntrast ma’ kawżi oħra li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali relatati mar-riforma tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja, b’garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (75), hemm nuqqas ta’ informazzjoni fil-proċess dwar liema dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk huma inkompatibbli ma’ dawn il-garanziji u għaliex.

116. F’dan ir-rigward, naqbel mal-argumenti mressqa fil-mertu mill-Polonja u riprodotti iktar ’il fuq fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-allegazzjonijiet ifformulati fid-deċiżjonijiet tar-rinviju huma biss ta’ natura ġġeneralizzata. B’mod partikolari, filwaqt li d-deċiżjonijiet tar-rinviju jistabbilixxu l-kontenut ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk, huma ma jispjegawx il-funzjonament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas ma jindikaw kif dawn id-dispożizzjonijiet allegatament jiksru r-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jispjegawx ukoll kif id-dispożizzjonijiet speċifikati tal-liġi Pollakka ġew immodifikati mil-liġijiet adottati fil-kuntest tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka jew kif dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw fi ħdan il-qafas tar-reġim il-ġdid għal proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin. Għaldaqstant, l-elementi fattwali u legali neċessarji sabiex jiġu evalwati l-allegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet tar-rinviju u sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huma neqsin.

117. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tar-rinviju jirrigwardaw element ta’ parzjalità suġġettiva fir-rigward tal-impatt tas-sistema dixxiplinari l-ġdida fuq il-kapaċitajiet tal-imħallfin li ressqu t-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jiddeċiedu b’mod indipendenti. Dan ġie deskritt fiż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju bħala “biża’” (ara l-punti 34 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fin-nuqqas ta’ tilwima bejn il-partijiet ikkonċernati fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat jekk l-indipendenza ġudizzjarja kinitx ivvizzjata minn parzjalità suġġettiva, li kif semmejt fil-konklużjonijiet preċedenti tiegħi dwar l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja (76) huwa eżerċizzju separat minn evalwazzjoni tal-indipendenza oġġettiva.

118. F’dawn il-kawżi, id-deċiżjonijiet tar-rinviju jindikaw li l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE hija neċessarja għad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-kawża prinċipali minħabba li l-qrati tar-rinviju jibżgħu li, fil-każ ta’ deċiżjoni partikolari li tittieħed fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jinfetħu proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin ta’ dawn il-qrati. Minn dan isegwi li l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari għadu ma seħħx. Fuq il-bażi tad-digrieti ta’ rinviju, il-qrati tar-rinviju għandhom sempliċement biża’ suġġettiva li ma ġietx ikkristalizzat fi proċeduri dixxiplinari u li tibqa’ ipotetika.

119. Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk hemmx ksur strutturali tal-indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tibqa’ ipotetika fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar kif dan il-ksur seħħ u għaliex, li t-tnejn li huma huma aggravati min-nuqqas ta’ kristallizzazzjoni ta’ tilwima bejn partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-indipendenza ġudizzjarja.

120. B’mod partikolari, ninnota li ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’dawn il-kawżi ma kkonfutat fis-seduta l-argumenti ddettaljati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Polonja dwar għaliex dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi Pollakka huma konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja (ara l-punti 72 sa 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Lanqas ma saru xi sottomissjonijiet dwar għaliex il-biża’ suġġettiva tal-imħallfin ikkonċernati baqgħat iġġustifikata, minkejja li l-Prosekutur Ġenerali u l-Polonja sostnew li r-raġuni għall-investigazzjonijiet ta’ dawk l-imħallfin kienet minħabba li r-rinviji kienu identiċi, u mhux minħabba li saru rinviji, u li ma ttieħdet l-ebda azzjoni dixxiplinari kontra dawk l-imħallfin (ara l-punti 70 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa diffiċli li wieħed jara kif xi tilwima fir-rigward ta’ dawn l-imħallfin ikkristallizzat f’dawn il-kawżi.

121. Kif indikat mill-Prosekutur Ġenerali u l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi huma differenti minn dawk li wasslu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses (77). Din il-kawża kienet tinvolvi azzjoni ppreżentata quddiem qorti Portugiża mill-Assoċjazzjoni sindakali tal-Imħallfin Portugiżi kontra l-Qorti Portugiża tal-Awdituri, fejn intalab, inter alia, l-annullament ta’ miżuri nazzjonali għat-tnaqqis tas-salarju li naqqsu s-salarju tagħhom. Insostenn tal-azzjoni tagħha, din l-assoċjazzjoni sindakali sostniet li dawn il-miżuri kienu jiksru l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja stabbilit fid-dritt Portugiż u fid-dritt tal-Unjoni (78). Huwa ċar li l-imħallfin f’dik il-kawża sofrew tnaqqis fis-salarju. Ma huwiex ċar fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi ineżami li l-azzjoni meħuda mill-Polonja wasslet għal biża’ ġġustifikata ta’ parzjalità li teħtieġ investigazzjoni sostantiva.

122. Barra minn hekk, kif indikat mit-Teżor Pubbliku, l-eżempji mogħtija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jagħtu interpretazzjoni wiesgħa tar-rilevanza tad-domandi magħmula għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali ma jinvalidawx din l-analiżi. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet domandi dwar id-dritt jew l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tagħmel rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE (79), li strettament jista’ ma jiddeterminax l-eżitu tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, f’linja ta’ ġurisprudenza li tinsab fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili (80), il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni wiesgħa tal-kliem “tagħti sentenzi” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE bħala li jkopri l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju.

123. Madankollu, din hija kwistjoni differenti milli tiġi stabbilita b’mod suffiċjenti r-rabta bejn il-miżuri tal-Istat Membru inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, li hawnhekk huwa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kumplessitajiet sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri tal-Istati Membri humiex inkonsistenti mal-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE teħtieġ l-osservanza rigoruża tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

124. F’dan ir-rigward, inżid ngħid li fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-rilevanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Unibet (81) f’dawn il-kawżi (ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet), din is-sentenza ma tiskużax lil qorti nazzjonali milli tikkonforma ruħha mar-regoli tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari. Ma nikkunsidrax dawn il-kawżi bħala każijiet fejn huwa n-nuqqas ta’ rimedju tal-Istat Membru li qiegħed ifixkel l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-kawżi ineżami huma biss każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni biżżejjed biex tiddetermina jekk kienx hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni.

125. Fl-aħħar nett, ninnota li filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae wiesa’ u jestendi għall-qrati nazzjonali kollha li “jistgħu” jagħmlu rinviji skont l-Artikolu 267 TFUE (ara l-punti 87 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet), mil-lat sostantiv u f’termini ta’ kompetenza tal-Unjoni, jiena nieħu l-pożizzjoni li, fil-kuntest tal-indipendenza ġudizzjarja, it-tieni subparagrafu tal-Arikolu 19(1) TUE hija limitata għal ksur strutturali li jikkomprometti l-essenza tal-indipendenza ġudizzjarja. Esprimejt l-opinjoni f’konklużjonijiet preċedenti li tali ksur strutturali jseħħ meta jkun qiegħed ikollu impatt fuq livell sħiħ tal-ġudikatura, u jiena wasalt għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-Awla Dixxiplinari f’kuntest fejn hija l-forum previst taħt id-dritt Pollakk sabiex jiġu deċiżi kawżi li jinvolvu mħallfin affettwati minn miżuri li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema (82), li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) li jiksru l-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (83). L-osservanza tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ ukoll spjegazzjoni suffiċjenti dwar għaliex il-ksur tal-indipendenza ġudizzjarja inkwistjoni huwa ta’ natura strutturali għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, minflok ma jiġi ttrattat skont l-Artikolu 47 tal-Karta, imma biss meta l-Istati Membri jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta.

126. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tintlaqa’ l-oġġezzjoni li tallega li d-domandi preliminari fil-kawżi ineżami huma inammissibbli.

VIII. Konklużjoni

127. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Łodzi (il-Qorti Reġjonali ta’ Łódź, il-Polonja) fil-Kawża C‑558/18 u mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) fil-Kawża C‑563/18 huma inammissibbli.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:325) dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-għoti lill-President tar-Repubblika s-setgħa li jestendi l-mandat attiv ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema; fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qrati Ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:529) dwar allegata diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess minħabba li l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qorti ordinarja, l-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-prosekuturi tbaxxiet għal età differenti għan-nisa milli għall-irġiel u l-għoti tas-setgħa lill-Ministru tal-Ġustizzja li jestendi l-mandat attiv tal-imħallfin tal-qorti ordinarja; u fil-kawżi magħquda A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551) dwar l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema fid-dawl tal-bidliet fil-mod li bih jinħatru l-membri ġudizzjarji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura.


3      Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, COM (2017) 835 final, 20 ta’ Diċembru 2017. F’din il-proposta motivata, il-Kummissjoni oġġezzjonat b’mod partikolari għall-miżuri li ġejjin: (1) l-Ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Szkole Sądownictwa i Prokuratury, ustawy - Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Prosekuzzjoni Pubblika, il-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra) tal-11 ta’ Mejju 2017 (Dz. U. tal-2017, intestatura 1139, kif emendata); (2) l-Ustawa o zmianie ustawy - Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra) tat-12 ta’ Lulju 2017 (Dz. U. tal‑2017, intestatura 1452, kif emendata); (3) l-Ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, intestatura 5, kif emendata) u (4) l-Ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, intestatura 3, kif emendata). Huma, prinċipalment, l-aħħar żewġ miżuri, fost l-oħrajn, li huma inkwistjoni fil-kawżi ineżami.


4      Ara, pereżempju, Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija Permezz tal-Liġi (Il-Kummissjoni ta’ Venezja), Opinjoni Nru 904/2017 tal-11 ta’ Diċembru 2017 dwar l-Abbozz ta’ Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, dwar l-Abbozz ta’ Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema, proposta mill-President tal-Polonja, u dwar il-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji, (CDL-AD(2017)031); Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati matul il-missjoni tiegħu fil-Polonja, 5 ta’ April 2018, A/HRC/38/38/Add.1; Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, Opinjoni dwar Ċerti Dispożizzjonijiet tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-Polonja (mis-26 ta’ Settembru 2017), 13 ta’ Novembru 2017 JUD-POL/315/2017.


5      Dawn jinkludu talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-Qorti Suprema Pollakka (C‑522/18, C‑537/18, C‑585/18, C‑624/18, C‑625/18, C‑668/18, C‑487/19 u C‑508/19), il-Qorti Amministrattiva Suprema Pollakka (C‑824/18) u l-Qrati Inferjuri Pollakki (C‑623/18), flimkien ma’ żewġ azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni kontra l-Polonja (C‑619/18 u C‑192/18). Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-miżuri li jbaxxu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u li jagħtu lill-President tar-Repubblika s-setgħa li jestendi l-mandat attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema huma inkompatibbli mal-obbligi tal-Polonja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, peress li huma inkonsistenti mal-prinċipji ta’ irremovibbiltà u indipendenza tal-imħallfin li huma protetti fid-dritt tal-Unjoni.


6      Ara l-punti 92 u 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qrati Ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:529, nirreferi għal-kliem “protezzjoni legali effettiva” skont il-kliem tal-verżjoni bl-Ingliż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (“effective legal protection”), filwaqt li rrikonoxxejt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tiżgura “protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (“effective legal protection”). Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, b’mod partikolari il-punti 3, 48, 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jidher li hemm kliem simili f’xi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dik id-dispożizzjoni kif jidher mis-sentenza li għadha kif ġiet iċċitata (ara, pereżempju, bil-Malti: “protezzjoni legali effettiva” u “protezzjoni ġudizzjarja effettiva”; bil-Pollakk: “skutecznej ochrony prawnej” u “skutecznej ochrony sądowej”), meta mqabbla ma’ oħrajn (ara, pereżempju, l-Olandiż: “daadwerkelijke rechtsbescherming”; bil-Franċiż: “protection juridictionnelle effective”; bl-Ispanjol: “tutela judicial efectiva”).


8      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 19), u tat-2 ta’ Mejju 2019, Asendia Spain (C‑259/18, EU:C:2019:346, punt 19).


9      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019, punt 38). Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinsabu f’“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea” (ĠU 2018 C 257, p. 1) (iktar ’il quddiem “ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja”).


10      Jirreferu b’mod partikolari għas-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).


11      Il-paragrafu 24 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li fil-parti rilevanti: “Peress li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-premessa li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kull bidla proċesswali li jista’ jkollha impatt fuq kif l-istess qorti nazzjonali tkun tista’ tkompli tieħu konjizzjoni tal-kawża u, b’mod partikolari, dwar kull rinunzja għall-atti, ftehim bonarju dwar it-tilwima jew kwalunkwe bidla oħra li twassal għall-estinzjoni tal-istanza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


12      Miasto Łowicz u Prokuratura Okręgowa w Płocku (C‑558/18 u C‑563/18, ma hijiex ippubblikata, EU:C:2018:923).


13      Għalkemm l-Awla Dixxiplinari ma hijiex fost il-partijiet fil-kawża prinċipali u għalhekk ma tistax tipparteċipa f’dawn il-kawżi skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta dokument ippreżentat mill-Polonja mill-Awla Dixxiplinari, jiġifieri r-Riżoluzzjoni Nru 8 tal-Assemblea tal-Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema tal-4 ta’ Ġunju 2019 li fiha l-pożizzjoni ta’ din l-awla fuq dawn il-kawżi (ara n-noti ta’qiegħ il-paġna 17 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


14      It-Teżor Pubbliku jirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360); tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758); u tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874).


15      Il-Polonja rreferiet b’mod partikolari għas-sentenzi tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C‑299/95, EU:C:1997:254, punt 16), u tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 39 u 40).


16      BVerfG, Urteil vom 30. Juni 2009 (2 BvE 2/08), BVerfE 123, 267.


17      Ninnota li, fir-riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha f’dawn il-kawżi (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-Awla Dixxiplinari ssostni, inter alia, li d-domandi magħmula huma inammissibbli u mingħajr skop minħabba li jqumu f’kawżi bl-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni u huma astratti u ipotetiċi, peress li dawn ma jikkonċernawx it-tilwim fil-kawżi prinċipali imma pjuttost l-organizzazzjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dan l-Istat Membru.


18      Digriet tas-26 ta’ Jannar 1990 (C‑286/88, EU:C:1990:33).


19      Digriet tal-25 ta’ Mejju 1998 (C‑361/97, EU:C:1998:250).


20      It-Teżor Pubbliku jirreferi għas-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723), u tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85).


21      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117).


22      Il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400), u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236).


23      Digriet tas-26 ta’ Jannar 1990 (C‑286/88, EU:C:1990:33).


24      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40).


25      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007 (C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 62 u 64).


26      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 37 u 40).


27      Il-Kummissarju Pollakk għad-Drittijiet tal-Bniedem irrefera għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67).


28      Il-Prosekutur Ġenerali rrefera għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality  (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67).


29      Il-Prosekutur Ġenerali rrefera għas-sentenza tal-QEDB tal-25 ta’ Settembru 2018 Denisov vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2018:0925JUD007663911), u tal-QEDB tad-9 ta’ Jannar 2013, Oleksandr Volkov vs L-Ukraina (CE:ECHR:2013:0109JUD002172211).


30      Ninnota li fir-riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha f’dawn il-kawżi (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-Awla Dixxiplinari ssostni, inter alia, li l-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari jgawdu mill-garanziji kollha ta’ indipendenza taħt l-istess regoli bħall-awli oħra tal-Qorti Suprema, u li din l-awla tissodisfa r-rekwiżiti kollha skont id-dritt tal-Unjoni biex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva għar-rikorrenti, inkluż f’każijiet dixxiplinari li jinvolvu l-imħallfin.


31      Il-Polonja tirreferi għall-Artikoli 178(2) u (3), 179, 180 u 181 tal-Kostituzzjoni Pollakka.


32      NR RDSP 713-53/18, 17 ta’ Diċembru 2018, disponibbli fi http://rzecznik.gov.pl/wp-content/uploads/2018/12/Komunikat-Rzecznika-Dysc-z-1712.pdf.


33      Il-Latvja tirreferi għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67).


34      Il-Latvja tirreferi b’mod partikolari għall-Kummissjoni ta’ Venezja, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Uffiċċju tal-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-Opinjoni Konġunta Nru 755/2014 tat-24 ta’ Marzu 2014 dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Responsabbiltà Dixxiplinari tal-Imħallfin tar-Repubblika tal-Moldova, CDL-AD (2014) 006, u l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja Nru 825/2015 tal-21 ta’ Diċembru 2015 dwar il-Liġijiet fuq ir-Responsabbiltà Dixxiplinari u l-Evalwazzjoni tal-Imħallfin ta’ “Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja”, CDL-AD (2015) 042.


35      Il-Latvja tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2010 tas-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali il-Latvja), Nru 2009-11-01; u għas-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587); tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158); u tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117).


36      Il-Pajjiżi l-Baxxi jinnotaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li ma għandhomx pożizzjoni dwar il-punt 3 tad-domanda magħmula fil-Kawża C‑558/18 dwar il-possibbiltà li tintuża evidenza miksuba minn atti kriminali fi proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin, peress li ma hemmx biżżejjed materjal biex din tingħata risposta.


37      Il-Pajjiżi l-Baxxi jirreferu għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 48 sa 54, 63 sa 67).


38      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tirreferi b’mod partikolari għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-EFTA tal-14 ta’ Frar 2017, Pascal Nobile vs DAS Rechtsschutz-Versicherungs, E‑21/16; u għas-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587); u tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117).


39      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tirreferi għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67).


40      Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67).


41      Stqarrija għall-Istampa – L-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni Ewropea tniedi Proċedura għal Nuqqas ta’ Twettiq ta’ Obbligu biex tipproteġi l-Imħallfin fil-Polonja minn Kontroll Politiku, 3 ta’ April 2019, disponibbli fuq http://europa.eu/rapid/press-release_IP-19-1957_en.htm.


42      EU:C:2019:531, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.


43      Enfasi magħmula minni.


44      C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551. F’dawn il-kawżi, l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari ma kinitx inkwistjoni minħabba li kien hemm rabta ċara bejn id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), u t-tilwimiet li kienu jeħtieġu riżoluzzjoni fil-kawża prinċipali. Fid-dawl ta’ dan, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi f’dawk il-kawżi, flimkien mal-ksur allegat tal-Artikolu 47 tal-Karta, dwar jekk kienx hemm ksur strutturali tal-indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Ara wkoll il-punt 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 49 sa 55); ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc (C‑343/17, EU:C:2018:754).


46      Ara Iglesias Sánchez, S, “Purely Internal Situations and the Limits of EU Law: A Consolidated Case Law or a Notion to be Abandoned?’, European Constitutional Law Review, Vol. 14, 2018, p. 7 sa 36, b’mod partikolari p. 14 sa 28. Għal diskussjoni ulterjuri, ara, pereżempju, Dubout, E., “Voyage en eaux troubles: vers une épuration des situations ‘purement’ internes?: CJUE, gde ch., 15 novembre 2016, Ullens de Schooten, aff. C‑268/15, ECLI:EU:C:2016:874” Revue des affaires européennes, Nru 4, 2016, p. 679 sa 693; Krommendijk, J., “Wide Open and Unguarded Stand our Gates: The CJEU and References for a Preliminary Ruling in Purely Internal Situations”, German Law Journal, Vol. 18, 2017, p. 1359 sa 1394; Potvin-Solis, L., “Qualification des situations puremenet internes”, f’ Neframi, E. ed., Renvoi préjudiciel et marge d’appréciation du juge national, Larcier, 2015, p. 39 sa 99.).


47      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, b’mod partikolari l-punti 42 sa 48, 54, 55, 57, 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Din hija bl-esklużjoni tal-argumenti tiegħu dwar is-sentenza Falciola għall-inqas fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi.


49      Digriet tas-26 ta’ Jannar 1990 (C‑286/88, EU:C:1990:33).


50      Digriet tal-25 ta’ Mejju 1998 (C‑361/97, EU:C:1998:250).


51      C‑286/88, EU:C:1990:33, b’mod partikolari l-punti 1 sa 5, 8 sa 10. Għal iktar diskussjoni dwar din il-kawża u r-rwol tagħha fl-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà ta’ rinviji, ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Bosman et (C‑415/93, EU:C:1995:293, punti 76 sa 80); tal-Avukat Ġenerali Fennelly, fis-sentenza Corsica Ferries France (C-266/96, EU:C:1998:19, punt 19, nota ta’ qiegħ il-paġna 30); u tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Centrosteel (C‑456/98, EU:C:2000:137, punt 24).


52      C‑361/97, EU:C:1998:250, b’mod partikolari l-punti 1 sa 9, 12 sa 20. Dan id-digriet ingħata minn awla ta’ tliet imħallfin.


53      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26), u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punti 43 u 44).


54      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27), u tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 48).


55      L-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li: “Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi: (a) espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi; (b) il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti; (c) espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali”.


56      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvios (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 114), u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Élite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 24).


57      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 54), u tat-2 ta’ Mejju 2019, Asendia Spain (C‑259/18, EU:C:2019:346, punt 18).


58      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2017, INGSTEEL u Metrostav (C‑76/16, EU:C:2017:549, punt 51), u tat-2 ta’ Mejju 2019, Asendia Spain (C‑259/18, EU:C:2019:346, punt 20).


59      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28), u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019, punt 50).


60      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 44 sa 46), u tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punti 39 sa 41).


61      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Aviabaltika (C‑107/17, EU:C:2018:600, punti 40 sa 43), u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 165 u 166).


62      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja  (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 45).


63      C‑73/16, EU:C:2017:725, b’mod partikolari l-punti 1, 2, 25 u 26.


64      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 118 sa 124).


65      C‑406/15, EU:C:2017:198.


66      C‑492/17, EU:C:2018:1019.


67      C‑589/16, EU:C:2018:417.


68      Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017 (C‑406/15, EU:C:2017:198, b’mod partikolari l-punti 73 sa 77).


69      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018 (C‑492/17, EU:C:2018:1019, b’mod partikolari l-punti 45 sa 47).


70      Digriet tas-7 ta’ Ġunju 2018 (C‑589/16, EU:C:2018:417, b’mod partikolari l-punti 25, 28, 31 sa 33).


71      Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018 (C‑621/18, EU:C:2018:999, b’mod partikolari l-punti 29 sa 34).


72      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, EU:C:2006:784, punt 29).


73      Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019, punt 39); u tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar  (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 49); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot għall-kawża Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:485, punt 32).


74      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 19), u tat-2 ta’ Mejju 2019, Asendia Spain (C‑259/18, EU:C:2019:346, punt 19).


75      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawżi magħquda A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551, punt 120).


77      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117).


78      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, b’mod partikolari l-punti 11 sa 13).


79      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punti 23 sa 26); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU: EU:C:2008:723, punti 68 sa 74); u tal-5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 31 sa 36). Ninnota li fl-aħħar kawża ma saret l-ebda oġġezzjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


80      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński (C‑283/09, EU:C:2011:85, punti 34 sa 42); tal-11 ta’ Ġunju 2015, Fahnenbrock et (C‑226/13, C‑245/13, C‑247/13 u C‑578/13, EU:C:2015:383, punt 30); u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 28).


81      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007 (C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 62 u 64).


82      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qrati Ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:529, punti 114 sa 116, u fil-kawżi magħquda A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551, punti 145 sa 152.


83      EU:C:2019:531. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.