Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2008 - Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-394/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Regione autonoma della Sardegna (rappreżentanti: A. Fantozzi, P. Carrozza u G. Mameli, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta' Lulju 2008 (Għajuna mill-Istat C1/2004 Italja - SG-Greffe (208) D/204339), dwar is-sistema ta' għajnuna "Liġi reġjonali Nru 9 tal-1998 - Abbuż mill-użu tal-għajnuna N 272/98".

Motivi u argumenti prinċipali

Il-liġi tar-Reġjun ta' Sardinja Nru 9, tal-11 ta' Marzu 1998, kienet tipprovdi għal inċentivi ta' kreditu għar-riklassifikazzjoni u adattament tal-industrija tal-lukandi. Is-sistema ta' għajnuna li ġiet stabbilita b'dan il-mod ġiet approvata mill-Kummissjoni. Minkejja dan, fit-3 ta' Lulju 2008, il-konvenuta kkomunikat lill-Gvern Taljan id-deċiżjoni kkontestata f'din l-istanza. Skont din id-deċiżjoni fil-kuntest tas-sistema ta' għajnuna in kwistjoni ngħataw faċilitajiet għal investiment li għalihom ma tressqet l-ebda talba għal għajnuna qabel il-bidu tal-implementazzjoni tal-proġett, bi ksur tal-Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istati b'għan reġjonali.1

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali minħabba kontradizzjoni fil-motivazzjoni, l-allegata irrilevanza li l-fiduċja fl-evalwazzjoni tal-"effett ta' inċentiv" għall-benefiċjarji u għalhekk fl-evalwazzjoni tal-"bżonn tal-għajnuna".

B'mod partikolari ġie osservat f'dan ir-rigward li evalwazzjoni korretta tal-fiduċja tal-benefiċjarji, fil-fatt, kellha twassal lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-kunsiderazzjoni xierqa lill-fatt li s-sistema ta' għajnuna in kwistjoni:

-    kienet f'kontinwità ideali ma' sistema fis-seħħ u leġittima li fiha l-għoti tal-għajnuna ma kienx ibbażat fuq l-evalwazzjoni dwar jekk l-investimenti kinux inbdew jew le;

-    kienet ġiet adottata permezz tal-Liġi Reġjonali approvata mingħajr ma kien hemm il-possibbiltà reali li l-"Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istat għal għanijiet reġjonali" setgħu jaffettwaw il-proċedura tagħha ta' leġiżlazzjoni, inkwantu hija ġiet approvata jum wieħed wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-imsemmija Linji Gwida;

-    li l-impriżi benefiċjarji implementaw operazzjonijiet peress li kellhom fiduċja fil-miżura ta' għajuna, li għalhekk kellha l-effett sħiħ ta' inċentiv.

Il-Kummissjoni tiżbalja, għalhekk, fir-rieda tagħha li tevalwa l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna billi tibbaża ruħha fuq il-premessa li ma ġietx stabbilita li l-benefiċjarju, peress li ma ressaqx it-talba qabel ma beda, kien jagħmel l-investiment anki mingħajr l-għajnuna.

L-iżball fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni huwa muri b'mod evidenti peress li huwa impossibbli li tiġi immaġinata konformità ab origine (mill-bidu) tal-Liġi Reġjonali 9/1998 mal-imsemmija "Linji Gwida".

Il-konvenuta tiżbalja wkoll meta tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq rekwiżit mhux proċedurali iżda "sostanzjali", ta' kompatibbiltà tal-għajnuna fuq preżunzjoni ta' nuqqas tal-effett ta' inċentiv fin-nuqqas ta' talba magħmula qabel l-investiment, prevista l-ewwel darba b'riferiment għall-għajnuna b'għan reġjonali tal-"Linji Gwida", u għalhekk la magħrufa u lanqas li tista' tintgħaraf minn qabel.

L-evalwazzjoni tal-konvenuta barra minn hekk tidher li tikser l-Artikolu 88 tat-Trattat u r-Regolament Nru 659/99/KE, sa fejn il-motivazzjoni li għaliha l-għajnuna in kwistjoni titqies illegali hija nieqsa għal kollox fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna li saret b'mod abbużiv teskludi fil-prinċipju l-possibbiltà li tiġi rkuprata.

    

____________

1 - ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.