Language of document : ECLI:EU:T:2014:1016

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

2 ta’ Diċembru 2014 (*)

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — FAEG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Prodotti mill-ħalib — Dħul assenjat — Kontrolli prinċipali — Tardività — Korrezzjoni finanzjarja fissa — Bażi legali — Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002 — Rikorrenza”

Fil-Kawża T‑661/11,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello u P. Grasso, avvocati dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi u D. Nardi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/689/KE, tal-14 ta’ Ottubru 2011, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 270, p. 33), sa fejn din timponi fuq Ir-Repubblika Taljana korrezzjoni finanzjarja fissa fl-ammont ta’ EUR 70 912 382, fuq il-bażi ta’ irregolaritajiet ta’ kontrolli li jirrigwardaw il-kwoti ta’ ħalib, ikkonstatati fir-reġjuni Taljani ta’ Abruzzo, Lazio, Marche, Puglia, Sardegna, Calabria, Fruili Venezia Giulia u Valle d’Aosta, matul is-snin 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007.

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku ġenerali

A –  Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea

1        L-Artikolu 53 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), fis-seħħ, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006, li jemenda r-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU L 390, p. 1), sal-1 ta’ Mejju 2007, jipprovdi:

“1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit b’dawn il-modi:

(a) fuq bażi ċentralizzata;

(b) b’ġestjoni maqsuma jew deċentralizzata; jew

(ċ) b’amministrazzjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

[…]

3. Meta l-Kummissjoni timplementa l-budget b’amministrazzjoni konġunta, id-doveri ta’ l-implimentazzjoni għandhom ikunu ddelegati lill-Istati Membri b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titoli I u II tal-parti tnejn.

[…]

5. Fil-każ ta’ amministrazzjoni konġunta jew deċentralizzata, sabiex ikun assigurat li l-fondi huma wżati b’konformità mar-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċeduri ta’ tindif-tal-kontijiet jew ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja li jgħinuha biex tassumi r-responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-budget b’konformità ma’ l-Artikolu 274 tat-Trattat KE u l-Artikolu 179 tat-Trattat Euratom.

6. Fil-metodi ta’ l-implimentazzjoni tal-budget riferuti fil-paragrafi 3 u 4, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għandhom iwettqu verifiki regolari sabiex jassiguraw li l-azzjonijiet li għandhom ikunu ffinanzjati mill-budget tal-Komunità jkun ġew implementati korrettament.

Huma għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi u jekk meħtieġ jibdew il-prosekuzzjoni ħalli jirkupraw il-fondi mħallsa ħażin.

[…]”

2        L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1605/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1995/2006, applikabbli, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1995/2006, mill-1 ta’ Mejju 2007, jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit skond id-dispożizzjonijiet imniżżin fl-Artikoli 53a sa 53d fi kwalunkwe minn dawn il-metodi:

a) fuq bażi ċentralizzata;

b) b’ġestjoni maqsuma jew deċentralizzata; jew

(ċ) b’amministrazzjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.”

3        L-Artikolu 53b tar-Regolament Nru 1605/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 1995/2006, jipprovdi:

“1. Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’ġestjoni kondiviża, il-kompiti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu delegati lill-Istati Membri. Dak il-metodu għandu japplika partikolarment għall-azzjonijiet imsemmija fl-Ewwel u t-Tieni Titoli tat-Tieni Parti.

2. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet komplementari inklużi fir-regolamenti rilevanti speċifiċi skont is-settur, u sabiex fl-amministrazzjoni kondiviża jiġi żgurat li l-fondi jiġu użati skont ir-regoli u l-prinċipji applikabbli, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha meħtieġa jew miżuri oħrajn meħtieġa biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. Għal dan il-għan huma għandhom partikolarment:

(a)      jissodisfaw lilhom infushom li azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit fil-fatt jitwettqu u jiżguraw li dawn jiġu implimentati korrettament;

(b)      jipprevjenu u jittrattaw ħsieb l-irregolaritajiet u l-frodi;

(ċ)      jirkupraw fondi mħallsa b’mod ħażin jew użati inkorrettament jew fondi mitlufin bħala riżultat ta’ irregolaritajiet jew żbalji.

(d)      jiżguraw, permezz ta’ regolamenti rilevanti speċifiċi għas-settur u f’konformità ma’ l-Artikolu 30(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli u għandhom iwaqqfu sistema effettiva u effiċjenti ta’ kontroll intern, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28a. Dawn għandhom iwettqu proċedimenti legali skond kif ikun meħtieġ u xieraq.

3. L-Istati Membri għandhom jipproduċu taqsira annwali fil-livell nazzjonali xieraq tal-verifiki u d-dikjarazzjonijiet disponibbli.

4. Sabiex ikun żgurat li l-fondi jkunu użati skont ir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika proċeduri ta’ approvazzjoni [clearance] tal-kontijiet jew mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja li bihom tkun tista’ tassumi r-responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-baġit.”

B –  Leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

4        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13), stabbilixxa r-regoli ġenerali applikabbli għall-finanzjament tal-politika agrikola komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”). Dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-PAK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), li jirregola l-infiq li jsir mill-Istati Membri, mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-15 ta’ Ottubru 2006, fl-ambitu tal-finanzjament tal-PAK.

5        B’dan il-mod, kif dan huwa speċifikament indikat fil-kunsiderazzjoni 5 tar-Regolament Nru 1258/1999, “[i]r-responsabbiltà sabiex tiġi kkontrollata n-nefqa tat-Taqsima tal-Garanzija tal-FEAGG taqa’, l-ewwelnett, fuq l-Istati Membri […]; […] [i]l-Kummissjoni, li hija responsabbli mill-implementazjoni ta’ l-Estimi tal-Komunità, trid tivverifika l-kondizzjonijiet li fuqhom ikunu saru l-ħlasijiet u l-kontrolli”. Skont il-premessa 11 tal-istess regolament, “[i]ridu jittieħdu miżuri sabiex jipprevjenu u jitrattaw kull irregolarità u biex jiġu rkuprati l-ammonti mitlufa bħala riżultat ta’ dawn l-irregolaritajiet jew negliġenza [u] għandha tiġi stabilita r-responsabbiltà finanzjarja għal dawn l-irregolaritajiet jew negliġenza”.

6        Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999 li, rispettivament, jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 729/1970, it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) għandha tiffinanzja, fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, l-interventi maħsuba sabiex jiġu stabbilizzati dawn is-swieq agrikoli li jsiru skont ir-regoli tal-Unjoni.

7        L-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 1258/1999, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 729/70, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom, f’intervalli regolari taż-żmien, jittrasmettu lill-Kummissjoni t-tagħrif li ġej li jirrigwarda l-aġenziji akkreditati tal-ħlas u l-korpi tal-koordinament u li jkollhom x’jaqsmu mat-transazzjonijiet iffinanzjati mit-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond:

[…]

(b)      il-kontijiet annwali, akkumpanjati mit-tagħrif meħtieġ sabiex jiġu kklerjati u attestat rigward l-integrità, l-eżatezzà u l-veraċità tal-kontijiet trasmessi;”

8        L-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70, jipprovdi dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar in-nefqa li trid tiġi eskluża mill-finanzjament Komunitarju riferit fl-Artikoli 2 u 3 fejn issib illi n-nefqa ma tkunx ġiet effettwata skont ir-regoli Komunitarji.

Qabel ma tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-kontrolli tal-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri interessati għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilthom kollha biex jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob li tinfetaħ proċedura bil-għan ta’ medjazzjoni bejn il-pożizzjonijiet rispettivi f’perjodu taż-żmien ta’ erba xhur, li r-riżultati tagħha għandhom jiġu ddikjarati f’rapport li għandu jintbgħat lill-Kummissjoni u jiġi eżaminat minnha, qabel ma tittieħed deċiżjoni illi jiġi rrifjutat il-finanzjament.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi filwaqt li tqis b’mod partikolari il-livell misjub tan-nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni għandha tqis in-natura u l-gravità tal-kontravenzjoni u tat-telf finanzjarju sofrut mill-Komunità.

Rifjut għall-finanzjament ma jistax jinvolvi:

(a)      in-nefqa riferita fl-Artikolu 2 effettwata qabel l-24 xhar li jippreċiedu l-kominikazjoni bil-miktub mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, lill-Istat Membru interessat;

[…]”

9        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

(a)      ikunu sodisdfatti illi t-transazzjonijiet iffananzjati mill-Fond ikunu attwalment imwettqa u mwettqa korrettement;

(b)      jipprevjienu l-irregolaritajiet u jittrattawhom;

(ċ)      jirkupraw is-somom mitlufa bħala riżultat ta’ l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.

[…]”

10      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-PAK (ĠU L 209, p. 1), iħassar ir-Regolament Nru 1258/1999 u japplika mill-1 ta’ Jannar 2007 (Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1290/2005). Madankollu, huwa jipprevedi li, minn naħa, ir-Regolament Nru 1258/1999 għandu jibqa’ applikabbli sal-15 ta’ Ottubru 2006 għall-infiq imwettaq mill-Istati Membri (Artikolu 47 tar-Regolament Nru 12902005) u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu, dwar l-approvazzjoni tal-konformità, għandu japplika mis-16 ta’ Ottubru 2006 għall-infiq imwettaq minn din id-data tal-aħħar (Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1290/2005).

11      Kif speċifikat fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 1290/2005, “[i]l-baġit Komunitarju għandu jiffinanzja l-infiq tal-[PAK] permezz tal-Fondi [tal-FAEGG]. Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament [Nru 1605/2002], dan jitwettaq jew b’mod ċentrali jew fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri”.

12      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) huwa stabbilit, skont l-Artikolu 49 tal-istess regolament, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.

13      L-Artikolu 8(1)(c)(iii) tar-Regolament Nru 1290/2005, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu, essenzjalment, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1258/1999, jipprovdi:

“Flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti settorjali, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti li ġejjin lill-Kummissjoni:

[…]

(c)      għal miżuri relatati mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG […]:

[…]

(iii) il-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ffirmata mill-persuna responsabbli mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata, akkumpanjata mill-informazzjoni rekwiżita għall-approvazzjoni [clearance] tagħhom, u rapport taċ-ċertifikazzjoni mfassal mill-korp taċ-ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 77.”

14      L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, jinkludi, essenzjalment, l-istess dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999.

15      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEEG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/1999, tat-22 ta’ Ottubru 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 335) jipprovdi fl-Artikolu 6 tiegħu:

“Id-dokumenti ta’ appoġġ rigward in-nefqa ffinanzjata u l-ammonti li jridu jiġu rkuprati mit-Taqsima Garanziji tal-FAEGG għandhom jinżammu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni għal mill-inqas tliet snin li jiġu wara dik li fiha l-Kummissjoni tivverifika l-kontijiet tas-sena finanzjarja interessata u, fil-każ fejn id-deċiżjoni dwar il-verifikar tal-kontijiet tkun bla ħsara għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, sa sena wara l-konklużjoni ta’ dawn il-proċeduri.”

16      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat mir-Regolament Nru 2245/1999, jipprovdi:

“1. Jekk, bħala riżultat ta’ inkjesta, il-Kummissjoni tikkunsidra illi n-nefqa ma ġietx effettwata skont ir-regoli Komunitarji, għandha tinnotifika lill-Istati Membri fil-kwistjoni bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità fil-futur.

Il-komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan ir-Regolament. L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha bħala konsegwenza. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu taż-żmien permess għat-tweġiba.

Wara li jiskadi ż-żmien permess għat-tweġiba, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali u l-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom li jilħqu ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf finanzjarju lill-Komunità. Wara din id-diskussjoni u kull temma taż-żmien ta’ wara d-diskussjoni ffissata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għall-provvediment ta’ iżjed tagħrif jew, fejn l-Istat Membru ma jaċċettax l-istedina għal laqgħa qabel it-temma taż-żmien iffissat mill-Kummissjoni, wara li tkun għaddiet din it-temma taż-żmien, il-Kummssijoni għandha formalment tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru, filwaqt li tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ kull nefqa li l-Kummissjoni jkun beħsiebha li teskludi skont l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament […] Nru 729/70.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli dwar il-miżuri korrettivi adottati sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli Komunitarji u dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, kif approprjat, tadotta waħda jew iktar mid-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament […] Nru 729/70 sabiex teskludi n-nefqa affettwata minn-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli Komunitarji sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri korrettivi.

2. Id-deċiżjonijiet referiti fl-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament […] Nru 729/70 għandhom jittieħdu wara eżami ta’ kull rapport imfassal mill-korp tal-Konċiljazzjoni skont id-disposizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/442/KE.

[…]”

17      Il-punt 11 tal-Anness uniku tar-Regolament Nru 1663/95, intitolat “Il-linji gwida għall-kriterji sabiex jiġu akkreditati bħala aġenzija tal-ħlas”, jipprovdi dan li ġej:

“Il-paragrafi kollha ta’ hawn fuq japplikaw, mutatis mutandis, għan-‘nefqa negattiva’ (imposti, garanziji ssekwestrati, ħlasijiet irrimborżati, eċċ.) li l-aġenzija tkun meħtieġa li tiġbor mit-Taqsima Garanziji tal-FAEGG. B’mod partikolari, l-aġenzija għandha tistabbilixxi sistema għar-rikonoxximent ta’ l-ammonti kollha li għandhom jitħallsu lill-FAEGG u għar-reġistrazzjoni f’reġistru tad-debituri dwar id-djun kollha qabel ma jiġu rċevuti […].”

18      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni [clearance] tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, p. 90), japplika, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet sostantivi tiegħu, b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2006 u l-Artikolu 11(1) sa (3) tiegħu jipprevedi, essenzjalment, l-istess proċedura bħal dik prevista fl-Artikolu 8 tar-regolament Nru 1663/95.

19      Skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 885/2006:

“Wara li tkun eżaminat kwalunkwe rapport imħejji mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni skond il-Kapitolu 3 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, jekk ikun meħtieġ, deċiżjoni waħda jew aktar skond l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 sabiex teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq li sar minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli Komunitarji sakemm l-Istat Membru jkun effettivament implimenta l-miżuri korrettivi.”

20      L-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006, jippreċiża:

“Dan l-Artikolu għandu japplika, mutatis mutandis, għad-dħul assenjat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 34 tar-Regolament […] Nru 1290/2005.”

C –  Leġiżlazzjoni dwar is-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib

21      Is-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib huwa s-suġġett ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq li taqa’ taħt il-PAK. Fl-1984, sabiex jikkontrolla ż-żieda fil-produzzjoni tal-ħalib fis-suq u sabiex jistabbilixxi mill-ġdid bilanċ, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa speċifikament skema ta’ taxxa miżjuda (iktar ’il quddiem it-“taxxa miżjuda” jew it-“taxxa”). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 391), jirregola, mill-1 ta’ April 2004 u matul ħdax-il perijodu konsekuttiv ta’ tnax-il xahar, it-taxxa miżjuda imposta fuq il-produtturi tal-ħalib u ta’ prodotti oħra mill-ħalib. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1788/2003, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92, tat-28 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi taxxa miżjuda fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib (ĠU L 405, p. 1), kif emendat, tħassar b’effett mill-1 ta’ April 2004.

22      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli lejn il-Komunità għat-taxxa li tkun ġejja miż-żejjed tal-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali ffissati fl-Anness I, li jkunu ġew stabbiliti fuq livell nazzjonali u b’mod separat għat-twassil u l-bejgħ dirett. Qabel l-1 ta’ Ottubru wara l-perjodu ta’ tnax-il xahar ikkonċernat, dawn għandhom iħallsuha fi ħdan il-limitu ta’ 99 % ta’ l-ammont dovut fil-[FAEGG] [...].”

23      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1788/2003 jipprovdi:

“It-taxxa għandha tkun allokata kollha kemm hi, fi qbil mad-diżposizzjonijiet ta’ l-Artikli 10 u 12, bejn il-produtturi li jkunu wasslu biex ikun hemm iż-żejjed fil-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 12(1) u f’rabta ma’ l-Istat Membru, il-produtturi għandhom ikunu responsabbli għall-ħas tal-kontribuzzjoni tagħhom tat-taxxa dovuta. Din għandha tinħadem fi qbil mad-diżposizzjonijiet tal-Kapitlu 3, minħabba li dawn ikunu qabżu l-kwantitajiet tar-referenza disponibbli tagħhom.”

24      L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1788/2003 jipprovdi:

“It-taxxa għandha titqes bħala intervent biex jibbilanċja s-swieq agrikoli u għandha tkun applikata biex tiffinanzja n-nefqa fis-settur tal-ħalib.”

25      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004, tat-30 ta’ Marzu 2004, li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament Nru 1788/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 333), huwa applikabbli mill-1 ta’ April 2004. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 tal-istess regolament, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3950/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 104), tħassar, taħt ċerti kundizzjonijiet.

26      It-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 595/2004 tistabbilixxi r-regoli li jirrigwardaw il-kontrolli li jsiru mill-Istati Membri u l-obbligi tax-xerrejja u tal-produtturi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 19 tal-istess regolament, intitolat “Pjan ta’ kontroll”, jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjan ta’ kontroll ġenerali għal kull perjodu ta’ 12-il xahar fuq il-bażi ta’ l-analiżi tar-riskji. Dan il-pjan ta’ kontroll għandu jinkludi mill-anqas:

[…]

(ċ) kontrolli fil-post esegwiti inkwantu għal perjodu ta’ 12-il xahar;

[…]

2. Il-kontrolli għandhom jitwettqu sa ċertu punt matul il-perjodu ta’ 12-il xahar li ssemma, u sa ċertu punt wara l-perjodu ta’ 12-il xahar fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet annwali.

3. Il-kontrolli għandhom jitqiesu li tlestew ladarba jkun disponibbli r-rapport ta’ stħarriġ tal-kontrolli.

Ir-rapporti kollha ta’ l-istħarriġ għandhom jitlestew mhux aktar tard mit-18-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ 12-il xahar involut.

[…]”

27      L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 595/2004, intitolat “Kumitat ta’ Sorveljanza”, jipprovdi:

“1. Il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 21(1) għandhom ikopru ta’ mill-anqas:

(a)      1 % tal-produtturi għall-perjodu ta’ 12-il xahar 2004/05, 2 % tal-produtturi għall-perjodi ta’ 12-il xahar ta’ wara;

(b)      40 % tal-kwantità ta’ ħalib iddikjarat qabel il-korrezzjoni għall-perjodu involut;

(ċ)      kampjun rappreżentattiv tat-trasport tal-ħalib bejn produtturi u xerrejja magħżula.

Il-kontrolli tat-trasport imsemmija fil-punt (ċ) għandhom jitwettqu b’mod partikolari waqt il-ħatt fl-imħaleb.

2. Il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 21(2) għandhom ikopru ta’ mill-anqas 5 % tal-produtturi.

3. Kull xerrej għandu jkun kontrollat ta’ mill-anqas darba f’ħames snin.”

28      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 595/2004 jipprevedi obbligu impost fuq ix-xerrejja u l-produtturi li jżommu ċerti dokumenti għal perijodu minimu ta’ tliet snin, dekorribbli mit-tmiem tas-sena li fiha dawn id-dokumenti jiġu redatti.

D –  Linji gwida tal-Kummissjoni

29      Il-linji gwida għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet b’rata fissa ġew iddefiniti fid-dokument Nru VI/5330/97 tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jikkonċernaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru VI/5330/97”). Skont it-termini li jidhru taħt it-titolu “Linji gwida għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet fissi” tal-Anness II tad-Dokument VI/5330/97, meta l-informazzjoni pprovduta mill-investigazzjoni ma tippermettix li jiġi evalwat it-telf subit mill-Komunità billi dan it-telf jiġi dedott b’mod ġenerali bi strumenti statistiċi jew b’riferiment għal data oħra verifikabbli, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tipprevedi korrezzjoni finanzjarja fissa. Taħt l-istess titolu, jinsab speċifikat dan li ġej:

“Sabiex jiġi ddeterminat jekk korrezzjoni finanzjarja hijiex meħtieġa u, fil-każ affermattiv, b’liema rata, l-element essenzjali jikkonsisti ġeneralment fl-evalwazzjoni tal-grad ta’ riskju ta’ telf għall-fondi Komunitarji minħabba nuqqas ta’ kontroll. L-elementi speċifiċi li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

1. In-nuqqas jikkonċerna l-effikaċità tas-sistema ta’ kontroll inġenerali, l-effikaċità ta’ element partikolari tas-sistema jew l-eżekuzzjoni ta’ kontroll jew ta’ diversi kontrolli skont is-sistema?

2. Ir-rilevanza tan-nuqqas fil-kuntest tal-assjem ta’ kontrolli amministrattivi, fiżiċi jew kontrolli oħra previsti.

3. Il-vulnerabbiltà għal frodi tal-miżuri, wara li titqies partikolarment l-inċentiva ekonomika inkwistjoni.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, huwa possibbli li dawn il-kontrolli jiġu kklassifikati f’żewġ kategoriji:

Il-kontrolli prinċipali huma l-verifiki fiżiċi u amministrattivi meħtieġa għall-kontroll tal-elementi sostantivi, b’mod partikolari, l-eżistenza tas-suġġett tat-talba, il-kwantità u l-kundizzjonijiet kwalitattivi, inklużi l-ħarsien tat-termini, l-eżiġenzi tal-ħsad, it-termini ta’ żamma, eċċ. Dawn isiru fuq il-post u permezz ta’ kontrolli ma’ informazzjoni indipendenti, bħalma huma r-reġistri tal-artijiet;

Il-kontrolli sekondarji huma l-operazzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex it-talbiet jiġu pproċessati korrettament, bħalma huma l-verifika tal-ħarsien tat-termini li fihom jiġu sottomessi, l-identifikazzjoni ta’ talbiet doppji fir-rigward tal-istess suġġett, l-analiżi tar-riskju, l-applikazzjoni ta’ penali u s-sorveljanza xierqa tal-proċeduri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      Dejjem taħt it-titolu “Linji gwida għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet fissi” tal-Anness II tad-Dokument VI/5330/97, hemm previsti d-diversi rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa li ġejjin:

“Meta ma jiġux imwettqa wieħed jew iktar mill-kontrolli prinċipali jew jiġu mwettqa ħażin jew tant isiru rarament li ma jkunux effettivi sabiex jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ talba jew sabiex jipprevjenu l-irregolaritajiet, għandha tiġi applikata korrezzjoni ta’ 10 %, peress li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li hemm riskju għoli ta’ telf kbir għall-FAEGG.

Meta jkunu twettqu l-kontrolli ewlenin kollha iżda ma jkunux saru skont in-numru, il-frekwenza u d-dettal meħtieġ mir-regolamenti, għandha tiġi applikata korrezzjoni ta’ 5 % peress li jkun jista’ jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-kontrolli ma jipprovdux il-livell mixtieq ta’ garanzija ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa sinjifikattiv.

Meta Stat Membru jwettaq il-kontrolli prinċipali korrettament iżda jonqos kompletament milli jwettaq wieħed jew iktar mill-kontrolli sekondarji, għandha tiġi applikata korrezzjoni ta’ 2 % peress li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa iktar baxx u l-ksur huwa inqas serju.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

31      Fl-aħħar nett, skont id-Dokument VI/5330/97, “meta jkunu jeżistu raġunijiet sabiex jiġi preżunt li n-nuqqas huwa limitat għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ kontrolli adottata mill-Istat Membru f’żona jew reġjun, il-korrezzjoni għandha tiġi applikata għall-infiq imwettaq mill-imsemmija żona jew l-imsemmi reġjun”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32      Il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tapplika l-prinċipju li jinsab fid-Dokument VI/5330/97, li skontu n-nuqqas jiggrava jekk Stat Membru jonqos milli jtejjeb il-kontrolli tiegħu meta l-Kummissjoni tkun diġà nnotifikatu bil-miżuri ta’ titjib neċessarji, huma speċifikati fid-Dokument AGRI/60637/2006 intitolat “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Fuq it-trattament mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-approvazzjoni [clearance] tal-kontijiet [FAEGG, Taqsima ‘Garanzija’], tal-każijiet ta’ insuffiċjenza tas-sistemi ta’ kontroll” (iktar ’il quddiem id-“Dokument AGRI/60637/2006”). Mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tad-Dokument AGRI/60637/2006 jirriżulta li r-regoli dettaljati previsti huma bbażati fuq il-prinċipju, previst fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, li skontu l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur, kif ukoll id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni.

33      Il-paragrafu 2 tad-Dokument AGRI/60637/2006 jipprevedi:

“Fil-każ fejn l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ sistema ta’ kontroll, jew ta’ element ta’ din is-sistema, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni jew ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet [FAEGG, Taqsima ‘Garanzija’];

u

jkun ikkonstatat għal perijodu sussegwenti għall-perijodu diġà kkoreġut, li l-istess aspetti ta’ dgħufija jippersistu;

il-Kummissjoni għandha tqis […] li huwa normalment iġġustifikat li tiġi applikata rata ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa ikbar minn dik applikata matul il-korrezzjoni preċedenti, minħabba r-riskju ikbar ta’ telf finanzjarju għall-FAEGG.”

34      Skont il-paragrafu 3 tad-Dokument AGRI/60637/2006:

“Iż-żieda għandha tiġi stabbilita fid-dawl tar-riskju ta’ telf finanzjarju.

Din ma għandhiex tiġi applikata b’mod awtomatiku, iżda għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tan-nuqqas u l-fatturi eventwali ta’ limitazzjoni tar-riskju.

Sabiex tiġi żgurata n-natura fissa tal-korrezzjonijiet, prevista fid-Dokument VI/5330/97 meta l-livell reali ta’ nfiq irregolari, u għalhekk l-ammont ta’ telf finanzjarju sostnut mill-Komunità, ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, il-perċentwali li ġejjin huma intiżi sabiex iservu bħala linji gwida:

fil-każ ta’ korrezzjoni preċedenti ta’ 2 %: rata ta’ mill-inqas 3 % fuq il-perijodu l-ġdid ikkonċernat, din ir-rata tista’ tilħaq 5 % jekk wieħed jista’ raġonevolment jikkonkludi li l-persistenza tal-aspetti ta’ dgħufija tal-kontrolli sekondarji twassal għal tnaqqis tal-effikaċità tal-kontrolli prinċipali;

fil-każ ta’ korrezzjoni preċedenti ta’ 5 %: rata ta’ 10 % fuq il-perijodu l-ġdid ikkonċernat;

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

35      Mit-18 sat-22 ta’ Settembru 2006 u mit-3 sas-7 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni pproċediet b’żewġ investigazzjonijiet fl-Italja, li jirrigwardaw rispettivament ir-referenzi LA/2006/08/IT u LA/2008/001/IT, fir-rigward tas-snin 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007 f’diversi reġjuni Taljani.

36      Mill-minuti tal-laqgħa bilaterali tal-15 ta’ Jannar 2009 jirriżulta li l-Kummissjoni kkritikat lir-Repubblika Taljana partikolarment minħabba li ma pproċedietx bil-kontrolli fuq ix-xerrejja fit-termini previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija fakkret li, sabiex il-kontrolli jitqiesu li jkunu saru, kien neċessarju li jiġu ffinalizzati r-rapporti ta’ spezzjoni li jirreferu għalihom.

37      Fl-24 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana komunikazzjoni uffiċjali, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006, li għandha r-referenza DG AGRI ARES(2010)155172. F’din il-komunikazzjoni uffiċjali, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tal-implementazzjoni tas-sistema ta’ kwoti tal-ħalib fl-Italja fir-rigward tas-snin 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007 u pproponiet korrezzjoni finanzjarja fl-ammont totali ta’ EUR 85 625 455. Minn din il-komunikazzjoni uffiċjali jirriżulta li, sabiex tiġi kkalkolata l-korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-irregolaritajiet irrilevati, il-Kummissjoni pproċediet b’dawn it-tliet stadji li ġejjin:

–        matul l-ewwel stadju, fin-nuqqas ta’ data affidabbli fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ ħalib prodott fir-reġjuni affettwati mill-irregolaritajiet irrilevati, hija kkoreġiet ir-riskju ta’ dikjarazzjoni baxxa ta’ dawn il-kwantitajiet billi applikat ir-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa miżmuma, miżjuda, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/20, fil-każ ta’ reċidiva f’xi wħud minn dawn ir-reġjuni, għall-kwantitajiet ta’ ħalib iddikjarati. B’dan il-mod, hija ddeterminat ammonti ta’ korrezzjoni ta’ kwantitajiet iddikjarati, bil-għan li tiġi kkumpensata l-assenza ta’ data affidabbli fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ ħalib prodott f’dawn ir-reġjuni;

–        matul it-tieni stadju, hija żiedet mat-totalità tal-kwantitajiet ta’ ħalib iddikjarati fl-Italja l-ammonti ta’ korrezzjonijiet ikkalkolati matul l-ewwel stadju. Billi l-ammont totali hekk miksub jirrifletti l-kwantità nazzjonali ta’ ħalib li seta’ fil-fatt ġie prodott, hija vverifikat imbagħad jekk tali ammont kienx ikbar mill-kwota nazzjonali allokata għar-Repubblika Taljana għal kull sena kkonċernata;

–        matul it-tielet stadju, wara li kkonstatat qbiż tal-kwota nazzjonali allokata għal ċerti snin, hija applikat il-koeffiċjent tal-kalkolu tat-taxxa miżjuda, previst mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, fuq l-ammonti ta’ korrezzjonijiet ikkalkolati matul l-ewwel stadju, fir-reġjuni affettwati mill-irregolaritajiet irrilevati.

38      Fit-8 ta’ Settembru 2010, inżammet laqgħa tal-korp ta’ konċiljazzjoni, li rrenda r-rapport finali tiegħu fil-11 ta’ Ottubru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali”). Fil-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, li jikkonċernaw biss il-parti mill-korrezzjoni marbuta mar-reġjun ta’ Lazio, il-korp ta’ konċiljazzjoni stieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-proposta tagħha ta’ korrezzjoni finanzjarja fid-dawl tal-osservazzjonijiet tiegħu fformulati fil-punti 6.3 u 6.4 ta’ dan ir-rapport. Fl-ewwel wieħed minn dawn il-punti, huwa jikkritika lill-Kummissjoni li ma ġġustifikatx l-għażla tagħha li tiffissa l-korrezzjoni fil-livell ta’ 5 %. Fit-tieni wieħed minn dawn il-punti, huwa indika li l-proposta ta’ korrezzjoni ta’ 10 % għas-snin 2004/2005 u 2005/2006 setgħet ma kinitx konformi mal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument AGRI/60637/2006 u li, sabiex din tinżamm, għandha tingħata b’mod sħiħ ir-raġuni għaliha.

39      B’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2010, bir-referenza ARES Nru 979992, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana l-pożizzjoni finali tagħha wara r-rapport finali. Din il-pożizzjoni ġiet issostitwita b’oħra ġdida, mibgħuta b’ittra tal-24 ta’ Mejju 2011, bir-referenza ARES Nru 560020, li fiha l-Kummissjoni sostniet il-pożizzjoni li hija esponiet fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Marzu 2010, filwaqt li naqqset l-ammont totali tal-proposta inizjali tagħha ta’ korrezzjoni finanzjarja. Dan it-tnaqqis irriżulta mit-tħassir tal-korrezzjoni dwar is-sena 2003/2004, peress li din tal-aħħar kienet tippreċedi l-limitu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1259/1999 għall-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji.

40      Fir-rapport fil-qosor tad-direzzjoni ġenerali tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2011, dwar ir-riżultati ta’ spezzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, b’mod konformi mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (iktar ’il quddiem ir-“rapport fil-qosor”), il-Kummissjoni ġabret fil-qosor, taħt il-Kapitolu 5.1 tal-istess rapport, ir-raġunijiet tal-korrezzjoni finanzjarja applikata għar-Repubblika Taljana fis-settur tal-prodotti tal-ħalib.

41      L-ewwel nett, il-Kummissjoni sostniet il-pożizzjoni tagħha dwar il-konklużjonijiet tagħha dedotti wara ż-żewġ investigazzjonijiet imsemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq, jiġifieri li l-kontrolli saru, mill-awtoritajiet Taljani, b’mod tardiv, li kien jikkostitwixxi irregolarità li toħloq riskju finanzjarju għall-FAEGG, Taqsima “Garanzija”, jew għall-FAEŻR. It-tieni nett, hija speċifikat li, sa fejn it-taxxa miżjuda applikabbli f’dan il-każ kienet tikkostitwixxi dħul assenjat, l-irregolaritajiet irrilevati, li kienu jinvolvu insuffiċjenzi ta’ kontrolli, wasslu għal telf ta’ dħul għal dawn il-fondi. Għaldaqstant, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata, peress li, minħabba n-nuqqas ta’ data affidabbli fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ ħalib prodott, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina b’mod oġġettiv l-ammont ta’ telf finanzjarju sostnut mill-FAEGG, Taqsima “Garanzija”, jew mill-FAEŻR, hija applikat rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa, billi bbażat ruħha fuq id-Dokument VI/5330/97. It-tielet nett, hija ġġustifikat l-ammont tar-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa miżmuma fid-dawl tal-fatt li l-irregolaritajiet irrilevati kienu jirrigwardaw kontrolli prinċipali. Madankollu, ir-raba’ nett, ladarba t-taxxa miżjuda kienet dħul assenjat, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ riskji skont skema li tirriproduċi, essenzjalment, dak li hija tiddeskrivi fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Marzu 2010. Il-ħames nett, minn naħa, il-Kummissjoni fakkret li, b’mod konformi mal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97, il-korrezzjoni finanzjarja kellha tiġi applikata fuq bażi reġjonali. Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/2006, peress li korrezzjoni finanzjarja kienet diġà ġiet applikata għal raġunijiet ta’ irregolarità ta’ kontrolli identiċi fir-rigward tar-reġjuni ta’ Puglia u ta’ Abruzzo matul is-sena 2002/2003, hija żiedet, fil-proċedura inkwistjoni u fid-dawl tar-rikorrenza tal-irregolaritajiet ikkonstatati, ir-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa applikata fir-rigward ta’ dawn ir-reġjuni. Is-sitt nett, hija esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija ma segwietx l-osservazzjonijiet ifformulati mill-korp ta’ konċiljazzjoni fil-punti 6.3 u 6.4 tar-rapport finali.

42      Fuq il-bażi ta’ dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/689/KE, tal-14 ta’ Ottubru 2011, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 270, p. 33, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, fir-rigward tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni applikat, fir-rigward tas-snin finanzjarji 2005, 2006 u 2007, korrezzjoni finanzjarja ta’ ammont totali ta’ EUR 70 912 382, sabiex tiddeduċi l-konsegwenzi tal-aspetti ta’ dgħufija tal-kontrolli tal-kwoti tal-ħalib, marbuta mal-implementazzjoni tardiva tagħhom, irrilevati fir-reġjuni ta’ Abruzzo, Lazio, Marche, Puglia, Sardegna, Calabria, Fruili Venezia Giulia u Valle d’Aosta.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2011, ir-Repubblika Taljana ressqet din l-azzjoni.

44      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla u għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

45      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tipproċedi b’korrezzjonijiet finanzjarji fissi marbuta mas-sistema ta’ kwoti tal-ħalib li jirrigwardaw is-snin 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007, għal ammont totali ta’ EUR 70 912 382.

46      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

47      Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet lill-partijiet u stednithom sabiex, fil-każ ta’ wħud minnhom, iressqu tweġibiet bil-miktub u, fil-każ tal-oħrajn, iwieġbu oralment fis-seduta. Il-partijiet osservaw dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

48      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tal-1 ta’ April 2014.

 Id-dritt

49      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Taljana tqajjem formalment erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, minn naħa, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u, min-naħa l-oħra, fuq użu ħażin ta’ poter, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, it-tieni nett, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 u tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 595/2004, it-tielet nett, minn naħa, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, fuq użu ħażin ta’ poter, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, u r-raba’ nett, fuq ksur, minn naħa, tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/2006.

A –  Fuq l-ammissibbiltà ta’ allegazzjoni li saret, taħt l-ewwel u t-tielet motivi, dwar l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

50      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-parti konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom dan huwa bbażat, joħorġu, tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu, u dan sabiex ikunu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, kull motiv li ma huwiex artikolat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa inammissibbli. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jiġi invokat insostenn ta’ motiv. Peress li tinvolvi għan ta’ ordni pubbliku, din l-inammissibbiltà tista’ titqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali, jekk meħtieġ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ex officio li l-allegazzjoni li saret, taħt l-ewwel u t-tielet motivi mressqa fir-rikors, dwar l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter ma hijiex sostnuta fil-qosor, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

52      Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija li saret fis-seduta, ir-Repubblika Taljana, filwaqt li sostniet l-allegazzjoni li saret, taħt l-ewwel u tielet motivi, dwar l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, irrikonoxxiet li r-rikors ma kienx jinkludi argumentazzjoni speċifika insostenn ta’ dan l-ilment. Hija speċifikat li, minn naħa, essenzjalment, l-ewwel u t-tielet motivi kellhom prinċipalment l-għan li jiġi kkonstatat mill-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn ksur ta’ regoli ta’ dritt u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni tal-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter ġiet invokata insostenn tal-għan prinċipali ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ motivi.

53      Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 50 iktar ’il fuq, mill-konstatazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali fil-punt 51 iktar ’il fuq u mit-tweġibiet tar-Repubblika Taljana għall-mistoqsija li saritilha fis-seduta, kif irrimarkati fil-punt 52 iktar ’il fuq, l-allegazzjoni li saret, taħt l-ewwel u t-tielet motivi, dwar l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

B –  Fuq il-mertu

54      Kif ġie rrimarkat fil-punt 49 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Taljana tinvoka erba’ motivi insostenn ta’ dan ir-rikors. Fid-dawl tal-konklużjoni bbażata fuq il-punt 53 iktar ’il fuq, l-ewwel u t-tielet motivi ser jiġu eżaminati biss sa fejn dawn huma bbażati fuq ksur ta’ regoli ta’ dritt, jew ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97 li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja

a)     L-argumenti tal-partijiet

55      Ir-Repubblika Taljana ssostni li, essenzjalment, il-kontrolli li saru, anki jekk tardivi fir-rigward ta’ xi wħud minnhom, ma kinux inqas affidabbli jew effikaċi, b’mod li l-FAEGG, Taqsima “Garanzija”, jew il-FAEŻR ma ġie espost għal ebda riskju. Għaldaqstant, bl-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, a fortiori fissa, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u l-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97.

56      B’mod iktar speċifiku, l-ewwel nett, minkejja n-natura leġġerment tardiva ta’ parti mill-kontrolli li saru mill-awtoritajiet nazzjonali, dawn ippermettew li jiġi ddeterminat b’mod definittiv u affidabbli l-kwantitajiet ta’ ħalib fil-fatt ikkonsenjati jew mibjugħa direttament. Fil-fatt, mill-Anness II tad-Dokument VI/5330/97 jirriżulta li l-użu ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa hija possibbli biss meta l-fatt li jitħalla ż-żmien jgħaddi jikkomprometti inevitabbilment ir-rikostituzzjoni a posteriori tal-volum ta’ ċerti attivitajiet. Issa, dan ma jistax ikun il-każ fil-każ ineżami, peress li l-kontrolli li saru mill-awtoritajiet nazzjonali rrigwardaw, b’mod konformi mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1392/2001, id-dokumenti kummerċjali u oħrajn, li jiġġustifikaw l-użu li sar mill-ħalib u mill-ħalib ekwivalenti miġbur, li kellhom, skont l-Artikolu 14 tal-istess regolament, jinżammu mix-xerrej għal mill-inqas tliet snin dekorribbli mill-aħħar tas-sena li fiha dawn ġew redatti.

57      It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana tfakkar li, fir-Rapport Speċjali Nru 7/2010 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea kkritikat bil-qawwa l-fatt li l-Kummissjoni rrikorriet b’mod eċċessiv għall-metodu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji fissi. Issa, skont id-Dokument VI/5330/97, dan il-metodu kellu jintuża biss b’mod residwali, peress li ma huwiex possibbli li jiġi evalwat l-impatt ta’ żball jew ta’ diversi żbalji misjuba f’każ jew f’diversi każijiet speċifiċi, jew wara l-eżami ta’ numru rappreżentattiv minn dawn l-operati.

58      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-Repubblika Taljana insostenn tal-ewwel motiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

59      L-ewwel motiv jirrigwarda żewġ ilmenti bbażati fuq il-fatt li, bl-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, a fortiori fissa, il-Kummissjoni kisret, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u, min-naħa l-oħra, il-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97.

60      B’mod preliminari, fir-rigward tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ex officio li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 ma ġiex sostnut fil-qosor, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, fl-istadju tar-rikors, ir-Repubblika Taljana ma tesponi ebda argument li jista’ jsostni tali lment. Barra minn hekk, dan l-ilment lanqas ma ġie sostnut fl-istadju tar-replika. Għalhekk, tali lment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

61      Fi kwalunkwe każ, l-ewwel nett, anki jekk jitqies li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 jista’ jiġi eżaminat flimkien mal-ilment ibbażat fuq ksur tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97, u fid-dawl tal-argumenti esposti insostenn tal-ewwel motiv, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 japplika biss, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tal-istess regolament, b’effett mis-16 ta’ Ottubru 2006.

62      Konsegwentement, bħala prinċipju, l-ewwel motiv għandu jiġi eżaminat biss sa fejn dan jirrigwarda s-sena 2006/2007 u mhux is-snin 2004/2005 u 2005/2006, li wasslu wkoll għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja. Madankollu, kif jirriżulta mit-tabella ta’ korrispondenza annessa fl-Anness V tar-Regolament 885/2006, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tal-istess regolament jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1662/95. Barra minn hekk, mill-iskritturi tal-Kummissjoni jirriżulta li din tikkonstata hija stess din il-korrispondenza. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fuq il-bażi tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Taljana tinvoka, essenzjalment, fir-rigward tas-snin 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007, ksur, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u, min-naħa l-oħra, tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97.

63      It-tieni nett, mill-argumenti esposti mir-Repubblika Taljana insostenn tal-ewwel motiv jirriżulta li, essenzjalment, hija ssostni li, minkejja n-natura tardiva u mhux kontestata ta’ xi wħud mill-kontrolli li saru mill-awtoritajiet Taljani, fid-dawl b’mod partikolari tal-kwantità ddikjarata ta’ ħalib li ġiet ikkontrollata, dawn il-kontrolli ma kinux inqas affidabbli u effikaċi, inkwantu ppermettew li jiġi ddeterminat, b’mod definittiv, il-kwantitajiet ta’ ħalib fil-fatt ikkonsenjati jew mibjugħa direttament. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi interpretat bħala li, essenzjalment, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tevalwa t-telf sostnut mill-fondi Ewropej inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“Fond”), jiġifieri l-FAEGG, Taqsima “Garanzija”, fl-2005 u 2006, u l-FAEŻR, fl-2007, b’mod li, dawn il-fondi ma ġew esposti għal ebda riskju li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa.

64      B’mod prinċipali u fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 595/2004 jipprovdi li, għal kull wieħed mill-perijodi ta’ tnax-il xahar li matulhom l-Istati Membri għandhom jimplementaw programm ġenerali ta’ kontroll fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji, il-kontrolli jitqiesu li jkunu saru wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ kontroll, b’dan tal-aħħar jiġi konkluż mhux iktar tard minn tmintax-il xahar wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tnax-il xahar. Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu li dawn il-kontrolli jsiru f’terminu rikjest mingħajr ma hija prevista eċċezzjoni. B’dan il-mod, mit-test stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li t-terminu għar-realizzazzjoni tal-kontrolli huwa terminu perentorju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ottubru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑426/08, punt 74).

65      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ terminu speċifiku sabiex isiru l-kontrolli, tagħmel parti mill-għan ta’ limitazzjoni tar-riskju li ma jinġabrux l-ammonti dovuti. Fil-fatt, dan it-terminu jispeċifika l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ kontrolli u jagħmel parti mill-għan li kemm ix-xerrejja u kif ukoll il-produtturi li jagħmlu bejgħ dirett jiġu skoraġġuti milli jiddikjaraw kwantitajiet inqas ta’ kunsinni jew ta’ bejgħ dirett ta’ ħalib sabiex ma jħallsux it-taxxa miżjuda. Barra minn hekk, tali terminu jillimita r-riskju li, bħala fatt, id-data neċessarja għal dawn il-kontrolli ma tkunx iktar disponibbli, u dan minkejja l-obbligu impost fuq l-operaturi li jżommu ċerti dokumenti għal perijodu ta’ tliet snin (Artikolu 24 tar-Regolament Nru 595/2004). Dan it-terminu jipprekludi wkoll id-differiment sine die tal-kontrolli, peress li dan jista’ jwassal għal assenza ta’ kontroll u għalhekk riskju li ma jinġabrux l-ammonti dovuti. Fl-aħħar nett, it-terminu inkwistjoni għandu jippermetti l-programmazzjoni ta’ kontrolli futuri fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju skont kif previst fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 595/2004. Minn dan isegwi li n-natura obbligatorja tat-terminu pprovdut fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 595/2004 toħroġ ukoll mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 75).

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn xi wħud mill-kontrolli li saru mill-awtoritajiet Taljani kienu tardivi, li, fuq kollox, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax, il-Kummissjoni kienet korretta meta, minn naħa, ikkunsidrat li l-affidabbiltà tad-data miksuba f’dik l-okkażjoni kienet affettwata, u dan sal-punt li r-riskju ta’ dikjarazzjoni baxxa tal-kwantitajiet ta’ ħalib prodott kiber, u, min-naħa l-oħra, ikkonkludiet li dawn l-irregolaritajiet kienu jesponu l-Fond għal riskju finanzjarju reali.

67      It-tieni nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha bażi tajba sabiex tapplika korrezzjoni finanzjarja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, ladarba l-Kummissjoni ma kinitx iktar f’pożizzjoni li tikkwantifika b’mod oġġettiv il-kwantitajiet ta’ ħalib prodott u, għaldaqstant, li tevalwa b’mod preċiż it-telf sostnut mill-Fond, hija kellha bażi tajba, b’mod konformi mal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97, sabiex tirrikorri għal korrezzjoni finanzjarja fissa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2008, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑418/06 P, Ġabra p. I‑3047, punt 136 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑46/09, Ġabra, EU:F:2011:101 punt 49).

68      It-tielet nett, fir-rigward tal-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Awdituri ddeduċiet fir-Rapport Speċjali Nru 7/2010 tagħha, li jipprovdu li l-Kummissjoni rrikorriet b’mod eċċessiv għall-korrezzjonijiet finanzjarji fissi, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-konklużjonijiet, li fuqhom ir-Repubblika Taljana tibbaża ruħha sabiex issostni l-ewwel motiv, huma fformulati b’mod ġenerali u, fi kwalunkwe każ, ma jippermettux li jiġi stabbilit li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kif ġie konkluż fil-punt 67 iktar ’il fuq, l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa kienet tikser ir-regoli ta’ dritt applikabbli. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet għandhom jiġu injorati bħala ineffettivi.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 21 u tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 595/2004

a)     L-argumenti tal-partijiet

70      Insostenn tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 21 u tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 595/2004, ir-Repubblika Taljana tesponi t-tliet argumenti li ġejjin.

71      L-ewwel nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li, sa fejn il-kontrolli li saru mill-awtoritajiet Taljani rrigwardaw il-kwantitajiet ta’ ħalib iddikjarati viċin il-perċentwali ta’ 40 % prevista fl-Artikoli 22(1)(b) tar-Regolament Nru 595/2004, jew ogħla minn tali perċentwali, is-sistema ta’ kontroll implementata ma kinitx toħloq riskju finanzjarju għall-Fond.

72      It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li, billi ddeċidiet li, fir-reġjuni fejn il-proporzjon ta’ kontrolli tardivi huwa inqas minn 30 %, ma tiġix applikata korrezzjoni, fir-reġjuni fejn dan il-proporzjon jinsab bejn 30 u 50 %, tiġi applikata korrezzjoni ta’ 2 % u, fir-reġjuni fejn dan huwa ogħla minn 50 %, tiġi applikata korrezzjoni ta’ 5 %, il-Kummissjoni ma osservatx il-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97. Fil-fatt, b’hekk il-Kummissjoni injorat il-kwantità oġġettiva ta’ ħalib prodott fil-fatt ikkontrollata, meta, b’mod konformi mar-Regolament Nru 595/2004, dan huwa element fundamentali għall-kontrolli fuq ix-xerrejja. Dan l-approċċ ma jippermettix li jiġi evalwat b’mod oġġettiv ir-riskju sostnut mill-Fond.

73      It-tielet nett, ir-Repubblika Taljana tqis li, billi applikat kriterju bbażat fuq il-perċentwali tal-kontrolli li saru tard, il-Kummissjoni tat l-istess importanza, fl-istess reġjun, lill-kontrolli li saru fuq xerrejja ta’ kwantità ta’ ħalib li tirrappreżenta parti negliġibbli u lill-kontrolli li saru fuq xerrejja ta’ kwantità ferm ogħla ta’ dan il-prodott. Għaldaqstant, l-approċċ tal-Kummissjoni jwassal għall-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji li huma sproporzjonati fid-dawl tar-riskju oġġettivament sostnut mill-Fond u li jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

74      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-Repubblika Taljana insostenn tat-tieni motiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

75      Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jitfakkar li, kif ġie rrimarkat fl-ambitu tal-eżami tal-ewwel motiv, minn naħa, huwa stabbilit li xi wħud mill-kontrolli li saru mill-awtoritajiet nazzjonali saru tard fl-isfond tat-termini perentorji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, din l-irregolarità, li taffettwa lil dawn il-kontrolli, esponiet lill-Fond għal riskju finanzjarju u, għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha bażi tajba sabiex tapplika korrezzjoni finanzjarja. B’dan il-mod, ladarba d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tat-tardività tal-kontrolli li saru mill-awtoritajiet nazzjonali, u fl-ebda każ fuq l-intensità ta’ dawn il-kontrolli, kif iddefinit fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 595/2004, hemm lok li l-ewwel argument jiġi miċħud bħala irrilevanti fid-dawl tal-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti fir-rigward tal-konstatazzjoni tan-natura tardiva ta’ dawn il-kontrolli.

76      Fir-rigward tat-tieni argument, għandu jitfakkar li l-irregolarità li l-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, li taffettwa l-kontrolli li saru, tirrigwarda l-ksur tat-termini mogħtija għar-realizzazzjoni tagħhom. Issa, minn naħa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 65 u 67 iktar ’il fuq, fid-dawl tan-natura tal-imsemmija irregolarità, din għandha, b’mod partikolari, il-konsegwenza diretta li tikkomprometti d-determinazzjoni preċiża tal-kwantità ta’ ħalib fil-fatt prodott u, għaldaqstant, dik tal-eventwali eċċess ta’ produzzjoni li jiġġustifika l-irkupru tat-taxxa miżjuda. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97, fl-assenza ta’ data suffiċjentement affidabbli sabiex tiġi ddeterminata b’mod oġġettiv il-kwantità ta’ ħalib prodott ikkonċernata, il-Kummissjoni kellha bażi tajba sabiex tapplika korrezzjoni finanzjarja fissa, korrezzjoni intiża sabiex tevalwa t-telf li jista’ jiġi sostnut mill-Fond minħabba n-nuqqas ta’ kontroll irrilevat.

77      Mill-premessi preċedenti jirriżulta li r-Repubblika Taljana ma għandhiex raġuni tajba sabiex tikkritika lill-Kummissjoni li, bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa, injorat il-kwantità oġġettiva ta’ ħalib prodott fil-fatt ikkontrollata u kisret il-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97.

78      Fir-rigward tat-tielet argument, b’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 595/2004, l-intensità tal-kontrolli mill-Istati Membri dwar il-kunsinni u l-bejgħ dirett, bħal dawk previsti fl-Artikolu 21 tal-istess regolament, hija, b’mod partikolari, fissa f’livell minimu ta’ 40 % tal-kwantità ddikjarata ta’ ħalib qabel korrezzjoni għall-perijodu kkonċernat, huwa speċifikat, fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li kull xerrej huwa kkontrollat tal-inqas darba kull ħames snin.

79      Għalhekk, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li n-numru rappreżentattiv ta’ xerrejja, ikkontrollat mill-Istat Membri, huwa b’mod partikolari kkostitwit fuq il-bażi ta’ rotazzjoni bejn l-imsemmija xerrejja, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-kwantità ddikjarata ta’ ħalib li kienet mixtrija minnhom rispettivament. Min-naħa l-oħra, huwa ċertament possibbli li, meta l-kontroll isir fuq xerrej ta’ kwantità dgħajfa ta’ ħalib, ikun neċessarju, sabiex jiġi ssodisfatt il-kriterju ta’ kontroll ta’ 40 % tal-kwantità ta’ ħalib iddikjarata, li jintgħażel xerrej ieħor li, min-naħa tiegħu, xtara kwantità sostanzjali. Madankollu, tali kumpens, għal finijiet aritmatiċi, ma jistax ikollu impatt fuq il-konsegwenzi li l-Kummissjoni għandha tiddeduċi meta hija tirrileva irregolaritajiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-kontrolli prinċipali mill-Istati Membri. Fi kliem ieħor, tkun xi tkun il-kwantità ddikjarata ta’ ħalib li xerrej ikun akkwista, ladarba l-Kummissjoni tikkonstata li l-kontrolli, li għalihom xerrej ġie suġġett, huma tardivi, din hija marbuta tiddeduċi l-konsegwenzi legali li jirrigwardaw din l-irregolarità.

80      Prinċipalment, għandu jitfakkar li, fuq il-bażi tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, minkejja li l-Kummissjoni għandha tikkontrolla jekk l-operazzjonijiet iffinanzjati mit-Taqsima “Garanzija” jsirux, mill-Istati Membri, b’mod konformi mar-regoli ta’ dritt tal-Unjoni applikabbli, xorta waħda jibqa’ l-fatt li huma l-Istati Membri li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbru u jivverifikaw id-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG u li għandhom, konsegwentement, jippreżentaw il-prova l-iktar dettaljata u kompleta tar-realtà taċ-ċifri tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-ineżatezza tal-kalkoli tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 1993, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑48/91, Ġabra p. I‑5611, punt 17). Issa, fid-dawl tal-irregolarità rrilevata mill-Kummissjoni, jiġifieri n-natura tardiva tal-kontrolli mwettqa mir-Repubblika Taljana, la din tal-aħħar u lanqas il-Kummissjoni ma kienu f’pożizzjoni li jiddeterminaw b’mod oġġettiv il-kwantità ta’ ħalib prodott, b’mod partikolari fir-rigward tal-operaturi suġġetti għal kontroll difettuż. Għalhekk, it-tielet argument, li l-Kummissjoni tat l-istess importanza lill-kontrolli li saru fuq ix-xerrejja ta’ kwantità ta’ ħalib li tirrappreżenta parti negliġibbli f’reġjun bħalma tat lill-kontrolli li saru fuq xerrejja ta’ kwantità ferm ikbar ta’ dan il-prodott, għandu jiġi injorat.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 76 iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina b’mod oġġettiv il-kwantità ta’ ħalib prodott fir-reġjun ikkonċernat, hija kienet korretta meta, sabiex tevalwa t-telf li jista’ jiġi sostnut mill-Fond, applikat korrezzjoni finanzjarja fissa, b’mod li ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet ta’ ħalib ikkonċernati mill-kontrolli difettużi. Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ data affidabbli dwar il-kwantitajiet ta’ ħalib prodott ikkontrollati tikkomprometti l-possibbiltà li tiġi evalwata n-natura allegatament sproporzjonata tal-korrezzjoni finanzjarja fissa applikabbli fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ ħalib affettwati mill-irregolarità rrilevata mill-Kummissjoni.

82      Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq assenza ta’ bażi legali għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

a)     L-argumenti tal-partijiet

83      Fir-rikors, ir-Repubblika Taljana tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni, talli invokat b’mod żbaljat bażi legali sabiex tapplika korrezzjoni finanzjarja fissa fil-każ ta’ irregolarità dwar implementazzjoni ta’ sistema ta’ dħul assenjat, li aġixxiet b’mod arbitrarju u li kisret, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u l-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97 u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Insostenn ta’ dawn it-tliet ilmenti li jifformaw it-tielet motiv, ir-Repubblika Taljana tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq iż-żewġ argumenti li ġejjin.

84      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Taljana ssostni li ma hemm ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa fil-każ ta’ irregolaritajiet ta’ kontrolli li jirrigwardaw dħul assenjat. Fil-fatt, l-atti tad-dritt tal-Unjoni bħad-Dokument VI/5330/97 jiġġustifikaw l-użu ta’ tali korrezzjoni biss meta l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ kontrolli prinċipali jintrabtu ma’ nfiq imwettaq u mhux ma’ dħul assenjat. Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għall-infiq imwettaq, ebda att tad-dritt tal-Unjoni ma jispeċifika l-modalitajiet u l-grad ta’ importanza tal-kontrolli li jirrigwardaw dan id-dħul.

85      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li, fir-rigward ta’ riskji ta’ telf għall-Fond li jirriżultaw minn assenza ta’ perċezzjoni ta’ dħul assenjat, ma huwiex possibbli li jinżamm bħala parametru l-livell tal-produzzjoni tal-ħalib. Huwa biss wara li jkun iddeterminat l-ammont ta’ eventwali eċċess li l-Kummissjoni tkun tista’, sabiex tevalwa tali telf, tapplika għall-ammont teoretikament dovut, fuq il-bażi ta’ tali eċċess, ir-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa previsti fid-Dokument VI/5330/97. Issa, f’dan il-każ, “[l]-anomalija [tirriżulta] mill-fatt li dawn ir-rati ta’ korrezzjoni [ġew] applikati għall-ammont ta’ taxxa teoretiku [li jinkiseb] billi tiġi suġġetta għat-taxxa l-kwantità totali ta’ ħalib prodott matul is-snin ikkonċernati”. Ir-Repubblika Taljana żżid li huwa b’mod arbitrarju li l-“Kummissjoni użat ir-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja biex tistima l-eċċess possibbli fuq il-kwota u t-taxxa konsegwenti, waqt li żiditu mal-eċċess fuq il-kwota ta’ produzzjoni nazzjonali u sseparatu sabiex tassenjah mill-ġdid lir-reġjuni individwali suġġetti għall-kontrolli biex jingħalqu l-kontijiet”.

86      Fir-replika, filwaqt li tikkonstata interpretazzjoni allegatament żbaljata mill-Kummissjoni tal-portata tat-tielet motiv, kif espost fir-rikors, ir-Repubblika Taljana ssostni li, b’dan il-motiv, hija kkontestat b’mod partikolari l-fatt li l-korrezzjoni finanzjarja ġiet applikata billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-produzzjonijiet tal-ħalib reġjonali kollha tar-reġjuni fejn ġew ikkonstatati irregolaritajiet, minflok ma ttieħdu inkunsiderazzjoni biss il-produzzjonijiet tal-ħalib li jirrigwardaw ix-xerrejja jew il-produtturi kkontrollati tard.

87      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-Repubblika Taljana insostenn tat-tielet motiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

88      B’mod preliminari, l-ewwel nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata ex officio li t-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma huwiex sostnut fil-qosor, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, kemm fl-istadju tar-rikors u kif ukoll tar-replika, fir-rigward tat-tielet motiv, ir-Repubblika Taljana ma tesponi ebda argument li jista’ jsostni dan l-ilment. Għaldaqstant, dan tal-aħħar għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

89      It-tieni nett, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar‑Regoli tal-Proċedura jirriżulta li ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, ilment li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punti 198 u 199).

90      Fil-każ ineżami, fir-rigward tal-argument espost mir-Repubblika Taljana fir-replika, kif irrimarkat fil-punt 86 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li sa fejn isostni li l-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji kellu jkun bbażat biss fuq il-produzzjonijiet tal-ħalib li jikkonċernaw lill-akkwirenti jew lill-produtturi kkontrollati tard, dan l-argument ma tqajjimx fl-istadju tar-rikors.

91      Fil-fatt, f’dan tal-aħħar, minn naħa, ir-Repubblika Taljana sostniet li, fil-każ ta’ dħul assenjat, il-livell ta’ produzzjoni tal-ħalib ma tista’ fl-ebda każ tittieħed inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija kkritikat lill-Kummissjoni li użat b’mod arbitrarju “r-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja biex tistima l-eċċess possibbli fuq il-kwota u t-taxxa konsegwenti, waqt li żiditu mal-eċċess fuq il-kwota ta’ produzzjoni nazzjonali u sseparatu sabiex tassenjah mill-ġdid lir-reġjuni individwali suġġetti għall-kontrolli biex jingħalqu l-kontijiet”. Issa, minn dawn iż-żewġ argumenti bl-ebda mod ma jirriżulta li r-Repubblika Taljana kienet qiegħda ssostni, f’dak l-istadju tal-proċedura, anki jekk fis-sustanza, li l-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji kellu jkun ibbażat biss fuq il-produzzjonijiet tal-ħalib li jikkonċernaw l-akkwirenti jew il-produtturi kkontrollati tard.

92      Għaldaqstant, dan l-argument, li ma jikkostitwixxix amplifikazzjoni tal-motiv li huwa jsostni u li ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt imqajma matul il-proċedura, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

93      B’mod prinċipali, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni lmenti li jsostnu t-tielet motiv, għandu jiġi eżaminat kull wieħed miż-żewġ argumenti previsti fil-punti 84 u 85 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ewwel argument, ibbażat, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ bażi legali għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa fil-każ ta’ irregolaritajiet ta’ kontrolli li jirrigwardaw dħul assenjat

94      Fir-rigward tal-ewwel argument, ibbażat fuq il-fatt li, essenzjalment, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa fil-każ ta’ irregolaritajiet ta’ kontrolli li jirrigwardaw dħul assenjat ma għandhiex bażi legali u, għaldaqstant, hija arbitrarja, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja li r-Repubblika Taljana tipprevedi espressament biss id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 (applikabbli għas-sena 2006/2007), dan l-ewwel argument għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli għad-diversi snin ikkonċernati, u dan b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1663/95, imħassar bir-Regolament Nru 885/2006. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-tabella ta’ korrispondenza li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 885/2006, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95 jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006.

–       Dwar is-snin 2004/2005 u 2005/2006

95      Fir-rigward tas-snin 2004/2005 u 2005/2006, japplikaw ir-Regolament Nru 1605/2002, kif applikabbli sal-1 ta’ Mejju 2007, u r-Regolamenti Nru 1258/1999, Nru 1663/95, Nru 1788/2003 u Nru 595/2004. Hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex bażi legali sabiex tapplika, minn naħa, korrezzjonijiet finanzjarji fil-każ ta’ irregolaritajiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ dħul assenjat u, min-naħa l-oħra, fil-preżenza ta’ tali irregolaritajiet, korrezzjoni finanzjarja fissa.

96      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tapplika korrezzjonijiet finanzjarji fil-każ ta’ irregolaritajiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ dħul assenjat, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, qabelxejn, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni teżegwixxi l-baġit, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti stabbiliti għall-implementazzjoni tal-Artikolu 279 KE, taħt ir-responsabbiltà tagħha u fil-limitu tal-krediti allokati, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Imbagħad, kif jirriżulta mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 1605/2002, adottat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 279 KE, id-diversi metodi ta’ implementazzjoni għandhom jiggarantixxu, tkun liema tkun l-entità responsabbli mill-implementazzjoni kollha jew parti minnha, l-osservanza tal-proċeduri li jipproteġu l-fondi Komunitarji, filwaqt li jikkonfermaw li r-responsabbiltà finali tal-implementazzjoni tal-baġit hija tal-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 274 KE. Finalment, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, iċċitati fil-punt 1 iktar ’il fuq u applikabbli sal-1 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni timplementa l-baġit skont tliet metodi, fosthom il-metodu ta’ amministrazzjoni kondiviża. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53(5) tar-Regolament Nru 1605/2002, iċċitati fl-istess punt hawn fuq imsemmi, fl-ambitu tal-metodu ta’ amministrazzjoni kondiviża, il-Kummissjoni timplementa proċeduri ta’ clearance tal-kontijiet jew mekkaniżmi ta’ korrezzjonijiet finanzjarji li jippermettulha tassumi r-responsabbiltà finali tagħha fl-eżekuzzjoni tal-baġit.

97      It-tieni nett, fir-rigward tal-finanzjament tal-PAK, u b’mod partikolari tal-FAEGG, li, kif tfakkar fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 1258/1999, huwa parti mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, għandu jiġi rrilevat li, qabelxejn, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan ir-regolament, it-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG tiffinanzja l-interventi intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli. Imbagħad, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, il-finanzjament ta’ dawn l-interventi jippresupponi li dawn isiru skont ir-regoli Komunitarji fl-ambitu tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. Finalment, skont dispożizzjonijiet, minn naħa, tal-Artikolu 8(1)(ċ) tal-istess regolament, l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirkupraw l-ammonti mitlufa wara irregolaritajiet jew negliġenzi u, min-naħa l-oħra, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tal-istess regolament, l-ammonti rkuprati huma mħallsa lill-aġenziji akkreditati tal-ħlas u jitnaqqsu, minn dawn tal-aħħar, mill-infiq iffinanzjat mill-Fond.

98      It-tielet nett, fir-rigward tal-proċedura tal-clearance tal-kontijiet tal-Fond, minn naħa, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1663/95, id-deċiżjoni ta’ akkreditazzjoni ta’ aġenzija tal-ħlas tittieħed fuq il-bażi ta’ eżami ta’ kundizzjonijiet amministrattivi u ta’ kontabbiltà, inklużi dawk adottati għall-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ammonti li għandhom jinġabru. Min-naħa l-oħra, skont il-punt 11 tal-Anness uniku tal-istess regolament, intitolat “Il-linji gwida għall-kriterji sabiex jiġu akkreditati bħala aġenzija tal-ħlas”, id-dispożizzjonijiet kollha tal-istess anness “japplikaw, mutatis mutandis, għa[d-‘dħul assenjat’] (imposti, garanziji ssekwestrati, ħlasijiet irrimborżati, eċċ.) li l-aġenzija tkun meħtieġa li tiġbor [għa]t-Taqsima Garanziji tal-FAEGG […]”.

99      Ir-raba’ nett, fir-rigward tat-taxxa miżjuda, qabelxejn, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1788/2003, l-Istati Membri huma responsabbli fil-konfront tal-Unjoni għat-taxxa li tirriżulta mill-eċċess fuq il-kwantità tar-referenza nazzjonali u huma għandhom iħallsuha fil-Fond. Imbagħad, skont l-Artikolu 11 tal-istess regolament, ix-xerrej huwa responsabbli għall-ġbir, mingħand il-produtturi, tal-kontribuzzjonijiet dovuti minnhom bħala taxxa u jħallas lill-organu kompetenti tal-Istat Membru l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li t-taxxa miżjuda titqies li tagħmel parti mill-interventi intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli u hija assenjata għall-finanzjament tal-infiq tas-settur tal-ħalib. Finalment, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 595/2004, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li t-taxxa miżjuda tinġabar korrettament u fil-fatt tinqasam bejn il-produtturi li kkontribwixxew għall-eċċess.

100    L-eżami tal-leġiżlazzjoni, imfakkar b’mod partikolari fil-punti 96 sa 99 iktar ’il fuq, fir-rigward tas-snin 2004/2005 u 2005/2006, jippermetti li jiġu dedotti t-tliet konstatazzjonijiet li ġejjin.

101    L-ewwel nett, l-implementazzjoni tal-interventi li jaqgħu taħt it-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli tirrikjedi li dawn isiru skont ir-regoli Komunitarji fis-seħħ fl-ambitu tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999). Issa, minn naħa, is-settur tal-ħalib u ta’ prodotti mill-ħalib huma s-suġġett ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq li taqa’ taħt il-PAK (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, it-taxxa miżjuda hija kkunsidrata li tagħmel parti minn tali intervent u hija assenjata għall-finanzjament tal-infiq tas-settur tal-ħalib (Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1788/2003). Għaldaqstant, ir-regolarità tal-modalitajiet ta’ rkupru ta’ din it-taxxa tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tiġi osservata fir-rigward tal-implementazzjoni tal-interventi tat-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib.

102    It-tieni nett, huwa l-kompitu tal-Istati Membri, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, li jiżguraw li t-taxxa miżjuda tkun, b’mod partikolari, korrettament miġbura mill-aġenziji tal-ħlas kompetenti (Artikolu 17 tar-Regolament Nru 595/2004), u dan għan-nom tat-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG (punt 11 tal-Anness uniku tar-Regolament Nru 1663/95).

103    It-tielet nett, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1605/2002, il-Kummissjoni timplementa partikolarment il-mekkaniżmi ta’ korrezzjonijiet finanzjarji li jippermettulha tassumi r-responsabbiltà finali tagħha fl-implementazzjoni tal-baġit, u dan skont il-prinċipju li jipprovdi li d-diversi metodi ta’ implementazzjoni tal-baġit għandhom jiggarantixxu l-osservanza tal-proċeduri li jipproteġu l-fondi Komunitarji. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni hija partikolarment kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-infiq li għandu jitneħħa mill-finanzjament tal-Unjoni meta hija tikkonstata li l-infiq ma jkunx sar skont ir-regoli Komunitarji (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999). Fir-rigward tad-dħul assenjat, dan ma jistax ikun mod ieħor. Fil-fatt, min-natura tat-taxxa miżjuda jirriżulta li din tikkostitwixxi dħul assenjat għall-finanzjament tal-infiq fis-settur tal-ħalib (Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1788/2003). Issa, kif jirriżulta mir-riferiment għal-leġiżlazzjoni fil-punti 96 sa 99 iktar ’il fuq, l-Istati Membri għandhom l-oneru li jiġbru tali dħul għan-nom tat-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, b’mod li din tal-aħħar tkun tista’ tassumi r-responsabbiltà finali tagħha fl-implementazzjoni tal-baġit. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tiddeduċi l-konsegwenzi finanzjarji ta’ irregolaritajiet, bħalma huma dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

104    Mit-tliet konstatazzjonijiet dedotti fil-punti 101 sa 103 iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tas-snin 2004/2005 u 2005/2006, il-Kummissjoni kellha, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat imfakkra fil-punt 96 iktar ’il fuq u tal-Artikolu 53(5) tar-Regolament Nru 1605/2002, applikabbli sal-1 ta’ Mejju 2007, bażi legali sabiex tikkontrolla l-modalitajiet ta’ rkupru tat-taxxa miżjuda u tapplika korrezzjonijiet finanzjarji fil-każ ta’ irregolaritajiet bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

105    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tapplika korrezzjonijiet finanzjarji fissi, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, kif jindika t-tieni paragrafu tal-punt 2 tal-Anness I tad-Dokument VI/5330/97, intitolat “Konsegwenzi finanzjarji tal-investigazzjonijiet ġestiti barra mill-programm tal-clearance tal-kontijiet”, l-għan tal-awditu tas-sistemi huwa dak li tinkiseb garanzija raġonevoli li kemm l-infiq onorarju kif ukoll id-dħul miġbur ikunu saru skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

106    It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana hija żbaljata meta ssostni li, b’mod kuntrarju għall-infiq, ebda att tad-dritt tal-Unjoni ma jispeċifika l-modalitajiet u l-grad ta’ portata tal-kontrolli fuq dan id-dħul. Fil-fatt, mill-Anness II tad-Dokument VI/5330/97, intitolat “Konsegwenzi finanzjarji, għall-clearance tal-kontijiet tat-Taqsima [‘Garanzija’] tal-FAEGG, tan-nuqqasijiet tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri”, iċċitati fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni spjegat hemm b’mod dettaljat, minn naħa, l-elementi prinċipali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-grad ta’ riskju ta’ telf għall-fondi tal-Unjoni għad-determinazzjoni ta’ jekk korrezzjoni finanzjarja hijiex meħtieġa u, min-naħa l-oħra, ir-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa applikabbli skont il-grad ta’ gravità tal-irregolaritajiet irrilevati, u dan partikolarment billi ddistingwiet bejn żewġ kategoriji ta’ kontrolli, jiġifieri l-kontrolli prinċipali u l-kontrolli sekondarji. Issa, għandu jiġi kkonstatat li la l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-grad ta’ riskju ta’ telf u lanqas id-definizzjoni mogħtija f’dan l-anness ta’ kull waħda miż-żewġ kategoriji ma jippermettu li jiġi stabbilit li dawn japplikaw biss fir-rigward ta’ irregolaritajiet dwar infiq imwettaq u mhux fir-rigward ta’ dħul assenjat. B’hekk, huwa indikat li l-kontrolli prinċipali “huma l-verifiki fiżiċi u amministrattivi għall-kontroll tal-elementi sostantivi, b’mod partikolari […] il-kwalità u l-kundizzjonijiet kwalitattivi, inkluża l-osservanza tat-termini” u li “dawn jitwettqu fuq il-post u b’verifika ma’ informazzjoni indipendenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

107    Issa, f’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-irregolaritajiet irrilevati mill-Kummissjoni jikkonċernaw ir-realizzazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali, barra mit-termini mogħtija, ta’ verifiki fiżiċi u amministrattivi sabiex jiġu kkontrollati l-elementi sostantivi, jiġifieri l-kwantitajiet ta’ ħalib prodott, sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm lok li tiġi applikata t-taxxa miżjuda.

108    Għalhekk, minn naħa, peress li l-irregolaritajiet inkwistjoni jirrigwardaw ir-realizzazzjoni tal-kontrolli fuq il-post barra mit-termini mogħtija, dawn jaffettwaw il-kontrolli prinċipali, kif iddefiniti fid-Dokument VI/5330/97. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kategorija tal-kontrolli affettwata, il-Kummissjoni kienet korretta, skont il-linji gwida li jinsabu fl-imsemmi dokument imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq, meta applikat rata ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa ta’ 5 jew 10 %. Konsegwentement, il-Kummissjoni kienet korretta meta rreferiet għal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97 sabiex tiddetermina korrezzjoni finanzjarja fissa fir-rigward ta’ irregolaritajiet bħalma huma dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li jirrigwardaw l-irkupru tat-taxxa miżjuda, jiġifieri dħul assenjat.

109    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni hawn fuq esposti, fir-rigward tas-snin 2004/2005 u 2005/2006, ir-Repubblika Taljana tiżbalja meta, fil-kuntest tal-ewwel ilment, issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx, minħabba nuqqas ta’ bażi legali, tapplika korrezzjoni finanzjarja fil-każ ta’ irregolaritajiet ta’ kontrolli li jirrigwardaw dħul assenjat, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

–       Dwar is-sena 2006/2007

110    Fir-rigward tas-sena 2006/2007, japplikaw ir-Regolament Nru 1605/2002, kif applikabbli sal-1 ta’ Mejju 2007, imbagħad, kif emendat u applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2007, u r-Regolamenti Nru 1290/2005, Nru 885/2006, Nru 1788/2003 u Nru 595/2004. Mill-ġdid, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex bażi legali sabiex tapplika, minn naħa, korrezzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ dħul assenjat u, min-naħa l-oħra, fil-preżenza ta’ tali irregolaritajiet, korrezzjoni finanzjarja fissa.

111    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tapplika korrezzjonijiet finanzjarji fil-każ ta’ irregolaritajiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ dħul assenjat, l-ewwel nett, għandu jsir riferiment għall-motivi esposti fil-punt 96 iktar ’il fuq, kemm għar-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 274 KE kif ukoll ta’ dawk tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1605/2002, kif applikabbli sal-1 ta’ Mejju 2007. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, kif emendat u applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2007, iċċitati fil-punt 2 iktar ’il fuq, dawn jipprevedu mill-ġdid li l-Kummissjoni timplementa l-baġit, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 53a sa 53d, skont tliet metodi ta’ amministrazzjoni, fosthom il-metodu ta’ amministrazzjoni kondiviża. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53b(2) u (4) tar-Regolament Nru 1605/2002 kif emendat, iċċitati fil-punt 3 iktar ’il fuq, meta l-Kummissjoni timplementa l-baġit b’amministrazzjoni kondiviża, sabiex tiżgura użu tal-fondi skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, fuq din il-bażi, għandhom partikolarment jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba irregolaritajiet jew żbalji. Barra minn hekk, l-Artikolu 53b(4) jipprovdi li, sabiex tiżgura ruħha mill-użu tal-fondi, il-Kummissjoni timplementa proċeduri ta’ clearance tal-kontijiet jew ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjonijiet finanzjarji li jippermettulha tassumi r-responsabbiltà finali tagħha fl-implementazzjoni tal-baġit.

112    It-tieni nett, fir-rigward tal-finanzjament tal-PAK, u b’mod partikolari tal-FAEG, qabelxejn, kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1290/2005, il-baġit tal-Unjoni jiffinanzja l-ispejjeż tal-PAK bl-intervent b’mod partikolari ta’ dan il-fond. Barra minn hekk, dejjem skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-premessa, dan il-finanzjament tal-infiq tal-PAK jitwettaq jew fl-ambitu tal-amministrazzjoni ċentralizzata, jew fl-ambitu tal-amministrazzjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Komunità, skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1605/2002.

113    Sussegwentement, skont il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1290/2005:

“Sabiex ikun permess l-użu mill-ġdid tal-fondi tal-FAEG u l-FAEŻR, huma meħtieġa regoli dwar l-assenjar ta’ somom irkuprati mill-Istati Membri meta titwettaq l-approvazzjoni tal-konformità jew wara proċedimenti f’każ ta’ kxif ta’ irregolarità jew negliġenza u għal taxxi addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.”

114    Finalment, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 34(1)(b) tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprovdi:

“1. Dan li ġej għandu jkun ‘dħul assenjat’ skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1605/2002:

[…]

(b)      somom li jinġabru jew jiġu rkuprati skont ir-Regolament […] Nru 1788/2003 […]”

115    It-tielet nett, fir-rigward tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, kif issostni l-Kummissjoni, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 885/2006, dan l-artikolu, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli li jirrigwardaw l-approvazzjoni tal-konformità u jagħti lill-Kummissjoni, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru1290/2005, japplika mutatis mutandis għad-dħul assenjat, fis-sens tal-Artikolu 34 tal-istess regolament.

116    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt E, intitolat “Il-Proċeduri għad-djun”, tal-Anness I tar-Regolament Nru 885/2006, intitolat “Il-Kriterji ta’ Akkreditazzjoni [ta’ aġenzija tal-ħlas]”, jingħad dan li ġej:

“Il-kriterji kollha pprovduti fil-punti A) sa D) għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-imposti (levies), [...], li l-aġenzija tkun meħtieġa tiġbor f’isem il-FAEG [...].”

117    Ir-raba’ nett, fir-rigward tat-taxxa miżjuda, peress li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1788/2003 u Nru 595/2004 japplikaw għas-sena 2006/2007, għandu jsir riferiment għar-raġunijiet esposti fil-punt 99 iktar ’il fuq.

118    Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni prevista fil-punti 111 sa 117 iktar ’il fuq, kif ukoll, b’analoġija, tat-tliet konstatazzjonijiet dedotti fil-punti 101 sa 103 iktar ’il fuq, fir-rigward tas-sena 2006/2007, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija fil-punt 96 iktar ’il fuq, tal-Artikolu 53b(2) u (4) tar-Regolament Nru 1605/2002, applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2007, u tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1290/2005, bażi legali sabiex tikkontrolla u tapplika korrezzjoni finanzjarja fil-każ ta’ irregolaritajiet, bħalma huma dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li jirrigwardaw kontrolli dwar l-irkupru tat-taxxa miżjuda, jiġifieri dħul assenjat.

119    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tapplika korrezzjonijiet finanzjarji fissi, kif jirriżulta mir-raġunijiet esposti fil-punti 105 sa 108 iktar ’il fuq, din kellha tiġi ispirata mil-linji gwida tad-Dokument VI/5330/97, li japplika għas-sena 2006/2007, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa fir-rigward tal-irregolaritajiet bħalma huma dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li jirrigwardaw l-irkupru tat-taxxa miżjuda.

120    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet hawn fuq esposti, fir-rigward tas-sena 2006/2007, ir-Repubblika Taljana twettaq żball meta ssostni, fir-rigward tal-ewwel ilment, li l-Kummissjoni ma setgħetx, minħabba nuqqas ta’ bażi legali, tapplika korrezzjoni finanzjarja fissa fil-każ ta’ irregolaritajiet tal-kontrolli li jirrigwardaw dħul assenjat, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

121    Qabel il-konklużjoni finali li għandha tiġi dedotta fir-rigward tal-fondatezza tal-ewwel argument espost insostenn tat-tielet motiv, għandu jiġi rrilevat li l-konklużjonijiet dedotti fil-punti 109 u 120 iktar ’il fuq huma kkorroborati, permezz ta’ raġunament b’analoġija, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

122    Fil-fatt, fis-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 729/70 għall-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet FAEGG fir-rigward ta’ dħul li għandu jinġabar fi ħdan l-Istati Membri, jiġifieri t-taxxa ta’ koresponsabbiltà fis-settur taċ-ċereali, imsemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2727/75, tad-29 ta’ Ottubru 1975, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taċ-ċereali (ĠU L 281, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1579/86, tat-23 ta’ Mejju 1986 (ĠU L 139, p. 29).

123    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq (punt 22), li t-taxxa ta’ koresponsabbiltà fis-settur taċ-ċereali kienet tagħmel parti mill-interventi intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli u kienet assenjata għall-finanzjament tal-infiq tas-settur taċ-ċereali. Barra minn hekk, hija rrilevat li mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 729/70 jirriżulta li l-interventi intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

124    It-tieni nett, fis-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq (punt 23), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li ma jirriżultax la mill-premessi u lanqas mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 729/70 distinzjoni fil-proċedura tal-clearance tal-kontijiet skont jekk din tirrigwardax infiq li għandu jiġi ffinanzjat mill-FAEGG jew dħul li għandu jinġabar minnu. Fil-fatt, hija kkunsidrat li, għall-kuntrarju, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 729/70 juri b’mod ċar li dan tal-aħħar huwa applikabbli għall-operazzjonijiet kollha ffinanzjati mit-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, inklużi l-interventi intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq li minnha tagħmel parti t-taxxa ta’ koresponsabbiltà.

125    F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1788/2003, li jirregola t-taxxa miżjuda imposta fuq il-produtturi tal-ħalib u ta’ prodotti mill-ħalib oħra, jinkludi dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2727/75. Fil-fatt, dan l-artikolu jipprevedi li t-taxxa hija kkunsidrata li tagħmel parti mill-interventi intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli u hija assenjata għall-finanzjament tal-infiq tas-settur tal-ħalib.

126    Sussegwentement, kif jirriżulta mit-tabelli ta’ korrispondenza annessi mar-Regolamenti Nru 1258/1999 u Nru 1290/2005, id-dispożizzjonijiet, minn naħa, tal-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1258/1999 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1290/2005 jikkorrispondu, tal-inqas sostanzjalment, għal dawk tal-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 729/70.

127    Finalment, kif jirriżulta wkoll mill-punti 7 u 13 iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 8(1)(c)(iii) tar-Regolament Nru 1290/2005 jikkorrispondu, tal-inqas sostanzjalment, għal dawk tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 729/70.

128    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 125 sa 127 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li raġunijiet simili għal dawk li jidhru fis-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq (punti 22 u 23), għandhom jiġu pprovduti f’dan il-każ. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1258/1999 u tar-Regolament Nru 1290/2005 marbuta rispettivament mal-clearance tal-kontijiet FAEGG jew tal-kontijiet FAEG japplikaw kemm għall-infiq imwettaq kif ukoll għad-dħul assenjat.

129    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha hawn fuq esposti, u b’mod partikolari tal-konklużjonijiet dedotti fil-punti 109 u 120 iktar ’il fuq, l-ewwel argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma evalwatx l-ammont ta’ eċċess eventwali qabel ma applikat għal dan l-ammont rata ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa

130    Fir-rigward tat-tieni argument, li permezz tiegħu r-Repubblika Taljana tikkritika lill-Kummissjoni, fir-rigward tar-riskji ta’ telf għall-Fond, li jirriżulta minn assenza ta’ perċezzjoni ta’ dħul assenjat, li ma ddeterminatx, mill-ewwel, l-ammont ta’ eċċess eventwali sabiex, imbagħad, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ dan it-telf, tapplika għat-taxxa teoretikament dovuta, fuq il-bażi ta’ dan l-eċċess, ir-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa previsti fid-Dokument VI/5330/97, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

131    L-ewwel nett, huwa b’mod żbaljat li, sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana tallega, minn naħa, li “[l]-anomalija tirriżulta mill-fatt li dawn ir-rati ta’ korrezzjoni huma applikati għall-ammont ta’ taxxa teoretiku li wieħed jikseb billi jissuġġetta għat-taxxa l-kwantità totali ta’ ħalib prodott matul is-snin ikkonċernati” u, min-naħa l-oħra, li huwa b’mod arbitrarju li l-“Kummissjoni […] użat ir-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja biex tistima l-eċċess possibbli fuq il-kwota u t-taxxa konsegwenti, waqt li żiditu mal-eċċess fuq il-kwota ta’ produzzjoni nazzjonali u sseparatu sabiex tassenjah mill-ġdid lir-reġjuni individwali suġġetti għall-kontrolli biex jingħalqu l-kontijiet”.

132    Fil-fatt, kif jirriżulta ċar, minn naħa, mill-informazzjoni li tidher fl-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2010, dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja, li jinvolvu tliet stadji deskritti fil-punt 37 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, mit-termini tar-rapport fil-qosor, imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, b’mod kuntrarju għal dak li r-Repubblika Taljana ssostni, il-Kummissjoni ma applikatx ir-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa, la għall-ammont ta’ taxxa teoretika u lanqas sabiex tiddetermina l-eċċess eventwali u tikkalkola t-taxxa konsegwenti. Dawn ir-rati ġew applikati biss sabiex tiġi kkalkolata, minħabba nuqqas ta’ data affidabbli bħala konsegwenza ta’ irregolaritajiet ta’ kontroll irrilevati, il-kwantità teoretika ta’ ħalib prodott f’kull wieħed mir-reġjuni affettwati mill-irregolaritajiet irrilevati matul is-snin ikkonċernati.

133    It-tieni nett, kif ir-Repubblika Taljana tfakkar, jirriżulta mil-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97 li “korrezzjonijiet fissi jistgħu jiġu applikati għall-ammont tan-nefqa li kkostitwixxiet riskju”. Konsegwentement, ir-rati ta’ korrezzjoni previsti mill-istess dokument japplikaw għall fatt li kkawża direttament ir-riskju tat-telf sostnut mill-Fond.

134    Fir-rigward tal-infiq, peress li l-fatt li kkawża direttament ir-riskju ta’ telf sostnut mill-Fond huwa marbut mal-possibbiltà ta’ sopraevalwazzjoni tal-ammont tiegħu, ir-rata ta’ korrezzjoni prevista mid-Dokument VI/5330/97 hija applikata għal dan tal-aħħar.

135    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dħul assenjat, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq, il-fatt li kkawża direttament ir-riskju ta’ telf sostnut mill-Fond huwa marbut ma’ possibbiltà ta’ dikjarazzjoni baxxa, mix-xerrejja jew mill-produtturi, tal-kwantitajiet ta’ ħalib prodott, sabiex ma jħallsux taxxa miżjuda. Fil-fatt, f’każ bħalma huwa dak inkwistjoni f’dan il-każ, fl-assenza ta’ data affidabbli dwar il-kwantitajiet ta’ ħalib prodott, la l-Istat Membru, bl-oneru li jiġbor it-taxxa miżjuda, u lanqas il-Kummissjoni, bl-oneru li timplementa l-baġit, ma jistgħu jiddeterminaw b’mod oġġettiv din il-kwantità. Konsegwentement, minħabba li ma humiex f’pożizzjoni li jikkontrollaw jekk il-kwota nazzjonali allokata ġietx eċċeduta, huma lanqas ma huma f’pożizzjoni li jevalwaw jekk it-taxxa miżjuda għandhiex tinġabar u, fil-każ affermattiv, li jikkalkolawha. Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li huwa minħabba riskju ta’ dikjarazzjoni baxxa tal-kwantitajiet ta’ ħalib prodott li l-Fond huwa għalhekk espost għal riskju ta’ telf ta’ dħul.

136    F’dan il-każ, minn naħa, skont il-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97, ladarba l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkwantifika l-preġudizzju subit mill-Fond, hija setgħet tapplika rata ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa u, min-naħa l-oħra, kif diġà ġie kkunsidrat fl-ambitu tal-eżami tal-ewwel motiv (ara l-punt 66 iktar ’il fuq), l-irregolaritajiet ikkonstatati f’dan il-każ neċessarjament affettwaw l-affidabbiltà u l-effikaċità tal-kontrolli intiżi speċifikament sabiex jiddeterminaw il-kwantità ta’ ħalib prodott u, għaldaqstant, sabiex jikkontrollaw jekk il-kwota nazzjonali allokata għar-Repubblika Taljana ġietx eċċeduta. Tali irregolaritajiet esponew il-Fond għal riskju ta’ telf reali.

137    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, minn naħa, peress li kien impossibbli għall-Kummissjoni li tiddetermina b’mod oġġettiv il-kwantità ta’ ħalib prodott u, għaldaqstant, li tistabbilixxi b’ċertezza eċċess jew nuqqas ta’ eċċess tal-kwota nazzjonali allokata lir-Repubblika Taljana, huwa biss l-użu ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa li kien jippermetti evalwazzjoni tal-preġudizzju li seta’ ġie sostnut mill-Fond. Min-naħa l-oħra, kienet korretta l-Kummissjoni meta, sabiex tevalwa dan ir-riskju, applikat, qabelxejn, sabiex tikkoreġi r-riskju ta’ dikjarazzjoni baxxa tal-kwantitajiet ta’ ħalib prodott, ir-rati ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa dedotti għall-ammont tal-kwantitajiet ta’ ħalib iddikjarati.

138    Għaldaqstant, it-tieni argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

139    Bħala konklużjoni, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat, minn naħa, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/2006

a)     L-argumenti tal-partijiet

140    Qabelxejn, ir-Repubblika Taljana ssostni, billi tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-konklużjonijiet tal-korp ta’ konċiljazzjoni fir-rapport finali, li jikkonċernaw ir-reġjun ta’ Lazio, li l-motivazzjoni fir-rigward tar-rati ta’ korrezzjonijiet applikati, fil-każ ta’ rikorrenza tal-irregolaritajiet ikkonstatati, hija insuffiċjenti.

141    Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana tqis li l-korrezzjoni applikata mill-Kummissjoni ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/2006. Fil-fatt, ladarba ma ġiet adottata ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ kontrolli prinċipali u ta’ kontrolli sekondarji fil-qasam tal-kwoti tal-ħalib, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-irregolaritajiet irrilevati f’dan il-każ kienu jirrigwardaw kontrolli prinċipali.

142    Finalment, sa fejn is-sena 2003/2004 ma tatx lok għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika r-regola tar-rikorrenza fir-rigward tal-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta mas-snin 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007. Għaldaqstant, ir-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa applikata fir-rigward tas-sena 2004/2005, fir-reġjun ta’ Lazio, kellha tkun ta’ 3 %.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti esposti mir-Repubblika Taljana insostenn tar-raba’ motiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

144    Bl-ewwel ilment, ir-Repubblika Taljana, filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għall-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 7/2010 tagħha, tikkritika lill-Kummissjoni li ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija applikat żieda, fuq il-bażi tad-Dokument AGRI/60637/2006, minħabba rikorrenza tal-irregolaritajiet irrilevati fid-deċiżjoni kkontestata.

145    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha toħroġ b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun possibbli għall-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑26/00, Ġabra p. I‑6527, punt 113, u tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il-Kummissjoni, T‑48/04, Ġabra p. II‑2029, punt 174 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest partikolari tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-clearance tal-kontijiet, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti ladarba l-Istat destinatarju jkun ġie involut mill-qrib fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni u kien jaf bir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li s-somma inkwistjoni ma kellhiex tiġi imposta fuq il-FAEGG (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑263/98, Ġabra p. I‑6063, punt 98, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑332/01, Ġabra p. I‑7699, punt 67; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑55/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 125). Hemm lok li din il-ġurisprudenza tiġi applikata b’analoġija għal deċiżjonijiet li jippronunzjaw korrezzjonijiet finanzjarji fir-rigward ta’ irregolaritajiet ta’ kontrolli marbuta ma’ dħul assenjat.

147    F’dan il-każ, qabelxejn, mir-rapport fil-qosor jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet fih b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom hija qieset li, fir-rigward tar-rikorrenza tal-irregolaritajiet irrilevati fir-rigward tal-kontrolli li saru matul is-snin ikkonċernati b’paragun ma’ dawk irrilevati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/582/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt [il-FAEGG, Taqsima “Garanzija”] u [l-FAEG] (ĠU L 186, p. 39), fir-rigward tas-sena 2002/2003 fl-Italja, kien hemm lok, fuq il-bażi tad-Dokument AGRI/60637/2006, li l-korrezzjoni finanzjarja fissa applikata fid-deċiżjoni kkontestata tiżdied fir-rigward tas-snin finanzjarji 2005, 2006 u 2007. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni fakkret hemm li, wara investigazzjoni li saret fl-Italja fl-2004, bir-referenza LA/2004/01/IT, hija kienet diġà kkonstatat irregolaritajiet, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini, fir-rigward tal-kontrolli li saru mill-awtoritajiet nazzjonali li jikkonċernaw is-sena 2002/2003 fir-reġjuni ta’ Puglia, Trenta, Abruzzo u Lazio. Peress li tali irregolaritajiet ġew irrilevati mill-ġdid f’xi wħud minn dawn ir-reġjuni, waqt l-investigazzjonijiet bir-referenzi LA/2006/08/IT u LA/2008/001/IT, il-Kummissjoni ddeċidiet għalhekk li tapplika, fir-rigward tagħhom, ir-regola tar-rikorrenza.

148    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, matul il-proċedura amministrattiva marbuta ma’ din il-kawża, il-Kummissjoni ġibdet diversi drabi l-attenzjoni tar-Repubblika Taljana fir-rigward tan-natura rikorrenti tal-irregolaritajiet irrilevati, b’mod partikolari fid-dawl tal-konklużjonijiet dedotti wara l-investigazzjonijiet bir-referenzi LA/2004/01/IT u LA/2006/08/IT u, konsegwentement, fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja fissa ikbar, skont id-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/2006. Dan joħroġ, b’mod partikolari, mill-ittra Nru 20272 tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Awwissu 2008, dwar l-investigazzjoni bir-referenza LA/2008/001/IT, mibgħuta lir-Repubblika Taljana, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/06. Dan sar ukoll fit-tieni u fit-tielet paragrafi tal-punt 1.4 tal-minuti tal-laqgħa bilaterali tal-15 ta’ Jannar 2009. Bl-istess mod, fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(2) tal-istess regolament, informat formalment lir-Repubblika Taljana bil-konsegwenzi finanzjarji li hija kienet tipprevedi li jiġu dedotti fir-rigward tal-irregolaritajiet ikkonstatati. Fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 1.2 u fil-punt 2.3 ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni kkonstatat in-natura rikorrenti tal-irregolaritajiet irrilevati u konsegwentement żiedet il-korrezzjoni finanzjarja fissa applikata, skont id-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/2006.

149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li r-Repubblika Taljana kienet involuta mill-qrib fil-proċess ta’ redazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 146 iktar ’il fuq, hija kienet taf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni applikat żieda fuq il-bażi tad-Dokument AGRI/60637/2006. Għaldaqstant, l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

150    Madankollu, mit-tieni u mit-tielet ilmenti esposti insostenn tar-raba’ motiv jirriżulta li r-Repubblika Taljana tikkontesta wkoll il-fondatezza tal-motivi mressqa.

151    Fir-rigward tat-tieni lment, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fl-assenza ta’ definizzjoni tal-kontrolli prinċipali fid-Dokument AGRI/60637/2006, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżid il-korrezzjoni finanzjarja fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-istess dokument.

152    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Dokument VI/5330/97, li, kif ġie kkunsidrat fil-punt 119 iktar ’il fuq, japplika kemm għall-irregolaritajiet li jirrigwardaw infiq imwettaq kif ukoll dħul assenjat, jipprovdi:

“Il-kontrolli prinċipali huma l-verifiki fiżiċi u amministrattivi meħtieġa għall-kontroll tal-elementi sostantivi, b’mod partikolari, l-eżistenza tas-suġġett tat-talba, il-kwantità u l-kundizzjonijiet kwalitattivi, inklużi l-osservanza tat-termini, l-eżiġenzi tal-ġbir, it-termini taż-żamma, eċċ. Dawn isiru fuq il-post u permezz ta’ verifiki ma’ informazzjoni indipendenti, bħalma huma r-reġistri tal-artijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

153    Issa, id-Dokument AGRI/60637/2006 għandu espressament l-għan li jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom, fuq il-bażi tal-clearance tal-kontijiet FAEGG, Taqsima “Garanzija”, ikun hemm lok li tiżdied il-korrezzjoni finanzjarja fissa applikata, fuq il-bażi tad-Dokument VI/5330/97, fil-każ ta’ rikorrenza tal-insuffiċjenza tas-sistemi ta’ kontroll. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li huwa fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ kontrolli prinċipali li jidhru f’dan id-dokument li għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/2006. Konsegwentement, it-tieni lment, espost insostenn tar-raba’ motiv, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

154    Fir-rigward tat-tielet ilment, ir-Repubblika Taljana ssostni li, peress li s-sena 2003/2004 ma tatx lok għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni ma setgħetx, fir-rigward tal-irregolaritajiet irrilevati fis-snin sussegwenti, tapplika r-regola tar-rikorrenza u, għaldaqstant, iżżid il-korrezzjoni finanzjarja applikata għal dawn is-snin tal-aħħar.

155    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Taljana ma tikkontestax il-fatt li l-irregolaritajiet irrilevati mill-Kummissjoni, minn naħa, fid-Deċiżjoni 2008/582, dwar is-sena 2002/2003, u, min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tas-snin 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007, huma simili, jikkonċernaw l-istess settur (jiġifieri dak tal-ħalib), huma imputabbli lill-istess Stat Membru, fir-rigward tal-istess reġjun, jiġifieri dak ta’ Lazio, u huma kkunsidrati determinanti għall-applikazzjoni tar-rata ta’ korrezzjoni li għandha tiżdied.

156    Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, peress li s-sena 2003/2004 ma tatx lok, fid-dawl tar-regola ta’ 24 xahar, prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1258/1999 u riprodotta fl-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 1290/2005, għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika r-regola tar-rikorrenza fir-rigward tal-korrezzjonijiet finanzjarji marbuta mas-snin 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007.

157    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Tali argument ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, skont it-termini tal-paragrafu 2 tad-Dokument AGRI/60637/2006, iċċitati fil-punt 33 iktar ’il fuq, ir-regola tar-rikorrenza tapplika meta l-irregolaritajiet ikkonstatati matul sena jiġu riprodotti matul “perijodu sussegwenti għall-perijodu diġà kkoreġut”. Minn dawn it-termini jirriżulta li l-użu, kemm bil-lingwa Taljana (lingwa tal-proċedura ta’ din il-kawża) kif ukoll bil-lingwa Franċiża, ta’ artikolu indefinit minflok artikolu definit quddiem “perijodu sussegwenti għall-perijodu diġà kkoreġut” jippermetti li dawn jiġu interpretati fis-sens li l-persistenza tal-irregolaritajiet ma għandhiex neċessarjament tiġi kkonstatata matul is-sena immedjatament sussegwenti għal dik li matulha l-ewwel korrezzjoni finanzjarja tkun ġiet applikata. Fir-rigward tal-kumplament, interpretazzjoni daqshekk restrittiva bħalma hija dik proposta mir-Repubblika Taljana tobbliga lill-Kummissjoni twettaq kontrolli annwali sabiex possibbilment issir żieda tal-korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi tad-Dokument AGRI/60637/2006.

158    Bħala konklużjoni, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

159    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-2 ta’ Diċembru 2014.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku ġenerali

A –  Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea

B –  Leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni

C –  Leġiżlazzjoni dwar is-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib

D –  Linji gwida tal-Kummissjoni

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà ta’ allegazzjoni li saret, taħt l-ewwel u t-tielet motivi, dwar l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97 li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 21 u tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 595/2004

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq assenza ta’ bażi legali għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument VI/5330/97 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel argument, ibbażat, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ bażi legali għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa fil-każ ta’ irregolaritajiet ta’ kontrolli li jirrigwardaw dħul assenjat

–  Dwar is-snin 2004/2005 u 2005/2006

–  Dwar is-sena 2006/2007

Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma evalwatx l-ammont ta’ eċċess eventwali qabel ma applikat għal dan l-ammont rata ta’ korrezzjoni finanzjarja fissa

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat, minn naħa, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Dokument AGRI/60637/2006

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.