Language of document : ECLI:EU:T:2015:79

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

6 ta’ Frar 2015

Kawża T‑7/14 P

BQ

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rapport ta’ evalwazzjoni – Fastidju psikoloġiku – Rifjut parzjali tar-rikors għad-danni fl-ewwel istanza – Żnaturament tal-fatti – Obbligu ta’ motivazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Proporzjonalità – Tqassim tal-ispejjeż”

Suġġett:      Appell ippreżentat kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2013, BQ vs Il-Qorti tal-Awdituri (F‑39/12, ĠabraSP, EU:F:2013:158), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. BQ għandha tbati, f’din l-istanza, l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Kundizzjonijiet – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24)

Skont id-dmir ta’ assistenza fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, meta taffaċja ċirkustanza inkompatibbli mal-ordni u mat-trankwilità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi malajr kemm jista’ jkun u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi f’dan il-każ sabiex tistabbilixxi l-fatti u sabiex minnhom tislet, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet involuti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal li qed jitlob għall-protezzjoni mill-istituzzjoni tiegħu jipproduċi provi prima facie li juru li verament kien hemm l-attakki li għalihom huwa jsostni li kien issuġġettat. Fil-preżenza ta’ tali elementi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi tagħmel investigazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tat-talba.

Barra minn hekk, meta l-amministrazzjoni hija ppreżentata b’talba għal assistenza, minn uffiċjal, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija marbuta wkoll, skont id-dmir ta’ protezzjoni impost fuqha minn dan l-artikolu, li tieħu l-miżuri preventivi xierqa, bħall-assenjazzjoni mill-ġdid jew it-trasferiment provviżorju tal-vittma, bil-għan li tipproteġi lil din tal-aħħar kontra r-repetizzjoni tal-imġiba rrapurtata fil-perijodu kollu meħtieġ għall-investigazzjoni amministrattiva.

F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kunfliġġenti bejn uffiċjali ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex jintwera li l-istituzzjoni rilevanti għandha tort. Fil-fatt, huwa biss in-nuqqas ta’ azzjoni mill-imsemmija istituzzjoni, f’sitwazzjoni li tikkawża ħsara, li jista’ jikkostitwixxi tali tort. Bl-istess mod, il-pariri tal-esperti fil-mediċina, anki jekk ibbażati fuq elementi oħra differenti mid-deskrizzjoni mogħtija lilhom mill-uffiċjal rilevanti dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tiegħu, ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu, fihom infushom, l-eżistenza, skont il-liġi, ta’ fastidju jew ta’ nuqqas tal-istituzzjoni fid-dawl tad-dmir tagħha li tipprovdi assistenza.

(ara l-punti 33, 34, 37 u 49)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 1979, V vs Il-Kummissjoni, 18/78, Ġabra, EU:C:1979:154, punt 16, u tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra, EU:C:1989:38, punti 15 u 16

Il-Qorti Ġenerali: Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il-Kummissjoni, T‑136/98, ĠabraSP, EU:T:2000:281, punt 55, u tad-9 ta’ Marzu 2005, L vs Il-Kummissjoni, T‑254/02, ĠabraSP, EU:T:2005:88, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata