Language of document :

Rikors ippreżentat fit- 8 ta' Lulju 2010 - DBV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-297/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: DBV Deutscher Brennstoffvertrieb Würzburg GmbH (Würzburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Rudolph u A. Günther, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2010, tal-10 ta' Mejju 2010, li jimponi dazju provviżorju ta' anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti roti tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 117, p. 64);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta r-Regolament (UE) Nru 404/2010 1 li permezz tiegħu l-Kummissjoni stabbiliet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti roti tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża billi hija ma ġietx informata jew ma nstemgħetx matul il-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u għalhekk ma kellhiex il-possibbiltà li tiddefendi lilha nfisha u li tesprimi l-opinjoni tagħha fuq il-kwistjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka konstatazzjoni żbaljata ta' fatti u abbuż ta' poter. F'dan ir-rigward, hija ssostni li l-fatti ma ġewx ippreżentati u stabbiliti b'mod korrett. Ir-rikorrenti tispjega li, pereżempju, iż-żieda fir-rata tal-kambju tad-dollaru li seħħet fil-frattemp, kif ukoll iż-żieda fil-prezz tal-petrol mhux irraffinat ma ttieħdux inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-abbuż ta' poter invokat, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju ta' proporzjonalità. Fl-opinjoni tagħha, abbuż ta' poter u ksur tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jirriżultaw b'mod partikolari mill-fatt li l-Kummissjoni, matul l-investigazzjonijiet, ma ġabritx informazzjoni adatta sabiex tistabbilixxi d-dazji doganali differenzjati 2.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2010, tal-10 ta' Mejju 2010, li jimponi dazju provviżorju ta' anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti roti tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 117, p. 64)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).