Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Lulju 2010 - Babcock Noell vs L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni

(Kawża T-299/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Babcock Noell GmbH (Würzburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Werner u C. Ebrecht, avukati)

Konvenuta: L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjonijiet tal-konvenuta tal-1 ta' Lulju 2010 fil-proċedura għall-għoti ta' kuntratti F4E-2009-OPE-053 (MS-MG) li jiġu eliminati l-offerti tar-rikorrenti - erba' offerti separati għal-lottijiet A, B, Ċ u D - mill-proċedura;

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-2 ta' Lulju 2010 fil-proċedura għall-għoti ta' kuntratti F4E-2009-OPE-053 (MS-MG) li l-kuntratt jingħata lill-offerent rebbieħ;

tordna lill-konvenuta sabiex tikkanċella s-sejħa għal offerti F4E-2009-OPE-053 (MS-MG) u sabiex toħroġ sejħa ġdida għal offerti għall-provvista ta' pakketti ta' kojls tal-kamp torojdali ITER (ITER Toroidal Field Coils Winding Packs);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi.

L-ewwel nett, hija ssostni li d-deċiżjonijiet li jeliminaw l-offerti tar-rikorrenti mill-proċedura ta' nuqqas ta' konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta huma bi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u fihom żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li l-offerti ma kellhomx emendi sostanzjali ("45 devjazzjonijiet") għall-kuntratt mudell, kif allegat mill-konvenuta, imma fil-fatt kellhom biss lista li fiha kien hemm diversi proposti dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu nnegozjati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta' prattika amministrattiva tajba u trasparenza fit-teħid ta' dawn id-deċiżjonijiet.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bi ksur tal-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali tal-offerenti kollha peress li l-konvenuta, fil-kors tal-proċedura ta' sejħa għal offerti, ma rrimedjatx għall-fatt li l-offerent rebbieħ kellu vantaġġ sinjifikattiv ta' informazzjoni meta fformula l-offerta tiegħu, billi kien wettaq xogħlijiet għall-konvenuta u għal entitajiet oħra qabel il-proċedura. Barra minn hekk, hija ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bi ksur tal-prinċipju ta' trasparenza, peress li l-konvenut ma għamilx disponibbli lill-applikant l-informazzjoni kollha dwar iċ-ċirkustanzi u l-isfond fattwali tad-deċiżjoni tagħha li ma tiżvelax informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ ta' informazzjoni tal-offerent rebbieħ.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bi ksur tal-Artikolu 84(a) tar-Regolament Finanzjarju 1, peress li l-offerent rebbieħ kien suġġett għal kunflitt ta' interess fir-rigward tal-kuntratt li ser jingħata.

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 93 u 100(2)(h) tar-Regoli ta' Implementazzjoni 2, peress li d-deċiżjoni tal-konvenuta għall-għoti tal-kuntratti fil-proċedura ta' sejħa għal offerti F4E-2009-OPE-053 (MS-MG) ittieħdet wara proċedura miftuħa, minflok proċedura kompetittiva ta' djalogu kompetittiv jew proċedura nnegozjata.

Il-ħames nett, hija ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bi ksur tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/18/KE 3 (li japplika għal din il-proċedura ta' sejħa għal offerti permezz ta' analoġija), peress li t-termini u l-kundizzjonijiet użati fil-kuntratt mudell tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti fil-proċedura huma kuntrarji għall-liġi Spanjola applikabbli u jikkwalifikaw bħala li għandhom l-effett li joħolqu ostakli mhux ġustifikati għall-ftuħ tal-għoti ta' kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni.

Is-sitt nett, ir-rikorrenti ssostni li meta għamlet użu minn rekwiżiti vagi u mhux ċari fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-konvenuta kisret il-prinċipju ta' trasparenza u injorat id-dispożizzjoni fl-Artikolu 116(1) tar-Regoli ta' Implementazzjoni.

Fl-aħħar nett, hija tallega li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament ugwali billi applikat kriterji għall-għoti fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti fir-rigward tal-proċedura preżenti li huma vagi u mhux trasparenti u li ma jirreferux għas-suġġett tal-kuntratt, iżda għall-kwalifika u l-għażla tal-offerent.

____________

1 - Deċiżjoni tat-22 ta' Ottubru 2007 tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni li adottat ir-Regolament Finanzjarju

2 - Deċiżjoni tat-22 ta' Ottubru 2007 tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni li adottat ir-Regoli ta' Implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (Regoli ta' Implementazzjoni)

3 - Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta' Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisiti u għal servizzi], ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7. p. 132