Language of document : ECLI:EU:T:2022:279

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

11 ta’ Mejju 2022 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni fdati lill-BĊE – Evalwazzjoni ta’ akkwisti ta’ holdings kwalifikanti – Oppożizzjoni għall-akkwist ta’ holding kwalifikanti – Nuqqas ta’ retroattività – Awtorità ta’ res judicata – Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Dritt għal smigħ – Motiv ġdid – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑913/16,

Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest), stabbilita f’Ruma (l‑Italja),

Silvio Berlusconi, residenti f’Ruma,

irrappreżentati minn R. Vaccarella, A. Di Porto, M. Carpinelli, A. Saccucci, B. Nascimbene, N. Ghedini u A. Baldaccini, avukati,

rikorrenti,

vs

IlBank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta u G. Buono, bħala aġenti, assistiti minn M. Lamandini, avukat,

konvenut,

sostnut minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE ECB/SSM/2016 –7LVZJ6XRIE7VNZ4UBX81/4, tal‑25 ta’ Ottubru 2016, li permezz tagħha l-BĊE rrifjuta li jawtorizza l-akkwist ta’ holding minn Fininvest u minn Silvio Berlusconi fl-istituzzjoni ta’ kreditu Banca Mediolanum SpA,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, E. Buttigieg, F. Schalin, M. J. Costeira (Relatriċi) u A. Kornezov, Imħallfin,

Reġistratur: M. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest) hija kumpannija holding rregolata mid-dritt Taljan miżmuma 61.21 % minn Silvio Berlusconi permezz ta’ holdings f’erba’ kumpanniji rregolati mid-dritt Taljan.

2        Mediolanum kienet kumpannija finanzjarja holding imħallta kkwotata fil-Borża li, sat‑30 ta’ Diċembru 2015, kellha 100 % tal-kapital ta’ Banca Mediolanum SpA.

3        Fininvest kellha 30.1 % tal-kapital azzjonarju ta’ Mediolanum u Fin. Prog. Italia kellha 26.5 % tal-kapital ta’ din il-kumpannija.

4        Wara d-dħul fis-seħħ tad-decreto legislativo no 53 – Attuazione della direttiva 2011/89/UE, che modifica le direttive 98/78/CE, 2002/87/CE, 2006/48/CE e 2009/138/CE, per quanto concerne la vigilanza supplementare sulle imprese finanziarie appartenenti a un conglomerato finanziario (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 53 – Implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/89/UE, li temenda d-Direttivi 98/78/KE, 2002/87/KE, 2006/48/KE u 2009/138/KE, fir-rigward tas-superviżjoni supplimentari tal-entitajiet finanzjarji f’kongomerati finanzjarji), tal‑4 ta’ Marzu 2014 (GURI Nru 76, tal‑1 ta’ April 2014, p. 1790), il-Banca d’Italia (il-Bank tal-Italja) fetaħ proċedura ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti, Fininvest u S. Berlusconi, fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonisti kwalifikanti f’kumpanniji finanzjarji holding imħallta.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014, il-Bank tal-Italja qies li l-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba meħtieġa mid-decreto ministeriale no 144 – regolamento recante norme per l’individuazione dei requisiti di onorabilità dei partecipanti al capitale sociale delle banche e fissazione della soglia rilevante (id-Digriet Ministerjali Nru 144 – Regolament li jistabbilixxi r-regoli għad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ reputazzjoni tajba tad-detenturi ta’ holdings fil-kapital tal-banek u l-iffissar ta’ limiti rilevanti), tat‑18 ta’ Marzu 1998 (GURI Nru 109, tat‑13 ta’ Mejju 1998, p. 101, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 144”), ma kinitx għadha ssodisfatta minn S. Berlusconi minħabba l-kundanna definittiva tiegħu għal piena ta’ priġunerija minħabba reat ta’ frodi fiskali b’konsegwenza tas-sentenza Nru 35729/13 tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), tal‑1 ta’ Awwissu 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014”).

6        Għal din ir-raġuni, il-Bank tal-Italja, minn naħa, ordna s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tar-rikorrenti u t-trasferiment tal-ishma tagħhom li jaqbżu 9.99 % f’Mediolanum u, min-naħa l-oħra, ċaħad l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni mressqa minn dawn tal-aħħar għall-finijiet taż-żamma ta’ holding kwalifikanti.

7        Ir-rikorrenti kkontestaw id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li, permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2015, ċaħdet ir-rikors.

8        Fit‑30 ta’ Diċembru 2015, permezz ta’ tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni bil-maqlub, Mediolanum ġiet assorbita mill-kumpannija sussidjarja tagħha, Banca Mediolanum.

9        Fit‑3 ta’ Marzu 2016, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) laqa’ l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra s-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) u annulla d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014.

10      B’reazzjoni għall-amalgamazzjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq u għas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016 imsemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq, il-Bank tal-Italja u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qiesu li kienet meħtieġa applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġdida dwar dan il-holding kwalifikanti, konformement mal-Artikoli 22 et seq. tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p.1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), kif ukoll mal-Artikoli 19 et seq. tad-decreto legislativo no 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 – Test uniku tal-liġijiet fil-qasam bankarju u ta’ kreditu), tal‑1 ta’ Settembru 1993 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 230, tat‑30 ta’ Settembru 1993, iktar ’il quddiem it-“TUB”), kif emendat bid-decreto legislativo no 72 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 72), tat‑12 ta’ Mejju 2015.

11      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Lulju 2016, il-Bank tal-Italja stieden lil Fininvest tressaq applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti f’terminu ta’ ħmistax-il jum. Peress li ma tressqet ebda applikazzjoni fit-terminu stabbilit, il-Bank tal-Italja ddeċieda, fit‑3 ta’ Awwissu 2016, li jiftaħ ex officio proċedura amministrattiva kontra Fininvest, li fi tmiemha huwa bagħat lill-BĊE, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), proposta ta’ deċiżjoni bid-data tat‑23 ta’ Settembru 2016 li kienet tinkludi opinjoni negattiva fir-rigward tar-reputazzjoni tajba tal-akkwirenti tal-holding inkwistjoni f’Banca Mediolanum u li stiednet lill-BĊE joġġezzjona għall-akkwist.

12      Permezz tad-Deċiżjoni ECB/SSM/2016 – 7LVZJ6XRIE7VNZ4UBX81/4 tiegħu, tal‑25 ta’ Ottubru 2016, il-BĊE oġġezzjona għall-akkwist mir-rikorrenti tal-holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum minħabba li r-rikorrenti ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba u minħabba li kien hemm dubji serji dwar il-kapaċità tagħhom li jiżguraw fil-futur ġestjoni soda u prudenti ta’ din l-istituzzjoni finanzjarja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

13      B’mod partikolari, il-BĊE qies, b’applikazzjoni tal-Artikoli 19 u 25 tat-TUB kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 144, li jittrasponi d-Direttiva 2013/36, li, fid-dawl tal-fatt li S. Berlusconi, azzjonist maġġoritarju u proprjetarju effettiv ta’ Fininvest, kien l-akkwirent indirett tal-holding f’Banca Mediolanum u fid-dawl tal-fatt li huwa kien ġie kkundannat b’mod definittiv għal piena ta’ erba’ snin priġunerija minħabba frodi fiskali, il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni tajba imposta fuq id-detenturi ta’ holdings kwalifikanti, fis-sens tal-Artikolu 23(1)(a) tad-Direttiva 2013/36 kif trasposta, ma kinitx issodisfatta. Il-BĊE bbaża ruħu wkoll fuq il-fatt li S. Berlusconi kien wettaq irregolaritajiet oħra u kien suġġett għal kundanni oħra, l-istess bħal membri oħra tal-korpi ta’ tmexxija ta’ Fininvest.

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti fetħu din il-kawża.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ April 2017, il-Kummissjoni Ewropea talbet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-BCE.

16      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għas-sospensjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 69(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li dwarha l-BĊE ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2017, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lill-Kummissjoni tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE. Fl-istess jum, huwa ddeċieda li ma jissospendix il-proċedura.

18      Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tgħaddi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali konsegwenzi li għandhom jinstiltu mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), fuq din il-kawża. Il-partijiet wieġbu għal din it-talba fit-termini imposti.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ressqu motivi ġodda taħt l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, li dwarhom il-BĊE u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Mejju 2019, il-kawża ineżami ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid, li kien jifforma parti mit-Tieni Awla Estiża.

22      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke fl‑1 ta’ Awwissu 2021, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatriċi ġdida, li tifforma parti mid-Disa’ Awla Estiża, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Awwissu 2021.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Awwissu 2021, inħatru Imħallef assessur ġdid u President tal-Awla sabiex jikkompletaw il-kulleġġ ġudikanti.

24      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

25      Il-BĊE u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

26      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.

27      L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 4(1) TUE, tal-Artikolu 5(2) TUE u tal-Artikolu 13(2) TUE, tal-Artikolu 127(6) TFUE, tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 4(1)(c) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013, tal-Artikoli 86 u 87 tar-Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1), kif ukoll tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36, fuq żball ta’ liġi u fuq użu ħażin ta’ poter, sa fejn il-BĊE applika dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ persuni li diġà kellhom holding kwalifikanti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità, invokata bħala eċċezzjoni, tad-Direttiva 2013/36 fid-dawl tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tad-dritt sekondarju. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016. Ir-raba’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, tal-Artikolu 23(1) u (4) tad-Direttiva 2013/36 u tal-prinċipji ġenerali ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ evalwazzjoni u ta’ motivazzjoni min-naħa tal-BĊE fir-rigward tal-kriterju tal-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. It-tmien motiv huwa bbażat fuq l-illegalità, invokata bħala eċċezzjoni, tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 468/2014, li jipprevedi li l-persuni kkonċernati għandhom terminu ta’ tliet ijiem sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-elementi li abbażi tagħhom tkun ser tittieħed id-deċiżjoni futura tal-BĊE. Id-disa’ motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-illegalità tal-atti preparatorji adottati mill-Bank tal-Italja. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq l-illegalità, invokata bħala eċċezzjoni, tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013, minħabba l-inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur talArtikolu 4(1) TUE, talArtikolu 5(2) TUE u talArtikolu 13(2) TUE, talArtikolu 127(6) TFUE, talħames paragrafu talArtikolu 1, talArtikolu 4(1)(c) u talArtikolu 15 tarRegolament Nru 1024/2013, talArtikoli 86 u 87 tarRegolament Nru 468/2014 kif ukoll talArtikoli 22 u 23 tadDirettiva 2013/36, fuq żball ta’ liġi u fuq użu ħażin ta’ poter

28      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36, sa fejn il-BĊE kklassifika l-amalgamazzjoni b’akkwist ta’ Mediolanum f’Banca Mediolanum bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma jqisu li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss għall-każijiet fejn ikun hemm akkwirent propost u akkwist propost ta’ holding kwalifikanti u mhux għal dawk il-każijiet fejn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati jkunu diġà detenturi ta’ holding kwalifikanti.

29      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, f’dan il-każ, huma kienu diġà, qabel l-amalgamazzjoni inkwistjoni, formalment u materjalment proprjetarji tal-holdings kwalifikanti f’Banca Mediolanum u minn dan jiddeduċu li l-BĊE ma setax jibda l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-kompetenzi mogħtija lill-BĊE mit-Trattati u l-kompiti speċifiċi fdati lilu mir-Regolament Nru 1024/2013 u mir-Regolament Nru 468/2014 ma kinux jippermettulu jwettaq evalwazzjoni ta’ holding kwalifikanti diġà miżmum f’istituzzjoni ta’ kreditu, iżda kienu jippermettulu joġġezzjona, jew le, għal akkwist potenzjali.

30      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprevedi li l-BĊE għandu kompetenza esklużiva sabiex jeżerċita l-kompitu li “jivvaluta n-notifiki ta’ akkwist u d-disponiment ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu, ħlief fil-każ ta’ riżoluzzjoni bankarja, u soġġett għal-Artikolu 15” tal-imsemmi regolament.

32      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li l-BĊE għandu jiddeċiedi jekk joġġezzjonax jew le għall-akkwist abbażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-proċedura iddefinita f’dawn id-dispożizzjonijiet u fit-termini previsti fihom.

33      Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi”.

34      Dan ifisser li, sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE huwa meħtieġ japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 u d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/36, moqrija fid-dawl ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence et vs BĊE, T‑133/16 sa T‑136/16, EU:T:2018:219, punti 47 sa 50).

35      Il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti hija prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013, fl-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Nru 468/2014 u fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-obbligu, għal kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet id-deċiżjoni li takkwista, direttament jew indirettament, holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu, jew li żżid dan il-holding, li tinnotifika, bil-miktub u qabel l-akkwist, lill-awtoritajiet kompetenti għall-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha tkun tixtieq takkwista jew iżżid holding kwalifikanti, l-ammont ippjanat tal-holding tagħha u l-informazzjoni rilevanti speċifikata konformement mal-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva.

36      L-Artikolu 19 tat-TUB, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 72, li ttraspona fid-dritt Taljan il-kontenut tad-Direttiva 2013/36, jagħti lill-Bank tal-Italja l-kompetenza sabiex joħroġ l-awtorizzazzjonijiet ta’ akkwist ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet finanzjarji. L-Artikolu 19(5) tat-TUB jispeċifika barra minn hekk li dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jinħarġu “meta jkunu preżenti kundizzjonijiet xierqa sabiex tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti tal-bank, filwaqt li titqies il-kwalità tal-akkwirent propost u s-solidità finanzjarja tal-akkwist propost skont il-kriterji li ġejjin: ir-reputazzjoni tal-akkwirent propost fis-sens tal-Artikolu 25 ” tat-TUB.

37      L-Artikolu 25 tat-TUB, intitolat “Holding fil-kapital”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-detenturi ta’ holdings imsemmija fl-Artikolu 19 tat-TUB għandu jkollhom reputazzjoni tajba u għandhom jissodisfaw kriterji ta’ kompetenza u ta’ integrità li jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tal-bank.

38      Bħala miżura tranżitorja, l-Artikolu 2(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 72 jipprevedi li kellhom jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ reputazzjoni tajba tad-detenturi ta’ holdings f’istituzzjonijiet finanzjarji li kienu fis-seħħ qabel l-adozzjoni ta’ dan id-digriet.

39      Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ġew inklużi fid-Digriet Ministerjali Nru 144, li l-Artikolu 1 tiegħu jippreċiża l-kundanni li jaffettwaw b’mod negattiv ir-reputazzjoni tajba tal-persuna kkonċernata u li għalhekk iwasslu għan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni meħtieġa.

40      L-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali Nru 144 jipprovdi, bħala miżura tranżitorja, li, “fir-rigward tad-detenturi ta’ holding fil-kapital ta’ bank fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, in-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 [tal-imsemmi] regolament li ma kinux previsti fil-leġiżlazzjoni preċedenti ma għandux effett, fir-rigward tal-elementi li jkunu seħħew qabel din id-data u fir-rigward biss tal-holdings akkwistati preċedentement”.

41      Fir-rigward tal-kumpanniji finanzjarji holding imħallta, l-Artikolu 63 tat-TUB, adottat konformement mal-Artikolu 119 tad-Direttiva 2013/36, issuġġetta l-azzjonisti kwalifikanti tagħhom għall-istess obbligi bħal dawk imposti fuq dawk tal-istituzzjonijiet bankarji.

42      L-analiżi tal-ewwel motiv timplika li għandu jiġi evalwat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-BĊE kkunsidrax b’mod żbaljat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36 kif ukoll tad-dritt Taljan adottat għat-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li huma kienu akkwistaw holding kwalifikanti minħabba l-amalgamazzjoni inkwistjoni u s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, li annullat, b’mod partikolari, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-holding tagħhom u t-trasferiment tal-ishma tagħhom f’Mediolanum li kienu jaqbżu d‑9.99 %.

43      Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, għandha l-ewwel tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “akkwist ta’ holding kwalifikanti” u mbagħad għandha tiġi evalwata l-legalità tal-klassifikazzjoni mill-BĊE tat-tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti, fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36, kif traspost fid-dritt nazzjonali.

 Fuq linterpretazzjoni talkunċett ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti fissens talArtikolu 15 tarRegolament Nru 1024/2013 u talArtikolu 22(1) tadDirettiva 2013/36

44      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik, C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2019, Tarola, C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 36).

45      L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36 ma jinkludu ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tal-kunċett ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti.

46      Huwa minnu li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprevedi li, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti fdati lilu minn dan ir-regolament u sabiex jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni u, meta dan ikun jinkludi direttivi, id-dritt nazzjonali li jittrasponi dawn id-direttivi. Meta d-dritt rilevanti tal-Unjoni jinkludi regolamenti u meta dawn ir-regolamenti jħallu espliċitament lill-Istati Membri ċertu numru ta’ għażliet, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta dawn l-għażliet.

47      Madankollu, għalkemm tinkludi riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali adottat għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem bħala riferiment espliċitu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti, għad-dritt tal-Istati Membri fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq.

48      Fil-fatt, li kieku l-applikabbiltà tal-evalwazzjoni tal-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti kienet tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fid-drittijiet nazzjonali, kienet titqiegħed f’dubju n-natura obbligatorja ta’ din l-evalwazzjoni.

49      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36, dan il-kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jingħata interpretazzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 33).

50      Fit-tieni lok, fl-assenza ta’ kull definizzjoni ta’ dan il-kunċett fid-dritt tal-Unjoni, id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett għandha, skont ġurisprudenza stabbilita, tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest ġenerali li fih jintuża u konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum. Barra minn hekk, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u l-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, BLV Wohn- und Gewerbebau, C‑395/11, EU:C:2012:799, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sens kurrenti, il-kunċett ta’ akkwist ta’ titoli jew ta’ holdings ma huwiex limitat għat-tranżazzjonijiet immedjati, iżda jista’ jkopri wkoll tipi differenti ta’ tranżazzjonijiet bħalma huma tranżazzjonijiet għal żmien futur jew għal opzjonijiet jew tranżazzjonijiet ta’ skambju ta’ azzjonijiet ma’ assi oħra.

52      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ akkwisti ta’ holding kwalifikanti u tal-għanijiet imfittxija minnha, għandu jitfakkar li, kif huwa ppreċiżat fil-premessa 22 tar-Regolament Nru 1024/2013, evalwazzjoni minn qabel tal-kwalità ta’ kull persuna li jkollha l-intenzjoni tieħu holding f’istituzzjoni ta’ kreditu hija indispensabbli sabiex tiġi ggarantita l-kwalità u s-solidità finanzjarja tal-proprjetarji ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

53      Barra minn hekk, mill-premessa 23 tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li l-osservanza, mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, tar-regoli tal-Unjoni li jobbligawhom iżommu ċertu ammont ta’ fondi proprji sabiex jilqgħu għar-riskji inerenti fl-attività tagħhom, li jobbligawhom jillimitaw il-portata tal-espożizzjoni tagħhom, li jobbligawhom jippubblikaw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, li jobbligawhom ikollhom biżżejjed assi likwidi sabiex jifilħu għal sitwazzjonijiet ta’ stress fis-suq u li jobbligawhom jillimitaw l-ingranaġġ tagħhom hija kundizzjoni indispensabbli għas-solidità prudenzjali tagħhom. Issa, l-osservanza ta’ dawn ir-regoli tiddependi wkoll strettament mill-kwalità tal-proprjetarji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u minn kull persuna li jkollha l-intenzjoni li tieħu holding importanti f’tali istituzzjoni.

54      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 jippreċiża li l-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu huwa li tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni kkonċernata mill-akkwist propost kif ukoll li jiġu ggarantiti n-natura xierqa tal-akkwirent propost u s-solidità finanzjarja tal-akkwist propost, fid-dawl tal-influwenza probabbli tiegħu fuq din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

55      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, fid-dawl tal-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ akkwisti ta’ holdings kwalifikanti u tal-għanijiet imfittxija minnha, dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv b’tali mod li japplika biss għall-każijiet ta’ akkwisti li jirriżultaw mix-xiri ta’ azzjonijiet fis-suq u b’tali mod li jiġu esklużi tipi oħra ta’ tranżazzjonijiet li jippermettu li persuni jakkwistaw holding kwalifikanti bħalma huwa skambju ta’ azzjonijiet.

56      Fil-fatt, tali interpretazzjoni restrittiva jkollha l-effett li tippermetti l-evażjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni billi ċerti modi ta’ akkwist ta’ holdings kwalifikanti jiġu esklużi mill-kontroll tal-BĊE u, għaldaqstant, li ddaħħal inkwistjoni dawn l-għanijiet.

57      Barra minn hekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu tapplika għall-akkwisti kemm diretti kif ukoll indiretti. B’hekk, meta, fl-okkażjoni ta’ tranżazzjoni partikolari, holding kwalifikanti indirett isir dirett jew meta jinbidel il-livell ta’ kontroll indirett ta’ dan il-holding kwalifikanti, b’mod partikolari meta holding miżmum indirettament permezz ta’ żewġ kumpanniji jsir holding miżmum indirettament permezz ta’ kumpannija waħda, iż-żamma stess ta’ holding kwalifikanti tinbidel fl-istruttura legali tagħha, b’tali mod li tali tranżazzjoni għandha titqies bħala l-akkwist ta’ holding kwalifikanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Kwalunkwe soluzzjoni oħra tista’ ddaħħal inkwistjoni l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, imfakkra fil-punti 52 sa 56 iktar ’il fuq.

58      Fit-tielet lok, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll tal-Artikolu 22(1) u tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, tal-kuntest tagħhom u tal-għanijiet tagħhom, l-applikabbiltà tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-akkwist ta’ holding kwalifikanti għal tranżazzjoni partikolari ma tistax tkun tiddependi minn bidla fl-influwenza probabbli li tista’ tiġi eżerċitata mill-akkwirenti ta’ holding kwalifikanti fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata minn din it-tranżazzjoni.

59      Fil-fatt, mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Kriterji ta’ valutazzjoni”, jirriżulta li l-influwenza probabbli ta’ akkwirent propost fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni hija fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet biss tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa ta’ dan il-kandidat u tas-solidità finanzjarja tal-akkwist propost. Għall-kuntrarju, dan il-fattur ma jinsabx fl-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, li jirregola n-notifika ta’ akkwisti ta’ holding kwalifikanti. B’hekk, l-imsemmi fattur ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti.

60      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu, essenzjalment, ir-rikorrenti, l-applikabbiltà tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-akkwist ta’ holding kwalifikanti ma hijiex suġġetta għal bidla fl-influwenza probabbli li tista’ tiġi eżerċitata mill-akkwirent propost fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu.

61      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 għandhom jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li jikkonċernaw biss l-akkwisti potenzjali ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu. Fil-fehma tagħhom, il-kompiti speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 127(6) TFUE ttrasferiti mir-Regolament Nru 1024/2013 lill-BĊE għandhom jinkludu biss il-kompitu li joġġezzjona jew le għall-akkwisti potenzjali. Barra minn hekk, l-għoti lill-BĊE tas-setgħa li jevalwa n-notifiki ta’ akkwisti ta’ holdings kwalifikanti anki fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ daqs iżgħar bħalma hija Banca Mediolanum jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-kriterju ġenerali tad-daqs tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li fuqu huwa bbażat it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-BĊE u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali.

62      Madankollu, l-għanijiet tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti jimplikaw li d-dispożizzjonijiet li jipprevedu din il-proċedura ma għandhomx jiġu interpretati b’mod strett.

63      Huwa minnu li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36 jipprevedu kontroll ex ante tal-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li hija r-raġuni għaliex il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tirreferi għal akkwist “propost” jew “maħsub” u għal “akkwirent propost”. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li ma japplikawx għal tranżazzjonijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti minħabba s-sempliċi fatt li tali tranżazzjoni diġà ġiet implimentata, mingħajr ma l-akkwirenti kienu informaw lill-awtoritajiet kompetenti u mingħajr ma stennew l-awtorizzazzjoni tagħhom. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tneħħi kull effett utli tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u tikkomprometti l-għan imfittex minnhom.

64      Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(1)(c), mill-Artikolu 6(4) u mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta lill-BĊE l-kompetenza esklużiva li jevalwa l-akkwist ta’ holdings kwalifikanti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha. Din il-kompetenza ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala eċċezzjoni għall-kriterju ġenerali tad-daqs tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

65      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 magħmula mill-BĊE tmur kontra l-Artikolu 127(6) TFUE, li jeskludi l-possibbiltà li din l-istituzzjoni tingħata kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni.

66      Madankollu, l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfatti jekk is-sempliċi fatt li istituzzjoni ta’ kreditu teżerċita wkoll attivitajiet ta’ assigurazzjoni jkollu l-effett li jeskludiha mill-kontroll tal-BĊE.

67      B’hekk, il-proċedura ta’ evalwazzjoni inkwistjoni tapplika għall-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu, indipendentement mill-fatt li din l-istituzzjoni teżerċita wkoll attivitajiet ta’ assigurazzjoni u l-BĊE ma wettaqx żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

 Fuq ilklassifikazzjoni talamalgamazzjoni permezz ta’ akkwist ta’ Mediolanum minn Banca Mediolanum bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti fissens talArtikolu 15 tarRegolament Nru 1024/2013 u talArtikolu 22(1) tadDirettiva 2013/36 kif ukoll taddritt Taljan li jirriżulta mittraspożizzjoni ta’ din iddispożizzjoni

68      Għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-BĊE żbaljax meta qies li, wara l-amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist ta’ Mediolanum f’Banca Mediolanum u s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti kienu akkwistaw holding kwalifikanti fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36 kif ukoll tad-dritt Taljan li jirriżulta mit-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

69      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist ta’ Mediolanum f’Banca Mediolanum ikkonsistiet fi skambju ta’ azzjonijiet li permezz tiegħu Fininvest akkwistat legalment azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum f’sitwazzjoni fejn hija ma kinitx iżżomm tali azzjonijiet qabel l-amalgamazzjoni.

70      Fil-fatt, qabel l-amalgamazzjoni u d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 li permezz tagħha l-Bank tal-Italja ssospenda d-drittijiet tal-vot tar-rikorrenti u ordnalhom jittrasferixxu l-ishma tagħhom f’Mediolanum li kienu jaqbżu 9.99 %, Fininvest u S. Berlusconi permezz ta’ din tal-aħħar kellhom 30.16 % tal-ishma ta’ Mediolanum, li min-naħa tagħha kienet iżżomm 100 % tal-ishma ta’ Banca Mediolanum.

71      Sa fejn il-proporzjon ta’ drittijiet tal-vot li jistgħu jiġu eżerċitati indirettament, permezz ta’ Mediolanum, minn Fininvest kien ogħla mil-limitu ta’ 20 % previst fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36, Fininvest u, konsegwentement, S. Berlusconi kienu jżommu b’mod indirett holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum, kif huma stess isostnu.

72      Wara d-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 li permezz tagħha l-Bank tal-Italja ssospenda d-drittijiet tal-vot tar-rikorrenti, irrifjuta li joħroġ awtorizzazzjoni li tippermettilhom iżommu holding kwalifikanti f’Mediolanum u ordnalhom jittrasferixxu l-ishma tagħhom f’Mediolanum li kienu jaqbżu 9.99 %, il-holding indirett tar-rikorrenti ma kienx baqa’ holding kwalifikanti.

73      Wara l-amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist ta’ Mediolanum minn Banca Mediolanum, li seħħet fit‑30 ta’ Diċembru 2015, Fininvest saret proprjetarja diretta ta’ 9.99 % tal-azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum.

74      Fininvest, li hija l-akkwirent ċentrali fit-tranżazzjoni inkwistjoni u li tagħha S. Berlusconi huwa l-azzjonist maġġoritarju indirett, ma kellha l-ebda azzjoni ta’ Banca Mediolanum qabel l-amalgamazzjoni inversa, u sussegwentement saret, wara din it-tranżazzjoni, proprjetarja ta’ azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum.

75      B’hekk, minn naħa, il-holding indirett ta’ Fininvest f’Banca Mediolanum sar holding dirett.

76      Min-naħa l-oħra, wara l-annullament tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2014 permezz tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, Fininvest saret detentura diretta ta’ 30.16 % tal-azzjonijiet ta’ Banca Mediolanum.

77      Għaldaqstant, kif ikkunsidra l-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata, il-holding indirett ta’ Fininvest f’Banca Mediolanum sar, wara l-amalgamazzjoni inkwistjoni u s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, holding kwalifikanti dirett.

78      Sa fejn l-entità kkontrollata minn S. Berlusconi akkwistat holding kwalifikanti dirett f’Banca Mediolanum, l-istruttura legali tal-holding kwalifikanti indirett ta’ S. Berlusconi f’Banca Mediolanum għandha wkoll titqies li nbidlet.

79      Fil-fatt, filwaqt li S. Berlusconi kien iżomm holding indirett f’Banca Mediolanum, permezz, l-ewwel, ta’ Fininvest u, mbagħad, ta’ Mediolanum, huwa issa jżomm holding indirett f’Banca Mediolanum permezz ta’ Fininvest biss.

80      Minn dan jirriżulta li l-amalgamazzjoni inkwistjoni kellha l-effett, wara s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, li tbiddel l-istruttura legali tal-holding kwalifikanti tar-rikorrenti f’Banca Mediolanum u li, għaldaqstant, il-BĊE seta’, ġustament, jikklassifika din it-tranżazzjoni bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36, u dan anki jekk l-ammont tal-holding kwalifikanti tar-rikorrenti ma kienx inbidel meta mqabbel ma’ dak miżmum minnhom qabel permezz ta’ Mediolanum.

81      F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrenti diġà kellhom holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum, fatt li huwa kkonfermat mill-eżistenza ta’ ftehim mal-azzjonisti konkluż bejn Fininvest u Fin. Prog. Italia, li kien jippermettilhom jikkontrollaw flimkien Mediolanum u Banca Mediolanum qabel l-amalgamazzjoni inkwistjoni, u l-iffirmar ta’ ftehim ġdid, konkluż fl‑14 ta’ Settembru 2016 wara l-amalgamazzjoni inkwistjoni, li jistabbilixxi mill-ġdid il-kontroll konġunt ta’ Fininvest u ta’ Fin. Prog. Italia fuq Banca Mediolanum, ma humiex ta’ natura li juru li d-deċiżjoni kkontestata qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti kienu akkwistaw holding kwalifikanti, sa fejn dawn il-ftehimiet ma jdaħħlux inkwistjoni l-fatt li l-istruttura legali tal-holding kwalifikanti tar-rikorrenti nbidlet.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li l-BĊE wettaq kontroll iktar minn sena wara l-amalgamazzjoni bi ksur tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36, li jippermettu biss evalwazzjoni prospettiva, għandu wkoll jiġi miċħud.

83      Minn naħa, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ kontroll inbdiet ftit xhur biss wara s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, li kellha l-effett li tibdel il-holding tar-rikorrenti f’Banca Mediolanum f’holding kwalifikanti.

84      Min-naħa l-oħra, u b’mod iktar fundamentali, peress li l-bidla fl-istruttura legali tal-holding kwalifikanti tar-rikorrenti li tirriżulta mill-amalgamazzjoni u mis-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016 għandha tiġi kklassifikata bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu suġġett għall-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36, it-twettiq ta’ din it-tranżazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ma jistax ikollu l-effett li jeżenta lir-rikorrenti minnha.

85      Li kieku dan ma kienx il-każ, ir-riżultat kien ikun li l-BĊE jiġi prekluż milli jintervjeni għas-sempliċi raġuni li t-tranżazzjoni ta’ akkwist diġà seħħet, li jmur kontra l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u n-natura obbligatorja tal-evalwazzjoni tal-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu (ara l-punt 63 iktar ’il fuq).

86      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza nazzjonali, it-tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni ma wasslitx għall-estinzjoni ta’ entità, u lanqas għall-ħolqien ta’ oħra. Minn dan huma jiddeduċu li t-tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni ma wasslitx għall-akkwist, minnhom stess, ta’ holding ġdid f’Banca Mediolanum.

87      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 48 u 49 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu huwa kunċett awtonomu li ma jistax jiddependi mill-klassifikazzjonijiet magħmula fid-dritt Taljan dwar il-kumpanniji. Għalhekk, għalkemm il-fatt li wassal għall-kontroll mill-BĊE kien l-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ akkwist imwettqa skont id-dritt Taljan, l-effetti ta’ tali tranżazzjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biss. Għaldaqstant, il-partijiet ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-applikazzjoni tad-dritt Taljan f’dan ir-rigward twassal sabiex l-amalgamazzjoni inkwistjoni tiġi eskluża mill-proċedura prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36.

88      Barra minn hekk, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk it-tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni wasslitx jew le għall-estinzjoni ta’ entità u għall-ħolqien ta’ entità oħra skont id-dritt Taljan, din it-tranżazzjoni wasslet, fi kwalunkwe każ, għal bidla fl-istruttura legali tal-holding tar-rikorrenti.

89      Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-dritt Taljan jew fuq l-obbligu li d-dritt Taljan jiġi interpretat konformement mad-direttivi dwar id-dritt tal-kumpanniji huma ineffettivi.

90      Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq ksur tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36, tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 4(1)(c) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013, tal-Artikoli 86 u 87 tar-Regolament Nru 468/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1), mal-Artikolu 5(2) u mal-Artikolu 13(2) TUE, u tal-Artikolu 127(6) TFUE, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq lużu ħażin ta’ poter

91      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-allegat użu ħażin ta’ poter, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ġie adottat bil-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk invokati jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista fit-Trattat sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkustanzi ineżami (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑342/03, EU:C:2005:151, punt 64).

92      Madankollu, ir-rikorrenti sempliċement isemmu użu ħażin ta’ poter fit-titolu tal-ewwel motiv tagħhom mingħajr ma jispjegaw iktar kif id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi tali użu ħażin u mingħajr ma jinvokaw ebda indizju oġġettiv ta’ tali użu ħażin fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 91 iktar ’il fuq.

93      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma humiex f’pożizzjoni li jistabbilixxu li l-BĊE wettaq użu ħażin ta’ poter.

94      Għaldaqstant, l-ewwel motiv ma huwiex fondat.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq lillegalità, fissens talArtikolu 277 TFUE, tadDirettiva 2013/36

95      Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-każ li l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 jiġu interpretati fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jinkludi holdings fil-kapital azzjonarju akkwistati iktar minn għoxrin sena ilu, l-imsemmija direttiva tkun illegali, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun kiser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tad-dritt sekondarju.

96      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

97      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36, taħt it-titolu “Notifika u valutazzjoni ta’ akkwiżizzjonijiet proposti”, jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jeżiġu li kull persuna li tkun ħadet id-deċiżjoni li takkwista, direttament jew indirettament, holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu tinnotifika din id-deċiżjoni, bil-miktub u qabel l-akkwist, lill-awtoritajiet kompetenti u li dan l-akkwist jista’ jiġi awtorizzat biss jekk din il-persuna tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva.

98      Huwa għalhekk ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 ma jinkludix l-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tagħha u, għaldaqstant, diġà miżmuma, iżda jinkludi biss id-deċiżjonijiet ta’ akkwisti ta’ holdings kwalifikanti ppjanati wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

99      Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kisirx il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tad-dritt sekondarju.

100    Sa fejn dan il-motiv huwa intiż li jikkontesta l-applikazzjoni tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 għal sitwazzjonijiet bħal dik f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jitfakkar li bidla fl-istruttura legali ta’ holding kwalifikanti minħabba amalgamazzjoni permezz ta’ skambju ta’ azzjonijiet u minħabba deċiżjoni ġudizzjarja bħalma hija, f’dan il-każ, is-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, li permezz tagħha ġie annullat it-trasferiment tal-ishma li jaqbżu 9.99 %, għandha tiġi kklassifikata bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

101    Għaldaqstant, it-tieni motiv ma huwiex fondat.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur talprinċipji ta’ ċertezza legali u talawtorità ta’ res judicata

102    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-BĊE kiser il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016 u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

103    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

104    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 15(3) ta’ dan l-istess regolament u mal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 468/2014, il-BĊE għandu kompetenza esklużiva, suġġett għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, sabiex jiddeċiedi jekk jawtorizzax jew le l-akkwist propost fi tmiem il-proċedura prevista, b’mod partikolari, fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fl-Artikoli 85 u 86 tar-Regolament Nru 468/2014.

105    B’hekk, id-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata ma tistax tiġi invokata sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 62 u 63).

106    Għaldaqstant, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata adottata mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tiegħu ma tistax tiġi kkontestata billi tiġi invokata s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016.

107    Minn dan isegwi li l-argumenti bbażati fuq ksur tal-awtorità ta’ res judicata ta’ din is-sentenza u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li huwa l-korollarju tagħha għandhom jiġu miċħuda.

108    Għaldaqstant, it-tielet motiv ma huwiex fondat.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 4(3) tarRegolament Nru 1024/2013, talArtikolu 23(1) u (4) tadDirettiva 2013/36 u talprinċipji ġenerali ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà

109    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 23(1) u (4) tad-Direttiva 2013/36, sa fejn, l-ewwel, l-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva ma ġiex traspost fid-dritt Taljan, it-tieni, il-lista msemmija fl-Artikolu 23(4) tal-imsemmija direttiva ma ġietx ippubblikata fl-Italja, kif teżiġi din id-dispożizzjoni, u, it-tielet, il-Linji Gwida Konġunti dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti u żidiet ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-settur finanzjarju, adottati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Konġunti tal‑2008”), applikati fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront tagħhom.

110    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

 Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq lassenza ta’ traspożizzjoni talArtikolu 23(1) tadDirettiva 2013/36 fiddritt Taljan

111    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 ma ġiex traspost fid-dritt Taljan u minn dan huma jiddeduċu li l-BĊE ma setax japplika l-kriterji stabbiliti f’dan l-artikolu billi jibbaża ruħu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija kriterji kif iddefiniti fid-dritt Taljan, fuq id-Digriet Ministerjali Nru 144 u fuq id-Digriet Ministerjali Nru 675, tas‑27 ta’ Lulju 2011, adottat mill-Ministru għall-Ekonomija fil-kwalità tiegħu bħala President tal-Comitato Interministeriale per il Credito ed il Risparmio (il-Kumitat Interministerjali għall-Kreditu u għat-Tfaddil, l-Italja), li jippreċedu din id-direttiva.

112    Ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE b’hekk wettaq żball ta’ liġi meta applika d-dispożizzjonijiet tad-Digrieti Ministerjali Nru 144 u Nru 675, imsemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq, li ma jittrasponux id-Direttiva 2013/36.

113    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu minn dan ir-regolament u sabiex jiżgura standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni u, meta dan jinkludi direttivi, id-dritt nazzjonali li jittrasponi dawn id-direttivi.

114    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE applika, fid-deċiżjoni kkontestata, diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, fosthom b’mod partikolari l-Artikoli 19 u 25 tat-TUB flimkien mad-Digriet Ministerjali Nru 144.

115    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2013/36 ġiet trasposta fid-dritt Taljan bl-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 72, li jemenda t-TUB.

116    It-TUB jipprevedi, fl-Artikolu 19 tiegħu, li l-Bank tal-Italja għandu joħroġ l-awtorizzazzjoni għall-akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ natura li jiżguraw ġestjoni soda u prudenti tal-bank, wara evalwazzjoni tal-kwalitajiet tal-akkwirent propost u tas-solidità finanzjarja tal-akkwist propost, skont, b’mod partikolari, il-kriterju marbut mar-reputazzjoni tal-akkwirent propost.

117    Fir-rigward tal-kriterju marbut mar-reputazzjoni, l-Artikolu 25 tat-TUB jipprevedi li l-kundizzjonijiet ta’ reputazzjoni tajba u l-kriterji ta’ kompetenza għandhom jiġu ddefiniti permezz ta’ digriet adottat mill-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi.

118    Fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-digriet tal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ reputazzjoni tajba u l-kriterji ta’ kompetenza, previst fl-Artikolu 25 tat-TUB, ma kienx għadu ġie adottat.

119    Madankollu, l-Artikolu 2(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 72 kien jipprevedi li, sad-dħul fis-seħħ tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni adottati skont l-Artikolu 25 tat-TUB, l-imsemmi artikolu fil-verżjoni preċedenti tiegħu kif ukoll il-modalitajiet ta’ applikazzjoni marbuta ma’ dan l-artikolu, fil-verżjoni preċedenti tagħhom, kellhom jibqgħu applikabbli.

120    Dawn il-modalitajiet ta’ applikazzjoni marbuta mal-Artikolu 25 tat-TUB kienu ġew iddefiniti fid-dispożizzjonijiet tad-Digriet Ministerjali Nru 144, adottati skont l-Artikolu 25 tat-TUB fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl‑1 ta’ Jannar 2004.

121    Id-Digriet Ministerjali Nru 144 kien jipprevedi b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 tiegħu, li ebda detentur ta’ holding fil-kapital ta’ bank f’livell ta’ iktar minn 5 % tal-kapital tiegħu rrappreżentat minn azzjonijiet bi dritt tal-vot ma seta’ jeżerċita d-drittijiet tal-vot marbuta mal-azzjonijiet jew mal-ishma li jaqbżu dan il-livell, b’mod partikolari meta jkun ġie kkundannat b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, bla ħsara għall-effetti ta’ riabilitazzjoni, għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sena għal reat jew abbuż ta’ fiduċja mwettqa kontra l-amministrazzjoni pubblika, għal reat kontra l-proprjetà, għal ksur tal-ordni pubbliku, jew għal ksur ekonomiku jew fiskali.

122    Għaldaqstant, għall-finijiet tat-traspożizzjoni fid-dritt Taljan tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 72 ippreveda li l-kundizzjonijiet ta’ reputazzjoni tajba li għandhom jiġu evalwati skont dan l-Artikolu 23 kienu dawk iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 144 sal-adozzjoni tad-digriet previst fil-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 25 tat-TUB.

123    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-Digriet Ministerjali Nru 144 sempliċement ifassal lista eżawrjenti ta’ kundanni li jippermettu li jiġi pprojbit l-eżerċizzju ta’ drittijiet tal-vot u mhux l-akkwist ta’ holdings kwalifikanti u, għaldaqstant, li dan id-digriet ministerjali ma jistax jitqies li huwa att ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

124    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 72, il-lista tal-kundanni previsti fl-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 144 tiddefinixxi wkoll il-kriterji li jippermettu l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba ta’ kandidat għal akkwist ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu.

125    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 ġew trasposti fid-dritt Taljan.

126    Għaldaqstant, il-BĊE ma wettaqx żball ta’ liġi, fl-applikazzjoni tiegħu tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, kif trasposti mill-Artikoli 19 u 25 tat-TUB, meta bbaża ruħu fuq id-Digriet Ministerjali Nru 144.

127    Fir-raba’ lok, fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li r-rabta kawżali awtomatika prevista fid-Digriet Ministerjali Nru 144 bejn kundanna u projbizzjoni ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu hija inkompatibbli mal-għan u mal-finalità tad-Direttiva 2013/36 u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

128    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

129    Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imqajjem preċedentement, espliċitament jew impliċitament, fir-rikors u li jkollu rabta stretta ma’ dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

130    Sabiex ikun jista’ jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment imqajjem preċedentement, argument ġdid għandu jkollu rabta suffiċjentement stretta mal-motivi jew mal-ilmenti inizjalment imqajma fir-rikors (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 111; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2009, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑564/08 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:703, punti 20 sa 34).

131    Issa, fir-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment sostnew li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 ma kienx ġie traspost fid-dritt Taljan.

132    B’hekk, l-argument imqajjem fir-replika, fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/36 fid-dritt Taljan huma inkompatibbli mal-għan u mal-finalità ta’ din id-direttiva u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu rabta suffiċjentement stretta mal-argumenti tar-rikors, peress li huwa intiż ukoll li jikkritika t-traspożizzjoni fid-dritt Taljan tal-imsemmija direttiva. Dan l-argument huwa, għalhekk, ammissibbli.

133    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rabta kawżali awtomatika bejn il-kundanna għal reat ta’ ċerta gravità, bħalma hija l-kundanna permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sena għal ċerti delitti ddefiniti sew, u t-telf tar-reputazzjoni tajba meħtieġa mill-azzjonisti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu hija ta’ natura li tippermetti li jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2013/36 li jiġi żgurat li d-detenturi ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu jkollhom reputazzjoni suffiċjentement tajba.

134    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li detenturi ta’ holdings kwalifikanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu li ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sena minħabba reati jew abbużi ta’ fiduċja mwettqa kontra l-amministrazzjoni pubblika, minħabba reati kontra l-proprjetà, minħabba ksur tal-ordni pubbliku u minħabba ksur ekonomiku jew fiskali jistgħu jipperikolaw il-ġestjoni soda u prudenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, għaldaqstant, jistgħu jaffettwaw il-funzjonament regolari tas-sistema bankarja.

135    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-dritt Taljan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kundanni mogħtija f’deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi u li huma biss ċerti reati ddefiniti sew u ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni r-reputazzjoni tajba ta’ persuna li jitqiesu li huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba tal-akkwirent propost.

136    Għalhekk, fid-dawl tal-gravità ta’ tali kundanni u tad-definizzjoni preċiża tagħhom fid-dritt Taljan, u għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-rabta kawżali awtomatika bejn il-kundanna għal reat ta’ ċerta gravità, bħalma huma r-reati previsti fid-dritt Taljan, u t-telf tar-reputazzjoni tajba meħtieġa mill-azzjonisti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma hijiex ta’ natura li ddaħħal inkwistjoni l-għan u l-finalità tad-Direttiva 2013/36 u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni.

137    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

138    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar il-kundanna ta’ S. Berlusconi hija żbaljata fid-dawl tad-dritt nazzjonali, minħabba l-fatt li huwa kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ekwivalenti għal riabilitazzjoni.

139    Issa, fir-rikors, ir-rikorrenti ma invokaw ebda motiv jew argument ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-BĊE dwar il-kundanna ta’ S. Berlusconi u, b’mod partikolari, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 2412/2015 tat-Tribunale di sorveglianza di Milano (il-Qorti ta’ Superviżjoni ta’ Milano, l-Italja), bid-data tad‑9 ta’ April 2015 u nnotifikata fl‑14 ta’ April 2015, jew tal-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) li tassimila din it-tip ta’ deċiżjoni ma’ riabilitazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 144.

140    B’hekk, l-argument ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-BĊE dwar il-kundanna ta’ S. Berlusconi ma huwiex estensjoni ta’ argument imqajjem preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta miegħu.

141    Barra minn hekk, peress li seħħew qabel id-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni tat-Tribunale di sorveglianza di Milano (il-Qorti ta’ Superviżjoni ta’ Milano) imsemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li huma punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

142    B’hekk, dan l-argument huwa inammissibbli.

143    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lassenza ta’ pubblikazzjoni, millIstat Membru kkonċernat, tallista prevista flArtikolu 23(4) tadDirettiva 2013/36

144    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-pubblikazzjoni tal-lista tal-informazzjoni meħtieġa sabiex titwettaq l-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2013/36 ma kinitx twettqet fl-Italja fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, peress li din il-lista “tirrappreżenta protezzjoni indispensabbli taċ-ċertezza legali u tal-legalità”, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 23(1) u (4) tad-Direttiva 2013/36.

145    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw, sabiex jiżguraw ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata mill-akkwist propost, in-natura xierqa tal-akkwirent propost u s-solidità finanzjarja tal-akkwist propost.

146    Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu l-imsemmija evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw lista, prevista fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2013/36, li tispeċifika l-informazzjoni li hija meħtieġa sabiex issir l-evalwazzjoni u li għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti fil-mument tan-notifika. B’hekk jirriżulta li din il-lista, filwaqt li għandha l-funzjoni li tippreċiża l-informazzjoni meħtieġa li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata għandha tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex tippermettilhom iwettqu l-imsemmija evalwazzjoni, ma hijiex intiża li tiddefinixxi l-kriterji materjali ta’ evalwazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-reputazzjoni tajba tal-akkwirenti proposti.

147    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba ġew iddefiniti u ppubblikati minn qabel fid-dritt Taljan permezz tad-Digriet Ministerjali Nru 144 li għalih jirreferi l-Artikolu 25 tat-TUB, moqri flimkien mal-Artikolu 2(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 72, b’tali mod li r-rikorrenti kienu mistennija li jkunu jafu l-imsemmija kriterji u, għaldaqstant, kienu f’pożizzjoni li jsostnu l-pożizzjoni tagħhom u li jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jilmentaw minn ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà.

148    Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellhom l-opportunità jippreżentaw l-informazzjoni li huma kienu jqisu li kienet rilevanti, b’tali mod li l-assenza ta’ pubblikazzjoni tal-lista tal-informazzjoni meħtieġa sabiex titwettaq l-evalwazzjoni ma waqqfithomx milli jissottomettu l-informazzjoni li huma xtaqu.

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ pubblikazzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-lista tal-informazzjoni meħtieġa sabiex titwettaq l-evalwazzjoni ma jistax ikollha effett fuq il-legalità tal-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba tar-rikorrenti magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

150    L-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ pubblikazzjoni tal-lista tal-informazzjoni meħtieġa sabiex titwettaq l-evalwazzjoni huwa għalhekk ineffettiv.

 Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq innuqqas ta’ infurzabbiltà talLinji Gwida Konġunti tal2008 u taċċirkulari tal1999 talBank talItalja

151    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli applika, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, il-Linji Gwida Konġunti tal‑2008 u ċ-ċirkulari tal‑1999 tal-Bank tal-Italja u, b’applikazzjoni ta’ dawn l-atti, ħa inkunsiderazzjoni proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi pendenti u sanzjonijiet mhux definittivi li jikkonċernaw lil S. Berlusconi u lill-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord tal-awdituri ta’ Fininvest sabiex jevalwa r-reputazzjoni tajba tar-rikorrenti.

152    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq ir-raġuni li, b’applikazzjoni tal-Artikoli 19 u 25 tat-TUB kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 144, li jittrasponu d-Direttiva 2013/36, ir-rikorrenti ma jissodisfawx il-kriterju ta’ reputazzjoni tajba minħabba l-kundanna definittiva ta’ S. Berlusconi għall-piena ta’ erba’ snin priġunerija minħabba frodi fiskali.

153    Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata wkoll fuq raġunijiet oħra bbażati, essenzjalment, fuq l-assenza ta’ reputazzjoni tajba tar-rikorrenti abbażi ta’ kriterji previsti fil-Linji Gwida Konġunti tal‑2008 u taċ-ċirkulari tal‑1999 tal-Bank tal-Italja, b’mod partikolari fuq diversi kundanni u irregolaritajiet żvelati fir-rigward ta’ S. Berlusconi, ta’ membru ieħor tal-bord tad-diretturi u ta’ membru tal-bord tal-awdituri ta’ Fininvest SpA u ta’ Fininvest stess.

154    Huma dawn ir-raġunijiet li huma kkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet ilment tar-raba’ motiv.

155    Madankollu, sa fejn ċerti raġunijiet ta’ deċiżjoni jkunu, waħedhom, ta’ natura li jiġġustifikaw suffiċjentement skont il-liġi din id-deċiżjoni, id-difetti li bihom jistgħu jkunu vvizzjati raġunijiet oħra tal-att ma jkollhomx, fi kwalunkwe każ, impatt fuq id-dispożittiv tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑1/12, EU:T:2015:17, punt 73).

156    Issa, skont il-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli, il-kundanna ta’ S. Berlusconi għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sena minħabba frodi fiskali hija biżżejjed, bħala tali, sabiex jiġi konkluż li huwa ma jissodisfax il-kriterju ta’ reputazzjoni tajba.

157    Għalhekk, din ir-raġuni, li ma ġietx ikkontestata fir-rikors, hija, waħedha, ta’ natura li tiġġustifika suffiċjentement skont il-liġi d-deċiżjoni kkontestata.

158    Minn dan jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-Linji Gwida Konġunti tal‑2008 u taċ-ċirkulari tal‑1999 tal-Bank tal-Italja huwa ineffettiv, sa fejn id-difetti li bihom jistgħu eventwalment ikunu vvizzjati r-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq l-applikazzjoni tal-Linji Gwida Konġunti tal‑2008 u taċ-ċirkulari tal‑1999 tal-Bank tal-Italja, fi kwalunkwe każ ma għandhomx impatt fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

159    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud u, għalhekk, ir-raba’ motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ evalwazzjoni u ta’ motivazzjoni mwettaq millBĊE firrigward talkriterju talinfluwenza probabbli talakkwirent propost fissens talArtikolu 23(1) tadDirettiva 2013/36

160    Ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE wettaq, minn naħa, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-kriterju tal-influwenza probabbli fuq Banca Mediolanum wara l-amalgamazzjoni inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, u, min-naħa l-oħra, żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li dan il-kriterju kien issodisfatt meta, essenzjalment, huma ma kinux jeżerċitaw influwenza konkreta fuq Banca Mediolanum.

161    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

162    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw in-natura xierqa tal-akkwirent propost u s-solidità finanzjarja tal-akkwist propost konformement mal-ħames kriterji stabbiliti fih, sabiex tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata mill-akkwist propost u fid-dawl tal-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

163    Minn dan jirriżulta, kif tfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, li l-kriterju tal-influwenza probabbli ta’ akkwirent propost għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalità tiegħu u mhux sabiex akkwist jiġi kklassifikat bħala akkwist ta’ holding kwalifikanti.

164    Barra minn hekk, l-influwenza probabbli ma hijiex kriterju distint li jiżdied mal-ħames kriterji l-oħra elenkati fl-Artikolu 23(1)(a) sa (e) tad-Direttiva 2013/36. Fil-fatt, l-influwenza probabbli tissemma fil-frażi li tippreċedi l-lista tal-kriterji previsti f’din id-dispożizzjoni, li tindika sempliċement li, meta jevalwaw in-natura xierqa tal-akkwirent propost u s-solidità finanzjarja tal-akkwist propost, l-awtoritajiet kompetenti għandhom “iqisu” b’mod partikolari l-influwenza probabbli tal-imsemmi akkwirent propost fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni.

165    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-impatt tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-influwenza probabbli tal-akkwirent propost jista’ jvarja skont il-kriterju speċifiku ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-kriterju dwar ir-reputazzjoni tajba tal-akkwirent propost, previst fl-Artikolu 23(1)(a) tad-Direttiva 2013/36, ma tistax twassal għal riżultat differenti skont il-portata tal-influwenza probabbli ta’ dan l-akkwirent propost fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni. Fil-fatt, ir-reputazzjoni tajba tal-akkwirent propost ma tiddependix mill-portata tal-influwenza probabbli tiegħu fuq din l-istituzzjoni.

166    Għaldaqstant, il-BĊE ma kienx obbligat jeżamina l-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni sabiex jevalwa r-reputazzjoni tajba tiegħu.

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji sinjifikattivi bejn Fininvest u Banca Mediolanum kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ governanza ta’ Banca Mediolanum u d-dispożittivi ta’ kontroll intern ma jistgħux juru li l-BĊE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

168    Barra minn hekk, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-kriterju ta’ influwenza probabbli, peress li huwa ma kienx marbut li jeżaminah.

169    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

 Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità u talArtikoli 16 u 17 talKarta

170    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, dwar ir-rispett tad-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ intrapriża, sa fejn kellha bħala konsegwenza, skont l-Artikolu 25 tat-TUB, it-trasferiment forzat tal-holdings tar-rikorrenti li kienu jaqbżu ċertu limitu, li huwa ekwivalenti għal esproprjazzjoni. Huma jaffermaw li l-BĊE kien imissu ħa inkunsiderazzjoni dan l-effett sproporzjonat tad-deċiżjoni kkontestata.

171    Fil-fatt, huma jindikaw li, fil‑21 ta’ Diċembru 2016, il-Bank tal-Italja nnotifika lil Fininvest u lil S. Berlusconi bil-ftuħ ta’ proċedura intiża għall-eżekuzzjoni tal-obbligu, previst fid-dritt Taljan, ta’ trasferiment tal-holding tagħhom li kien jaqbeż ċertu limitu, b’konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata.

172    F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat, l-ewwel, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2013/36, meta holding jiġi akkwistat minkejja l-oppożizzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri għandhom, indipendentement minn kwalunkwe sanzjonijiet oħra li għandhom jiġu adottati, jipprevedu jew is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot korrispondenti, jew in-nullità tal-voti mitfugħa, jew il-possibbiltà li dawn ikunu annullati.

173    It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda miżura li permezz tagħha l-BĊE jordna lir-rikorrenti jittrasferixxu l-ishma miżmuma minnhom li jaqbżu ċertu limitu.

174    Peress li l-obbligu li jiġu ttrasferiti l-ishma li jaqbżu ċertu limitu ma huwiex impost mid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ma jistax jiġi akkużat bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta minħabba din ir-raġuni.

175    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompitu tiegħu ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal holdings kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu, il-BĊE għandu japplika d-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2013/36.

176    Issa, skont id-dritt Taljan applikabbli, il-BĊE ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni. Fil-fatt, wara li kkunsidra l-eżistenza ta’ kundanna definittiva kontra S. Berlusconi għal piena ta’ erba’ snin priġunerija minħabba frodi fiskali, il-BĊE seta’ biss jikkonstata li, skont l-Artikolu 25 tat-TUB u l-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Nru 144, din il-kundanna kienet timplika awtomatikament li S. Berlusconi ma setax jissodisfa l-kriterju ta’ reputazzjoni tajba.

177    Għaldaqstant, il-BĊE ma kellux għażla oħra ħlief li jiċħad l-applikazzjoni tar-rikorrenti sabiex jakkwistaw holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum u ma jistax jiġi akkużat bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑25 ta’ Settembru 2015, VECCO et vs Il‑Kummissjoni, T‑360/13, EU:T:2015:695, punt 73, u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Le Pen vs Il‑Parlament, T‑86/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:357, punti 198 sa 202).

178    Għaldaqstant, il-BĊE lanqas ma jista’ jitqies li kkawża preġudizzju sproporzjonat għad-dritt għall-proprjetà u għal-libertà tal-intrapriża previsti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

179    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-BĊE kien imissu kkunsidra l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa irrilevanti sa fejn ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali identifikata mir-rikorrenti ma tipprevedi l-possibbiltà, għall-BĊE, li jadotta tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, CO Sociedad de Gestión y Participación et, C‑18/14, EU:C:2015:419, punti 34, 37, 38 u 46).

180    Għaldaqstant, is-sitt motiv ma huwiex fondat.

 Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq ksur taddrittijiet taddifiża u taddritt ta’ aċċess għallfajl

181    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, previst fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 468/2014, ma ġiex żgurat fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

182    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

183    Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jagħti lill-persuni suġġetti għal proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali l-possibbiltà li jinstemgħu qabel ma jieħu deċiżjonijiet u għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq dawk l-ilmenti biss li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom.

184    Fir-rigward tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 468/2014, dan jipprevedi li, wara li tinfetaħ il-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE, il-partijiet għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għall-fajl tal-BĊE, bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi differenti mill-parti kkonċernata fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, u jispeċifika li dan id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jestendix għall-informazzjoni kunfidenzjali.

185    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 468/2014 ma ġewx osservati minħabba li kien biss mill‑14 ta’ Settembru 2016, jiġifieri fid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-provi li jistabbilixxu li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-akkwist ta’ holding kwalifikanti, li l-Bank tal-Italja awtorizzalhom aċċess għad-dokumenti fil-fajl tiegħu.

186    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura nfetħet ex officio mill-Bank tal-Italja permezz ta’ komunikazzjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2016. Ir-rikorrenti ġew mistiedna jipproduċu d-dokumenti meħtieġa sabiex juru li għandhom il-kwalitajiet mitluba mil-leġiżlazzjoni applikabbli sa mhux iktar tard mill‑14 ta’ Settembru 2016.

187    Kien preċiżament f’dik il-ġurnata li l-Bank tal-Italja ta aċċess għall-fajl lir-rikorrenti. Fis‑6 ta’ Ottubru 2016, il-BĊE nnotifika lil Fininvest u lil S. Berlusconi permezz ta’ Fininvest abbozz ta’ deċiżjoni fis-sens li ma jiġix awtorizzat l-akkwist ta’ holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum u indikalhom li kellhom terminu ta’ tliet ijiem, jiġifieri sa mhux iktar tard mill‑11 ta’ Ottubru 2016, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

188    L-aċċess għall-fajl għalhekk ingħata lir-rikorrenti mill-Bank tal-Italja iktar minn tliet ġimgħat qabel ma ġie nnotifikat lilhom l-abbozz ta’ deċiżjoni u qabel ma ġew mitluba l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan l-abbozz u huma tqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-ilmenti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata qabel l-adozzjoni tagħha.

189    F’dan il-każ, il-BĊE għalhekk ta lir-rikorrenti l-possibbiltà li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, konformement mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013.

190    Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħu jaċċedu għall-fajl tal-BĊE wara l-ftuħ tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 468/2014.

191    Għaldaqstant, huma ma jistgħux jikkritikaw lill-BĊE talli ma aġixxiex konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

192    Jekk l-argument imqajjem mir-rikorrenti għandu jinftiehem ukoll fis-sens li l-aċċess għall-fajl amministrattiv kien meħtieġ sabiex jiġu prodotti, qabel id-data limitu tal‑14 ta’ Settembru 2016, id-dokumenti meħtieġa sabiex jistabbilixxu li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba mid-Direttiva 2013/36, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 468/2014 ma tobbliga lill-BĊE jew lill-Bank tal-Italja sabiex jagħtu aċċess għall-fajl qabel il-preżentata tal-imsemmija dokumenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma spjegawx għalfejn l-aċċess minn qabel għall-fajl kien meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jipproduċu l-imsemmija dokumenti.

193    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument li, billi rrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għall-ittra tal-Bank tal-Italja tal‑4 ta’ April 2016 u għan-nota tiegħu tal‑24 ta’ Ġunju 2016, il-BĊE kiser id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-fajl u d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Skont ir-rikorrenti, dan ir-rifjut ipprekludihom milli jipparteċipaw effettivament fil-fażi nazzjonali tal-proċedura kumplessa u milli jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

194    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-aċċess għall-ittra tal-Bank tal-Italja tal‑4 ta’ April 2016 u għan-nota tal-BĊE tal‑24 ta’ Ġunju 2016 ġie rrifjutat minħabba li dawn kienu dokumenti kunfidenzjali, peress li kienu jaqgħu taħt komunikazzjonijiet interni fil-kuntest tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 468/2014, li jipprevedi li l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tinkludi dokumenti interni tal-BĊE u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-korrispondenza bejn il-BĊE u awtorità kompetenti nazzjonali jew bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

195    Issa, iż-żewġ dokumenti msemmija iktar ’il fuq joriġinaw minn skambju bejn il-BĊE u l-Bank tal-Italja dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-eventwali akkwist mir-rikorrenti ta’ holding kwalifikanti f’Banca Mediolanum.

196    Barra minn hekk, peress li l-abbozz tad-deċiżjoni tal-BĊE u d-deċiżjoni kkontestata kien fihom espożizzjoni ċara u eżawrjenti tal-motivi u tal-ilmenti allegati fil-konfront tar-rikorrenti u li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn tal-aħħar setgħu jieħdu pożizzjoni fuq dawn il-motivi u dawn l-ilmenti u peress li l-BĊE eżamina fid-dettall l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti, b’mod partikolari fl-anness mehmuż mad-deċiżjoni kkontestata, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti interni skambjati fi stadju bikri tal-proċedura ma tistax titqies, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, li pprekludihom milli jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

197    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li r-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

198    Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li r-rifjut ta’ aċċess fil-konfront tagħhom min-naħa tal-BĊE ma kien jinkludi ebda motivazzjoni intiża sabiex tiġġustifika l-kunfidenzjalità u li għalhekk dan tal-aħħar applika l-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 468/2014 b’mod żbaljat.

199    Peress li l-assenza ta’ motivazzjoni mqajma mir-rikorrenti tirrigwarda l-ittra tal-BĊE tat‑13 ta’ Settembru 2016 u mhux id-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut ta’ aċċess fil-konfront tar-rikorrenti huwiex motivat jew le hija ineffettiva.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu jew l-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament Nru 468/2014.

201    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-aċċess għall-ittra tal-Bank tal-Italja tal‑4 ta’ April 2016 kien iktar u iktar iġġustifikata fid-dawl tal-fatt li din l-ittra tat lill-BĊE rappreżentazzjoni żbaljata tal-kontenut tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016.

202    Madankollu, anki jekk jitqies li l-ittra tal-Bank tal-Italja tal‑4 ta’ April 2016 fiha informazzjoni ineżatta jew inkompleta, il-possibbiltà mogħtija lir-rikorrenti li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-BĊE, li hija bbażata fuq l-elementi ta’ informazzjoni li jinsabu fl-imsemmija ittra, ippermettitilhom preċiżament li jikkompletaw jew li jikkontestaw dawk li jinsabu fl-imsemmi abbozz ta’ deċiżjoni.

203    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u peress li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ġew informati bil-pożizzjoni tal-BĊE fil-kuntest tan-notifika tal-abbozz ta’ deċiżjoni fis‑6 ta’ Ottubru 2016, l-argumenti tagħhom dwar rifjut ta’ aċċess għall-fajl ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

204    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li S. Berlusconi ma kienx f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu peress li kien biss fl-istess jum tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet li l-abbozz ta’ deċiżjoni ntbagħatlu fl-indirizz tar-residenza privata tiegħu. Barra minn hekk, it-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet kien qasir wisq.

205    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-impossibbiltà jew id-diffikultà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet ma għandhomx impatt fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata meta l-proċedura ma setgħetx twassal għal eżitu differenti mingħajr din l-allegata irregolarità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li rikorrent li jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu ma jistax jiġi obbligat jistabbilixxi li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 106).

207    Issa, ir-rikorrenti ma ressqux argumenti quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ natura tali li jistabbilixxu li ma kienx totalment eskluż li l-proċedura setgħet twassal għal eżitu differenti li kieku S. Berlusconi kien f’pożizzjoni li jippreżenta osservazzjonijiet addizzjonali għal dawk ta’ Fininvest u r-rikorrenti invokaw biss, b’mod astratt, ksur tad-dritt għal smigħ (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 112).

208    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli rrifjuta li jżomm seduta li fil-fehma tagħhom kienet iġġustifikata mill-fatt li tali seduta kienet tippermettilhom jikkonvinċu lill-BĊE jipprivileġġa l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti taħt kundizzjonijiet.

209    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 468/2014, il-BĊE jista’, jekk iqis li huwa xieraq, jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-fatti, il-motivi u l-bażijiet legali rilevanti għad-deċiżjoni superviżorja prudenzjali tal-BĊE fil-kuntest ta’ laqgħa. B’hekk, il-BĊE għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward.

210    Issa, fid-dawl tal-osservazzjonijiet abbondanti tar-rikorrenti, li huma riprodotti fit-tabella ta’ sinteżi annessa mad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li l-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kienx meħtieġ li tinżamm seduta.

211    Barra minn hekk, minħabba li ma kienx issodisfatt il-kriterju ta’ reputazzjoni tajba, il-BĊE ma kellux il-possibbiltà jagħti awtorizzazzjoni ta’ akkwist taħt kundizzjonijiet. Għaldaqstant, smigħ tar-rikorrenti dwar dan il-punt ma kien ser ikun ta’ ebda utilità.

212    Għaldaqstant, is-seba’ motiv ma huwiex fondat.

 Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq lillegalità, invokata bħala eċċezzjoni, talArtikolu 31(3) tarRegolament Nru 468/2014

213    Ir-rikorrenti jqajmu, bħala eċċezzjoni fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 468/2014, minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 41 tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

214    Huma jsostnu li t-terminu ta’ tliet ijiem previst fl-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 468/2014 sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ma huwiex ta’ natura li jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ fuq il-fatti u l-ilmenti li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet dwar l-akkwisti ta’ holdings kwalifikanti.

215    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ, huma fost id-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li huma stabbiliti fil-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE, T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T‑395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 53).

216    Id-dritt għal smigħ ma huwiex protett biss mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll mill-Artikolu 41 tagħha, li jiggarantixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba. B’hekk, l-Artikolu 41(2) tal-Karta jipprevedi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li ser taffettwaha b’mod negattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T‑395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217    Dan id-dritt jirrikjedi li kull persuna li fil-konfront tagħha tista’ tittieħed deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju għandha titqiegħed f’pożizzjoni li tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-fehma tagħha dwar l-elementi invokati kontra tagħha sabiex iservu bħala bażi għad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 66, u tad‑19 ta’ Jannar 2016, Mitsubishi Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑409/12, EU:T:2016:17, punt 38). Għal dan il-għan, il-persuna kkonċernata għandha tibbenefika minn terminu suffiċjenti (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punti 36 u 37).

218    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali, bħalma huwa d-dritt għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jinvolvu restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija permezz tal-miżura inkwistjoni u bil-kundizzjoni li ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti b’dan il-mod (sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 63; tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 33; u tas‑26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software, C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 84).

219    Fir-rigward tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċeduri ta’ superviżjoni prudenzjali, l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 468/2014 jipprevedi li, qabel ma l-BĊE jadotta deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali li tista’ tikkawża preġudizzju lil parti, din tal-aħħar għandu jkollha l-possibbiltà li tindirizza lill-BĊE, bil-miktub, l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fatti, il-motivi u l-bażijiet legali rilevanti għad-deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE. Skont dan l-artikolu, jekk iqis li dan huwa xieraq, il-BĊE jista’ wkoll jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ laqgħa.

220    L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 468/2014 jippreċiża wkoll li n-notifika li permezz tagħha l-BĊE jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jinvokaw l-osservazzjonijiet tagħhom għandha ssemmi l-kontenut materjali tad-deċiżjoni superviżorja maħsuba tal-BĊE, il-fatti, il-motivi u l-bażijiet legali essenzjali li fuqhom il-BĊE jkollu l-ħsieb li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu.

221    Sussegwentement, l-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 468/2014 jipprevedi li t-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub huwa, bħala prinċipju, ta’ ġimagħtejn u li, b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament Nru 1024/2013, dan it-terminu għandu jitnaqqas għal tliet ijiem ta’ xogħol. Fuq talba mill-parti kkonċernata, il-BĊE jista’, jekk ikun il-każ, jestendi dawn it-termini.

222    Għalhekk, minn qari flimkien tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 468/2014 u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li l-akkwirent propost ta’ holding kwalifikanti għandu l-possibbiltà jippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu f’terminu ta’ tliet ijiem minn meta jirċievi dokument li jsemmi l-fatti, il-motivi u l-bażijiet legali li fuqhom il-BĊE jkollu l-intenzjoni jibbaża d-deċiżjoni tiegħu.

223    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36, huma l-akkwirenti proposti ta’ holding kwalifikanti li għandhom jinnotifikaw il-proposta ta’ akkwist tagħhom u l-informazzjoni rilevanti dwar dan l-akkwist lill-awtoritajiet kompetenti, b’tali mod li l-BĊE jkun jista’ jadotta d-deċiżjoni tiegħu abbażi tal-elementi prodotti mill-applikant.

224    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li hemm diversi mezzi li jippermettu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ superviżjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ tal-partijiet ikkonċernati.

225    L-ewwel, il-partijiet ikkonċernati għandhom l-obbligu li jsostnu l-elementi u l-argumenti dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ holding kwalifikanti fil-mument tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom.

226    Fl-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti, il-persuni kkonċernati jistgħu għalhekk diġà jsostnu l-elementi kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom.

227    It-tieni, in-notifika li permezz tagħha l-BĊE għandu jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jsostnu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom għandha ssemmi l-kontenut materjali tad-deċiżjoni ppjanata, il-fatti, il-motivi u l-bażijiet legali essenzjali li fuqha l-BĊE jkollu l-intenzjoni jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. Din in-notifika tagħti wkoll lill-parti kkonċernata l-opportunità li tesprimi b’mod utli l-fehma tagħha dwar l-elementi li hija ma kinitx taf bihom, iżda wkoll dwar l-elementi kollha invokati kontriha bħala bażi għad-deċiżjoni kontenzjuża, u li tressaq argumenti. Din il-possibbiltà tista’ wkoll tintuża mill-BĊE sabiex jieħu inkunsiderazzjoni kull oġġezzjoni li l-partijiet ikkonċernati setgħu invokaw matul il-proċedura amministrattiva u sabiex jeżamina iktar fil-fond il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi kkunsidrati bħala bażi għad-deċiżjoni finali.

228    It-tielet, fil-każ li l-BĊE jkollu l-intenzjoni jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li l-applikant ma kienx jaf bihom jew fuq provi oħra li ma jkunux dawk prodotti minnu, ir-rispett tad-dritt għal smigħ jista’ jiġi żgurat permezz tal-possibbiltà, li għandu l-BĊE, li jorganizza laqgħa.

229    Din il-possibbiltà tista’ tintuża wkoll, barra minn hekk, sabiex jiġu eżaminati iktar fil-fond kwistjonijiet jew oġġezzjonijiet imqajma mill-parti kkonċernata meta ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal awtorizzazzjoni ta’ akkwist ta’ holding kwalifikanti u l-elementi kollha li jistgħu jintużaw kontriha bħala bażi għad-deċiżjoni kontenzjuża.

230    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, in-natura qasira tat-terminu previst għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni, evalwata fid-dawl tad-diversi modalitajiet proċedurali li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jesprimu l-fehmiet tagħhom fuq l-elementi intiżi li jintużaw bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax titqies li tmur kontra d-dritt għal smigħ. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, jekk ikun il-każ, dan it-terminu jista’ jiġi estiż mill-BĊE fuq talba tal-parti kkonċernata.

231    Fil-fatt, sa fejn jeżistu diversi modalitajiet proċedurali li jistgħu jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jinstemgħu, fosthom l-introduzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni ta’ akkwist ta’ parteċipazzjoni kkwalifikata u l-possibbiltà li tiġi organizzata laqgħa, id-dritt tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni jidher li huwa komplementari għal dawn il-possibbiltajiet u t-terminu ta’ tliet ijiem sabiex jippreżentaw dawn l-osservazzjonijiet li jista’, jekk ikun meħtieġ, jiġi estiż għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa suffiċjenti.

232    Barra minn hekk, huwa l-BĊE li għandu juża l-mezzi kollha li huwa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura b’mod konkret ir-rispett tad-dritt għal smigħ, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-Qorti Ġenerali f’kull sitwazzjoni partikolari.

233    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll, fi kwalunkwe każ, li l-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ li tirriżulta min-natura qasira tat-terminu mogħti għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 468/2014 issegwi għanijiet ta’ interess ġenerali, li din il-limitazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u li ma tikkostitwixxix, fid-dawl tal-għan imfittex u tal-modalitajiet proċedurali l-oħra disponibbli, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika dan id-dritt fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 218 iktar ’il fuq.

234    Fil-fatt, l-iżvolġiment tal-proċedura f’termini ristretti jissodisfa l-ħtieġa li ma jkunx hemm dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-akkwist propost ta’ holding kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu, li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji sinjifikattivi.

235    Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi li l-proċedura ta’ evalwazzjoni għandha tiġi konkluża f’terminu ta’ 60 jum ta’ xogħol. Din id-dispożizzjoni kienet diġà tinsab fid-Direttiva 2007/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE u d-Direttivi 2002/83/KE, 2004/39/KE, 2005/68/KE u 2006/48/KE, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-evalwazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti u żidiet fil-holdings fis-settur finanzjarju (ĠU 2007, L 247, p. 1), li l-premessa 7 tagħha kienet tiġġustifika l-istabbiliment ta’ perijodu ta’ evalwazzjoni ta’ tul massimu ta’ 60 jum bil-ħtieġa li l-imsemmija proċedura ta’ evalwazzjoni tingħata natura ċara u prevedibbli.

236    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 468/2014 għandha tiġi miċħuda minħabba li dan l-artikolu, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet l-oħra li jirregolaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ holdings kwalifikanti u li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jinvokaw b’mod utli l-fehma tagħhom, ma jiksirx id-dritt għal smigħ tal-persuni kkonċernati u, għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq iddisa’ motiv, ibbażat fuq lillegalità talatti preparatorji adottati millBank talItalja

237    Id-disa’ motiv imqajjem matul il-proċedura huwa maqsum f’sitt partijiet ibbażati, rispettivament, l-ewwel waħda, fuq il-ksur mill-Bank tal-Italja tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, it-tieni waħda, fuq in-nuqqas jew fuq l-eċċess ta’ poter tal-Bank tal-Italja, it-tielet waħda, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, ir-raba’ waħda, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ dritt għal smigħ xieraq, il-ħames waħda, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-konfront tal-individwi ta’ atti mhux ippubblikati jew mhux tradotti u, is-sitt waħda, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ legalità u ta’ raġonevolezza.

238    Ir-rikorrenti jsostnu li l-atti preparatorji adottati mill-Bank tal-Italja għandhom difetti ta’ natura li jwasslu għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

239    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

240    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-atti preparatorji adottati mill-Bank tal-Italja, b’mod partikolari d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u l-proposta ta’ deċiżjoni ppreżentata lill-BĊE, għandhom difetti ta’ natura li jwasslu għall-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

241    Dan il-motiv tqajjem wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023).

242    Fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-Artikolu 263 TFUE kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw stħarriġ tal-legalità tal-atti ta’ ftuħ, preparatorji jew ta’ proposta mhux vinkolanti adottati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 u fl-Artikolu 4(1)(c) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fl-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Nru 468/2014 (ara d-dispożittiv tas-sentenza msemmija).

243    Fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, min-naħa l-oħra, li, f’każ bħal dak ineżami, fejn id-dritt tal-Unjoni ma kellux l-għan li jistabbilixxi tqassim bejn żewġ ġurisdizzjonijiet, waħda nazzjonali u l-oħra tal-Unjoni, li jkollhom għanijiet distinti, iżda jistabbilixxi, għall-kuntrarju, is-setgħa deċiżjonali esklużiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni, abbażi tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni finali adottata mill-istituzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u li għandha teżamina, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet ikkonċernati, l-eventwali difetti li jivvizzjaw l-atti preparatorji jew il-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li jkunu ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni finali (ara l-punt 44 u d-dispożittiv tal-imsemmija sentenza).

244    Peress li dan il-motiv ġie ppreżentat wara l-preżentata tar-rikors, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu l-BĊE u l-Kummissjoni, dan il-motiv ġdid għandux jitqies li huwa inammissibbli.

245    Ir-rikorrenti jsostnu, sabiex jiġġustifikaw l-ammissibbiltà tiegħu, li dan il-motiv għandu rabta stretta mal-motivi u mal-argumenti tar-rikors u li s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), hija punt ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura.

246    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma jqajmu ebda motiv jew argument ibbażat fuq l-illegalità tal-atti preparatorji adottati mill-Bank tal-Italja.

247    Barra minn hekk, sa fejn il-motivi tar-rikors kienu intiżi li juru l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-motiv ġdid li jirrigwarda l-atti preparatorji tal-Bank tal-Italja ma jistax jitqies li għandu rabta suffiċjentement stretta mal-imsemmija motivi, peress li dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw esklużivament att tad-dritt tal-Unjoni u kellhom, għaldaqstant, għan differenti.

248    Barra minn hekk, il-fatt li l-atti tar-rikorsi taħt id-dritt nazzjonali kontra l-atti preparatorji tal-Bank tal-Italja ġew annessi mar-rikors ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li dan il-motiv, li għandu l-istess għan bħal dawn ir-rikorsi taħt id-dritt nazzjonali, kien diġà tqajjem fl-istadju tar-rikors.

249    Fil-fatt, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u li tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il‑Kummissjoni, T‑84/96, EU:T:1997:174, punt 34, u tal‑21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il‑Kummissjoni, T‑231/99, EU:T:2002:84, punt 154).

250    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), għandha titqies li hija punt ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura u li għandu jiġġustifika, għaldaqstant, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda, konformement mal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

251    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li sentenza li sempliċement tikkonferma sitwazzjoni legali magħrufa mir-rikorrent fil-mument tal-preżentata tar-rikors tiegħu ma tistax titqies li hija element li jippermetti li jiġi invokat motiv ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Buono et vs Il‑Kummissjoni, C‑12/13 P u C‑13/13 P, EU:C:2014:2284, punti 58 u 60, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 39).

252    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita sew, sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv iżda sempliċement dikjaratorju, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253    F’dan ir-rigward, jista’ jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), b’tali mod li din il-ġurisprudenza stabbilita sew hija kompletament applikabbli.

254    Minn dan isegwi li l-effetti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 263 TFUE fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-artikolu.

255    Fl-istess sens, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li sentenza mogħtija matul il-proċedura ma tistax tiġi invokata bħala element ġdid meta din is-sentenza, bħala prinċipju, sempliċement tagħti interpretazzjoni ex tunc tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il‑Kummissjoni, T‑106/95, EU:T:1997:23, punt 57).

256    B’hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha titqies li kienet magħrufa mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħhom, skont il-prinċipju li ħadd ma għandu jitqies li ma jafx il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1989, Binder, 161/88, EU:C:1989:312, punt 19, u d-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2009, Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑371/08 P, EU:T:2009:215, punt 28).

257    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), ma tistax titqies li hija punt ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

258    Għaldaqstant, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq lgħaxar motiv, ibbażat fuq lillegalità, invokata bħala eċċezzjoni fissens talArtikolu 277 TFUE, talArtikolu 4(3) u talArtikolu 15 tarRegolament Nru 1024/2013

259    Permezz tal-għaxar motiv, imqajjem matul il-proċedura, ir-rikorrenti jeċċepixxu l-illegalità, bħala eċċezzjoni, tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn ir-riferiment magħmul għad-dritt nazzjonali minn dawn l-artikoli u l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ il-legalità tal-atti nazzjonali preparatorji li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), iwasslu għal ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

260    Skont ir-rikorrenti, essenzjalment, hemm ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għaliex din is-sistema tipprekludi l-istħarriġ b’mod konkret tal-kostituzzjonalità tal-atti preparatorji nazzjonali, previst fid-dritt kostituzzjonali Taljan, li fir-rigward tagħhom il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni. Dawn l-atti għalhekk ma jaqgħu taħt ebda stħarriġ tal-kostituzzjonalità, sa fejn il-qorti tal-Unjoni ma tistax tistħarreġ il-konformità tagħhom mal-kostituzzjoni Taljana u sa fejn il-kwistjoni ma tistax titressaq quddiem il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) għal dan il-għan.

261    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

262    Peress li dan il-motiv ġie ppreżentat wara l-preżentata tar-rikors, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu l-BĊE u l-Kummissjoni, dan il-motiv ġdid għandux jiġi jitqies li huwa inammissibbli.

263    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement stretta bejn dan il-motiv u l-motivi jew l-argumenti tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors ma jinkludi ebda motiv jew argument ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013.

264    Sa fejn huwa biss it-tmien motiv li kien jikkonsisti f’eċċezzjoni ta’ illegalità u sa fejn dan kien jirrigwarda l-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 468/2014, dan il-motiv ġdid li jirrigwarda artikoli oħra ma jistax jitqies li għandu rabta suffiċjentement stretta mal-motivi tar-rikors.

265    Fit-tieni lok, għar-raġunijiet invokati fil-punti 251 sa 257 iktar ’il fuq, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), ma tistax titqies li hija punt ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

266    Għaldaqstant, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq lofferti ta’ prova ġodda tarrikorrenti u talBĊE

267    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, “[f]’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”.

268    Fl-ewwel lok, fis‑17 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tinkludi fil-proċess tal-kawża r-rikors ta’ S. Berlusconi quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), irreġistrat bin-numru 8683/14, tat‑28 ta’ Diċembru 2013, l-ittra tal-Qorti EDB tat‑3 ta’ Mejju 2021 li tikkomunika dan ir-rikors lill-Gvern Taljan kif ukoll espożizzjoni tal-fatti u tal-kwistjonijiet relatati ma’ din il-kawża mill-Qorti EDB tas‑17 ta’ Mejju 2021.

269    Huma ġġustifikaw il-produzzjoni ta’ dawn il-provi, essenzjalment, permezz tar-rabta bejn id-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-kundanna ta’ S. Berlusconi għal reat ta’ frodi fiskali, u dan ir-rikors quddiem il-Qorti EDB li għandu l-għan li jikkontesta l-proċedura li wasslet għal din il-kundanna.

270    Meta ġew mistoqsija waqt is-seduta, il-BĊE u l-Kummissjoni ma oġġezzjonawx għall-inklużjoni ta’ dawn l-elementi fil-proċess.

271    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikors ta’ S. Berlusconi quddiem il-Qorti EDB, irreġistrat bin-numru 8683/14, tat‑28 ta’ Diċembru 2013, jippreċedi l-preżentata tar-rikors ineżami u li r-rikorrenti ma jressqu ebda prova sabiex jiġġustifikaw id-dewmien fil-preżentata ta’ dan id-dokument.

272    Dan id-dokument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

273    Min-naħa l-oħra, l-ittra tal-Qorti EDB tat‑3 ta’ Mejju 2021 li tikkomunika r-rikors lill-Gvern Taljan kif ukoll l-espożizzjoni tal-fatti u tal-kwistjonijiet relatati ma’ din il-kawża mill-Qorti EDB tas‑17 ta’ Mejju 2021 ħarġu wara t-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’tali mod li d-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom jista’ jitqies li huwa ġġustifikat.

274    Għaldaqstant, dawn il-provi għandhom jitqiesu li huma ammissibbli.

275    Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 138 sa 142 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma qajmu ebda motiv fir-rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni mill-BĊE tal-kundanna inkwistjoni.

276    Minn dan jirriżulta li dawn il-provi huma irrilevanti għal dan ir-rikors.

277    Fit-tieni lok, fis‑17 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tinkludi fil-proċess tal-kawża s-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) Nru 10355/2021, tad‑9 ta’ Marzu 2021, li tiċħad l-appell tagħhom mis-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Mejju 2019, li permezz tagħha dik il-qorti ddikjarat inammissibbli l-azzjonijiet għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Nru 882 tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tat‑3 ta’ Marzu 2016, b’applikazzjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023).

278    Mistoqsija waqt is-seduta, il-BĊE u l-Kummissjoni ma oġġezzjonawx għall-inklużjoni tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023) fil-proċess.

279    Peress li dik is-sentenza ngħatat wara d-data tat-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, għandu jiġi kkunsidrat li l-produzzjoni tardiva tagħha mir-rikorrenti hija ġġustifikata u, għaldaqstant, li dan id-dokument huwa ammissibbli.

280    Madankollu, ir-rikorrenti ma jressqu ebda spjegazzjoni jew argument ta’ natura li juru r-rabta bejn is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023), u l-motivi mqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, dik is-sentenza ma ssostni ebda argument jew motiv tar-rikorrenti.

281    Għaldaqstant, l-imsemmija sentenza hija irrilevanti għal dan ir-rikors.

282    Fit-tielet lok, fis‑6 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tinkludi fil-proċess tal-kawża r-rikors ta’ S. Berlusconi quddiem il-Qorti EDB, irreġistrat bin-numru 23554/14, tat‑13 ta’ Marzu 2014, l-ittra tal-Qorti EDB tat‑3 ta’ Mejju 2021 li tikkomunika r-rikors lill-Gvern Taljan, espożizzjoni tal-fatti u tal-kwistjonijiet marbuta ma’ din il-kawża mill-Qorti EDB, tas‑6 ta’ April 2021, u r-risposta ppreżentata mill-Gvern Taljan f’dik il-kawża fis‑26 ta’ Lulju 2021.

283    Huma ġġustifikaw il-produzzjoni ta’ dawn il-provi permezz tar-rabta stretta bejn ir-rikors ineżami u din il-kawża quddiem il-Qorti EDB, li tikkonċerna tilwima ċivili li fiha r-rikorrenti kienu, essenzjalment, ġew indebitament iddikjarati li huma responsabbli ċivilment għall-fatti ta’ korruzzjoni meta S. Berlusconi kien ġie meħlus mill-akkużi kriminali għal dawn il-fatti.

284    Meta ġew mistoqsija waqt is-seduta, il-BĊE u l-Kummissjoni ma oġġezzjonawx għall-inklużjoni ta’ dawn l-elementi fil-proċess.

285    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li r-rikors ta’ S. Berlusconi quddiem il-Qorti EDB, irreġistrat bin-numru 23554/14, tat‑13 ta’ Marzu 2014, jippreċedi l-preżentata ta’ dan ir-rikors u li r-rikorrenti ma jressqu ebda prova sabiex jiġġustifikaw id-dewmien fil-preżentata ta’ dan id-dokument.

286    Dan id-dokument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

287    Min-naħa l-oħra, l-ittra tal-Qorti EDB tat‑3 ta’ Mejju 2021 li tikkomunika r-rikors lill-Gvern Taljan, espożizzjoni tal-fatti u tal-kwistjonijiet marbuta ma’ din il-kawża mill-Qorti EDB, tas‑6 ta’ April 2021, u r-risposta ppreżentata mill-Gvern Taljan f’din il-kawża fis‑26 ta’ Lulju 2021 ħarġu wara t-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’tali mod li d-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom huwa ġġustifikat.

288    Għaldaqstant, dawn il-provi għandhom jitqiesu li huma ammissibbli.

289    Madankollu, ir-rikorrenti ma qajmu ebda motiv fir-rikors intiż sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni mill-BĊE ta’ din it-tilwima ċivili.

290    Minn dan jirriżulta li dawn il-provi huma irrilevanti għal dan ir-rikors.

291    Fir-raba’ lok, fl‑10 ta’ Settembru 2021, il-BĊE talab lill-Qorti Ġenerali sabiex tinkludi s-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), Nru 21970/21, tat‑30 ta’ Lulju 2021, fil-proċess tal-kawża, minħabba li din is-sentenza kienet tikkonferma, essenzjalment, l-interpretazzjoni tiegħu tal-effetti ta’ amalgamazzjoni fid-dritt Taljan.

292    Meta ġew mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma oġġezzjonawx għall-inklużjoni tas-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) Nru 21970/21, tat‑30 ta’ Lulju 2021, fil-proċess.

293    F’dan il-każ, peress li s-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) Nru 21970/21, tat‑30 ta’ Lulju 2021, ngħatat wara d-data tat-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, għandu jitqies li l-produzzjoni tardiva tagħha mill-BĊE hija ġġustifikata u, għaldaqstant, li din il-prova proposta ġdida hija ammissibbli.

294    Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 87 sa 89 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36, l-effetti tal-amalgamazzjoni inkwistjoni għandhom jiġu interpretati b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

295    Minn dan isegwi li s-sentenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) Nru 21970/21, tat‑30 ta’ Lulju 2021, hija irrilevanti għal dan ir-rikors.

296    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

IV.    Fuq lispejjeż

297    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tal-BĊE, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

298    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Irrikors huwa miċħud.

2)      Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest) u Silvio Berlusconi għandhom ibatu, minbarra lispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti millBank Ċentrali Ewropew (BĊE).

3)      IlKummissjoni Ewropea għandha tbati lispejjeż rispettivi tagħha.

Papasavvas

Buttigieg

Schalin

Costeira

 

      Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Mejju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.