Language of document : ECLI:EU:T:2022:281

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

11 ta’ Mejju 2022 (*)

“Riżorsi proprji tal-Unjoni – Responsabbiltà finanzjarja ta’ Stat Membru – Dazji fuq l-importazzjoni – Ħlas lill-Kummissjoni tal-ammonti li jikkorrispondu għal riżorsi proprji mhux irkuprati – Rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Unjoni – Obbligi ta’ Stat Membru fil-qasam tar-riżorsi proprji – Obbligu ta’ garanzija – Eżenzjoni milli jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ammonti li jikkorrispondu għad-dazji kkonstatati ddikjarati irrekuperabbli”

Fil-Kawża T‑151/20,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Belġju, irrappreżentata minn S. Baeyens u J.‑ C. Halleux, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Materne u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u li titlob il-ħlas lura tas-somma ta’ 40 482 255 koruna Ċeka (CZK) imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Marcoulli, President, J. Schwarcz u R. Norkus (Relatur), imħallfin,

reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑12 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Ilfatti li wasslu għallkawża

 Ilfatti prinċipali mfakkrin

1        Bejn it‑2 u s‑26 ta’ Novembru 2007, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wettaq missjoni Komunitarja ta’ kooperazzjoni u investigazzjoni amministrattivi fil-Laos, li fiha ħadet sehem rappreżentanta tal-awtoritajiet doganali Ċeki (iktar ’il quddiem il-“missjoni ta’ spezzjoni”). L-investigazzjoni kienet tirrigwarda verifiki li jikkonċernaw l-importazzjoni, f’diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, ta’ lajters tal-but taż-żnied li jaħdmu bil-gass mhux rikarikabbli (iktar ’il quddiem “lajters tal-but”) ġejjin mil-Laos, matul il-perijodu bejn l‑2004 u l‑2007. Dokument intitolat “agreed joint minutes” ġie fformulat fil‑15 ta’ Novembru 2007, li ġie iffirmat mill-membri kollha tal-missjoni kif ukoll mill-awtoritajiet Laosjani kompetenti (iktar ’il quddiem il-“minuti tal‑15 ta’ Novembru 2007”).

2        Fit‑30 ta’ Mejju 2008, wara l-missjoni ta’ spezzjoni, l-OLAF adotta rapport ta’ tmiem il-missjoni (iktar ’il quddiem “ir-rapport tal-OLAF”). Dan intbagħat lir-Repubblika Ċeka, fil-verżjoni tiegħu bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, fid‑9 ta’ Lulju 2008.

3        Ir-rapport finali tal-investigazzjoni ġie adottat mill-OLAF fl‑10 ta’ Diċembru 2008.

4        Mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF jirriżulta li, matul il-perijodu kopert minn dan ir-rapport, Baide lighter Industry (LAO) Co., Ltd. (iktar ’il quddiem il-“kumpannija BAIDE”) importat lajters tal-but li joriġinaw fiċ-Ċina, iżda ppreżentati lid-dwana bħala ġejjin mil-Laos, u b’hekk evitaw id-dazju antidumping applikabbli għal lajters tal-but ta’ oriġini Ċiniża.

5        Ir-rapport tal-OLAF iddikjara f’dan ir-rigward li “l-evidenza ta’ oriġini Ċiniża stabbilita matul il-missjoni ta’ spezzjoni [kienet biżżejjed] biex l-Istati Membri jiftħu proċedura amministrattiva għal aġġustament fiskali”. Skont dak ir-rapport, kien meħtieġ li “l-Istati Membri [ikunu għamlu] verifiki ta’ segwitu u, fejn xieraq, investigazzjonijiet dwar l-importaturi kkonċernati u li [jkunu fetħu] b’urġenza proċedura ta’ rkupru, jekk dan ma kienx sar diġà” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6        Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF kienu jirrigwardaw b’mod partikolari 28 każ ta’ importazzjoni mill-kumpannija BAIDE ta’ lajters tal-but fir-Repubblika Ċeka magħmula u rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera bejn is‑26 ta’ Settembru 2005 u l‑1 ta’ Marzu 2007 (iktar ’il quddiem “l-importazzjonijiet ikkontestati”).

7        L-uffiċċji doganali kompetenti Ċeki ħadu passi biex iwettqu l-aġġustament u l-irkupru tat-taxxa f’dawn il-każijiet.

8        Madankollu, ma kienx possibbli, fil-każijiet kollha msemmija, li jsir l-aġġustament u li jiġu rkuprati d-dazji kollha kkonstatati.

9        Bejn it‑22 ta’ Settembru 2008 u t‑18 ta’ Frar 2009, is-somom li jikkorrispondu għad-dazji kkonstatati, iżda li għadhom ma ġewx irkuprati, għall-importazzjonijiet kontenzjużi ddaħħlu fil-kontijiet previsti għal dan il-għan, magħrufa bħala Kont B, skont l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).

10      Imbagħad, bejn Novembru 2013 u Novembru 2014, ir-Repubblika Ċeka, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, irreġistrat fis-sistema ta’ informazzjoni WOMIS (Write-Off Management and Information System) il-każijiet ta’ impossibbiltà li jiġi rkuprat l-ammont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

11      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni Ewropea informat lir-Repubblika Ċeka, b’risposta għat-talba ta’ din tal-aħħar biex tiġi eżentata mill-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma kienu ssodisfatti fl-ebda wieħed mill-każijiet inkwistjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ċeki biex jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex il-kont ta’ din l-istituzzjoni jiġi kkreditat bl-ammont ta’ CZK 53 976 340, mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih intbagħtet din l-ittra. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li kull dewmien jagħti lok għall-ħlas ta’ interessi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

12      Fis‑17 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ċeka ħallset 75 % tal-ammont imsemmi fil-punt 11 fil-kont tal-Kummissjoni pprovdut għal dan il-għan, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ġbir li rrappreżentaw 25 % ta’ dan l-ammont, jiġifieri somma ta’ CZK 40 482 255 (iktar ’il quddiem is-“somma kontenzjuża”).

13      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2015, ir-Repubblika Ċeka esprimiet xi riżervi, fejn indikat lill-Kummissjoni li dan kien ħlas kundizzjonali, suġġett għall-fondatezza tal-pretenzjonijiet ta’ din l-awtorità, sabiex tevita li tkun suġġetta għall-ħlas tal-interessi previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

14      Il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tas‑27 ta’ Frar 2015 permezz ta’ ittri tal‑4 u tal‑21 ta’ Mejju 2015.

15      Il-ħlas imsemmi fil-punt 12 iktar ’il fuq ġie kkompletat bit-tieni wieħed, bid-data tat‑22 ta’ Diċembru 2016, li jikkorrispondi għal 5 % tal-ammont inkwistjoni, jiġifieri s-somma ta’ CZK 2 698 817, li tirrappreżenta d-differenza fl-ammont maħsub biex ikopri l-ispejjeż tal-ġbir marbuta mat-tnaqqis tar-rata minn 25 % għal 20 % wara emenda b’effett retroattiv tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

 Proċedura kontenzjuża preċedenti

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ċeka għamlet azzjoni sabiex tannulla l-ittra tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Jannar 2015.

17      Permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑147/15, mhux ippubblikat, EU:T:2018:395), ir-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli, sa fejn kien dirett kontra att li ma kienx jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

18      L-appell mid-digriet tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (T‑147/15, mhux ippubblikat, EU:T:2018:395), ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530).

19      Fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat dan li ġej:

“[M]eta Stat Membru jkun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni billi jifformula riżervi fir-rigward tal-fondatezza tal-pożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni u meta l-proċedura ta’ djalogu msemmija [li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħmel ma’ dan l-Istat, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sabiex jiġu ċċarati l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom u jiġu ddeterminati l-obbligi li għandu dan l-Istat Membru] ma tkunx ippermettiet li tintemm it-tilwima bejn dan l-Istat Membru u l-imsemmija istituzzjoni, huwa possibbli għall-imsemmi Stat Membru li jitlob kumpens minħabba arrikkiment indebitu tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, li jadixxi lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal dan l-iskop”.

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Marzu 2020, ir-Repubblika Ċeka bdiet din l-azzjoni.

21      Fis‑7 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

22      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit‑8 u fis‑16 ta’ Lulju 2020 rispettivament, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Belġju talbu biex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

23      Permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Settembru 2020, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħet dawn l-interventi.

24      Ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju tal-Belġju ppreżentaw nota ta’ intervent kull wieħed fit‑30 ta’ Novembru 2020.

25      Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Belġju fit-termini mogħtija. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Polonja.

26      Ir-Repubblika Ċeka ppreżentat ir-replika fis‑27 ta’ Novembru 2020 u l-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fit‑18 ta’ Jannar 2021.

27      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrenti resqet talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

28      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑7 ta’ Settembru 2021, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi r-rapport finali ta’ investigazzjoni tal-OLAF adottat fl‑10 ta’ Diċembru 2008 u għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet prinċipali. Ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni wieġbu għal din it-talba fit-termini mogħtija.

29      Ir-Repubblika Ċeka indikat, bi tweġiba għal waħda mill-mistoqsijiet li sarulha, li kienet qed tirtira t-talbiet tagħha għall-ħlas lura tas-somma ta’ CZK 2 698 817 imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq.

30      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2021, ir-Renju tal-Belġju rrinunzja għall-parteċipazzjoni fis-seduta.

31      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ottubru 2021, ir-Repubblika tal-Polonja rrinunzjat għall-parteċipazzjoni fis-seduta.

32      Il-partijiet prinċipali nstemgħu fis-sottomssjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tat‑12 ta’ Novembru 2021.

33      Wara l-irtirar parzjali msemmi fil-punt 29 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsaha s-somma kontenzjuża minħabba l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

35      Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tilqa’ r-rikors.

 Iddritt

 Fuq lgħan tarrikors u lkundizzjonijiet ta’ azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu

36      Ir-Repubblika Ċeka titlob li tirkupra s-somma kontenzjuża li hija tqis li tħallset indebitament bħala riżorsi proprji tal-Unjoni. Hija tinvoka, insostenn tat-talba tagħha, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fuq il-pjan tal-arrikkiment indebitu.

37      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-Repubblika Ċeka qed tillimita l-argument tagħha biex tirribatti l-kontenut tal-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015. Issa, azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu ma tistax tissostitwixxi rikors għal annullament ta’ din l-ittra. Għalhekk is-suġġett tat-tilwima ma jistax ikun il-kontenut tal-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015, iżda qiegħed fil-kwistjoni ta’ jekk “[is-somma kontenzjuża] tappartjenix lill-Unjoni bħala riżorsi proprji jew le” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

38      Ir-Repubblika Ċeka tirrispondi li l-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015 tikkostitwixxi l-qafas tat-tilwima li l-Kummissjoni ma tistax timmodifika billi tippreżenta, sabiex tikkontesta l-pretenzjonijiet tagħha, argumenti ġodda li ma sarux kontriha f’din l-ittra. Hija tqis li l-ittra imsemmija tipproduċi effetti legali u li “l-eżami tar-rikors għall-irkupru ta’ ħlas indebitu u tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ bażi legali valida għall-arrikkiment inkwistjoni għandu jirriżulta wkoll mill-argument tal-Kummissjoni espress fl-[ittra] tal-20 ta’ Jannar 2015” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

39      Mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-Repubblika Ċeka kkonfermat il-pożizzjoni li ddifendiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

40      Wara li tfakkru l-argumenti prinċipali tal-partijiet dwar is-suġġett tat-tilwima, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu ma jaqax taħt ir-reġim tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali fis-sens strett, li l-attivazzjoni tiegħu tiddependi fuq li jitlaqqa’ sett ta’ kundizzjonijiet relatati mal-illegalità tal-imġiba kkritikata tal-Unjoni, mar-realtà tad-dannu u mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat. Huwa differenti mir-rikorsi ppreżentati taħt l-imsemmi reġim peress li ma tenħtieġx prova ta’ aġir illegali mill-konvenut, jew saħansitra l-eżistenza ta’ kwalunkwe aġir, iżda biss prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-konvenut u ta’ ftaqir tar-rikorrent marbut mal-arrikkiment imsemmi (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 49).

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, skont il-prinċipji komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, persuna li tkun sofriet telf li jtejjeb il-patrimonju ta’ persuna oħra mingħajr ma jkun hemm ebda bażi legali għal dan l-arrikkiment għandha, bħala regola ġenerali, id-dritt għall-ħlas lura sal-ammont ta’ dan it-telf, min-naħa tal-persuna arrikkita. Fil-fatt, għalkemm it-Trattat FUE ma jipprovdix espressament għal rimedju intiż għal dan it-tip ta’ azzjoni, interpretazzjoni tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE li teskludi din il-possibbiltà twassal għal riżultat kuntrarju għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni, miġjuba taħt dawn l-artikoli, teħtieġ prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-konvenut kif ukoll dik ta’ ftaqir tar-rikorrent marbut mal-imsemmi arrikkiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 44 u 46 sa 50).

42      Fil-kuntest tal-eżami ta’ tali azzjoni, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, b’mod partikolari, jekk il-ftaqir tal-Istat Membru rikorrenti, li jikkorrispondi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li dan l-Istat Membru jkun ikkontesta, u l-arrikkiment korrelattiv ta’ din l-istituzzjoni humiex iġġustifikati mill-obbligi imposti fuq dan l-Istat Membru bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni jew inkella, għall-kuntrarju, humiex neqsin minn tali ġustifikazzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 83).

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tistabbilixxi l-fondatezza tal-pretenzjonijiet tagħha, fil-kuntest ta’ azzjoni ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Kummissjoni, billi sempliċement tikkonfuta l-argumenti li jinsabu fl-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015, iżda għandha turi, minn naħa, li l-arrikkiment tal-Kummissjoni, wara t-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma kontenzjuża, ma huwiex iġġustifikat mill-obbligi imposti fuqha bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ riżorsi proprji u, min-naħa l-oħra, li l-ftaqir tagħha huwa marbut ma’ dan l-arrikkiment.

44      F’dan ir-rigward, l-obbligi tar-Repubblika Ċeka fil-qasam ta’ riżorsi proprji ma joħorġux mill-“argument tal-Kummissjoni espress fl-[ittra] tal‑20 ta’ Jannar 2015”, iżda huma imposti direttament bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’din il-materja, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun mogħtija s-setgħa deċiżjonali li tippermettilha tordna lill-Istati Membri jistabbilixxu u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha ammonti ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 62).

45      Minn naħa, isegwi li l-argumenti tar-Repubblika Ċeka li jikkonsistu fil-kontestazzjoni kemm tar-raġunijiet tal-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015 kif ukoll tal-aġir tal-Kummissjoni matul id-djalogu li sar magħha huma ineffettivi fil-kuntest ta’ din il-kawża, sa fejn dawn x’aktarx li ma jkunux relatati ma’ dak li r-Repubblika Ċeka għandu jirnexxilha turi (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

46      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, l-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015 lanqas ma tista tikkostitwixxi l-qafas tal-kawża sa fejn tillimita l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jikkontestaw l-eżistenza ta’ arrikkiment indebitu għal dawk li jinsabu f’din l-ittra.

47      B’mod partikolari, l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015 ma tistax tikkostitwixxi informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti tali li tagħti lok għal aċċertazzjoni fir-rigward tar-Repubblika Ċeka dwar id-delimitazzjoni tat-tilwima li tista’ tinqala’ bejnha u l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu ta’ din l-istituzzjoni.

48      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet tressaq fil-kawża kull element intiż li jikkontesta l-eżistenza ta’ arrikkiment indebitu, inklużi dawk li ma jidhrux fl-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2015, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jew id-dritt għall-amministrazzjoni tajba, kif iddefinit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

49      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, issa għandu jiġi eżaminat, fil-qafas iddefinit fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-fondatezza ta’ dan ir-rikors fid-dawl tal-provi prodotti mir-Repubblika Ċeka u l-argumenti skambjati bejn il-partijiet.

 Fuq ilfondatezza tarrikors u leżistenza ta’ arrikkiment indebitu talUnjoni

50      Ir-Repubblika Ċeka ssostni, essenzjalment, li ma hijiex responsabbli tħallas is-somma kontenzjuża, peress li ma setgħetx tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirkupraha ħlief wara li ntbagħat ir-rapport tal-OLAF.

51      Skont ir-Repubblika Ċeka, il-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni tad-dazji doganali li jikkorrispondu għas-somma kontenzjuża ma setgħux jiġu ssodisfati ħlief qabel ma jintbagħat ir-rapport tal-OLAF, peress li l-kontenut tiegħu biss kien effettivament ippermetta lir-Repubblika Ċeka li tiddetermina b’ċertezza l-ammont tad-dazji li kellu jiġi rkuprat u d-debitur ta’ dawn id-dazji.

52      Issa, il-kumpannija BAIDE waqfet kull attività fit-territorju tar-Repubblika Ċeka minn Mejju 2008, jiġifieri qabel ma ntbagħat ir-rapport tal-OLAF, b’tali mod li, meta dan ir-rapport ġie adottat, ma kien jeżisti fir-Repubblika Ċeka ebda patrimonju ieħor li seta’ jinqabad ħlief dak li finalment inqabad mill-awtoritajiet doganali nazzjonali.

53      L-allegat dewmien tal-awtoritajiet doganali wara li rċevew ir-rapport imsemmi ma setax għalhekk, fi kwalunkwe każ, jagħmilha impossibbli li jiġi rkuprat id-dejn doganali.

54      Ir-Repubblika Ċeka żżid tgħid li, fi kwalunkwe każ, ebda dewmien ma huwa attribwibbli lilha fil-konstatazzjoni u l-irkupru tas-somma kontenzjuża wara li ntbagħat ir-rapport tal-OLAF. Hija tippreċiża li l-awtoritajiet doganali adottaw il-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-esklużjoni tal-possibbiltà ta’ aġġustament fiskali fit-28 każ ta’ importazzjoni kkonċernati kollha.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rkupru tas-somma kontenzjuża ma humiex attribwibbli lir-Repubblika Ċeka u din tista’ tuża l-eżenzjoni milli tagħmel disponibbli riżorsi proprji prevista fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000.

56      Għaldaqstant, l-arrikkiment tal-Kummissjoni, wara l-ftaqir tar-Repubblika Ċeka li jirriżulta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma kontenzjuża, ma għandux bażi legali valida.

57      Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti tar-Repubblika Ċeka kollha jiġu miċħuda u ssostni li din tal-aħħar ma pprovdietx prova ta’ arrikkiment indebitu.

58      Il-Kummissjoni ssostni, primarjament, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma humiex applikabbli għar-Repubblika Ċeka, peress li din tal-aħħar ma daħħlitx ir-riżorsi proprji mhux irkuprati fil-kontijiet separati previsti għal dan il-għan, il-Kont B, fl-osservanza tat-termini preskritti fl-Artikolu 6(3) tal-istess regolament.

59      Fil-fatt jirriżulta mis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 65), li l-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu eżentati mill-obbligu tagħhom li jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għad-dazji kkonstatati teħtieġ mhux biss il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, iżda wkoll li dawk id-dazji jkunu ġew debitament imdaħħla fil-Kont B.

60      Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka ma osservatx it-termini mogħtija u għalhekk ma ddaħħlux korrettament id-dazji li għandhom jiġu rkuprati fil-Kont B, peress li aġixxiet tard meta ma kkonstatatx id-dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE fuq l-importazzjonijiet kontenzjużi mar-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni, li ntemmet fis‑26 ta’ Novembru 2007.

61      Anki jekk wieħed jassumi li l-ammonti li jikkorrispondu għad-dazji kkonstatati kienu ddaħħlu regolarment fil-Kont B, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka kellha tikkostitwixxi garanzija għall-irkupru tas-somma kontenzjuża qabel ma tpoġġi l-importazzjonijiet kkontestati f’ċirkulazzjoni libera, b’tali mod li l-waqfien tal-attività tal-kumpannija BAIDE, li seħħ sussegwentement, ma setax legalment ifixkel l-irkupru tagħha.

62      Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li s-soluzzjoni milħuqa fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530), hija ta’ importanza kunsiderevoli għall-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu mill-possibbiltà li jinstemgħu f’tilwim bejniethom u l-Kummissjoni dwar obbligi li jagħmlu disponibbli riżorsi proprji.

63      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-Repubblika Ċeka ma setgħetx tirkupra s-somom kontenzjużi għal raġuni li ma kinitx attribwibbli lilha, peress li d-debitur kien waqqaf l-attivitajiet tiegħu qabel id-data li fiha ġie adottat ir-rapport tal-OLAF.

64      Ir-Renju tal-Belġju jqis li Stat Membru jista’ jinvoka l-eżenzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji prevista fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 anki fil-każ li r-riżorsi proprji jiddaħħlu tard fil-Kont B, jekk tali riżorsi jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi għal tali dħul u dak l-Istat Membru juri li n-nuqqas ta’ rkupru ta’ ċerti riżorsi proprji huwa r-riżultat ta’ ċirkustanzi li ma huwiex responsabbli għalihom.

65      F’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka ma pproċedietx tard biex tirkupra s-somom ikkontestati sa fejn, essenzjalment, kien l-OLAF, jekk ikkunsidra li kien meħtieġ, li kellu jibgħat uffiċjalment u mar-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni, l-elementi utli għall-irkupru tad-dejn doganali u mhux joqgħod “passivament” fuq ir-rappreżentanta tal-amministrazzjoni Ċeka preżenti waqt il-missjoni biex tagħmel dan.

66      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-argumenti skambjati bejn il-partijiet, kif għadhom kif tfakkru, għandhom iwassluha biex teżamina, f’din l-ordni, l-erba’ punti li ġejjin: il-kundizzjonijiet sabiex tiġi applikata lir-Repubblika Ċeka l-possibbiltà li tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tagħmel disponibbli s-somma kontenzjuża; id-data li fiha kellhom jiġu kkonstatati d-dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE li jikkorrispondu għas-somma kontenzjuża; il-konsegwenzi tal-waqfien tal-attività tal-kumpannija msemmija fuq l-obbligu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tas-somma kontenzjuża, u l-obbligu għar-Repubblika Ċeka li tikkostitwixxi garanzija għall-irkupru tas-somma kontenzjuża.

 Dwar ilkundizzjonijiet għallapplikazzjoni għar-Repubblika Ċeka tal-possibbiltà li tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tagħmel disponibbli s-somma kontenzjuża

67      Kif tfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ċeka ma setgħetx tinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, peress li ma stabbilixxietx li daħħlet fil-Kont B, fit-termini previsti fl-Artikolu 6(3)(b) tal-istess regolament, id-dazji mhux irkuprati.

–       Dispożizzjonijiet applikabbli

68      Fir-rigward tal-perijodu kkonċernat mill-fatti li wasslu għall-kawża, żewġ deċiżjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni applikaw suċċessivament, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad‑29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200), imbagħad, mill‑1 ta’ Jannar 2007, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas‑7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17).

69      Skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott, essenzjalment, fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436, jikkostitwixxu riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni d-dħul minn, b’mod partikolari, “Tariffi Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] rigward kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri”.

70      L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjonijiet 2000/597 u 2007/436 jipprovdu, b’mod partikolari, minn naħa, li dawn ir-riżorsi proprji tal-Unjoni għandhom jinġabru mill-Istati Membri skond dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi nazzjonali li huma, fejn xieraq, adattati għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri jqiegħdu dawk ir-riżorsi disponibbli għall-Kummissjoni.

71      Ir-Regolament Nru 1150/2000 applikabbli għal din il-kawża huwa r-riżultat ta’ żewġ emendi mdaħħlin, matul il-perijodu kkonċernat mill-fatti li wasslu għall-kawża, rispettivament, b’effett mit‑28 ta’ Novembru 2004, mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas‑16 ta’ Novembru 2004 (ĠU 2006, L 153M, p. 162; rettifika fil-ĠU 2006, L 105, p. 64), u b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2007 bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009 tas‑26 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 36, p. 1).

72      Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, dritt tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji jiġi kkonstatat hekk kif jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni doganali dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tad-dazju u l-komunikazzjoni tiegħu lill-persuna responsabbli għall-ħlas tiegħu. Id-data li għandha tintuża għall-konstatazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu 1 hija d-data tat-teħid inkunsiderazzjoni prevista fir-regolamenti doganali, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.

73      L-Artikolu 6(1) u (3)(a) u(b) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Kontijiet għar-riżorsi tagħha proprji għandhom jinżammu mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skond it-tipi ta’ riżorsi.

[…]

3.

(a)      Intitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħlu fil-kontijiet [ġeneralment magħrufa bħala l-‘Kont A’] mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xhar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit.

(b)      Intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jintwerew f’kontijiet separati [ġeneralment magħrufa bħala l-‘Kont B’] matul il-perijodu preskritt fil-punt (a). Stati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta jkunu ġew sfidatati u jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil.”

74      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.”

75      Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess regolament:

“Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir taħt l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni [2007/436], id-dħul tar-riżorsi proprji msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fih l-intitolament ikun ġie stabbilit taħt l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Madanakollu, għal intitolamenti murija f’kontijiet separati taħt l-Artikolu 6(3)(b) ta’ dan ir-Regolament, id-dħul għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-intitolamenti jkunu rkuprati.”

76      Bis-saħħa tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, kull dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi moratorji.

77      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 17(1) sa (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

2.      L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba:

(a)      raġunijiet ta’ force majeure; jew

(b)      raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu dikjarati irrekuperabbli b’deċiżjoni ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perijodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skond l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

[…]

L-ammonti dikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jiġu mneħħija b’mod definittiv mill-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b). Għandhom jintwerew f’anness mad-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(4)(b) u, fejn applikabbli, fid-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(5).

3.      Fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 jew skond il-limiti ta’ żmien imsemmija f’dak il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar dawk il-każijiet fejn il-paragrafu 2 ġie applikat sakemm id-drittijiet stabbiliti involuti jaqbżu l-€50 000.

[…]

Dan ir-rapport, li għandu jsir fuq formola li għandha tiġi provduta mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta l-kumitat imsemmi fl-Artikolu 20, għandu jinkludi l-fatti kollha meħtieġa għal eżami sħiħ tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) li ostakolaw lill-Istat Membru konċernat milli jagħmel disponibbli l-ammonti in kwistjoni u l-miżuri ta’ rkupru li l-Istat Membru ħa fil-każ jew fil-każijiet in kwistjoni.

4. Il-Kummissjoni għandha sitt xhur minn meta tirċievi r-rapport previst fil-paragrafu 3 biex tibgħat il-kummenti tagħha lill-Istat Membru konċernat.

[…]”

–       Interpretazzjoni talQorti talĠustizzja

78      Mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjonijiet 2000/597 u 2007/436 jirriżulta li r-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2000/597 u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436 huma miġbura mill-Istati Membri u li huma għandhom l-obbligu li jqiegħdu dawn ir-riżorsi għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 34).

79      Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma obbligati, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, jikkonstataw dritt tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji hekk kif jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni doganali fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-ammont tad-dazju u l-komunikazzjoni tiegħu lill-persuna responsabbli biex tħallsu. L-Istati Membri huma għalhekk obbligati li jinkludu d-dazji stabbiliti skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament fil-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑442/08, EU:C:2010:390, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(3)(b) tal-istess regolament, dazju kkonstatat li jkun għadu ma ġiex irkuprat u li għalih ma tkun ġiet ipprovduta ebda garanzija jiddaħħal f’kont separat, jiġifieri l-Kont B (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali), C‑304/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:601, punt 52).

81      L-Istati Membri għandhom imbagħad iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, billi jdaħħluhom, fit-termini stabbiliti, fil-kreditu tal-kont miftuħ għal dan il-għan f’isem din l-istituzzjoni. Skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, kull dewmien fid-dħul f’dan il-kont jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi moratorji (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 58).

82      Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammonti li jikkorrispondu għad-dazji kkonstatati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament isiru disponibbli għall-Kummissjoni. L-Istati Membri huma eżenti minn dan biss jekk l-irkupru ma jkunx jista’ jitwettaq għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew fejn jiġri li jkun definittivament impossibbli li jsir irkupru għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom. L-ammonti ddikjarati jew meqjusa irrekuperabbli huma definittivament irtirati mill-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b) ta’ dan ir-regolament (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 60).

83      Id-dħul tar-riżorsi proprji fil-Kont B għalhekk jirrifletti sitwazzjoni eċċezzjonali kkaratterizzata mill-fatt li l-Istati Membri jiġu permessi jew ma jpoġġux dawn id-dazji għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni hekk kif jiġu kkonstatati minħabba li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, taħt l-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, jew li jiġu eżenti milli jagħmlu dan jekk id-dazji imsemmija ma jkunux irkuprabbli għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew għal raġunijiet oħra li ma jkunux attribwibbli lilhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 68).

84      Madankollu, il-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu eżenti mill-obbligu tagħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal dazji kkonstatati teħtieġ mhux biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, iżda wkoll li dawn id-dazji jkunu ddaħħlu regolarment fil-Kont B (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 65).

–       Applikazzjoni għal dan ilkaż

85      Il-Kummissjoni tinvoka, kif ippreċiżat fil-punt 59 iktar ’il fuq, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 65), kif għadu kif tfakkar fil-punt 84 iktar ’il fuq.

86      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-argument invokat mill-Kummissjoni, indipendentement mill-fondatezza tiegħu, huwa ineffettiv fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li huwa bbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Unjoni.

87      Fil-fatt, f’dan il-kuntest, kif tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti pprovdietx prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-Kummissjoni u tal-ftaqir tagħha marbut mal-imsemmi arrikkiment, jew jekk, fin-nuqqas ta’ tali prova, għandux jiġi konkluż li dan l-arrikkiment kien iġġustifikat mill-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji. Issa, fi kwalunkwe każ, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji ma huwiex iġġustifikat mill-obbligu li jiġu osservati t-termini previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000, li l-ksur tagħhom ma jwassal għall-ebda ħlas, lanqas dak ta’ interessi moratorji, li huwa suġġett għad-dewmien fid-dħul tal-kont miftuħ għal dan il-għan f’isem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 kif emendat.

88      Ir-Repubblika Ċeka għalhekk ma tistax tiġi obbligata, fil-kuntest tar-rikors tagħha bbażat fuq arrikkiment indebitu, li tistabbilixxi, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, li “l-proċess kollu matul il-proċedura doganali, l-irkupru tad-dejn u l-operazzjonijiet relatati mar-riżorsi proprji twettaq skont ir-regoli kollha, b’mod korrett, fil-ħin u fl-osservanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] iżda li tistabbilixxi biss, minbarra l-ftaqir tagħha u l-arrikkiment korrelattiv, li dan kien nieqes minn kull ġustifikazzjoni.

89      Fi kwalunkwe każ, mill-proċess jirriżulta li d-dazji inkwistjoni ddaħħlu fit-termini previsti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000.

90      Id-dħul fil-Kont B huwa operazzjoni purament kontabbli, b’tali mod li t-termini previsti għat-twettiq tagħha għandhom, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, jiġu kkalkolati mhux mid-data li fiha d-dazji inkwistjoni kellhom jiġu kkonstatati, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1150/2000, iżda mid-data li fiha dawn id-dazji ġew effettivament kkonstatati.

91      Huwa stabbilit bejn il-partijiet, kif ikkonfermaw fit-tweġibiet tagħhom għall-mitoqsijiet bil-miktub, li d-dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE fuq l-importazzjonijiet kontenzjużi ġew ikkonstatati u mdaħħla fil-Kont B fl-istess jum, jiġifieri bejn it‑22 ta’ Settembru 2008 u t‑18 ta’ Frar 2009. Il-Kummissjoni barra minn hekk ammettiet, fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 28, li “d-dħul fil-Kont B immedjatament wara l-kunsiderazzjoni prevista mir-regolamenti doganali [kien] aċċettabbli”.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, id-dazji dovuti mill-kumpannija BAIDE, iżda li kienu għadhom ma nġabrux u għalhekk li ma kienet ipprovduta ebda garanzija, kienu ddaħħlu fil-Kont B, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d‑19 tat-tieni xahar wara dak li matulu dawn id-dazji ġew ikkonstatati.

93      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk is-somma kontenzjuża kinitx irrekuperabbli għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lir-Repubblika Ċeka, li jippermettulha ddaħħalhom f’kont separat.

 Fuq iddata li fiha kellhom jiġu kkonstatati ddazji antidumping dovuti millkumpannija BAIDE li jikkorrispondu għas-somma kontenzjuża

94      Ir-Repubblika Ċeka ssostni, kif tfakkar fil-punt 51 iktar ’il fuq, li hija setgħet tikkonstata d-dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE fuq l-importazzjonijiet kontenzjużi biss wara li ntbagħat ir-rapport tal-OLAF, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li hija kellha tagħmel dan hekk kif il-missjoni ta’ spezzjoni ġiet lura, kif jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq.

95      Ir-Repubblika Ċeka kienet, fil-fatt, konxja mill-minuti tal‑15 ta’ Novembru 2007, kif ukoll mill-provi tal-oriġini Ċiniża tal-merkanzija inkwistjoni miksuba matul il-missjoni u annessi ma’ dan id-dokument, peress li dan tal-aħħar kien ġie ffirmat mir-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka, li kienet preżenti matul il-missjoni kollha u pparteċipat fil-laqgħat kollha kif ukoll fl-ispezzjoni tal-faċilitajiet tal-produzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ċeka kellha biżżejjed informazzjoni biex tipproċedi, hekk kif ir-rappreżentanta tagħha ġiet lura mill-missjoni, għall-konstatazzjoni tad-dejn doganali.

96      Kif jirriżulta mit-testi applikabbli, mfakkra fil-punti 68 sa 77 iktar ’il fuq, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jikkonstataw dritt tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji hekk kif jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet previsti mir-regolamenti doganali fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tad-dazju u l-komunikazzjoni tiegħu lill-persuna responsabbli għall-ħlas tiegħu.

97      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 217(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża, jipprovdi li “[k]ull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali […] għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet)”.

98      Dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti jekk l-awtoritajiet doganali jkollhom l-informazzjoni meħtieġa u għalhekk ikunu jistgħu jikkalkolaw l-ammont ta’ dazji li jirriżultaw mid-dejn doganali u jiddeterminaw id-debitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑392/02, EU:C:2005:683, punti 57 sa 59).

99      F’dan il-każ, huwa stabbilit li rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka ħadet sehem fil-missjoni ta’ spezzjoni u li hija ffirmat il-minuti tal‑15 ta’ Novembru 2007.

100    Ir-Repubblika Ċeka ssostni li r-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali tagħha ma rċevietx id-dokumenti annessi mal-minuti msemmija fi tmiem il-missjoni ta’ spezzjoni, b’tali mod li f’dik id-data ma kellhiex l-provi neċessarji sabiex tirkupra s-somma kontenzjuża.

101    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li hija ma kinitx qed issostni li r-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka preżenti waqt il-missjoni ta’ spezzjoni kienet materjalment irċeviet id-dokumenti annessi mal-minuti, iżda li hija kienet neċessarjament taf bil-provi miġbura matul din il-missjoni, għax setgħet tikkonsultahom.

102    Madankollu, wieħed ma jistax jaqbel mal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li kien biżżejjed li r-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali Ċeka “rat b’għajnejha dak li [kien] ġara” biex ir-Repubblika Ċeka, fuq il-bażi unika tax-xhieda tar-rappreżentant tagħha, tkun tista’ tikkonstata d-dazji dovuti mill-kumpannija BAIDE wara r-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni.

103    Fil-fatt ma huwiex biżżejjed li wieħed ikun jaf bl-eżistenza ta’ prova sabiex joqgħod fuq din il-prova fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva. Sabiex ikunu jistgħu jqisu l-ammont ta’ dazji dovuti u biex jinformaw lill-persuna responsabbli biex tħallashom, l-awtoritajiet Ċeki kellhom ikunu f’pożizzjoni li jawtentikaw il-provi miġbura waqt il-missjoni ta’ spezzjoni, imbagħad jipproduċuhom fil-konfront tal-persuna responsabbli biex tħallas. Issa, kif għadu kif intqal, ma huwiex ikkontestat li tali informazzjoni ma ngħatatx lir-Repubblika Ċeka fi tmiem il-missjoni ta’ spezzjoni.

104    Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li, sa fejn ir-Repubblika Ċeka, bil-minuti tal‑15 ta’ Novembru 2007, kienet ġiet informata bil-lista ta’ provi miġbura, kellu jiġi minnha li tikseb din l-informazzjoni billi tressaq talba lill-OLAF jekk kienet tqis dan meħtieġ.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ċeka ssostni li ma kien hemm ebda bażi legali li tippermetti lir-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali tagħha tibgħat direttament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ missjoni mwettqa taħt ir-responsabbiltà tal-OLAF, li tkun kunfidenzjali u ma tistax tintuża bħala prova fi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji ħlief wara li tkun intbagħtet mill-Kummissjoni u ċċekkjata mill-OLAF, l-uniċi destinatarji tad-dokumenti u tal-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ missjoni tal-Unjoni f’pajjiż terz.

106    Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat‑13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217), “jistabbilixxi l-metodi li bihom l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar materji doganali u agrikoli fl-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw konformità ma’ dik il-leġislazzjoni fil-qafas ta’ sistema tal-Komunità”.

107    L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 515/97, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża, jipprovdi li “Sejbiet, ċertifikati, informazzjoni, dokumenti, kopji awtentikati u xi tagħrif akkwistat mill-impjegati ta’ l-awtorità l-mitluba [jiġifieri l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li lilha hija indirizzata t-talba għall-assistenza] u kkomunikati lill-awtorità applikanti [jiġifieri l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li tressaq talba għall-assistenza] waqt l-għajnuna li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikoli 4 sa 11 [relatati mal-modalitajiet għall-implimentazzjoni ta’ assistenza wara talba] jistgħu ikunu invokati bħala evidenza mill-korpi kompetenti ta’ l-Istati Membri ta’ l-awtorità applikanti”.

108    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 515/97 jistabbilixxi dan li ġej:

“1.      Biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19, twettaq missjonijiet amministrattivi u ta’ koperazzjoni investigattiva tal-Komunità f’pajjiżi terzi b’kordinazzjoni u koperazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

2.      Il-missjonijiet tal-Komunità lejn pajjiżi terzi riferuti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati b’dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      huma jistgħu jitwettqu fuq l-inizjattiva tal-Kummisjoni, fejn xieraq fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Parlament Ewropew, jew fuq talba ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri;

(b)      huma għandhom jitwettqu minn uffiċjali tal-Kummissjoni maħtura għal dak l-iskop u minn uffiċjali maħtura għal dak l-iskop mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernati;

(ċ)      huma jistgħu wkoll, bi ftehim mal-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati, jitwettqu f’isem il-Komunità minn uffiċjali ta’ Stat Membru, b’mod partikolari taħt ftehim ta’ għajnuna bilaterali ma’ pajjiż terz; f’dak il-każ il-Kummissjoni għandha tkun infurmata bir-riżultati tal-missjoni;

[…]”

109    L-Artikolu 21, li huwa parti mit-Titolu IV “Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi”, tar-Regolament Nru 515/97, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża, jippreċiża:

“1.      Is-sejbiet u l-informazzjoni akkwistata matul il-missjonijiet tal-Komunità riferuti fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari dokumenti mwassla mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati, għandhom ikunu ttrattati skond l-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament.

2.      L-Artikolu 12 għandu jkun japplika mutatis mutandis għas-sejbiet u informazzjoni riferuti fil-paragrafu 1.

3.      Għall-iskopijiet ta’ l-użu tagħhom skond l-Artikolu 12, dokumenti oriġinali akkwistati jew kopji awtentikati tagħhom għandhom jitwasslu mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, jekk dawn jitolbu hekk.”

110    L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 515/97, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża, jgħid:

“1.      Indipendentement mill-għamla, kull informazzjoni trasmessa skond dan ir-Regolament għandha tkun ta’ natura kunfidenzali, inkluża d-data maħżuna fis-[sistema ta’ informazzjoni doganali]. Għandha tkun koperta bl-obbligazzjonijiet ta’ segretezza professjonali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija lil informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri li jirċevuha u taħt id-disposizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-awtoritajiet tal-Komunità.

B’mod partikolari, l-informazzjoni riferuta fl-ewwel subparagrafu ma tistax tintbagħat lil persuni apparti minn dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Komunità li l-funzjonijiet tagħhom ikunu jirrikjedu li jkunu jafuha jew jużawha. Lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħra apparti minn dawk li hemm ipprovdut għalihom f’dan ir-Regolament, sakemm l-Istat Membru, jew il-Kummissjoni, li jkunu fornewha jew daħħluha fis-[sistema ta’ informazzjoni doganali] ma jkunux espressament qablu, suġġett għal kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru jew mill-Kummissjoni u sa kemm komunikazzjoni jew użu bħal dak ma jkunx ipprojbit mid-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-awtorità li tirċievi tkun ibbażata.

2.      Mingħajr preġudizzji għad-disposizzjonijiet fit-Titolu V dwar is-[sistema ta’ informazzjoni doganali], informazzjoni li tikkonċerna persuni naturali u legali għandha tkun trasmessa taħt dan ir-Regolament biss meta jkun strettament neċessarju li jżommu, jinvestigaw jew jieħdu l-azzjonijiet rigward operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx ifixklu l-użu ta’ l-informazzjoni akkwistata taħt dan ir-Regolament b’xi azzjoni jew proċeduri legali li jkunu sussegwentement mibdija f’dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali jew agrikola.

[…]”

111    L-Artikolu 9, intitolat “Ir-rapport ta’ l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet”, tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE) tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), huwa fformulat hekk:

“1.      Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju, dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-Uffiċċju dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

2.      Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru iinvolut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta’ valur identiku għal dawk ir-rapporti.

3. Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna [li biha, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament, l-Uffiċċju jwettaq kontrolli u spezzjonijiet previsti mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u mir-regolamenti settorjali msemmija fl-Artikolu 9(2) tal-istess Regolament, fl-Istati Membri u, skont il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni fis-seħħ, f’pajjiżi terzi] u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet esterni.

[…]”

112    L-Artikolu 17, intitolat “Missjonijiet investigattivi f’pajjiżi terzi”, tal-Linji Gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida interni”) jippreċiża, fil-paragrafu 5 tiegħu, li “[m]embri tal-unità tal-investigazzjoni [li l-każ ġie assenjat lilha mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, skont l-Artikolu 6.1 tal-Linji gwida interni] li jkunu involuti li jagħmlu l-missjoni investigattiva jfasslu rapport tal-attivitajiet magħmula waqt il-missjoni, li kopja tiegħu tingħata lill-parteċipanti [jiġifieri, skont il-paragrafu 7, għal dak li jirrigwarda l-missjonijiet investigattivi dwar id-dwana jew ir-riżorsi proprji, lill-uffiċjali tal-Istati Membri kkonċernati li jipparteċipaw fil-missjoni investigattiva]”

113    Wara li tfakkru d-dispożizzjonijiet applikabbli għal din il-kawża u invokati mill-partijiet, għandu jiġi rrilevat li mill-qafas regolatorju hekk iddefinit jirriżulta li l-kollaborazzjoni tal-Istati Membri mal-Kummissjoni hija kundizzjoni essenzjali għall-osservanza tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali fi ħdan l-Unjoni.

114    Għal dan il-għan, missjonijiet Komunitarji ta’ kooperazzjoni u ta’ investigazzjoni amministrattiva huma mwettqa f’pajjiżi terzi, li fihom jieħdu sehem aġenti maħtura għal dan il-għan mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 515/97.

115    Għalkemm il-konstatazzjonijiet li saru u l-informazzjoni miksuba matul il-missjonijiet Komunitarji huma ta’ natura kunfidenzjali, is-segretezza professjonali li biha huma koperti, skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 515/97, ma tistax tipprekludi li jkunu kkomunikati lir-rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri fi ħdan dawn il-missjonijiet, għax inkella jiġi miċħud l-effett utli tal-għan ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fil-punt 113 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 1 tar-regolament imsemmi.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn ir-rappreżentanti għandhom jitqiesu, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 515/97 bħala persuni li huma, fl-Istati Membri, minħabba l-funzjonijiet tagħhom, imsejħa biex ikunu jafuhom jew jużawhom.

117    Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet u l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ missjoni Komunitarja mwettqa f’pajjiż terz jistgħu jintużaw mill-uffiċjali nnominati mill-Istati Membri sabiex jipparteċipaw fiha għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 515/97.

118    Bis-saħħa tal-Artikolu 45(2) u (3) tal-istess regolament, it-tagħrif miksub fil-kuntest ta’ missjonijiet Komunitarji jista’ jintuża sabiex jippermetti t-twettiq ta’ operazzjonijiet kuntrarji għar-regolamenti doganali, kif ukoll fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew prosekuzzjonijiet sussegwenti. Dan it-tagħrif jista’, b’mod partikolari, jiġi invokat bħala prova mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 515/97.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, ir-rappreżentanta tal-amministrazzjoni doganali tagħha fi ħdan il-missjoni ta’ spezzjoni kellha s-setgħa sħiħa li titlob u tirċievi mingħand l-OLAF, kif fil-fatt issostni l-Kummissjoni, il-provi annessi mal-minuti tal‑15 ta’ Novembru 2007, mingħajr dan ma jkun ta’ ostakolu għall-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 515/97. Kienet awtorizzata wkoll tikkomunikahom lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Ċeka sabiex ikunu jistgħu jużaw dawn il-provi kontra l-kumpanija BAIDE fil-kuntest tal-proċedura għall-irkupru tad-dejn doganali dovut mill-kumpannija msemmija.

120    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni, madankollu, kif intqal fil-punt 105 iktar ’il fuq, li l-OLAF kien obbligat jevalwa l-konstatazzjonijiet li saru matul il-missjoni ta’ spezzjoni qabel ma jibgħathom fil-kuntest tar-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu, skont il-punt 17.5 tal-Linji gwida interni u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999.

121    Il-fatt li l-OLAF jivverifika l-provi qabel ma jibgħathom fil-kuntest tar-rapport tiegħu, għalkemm seta’ jittardja, jekk ikun il-każ, il-komunikazzjoni ta’ tali provi, fih innifsu ma jipprekludix, madankollu, li r-Repubblika Ċeka, kif issostni l-Kummissjoni, tressaq talba quddiemu hekk kif ir-rappreżentanta tagħha rritornat mill-missjoni.

122    Madankollu, ma huwiex ikkontestat li l-OLAF impenja ruħu li jikkomunika lir-Repubblika Ċeka l-provi miġbura matul il-missjoni ta’ spezzjoni mill-bidu tal-2008. Issa huwa stabbilit, kif il-Kummissjoni barra minn hekk irrikonoxxiet waqt is-seduta, li l-OLAF dam ma kkomunka r-rapport tiegħu, fejn kien hemm mehmuża dawn il-provi.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tiġi kkritikata li stenniet il-komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF u li ma talbitx il-produzzjoni ta’ provi hekk kif irritornat il-missjoni ta’ spezzjoni.

124    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka setgħet, f’dan il-każ, tqis li huwa neċessarju li tistenna li tali provi jiġu analizzati u vverifikati mill-OLAF qabel ma tużahom fil-kuntest ta’ proċedura ta’ aġġustament fiskali. L-OLAF kien tabilħaqq fl-aħjar pożizzjoni biex iwettaq din il-verifika, peress li l-ġbir ta’ provi kien sar taħt ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Laos u fl-assenza ta’ ftehim bilaterali ta’ assistenza bejn dan il-pajjiż u r-Repubblika Ċeka.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ċeka stabbilixxiet li hija ma setgħetx ikollha f’idejha l-provi meħtieġa sabiex jiġu kkonstatati d-dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE fuq it-28 każ ta’ importazzjoni kontenzjużi hekk kif il-missjoni rritornat mill-ispezzjoni.

126    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, meta ma stabbilixxietx, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, id-dazji inkwistjoni fil-jiem ta’ wara r-ritorn tal-missjoni ta’ spezzjoni, ma kisritx l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti 68 sa 77 iktar ’il fuq.

 Fuq ilkonsegwenzi talwaqfien mill-attività talkumpannija BAIDE fuq lobbligu li ssomma kontenzjuża ssir disponibbli u lirkupru tagħha

127    Ir-Repubblika Ċeka ssostni, kif tfakkar fil-punt 52 iktar ’il fuq, li hija ma setgħetx tirkupra s-somma kontenzjuża peress li l-kumpannija BAIDE kienet waqfet kull attività fit-territorju nazzjonali minn Mejju 2008, b’tali mod li l-maġġoranza tal-patrimonju ta’ din il-kumpannija ma setax jinqabad meta r-rapport tal-OLAF intbagħtilha.

128    Huwa stabbilit li r-rapport tal-OLAF kien effettivament jippermetta li jiġu kkonstatati d-dazji doganali dovuti mill-kumpannija BAIDE. Tali rapport jispeċifika, fil-fatt, li l-evidenza tal-oriġini Ċiniża tal-merkanzija kienet biżżejjed biex tinfetaħ proċedura ta’ aġġustament fiskali u jsemmi t-28 każ ta’ importazzjoni kontenzjużi li jikkonċernaw il-kumpannija BAIDE fir-Repubblika Ċeka.

129    Lanqas ma huwa kkontestat li l-kumpannija BAIDE kienet waqfet l-attivitajiet tagħha fit-territorju tar-Repubblika Ċeka sa minn Mejju 2008, ħaġa li l-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta.

130    Barra minn hekk jirriżulta mill-investigazzjoni, b’mod partikolari mill-investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet doganali Ċeki fost il-banek u s-servizzi muniċipali tal-belt ta’ Praga (ir-Repubblika Ċeka), u mill-estratt mir-reġistru kummerċjali, mir-risposta tal-awtoritajiet tat-taxxa mogħtija għat-talba tal-awtoritajiet doganali Ċeki għall-ħlas ta’ pagamenti żejda ta’ taxxa stabbiliti f’isem il-kumpannija BAIDE, mir-risposta għal talba għal informazzjoni fiskali u t-talba ta’ insolvenza tal-likwidatur tal-kumpannija BAIDE, mehmuża mar-rikors, rispettivament, fl-annessi, A.8, A.19, A.20 u A.21, li l-kumpannija BAIDE ma kellhiex iktar patrimonju li seta’ jinqabad fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, bl-eċċezzjoni tas-somom iddepożitati fi tliet kontijiet miftuħa maċ-Československá obchodní banka, kif ukoll ħlas żejjed ta’ taxxa, għall-ammonti rispettivi ta’ CZK 16 047.67, 14.56 dollaru Amerikan (USD), EUR 51.60 u CZK 82 300, fejn dawn is-somom ġew finalment irkuprati mill-awtoritajiet doganali.

131    Il-Kummissjoni ma tikkontestax ir-riżultat tal-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet doganali Ċeki dwar il-patrimonju tal-kumpannija BAIDE, u lanqas il-konklużjonijiet u d-data finanzjarja li jinsabu fid-dokumenti msemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq. Lanqas ma tikkontesta l-fatt li l-konstatazzjoni tal-waqfien mill-attività tal-kumpannija BAIDE hija direttament marbuta mal-fatt li, minn dak iż-żmien, din il-kumpannija, apparti l-ammonti msemmija iktar ’il fuq, ma kellhiex patrimonju li seta’ jinqabad fir-Repubblika Ċeka.

132    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tallegax li r-Repubblika Ċeka setgħet taqbad patrimonju ikbar minn dak li finalment qabdet wara li ntbagħat ir-rapport tal-OLAF.

133    Għalkemm il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ċeka li ma aġixxietx bid-diliġenza kollha meħtieġa fi tmiem il-missjoni ta’ spezzjoni, hija kkonfermat waqt is-seduta li ma riditx tallega li r-Repubblika Ċeka, indipendentement mill-miżuri implimentati wara li ntbagħat ir-rapport tal-OLAF, kellha tirkupra ammont ikbar minn dak li finalment ġie rkuprat wara li ntbagħat dan ir-rapport.

134    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija li saritilha dwar dan il-punt, li r-“Repubblika Ċeka kienet obbligata li tikkonstata d-dazji doganali fiż-żmien meta [il-kumpannija BAIDE] kienet għadha preżenti fit-territorju Ċek, għalhekk fi żmien bejn l-aħħar ta’ Novembru 2007 […] u [l-]aħħar ta’ Frar 2008”, u li “[b’hekk] setgħet tirkupra iktar flus kieku kienet ikkonstatat id-dejn doganali qabel” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

135    Issa, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kif ġie indikat fil-punti 123 u 124 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka setgħet raġonevolment tistenna l-komunikazzjoni tar-rapport tal-OLAF imħabbra għall-bidu tal-2008 mingħajr ma titlob, qabel din id-data, il-provi miġbura matul il-missjoni ta’ spezzjoni. F’dan il-kuntest, u meta jitqies iż-żmien li kien ikun meħtieġ biex jinkisbu dawn id-dokumenti, għall-analiżi tagħhom mill-awtoritajiet Ċeki u għall-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ aġġustament fiskali, il-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata li ssostni li r-Repubblika Ċeka setgħet irkuprat ammont ogħla ta’ dazji għar-riżorsi proprji kieku kienet ikkonstatathom qabel.

136    F’dawn il-kundizzjonijiet, mill-investigazzjoni jirriżulta, filwaqt li jitqiesu l-elementi tal-fajl u l-argumenti skambjati bejn il-partijiet, li l-waqfien mill-attività tal-kumpannija BAIDE x’aktarx li kien jikkostitwixxi raġuni mhux attribwibbli lir-Repubblika Ċeka li setgħet teżenta legalment lil dan l-Istat Membru milli jagħmel is-somma kontenzjuża disponibbli għall-Unjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, imfakkar fil-punt 77 iktar ’il fuq.

137    Peress li l-waqfien tal-attività tal-kumpannija BAIDE seħħ ukoll qabel ma ntbagħat ir-rapport tal-OLAF, il-fatt, anki jekk wieħed jassumi li huwa fondat, li r-Repubblika Ċeka aġixxiet tard wara li ntbagħat dan ir-rapport huwa, fi kwalunkwe każ, mingħajr rilevanza għall-evalwazzjoni tal-obbligu tar-Repubblika Ċeka li tagħmel disponibbli s-somma kontenzjuża.

 Fuq lobbligu li tiġi kkostitwita garanzija għallirkupru tassomma kontenzjuża

138    Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li r-Repubblika Ċeka kienet konxja tar-riskju ta’ frodi mill-kumpannija BAIDE matul il-kontrolli ta’ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni. Għalhekk kellha tikkostitwixxi, qabel ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni ta’ din il-merkanzija, kif speċifikat fil-punt 61 iktar ’il fuq, garanzija suffiċjenti biex tkopri d-differenza li setgħet teżisti bejn l-ammont tad-dazji ddikjarati minn din il-kumpannija u l-ammonti li għalihom tali merkanzija setgħet fl-aħħar mill-aħħar tkun suġġetta għalihom, filwaqt li jitqiesu d-dubji serji eżistenti dwar l-oriġini tagħhom.

139    Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dan il-punt fuq l-Artikolu 248 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3 iktar ’il quddiem ir-“Regolament li jimplimenta l-kodiċi doganali”).

140    Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni u ssostni li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jeħtieġu garanzija fil-kuntest tal-kontrolli ta’ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni meta, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, ma kien hemm ebda prova ta’ dejn doganali inkors jew seta’ jiġi inkors.

141    Insostenn tal-argument tagħha, ir-Repubblika Ċeka tinvoka l-Artikolu 190(1) tal-Kodiċi Doganali li jipprovdi li “[f]ejn il-legislazzjoni doganali tipprovdi li l-għoti ta’ garanzija ma jkunx obbligatorju, dik il-garanzija għandha tkun meħtieġa fid-diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali sakemm iqisu li dejn doganali li ġie inkors jew li jista’ jiġi inkors mhux żgur li jitħallas fil-perjodu ta’ żmien preskritt”.

142    Mistiedna tippreċiża l-argumenti tagħha fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka ddikjarat li “l-ebda dispożizzjoni tar-regolamenti doganali fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti ma kienet tipprovdi li garanzija tista’ tkun meħtieġa taħt [l-Artikolu 190 tal-Kodiċi Doganali] wara kontrolli addizzjonali jew informazzjoni ġdida miksuba wara li l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkulazzjoni libera”. Hija kkonkludiet li għalhekk kien “inkonċepibbli li l-awtoritajiet doganali Ċeki kienu jeħtieġu garanzija taħt din id-dispożizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

143    Issa għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, kif ikkonfermat waqt is-seduta, ma tikkritikax lir-Repubblika Ċeka, sabiex tikkontesta l-azzjoni tagħha f’din il-kawża, talli ma kkostitwixxiet garanzija wara r-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-lajters tal-but, iżda meta ngħata r-rilaxx biss.

144    B’hekk, indipendentement mill-fondatezza tiegħu, l-argument tar-Repubblika Ċeka dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni f’dan il-każ tal-garanzija fakultattiva prevista mill-Artikolu 190 tal-Kodiċi Doganali huwa irrilevanti fir-rigward tal-eżami, f’din il-kawża, tal-obbligu ta’ garanzija invokata mill-Kummissjoni biex tirkupra s-somma kontenzjuża.

145    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ma tikkontestax li l-eżami tal-merkanzija inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 248 tar-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li jipprevedi l-kostituzzjoni, meta jingħata r-rilaxx tal-merkanzija, ta’ garanzija għall-awtorizzazzjoni tar-rilaxx tagħha għaċ-ċirkulazzjoni libera fil-każ li l-kontrolli mwettqa jistgħu jwasslu għad-determinazzjoni ta’ ammont ta’ dazju ogħla minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet doganali. Hija tikkontesta, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu huma ssodisfatti f’dan il-każ.

146    Wara li ġie ppreċiżat dan, jista’ jitfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni hija fdata f’idejn l-Istati Membri u hija l-unika responsabbiltà tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 62). F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-ammonti li jikkorrispondu għad-dazji kkonstatati, kif tfakkar fil-punt 77 iktar ’il fuq, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000.

147    Għalhekk huma l-Istati Membri, skont l-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, li għandhom iwettqu verifiki u investigazzjonijiet dwar il-konstatazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi proprji li ġejjin, bħal f’dan il-każ, mid-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti mill-istituzzjonijiet dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri tal-Unjoni, kif dawn id-dazji ġew iddefiniti fil-punt 69 iktar ’il fuq.

148    Il-konstatazzjoni tad-dazji ssir skont il-leġiżlazzjoni doganali dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tad-dazju u l-komunikazzjoni tiegħu lill-persuna responsabbli li tħallsu, skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament.

149    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tal-Kodiċi Doganali tippreċiża li, “[f]ejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali toħloq dejn doganali, il-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni m’għandhiex tinħeles ħlief meta d-dejn doganali jkun ġie mħallas jew garantit”.

150    L-Artikolu 248 li jidher taħt it-Titolu VIII “L-Eżami tal-Merkanzija; il-Konklużjonijiet ta’ l Uffiċju Doganali u Miżuri oħra Meħuda mill-Uffiċju Doganali” tar-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-għoti tar-rilaxx għandu jikkawża l-iskrizzjoni fil-kontijiet tad-dazji ta’ l-importazzjoni determinati skond id-dettalji fid-dikjarazzjoni. Meta l-awtoritajiet doganali jikkonsidraw li mill-kontrolli li huma jkunu wettqu jirriżulta li jista’ jiġi stmat ammont ta’ dazju ta’ importazzjoni ogħla minn dak li jirriżulta mid-dettalji mogħtija fid-dikjarazzjoni, għandhom jeħtieġu wkoll id-depożitu ta’ garanzija suffiċjenti biex tkopri d-differenza bejn l-ammont skond id-dettalji fid-dikjarazzjoni u l-ammont li jista’ finalment jitħallas fuq il-merkanzija. Madankollu, id-dikjarant jista’ jitlob l-iskrizzjoni immedjata fil-kontijiet ta’ l-ammont ta’ dazji li għalihom il-merkanzija tista’ finalment tkun soġġetta flok ma jiddepożita l-garanzija.

[…]”

151    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali, id-dazji applikabbli għandhom jew jitħallsu jew ikunu koperti minn garanzija qabel ma l-merkanzija tiġi rrilaxxata. Għalhekk, jekk l-awtoritajiet doganali jqisu li l-verifika tad-dikjarazzjoni doganali tista’ tagħti lok għal ammont pagabbli ta’ dazji fuq l-importazzjoni ogħla minn dak li jirriżulta mid-dettalji tad-dikjarazzjoni doganali, ir-rilaxx tagħha jkun awtorizzat wara l-kostituzzjoni ta’ garanzija suffiċjenti li tkopri d-differenza f’dawn l-ammonti.

152    F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 248(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali jipprovdi, minħabba l-użu tal-verb “ikkunsidra”, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri meta jiddeċiedu dwar il-ħtieġa li tintalab il-preżentazzjoni ta’ garanziji, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat mill-prinċipju ta’ effettività, stabbilit fl-Artikolu 325(1) TFUE, li bis-saħħa tiegħu għandha tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra kwalunkwe frodi jew kwalunkwe attività illegali oħra li x’aktarx tagħmel ħsara lil dawn l-interessi.

153    Il-portata tal-prinċipju ta’ effettività, sa fejn dan japplika għall-obbligu speċifiku li jaqa’ fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 325(1) TFUE li jiġi ggarantit il-ġbir effettiv u sħiħ tar-riżorsi proprji tal-Unjoni li jikkostitwixxu d-dazji doganali, ma tistax tiġi ddeterminata b’mod astratt u statiku peress li tiddependi fuq il-karatteristiċi tal-frodi jew l-attività illegali kkonċernata, li barra minn hekk jistgħu jevolvu maż-żmien.

154    F’dan il-każ, sabiex issostni li r-Repubblika Ċeka kienet konxja mir-riskju ta’ frodi meta rrilaxxat il-merkanzija inkwistjoni, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-Istat Membru rikorrent kien ġie informat li n-numru tas-serje b’ħames ċifri numri “44001”, miktub f’qiegħ il-lajters tal-but, seta’ jissuġġerixxi l-oriġini Ċiniża tagħhom.

155    F’dan ir-rigward u fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li din l-informazzjoni kienet tinsab f’dokumentazzjoni mfassla mill-OLAF u mqassma f’seminar organizzat fil‑31 ta’ Mejju u fl‑1 ta’ Ġunju 2005 (iktar ’il quddiem id-“dokumentazzjoni tal-OLAF tal‑2005”). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-Repubblika Ċeka ma pparteċipatx f’dan is-seminar, iżda ssostni li kienet destinatarja ta’ din id-dokumentazzjoni.

156    Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta li rċeviet id-dokumentazzjoni tal-OLAF tal‑2005.

157    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx “[taf] eżattament” f’liema data r-Repubblika Ċeka suppost irċeviet id-dokumentazzjoni tal-OLAF tal‑2005. Hija ċċarat li ma sabitx “prova konkreta” li bagħtet din id-dokumentazzjoni lir-Repubblika Ċeka. Lanqas ma jirriżulta mill-fajl li tali dokumentazzjoni, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, intbagħtet lir-Repubblika Ċeka bejn “Ġunju u l-aħħar tas-sena [2005]”.

158    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-kontroreplika, lanqas mill-komunikazzjoni WOMIS/CZ/2014/5, mehmuża bħala Anness D.3 u ddatata t‑3 ta’ Ottubru 2016, ma jirriżulta li, “fuq il-bażi tad-[dokumentazzjoni tal-OLAF tal‑2005], l-awtoritajiet Ċeki stabbilixxew profil tar-riskju fit‑22 ta’ Marzu 2006” [traduzzjoni mhux ufiċċjali].

159    Fl-aħħar nett, għalkemm ir-Repubblika Ċeka rrikoxxiet waqt is-seduta li, kif issemma espressament hemmhekk ukoll, il-profil tar-riskju li hija kienet stabbilixxiet fit‑22 ta’ Marzu 2006 kien fil-fatt imfassal fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-OLAF, hija ppreċiżat li tali informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata lilha f’laqgħa li saret bejn l‑20 u t‑22 ta’ Marzu 2006 mar-rappreżentanti tal-OLAF, mingħajr ma l-Kummissjoni kkummentat dwar din l-affermazzjoni.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li r-Repubblika Ċeka rċeviet id-dokumentazzjoni tal-OLAF tal‑2005 bejn Ġunju u tmiem is-sena 2005.

161    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax issostni li r-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha dwar ir-riżorsi proprji talli ma kkonstitwixxiet sa mis-sena 2005, fuq il-bażi ta’ “informazzjoni suffiċjentement preċiża dwar ir-riskji” ta’ frodi li tinsab f’din id-dokumentazzjoni, garanzija fuq il-dazji antidumping li x’aktarx kienu dovuti mill-kumpanija BAIDE, qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-lajters tal-but.

162    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-informazzjoni dwar in-numru tas-serje “44001”, li kienet tindika l-oriġini Ċiniża tal-lajters tal-but, dehret ukoll fil-profil tar-riskju li r-Repubblika Ċeka kienet stabbilixxiet fit‑22 ta’ Marzu 2006 u li hija kienet aġġornat f’Novembru ta’ wara (iktar ’il quddiem il-“profil tar-riskju”).

163    Mill-proċess jirriżulta li l-profil tar-riskju, kif tallega espressament ir-Repubblika Ċeka, ġie adottat biex “jiġbed l-attenzjoni tad-diversi uffiċċji doganali dwar ir-riskji identifikati u […] jobbliga lil dawn tal-aħħar iwettqu kontrolli fil-fond tal-merkanzija wara li jitqiesu dawn ir-riskji”. Il-profil tar-riskju jenfasizza, kif targumenta l-Kummissjoni, li “l-kodiċi numeriku b’ħames ċifri f’qiegħ il-lajters jindika li jistgħu jkunu lajters li joriġinaw miċ-Ċina” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

164    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-kontrolli mwettqa fuq il-bażi tal-profil tar-riskju madankollu ma ppermettewx li jiġi pprovat li l-lajters tal-but kellhom oriġini differenti minn dik iddikjarata mill-kumpannija BAIDE.

165    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tirreferi, fil-punti 43 u 44 tar-replika, għall-Annessi C.1a sa C.1f, C.1h sa C.1l u C.2.a sa C.2.n. Hija tidentifika, b’mod iktar speċifiku, kif jirriżulta mill-punt 22 tat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, l-annessi C.1h u C.2.a sa C.2.n, b’mod partikolari l-minuti li dawn fihom, kif inhuma relatati ma’ importazzjonijiet imwettqa wara l-adozzjoni tal-profil tar-riskju.

166    Madankollu, ir-Repubblika Ċeka ma tidentifikax fi ħdan dawn l-annessi, li jippreżentaw għażla ta’ “dokumenti relatati mal-kontrolli doganali”, hekk kif huma identifikati fl-iskeda mehmuża mar-replika, li tirrigwarda 24 mit-28 importazzjoni inkwistjoni, li essenzjalment tikkonsisti mill-minuti tal-kontrolli mwettqa, il-fatturi mħejjija mill-kumpannija BAIDE kif ukoll ċertu numru ta’ ritratti tat-tagħbijiet u tal-merkanzija kkonċernata, l-elementi li fuqhom hija bbażat ruħha biex tafferma li “l-ebda minn dawn il-kontrolli [ma] wrew elementi li jissuġġerixxu li l-oriġini reali tal-merkanzija kienet differenti mill-oriġini ddikjarata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

167    Anki jekk wieħed jassumi li tali elementi kienu ġew identifikati bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tevalwa l-fondatezza tagħhom, in-natura frammentata u mhux kompleta ta’ tali dokumentazzjoni, ippreżentata espressament b’mod selettiv, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tippermetti l-konklużjoni li l-ebda element ma seta’ jħalli lil dak li jkun jippreżumi l-oriġini Ċiniża tal-merkanzija inkwistjoni. Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni fil-punt 66 tal-kontroreplika, l-ebda ritratt tal-lajters tal-but ma kien mehmuż mad-dokumenti magħżula fl-Annessi C.1b, C.1f, C.1h sa C.1l, C.2a sa C.2n.

168    Mistoqsija dwar dan il-punt fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka sempliċement bbażat ruħha fuq żewġ ritratti addizzjonali sabiex tafferma li l-awtoritajiet doganali Ċeki ma kinux sabu n-numru tas-serje “44001”, indikat mill-OLAF, miktub fuq qiegħ il-lajters tal-but, iżda kodiċi differenti, li jikkonsisti fi tliet ittri u żewġ ċifri, jew saħansitra ebda kodiċi.

169    Is-sempliċi produzzjoni ta’ żewġ ritratti insostenn ta’ tali argument ma tistax, madankollu, tkun biżżejjed biex turi, kif issostni r-Repubblika Ċeka, li “ir-ritratti meħuda waqt il-kontrolli doganali” jippermettu li jiġi konkluż li n-numru tas-serje “44001” ma deherx fuq l-importazzjonijiet kontenzjużi. Barra minn hekk, għalkemm ir-ritratti mehmuża fl-Anness F.3 tabilħaqq juru, fil-qiegħ ta’ żewġ lajters, kodiċi differenti minn dak indikat mill-OLAF, xejn f’dawn ir-ritratti ma jippermetti li jiġi identifikat l-importatur ta’ dawn il-prodotti.

170    Peress li l-importazzjonijiet kontenzjużi jinvolvu diversi miljuni ta’ lajters, l-assenza, jekk nippreżumu li ġiet stabbilita, tan-numru tas-serje identifikat mill-OLAF fil-qiegħ ta’ tużżana lajters importati minn BAIDE, kif jidhru fuq ir-ritratti mehmuża mal-annessi ċċitati fil-punt 165 iktar ’il fuq, ma jistgħux għalhekk jitqiesu biżżejjed biex jiġi stabbilit li r-Repubblika Ċeka ma setgħetx ikollha dubji dwar l-oriġini Ċiniża tal-lajters tal-but.

171    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ma tistax tistrieħ b’mod utli, sabiex tistabbilixxi li l-miżuri meħuda “ma wrew xejn li kien juri li l-merkanzija kellha oriġini differenti minn dik iddikjarata”, fuq il-minuti mehmuża fl-Annessi C, peress li dawn id-dokumenti jiċċertifikaw biss ir-riżultati tal-kontrolli kif fil-fatt kienu saru, fuq il-bażi tal-elementi kkunsidrati biss.

172    Għandu jiġi osservat ukoll, f’dan ir-rigward, li l-punt 6.1 tal-Komunikazzjoni AM 2007/019 tal-Kummissjoni, tat‑30 ta’ April 2007, mibgħuta lill-Istati Membri fil-kuntest ta’ kooperazzjoni reċiproka, jippreċiża dan li ġej:

“[…]

Għall-perijodu mill-aħħar tal‑2004 sa Lulju 2006, il-kwantità ta’ lajters importati fil-Komunità mil-Laos laħqet iktar minn 80 miljun biċċa.

[…]

Waqt il-kontrolli, żewġ Stati Membri (id-dwana Ċeka u Belġjana) sabu, fil-qiegħ tal-kontenituri tal-lajters iddikjarati li joriġinaw mil-Laos, il-kodiċi b’5 ċifri assenjat mill-awtoritajiet Ċiniżi lill-produtturi tal-lajters Ċiniżi. F’dan il-każ, dan kien il-kodiċi 44001, il-kodiċi mogħti mill-awtoritajiet Ċiniżi lill-produttur Ċiniż imsemmi fil-punt 7.1.2 [jiġifieri l-kumpanija BAIDE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

173    Il-punt 12 tal-istess komunikazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Ġie aċċertat li l-produttur Ċiniż imsemmi fil-punt 7.1.2 stabbilixxa ċ-ċentru Ewropew tad-distribuzzjoni tiegħu fi Praga, ir-Repubblika Ċeka. Id-dwana Ċeka vverifikat is-sitwazzjoni tal-importazzjoni tal-importatur imsemmi fil-punt 7.2 u marbut mal-esportatur.

L-importatur marbut mal-esportatur mexxa immedjatament l-iżdoganar minn uffiċċju doganali għal ieħor sabiex jevita kontroll sħiħ tal-kunsinni tal-lajters iddikjarati li joriġinaw mil-Laos.

Sussegwentement, il-merkanzija ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkulazzjoni libera fis-Slovakkja. Id-dwana Slovakka ġiet informata bit-trasport tal-lajters mid-dwana Ċeka f’Lulju 2006 u, bl-għajnuna tal-OLAF, l-importazzjonijiet ta’ żewġ kunsinni twaqqfu f’Awwissu 2006. Meta d-dwana Slovakka talbet għall-garanziji li jkopru d-dazji antidumping fuq il-lajters, il-kunsinni ġew irritornati f’maħżen doganali fi Praga.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

174    Mistiedna espressament, bħala parti mill-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni li tinsab fil-punti 6.1 u 12 tal-komunikazzjoni msemmija fil-punti 172 u 173 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka sostniet li “l-informazzjoni dwar it-tifsira tal-kodiċi ta’ ħames figuri li tinsab fil-komunikazzjoni msemmija [kienet] frammentarja u vaga ħafna”. Madankollu, hija ma kkontestatx il-fatt, imsemmi fil-punt 6.1 ta’ din il-komunikazzjoni, li d-dwana Ċeka kienet sabet, indipendentement mis-sinjifikat eżatt tagħha, tali numru tas-serje f’qiegħ il-lajters importati mill-kumpannija BAIDE.

175    Għalkemm ir-Repubblika Ċeka sostniet ukoll li tali komunikazzjoni kienet irrilevanti għal din il-kawża sa fejn kienet tfasslet wara r-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-importazzjonijiet inkwistjoni, dan il-fatt lanqas ma jista’, waħdu, jinvalida l-informazzjoni li tinsab f’din il-komunikazzjoni li tgħid li d-dwana Ċeka kienet sabet f’qiegħ il-lajters in-numru tas-serje “44001”.

176    Barra minn hekk, peress li din il-komunikazzjoni, kif tenfasizza r-Repubblika Ċeka, ntbagħtet biss wara li l-merkanzija kienet ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkulazzjoni libera, il-fatt li l-OLAF ma rrakkomandax il-kostituzzjoni ta’ garanzija fil-komunikazzjoni inkwistjoni ma jistax jiġi validament ikkunsidrat sabiex jiġi evalwat l-obbligu għar-Repubblika Ċeka li tistabbilixxi tali garanzija waqt ir-rilaxx tal-istess merkanzija.

177    Mistiedna mill-ġdid waqt is-seduta sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni li tinsab fil-punti 6.1 u 12 tal-Komunikazzjoni AM/2007/019, ir-Repubblika Ċeka madankollu ma pprovdiet ebda prova konkreta ta’ natura li tinvalidahom. Barra minn hekk, hija ma kkontestatx li avżat lid-dwana Slovakka bl-eżistenza ta’ importazzjonijiet frawdolenti, kif jirriżulta mill-punt 12 tal-Komunikazzjoni AM/2007/019.

178    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ċeka, għalkemm mistiedna bil-miktub sabiex tagħti kjarifiki dwar l-informazzjoni li tinsab fil-punti 6.1 u 12 tal-Komunikazzjoni AM/2007/019, ma kinitx f’pożizzjoni tippreżenta elementi suffiċjentement preċiżi u rilevanti biex tiċħadhom. Għalhekk, hija ma tistax issostni li ma skoprietx in-numru tas-serje rapportat mill-OLAF meta hi kienet li informat lill-awtoritajiet Slovakki bl-eżistenza ta’ importazzjonijiet frawdolenti, iddikjarati li ġejjin mil-Laos u preċedentement introdotti fit-territorju tagħha mill-kumpannija BAIDE.

179    Għalkemm ir-Repubblika Ċeka tipprova tikkontesta r-rilevanza tal-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF sabiex tevalwa l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni, billi targumenta, kif intqal fil-punt 174 iktar ’il fuq, li n-natura mhux kompluta tagħha ma kinitx tippermettilha, essenzjalment, li tkun ċerta mis-sinjifikat tagħha, huwa stabbilit, kif ikkonfermat waqt is-seduta, li ma staqsietx lill-OLAF dwar l-eżattezza tal-informazzjoni hekk mibgħuta, minkejja li rripproduċietha kif inhi fil-profil tar-riskju.

180    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li huma l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tad-dritt doganali tal-Unjoni u, b’mod partikolari, li jwettqu kontrolli doganali xierqa sabiex jipproteġu b’mod effettiv, l-interessi finanzjarji tagħha. It-twettiq ta’ missjoni bħal din teħtieġ ħidma kontinwa, koerenti u sistemika min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet. Għalkemm l-azzjonijiet ta’ kontroll doganali meħuda fil-livell tal-Unjoni huma intiżi biex jappoġġjaw lill-Istati Membri, dawn ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-azzjoni ta’ kontroll u ta’ protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li huma responsabbli għaliha.

181    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, il-kostituzzjoni ta’ garanzija għall-irkupru tas-somma kontenzjuża ma kinitx teħtieġ, meta l-merkanzija inkwistjoni ġiet rilaxxata, ċertezza li l-oriġini tagħhom kienet differenti minn dik iddikjarata, iżda biss il-preżenza ta’ indizji li jistgħu jwasslu, waqt l-ispezzjoni ta’ din il-merkanzija, għad-determinazzjoni ta’ ammont ta’ dazji ogħla minn dak li jirriżulta mid-dettalji tad-dikjarazzjoni doganali.

182    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ma tistax issa ssostni li seta’ biss ikollha suspetti vagi dwar in-natura frawdolenti tal-importazzjonijiet ikkontestati, meta hija stess irrikonoxxiet fil-profil tar-riskju li “kien hemm suspett raġonevoli ta’ evażjoni tal-leġiżlazzjoni doganali”, speċifikat li l-għan tal-kontroll intern kien “li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipprevjenu l-evitar ta’ dazji antidumping, permezz ta’ klassifikazzjoni tariffarja differenti jew ta’ dikjarazzjoni ta’ oriġini differenti tal-merkanzija” u indikat li kien irrakkomandat, jekk ikun il-każ, “li jsir qbid sal-ammont tad-dazju antidumping”.

183    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka, kif ġie indikat fil-punt 178 iktar ’il fuq, avżat lid-dwana Slovakka bl-eżistenza ta’ importazzjonijiet frawdolenti. Hija implimentat ukoll għadd ta’ miżuri wara l-adozzjoni tal-profil tar-riskju, li jiżvelaw, tal-inqas, li kienet konxja mir-riskju ta’ frodi hekk kif dan il-profil ġie stabbilit. Ir-Repubblika Ċeka ma tikkontestax, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-punt 15 tar-risposta, li hija bagħtet ittra lill-OLAF fit‑13 ta’ April 2006 fuq suspetti ta’ frodi mill-kumpannija BAIDE u fetħet investigazzjoni fuq din il-kumpannija fit‑28 ta’ Awwissu 2006. Lanqas ma tikkontesta li bagħtet lill-OLAF, qabel il-missjoni ta’ spezzjoni tiegħu, il-lista ta’ importazzjonijiet kontenzjużi li l-oriġini tagħhom kellha tiġi vverifikata.

184    Madankollu, u fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, anki jekk wieħed jassumi li kellha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mingħand l-OLAF, tikkostitwixxi garanzija għall-irkupru tas-somma kontenzjuża, hija kellha tirrilaxxha peress li l-awtoritajiet Laosjani kienu kkonfermaw l-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-oriġini tal-merkanzija inkwistjoni u li ma kien hemm “l-ebda prova li wriet il-kuntrarju”.

185    Is-sempliċi fatt, madankollu u indipendentement mill-portata legali li tista’ tingħata fil-kuntest tal-kawża lid-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Laosjani, li huma kkonfermaw l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ oriġini mehmuża mill-kumpannija BAIDE fi 2 mit-28 każ tal-importazzjonijiet kontenzjużi ma setgħux, fi kwalunkwe każ, ikunu biżżejjed biex iwarrbu d-dubji li r-Repubblika Ċeka nnifisha kellha fuq il-bażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-OLAF fir-rigward tal-importazzjonijiet kollha tal-kumpannija li BAIDE għamlet mil-Laos.

186    L-iktar li jista’ jingħad hu li ċ-ċertifikati prodotti mill-kumpannija Baide setgħu servew bħala indizji tal-oriġini mil-Laos tal-lajters tal-but biss peress li tali oriġini kienet ġiet ikkorroborata, u mhux, bħal fil-każ preżenti, invalidata, mill-elementi l-oħra fil-pussess tar-Repubblika Ċeka waqt ir-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni.

187    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-Repubblika Ċeka kienet obbligata, abbażi tal-Artikolu 248(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali, tikkostitwixxi garanzija għall-irkupru tad-dazji antidumping li x’aktarx kienu dovuti mill-kumpannija BAIDE mill-adozzjoni tal-profil tar-riskju, jiġifieri mit‑22 ta’ Marzu 2006.

 Konklużjoni ġenerali fuq leżistenza ta’ arrikkiment indebitu talUnjoni

188    Kif jirriżulta mill-punti 123 u 124 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka setgħet tikkonstata d-dazji doganali dovuti mill-kumpannija BAIDE fuq l-importazzjonijiet kontenzjużi minn meta ntbagħat ir-rapport tal-OLAF.

189    Kif ġie kkonstatat fil-punt 129 iktar ’il fuq, ir-rapport tal-OLAF ntbagħat, madankollu, wara l-waqfien tal-attività tal-kumpannija BAIDE.

190    Skont il-konklużjoni tal-punt 136, il-waqfien tal-attività tal-kumpannija BAIDE, qabel ma ntbagħat ir-rapport tal-OLAF, seta’ jikkostitwixxi raġuni mhux attribwibbli lir-Repubblika Ċeka, fis-sens tal-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jista’ legalment jeżentaha milli tagħmel is-somma kontenzjuża għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, peress li l-ebda patrimonju ma seta’ mbagħad jinqabad fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

191    Madankollu, ġie konkluż, fil-punt 187 iktar ’il fuq, li r-Repubblika Ċeka kienet obbligata, abbażi tal-Artikolu 248(1) tar-regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali, tikkostitwixxi garanzija għas-somom li kellhom jiġu rkuprati fir-rigward ta’ dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE mit‑22 ta’ Marzu 2006.

192    Huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-importazzjonijiet kontenzjużi, kif ikkonfermaw waqt is-seduta, seħħew bejn is‑26 ta’ Settembru 2005 u l‑1 ta’ Marzu 2007. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta li l-obbligu ta’ garanzija kellu jkopri l-importazzjonijiet kontenzjużi kollha.

193    Jirriżulta mid-dokument fl-anness F.1, kif ukoll mit-tabella fl-anness B.7, li, mit‑22 ta’ Marzu 2006, twettqu sittax-il importazzjoni, l-ewwel waħda fil‑11 ta’ April 2006, l-aħħar waħda fl‑1 ta’ Marzu 2007.

194    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li kien hemm arrikkiment indebitu tal-Unjoni fl-ammont tas-somma kontenzjuża li tikkorrispondi għad-dazji antidumping dovuti mill-kumpannija BAIDE fuq l-ewwel tnax-il importazzjoni ta’ lajters tal-but, magħmula bejn is‑26 ta’ Settembru 2005, għal tal-ewwel, u l‑20 ta’ Frar 2006, għal tal-aħħar, jiġifieri s‑26 ta’ Settembru, is‑7, il‑15, is‑27, id‑29, it‑30 ta’ Novembru 2005, it‑3, l‑10, is‑16, is‑17, is‑27 ta’ Jannar u l‑20 ta’ Frar 2006.

195    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn huwa intiż għar-rimbors lir-Repubblika Ċeka tas-somma msemmija fil-punt 194 iktar ’il fuq, jiġifieri, b’kunsiderazzjoni tad-data finanzjarja prodotta fl-Anness F.1 u mhux ikkontestata mill-Kummissjoni, is-somma ta’ CZK 17 828 399.66 imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni fil-kont tal-Kummissjoni previst għal dak il-għan.

196    Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

197    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom.

198    F’dan il-każ, peress li r-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni tilfu parzjalment fit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha.

199    Ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors tar-Repubblika Ċeka huwa milqugħ sa fejn huwa intiż li l-Kummissjoni Ewropea tħallas lura s-somma ta’ 17 828 399.66 koruna Ċeka (CZK) imħallsa bħala riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Marcoulli

Schwarcz

Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Mejju 2022

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.