Language of document : ECLI:EU:T:2006:247

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Settembru 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja − Proċedura ta’ oppożizzjoni – Trade marks nazzjonali figurattivi u verbali preċedenti PAM‑PAM − Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali PAM‑PIM’S BABY‑PROP − Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T‑133/05,

Gérard Meric, residenti f'Pariġi (Franza), irrappreżentat minn P. Murzeau, Avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern      (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Rassat, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI kienet

Arbora & Ausonia, SL, stabbilita f’Barċellona (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-17 ta’ Jannar 2005 fil-kawża R 250/2004‑1, dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade marks nazzjonali verbali u figurattivi PAM‑PAM għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali PAM‑PIM’S BABY‑PROP (Proċedura ta’ oppożizzjoni Numru B 505 067),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u M. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Marzu 2005,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Lulju 2005,

wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrent ippreżenta applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PAM‑PIM’S BABY‑PROP.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 16 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "ħrieqi-qliezet ta’ taħt tal-karta jew taċ-ċelluloża (li jintremew wara li jintużaw)" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        Fil-21 ta’ Jannar 2002, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin ta’ trade marks Komunitarji Nru 7/02.

5        Fid-19 ta’ April 2002, il-kumpannija Arbora & Ausonia, SL (iktar ’il quddiem "Arbora & Ausonia"), ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, abbażi ta’ tliet trade marks Spanjoli preċedenti riprodotti hawn taħt :

–        it-trade mark verbali PAM‑PAM Nru 855 391, irreġistrata fis-7 ta’ Ottubru 1981 għall-prodotti segwenti, li jaqgħu fil-klassi 25 skond il-Ftehim ta’ Nizza: "kull tip ta’ ħwejjeġ magħmulin u lesti, b’mod partikolari ħrieqi-qliezet ta’ taħt, żraben";

–        it-trade mark figurattiva PAM‑PAM Nru 1 146 300, irreġistrata fis-7 ta’ Mejju 1991 għal "ħrieqi-qliezet ta’ taħt tal-karta jew taċ-ċelluloża (li jintremew wara li jintużaw)", li jaqgħu fil-klassi 16 skond il-Ftehim ta’ Nizza:

Image not foundImage not found

–        it-trade mark verbali PAM‑PAM Servicio de Merchandising, SA Nru 1 153 492, irreġistrata fl-20 ta’ April 1988 għall-prodotti segwenti, li jaqgħu fil-klassi 5 skond il-Ftehim ta’ Nizza: "ħrieqi-qliezet ta’ taħt għall-mestrwazzjoni, assorbenti iġeniċi, garżi li jassorbu, pads u tampuni għall-mestrwazzjoni, garżi sterilizzati, tajjar assorbenti għal użu mediku".

6        L-oppożizzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, kienet magħmula kontra l-prodotti kollha indikati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

7        Fid-9 ta’ Frar 2004, permezz tad-deċiżjoni Nru 289/2004, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni magħmula minn Arbora & Ausonia, ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u ordnat li r-rikorrent jbati l-ispejjeż.

8        Sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha, ibbażata biss fuq it-trade mark figurattiva preċedenti PAM‑PAM, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkunsidrat essenzjalment li l-prodotti in kwistjoni kienu identiċi u li kien jeżisti xebh fonetiku bejn is-sinjali kkonċernati. Id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkonkludiet li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

9        Fis-6 ta’ April 2004, ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

10      Fid-19 ta’ Novembru 2004, ir-Relatur informa lill-partijiet li kellu l-intenzjoni li jipproponi lill-Bord ta’ l-Appell li jieħu in kunsiderazzjoni mhux biss it-trade mark figurattiva preċedenti PAM‑PAM, li kienet l-unika waħda li ġiet eżaminata mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, iżda wkoll iż-żewġ trade marks preċedenti l-oħra previsti fl-att ta’ oppożizzjoni. L-UASI speċifika fis-seduta li l-partijiet ma kinux ippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), innotifikata lir-rikorrent fl-20 ta’ Jannar 2005, il-Bord ta’ l-Appell ċaħad ir-rikors. Essenzjalment, huwa kkunsidra li, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-elementi sinjifikattivi ta’ xebh bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark verbali preċedenti PAM‑PAM, tax-xebh kbir ħafna bejn il-prodotti u tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trademark verbali preċedenti PAM‑PAM, id-differenzi viżivi u fonetiċi rrilevati ma kinux ta’ natura li jeskludu l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li wasal għal din il-konklużjoni, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati ulterjorment iż-żewġ trade marks l-oħra invokati sabiex isostnu l-oppożizzjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        "purament u sempliċement tirriforma" id-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad l-oppożizzjoni mressqa mill-kumpannija Arbora & Ausonia għar-reġistrazzjoni tat-trade mark PAM‑PIM’S BABY‑PROP;

–        tikkundanna lil Arbora & Ausonia tbati l-ispejjeż.

13      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

14      Preliminarjament, għandu jingħad li r-rikorrent ma attendiex is-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2005. Permezz ta’ l-ewwel faks iddatata 7 ta’ Diċembru 2005, huwa informa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li "minħabba imprevist ta’ l-aħħar minuta ma setax ikun preżenti". Huwa speċifika li "ried javża [lill-Qorti tal-Prim’Istanza] b’dan immedjatament sabiex hija tkun tista’ torganizza s-seduta tagħha" u talab li jkun "informat bid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni". Permezz tat-tieni faks tas-7 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrent informa li huwa xtaq li, "jekk ikun possibbli", is-seduta tiġi differita għax-xahar ta’ Jannar jew ta’ Frar ta’ wara, minħabba "imprevist ta’ natura purament personali u ta’ l-aħħar minuta". Fid-dawl tal-kontradizzjoni tal-messaġġi, ta’ l-imminenza tas-seduta u, fi kwalunkwe każ, ta’ l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tat-talba tar-rikorrent, il-Ħames Awla ddeċidiet li ma tilqax l-imsemmija talba għal differiment tas-seduta.

15      Minbarra dan, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, għalkemm it-talbiet tar-rikorrent għandhom l-għan, formalment, li tiġi riformata d-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta ċar mill-kontenut tar-rikors li, permezz tal-preżenti rikors, ir-rikorrent qiegħed ifittex, essenzjalment, li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li l-Bord ta’ l-Appell żbalja meta kkunsidra li bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq il-mertu

16      Ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Bejn it-trade mark mitluba u t-trade marks preċedenti, la hemm xebh tas-sinjali u lanqas xebh tal-prodotti koperti. Skond ir-rikorrent, ma jistax ikun hemm, min-naħa tal-konsumatur medju fi Spanja, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

17      L-UASI għal kuntrarju jqis li d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell mhix ivvizzjata b’irregolaritajiet.

18      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk, minħabba li l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, bi trade marks preċedenti wieħed għandu jifhem it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, Díaz vs L-UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T‑85/02, Ġabra p. II‑4835, punt 27].

19      Bis-saħħa tal-kontinwità funzjonali li teżisti bejn id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u l-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs L-UASI − LHS (UK) (KLEENCARE), T‑308/01, Ġabra p. II‑3253, punt 25, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs L-UASI − Atofina Chemicals (BIOMATE), T‑107/02, Ġabra p. II‑1845, punt 33], il-Bord ta’ l-Appell jerġa’ jeżamina l-elementi kollha ta’ dritt u ta’ fatt li huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk deċiżjoni ġdida li għandha l-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors tistax tkun adottata legalment fil-mument meta jiġi deċiż ir-rikors jew le [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza KLEENCARE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs L-UASI (TDI), T‑16/02, Ġabra p. II‑5167, punti 81 u 82].

20      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-oppożizzjoni ta’ Arbora & Ausonia kienet ibbażata fuq it-tliet trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. Id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kkunsidrat li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba u l-unika trade mark figurattiva preċedenti.

21      Min-naħa l-oħra, il-Bord ta’ l-Appell, wara li informa lill-partijiet dwar l-intenzjoni tiegħu li jieħu wkoll in kunsiderazzjoni ż-żewġ trade marks preċedenti l-oħra msemmija fl-att ta’ oppożizzjoni, l-ewwel nett, qabel it-trade mark mitluba mat-trade mark preċedenti PAM‑PAM Nru 855 391, billi din ta’ l-aħħar kienet ukoll trade mark verbali u, għalhekk, aktar qrib it-trade mark mitluba (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Kien biss wara li kkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawk iż-żewġ trade marks li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-eventwali preżenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba u ż-żewġ trade marks preċedenti l-oħra (punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Għandu jiġi mfakkar li r-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ l-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Alcon vs L-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T‑237/01, Ġabra p. II‑411, punt 61; tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs L-UASI (Calandre), T‑128/01, Ġabra p. II‑701, punt 18; tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI– Anheuser-Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 67, u tat-22 ta’ Ottubru 2003, Éditions Albert René vs L-UASI – Trucco (Starix), T‑311/01, Ġabra p. II‑4625, punt 70]. Fil-fatt, skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha l-kompetenza li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, "fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter", fil-kuntest ta’ l-Artikoli 229 KE u 230 KE. L-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk irid isir fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ dritt li tressqu quddiem il-Bord ta’ l-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Mejju 2005, Solo Italja vs L-UASI − Nuova Sala (PARMITALIA), T‑373/03, Ġabra p. II-1881, punt 25].

23      Għalhekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Bord ta’ l-Appell ikkonkludiex ġustament li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark verbali preċedenti PAM‑PAM (iktar ’il quddiem it-"trade mark preċedenti in kwistjoni").

 Fuq il-paragun tal-prodotti

–       L-argumenti tal-partijiet

24      Ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċieda l-Bord ta’ l-Appell, il-prodotti koperti mhumiex identiċi jew simili. Huwa jsostni li l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark huma ħrieqi tal-karta jew taċ-ċelluloża, li jintremew wara li jintużaw, u li huma intiżi għat-trabi, filwaqt li l-prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark preċedenti in kwistjoni huma "‘ħrieqi-qliezet ta’ taħt għat-tfal’ mhux tal-karta jew taċ-ċelluloża, iżda manifatturati b’materjal ieħor (drapp, poliester, najlon, eċċ.)", li jistgħu jinħaslu u jintużaw mill-ġdid.

25      Ir-rikorrent jindika f’dan ir-rigward li "it-trade mark PAM‑PAM tiddistribwixxi biss ħrieqi għall-adulti". Arbora & Ausonia fil-fatt qatt ma kkummerċjalizzat ħrieqi għat-trabi. Din il-prova hija stabbilita peress li Arbora & Ausonia ma ressqitx il-prova li preċedentement hija kkummerċjalizzat dan it-tip ta’ prodotti.

26      L-UASI jsostni li l-Bord ta’ l-Appell ġustament iddeċieda li l-prodotti koperti mit-trade mark mitluba u mit-trade mark preċedenti in kwistjoni kienu "għall-inqas simili ħafna".

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

27      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li l-prodotti kienu identiċi jew għall-inqas simili ħafna.

28      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza CASTILLO, punt 18 supra, punt 32, u ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs L-UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33].

29      Minbarra dan, prodotti jistgħu jkunu kkunsidrati bħala identiċi meta l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti huma inklużi f’kategorija aktar ġenerali koperta mill-applikazzjoni għal trade mark [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs L-UASI − Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 53], jew meta l-prodotti previsti fit-talba għal trade mark huma inklużi f’kategorija aktar ġenerali prevista mit-trade mark preċedenti [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punti 32 u 33; tat-12 ta’ Diċembru 2002, Vedial vs L-UASI – France Distribution (HUBERT), T‑110/01, Ġabra p. II‑5275, punti 43 u 44, u tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs L-UASI – Flabesa (CONFORFLEX), T‑10/03, Ġabra p. II‑719, punti 41 u 42].

30      Għandu jiġi mfakkar li l-paragun tal-prodotti jrid isir fir-rigward tal-kliem tal-prodotti tat-trade marks in kwistjoni u mhux tal-prodotti li għalihom it-trade marks huma effettivament użati, sakemm, wara talba fis-sens ta’ l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, il-prova ta’ l-użu tat-trade mark preċedenti ma tinġiebx biss għal parti tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija rreġistrata. F’każ bħal dan, l-imsemmija trade mark preċedenti hija kkunsidrata reġistrata biss, għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ l-oppożizzjoni, għal dik il-parti tal-prodotti jew tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ELS, punt 29 supra, punt 50, u ARTHUR ET FELICIE, punt 28 supra, punt 35).

31      F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell ġustament irrileva li l-prova ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti ma kinitx ġiet mitluba u għalhekk huwa ħa in kunsiderazzjoni l-kliem tal-prodotti in kwistjoni.

32      Il-Bord ta’ l-Appell indika fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata li l-prodotti koperti mill-applikazzjoni kienu "ħrieqi-qliezet ta’ taħt tal-karta jew taċ-ċelluloża (li jintremew wara li jintużaw)", kemm għall-adulti kif ukoll għat-trabi. Huwa qabbilhom ma’ ċerti prodotti koperti mit-trade mark preċedenti in kwistjoni li huma, skond il-Bord ta’ l-Appell, "ħrieqi-qliezet ta’ taħt għat-tfal".

33      L-argument tar-rikorrent ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħrieqi għat-trabi minn Arbora & Ausonia ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, ir-rikorrent b’dan il-mod sostna li ma ġiex ipprovat l-użu serju tat-trade mark preċedenti. Issa, nuqqas ta’ prova bħal dan ma jistax ikun sanzjonat permezz ta’ rifjut ta’ l-oppożizzjoni ħlief fil-każ fejn dik il-prova tkun ġiet mitluba mill-applikant, espressament u fil-ħin, quddiem l-UASI [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs L-UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T‑183/02 u T‑184/02, Ġabra p. II‑965, punt 38, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs L-UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra p. II-1917, punt 77].

34      Hemm lok li jiġi rrilevat li t-trade mark preċedenti in kwistjoni ġiet irreġistrata għal "kull tip ta’ ħwejjeġ magħmulin u lesti, b’mod partikolari ħrieqi-qliezet ta’ taħt, żraben". Fir-rigward tal-ħrieqi-qliezet ta’ taħt, it-test oriġinali bl-Ispanjol jindika "braga-pañal infantil" (ħrieqi-qliezet ta’ taħt għat-tfal).

35      L-applikazzjoni għal trade mark tirrigwarda "ħrieqi-qliezet ta’ taħt tal-karta jew taċ-ċelluloża (li jintremew wara li jintużaw)". Peress li r-rikorrent ma ressaqx provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija limitata għal ħrieqi għall-adulti jew għat-trabi, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra li dan il-kliem kien ikopri kemm il-ħrieqi għall-adulti kif ukoll dawk intiżi għat-trabi.

36      Għalhekk huwa importanti li jiġi rrilevat li billi l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti in kwistjoni huma, b’mod partikolari, ħrieqi għat-trabi, dawn huma inklużi fil-kategorija aktar ġenerali li għaliha tirreferi l-applikazzjoni għal trade mark li tkopri kemm il-ħrieqi għat-trabi kif ukoll il-ħrieqi għall-adulti.

37      Hemm lok li jingħad ukoll li l-prodotti hekk koperti huma ta’ l-istess natura, (prodotti iġeniċi), għandhom l-istess funzjoni jew għan (il-protezzjoni tal-ħwejjeġ f’każ ta’ inkontinenza) u huma kkummerċjalizzati fl-istess postijiet ta’ bejgħ (ġeneralment, is-supermarkits jew l-ispiżeriji). Fl-aħħar nett, il-prodotti għandhom karattru potenzjalment komplementari, billi, meta huma intiżi għat-tfal żgħar, il-ħrieqi-qliezet ta’ taħt li jintremew wara li jintużaw jistgħu jitpoġġew ġewwa l-ħrieqi tad-drapp li jistgħu jerġgħu jintużaw. Għalhekk, mhemm ebda dubju li huma jistgħu jkunu manifatturati jew kummerċjalizzati mill-istess operaturi ekonomiċi.

38      L-argument tar-rikorrent li skondu l-prodotti mhumiex identiċi jew għall-inqas simili minħabba differenzi ta’ kompożizzjoni u ta’ użu għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, f’dan il-każ, dawn id-differenzi ma jistgħux jipprevalu fuq in-natura u l-għan komuni taż-żewġ prodotti kkonċernati. Jekk ikun ippreżentat bi ħrieqi taċ-ċelluloża jew tad-drapp, li jintremew wara li jintużaw jew le, il-konsumatur jista’ jikkunsidra li dawn huma prodotti simili [ara, għal approċċ simili, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2005, Ampafrance vs L-UASI − Johnson & Johnson (monBeBé), T‑164/03, Ġabra p. II-1401, punt 53], li jifformaw parti mill-istess gamma ġenerali ta’ ħrieqi-qliezet ta’ taħt, li jistgħu jkollhom oriġini kummerċjali komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CASTILLO, punt 18 supra, punti 33 sa 38).

39      Konsegwentement, il-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni kienu identiċi jew għall-inqas simili ħafna.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

40      Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li żewġ trade marks huma simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, jeżisti għall-inqas bejn it-tnejn identiċità parzjali f’dak li jikkonċerna aspett viżiv, tas-smigħ u konċettwali wieħed jew iktar [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI - Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, u tat-22 ta’ Ġunju 2005, Plus vs L-UASI − Bälz u Hiller (Turkish Power), T‑34/04, Ġabra p. II-2401, punt 43].

–       L-argumenti tal-partijiet

41      Ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċieda l-Bord ta’ l-Appell, is-sinjali PAM‑PAM u PAM‑PIM’S BABY‑PROP mhumiex identiċi. Bejn it-trade mark preċedenti in kwistjoni u t-trade mark mitluba jeżistu differenzi viżivi, tas-smigħ u konċettwali ħafna aktar sinjifikattivi minn dawk ikkunsidrati mill-Bord ta’ l-Appell.

42      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkontesta l-approċċ tal-Bord ta’ l-Appell, li skondu l-attenzjoni tal-konsumatur tkun neċessarjament iffokata fuq l-ewwel parti ta’ trade mark, f’dan il-każ il-kliem "pam-pim’s", mingħajr ma tingħata attenzjoni għat-tieni parti, "baby-prop". Skond ir-rikorrent, il-konsumatur huwa, għall-kuntrarju, miġbud viżwalment mill-aspett oriġinali jew partikolari ta’ trade mark.

43      Fl-ewwel lok, billi t-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti in kwistjoni għandhom numru ta’ kliem differenti, huma mhumiex viżwalment simili. Ir-rikorrent jinvoka wkoll differenza viżiva u grafika aktar importanti bejn it-trade mark mitluba PAM‑PIM’S BABY‑PROP u t-trade mark figurattiva preċedenti PAM‑PAM, li hija l-unika trade mark preċedenti li tikkorrispondi għal prodotti li jaqgħu wkoll fil-klassi 16.

44      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jirrileva differenza fonetika fis-sens li s-sillaba "pim’s" tagħti aspett ta’ ħlewwa lit-trade mark mitluba, li hija intiża għat-trabi, kuntrarjament għat-trade mark preċedenti in kwistjoni PAM‑PAM, li tistema’ qisha tambur.

45      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkritika lill-Bord ta’ l-Appell li evalwa l-allegat xebh viżiv u tas-smigħ b’mod suġġettiv. Dan il-karattru suġġettiv jirriżulta mill-identiċità tat-territorju tat-trade marks preċedenti kkunsidrat (Spanja) mal-post fejn ingħatat id-deċiżjoni.

46      Fit-tielet lok, mill-perspettiva konċettwali, ir-rikorrent isostni li mhemmx xebh bejn is-sinjali kkonċernati. It-trade mark mitluba tippermetti li jiġi immedjatament iddeterminat il-prodott ikkunsidrat, jiġifieri ħrieqi għat-trabi, filwaqt li t-trade mark preċedenti in kwistjoni m’għandha l-ebda tifsira partikolari. Barra minn hekk, ma ġiex ipprovat li l-konsumatur medju Spanjol neċessarjament assoċja dik it-trade mark ma’ ħrieqi għat-trabi.

47      L-UASI jafferma li l-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonferma l-pożizzjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li sabet li s-sinjali kkonċernati kienu simili.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

48      Skond il-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, tas-smigħ jew konċettwali tas-sinjali in kwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni komplessiva li dawn jagħtu, billi jitqiesu, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 25; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2005, Bunker & BKR vs L-UASI – Marine Stock (B. K. R.), T‑423/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57].

49      Jekk il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi t-trade mark b’mod sħiħ u ma jagħmilx eżami tad-dettalji differenti tiegħu, in ġenerali, huma l-karatteristiċi dominanti u distintivi ta’ sinjal li huma mmemorizzati l-aktar faċilment [ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Fifties, punt 29 supra, punti 47 u 48, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs L-UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39].

50      F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li, fit-trade mark mitluba, il-kliem "pam-pim’s" kien distintiv tal-prodotti koperti u dominanti fir-rigward tal-kliem "baby-prop" (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ġustament enfasizzat mill-Bord ta’ l-Appell, il-konsumatur ta’ referenza jiftakar aktar faċilment il-kliem "pam‑pim’s" li, minn naħa, m’għandhom l-ebda tifsira partikolari bl-Ispanjol, jekk mhux l-espressjoni ta’ lingwa infantili, u li, min-naħa l-oħra, jinsabu fil-bidu tat-trade mark mitluba PAM‑PIM’S BABY‑PROP. Fil-fatt, il-konsumatur ġeneralment jagħti attenzjoni akbar għall-bidu ta’ trade mark milli għat-tmiem tagħha [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BUDMEN, punt 22 supra, punt 47, u ARTHUR ET FELICIE, punt 28 supra, punt 46]. Għaldaqstant, il-frażi "pam‑pim’s" għandha rwol importanti fl-evalwazzjoni viżiva u fonetiku tat-trade mark preċedenti, fid-dawl tal-pożizzjoni inizjali tagħha, jiġifieri fl-aktar post viżibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Wassen International vs L-UASI – Stroschein Gesundkost (SELENIUM-ACE), T‑312/03, Ġabra p. II-2897, punt 41].

52      Fir-rigward tal-frażi "baby-prop" kontenuta fit-trade mark mitluba, din ma tippermettix li tiġi ddevjata l-attenzjoni mill-element "pam-pim’s" sal-punt li jinbidel b’mod suffiċjenti l-mod kif il-pubbliku ser jipperċepixxi dik it-trade mark. F’dan ir-rigward, il-partijiet jaqblu li jikkunsidraw, ġustament, li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx żball meta qies li l-konsumatur Spanjol ta’ referenza ser jifhem il-kelma "baby" bħala li tfisser "tarbija". Din il-kelma tista’ tifforma parti mill-espressjonijiet użati fil-lingwaġġ ta’ kuljum sabiex tirreferi għall-funzjoni ta’ ħrieqi-qliezet ta’ taħt għat-trabi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI, C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 43]. F’dan il-kuntest, l-assoċjazzjoni tal-kliem "baby" u "prop", imqiegħda fl-aħħar tat-trade mark mitluba, tokkupa biss post sekondarju fis-sinjal meqjus fit-totalità tiegħu (ara, għal evalwazzjoni simili, is-sentenza HUBERT, punt 29 supra, punt 53).

53      Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-frażi "pam-pim’s" hija l-element dominanti tat-trade mark mitluba.

54      Huwa fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni li għandu jiġi eżaminat jekk is-sinjali in kwistjoni jixxiebhux.

55      Għandu jiġi rrilevat mill-bidu li, għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li jeżisti xebh viżiv u tas-smigħ (punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll li jeżisti xebh konċettwali żgħir bejn it-trade mark preċedenti in kwistjoni u t-trade mark mitluba, fid-dawl, b’mod partikolari ta’ l-elementi distintivi u dominanti tagħha (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata), hija ma kkonkludiex, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, li s-sinjali huma identiċi.

56      Fl-ewwel lok, mill-perspettiva viżiva, l-element dominanti tat-trade mark mitluba, "pam‑pim’s", u t-trade mark preċedenti in kwistjoni, PAM‑PAM, jikkonsistu, it-tnejn li huma, f’żewġ kelmiet konnessi permezz ta’ sing. Dawn il-kelmiet jikkonsistu fi tliet ittri kull waħda, li minnhom tnejn huma identiċi, u jinsabu fl-istess ordni u fl-istess pożizzjoni.

57      Id-differenza rilevata fid-deċiżjoni kkontestata bejn il-vokali "a" u "i" kif ukoll iż-żieda ta’ "s" ippreċeduta minn apostrofu mhumiex suffiċjentement sinjfikattivi sabiex iqiegħdu fid-dubju x-xebh viżiv li jeżisti bejn it-trade mark preċedenti in kwistjoni u l-element dominanti tat-trade mark mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ELS, punt 29 supra, punt 66).

58      Bl-istess mod, iż-żieda tal-kelmiet "baby-prop" fl-applikazzjoni għal trade mark mhix ta’ natura li tbiddel din l-evalwazzjoni, billi dawn il-kelmiet jokkupaw post sekondarju fis-sinjal meqjus fit-totalità tiegħu.

59      Għalhekk il-Bord ta’ l-Appell ġustament iddeċieda li hemm xebh viżiv bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti in kwistjoni.

60      Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq id-differenza bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark figurattiva preċedenti, dan huwa irrilevanti, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat fil-punt 21 iktar ’il fuq li l-Bord ta’ l-Appell validament ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq it-trade mark verbali preċedenti in kwistjoni biss, mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġu eżaminati t-trade marks preċedenti l-oħra invokati.

61      Fit-tieni lok, mill-perspettiva fonetika, l-element dominanti tat-trade mark mitluba, "pam-pim’s", u t-trade mark preċedenti in kwistjoni PAM‑PAM huma magħmula minn żewġ kelmiet monosillabiċi li jibdew bl-istess konsonanti "p" u jispiċċaw bl-istess konsonanti "m". Huma għandhom ukoll in komuni s-sillaba ta’ attakk "pam". L-unika differenza fil-pronunzja għall-pubbliku Spanjol jikkonċerna l-vokali ċentrali tat-tieni sillaba "a" fit-trade mark preċedenti in kwistjoni u "i" fit-trade mark mitluba. Din id-differenza żgħira fl-ebda każ ma tista’ tqiegħed fid-dubju x-xebh tas-smigħ li jeżisti bejn it-trade marks ikkonċernati.

62      Fir-rigward tal-kelmiet "baby-prop" kontenuti fit-trade mark mitluba, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà indikat li dawn jokkupaw post sekondarju fis-sinjal meqjus fit-totalità tiegħu. Konsegwentement, ma jistgħux iqiegħdu fid-dubju x-xebh tas-smigħ kbir li jeżisti bejn l-element dominanti tat-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti in kwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs L-UASI − Sadia (GRUPO SADA), T‑31/03, Ġabra p. I‑10001, punt 62].

63      L-affermazzjoni tar-rikorrent li skondha t-trade mark preċedenti in kwistjoni tinstema’ qisha tambur, kuntrarjament għat-trade mark mitluba li tagħti aspett ta’ ħlewwa, mhijiex sostnuta. Fi kwalunkwe każ, ma tistax tkun biżżejjed biex jiġi eskluż kull xebh tas-smigħ bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti in kwistjoni, peress li l-ħlewwa tal-ħoss "pam-pim’s" ma ġietx ipprovata.

64      Konsegwentement, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra li jeżisti xebh tas-smigħ bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti in kwistjoni, ikkunsidrati fit-totalità tagħhom, billi x-xebh tagħhom jipprevali fuq id-differenzi tagħhom (ara, għal approċċ simili, is-sentenza SELENIUM-ACE, punt 51 supra, punt 44).

65      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-affermazzjoni tar-rikorrent dwar is-suġġettività ta’ l-evalwazzjoni, mill-Bord ta’ l-Appell, tax-xebh viżiv u tas-smigħ mhijiex sostnuta.

66      Fit-tielet lok, mill-perspettiva konċettwali, is-sinjal PAM‑PAM u l-element dominanti "pam-pim’s" tat-trade mark mitluba m’għandhomx, għall-pubbliku rilevanti, kontenut semantiku ċar u determinat. Fil-fatt, kif ġustament irrileva l-Bord ta’ l-Appell, huma m’għandhomx tifsira bl-Ispanjol, jekk mhux kliem tat-tfal żgħar. Fir-rigward tal-kelmiet "baby-prop", inklużi fit-trade mark mitluba, għandu jiġi mfakkar li huma jokkupaw post sekondarju fis-sinjal meqjus fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, jekk il-kelma "baby" tista’ tinftiehem li tfisser "tarbija" mill-pubbliku rilevanti, għandu jiġi rrilevat li l-kelma "prop" m’għandhiex tifsira partikolari bl-Ispanjol. Ikkunsidrata fit-totalità tagħha, it-trade mark mitluba PAM‑PIM’S BABY-PROP għalhekk m’għandhiex tifsira ċara u determinata. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, hija ma tippermettix lill-pubbliku rilevanti li jiddetermina l-prodott ikkunsidrat.

67      Konsegwentement, ma jeżistux differenzi konċettwali li jistgħu jinnewtralizzaw ix-xebh viżiv u fonetiku li jeżisti bejn is-sinjali kkonċernati.

68      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-Bord ta’ l-Appell ġustament stabbilixxa li jeżisti xebh bejn it-trade marks kkonċernati.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

69      Skond ir-rikorrent, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati, billi l-pubbliku rilevanti li dawn it-trade marks ifittxu li jilħqu huwa radikalment differenti. Il-konsumatur li t-trade mark mitluba tfittex li tilħaq huwa pubbliku ta’ ġenituri li għadhom żgħar fl-età, filwaqt li l-konsumatur ikkonċernat mill-ħrieqi għall-adulti distribwiti taħt it-trade mark PAM‑PAM huwa magħmul minn persuni tat-tielet, jew saħansitra tar-raba’ età.

70      Għall-UASI, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tikxef l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Kif jirriżulta mix-xebh tal-prodotti u tat-trade marks in kwistjoni, il-konsumatur Spanjol ta’ referenza jkollu t-tendenza li jattribwixxi lill-prodotti koperti mit-trade mark PAM‑PIM’S BABY‑PROP l-istess oriġini kummerċjali bħal-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark PAM‑PAM.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

71      Il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija kkostitwita mill-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 29; sentenzi Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 48 supra, punt 17, u ARTHUR ET FELICIE, punt 28 supra, punt 26).

72      Il-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku trid tiġi evalwata globalment billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni (sentenzi SABEL, punt 48 supra, punt 22; Canon, punt 71 supra, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 48 supra, punt 18).

73      Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Il-livell ta’ attenzjoni tiegħu jista’ jvarja skond il-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi kkunsidrata (sentenza ELS, punt 29 supra, punt 47).

74      F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti in kwistjoni ġiet ipprovata. Barra min hekk, għandu jiġi mfakkar, kif sar fid-deċiżjoni kkontestata, li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma identiċi. Din l-identiċità għandha bħala korollarju li l-portata ta’ l-eventwali differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni hija mnaqqsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BUDMEN, punt 22 supra, punt 59).

75      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, ġie stabbilit iktar ’il fuq li kemm it-trade mark preċedenti in kwistjoni kif ukoll it-trade mark mitluba jkopru, b’mod partikolari, ħrieqi-qliezet ta’ taħt intiżi għat-trabi. Il-pubbliku li t-trade marks ifittxu li jilħqu huwa għalhekk l-istess, għall-inqas in parti, għaż-żewġ trade marks in kwistjoni.

76      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fis-settur tal-ħwejjeġ, huwa komuni li l-istess trade mark tkun ippreżentata taħt forom differenti, skond it-tip ta’ prodott li hija tkopri. Huwa wkoll komuni li l-istess impriża tuża trade marks sekondarji, jiġifieri sinjali li joriġinaw minn trade mark prinċipali u jaqsmu magħha element dominanti komuni, sabiex tiddistingwi l-linji differenti ta’ produzzjoni tagħha (sentenzi Fifties, punt 29 supra, punt 49; BUDMEN, punt 22 supra, punt 57, u NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, punt 49 supra, punt 51). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa konċepibbli li l-pubbliku rilevanti jikkunsidra l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni bħala li jappartjenu, ċertament, għal żewġ gammi ta’ prodotti distinti, iżda ġejjin, madankollu, mill-istess impriża (ara, f’dan is-sens, sentenzi Fifties, punt 29 supra, punt 49, u ARTHUR ET FELICIE, punt 28 supra, punt 68).

77      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-konsumatur medju Spanjol jista’ jaħseb li l-prodotti koperti mit-trade mark PAM‑PIM’S BABY‑PROP u dawk mibjugħa taħt il-marka PAM-PAM huma ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom.

78      Għalhekk il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

79      Konsegwentement, il-motiv waħdani, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

80      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Settembru 2006.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.