Language of document : ECLI:EU:T:2006:258

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

19 ta' Settembru 2006 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Għajnuna għall-ambjent – Għajnuna mill-Italja favur l-impriża li topera fl-industrija ta' l-azzar Lucchini – Rifjut ta' awtorizzazzjoni ta' l-għajnuna ppjanata – Kuntest ġuridiku applikabbli – Eliġibbiltà ta' l-investimenti notifikati għall-għajnuna għall-ħarsien ta' l-ambjent – Kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà ta' l-għajnuna mas-suq komuni – Motivazzjoni"

Fil-kawża T-166/01,

Lucchini SpA, stabbilita fi Brescia (L-Italja), irrappreżentata minn G. Vezzoli u G. Belotti, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u V. Di Bucci, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/466/KEFA tal-21 ta' Diċembru 2000, safejn dan jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat ta' ammont ta' ITL 13.5 biljuni (EUR 6.98 miljuni) li l-Italja qed tippjana li timplementa favur l-impriża li topera fl-industrija ta' l-azzar Lucchini SpA (ĠU 2001, L-163, p. 24),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 4 KEFA:

"Huma rikonoxxuti bħala inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta' l-azzar u konsegwentement huma aboliti u pprojbiti fil-Komunità, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan it-Trattat:

[...]

c)      "is-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew il-piżijiet speċjali imposti minnhom, taħt kwalunkwe forma li jkunu;

[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

A –  Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar

2        Sabiex tissodisfa l-eżiġenzi tar-ristrutturar tas-settur ta' l-azzar, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 95 tat-Trattat KEFA sabiex, mill-bidu tas-snin 80, twaqqaf sistema Komunitarja li tawtorizza l-għoti ta' għajnuna mill-Istat lill-industrija ta' l-azzar f'ċerti każijiet speċifiċi u limitati. Din is-sistema ġiet sussegwentement emendata diversi drabi sabiex ikunu jistgħu jiġu solvuti d-diffikultajiet li kienu jinqalgħu b'mod ċikliku fl-industrija ta' l-azzar. Id-deċiżjonijiet sussegwentement adottati f'dan ir-rigward huma ġeneralment magħrufa bħala l-"Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar".

3        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2496/96/KEFA, tat-18 ta' Diċembru 1996, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija ta' l-azzar (ĠU L 338, p. 42, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi"), tikkostitwixxi s-Sitt Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar, applikabbli mill-1 ta' Jannar 1997 sat-22 ta' Lulju 2002. Il-Kodiċi jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-għajnuna lill-industrija ta' l-azzar iffinanzjata minn Stat Membru, minn awtoritajiet lokali jew permezz ta' riżorsi ta' Stat, tista' tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

4        Skond l-Artikolu 1 tal-Kodiċi:

"1. L-għajnuna lill-industrija ta' l-azzar iffinanzjata minn Stat Membru [...] tista' biss tiġi meqjusa bħala għajnuna Komunitarja u, għaldaqstant, kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni jekk tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 sa 5.

[…]

3. "L-għajnuna li taqa' taħt din id-deċiżjoni tista' tingħata biss wara li jsiru l-proċeduri previsti fl-Artikolu 6 […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skond l-Artikoli 3 intitolat "Għajnuna favur il-ħarsien ta' l-ambjent":

"L-għajnuna favur il-ħarsien ta' l-ambjent tista' tiġi meqjusa kompatibbli mas-suq komuni jekk din tirrispetta r-regoli stabbiliti fil-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent, kif jidhru fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 72 ta' l-10 ta' Marzu 1994, skond il-kriterji ta' applikazzjoni għas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar KEFA, definiti fl-Anness ta' din id-deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 6, intitolat "Proċedura", jipprovdi fil-paragrafu 1 u 2, li kull pjan ta' għajnuna u kull pjan ta' trasferiment ta' riżorsi pubbliċi għall-benefiċċju ta' impriżi ta' l-azzar għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, li għandha tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni. Skond il-paragrafu 4 ta' din id-dispożizzjoni, il-miżuri ppjanati jistgħu jiġu implementati biss bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha.

7        Skond l-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi:

"Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li intervent finanzjarju partikolari jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 1 jew jekk hija tiddubita li għajnuna partikolari hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'dan u tistieden lill-partijiet ikkonċernati u lill-Istati Membri sabiex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom. Jekk, wara li tkun irċeviet dawn l-osservazzjonijiet u wara li tkun tat il-possibbiltà lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jirrispondi għalihom, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna li mhijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni, hija għandha tieħu deċiżjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa l-għajnuna in kwistjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 88 tat-Trattat japplikaw fil-każ li Stat Membru ma jikkonformax ruħu ma' l-imsemmija deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –  Linji gwida dwar l-għajnuna għall-ambjent

8        Il-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent (ĠU 1994, C 72, p.3, iktar 'il quddiem il-"Linji gwida"), li huma applikabbli għat-Trattat KE, jispeċifikaw, fil-punt 3 tagħhom, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-għajnuna finanzjarja pubblika lil ċerti impriżi għall-ħarsien ta' l-ambjent sabiex din tkun tista' tiġi awtorizzata.

9        Il-punt 3.2 tal-Linji gwida jikkonċerna l-għajnuna għall-investimenti. Il-punt 3.2.1. jindika:

"L-għajnuna għall-investimenti fi […] installazzjonijiet u tagħmir, intiża sabiex titnaqqas jew jiġu eliminati t-tniġġis u l-inkonvenjenzi, u sabiex jiġu addattati l-metodi ta' produzzjoni bil-għan li jitħares l-ambjent, tista' tkun awtorizzata fil-limiti stabbiliti minn dawn il-Linji gwida. L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu strettament limitati għall-ispejjeż ta' investiment addizzjonali neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' ħarsien ta' l-ambjent. L-ispejjeż ta' investimenti ġenerali li ma jaqgħux taħt il-ħarsien ta' l-ambjent għandhom jiġu esklużi. Għalhekk, fil-każ ta' installazzjonijiet ġodda jew ta' sostituzzjoni, l-ispejjeż ta' l-investimenti bażiċi intiżi sempliċiment sabiex joħolqu jew jissostitwixxu l-kapaċità tal-produzzjoni, mingħajr ma jtejbu s-sitwazzjoni mill-aspett ambjentjali, ma jistgux jittieħdu in kunsiderazzjoni. Bl-istess mod, meta investiment imwettaq f'installazzjoni eżistenti sabiex itejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent jinvolvi żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni ta' l-imsemmija installazzjoni, l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu proporzjonali għall-kapaċità inizjali ta' dan ta' l-aħħar. F'kull każ, l-għajnuna li tidher li hija intiża għall-miżuri ta' ħarsien ta' l-ambjent, iżda li, fir-realtà, hija intiża għal investiment ġenerali, mhijiex koperta minn dawn il-Linji gwida [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Il-punt 3.2.3 tal-Linji gwida jippreċiża li l-għajnuna lill-investimenti għall-finijiet ta' ħarsien ta' l-ambjent tista' tiġi awtorizzata jekk hija ma teċċedix ċerti livelli. Huwa jiddistingwi bejn, l-ewwel nett (3.2.3.A), l-għajnuna intiża sabiex tgħin lill-impriżi jadattaw għall-istandards mandatorji l-ġodda, it-tieni nett (3.2.3.B), l-għajnuna intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi sabiex jmorru lil hinn minn dak impost fuqhom mill-istandards mandatorji, u t-tielet nett (3.2.3.C), l-għajnuna fin-nuqqas ta' standards mandatorji.

11      Fl-ewwel każ (każ A), l-għajnuna għall-investimenti intiżi għall-osservanza ta' l-istandards mandatorji l-ġodda jew ta' obbligi legali ġodda oħra li jinvolvu l-adattament ta' installazzjonijiet u ta' tagħmir għal dawn il-ħtiġiet l-ġodda, tista' tiġi awtorizzata sa livell massimu ta' 15 % gross ta' l-ispejjeż eliġibbli. Din l-għajnuna tista' tingħata biss għal installazzjonijiet li kienu ilhom joperaw għal mill-inqas sentejn fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' l-istandards jew ta' l-obbligi l-ġodda. Barra minn hekk, huwa indikat li l-impriżi li, minflok li sempliċement jadattaw l-installazzjonijiet eżistenti li għandhom iktar minn sentejn, jagħżlu li jissostitwixxuhom b'installazzjonijiet ġodda li jissodisfaw l-istandards ġodda, jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għall-parti ta' l-ispejjeż ta' investiment li ma jeċċedux dawk li kienu jirriżultaw mill-adattament ta' l-installazzjonijiet il-qodma.

12      Fit-tieni każ (każ B), l-għajnuna għall-investimenti li jippermettu li jinkisbu livelli ta' ħarsien ta' l-ambjent ogħla sew minn dawk imposti mill-istandards mandatorji, tista' tiġi awtorizzata sa livell massimu ta' 30 % gross ta' l-ispejjeż ta' investiment eliġibbli. Huwa speċifikat li "il-livell ta' l-għajnuna mogħtija talli jinqabżu dawn l-istandards għandu jkun proporzjonali għat-titjib ta' l-ambjent hekk imwettaq u għall-investiment neċessarju sabiex jinkiseb dan it-titjib" u li "meta proġett jipprovdi, fl-istess ħin, għal adattament għall-istandards u sabiex jinqabżu dawn l-istandards, l-ispejjeż eliġibbli li jikkorrispondu għal kull waħda minn dawn il-kategoriji għandhom jiġu separati u l-limitu xieraq għandu jiġi applikat" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      Fit-tielet każ (każ C) l-investimenti jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna fl-istess livelli u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fit-tieni każ.

C –  L-Anness tal-Kodiċi

14      L-Anness tal-Kodiċi, intitolat "Kriterji ta' applikazzjoni tal-Linji gwida […] għall-industrija ta' l-azzar" jispeċifika, fl-introduzzjoni tiegħu, li l-Kummissjoni ser timponi fuq l-għoti ta' kull għajnuna mill-Istat favur il-ħarsien ta' l-ambjent il-kundizzjonijiet u l-garanziji kollha neċessarji sabiex jiġi evitat li installazzjonijiet ġodda u tagħmir ġdid jibbenefikaw minn investimenti ta' natura ġenerali taħt l-apparenza tal-ħarsien ta' l-ambjent.

15      Dan l-Anness huwa maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel parti, intitolata "Għajnuna intiża sabiex tippermetti lill-impriżi jadattaw l-installazzjonijiet eżistenti għall-istandards mandatorji l-ġodda", tiddispondi fil-punt (b):

"L-impriżi li, minflok ma jadattaw l-installazzjonijiet jew it-tagħmir tagħhom li għandhom iktar minn sentejn, jagħżlu li jissostiwixxuhom b'installazzjonijiet ġodda li jissodisfaw l-istandards il-ġodda, għandhom josservaw il-kundizzjonijiet li ġejjin.

[...]

ii)      Il-Kummissjoni ser tanalizza l-kuntest ekonomiku u ambjentali li fih tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jiġu sostitwiti l-installazzjonijiet jew it-tagħmir. Bħala prinċipju, id-deċiżjoni li jsiru investimenti ġodda li xorta kienu jkunu neċessarji għal raġunijiet ekonomiċi jew minħabba l-fatt li l-installazzjonijiet jew it-tagħmir ikunu qdiemu ma tistax tibbenefika mill-għajnuna. Sabiex tkun tista' tibbenefika mill-għajnuna, l-installazzjonijiet eżistenti jrid ikun għad fadlilhom tul ta' ħajja suffiċjentement twil (mill-inqas 25 %)." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      It-tieni parti, intitolata "Għajnuna intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi jagħtu kontribuzzjoni sinjifikattiva għall-ħarsien ta' l-ambjent", tipprovdi:

"a)       Għal dak li jikkonċerna l-impriżi li jiddeċiedu li adottataw standards iktar rigorużi mill-istandards mandatorji, l-investitur, barra milli jirrispetta d-dispożizzjonijiet [imsemmija fil-punt (b)(ii)], għandu wkoll juri li huwa ddeċieda b'mod ċar li jagħżel standards iktar rigorużi li jeħtieġu investimenti addizzjonali, jiġifieri, li kien hemm soluzzjoni irħas li kienet tissodisfa l-istandards ambjentali l-ġodda. F'kull każ, l-ogħla ammont ta' l-għajnuna għandu japplika biss għat-titjib fil-ħarsien ta' l-ambjent. Kull vantaġġ marbut ma' tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni li jirriżulta mil-livelli sinjifikattivament ogħla ta' ħarsien ta' l-ambjent għandu jitnaqqas.

b)      Għal dak li jikkonċerna l-impriżi li jikkontribwixxu b'mod sinjifikattiv għat-titjib fil-ħarsien ta' l-ambjent, mhux biss għandu jiġi rrispettat il-kriterju li jinsab [fl-ewwel parti fil-punt (b)(ii)], iżda għandu jitnaqqas kull vantaġġ marbut ma' tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni li jirriżulta minn dan it-titjib sinjifikattiv.

c)       Barra mill-kriterji msemija hawn fuq, l-investimenti intiżi għall-ħarsien ta' l-ambjent biss ser ikunu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jirrispettawx il-kriterji stabbiliti fil-Linji gwida [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

17      Ir-rikorrenti, Lucchini SpA, hija impriża li topera fl-industrija ta' l-azzar li timmanifattura prodotti previsti fl-Anness I tat-Trattat KEFA.

A –  Dikjarazzjonijiet dwar investimenti produttivi

18      Fl-10 Fl-10 ta' Diċembru 1997, skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3010/91/KEFA, tal-15 ta' Ottubru 1991, dwar l-informazzjoni li l-impriżi ta' l-industrija ta' l-azzar għandhom jipprovdu fuq l-investimenti tagħhom (ĠU L 286, p. 20), l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw lill-Kummissjoni żewġ dikjarazzjonijiet dwar pjanijiet ta' investimenti għall-produzzjoni mwettqa fil-fabbrika ta' Piombino ta' Lucchini. Skond l-ittra ta' l-awtoritajiet Taljani tat-18 ta' Lulju 2000, dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jikkonċernaw (anness 10 mar-rikors, traduzzjoni bil-Franċiż, punt b, paġni 3 et seq.), minn naħa, is-sostituzzjoni tal-kalkara ta' funderija b'oħra fl-installazzjonijiet ta' produzzjoni ta' ħadid mhux maħdum li għadu ħiereġ mill-kalkara (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, is-sostituzzjoni tal-converters eżistenti fil-funderija b'converters ġodda.

B –  Notifiki relattivi għal pjanijiet ta' investimenti ambjentali

19      Permezz ta' ittra tas-16 ta' Marzu 1999 (anness2.a mar-rikors, paġna 50), l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3 tal-Kodiċi, bl-ewwel pjan ta' għajnuna favur il-ħarsien ta' l-ambjent li kellha tingħata lil Lucchini għal investimenti fil-fabbrika ta' Piombino (iktar 'il quddiem l-"ewwel pjan ta' għajnuna"). L-investimenti notifikati kienu jikkonċernaw azzjonijiet ambjentali li kienu jikkonsistu fis-sostituzzjoni jew fit-tlestija tat-tagħmir ambjentali ta' l-impjant tal-kokk, tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija, fir-rigward, b'mod partikolari, tas-sistema ta' estrazzjoni tad-dħaħen tal-converters tal-funderija.

20      Permezz ta' ittra tad-19 ta' April 1999 (anness 3 mar-rikors), il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali dwar dan il-pjan. Din l-ittra rriferiet, l-ewwel nett, għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-punt (b)(ii) ta' l-ewwel parti ta' l-Anness tal-Kodiċi, li jipprovdu li l-investimenti ambjentali mwettqa fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar għal raġunijiet ekonomiċi jew minħabba li l-installazzjonijiet eżistenti jkunu qdiemu biż-żmien jew bl-użu – meta t-tul ta' ħajja li jkun fadlilha l-installazzjoni jkun inqas minn 25 % – ma jistgħux jibbenefikaw minn għajnuna. F'dan ir-rigward, l-ittra talbet l-awtoritajiet Taljani jipproduċu perizja indipendenti dwar it-tul ta' ħajja li kien fadallu t-tagħmir ambjentali li kellu jiġi sostitwit sabiex jiġi stabbilit jekk l-investimenti notifikati jissodisfawx l-imsemmija kundizzjoni. Din l-ittra talbet ukoll lill-awtoritajiet Taljani jipprovdu informazzjoni fuq il-livelli ta' tniġġis ambjentali milħuqa mill-installazzjonijiet attwali u dawk previsti wara l-interventi notifikati, kif ukoll fuq il-livelli ta' tniġġis li kellhom jintlaħqu skond l-istandards fis-seħħ.

21      Permezz ta' ittra tad-29 ta' Novembru 1999 (anness 2.b mar-rikors, paġna 79), l-awtoritajiet Taljani rrispondew għat-talbiet ta' informazzjoni tal-Kummissjoni. Minn naħa, huma bagħtu rapport ta' espert datat 30 ta' Settembru 1999 (iktar 'il quddiem ir-"rapport ta' espert") (anness 4 mar-rikors), li minnu jirriżulta li t-tul ta' ħajja li kien fadlilhom l-installazzjonijiet li kellhom jiġu sostitwiti kien ta' mill-inqas 25 %. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw mill-ġdid l-ewwel pjan ta' għajnuna (anness 2.b mar-rikors, paġni 81 sa 91) f'verżjoni ftit modifikata, li kienet tinkludi, b'mod partikolari, fl-anness, tabelli komparattivi li kien fihom l-informazzjoni dwar il-livelli ta' tniġġis mitluba mill-Kummissjoni (kemm il-livelli milħuqa qabel u wara l-interventi, kif ukoll il-livelli preskriti mill-istandards mandatorji) għal kull tip ta' investiment fl-impjant tal-kokk, fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija.

22      Permezz ta' ittra separata tad-29 ta' Novembru 1999 (anness 2.b mar-rikors, paġna 92), l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3 tal-Kodiċi, bit-tieni pjan ta' għajnuna favur il-ħarsien ta' l-ambjent mogħtija lil Lucchini għal investimenti fil-fabbrika ta' Piombino (iktar 'il quddiem it-"tieni pjan ta' għajnuna"). L-investimenti notifikati kienu jikkonċernaw azzjonijiet ambjentali addizzjonali fl-impjant tal-kokk kif ukoll fis-sistema ta' provvista u ta' ħruġ ta' l-ilma, bil-għan li jitnaqqsu iktar l-emissjonijiet li jniġġsu.

23      Permezz ta' żewġ ittri tas-17 ta' Jannar 2000, (annessi 5 u 6 mar-rikors) il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali fuq l-investimenti previsti fiż-żewġ pjanijiet ta' għajnuna notifikata. Fir-rigward ta' l-ewwel pjan ta' għajnuna, (anness 6 mar-rikors) il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jispjegaw ir-relazzjoni li hemm bejn l-investimenti ambjentali notifikati f'dan il-pjan u l-investimenti produttivi relatati mal-kalkara ta' funderija u mal-funderija li kienu s-suġġett tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati f'Diċembru 1997. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet li tiġi speċifikata l-evalwazzjoni ta' l-enerġija iffrankata relatati ma' intervent fil-funderija. Fir-rigward tat-tieni pjan ta' għajununa, (anness 5 mar-rikors) il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani dettalji dwar l-investimenti relatati ma' l-impjant tal-kokk u mas-sistema ta' provvista u ta' ħruġ ta' l-ilma, għal dak li jikkonċerna l-livelli preċedenti ta' tniġġis ambjentali u l-livelli ta' tniġġis li jirriżultaw mill-interventi ppjanati meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet legali.

24      Permezz ta' żewġ ittri tal-15 ta' Frar 2000, (annessi 7 u 8 mar-rikors) l-awtoritajiet Taljani rrispondew għad-domandi tal-Kummissjoni dwar iż-żewġ pjanijiet ta' għajnuna notifikati, billi bagħtu l-informazzjoni rikjesta kif ukoll it-tabelli bl-informazzjoni dwar id-diversi livelli ta' tniġġis ambjentali mitluba.

C –  Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi u l-osservazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani

25      Permezz ta' ittra tas-26 ta' April 2000, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi, fir-rigward taż-żewġ pjanijiet ta' għajnuna notifikati favur Lucchini għal ammont totali ta' 13.5 biljuni ta' liri Taljani (ITL) (ITL 10.7 biljuni għall-ewwel pjan ta' għajnuna u ITL 2.8 biljuni għat-tieni pjan ta' għajnuna), għal investimenti fil-fabbrika ta' Piombino ta' spiża totali ta' ITL 190.9 biljuni (ITL 152.5 għall-ewwel pjan ta' għajnuna u ITL 38.4 biljuni għat-tieni pjan ta' għajnuna). Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta' eżami ġiet ippublikata fl-1 ta' Lulju 2000 (ĠU C 184, p. 2, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' ftuħ", anness 9 mar-rikors).

26      Minn din id-deċiżjoni rriżulta, b'mod partikolari, li l-ewwel eżami ta' l-informazzjoni ppreżentata wasslet għall-konklużjoni li l-investimenti kienu saru, qabel kollox, għal raġunijiet ekonomiċi, li, avolja l-investimenti notifikati ma kinux direttament marbuta ma' tagħmir ġdid ta' produzzjoni, dawn kienu neċessarji sabiex jassiguraw l-użu għal żmien twil, il-modernizzazzjoni u l-estensjoni ta' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni jew sabiex jippermettu li tiġi sodisfatta l-kapaċità ġdida ta' produzzjoni installata u li l-awtoritajiet Taljani ma ressqux il-prova li l-investimenti kienu saru għal raġunijiet ambjentali u mhux għal raġunijiet ekonomiċi. Id-deċiżjoni ta' ftuħ kienet tenfasizza wkoll li l-awtoritajiet Taljani ma ressqux il-prova li, meta t-tagħmir jew l-installazzjonijiet ġew sostitwiti, l-investitur kien ħa b'mod ċar id-deċiżjoni li jagħżel standards iktar restrittivi li jeħtieġu investimenti addizzjonali, ħaġa li timplika, barra minn hekk, li hemm soluzzjoni irħas li kienet tissodisfa l-istandards legali.

27      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni ta' ftuħ irriżulta li ma kienx ġie stabbilit li l-investimenti notifikati kollha ma kellhomx effett fuq il-produzzjoni.

28      Permezz ta' ittra tat-18 ta' Lulju 2000, (anness 10 mar-rikors) l-awtoritajiet Taljani rrispondew għar-riżervi espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' ftuħ, billi affermaw mill-ġdid l-għan esklużivament ambjentali, u mhux ekonomiku jew produttiv, ta' l-investimenti notifikati.

D –  Id-deċiżjoni kkontestata

29      Fil-21 ta' Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/466/KEFA dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja qed tippjana li timplementa favur l-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar Lucchini u Siderpotenza SpA (ĠU 2001, L-163, p. 24, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata") (anness 1 mar-rikors).

30      B'konklużjoni għall-evalwazzjoni tagħha ta' l-għajnuna fid-dawl ta' l-Artikolu 3 tal-Kodiċi u tad-dispożizzjonijiet li jirreferi għalihom dan l-Artikolu, jiġifieri l-Anness tal-Kodiċi u l-Linji gwida (ara l-premessi 22 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li "l-għajnuna notifikata favur Lucchini [...] għall-impjant tal-kokk, għall-funderija u għall-kalkara ta' funderija għal total ta' ITL 13.5 biljuni, mhijiex eliġibbli għall-għajnuna ambjentali, peress li l-awtoritajiet Taljani ma wrewx li l-investimenti ma twettqux għal raġunijiet ekonomiċi" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tqis, min-naħa l-oħra, li, "f'kull każ, fuq il-bażi ta' l-eżami mwettaq fid-dawl tal-kriterji dettaljati, l-għajnuna notifikata ma tissodisfax id-diversi kundizzjonijiet imposti" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B'mod partikolari, "l-ispejjeż notifikati ma jikkonċernawx biss l-ispejjeż addizzjonali neċessarji għat-titjib fil-ħarsien ta' l-ambjent, il-vantaġġi f'termini ta' spejjeż ma ġewx imnaqqsa kollha u, f'ċerti każijiet, it-tnaqqis fil-livelli ta' tniġġis ma jippermettix li t-titjib jiġi kkunsidrat li huwa "sinjifikattiv"" (premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

"L-għajnuna mill-Istat li l-Italja qed tippjana li timplementa favur Lucchini [...] għal ammont ta' ITL 13.5 biljuni (EUR 6.98 miljuni) […] hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Konsegwentement, l-implementazzjoni ta' din l-għajnuna mhijiex awtorizzata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      Ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistu tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Lulju 2001.

33      Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza, bħala miżura sstruttorja, skond l-Artiolu 23 ta' l-Istatut KEFA tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tordna l-produzzjoni tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u, b'mod partikolari, tad-dokumenti u ta' l-elementi tekniċi li jinsabu fih li abbażi tagħhom il-Kummissjoni eskludiet in-natura ambjentali ta' l-investimenti notifikati. Il-Kummissjoni bagħtet il-fajl lill-Qorti tal-Prim'Istanza, filwaqt li talbet biex dan ma jidħolx fil-proċess ġudizzjarju u biex ma jintbagħatx lir-rikorrenti, u ressqet talba għal trattament kunfidenzjali f'dan ir-rigward.

34      Wara skambju ta' korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim'Istanza, permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Novembru 2002, li l-fajl amministrattiv ma kien fih ebda element jew rapport tekniku barra minn dawk mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani u diġà prodotti mir-rikorrenti fl-anness tar-rikors tagħha.

35      Permezz ta' ittra tas-7 ta' Frar 2003, ir-rikorrenti rrinunzjat għat-talba tagħha ta' aċċess għall-fajl amministrattiv.

36      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

37      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula lilhom mill-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza, komposta minn P.Lindh, President, R. García-Valdecasas, J. D. Cooke, P. Mengozzi u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin, instemgħu waqt is-seduta tat-18 ta' Marzu 2004.

38      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna l-eventwali twettiq ta' perizja fuq il-kategorija ta' l-investimenti notifikati lill-Kummissjoni, sabiex jintwera li l-installazzjonijiet preċedenti ta' ħarsien ta' l-ambjent setgħu jiffunzjonaw b'mod parallel ma' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni l-ġodda;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

40      Il-proċedura orali ngħalqet wara wara s-seduta tat-18 ta' Marzu 2004. Skond l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, peress li Membru ta' l-Awla kien impedit milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni wara l-iskadenza tal-ħatra tiegħu fit-3 ta' Mejju 2006, l-Imħallef li kien l-anqas anzjan, skond l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, konsegwentement astjena milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni u d-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tkomplew mit-tliet Imħallfin li ffirmaw din is-sentenza.

 Id-dritt

41      Ir-rikorrenti tibbaża, essenzjalment, it-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq tliet raġunijiet. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq żball dwar ir-regoli applikabbli f'dan il-każ u fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. It-tieni raġuni hija bbażata fuq in-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' eliġibbiltà ta' l-għajnuna notifikata, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, fuq inversjoni ta’ l-oneru tal-prova u fuq nuqqas ta' motivazzjoni. It-tielet raġuni hija bbażata fuq in-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà ta' l-għajnuna stabbilita mill-kuntest legali applikabbli, fuq ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, fuq inversjoni ta’ l-oneru tal-prova, fuq nuqqas ta' motivazzjoni u fuq kontradizzjoni interna fir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata.

A –  Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq żball dwar ir-regoli applikabbli f'dan il-każ u fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba

1.     L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq bażi ġuridika żbaljata. Hija tfakkar li, b'eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali ta' projbizzjoni tas-sussidji jew ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 4(c) KEFA, l-Artikolu 3 tal-Kodiċi jiddisponi li l-għajnuna intiża għall-ħarsien ta' l-ambjent tista' tiġi awtorizzata, taħt ċerti kundizzjonijiet, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness tal-Kodiċi u tal-Linji gwida. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiddistingwi bejn tliet tipi ta' investimenti li jistgħu jiġu notifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri: l-ewwel nett, l-investimenti ġenerali u l-investimenti intiżi sabiex tiżdied il-kapaċità ta' produzzjoni, li mhumiex eliġibbli bħala għajnuna billi huma inkompatibbli mas-suq komuni, u li d-dispożizzjonijiet applikabbli għalihom huma l-Anness tal-Kodiċi kif ukoll it-tielet sentenza et seq. tal-punt 3.2.1 u l-punt 3.2.3 tal-Linji gwida; it-tieni nett, l-investimenti mħallta intiżi kemm sabiex tiżdied il-kapaċità ta' produzzjoni kif ukoll għall-ħarsien ta' l-ambjent, li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jiddistingwu bejn l-ispejjeż konnessi maż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u dawk li jikkorrispondu għall-ħarsien ta' l-ambjent, peress li huma biss l-investimenti ambjentali li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna, u f'dan il-każ il-kuntest ġuridiku rilevanti huwa l-Anness tal-Kodiċi; it-tielet nett, l-investimenti purament ambjentali, li huma eliġibbli għal għajnuna jekk jirrispettaw il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-punt 3.2.1 tal-Linji gwida, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Linji gwida u ta' l-Anness tal-Kodiċi.

43      Ir-rikorrenti tispeċifika li din il-klassifika ma tfissirx li l-investimenti purament ambjentali notifikati mill-awtoritajiet Taljani huma esklużi mill-qasam ta' applikazzjoni tal-Kodiċi. Skondha, l-Artikolu 3 tal-Kodiċi jagħmel referenza doppja, minn naħa, għall-Anness tal-Kodiċi, u, min-naħa l-oħra, għal-Linji gwida, u din ir-referenza mhijiex kumulattiva iżda alternattiva. Għaldaqstant, huwa loġiku li jiġi kkunsidrat li l-Anness tal-Kodiċi japplika għall-investimenti ġenerali u għall-investimenti mħallta, filwaqt li l-investimenti purament ambjentali huma koperti biss bil-Linji gwida bl-esklużjoni ta' l-Anness tal-Kodiċi. Sabiex issaħħaħ ir-raġunament tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-paragrafu introduttorju ta' l-Anness tal-Kodiċi jindika li d-dispożizzzjonijiet tiegħu japplikaw biss fil-każijiet fejn ikun hemm koinċidenza bejn l-għajnuna ambjentali u l-għajnuna intiża għal investimenti ta' natura ġenerali u li l-punt (c) tat-tieni parti ta' l-Anness tal-Kodiċi jindika li l-analiżi ta' dawn l-investimenti għandha ssir biss fid-dawl tal-kriterji addizzjonali stabbiliti fil-Linji gwida.

44      Sabiex tipprova li l-punt 3.2.3 tal-Linji gwida ma japplikax għall-investimenti purament ambjentali, ir-rikorrenti ssostni li d-distinzjoni magħmula minn din id-dispożizzjoni bejn l-għajnuna intiża sabiex tgħin lill-impriżi jadattaw għall-istandards mandatorji l-ġodda, l-għajnuna intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi jmorru lil hinn minn dak li huwa impost fuqhom mill-istandards mandatorji u l-għajnuna fin-nuqqas ta' standards mandatorji, hija bbażata esklużivament fuq il-livell ta' għajnuna awtorizzata u hija rilevanti biss fil-każijiet fejn talba ta' awtorizzazzjoni ta' għajnuna hija magħmula għal livell ta' għajnuna bejn 16 % u 30 %. Għalhekk meta l-livell ta' għajnuna huwa raġonevolment inferjuri għal-livell ordinarju ta' 15 % – f'dan il-każ, dan kien ta' 7 % –, id-distinzjoni magħmula fil-punt 3.2.3 titlef kull effett utli u m'hemmx lok li ssir l-analiżi addizzjonali prevista f'dan il-punt. Għaldaqstant, meta applikat il-punt 3.2.3 tal-Linji gwida għall-għajnuna ambjentali notifikata f'dan il-każ, il-Kummissjoni fixklet ir-regoli fuq il-kompatibbiltà ta' l-għajnuna, li huma dawk previsti biss fil-punt 3.2.1 tal-Linji gwida, ma' dawk li jirrigwardaw l-intensità ta' din l-għajnuna.

45      Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-investimenti notifikati kellhom għan esklużivament ambjentali, id-dispożizzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni kellha tibbaża d-deċiżjoni kkontestata kienu strettament limitati għall-ewwel u t-tieni sentenzi tal-punt 3.2.1 tal-Linji gwida. Id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx, għaldaqstant, tieħu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta' l-Anness tal-Kodiċi u t-tielet sentenza et seq. tal-punt 3.2.1 u l-punt 3.2.3 tal-Linji gwida.

46      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Linji gwida u li tapplika, barra minn hekk, l-Anness tal-Kodiċi, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

47      Il-Kummissjoni ssostni li din ir-raġuni hija kompletament infondata. Fil-fatt, ir-rikorrenti qed tgħawweġ il-kuntest ġuridiku applikabbli meta ssemmi b'mod parzjali u żbaljat id-dispożizzjonijiet rilevanti f'dan il-qasam, b'mod partikolari, l-Anness tal-Kodiċi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-kuntest ġuridiku rilevanti u, għaldaqstant, ma twettaq ebda ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

48      F'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 4(c) KEFA u billi ttieħdu in kunsiderazzjoni ir-regoli tal-Kodiċi. Fil-fatt, wara li evalwat l-għajnuna notifikata fid-dawl ta' l-Artikolu 3 tal-Kodiċi u tad-dispożizzjoniet li jagħmel referenza għalihom dan l-Artikolu, jiġifieri l-Anness tal-Kodiċi u l-Linji gwida (ara d-deċiżjoni kkontestata, premessi 22 sa 24), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li din l-għajnuna ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f'dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tiġi awtorizzata għajnuna għall-ambjent fil-kuntest tat-Trattat KEFA. Konsegwentement, din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni u ma setgħetx tiġi eżegwita (ara d-deċiżjoni kkontestata, il-premessa 39 u l-Artikolu 1).

49      L-ewwel nett, għandu jiġi rilevat li, b'deroga għall-prinċipju ta' projbizzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(c) KEFA, li jipprovdi li s-sussidji jew l-għajnuna favur impriżi fis-settur ta' l-azzar, taħt kwalunkwe forma li jkunu, huma projbiti, u skond l-Artikolu 95 KEFA, il-Kodiċi jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-għajnuna għall-industrija ta' l-azzar iffinanzjata permezz ta' riżorsi ta' l-Istat tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

50      Għaldaqstant l-għajnuna li ma taqax taħt il-Kodiċi tibqa' suġġetta għall-Artikolu 4(c) KEFA (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ottubru 1997, EISA vs Il-Kummissjoni, T-239/94, Ġabra p.1839, punt 72, u tas-16 ta' Diċembru 1999, Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, T-158/96, Ġabra p. II‑3927, punt 60). Bl-istess mod, il-Kodiċi għandu jiġi interpretat b'mod strett, peress li huwa jikkostitwixxi deroga għal prinċipju ta' projbizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I‑4717, punt 40, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Settembru 1997, UK Steel Association vs Il-Kummissjoni, T-150/95, Ġabra p. II‑1433, punt 114).

51      It-tieni nett, għandu jiġi enfassizat li l-Artikolu 3 tal-Kodiċi jiddisponi li l-għajnuna għall-ħarsien ta' l-ambjent mogħtija fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar tista' tiġi meqjusa kompatibbli mas-suq komuni "jekk din tirrispetta r-regoli stabbiliti fil-[Linji gwida] skond il-kriterji ta' applikazzjoni għas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar KEFA, definiti fl-Anness [tal-Kodiċi]" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

52      Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet previsti fil-Linji gwida, li huma applikabbli fil-kuntest tal-Trattat KE, jistgħu jiġu trasposti fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar li jaqa' taħt it-Trattat KEFA meta huma jissodisfaw il-kriterji ta' applikazzjoni msemmija fl-Anness tal-Kodiċi. Għalhekk, it-titolu ta' dan l-Anness jispeċifika, b'mod partikolarment sinjifikattiv, li dan l-Anness jiddetermina l-"kriterji ta' applikazzjoni tal-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent għall-industrija ta' l-azzar" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant il-Kodiċi ma jippprovdix għall-applikazzjoni awtomatika tad-dispożizzjonijiet tal-Linji gwida għas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar (sentenza UK Steel Association vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 100), iżda jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' tali applikazzjoni fl-Anness tiegħu.

53      Konsegwentement, skond l-Artikolu 3 tal-Kodiċi, id-dispożizzjonijiet applikabbli f'din il-kawża huma dawk previsti fl-Anness tal-Kodiċi u dawk li jinsabu fil-Linji gwida, bil-kundizzjoni li jkunu konformi mal-kriterji ta' applikazzjoni għas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar KEFA definiti mill-Anness tal-Kodiċi.

54      L-Anness tal-Kodiċi huwa maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel waħda tirreferi għall-għajnuna intiża sabiex tippermetti lill-impriżi jadattaw l-installazzjonijiet eżistenti għall-istandards mandatorji l-ġodda. It-tieni parti tirrigwarda l-għajnuna intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi jagħtu kontribuzzjoni sinjifikattiva għall-ħarsien ta' l-ambjent. F'dan ir-rigward, jirriżulta min-notifiki tal-pjanijiet ta' għajnuna ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani, (anness 2.a u 2.b mar-rikors) mill-ittri ta' l-awtoritajiet Taljani tal-15 ta' Frar 2000, (anness 7 u 8 mar-rikors) kif ukoll mill-ossservazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani tat-18 ta' Lulju 2000 fuq id-deċiżjoni ta' ftuħ, (anness 10 mar-rikors) li l-investimenti notifikati kienu maħsuba sabiex jinkoraġġixxu lir-rikorrenti tagħti kontribuzzjoni sinjifikattiva għall-ħarsien ta' l-ambjent u sabiex tmur lil hinn minn dak li kienu jimponu fuqha l-istandards mandatorji.

55      Għalhekk, l-osservazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani fuq id-deċiżjoni ta' ftuħ indikaw li l-għajnuna notifikata favur ir-rikorrenti kienet tirrigwarda investimenti magħmula minn din il-kumpannija "bl-għan li jittejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent meta mqabbla mar-riżultati miksuba fis-sitwazzjoni preċedenti, li kienu, inċidentalment, konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ". (anness 10 mar-rikors, paġna 2 tat-traduzzjoni bil-Franċiż, "l-investimenti", l-ewwel paragrafu)

56      Bl-istess mod, dawn l-osservazzjonijiet enfasizzaw li s-sostituzzjoni tat-tagħmir ambjentali fir-rigward tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija "[kienet] ġiet imwettqa, indipendentement minn dik tal-mezzi ta' produzzjoni (il-kalkara ta' funderija u l-converters tal-funderija), bl-għan waħdieni li jitnaqqsu l-emissjonijiet b'mod sinjifikattiv meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li kienet diġà qed tiġi osservata fis-sitwazzjoni preċedenti". (anness 10 mar-rikors, paġna 5 tat-traduzzjoni bil-Franċiż, it-tielet paragrafu)

57      Barra minn hekk, dawn l-osservazzjonijiet sostnew ukoll li "il-kumpannija Lucchini [kienet] iddeċidiet li tagħżel livelli ta' ħarsien ambjentali sinjifikattivament ogħla, indipendentement mill-investimenti produttivi li ma kienu jeħtieġu ebda investiment taħt forma ta' sistema ta' ħarsien ambjentali sabiex jiġu osservati l-istandards fuq l-emissjonijiet fis-seħħ u [li], għaldaqstant, l-investimenti notifikati kollha [kellhom] jiġu kkunsidrati addizzjonali". (anness 10 mar-rikors, paġna 8 tat-traduzzjoni bil-Franċiż, l-aħħar paragrafu)

58      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika minn għajnuna mogħtija taħt l-ewwel parti ta' l-Anness tal-Kodiċi, li tirrigwarda l-"għajnuna intiża sabiex tippermetti lill-impriżi jadattaw l-installazzjonijiet eżistenti għall-istandards il-ġodda fis-seħħ". Bl-istess mod, u kif tafferma, ġustament, il-Kummissjoni, peress li din hija għajnuna intiża sabiex tinkoraġġixxi lir-rikorrenti tagħti kontribuzzjoni sinjifikattiva għall-ħarsien ta' l-ambjent u sabiex tmur lil hinn minn dak li jimponu fuqha l-istandards mandatorji, id-dispożizzjonijiet rilevanti f'din il-kawża huma dawk imsemmija fil-punti 3.2.1 u 3.2.3.B tal-Linji gwida, kif speċifikati u adattati għas-settur ta' l-industrija ta' l-azzar KEFA mit-tieni parti ta' l-Anness tal-Kodiċi.

59      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 4(c) KEFA fid-dawl ta' Artikolu 3 tal-Kodiċi u d-dispożizzjonijiet li jagħmel referenza għalihom dan l-Artikolu, jiġifieri l-Anness tal-Kodiċi u l-Linji gwida.

60      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ebda argument invokat mir-rikorrenti ma jista' jiġi milqugħ.

61      L-ewwel nett, it-teżi tar-rikorrenti li d-dispożizzjonijiet applikabbli jvarjaw skond it-tliet kategoriji ta' investimenti li jistgħu jiġu notifikati bħala għajnuna mill-Istat, mhijiex rilevanti. Fil-fatt, din it-teżi tikkontradixxi l-kliem ta' l-Artikolu 3 tal-Kodiċi, li jistabbilixxi l-applikazzjoni kumulattiva ta' l-Anness tal-Kodiċi u tal-Linji gwida skond il-modalitajiet esposti hawn fuq, mingħajr ma jiddistingwi f'dan l-istadju bejn tipi differenti ta' investimenti. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li r-referenza magħmula mill-Artikolu 3 tal-Kodiċi għall-Anness tal-Kodiċi u għal-Linji gwida mhijiex kumulattiva iżda alternattiva.

62      It-tieni nett, l-affirmazzjoni tar-rikorrenti li l-Anness tal-Kodiċi ma japplikax għal investimenti li huma purament ambjentali, hija kompletament infondata fid-dritt. Fil-fatt, kif ġie espost hawn fuq, l-Artikolu 3 tal-Kodiċi jipprovdi li l-għajnuna ambjentali fis-settur ta' l-industrija ta' l-azzar KEFA għandha tosserva kemm l-Anness kif ukoll il-Linji gwida. Bl-istess mod, l-introduzzjoni ta' l-Anness tal-Kodiċi, li tipprovdi li "il-Kummissjoni ser timponi fuq l-għoti ta' kull għajnuna mill-Istat favur il-ħarsien ta' l-ambjent il-kundizzjonijiet u l-garanziji kollha neċessarji sabiex jiġi evitat li installazzjonijiet ġodda u tagħmir ġdid jibbenefikaw minn investimenti ta' natura ġenerali taħt l-apparenza tal-ħarsien ta' l-ambjent" [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma tistax tiġi ċċitata mir-rikorrenti sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li l-Anness tal-Kodiċi ma japplikax għal għajnuna purament ambjentali. Fil-fatt, it-test iċċitat iktar 'il fuq jistabbilixxi biss il-ħtieġa tal-Kummissjoni li tivverifika, jekk ikun il-każ, l-allegazzjoni li investiment notifikat bħala purament ambjentali fir-realtà jippermetti li jintlaħqu għanijiet oħra projbiti mid-dispożizzjonijiet applikabbli. Konsegwentement, l-għajnuna notifikata, li taqa' taħt it-Trattat KEFA, hija kompletament suġġetta kemm għall-kriterji tal-Linji gwida kif ukoll għall-kriterji previsti fl-Anness tal-Kodiċi.

63      It-tielet nett, l-affirmazzjoni tar-rikorrenti li l-punt 3.2.3 tal-Linji gwida ma japplikax għal investimenti li huma purament ambjentali, hija wkoll kompletament infondata fid-dritt. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi kriterji ta' kompatibbiltà ta' l-għajnuna u tistabbilixxi levell massimu ta' intensità skond l-għan li l-investimenti jfittxu li jilħqu, jiġifieri l-adattament għal standards mandatorji ġodda (każ A), l-inkoraġġiment sabiex wieħed imur lil hinn mill-imsemmija standards mandatorji (każ B), jew il-ħarsien ta' l-ambjent fin-nuqqas ta' standards mandatorji (każ C). Għalhekk, il-fatt invokat mir-rikorrenti, li l-intensità ta' l-għajnuna notifikata hija inferjuri għal-livell ta' intensità ta' 15 % previst fil-każ A, ma jippermettix, madankollu, li jiġi dedott li l-każ B, li jipprevedi livell ta' intensità ta' 30 %, mhuwiex applikabbli. L-għajnuna notifikata tibqa', fil-fatt, għajnuna intiża sabiex tinkoraġġixxi lir-rikorrenti tmur lil hinn mill-istandards mandatorji u għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet previsti mill-punt 3.2.3.B tal-Linji gwida.

64      Minn dak li ntqal jirriżulta li, kif jingħad fid-deċiżjoni kkontestata, il-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex tiġi evalwata l-għajnuna in kwistjoni jinkludi l-Artikolu 3 tal-Kodiċi u d-dispożizzjonijiet li jagħmel referenza għalihom dan l-Artikolu, jiġifieri l-Anness tal-Kodiċi u l-Linji gwida.

65      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni ta' kuntest ġuridiku żbaljat u l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba mhumiex fondati u l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

B –  Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq in-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' eliġibbiltà ta' l-għajnuna notifikata, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, fuq inversjoni ta’ l-oneru tal-prova, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

66      Permezz ta' din ir-raġuni, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu fil-premessi 25 sa 29, 35 u 39, dwar in-nuqqas ta' eliġibbiltà ta' l-għajnuna notifikata.

67      Ir-rikorrenti tosserva, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni żbaljat meta affermat li l-awtoritajiet Taljani ma pprovawx li l-investimenti notifikati kienu intiżi għat-titjib fil-ħarsien ta' l-ambjent. Il-Kummissjoni żbaljat meta qiegħdet l-oneru tal-prova fuq l-awtoritajiet Taljani, peress li tali elementi ta' prova, li n-nuqqas tagħhom huwa determinanti għad-deċiżjoni kkontestata, qatt ma ntalbu mingħand l-awtoritajiet Taljani. Fil-fatt, b'differenza mir-rapport ta' espert prodott mill-awtoritajiet Taljani wara talba tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni qatt ma talbet formalment lill-awtoritajiet Taljani iressqu l-prova li l-investimenti notifikati kienu intiżi għat-titjib fil-ħarsien ta' l-ambjent, u dan saħansitra wara li awtoritajiet Taljani kienu sostnew diversi drabi li din l-għajnuna kellha natura ambjentali. Huwa biss fil-każ fejn tkun saret talba għal kjarifiki u informazzjoni addizzjonali u l-awtoritajiet Taljani ma jkunux wieġbu għaliha, li l-Kummissjoni tista' tikkonkludi li dawn l-awtoritajiet ma sostnewx l-affermazzjonijiet tagħhom u ma pprovdewx il-provi neċessarji sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tevalwa l-każ in kwistjoni (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra I‑4551, punti 36 u 37).

68      Il-Kummissjoni tirrispondi li r-rikorrenti ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-obbligu previst fil-punt (a) tat-tieni parti ta' l-Anness tal-Kodiċi, li jimponi fuq l-investitur li juri li huwa ddeċieda b'mod ċar li jagħżel standards iktar rigorużi li jeħtieġu investimenti addizzjonali. Dan l-obbligu huwa spjegat mill-kuntest partikolarment strett tal-kontroll ta' l-għajnuna favur l-ambjent fis-settur KEFA. Bl-istess mod, anki jekk ir-rikorrenti tirreferi, b'mod korrett, għall-punt 3.2.1 tal-Linji gwida, hija tonqos, sussegwentement, milli tagħti l-inqas indikazzjoni sabiex jiġi stabbilit li hija kellha issostni ispejjeż addizzjonali strettament neċessarji sabiex jinlaħqu għanijiet ambjentali iktar ambizzjużi. Konsegwentement, il-Kummissjoni tallega li kienu r-rikorrenti u l-awtoritajiet Taljani li kellhom jipprovaw li l-impriża benefiċjarja ta' l-għajnuna kienet iddeċidiet li tagħżel standards ambjentali iktar rigorużi li jeħtieġu investimenti addizzjonali, li l-investimenti notifikati ma kellhomx għanijiet ta' produzzjoni, li kien teknikament possibbli li jibqa' jintuża t-tagħmir ambjentali ta' qabel billi jiġi adattat għall-installazzjonijiet produttivi l-ġodda u, fl-aħħar nett, li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kienu sodisfatti. Issa fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni semmiet dawn il-dubji kollha, u għaldaqstant ippermettiet kemm lill-Istat Membru kif ukoll lir-rikorrenti li jistabbilixxu l-provi kollha li kellhom jitressqu mingħajr ma kien neċessarju li tintalab b'mod espliċitu l-produzzjoni ta' report speċifiku ta' espert.

69      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-investimenti notifikati kienu neċessarji minħabba li l-installazzjonijiet ambjentali eżistenti kienu qdiemu u minħabba li dawn l-installazzjonijiet ma setgħux jiġu adattati għat-tagħmir produttiv il-ġdid. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-installazzjonijiet kienu qdiemu mingħajr ma bbażat ruħha fuq elementi oġġettivi u mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-prinċpju previst fl-Anness tal-Kodiċi sabiex tevalwa kemm kien qdiem it-tagħmir għar-rigward tat-tul ta' ħajja li kien fadlilha l-installazzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni r-rapport ta' espert tat-30 ta' Settembru 1999, ikkomunikata mill-awtoritajiet Taljani fuq talba tagħha, li juri li l-installazzjonijiet ambjentali kien fadlilhom tul ta' ħajja ta' 25 % jew iktar. Barra minn hekk, huwa ċar li l-installazzjonijiet ambjentali l-qodma kienu jifilħu sewwa, mill-aspett tekniku, għall-piż ta' tniġġis tat-tagħmir produttiv il-ġdid.

70      Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza, bħala miżura istruttorja u skond l-Artikoli 65 u 66 tar-Regoli tal-Proċedura u l-Artikolu 25 ta' l-Istatut KEFA tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tordna li ssir perizja sabiex jiġi pprovat li l-installazzjonijiet ambjentali preċedenti setgħu jiffunzjonaw b'mod parallel ma' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni l-ġodda, u dan sabiex tiġi vverifikata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

71      Il-Kummissjoni twieġeb għal dan l-argument li r-rikorrenti qed tfixkel il-kundizzjoni prevista fil-punt (b)(ii) ta' l-ewwel parti ta' l-Anness, dwar il-ħtieġa li l-installazzjonijiet eżistenti jkun għad fadlilhom mill-inqas tul ta' ħajja ta' 25 %, mal-fatt li biż-żmien l-installazzjonijiet joħorġu mill-użu, ħaġa li tista' tħajjar lill-impriżi sabiex jissostitwixxuhom indipendentement mit-tul ta' ħajja li jkun għad fadlilhom. F'dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni sewwa r-rapport ta' espert tat-30 ta' Settembru 1999 u hija ma tqiegħedx in kwistjoni l-konstatazzjonijiet li l-installazzjonijiet kien fadlilhom tul ta' ħajja ta' mill-inqas 25 %. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ibbażata fuq in-nuqqas ta' osservanza ta' din il-kundizzjoni, iżda fuq il-fatt li dawn l-installazzjonijiet biż-żmien kienu ħarġu mill-użu u li xorta waħda kellhom jiġu sostitwiti, fil-kuntest tar-rinnovament ta' l-installazzjonijiet produttivi mwettaq. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tqisx kredibbli l-fatt li l-impriża tista' tirrinnova l-installazzjonijiet produttivi tagħha kollha u tibqa' tuża t-tagħmir ambjentali l-qadim tagħha fin-nuqqas ta' elementi li jistgħu jipprovaw li din l-għażla kienet teknikament possibbli.

72      F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-ittra ta' l-awtoritajiet Taljani tal-15 ta' Frar 2000 tindika li l-investimenti produttivi kienu ġew deċiżi mhux minħabba li l-installazzjonijiet kienu qdiemu iżda minħabba li biż-żmien ħarġu mill-użu, peress li dawn l-installazzjonijiet ma kinux għadhom jissodisfaw il-ħtiġiet tal-produzzjoni. Barra minn hekk, mir-rapport ta' espert tat-30 ta' Settembru 1999 jirriżulta li l-investimenti ambjentali kienu jikkonsistu fis-sostituzzjoni, fit-tlestija jew fit-tibdil ta' parti mill-installazzjonijiet ta' produzzjoni. Issa r-rikorrenti, fl-ebda mument tal-proċedura amministrattiva jew tal-proċedura ġudizzjarja, ma kienet f'pożizzjoni li tispjega l-loġika ekonomika u produttiva li wasslet sabiex jintużaw mill-ġdid is-sistemi ambjentali l-qodma filwaqt li l-installazzjonijiet produttivi li magħhom dawn kienu integrati, ġew sostitwiti.

73      Rigward it-talba tar-rikorrenti għal miżuri istruttorji, il-Kummissjoni tqis li din hija inutli sabiex issolvi l-kontroversja, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tissostitwixxi ruħha għaliha, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha, u tbiddel il-pożizzjoni tagħha (digriet tal-President tar-Raba' Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' April 1998, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag Lloyd vs Il-Kummissjoni, T-86/96 R, Ġabra p. II‑641, punt 74).

74      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li skondha l-investimenti ma kinux eliġibbli għall-għajnuna, peress li l-impriża kellha twettaq l-investimenti ambjentali l-ġodda minħabba li l-istabbiliment huwa sitwat f'żona b'densità għolja ta' popolazzjoni u, peress li, għaldaqstant, tali investimenti kienu indispensabbli mill-aspett ekonomiku sabiex jippermettu t-tkomplija ta' l-attivitajiet tar-rikorrenti, hija wkoll vizzjata bi żbalji serji u hija diskriminatorja.

75      Skond ir-rikorrenti, din l-evalwazzjoni mhijiex fondata, peress li hija mhijiex legalment obbligata li twaqqaf l-attività tagħha fin-nuqqas ta' twettiq ta' xogħlijiet ambjentali, peress li hija digà kienet qed tosserva l-istandards ambjentali fis-seħħ. Barra minn hekk, l-ittra ta' l-awtoritajiet Taljani tal-15 ta' Frar 2000, li fiha kien hemm l-informazzjoni msemmija mill-Kummissjoni, ġiet interpretata ħażin, peress li minn din l-ittra ma jirriżultax li, fin-nuqqas ta' l-investimenti notifikati, il-koeżistenza ta' l-impriża maċ-ċentru ta' Piombino ma kinitx iktar possibbli, iżda jirriżulta biss li t-twettiq ta' l-investimenti ambjentali seta' jiffaċilita iktar tali koeżistenza.

76      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tistaqsi jekk hemmx każijiet oħra fejn sar użu mill-prinċipju msemmi mill-Kummissjoni fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata. Skond ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/66/KEFA dwar l-għajnuna li l-Italja għandha l-intenzjoni tagħti lill-impriża li topera fis-settur ta' l-azzar Acciaierie di Bolzano SpA (ĠU 2000, L-23, p. 65), hija l-uniku preċedent. Issa dan il-każ kien deċiż fis-sens oppost għal dak adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b'differenza serja fit-trattament meta mqabbla ma' każijiet oħra simili.

77      Il-Kummissjoni twieġeb li r-rikorrenti qed tfixkel il-prinċipji applikabbli għall-għajnuna intiża għall-adattament ta' l-installazzjonijiet eżistenti ma' l-istandards mandatorji ma' dawk applikabbli għall-għajnuna intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi jmorru lil hinn minn dawn l-istandards. F'dan il-każ, ma jeżisti ebda standard mandatorju ġdid u, għaldaqstant, l-element determinanti li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni huwa l-fatt li l-impriża kienet qed issostni pressjoni soċjali kbira ħafna li obbligatha twettaq l-investimenti in kwistjoni sabiex tkun tista' tkompli tipproduċi fi Piombino. Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar l-Acciaierie di Bolzano mhijiex komparabbli ma' dan il-każ, peress li, f'dak il-każ, l-impriża kienet ġabet il-prova li hija kienet daħlet għal "investimenti ħafna ikbar" minn dawk meħtieġa mill-istandards fis-seħħ fil-qasam ambjentali.

78      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta' motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni la esponiet ir-raġunijiet u lanqas l-elementi oġġettivi li wassluha sabiex tikkunsidra li l-investimenti notifikati kienu konnessi mal-produzzjoni u ma kinux jaqgħu taħt il-ħarsien ta' l-ambjent. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha sabiex tikkontesta l-għan ambjentali ta' l-investimenti notifikati, li huwa aċċettat mill-awtoritajiet Taljani, filwaqt li tonqos milli timmotiva n-nuqqas ta' qbil tagħha u milli tipprovdi elementi oħra tekniċi li jistgħu jikkontestaw ir-rapport ta' perizja prodott minn dawn l-awtoritajiet, li wera n-natura ambjentali ta' l-interventi notifikati. Bl-istess mod, id-deċiżjoni kkontestata ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom l-installazzjonijiet il-qodma ta' natura ambjentali kellhom, f'kull każ, jiġu sostitwiti u r-raġunijiet li għalihom dawn l-installazzjonijiet ma kinux teknikament kompatibbli mat-tagħmir produttiv il-ġdid. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax f'hiex kienu insuffiċjenti ir-risposti ta' l-awtoritajiet Taljani. Issa billi lill-Kummissjoni tressqulha xi dokumenti, hija ma setgħetx tonqos milli teħodhom in kunsiderazzjoni u kellha tippronunzja ruħha fuq dawn id-dokumenti, jew billi taċċetta l-konklużjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Taljani jew billi tiċħadhom fuq bażi teknika, skond l-obbligu tagħha li tieħu pożizzjoni fuq l-oġġezzjonijiet u l-osservazzjonijiet magħmula minn Stat Membru (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 2000, Alzetta et. vs Il-Kummissjoni, T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 105).

79      Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu ta' motivazzjoni mhuwiex assolut u li hija mhijiex obbligata twieġeb il-punti kollha ta' fatt u ta' dritt invokati mill-persuni kkonċernati, iżda għandha biss tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha fil-każ in kwistjoni. Barra minn hekk, imperfezzjoni fil-motivazzjoni ma twassalx dejjem għall-annullament, peress li l-bqija tal-motivazzjoni tagħti bażi suffiċjenti għall-adozzjoni ta' l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Ottubru 1987, Spanja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 119/86, Ġabra p. 4121). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li hija ma tistax tiġi kkritikata li ma tatx, f'dan il-każ, il-ġustifikazzjonijiet neċessarji dwar il-parametri li ma jaqgħux fil-kuntest leġiżlattiv kif ukoll dwar il-fatti li għandhom jiġu pprovati mhux mill-Kummissjoni iżda mill-Istat Membru u mill-impriża benefiċjarja. F'kull każ, fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni esponiet ir-riżervi tagħha b'mod komplet u dettaljat u indikat il-punti li dwarhom l-awtoritajiet Taljani u r-rikorrenti kellhom jipprovdu l-provi neċessarji, ħaġa li huma naqsu li jagħmlu.

2.     Il-kunsiderazzjoniet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a)     Osservazzjonijiet preliminari

80      Fil-kuntest ta' rikors għal annullament imressaq kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fuq il-bażi tat-Trattat KEFA, it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 33 KEFA tiddisponi li l-eżami tal-Qorti tal-Prim'Istanza "ma jistax jikkonċerna l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni li tirriżulta minn fatti jew ċirkustanzi ekonomiċi li fid-dawl tagħha [ittieħdet id-deċiżjoni], ħlief meta jiġi allegat li l-Kummissjoni wettqet abbuż ta' poter jew ma rrispettatx b'mod manifest id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA jew kull regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

81      Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-evalwazzjoni ta' dan il-każ kellha ssir skond il-kriterji esposti fil-punt (a) tat-tieni parti ta' l-Anness tal-Kodiċi, li jirreferi wkoll għall-kriterji esposti fil-punt (b)(ii) tat-tieni parti ta' l-Anness tal-Kodiċi. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kriterji stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma s-segwenti. L-ewwel nett, meta l-impriżi jagħżlu li jissostitwixxu l-installazzjonijiet tagħhom, l-investimenti in kwistjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jibbenefikaw minn għajnuna għall-ambjent meta dawn ikunu neċessarji għal raġunijiet ekonomiċi jew minħabba l-fatt li l-installazzjonijiet ikunu qdiemu. It-tul ta' ħajja li jkun fadlilhom l-installazzjonijiet eżistenti għandu jkun ta' mill-inqas 25 % tat-tul ta' ħajja kollu tagħhom. It-tieni nett, l-għajnuna in kwistjoni għandha tinkoraġġixxi l-impriża tagħti "kontribuzzjoni sinjifikattiva" għall-ħarsien ta' l-ambjent. Din il-kontribuzzjoni sinjifikattiva tista' sseħħ billi l-investitur juri li huwa ddeċieda b'mod ċar li jagħżel standards iktar rigorużi li jeħtieġu investimenti addizzjonali, jiġifieri li kien hemm soluzzjoni irħas li kienet tissodisfa l-istandards ambjentali l-ġodda.

82      Barra minn hekk, il-punt 3.2.1 tal-Linji gwida jistabbilixxi l-prinċipju li "l-għajnuna li tidher li hija intiża għal miżuri ta' ħarsien ta' l-ambjent, iżda li, fir-realtà, hija intiża għal investiment ġenerali" [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma tistax tibbenefika mil-Linji gwida. Għalhekk dan il-punt isegwi l-istess loġika bħal dik stabbilita mill-ewwel kriterju fuq imsemmi previst fl-Anness tal-Kodiċi.

83      Hemm lok li jiġi mfakkar ukoll li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura formali ta' eżami, huma l-Istat Membru u l-benefiċjarju potenzjali li għandhom isostnu l-argumenti tagħhom sabiex juru li l-pjan ta' għajnuna jikkorrispondi għall-eċċezzjonijiet previsti skond it-Trattat, peress li l-għan ta' din il-proċedura huwa preċiżament li l-Kummissjoni tkun informata dwar il-fatti kollha tal-każ (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Marzu 1984, Il-Germanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p.1451, punt 13).

84      Għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tifformula b'mod ċar id-dubji tagħha fuq il-kompatibbiltà ta' l-għajnuna meta hija tiftaħ il-proċedura formali sabiex tippermetti lill-Istat Membru u lill-persuni kkonċernati li jirrispondu għalihom bl-aħjar mod possibbli, jibqa' l-fatt li huwa dak li jipprovdi l-għajnuna u, jekk ikun il-każ, il-benefiċjarju ta' l-għajnuna li għandhom ineħħu dawn id-dubji u jistabbilixxu li l-investiment tiegħu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-għoti (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenza tat-22 ta' Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I‑2481, punti 41 u 45 sa 49). Għaldaqstant kienu l-awtoritajiet Taljani u r-rikorrenti li kellhom jistabbilixxu li l-investimenti in kwistjoni kienu eliġibbli għal għajnuna għall-ħarsien ta' l-ambjent u, b'mod partikolari, li dawn kellhom l-għan ambjentali rikjest mil-Linji gwida u mill-Anness tal-Kodiċi (ara, f'dan is-sens u b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 49, u tad-19 ta' Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-113/00, Ġabra p. I‑7601, punt 70).

85      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-investimenti fil-ħarsien ta' l-ambjent magħmula minn Lucchini fl-impjant tal-kokk, fil-funderija u fil-kalkari ta' funderija ma kinux eliġibbli għall-għajnuna għall-ħarsien ta' l-ambjent peress li dawn twettqu bħala kundizzjoni jew konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni u peress li l-awtoritajiet Taljani ma kinux urew li l-investimenti kienu r-riżultat tad-deċiżjoni deliberata ta' l-impriża li ttejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent (premessa 29). Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-elementi li ġejjin: it-twettiq ta' dawn l-investimenti rriżulta mill-ħtieġa li tiġi assigurata t-tkomplija ta' l-attività f'żona b'densità għolja ta' popolazzjoni (premessa 28) u, peress li s-sostituzzjoni ta' l-installazzjoni ta' produzzjoni kellha ssir minħabba li biż-żmien din kienet, mill-aspett tekniku, ħarġet mill-użu, kien diffiċli li jiġi aċċettat li t-tagħmir ambjentali l-qadim seta' jinżamm fl-istat li kien u jibqa' kompatibbli ma' l-installazzjoni ta' produzzjoni l-ġdida (premessi 26 u 29).

b)     Fuq il-kwistjoni dwar jekk l-investimenti ambjentali notifikati kellhomx bħala għan li jippermettu t-tkomplija ta' l-attività ta' l-impriża minħabba l-istabbiliment tagħha f'żona b'densità għolja ta' popolazzjoni

86      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtoritajiet Taljani indikaw li t-titjib tal-ħarsien ta' l-ambjent kien irriżulta neċessarju, anki qabel il-pjan ta' investiment għall-modernizzazzjoni u għar-razzjonalizzazzjoni ta' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni, minħabba l-istabbiliment tal-fabbrika f'żona b'densità għolja ta' popolazzjoni. Għaldaqstant, skond id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet biss tikkonkludi li "l-investimenti ambjentali kienu neċessarji sabiex jippermettu lill-impriża tkompli teżerċita l-attività ekonomika tagħha, u li, konsegwentement, ir-raġuni determinanti għall-investimenti kienet ta' natura ekonomika" (premessa 28).

87      Madankollu, il-fatt li l-istabbiliment tar-rikorrenti kien sitwat f'żona b'densità għolja ta' popolazzjoni b'ebda mod ma kien jobbligaha, "għal raġunijiet ekonomiċi", sabiex twettaq l-investimenti l-ġodda, peress li l-uniku obbligu tar-rikorrenti kien li tikkonforma ruħha ma' l-istandards mandatorji fis-seħħ. Huwa f'dan il-kuntest li għandha tinftiehem l-affermazzjoni ta' l-awtoritajiet Taljani li indikaw lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li r-rikorrenti xtaqet tmur lil hinn mill-istandards mandatorji sabiex tkun tista' sseħħ "il-koeżistenza tar-realtà ta' l-industrija ta' l-azzar u, għaldaqstant, ta' l-impjieg marbut magħha mar-realtà soċjali li timxi magħha" (l-ewwel paragrafu tal-punt 9 ta' l-ewwel notifika ta' l-ewwel pjan ta' għajnuna). F'dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-installazzjonijiet eżistenti fil-fabbrika ta' Piombino kienu jirrispettaw l-istandards mandatorji fis-seħħ.

88      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi mir-rieda tar-rikorrenti li tmur lil hinn mill-istandards mandatorji fis-seħħ billi tagħti kontribuzzjoni sinjifikattiva għall-ħarsien ta' l-ambjent, u dan sabiex tkun tista' tirrispondi għall-preokkupazzjonijiet tal-popolazzjoni li tgħix qrib l-istabbiliment tagħha, li dawn l-"investimenti xorta waħda kienu jkunu neċessarji għal raġunijiet ekonomiċi" fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-punt (b)(ii) ta' l-ewwel parti ta' l-Anness tal-Kodiċi.

89      Konsegwentement, u mingħajr mhuwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni b'relazzjoni għall-kwistjoni ta' l-Acciaierie di Bolzano, hemm lok li jiġi konkluż li, billi affermat fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata li, minħabba l-istabbiliment tal-fabbrika f'żona b'densità għolja ta' populazzjoni, l-investimenti ambjentali kienu neċessarji sabiex jippermettu lir-rikorrenti tkompli teżerċita l-attività ekonomika tagħha, u li, konsegwentement, ir-raġuni determinanti għall-investimenti kienet ta' natura ekonomika, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b'mod żbaljat, fuq kriterju li ma jinsabx fost il-kriterji applikabbli għal dan l-għan. Għaldaqstant, l-imsemmija premessa hija vvizzjata bi żball ta' dritt.

c)     Fuq il-kwistjoni jekk l-investimenti fil-ħarsien ta' l-ambjent twettqux bħala kundizzjoni jew konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni, fuq il-provi mressqa mill-awtoritajiet Taljani u fuq il-possibbiltà ta' soluzzjoni irħas

 i) Fuq l-investimenti fl-impjant tal-kokk

–       Fuq il-kwistjoni jekk l-investimenti fl-impjant tal-kokk twettqux bħala kundizzjoni jew konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni

90      Qabel xejn, għandu jiġi mfakkar li l-programm ta' investimenti għall-moderizazzjoni u għar-razzjonalizzazzjoni ta' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni li twettaq fil-fabbrika ta' Piombino fl-1997 kien jirrigwarda, kif indikat fil-punt 18 hawn fuq, minn naħa, is-sostituzzjoni tal-kalkara ta' funderija b'oħra fl-installazzjonijiet ta' produzzjoni ta' ħadid mhux maħdum li għadu ħiereġ mill-kalkara (premessa 10) u, min-naħa l-oħra, is-sostituzzjoni tal-converters eżistenti fil-funderija b'converters ġodda (premessa 11). L-impjant tal-kokk ma kienx involut fl-azzjonijiet produttivi miġjuba għall-konjizzjoni tal-Kummissjoni permezz ta' l-ittra ta' l-10 ta' Diċembru 1997 fil-kuntest taż-żewġ dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani dwar pjanijiet ta' investimenti għall-produzzjoni li saru f'din il-fabbrika. (anness 10 mar-rikors, paġna 6 tat-traduzzjoni bil-Franċiż, l-aħħar paragrafu)

91      Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni qieset li kien dubjuż li l-investimenti notifikati għal dak li jikkonċerna l-impjant tal-kokk – jiġifieri, is-sistema l-ġdida ta' trasport ta' faħam b'ċinga ekoloġika, is-sistemi ta' ċċarġjar tal-kalkari, l-issiġillar tal-kalkara permezz ta' weldjar taċ-ċeramika speċjali, il-bibien il-ġodda għall-kmamar tal-kokk, il-kabina elettrika addizzjonali u l-adattamenti tal-pjan ta' ċċarġjar tal-batterija ta' 27 kalkara ta' l-impjant tal-kokk, fost oħrajn – kienu jikkostitwixxu investimenti intiżi biss għall-ħarsien ta' l-ambjent u ma kellhomx effetti fuq il-proċess ta' produzzjoni (ara d-deċiżjoni ta' ftuħ, p. 9, il-kolonna tax-xellug, it-tielet paragrafu, it-tieni sentenza). Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni ma allegatx li dawn l-investimenti kienu intiżi sabiex jissostitwixxu l-installazzjoni ta' produzzjoni ta' l-impjant tal-kokk, iżda madankollu hija ddubitat li l-għan waħdieni tagħhom kien ambjentali u li ma kellhomx effetti fuq il-proċess ta' produzzjoni.

92      Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li tali raġunament mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-kuntest ġuridiku applikabbli peress li, għalkemm l-Anness tal-Kodiċi jipprojbixxi l-għajnuna għall-investimenti li xorta waħda kienu jkunu neċessarji għal raġunijiet ekonomiċi jew minħabba l-fatt li l-installazzjonijiet ikunu qdiemu, dan l-Anness ma jipprojbixxix l-għajnuna għall-investimenti li jistgħu jkollhom effett fuq il-proċess ta' produzzjoni. F'dan il-każ, l-Anness tal-Kodiċi jirrikjedi biss, fil-fatt, li jitnaqqas kull vantaġġ marbut ma' tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Għalhekk, sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna ambjentali, la huwa neċessarju li l-investimenti notifikati jservu esklużivament għall-ħarsien ta' l-ambjent b'esklużjoni ta' kull għan ieħor u lanqas li dawn ma jkollhom ebda konsegwenza fuq il-kapaċità ta' produzzjoni. Investiment li jfittex li jilħaq għan ambjentali ma jistax jiġi ddikjarat mhux eliġibbli għall-fatt biss li huwa jista' jkollu impatt fuq il-produzzjoni.

93      F'kull każ, għandu jiġi rilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma użatx dan ir-raġunament, peress li hija tillimita ruħha li tikkunsidra li l-investimenti fl-impjant tal-kokk – bl-istess mod, barra minn hekk, bħall-investimenti l-oħra notifikati mill-awtoritajiet Taljani għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti – kienu saru bħala kundizzjoni jew konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni. Din il-motivazzjoni tista' tiġi speċifikata bil-kontenut tad-deċiżjoni ta' ftuħ li ddikjarat li anki jekk l-investimenti notifikati ma kinux direttament konnessi ma' tagħmir ġdid ta' produzzjoni, huma kienu neċessarji sabiex jassiguraw l-użu għal żmien twil ta' l-investimenti intiżi għall-modernizzazzjoni u għall-estensjoni ta' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni jew sabiex jippermettu li tiġi sodisfatta l-kapaċità ġdida ta' produzzjoni installata (ara d-deċiżjoni ta' ftuħ, p. 3, il-kolonna tax-xellug, il-paragrafu ta' qabel ta' l-aħħar, it-tieni sentenza).

94      Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li d-deċiżjoni kkontestata qieset żbaljatament li l-investimenti fl-impjant tal-kokk kienu saru bħala kundizzjoni jew konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni. Fil-fatt, mill-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani dwar il-pjanijiet ta' investimenti għall-produzzjoni mwettqa fil-fabbrika ta' Piombino, iċċitati iktar 'il fuq, jirriżulta li, b'differenza mill-kalkara ta' funderija u mill-funderija, l-impjant tal-kokk ma kienx involut fl-investimenti produttivi. Bil-fatt li għamlet dan, id-deċiżjoni kkontestata żbaljat fuq dan il-punt, peress li l-impjant tal-kokk ma kienx is-suġġett ta' investimenti produttivi.

95      Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li jekk id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta' ftuħ kellhom jiġu interpreatati fis-sens li l-investimenti fl-impjant tal-kokk kienu l-kundizzjoni jew il-konsegwenza neċessarja tar-rinnovament ta' installazzjonijiet ta' produzzjoni fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija, għandu jiġi kkonstatat li mhemm l-ebda spjegazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata jew fid-deċiżjoni ta' ftuħ li tista' tiġġustifika tali evalwazzjoni u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni.

96      Fl-aħħar nett, jekk id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta' ftuħ kellhom jiġu interpretati fis-sens li l-investimenti fl-impjant tal-kokk kienu l-kundizzjoni jew il-konsegwenza neċessarja tar-rinnovament ta' installazzjonijiet ta' produzzjoni in ġenerali, għandu jiġi rilevat li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni rċeviet mingħand l-awtoritajiet Taljani spjegazzjonijiet dettaljati fuq in-natura ambjentali tad-diversi investimenti fir-rigward ta' l-impjant tal-kokk, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna il-mod kif dawn l-investimenti kienu ser inaqqsu l-emissjonijiet ta' gass u ta' trab, u li, fid-dawl ta' dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha sabiex tafferma mingħajr ma tagħti ebda motivazzjoni li l-investimenti fl-impjant tal-kokk kienu saru bħala kundizzjoni jew bħala konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Anness tal-Kodiċi jipprovdi li l-Kummissjoni tirrikorri għal esperti indipendenti sabiex tiġi eżaminata l-għajnuna mill-Istat favur il-ħarsien ta' l-ambjent, u dan seta' jippermetti lill-Kummissjoni tispeċifika l-argumentazzjoni tagħha fuq dan il-punt.

–       Fuq il-kwistjoni tal-provi mressqa mill-awtoritajiet Taljani

97      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis ukoll li d-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta affermat li l-awtoritajiet Taljani ma ġabu ebda prova sabiex juru li l-investimenti ambjentali fl-impjant tal-kokk kienu r-riżultat tad-deċiżjoni deliberata ta' l-impriża li ttejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent. Fil-fatt, mid-diversi dokumenti kkomunikati mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jirriżulta li dawn l-awtoritajiet diversi drabi kienu taw lill-Kummissjoni elementi li setgħu juru l-volontà tar-rikorrenti li tadotta fl-impjant tal-kokk standards ambjentali iktar rigorużi mill-istandards mandatorji, u dan sabiex tagħti kontribuzzjoni sinjifikattiva għall-ħarsien ta' l-ambjent.

98      Fil-fatt, in-notifiki ta' l-ewwel u tat-tieni pjan ta' għajnuna magħmula mill-awtoritajiet Taljani fis-16 ta' Marzu (anness 2.a mar-rikors) u fid-29 ta' Novembru 1999 (anness 2.b mar-rikors) kien fihom deskrizzjoni ta' l-investimenti ppjanati fl-impjant tal-kokk (ara l-ittri tas-16 ta' Marzu u tad-29 ta' Novembru 1999, punt 9) kif ukoll rapport fuq il-vantaġġi ambjentali li jistgħu jinkisbu b'riżultat ta' dawn l-investimenti (ara l-ittra tas-16 ta' Marzu 1999, punt 10, u l-ittra tad-29 ta' Novembru 1999, punt 10).

99      Bl-istess mod, b'risposta għat-talba espliċita magħmula mill-Kummissjoni fid-19 ta' April 1999 (anness 3 mar-rikors, paragrafu 3), sabiex jingħatawlha l-livelli ta' tniġġis ambjentali milħuqa mill-installazzjonijiet eżistenti kif ukoll il-livelli ta' tniġġis ambjentali li jirriżultaw mill-interventi ppjanati meta mqabbla ma' l-istandards mandatorji fis-seħħ, l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw l-informazzjoni rikjesta fl-anness ta' l-ittra tagħhom tad-29 ta' Novembru 1999 (anness 2.b mar-rikors, paġni nnumerati 87 sa 89 f'qiegħ il-paġna fuq il-lemin). Dan l-anness fih tabella li tispeċifika, għall-impjant tal-kokk u għal kull investiment previst għal din l-installazzjoni, l-ewwel nett, il-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu li seta' jintlaħaq skond l-istandards mandatorji, it-tieni nett, il-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu milħuq mill-installazzjonijiet eżistenti u, it-tielet nett, il-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu li kellu jintlaħaq bir-riżultat ta' l-investimenti notifikati. Din l-informazzjoni hija riprodotta fid-deċiżjoni ta' ftuħ. Minn din it-tabella jirriżulta, minn naħa, li l-installazzjonijiet eżistenti fl-impjant tal-kokk kienu konformi ma' l-istandards mandatorji fil-qasam ta' l-emissjonijiet li jniġġsu u, min-naħa l-oħra, li l-livelli milħuqa wara l-interventi ppjanati kienu inferjuri għal-livelli milħuqa mill-installazzjonijiet eżistenti, u għaldaqstant inferjuri wkoll għal-livelli previsti mill-istandards mandatorji.

100    Barra minn hekk, b'risposta għal talba oħra magħmula mill-Kummissjoni fid-19 ta' April 1999 (anness 3 mar-rikors, l-ewwel u t-tieni paragrafi), sabiex issir perizja indipendenti sabiex jiġi stabbilit li l-għajnuna notifikata ma kinitx tikkorrispondi għal investimenti li xorta waħda kienu jkunu neċessarji minħabba li l-installazzjonijiet kienu qdiemu u sabiex jiġi stabbilit li dawn l-installazzjonijiet kien għad fadlilhom tul ta' ħajja suffiċjentement twil (mill-inqas 25 %, skond l-Anness tal-Kodiċi), l-awtoritajiet Taljani bagħtu r-rapport ta' espert. Dan stabbilixxa li t-tul ta' ħajja ta' l-installazzjonijiet kkonċernati mill-għajnuna notifikata kien iktar minn 25 %. Dan ir-rapport jeżamina wkoll ix-xogħlijiet ippjanat kollha sabiex jistabbilixxi s-sitwazzjoni qabel l-intervent u s-sitwazzjoni ta' wara. Fil-kuntest ta' dan l-eżami, huwa jiddeskrivi b'mod ċar f'hiex jikkonsisti kull intervent u jiddefinixxi t-titjib li għandu jinkiseb bir-riżultat ta' l-investimenti.

101    Fl-aħħar nett, b'risposta għal talba sussegwenti magħmula mill-Kummissjoni fis-17 ta' Jannar 2000, sabiex jingħatawlha l-livelli ta' tniġġis ambjentali li jirriżultaw mill-interventi ppjanati fl-impjant tal-kokk fit-tieni pjan ta' għajnuna meta mqabbla ma' l-istandards mandatorji u meta mqabbla ma' l-investimenti li saru qabel kif ukoll it-tip ta' adattament li sar f'kull installazzjoni, l-awtoritajiet Taljani kkomunikaw l-informazzjoni rikjesta fl-ittra tagħhom tal-15 ta' Frar 2000 (anness 7 mar-rikors). Id-deċiżjoni ta' ftuħ ("Effetti ta' l-investimenti fuq l-ambjent", tabella 1) tirriproduċi għad-diversi investimenti previsti fl-impjant tal-kokk, l-ewwel nett, il-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu li seta' jintlaħaq skond l-istandards mandatorji; it-tieni nett, il-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu qabel l-investimenti previsti fl-ewwel pjan ta' għajnuna; it-tielet nett, il-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu milħuq b'riżultat ta' l-investimenti previsti fl-ewwel pjan ta' għajnuna; u r-raba' nett, il-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu li għandu jintlaħaq b'riżultat ta' l-investimenti notifikati fit-tieni pjan ta' għajnuna. Mill-imsemmija tabella jirriżulta li t-tnaqqis fil-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu li kien hemm qabel l-ewwel pjan u wara t-tieni pjan kien ta' madwar 25 %.

102    Issa l-Kummissjoni, la fil-kuntest tad-deċiżjoni ta' ftuħ u lanqas fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, ma ppreżentat argumenti ta' natura li jikkonfutaw il-provi mressqa mill-awtoritajiet Taljani, li esponew b'mod dettaljat u kwantifikabbli d-diversi kontribuzzjonijiet ambjentali li jirriżultaw mill-investimenti ppjanati fl-impjant tal-kokk.

103    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata meta hija tafferma, mingħajr ma tanalizza l-elementi ta' prova msemmija iktar 'il fuq, li l-awtoritajiet Taljani ma ġabu ebda prova sabiex juru li l-investimenti ambjentali fl-impjant tal-kokk kienu r-riżultat ta' deċiżjoni deliberata li jittejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent.

–       Fuq l-eżistenza ta' soluzzjoni irħas

104    Rigward il-kwistjoni jekk kienx hemm soluzzjoni irħas jew jekk it-tagħmir ambjentali l-qadim setax ikun kompatibbli ma' l-"installazzjoni ta' produzzjoni l-ġdida", biżżejjed li jiġi rilevat li, b'differenza mill-kalkara ta' funderija u mill-funderija, l-impjant tal-kokk ma kienx involut fl-investimenti produttivi ddikjarati mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni fl-10 ta' Diċembru 1997.

105    Fin-nuqqas ta' tali investimenti produttivi u fid-dawl tat-tul ta' ħajja li kien fadallu t-tagħmir ambjentali l-qadim ta' l-impjant tal-kokk kif attestat mir-rapport ta' espert ipprovdut fuq talba tal-Kummissjoni kif ukoll fid-dawl ta' l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Taljani sabiex jiġu paragunati l-livelli ta' kontaminazzjoni ambjentali qabel u wara l-investimenti notifikati, dawn l-awtoritajiet setgħu, għaldaqstant, tabilħaqq jallegaw li t-tagħmir ambjentali ta' l-impjant tal-kokk kien għadu jista' jiffunzjona u li għalhekk dan kien jikkostitwixxi l-irħas soluzzjoni sabiex jiġu sodisfatti l-istandards mandatorji fis-seħħ. F'dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-Kummissjoni li kellha turi li t-tagħmir ambjentali l-qadim ma kienx f'pożizzjoni li jiffunzjona.

106    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata meta hija tafferma li "ma tressqet ebda prova li l-installazzjoni l-qadima setgħet effettivament tkun kompatibbli ma' l-installazzjoni ta' produzzjoni l-ġdida" (id-deċiżjoni kkontestata, premessa 26) jew li "huwa diffiċli li jiġi aċċettat li wara s-sostituzzjoni ta' l-installazzjoni prinċipali ta' produzzjoni minħabba li biż-żmien din kienet, mill-aspett tekniku, ħarġet mill-użu, it-tagħmir għall-ħarsien ta' l-ambjent li kien konness magħha seta' jkompli jiffunzjona normalment" (premessa 27).

–       Fuq il-kwistjoni jekk l-investimenti fl-impjant tal-kokk ippermettewx titjib sinjifikattiv fil-ħarsien ta' l-ambjent

107    Id-deċiżjoni kkontestata (premessa 35) tirrileva li t-titjib ambjentali li jirriżulta mit-tieni pjan ta' investimenti notifikati f'Novembru 1999 għandu jiġi paragunat ma' dak ta' l-ewwel pjan notifikat f'Marzu 1999 u mhux mal-livelli ta' qabel l-ewwel pjan. F'dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ssostni li "l-awtoritajiet Taljani ma nnotifikawx it-tieni parti ta' l-investimenti bħala anness ta' l-ewwel notifika" u li l-awtoritajiet Taljani stess "qiesu bħala livelli ta' tniġġis inizjali dawk milħuqa bl-investimenti notifikati f'Marzu [1999]". Abbażi ta' dan, id-deċiżjoni tqis li t-titjib miksub b'riżultat tat-tieni pjan mhuwiex sinjifikattiv, u dan wassal sabiex jiġi konkluż li l-investimenti notifikati fit-tieni pjan mhumiex eliġibbli għall-għajnuna għall-ambjent.

108    Dan ir-raġunament huwa nieqes minn bażi fattwali. Mhuwiex eżatt li jingħad li l-awtoritajiet Taljani ma nnotifikawx it-tieni parti ta' l-investimenti bħala anness ta' l-ewwel parti, peress li l-ewwel pjan ta' għajnuna ġie notifikat inizjalment fis-16 ta' Marzu u ppreżentat mill-ġdid fid-29 ta' Novembru 1999, flimkien mat-tieni pjan ta' għajnuna (ara l-ittri tad-29 ta' Novembru 1999, anness 2.b mar-rikors). Iż-żewġ pjanijiet huma intrinsikament konnessi. Fil-fatt, kemm l-ewwel pjan ta' għajnuna kif ukoll it-tieni pjan ta' għajnuna għandhom bħala għan l-eliminazzjoni ta' l-emissjonijiet tat-trab tal-faħam u tal-gass. Sabiex jiġi eliminat it-trab, iż-żewġ pjanijiet ipprevedew l-installazzjoni ta' tagħmir ambjentali ġdid fir-rigward tal-magni li jiċċarġjaw u tal-kaldarun (azzjoni A.4 ta' l-ewwel pjan ta' għajnuna u azzjoni A.1 tat-tieni pjan ta' għajnuna). Bl-istess mod, sabiex tiġi eliminata l-emissjoni ta' gass, iż-żewġ pjanijiet ipprevedew l-installazzjoni ta' tagħmir ambjentali ġdid fir-rigward tal-bibien tal-kmamar tal-kokk (azzjonijiet A.6 sa A.8 ta' l-ewwel pjan ta' għajnuna u azzjonijiet A.3 sa A.6 tat-tieni pjan ta' għajnuna).

109    Barra minn hekk, b'risposta għad-domandi magħmula mill-Kummissjoni fis-17 ta' Jannar 2000 dwar l-interventi ppjanati fl-impjant tal-kokk fit-tieni pjan ta' għajnuna (anness 5 mar-rikors, punt I.a), l-awtoritajiet Taljani indikaw preċiżament, fl-ittra tagħhom tal-15 ta' Frar 2000 (anness 7 mar-rikors, punt I.a), li "l-azzjoni li tirrigwarda l-impjant tal-kokk, li t-twettiq tagħha huwa pprospettat fil-pjan in kwistjoni, tifforma parti mill-estensjoni ta' l-azzjoni notifikata qabel (Nru 145/99)" u li anki jekk din l-azzjoni kienet ġiet deċiża wara u indipendentement, hija "għandha bħala għan li tagħmel l-aħjar użu mir-riżultati miksuba fil-kuntest ta' l-azzjonijiet preċedenti, billi tnaqqas iktar il-livelli ta' tniġġis li jirriżultaw minn emissjonijiet li ma jistgħux jitneħħew. Bl-istess mod, fl-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-deċiżjoni ta' ftuħ, l-awtoritajiet Taljani osservaw li, "anki jekk ġew notifikati f'żewġ stadji, l-investimenti ambjentali fl-impjant tal-kokk sussegwentement twettqu fil-kuntest ta' programm wieħed; konsegwentement, ir-riżultati f'termini ta' limiti ta' emissjoni paragunati mas-sitwazzjoni ta' qabel huma dawk indikati wara t-twettiq ta' l-aħħar investiment" (ittra tat-18 ta' Lulju 2000, anness 10 mar-rikors, paġna 5).

110    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tafferma li l-awtoritajiet Taljani kkunsidraw bħala livelli ta' tniġġis inizjali dawk li kienu nkisbu bl-investimenti notifikati f'Marzu 1999, mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li, meta għamlu hekk, l-awtoritajiet Taljani llimitaw ruħhom li jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li din kienet talbithom. Fil-fatt, permezz ta' ittra tal-15 ta' Frar 2000, l-awtoritajiet Taljani pprovdew tabella li tagħti d-dettalji tal-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu li seta' jintlaħaq skond l-istandards mandatorji, tal-livell wara l-ewwel pjan u ta' dak ta' wara t-tieni pjan, u dan sabiex tissodisfa t-talbiet magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tas-17 ta' Jannar 2000.

111    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta' motivazzjoni safejn tillimita ruħha li tqis li r-riżultati ta' l-investimenti għal dak li jikkonċerna t-titjib fl-ambjent miksub fit-tieni pjan ta' għajnuna għandhom jiġu paragunati mar-riżultati miksuba wara l-ewwel pjan u mas-sitwazzjoni li kien hemm qabel l-ewwel pjan, mingħajr ma tindika l-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonfuta r-raġunijiet esposti mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

–       Konklużjoni dwar l-impjant tal-kokk

112    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna l-investimenti notifikati mill-awtoritajiet Taljani dwar l-impjant tal-kokk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata għar-raġunijiet li ġejjin.

113    L-ewwel nett, l-affermazzjoni li l-investimenti ambjentali twettqu bħala l-kundizzjoni jew il-konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni hija żbaljata f'dak li jirrigwarda l-impjant tal-kokk, minħabba n-nuqqas ta' investimenti produttivi ddikjarati mill-awtoritajiet Taljani għal dak li jikkonċerna din l-installazzjoni, u mhijiex suffiċjentement motivata fir-rigward ta' l-Artikolu 15 KEFA, fis-sens li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li wieħed ikun jaf fuq liema bażi, fid-dawl ta' l-ispjegazzjonijiet mogħtija fuq dan il-punt mill-awtoritajiet Taljani, l-investimenti kkonċernati setgħu twettqu bħala l-kundizzjoni jew il-konsegwenza neċessarja tar-rinnovament ta' installazzjonijiet ta' produzzjoni fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija jew bħala kundizzjoni jew konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni in ġenerali.

114    It-tieni nett, l-affermazzjoni li l-awtoritajiet Taljani ma ġabu ebda prova sabiex juru li l-investimenti ambjentali fl-impjant tal-kokk kienu r-riżultat ta' deċiżjoni deliberata li jittejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent mhijiex suffiċjentement motivata fir-rigward ta' l-Artikolu 15 KEFA, safejn id-deċiżjoni kkontestata ma teżaminax l-elementi kkomunikati fuq dan il-punt mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

115    It-tielet nett, l-affermazzjonijiet li "ma tressqet ebda prova li l-installazzjoni l-qadima setgħet effettivament tkun kompatibbli ma' l-installazzjoni ta' produzzjoni l-ġdida" u li "huwa diffiċli li jiġi aċċettat li wara s-sostituzzjoni ta' l-installazzjoni prinċipali ta' produzzjoni minħabba li biż-żmien din kienet, mill-aspett tekniku, ħarġet mill-użu, it-tagħmir għall-ħarsien ta' l-ambjent li kien konness magħha seta' jkompli jiffunzjona normalment" mhumiex suffiċjentement motivati fir-rigward ta' l-Artikolu 15 KEFA, safejn id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom għandhom jiġu esklużi l-elementi kkomunikati f'dan ir-rigward mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

116    Fl-aħħar nett, fir-raba' nett, l-affermazzjoni li r-riżultat ta' l-investimenti għal dak li jikkonċerna t-titjib fl-ambjent miksub bit-tieni pjan ta' għajnuna relattiv għall-impjant tal-kokk għandu jiġi paragunat mar-riżultat miksub wara l-ewwel pjan u mas-sitwazzjoni li kien hemm qabel l-ewwel pjan hija żbaljata safejn il-Kummissjoni ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom hija dehrilha li kellha teskludi l-informazzjoni kkomunikata fuq dan il-punt mill-awtoritajiet Taljani waqt il-proċedura amministrattiva.

 ii) Fuq l-investimenti fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija

117    Rigward l-investimenti notifikati mill-awtoritajiet Taljani għal dak li jikkonċerna l-kalkara ta' funderija u l-funderija, it-teżi tar-rikorrenti li l-Kummissjoni żbaljat meta affermat li l-awtoritajiet Taljani ma ressqux il-prova li l-investimenti ambjentali kienu r-riżultat tad-deċiżjoni deliberata ta' l-impriża li ttejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent ma tistax tiġi milqugħa.

118    Fil-fatt, b'differenza mill-investimenti relattivi għall-impjant tal-kokk li għalihom ma kinux jeżistu installazzjonijiet produttivi ġodda, kien indispensabbli li ssir il-prova tan-nuqqas ta' raġunijiet ekonomiċi li motivaw l-investimenti mwettqa fit-tagħmir ambjentali tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija minħabba l-modifiki li saru fit-tagħmir produttiv ta' dawn l-istess installazzjonijiet.

119    Ċertament, huwa minnu li l-awtoritajiet Taljani pprovdew lill-Kummissjoni, bħal fil-każ ta' l-impjant tal-kokk, provi li jippermettu li juru li t-tagħmir ambjentali l-ġdid fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija kien itejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent. Fil-fatt, in-notifika ta' l-ewwel pjan ta' għajnuna mwettqa mill-awtoritajiet Taljani fis-16 ta' Marzu (anness 2.a mar-rikors) u fid-29 ta' Novembru 1999 (anness 2.b mar-rikors) kien fiha wkoll deskrizzjoni ta' l-investimenti ppjanati f'dawn iż-żewġ installazzjonijiet u rapport tal-vantaġġi li setgħu jinkisbu b'riżultat ta' dawn l-investimenti. Bl-istess mod, b'risposta għat-talba tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 1999 (anness 3 mar-rikors), dwar il-livelli ta' tniġġis ambjentali milħuqa mill-installazzjonijiet eżistenti u dawk li jirriżultaw mill-interventi ppjanati meta mqabbla ma' l-istandards mandatorji fis-seħħ, l-awtoritajiet Taljani pprovdew fl-ittra tagħhom tad-29 ta' Novembru 1999 (anness 2.b mar-rikors, paġni nnumerati 87 sa 89 f'qiegħ il-paġna fuq il-lemin) żewġ tabelli li jispeċifikaw l-informazzjoni rikjesta għall-kalkara ta' funderija u għall-funderija, rispettivament. Minn dawn it-tabelli jirriżulta li l-installazzjonijiet eżistenti f'dawn iż-żewġ installazjonijiet kienu wkoll konformi mal-livell ta' emissjonijiet li jniġġsu li setgħu jintlaħqu skond l-istandards mandatorji u li l-livelli milħuqa wara l-interventi kienu inqas minn dawn. Barra minn hekk, ir-rapport ta' espert ippreżentat mill-awtoritajiet Taljani (anness 4 mar-rikors) ukoll eżamina l-investimenti fir-rigward tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija, sabiex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni qabel u wara l-intervent, u speċifika t-titjib li għandu jinkiseb b'riżultat ta' l-investimenti ppjanati fit-tagħmir ta' dawn iż-żewġ installazzjonijiet.

120    Madankollu, għalkemm huwa veru li dawn il-provi juru r-rieda tar-rikorrenti li tadotta standards ambjentali iktar rigorużi u li b'hekk tagħti kontribuzzjoni sinjifikattiva għall-ħarsien ta' l-ambjent, l-awtoritajiet Taljani ma wrewx li l-investimenti notifikati fir-rigward tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija kienu r-riżultat tad-deċiżjoni deliberata ta' l-impriża li ttejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent u li ma sarux għal raġunijiet ekonomiċi.

121    Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni esponiet b'mod ċar id-dubji tagħha fuq il-motivazzjoni ambjentali jew ekonomika ta' l-investimenti notifikati u fuq in-nuqqas ta' produzzjoni ta' provi f'dan ir-rigward min-naħa ta' l-awtoritajiet Taljani.

122    Fil-fatt, din id-deċiżjoni osservat, l-ewwel nett, li kien essenzjali li wieħed ikun jaf ir-raġuni li għaliha l-investitur iddeċieda li jwettaq dawn l-investimenti, peress li l-Anness tal-Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar eskluda l-investimenti mwettqa għal raġunijiet ekonomiċi. It-tieni nett, id-deċiżjoni esponiet li eżami inizjali ta' l-informazzjoni ppreżentata wassal għall-konklużjoni li l-investimenti kienu saru, qabel kollox, għal raġunijiet ekonomiċi.

123    Id-deċiżjoni ta' ftuħ enfasizzat ukoll li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ressqu l-prova li l-investimenti kienu ġew imwettqa għal raġunijiet ambjentali u mhux għar-raġunijiet ekonomiċi. Din id-deċiżjoni esponiet, barra minn hekk, li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ressqu l-prova li, meta saret is-sostituzzjoni tat-tagħmir u ta' l-installazzjonijiet, l-investitur kien ħa b'mod ċar id-deċiżjoni li jagħżel standards ogħla li jeħtieġu investimenti addizzjonali, ħaġa li timplika li kien hemm soluzzjoni rħas li kienet tissodisfa l-istandards legali.

124    L-awtoritajiet Taljani rrispondew għar-riżervi espressi fid-deċiżjoni ta' ftuħ permezz ta' l-ittra tat-18 ta' Lulju 2000 (anness 10 mar-rikors), li fiha huwa llimitaw ruħhom li jaffermaw mill-ġdid l-għan ambjentali u mhux ekonomiku ta' l-investimenti notifikati fl-installazzjonijiet tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija, mingħajr ma taw spjegazzjonijiet addizzjonali u mingħajr ma ressqu provi in sostenn ta' din l-affermazzjoni.

125    Fil-fatt, l-awtoritajiet Taljani sostnew "li minn dak li ġie speċifikat iktar 'il fuq, jirriżulta b'mod ċar li l-pjan ta' investimenti ambjentali notifikat twettaq bl-għan li jinkiseb titjib sinjifikattiv fil-ħarsien ta' l-ambjent, indipendentement mill-investimenti ta' natura produttiva […]" u "minn dak li ġie speċifikat iktar 'il fuq, jirriżulta b'mod ċar li l-kumpannija Lucchini ddeċidiet li tagħżel livelli ta' ħarsien ambjentali sinjifikattivament ogħla, indipendentement mill-investimenti produttivi li ma kienu jeħtieġu ebda investiment taħt forma ta' sistemi ta' ħarsien ambjentali sabiex jiġu osservati l-istandards fuq l-emissjonijiet fis-seħħ u li, għaldaqstant, l-investimenti notifikati kollha għandhom jiġu kkunsidrati addizzjonali" (anness 10 mar-rikors, paġna10 tat-traduzzjoni bil-Franċiż, it-tielet u l-ħames paragrafi).

126    Flimkien ma' dawn ir-risposti ma ngħatatx informazzjoni addizjonali intiża sabiex tiġġustifika li kien hemm soluzzjoni rħas u li, għaldaqstant, l-impriża kienet għażlet b'mod ċar li tapplika standards iktar rigorużi li jeħtieġu investimenti addizzjonali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, tali allegazzjonijiet mhumiex ta' natura li jikkonfutaw id-dubji esposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' ftuħ rigward il-motivazzjoni ambjentali u mhux ekonomika ta' l-investimenti notifikati fiż-żewġ installazzjonijiet in kwistjoni.

127    Barra minn hekk, rigward il-kwistjoni jekk it-tagħmir ambjentali eżistenti kienx ikun kompatibbli ma' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni l-ġodda jew le, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li l-awtoritajiet Taljani ma ressqu ebda prova sabiex isostnu l-affermazzjoni li t-tagħmir ambjentali l-qadim seta' jkun effettivament kompatibbli ma' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni l-ġodda, minħabba li dan it-tagħmir ma kienx ħareġ mill-użu biż-żmien u minħabba li dan seta' jibqa' jintuża ma' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni l-ġodda b'osservanza ta' l-istandards ambjentali (premessi 25 u 26).

128    Bl-istess loġika, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva, l-ewwel nett, li din l-affermazzjoni ta' l-awtoritajiet Taljani inqas u inqas hija kredibbli peress li, fid-dawl tal-fatt li l-installazzjonijiet – li jiddataw mill-1971 u mill-1978 – kienu qdiemu, huwa diffiċli li jiġi aċċettat li t-tagħmir ambjentali seta' jinżamm jiffunzjona flimkien ma' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni l-ġodda, it-tieni nett, li r-rapport ta' perizja jafferma li t-tagħmir ambjentali kellu tul ta' ħajja li jikkorrispondi għat-tul ta' ħajja tal-fabbrika, li minnu jifforma parti u, it-tielet nett, li, fid-dawl tan-neċessità li jiġu sostitwiti l-installazzjonijiet ta' produzzjoni minħabba li biż-żmien ħarġu mill-użu, huwa diffiċli li jiġi aċċettat li t-tagħmir ambjentali li kien konness magħhom seta' jkompli jiffunzjona normalment (premess 27).

129    Issa jekk it-tagħmir ambjentali l-qadim tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija kien kompatibbli ma' l-installazzjonijiet ta' produzzjoni l-ġodda u seta' għalhekk jissodisfa l-istandards mandatorji fis-seħħ, l-investimenti notifikati kienu jkunu r-riżultat tad-deċiżjoni deliberata ta' l-impriża li ttejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent, peress li jkunu neċessarjament investimenti addizzjonali li jippermettu li jiġu adottati standards iktar rigorużi mill-istandards mandatorji fis-seħħ, li diġà kienu osservati mit-tagħmir il-qadim, iżda għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Taljani ma ressqu ebda prova ta' l-allegata kompatibbiltà tat-tagħmir ambjentali l-qadim tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija mat-tagħmir ta' produzzjoni l-ġdid ta' dawn l-installazzjonijiet. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħti motivazzjoni addizzjonali fuq dan il-punt.

130    Fl-aħħar nett, rigward l-ilment imressaq mir-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' eliġibbiltà ta' l-investimenti notifikati fir-rigward tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija, skond il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 253 KE u li tista' tiġi trasposta għall-Artikolu 15 KEFA, il-motivazzjoni meħtieġa minn din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. M’hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 15 KEFA għandha tiġi evalwata mhux biss b'referenza għall-kliem tagħha, iżda wkoll b'referenza għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tal-11 ta' Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 72).

131    Issa mill-kontenut iċċitat iktar 'il fuq tad-deċiżjoni ta' ftuħ, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet esponiet b'mod dettaljat id-dubji tagħha fuq l-investimenti mwettqa fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija. Fid-dawl tan-nuqqas ta' spjegazzjonijiet min-naħa ta' l-awtoritajiet Taljani, id-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant ikkonkludiet ġustament li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ipprovaw li l-investimenti fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija kienu twettqu għal raġunijiet ta' ħarsien ta' l-ambjent. Fid-dawl tal-fatt li l-oneru tal-prova kien jaqa' fuq l-Italja, id-deċiżjoni kkontestata setgħet tillimita ruħha li tikkonstata dan in-nuqqas ta' spjegazzjonijiet.

132    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' eliġibbiltà ta' l-investimenti notifikati fir-rigward tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija mhuwiex fondat.

133    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ivvizzjata safejn hija tirrileva li l-awtoritajiet Taljani ma ressqux provi sabiex isostnu l-affermazzjoni li l-investimenti mwettqa fit-tagħmir ambjentali tal-kalkara ta' funderija u tal-funderija kienu l-konsegwenza tad-deċiżjoni deliberata tar-rikorrenti li ttejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent u safejn minn dan hija tiddeduċi li l-għajnuna notifikata għaldaqstant mhijiex eliġibbli.

d)     Konklużjoni fuq it-tieni raġuni

134    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, rigward l-investimenti ambjentali fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija, u minkejja l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta tindika li dawn l-investimenti kienu neċessarji minħabba l-istabbiliment tal-fabbrika f'żona b'densità għolja ta' popolazzjoni, in-nuqqas ta' prova, min-naħa ta' l-awtoritajiet Taljani, ta' l-eżistenza ta' deċiżjoni deliberata ta' l-impriża benefiċjarja ta' l-għajnuna li ttejjeb il-ħarsien ta' l-ambjent huwa ta' natura li jiġġustifika l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-investimenti notifikati fir-rigward ta' dawn iż-żewġ installazzjonijiet ma kinux eliġibbli għall-għajnuna għall-ħarsien ta' l-ambjent.

135    Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-investimenti ambjentali fir-rigward ta' l-impjant tal-kokk, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata u f'ċerti punti hija żbaljata.

136    Minn dan jirriżulta li t-tieni raġuni hija fondata għal dak li jikkonċerna l-impjant tal-kokk u li għandha tiġi miċħuda għal dak li jikkonċerna l-kalkara ta' funderija u l-funderija.

C –  Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq in-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà ta' l-għajnuna stabbilita mill-kuntest legali applikabbli, fuq ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, fuq inversjoni ta’ l-oneru tal-prova, fuq nuqqas ta' motivazzjoni u fuq kontradizzjoni interna fir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata

137    Fil-kuntest tat-tielet raġuni, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza u l-motivazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessi 30 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata u ripetuti fit-tielet sentenza tal-premessa 39 billi ssostni li huma vvizzjati bi żball ta' evalwazzjoni tal-fatti, b'imputazzjoni żbaljata ta' l-oneru tal-prova, bi ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, b'nuqqas ta' motivazzjoni u b'kontradizzjoni interna fir-raġunament.

138    F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi, fil-premessa 39, li l-għajnuna notifikata mill-awtoritajiet Taljani ma tissodisfax id-diversi kundizzjonijiet imposti mill-kuntest ġuridiku minħabba l-fatt li, minn naħa, "l-ispejjeż notifikati ma jikkonċernawx biss l-ispejjeż addizzjonali neċessarji għat-titjib fil-ħarsien ta' l-ambjent" u, min-naħa l-oħra, li "il-vantaġġi f'termini ta' spejjeż ma ġewx imnaqqsa kollha". Bl-istess mod, fil-premessa 32, il-Kummissjoni tindika li "l-ispejjeż ta' l-investimenti notifikati mill-awtoritajiet Taljani ma jirrapreżentawx biss spejjeż marbuta esklużivament mal-ħarsien ta' l-ambjent" u li "l-ispiża tat-tagħmir li jista' jintuża għall-produzzjoni ma ġietx imnaqqsa proporzjonalment". Din l-evalwazzjoni tirreferi għall-premessi 30 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni tirrispondi għall-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest ta' l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ.

139    Għaldaqstant, safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-għajnuna fir-rigward tal-kalkara ta' funderija u l-funderija, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar dawn iż-żewġ installazzjonijiet imressqa fil-kuntest tat-tielet raġuni mhumiex rilevanti. Fil-fatt, il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kummissjoni fuq in-nuqqas ta' eliġibbiltà għall-għajnuna għall-ħarsien ta' l-ambjent ta' l-investimenti fil-funderija u fil-kalkara ta' funderija, esposta fil-premessi 25 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, hija biżżejjed sabiex jiġi konkluż li r-rikors mhuwiex fondat għal dak li jikkonċerna dawn iż-żewġ installazzjoni, mingħajr mhemm bżonn li tiġi eżaminata l-fondatezza ta' l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tielet raġuni.

140    Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-għajnuna dwar l-impjant tal-kokk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li t-tieni raġuni kienet fondata, safejn id-deċiżjoni kkontestata kienet żbaljata fuq ċerti punti u mhux suffiċjentement motivata fuq oħra. F'dan iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tasal għall-konklużjoni li, għar-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata u analizzati fil-kuntest tat-tieni raġuni, il-Kummissjoni ma tistax validament tikkunsidra li l-investimenti ambjentali notifikati mill-awtoritajiet Taljani għal dak li jikkonċerna l-impjant tal-kokk ma kinux eliġibbli għall-għajnuna għall-ambjent.

141    F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax teżamina l-kontenut tat-tielet raġuni u l-kwistjoni jekk id-distinzjoni bejn l-ispejjeż marbuta ma' l-investimenti produttivi u dawk marbuta ma' l-investimenti ambjentali saritx b'mod korrett mill-awtoritajiet Taljani. Fil-fatt, din id-distinzjoni tista' tkun rilevanti biss wara li l-Kummissjoni tkun analizzat l-eliġibbiltà ta' l-għajnuna fir-rigward ta' l-impjant tal-kokk billi tieħu in kunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza f'din is-sentenza u tkun iddeterminat, fid-dawl ta' dak espost fil-punti 107 et seq. hawn fuq, jekk din l-għajnuna tippermettix jew le li jitjieb b'mod sinjifikattiv il-ħarsien ta' l-ambjent.

142    Konsegwentement, sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jiġbdu l-konklużjonijiet mill-annullament deċiż fil-kuntest tat-tieni raġuni, u għaldaqstant jibdew mill-ġdid bil-proċedura mill-istadju fejn hija kienet vvizzjata, jiġifieri mill-istadju ta' l-analiżi ta' l-investimenti ambjentali fir-rigward ta' l-impjant tal-kokk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li mhemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet imressqa fil-kuntest tat-tielet raġuni għal dak li jikkonċerna d-distinzjoni bejn l-ispejjeż produttivi u ambjentali, li tippresupponi li l-għajnuna in kwistjoni effettivament kellha għan ambjentali fis-sens definit mill-Kodiċi u mil-Linji gwida. B'hekk, il-Kummissjoni tkun tista' tikkjarifika l-kwistjonijiet dwar l-eliġibbiltà ta' l-għajnuna fir-rigward ta' l-impjant tal-kokk u titlob lill-awtoritajiet Taljani, jekk ikun il-każ, li jnaqqsu l-ispejjeż relattivi għall-effett fuq il-produzzjoni.

143    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tielet raġuni huma rrilevanti għal dak li jikkonċerna l-kalkara ta' funderija u l-funderija, billi l-fondatezza tal-kunsiderazzjonijet tal-Kummissjoni fuq in-nuqqas ta' eliġibbiltà ta' l-għajnuna fir-rigward ta' dawn l-installazzjonijiet esposti fil-premessi 25 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt u li mhemmx lok li tiġi eżaminata t-tielet raġuni għal dak li jikkonċerna l-impjant tal-kokk, fid-dawl ta' l-effett ta' l-annullament deċiż mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kuntest tat-tieni raġuni fuq il-proċedura ta' eżami ta' l-għajnuna fir-rigward ta' din l-installazzjoni.

D –  Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-ammont ta' l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni

144    Għandu jiġi rilevat li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta' motivazzjoni taqa' taħt il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali fis-sens ta' l-Artikolu 33 KEFA u tikkostitwixxi motiv ta' ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja (ara, b'analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24, u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq, punt 67; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Marzu 2001, Métropole télévision vs Il-Kummissjoni, T-206/99, Ġabra p. II‑1057, punt 43, u tat-22 ta' Ġunju 2005, CIS vs Il-Kummissjoni, T-102/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46)

145    Għandu jiġi mfakkar ukoll li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni ta' deċiżjoni individwali li taffettwa persuna ħażin għandha turi b'mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' att, b'mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq, punt 63; is-sentenza Métropole télévision vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44, u s-sentenza CIS vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

146    Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi, fil-premessa 39, li "l-għajnuna notifikata favur Lucchini [...] għall-impjant tal-kokk, għall-funderija u għall-kalkara ta' funderija għal total ta' ITL 13.5 biljuni, mhijiex eliġibbli għall-għajnuna ambjentali, peress li l-awtoritajiet Taljani ma wrewx li l-investimenti ma twettqux għal raġunijiet ekonomiċi". Din il-konklużjoni ssegwi l-premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni tesponi li, "għal dak li jikkonċerna r-raġunijiet prinċipali għall-investimenti mwettqa [...] fl-impjant tal-kokk, fil-funderija u fil-kalkara ta' funderija, [hija] tqis li l-awtoritajiet Taljani ma wrewx, kif jeħtieġ l-Anness tal-[Kodiċi], li l-impriża ddeċidiet b'mod ċar li tagħmel l-investimenti għal raġunijiet ta' ħarsien ta' l-ambjent".

147    Madankollu, mid-deċiżjoni ta' ftuħ (punt intitolat "Deskrizzjoni ta' l-għajnuna"), kif ukoll mill-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-investimenti mwettqa mir-rikorrenti u notifikati bħala eliġibbli taħt l-għajnuna għall-ambjent, ta' l-ammont totali ta' ITL 190.9 biljuni, li għalihom intalbet għajnuna ta' l-ammont ta' ITL 13.5 biljuni (jiġifieri intensità ta' għajnuna ta' 7 %), jikkonċernaw ir-raba' installazzjonijiet li ġejjin: l-impjant tal-kokk, il-funderija, il-kalkara ta' funderija u s-sistema ta' l-ilma u ta' dranaġġ.

148    Għaldaqstant, safejn il-premessi 29 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirreferux għall-installazzjoni tas-sistema ta' l-ilma u ta' dranaġġ u safejn ebda element tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li wieħed jifhem b'liema mod l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq komuni, hemm lok li jiġi konkluż li hemm nuqqas ta' motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-Artikolu 15 KEFA f'dak li jirrigwarda l-ammont ta' għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

149    Mid-deċiżjoni ta' ftuħ (punt intitolat "Deskrizzjoni ta' l-għajnuna") jirriżulta li l-ammont ta' investimenti li jikkorrispondu għas-sistema ta' l-ilma u ta' dranaġġ kien ta' ITL 19.7 biljuni u li, konsegwentement, l-għajnuna miltuba għal din l-installazzjoni kienet ta' ITL 1.38 biljuni.

150    Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn jinkludi, fid-dikjarazzjoni ta' inkompatibblità ta' l-għajnuna mill-Istat ta' l-ammont favur ir-rikorrenti, l-ammont ta' ITL 1.38 biljuni li jikkorrispondi għas-sistema ta' l-ilma u dranaġġ.

E –  Konklużjoni ġenerali

151    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li hemm lok li r-rikors jiġi miċħud għal dak li jikkonċerna l-investimenti ambjentali fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija.

152    Għal dak li jikkonċerna l-għajnuna dwar l-impjant tal-kokk, il-Qorti tal-Prim'Istanza laqgħet it-tieni raġuni u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għal dak li jikkonċerna l-investimenti ambjentali fl-impjant tal-kokk.

153    Bl-istess mod, hemm lok ukoll li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-investimenti ambjentali fis-sistema ta' l-ilma u ta' dranaġġ, peress li ebda element tad-deċiżjoni ma jippermetti li wieħed jifhem b'liema mod l-għajnuna mill-Istat intiża għal din l-installazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

154    Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn jinkludi, fid-dikjarazzjoni ta' inkompatibblità ta' l-għajnuna mill-Istat ta' l-ammont favur ir-rikorrenti, l-ammont ta' ITL 2.7 biljuni li jikkorrispondi għall-investimenti ambjentali fl-impjant tal-kokk u l-ammont ta' ITL 1.38 biljuni li jikkorrispondi għas-sistema ta' l-ilma u ta' dranaġġ.

 Fuq l-ispejjeż

155    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

156    F'dan il-każ, ir-rikors kien parzjalment milqugħ. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ bid-deċiżjoni li kull parti għandha tbati nofs l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/466/KEFA tal-21 ta' Diċembru 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja qed tippjana li timplementa favur l-impriżi li joperaw fl-industrija ta' l-azzar Lucchini SpA u Siderpotenza SpA, huwa annullat safejn jinkludi, fl-ammont ta' l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Lucchini SpA u ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, l-ammonti ta' ITL 2.7 biljuni (EUR 1.396 miljuni) u ta' ITL 1.38 biljuni (EUR 713 550), li jikkorrispondu rispettivament għall-investimenti ambjentali notifikati mill-awtoritajiet Taljani fl-impjant tal-kokk u fis-sistema ta' l-ilma u ta' dranaġġ.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati nofs l-ispejjeż.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta' Settembru 2006.

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

       P. Lindh

Werrej

Kuntest ġuridiku

A – Kodiċi ta' Għajnuna għall-Industrija ta' l-Azzar

B – Linji gwida dwar l-għajnuna għall-ambjent

C – L-Anness tal-Kodiċi

Il-fatti li wasslu għall-kawża

A – Dikjarazzjonijiet dwar investimenti produttivi

B – Notifiki relattivi għal pjanijiet ta' investimenti ambjentali

C – Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi u l-osservazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani

D – Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A – Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq żball dwar ir-regoli applikabbli f'dan il-każ u fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B – Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq in-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' eliġibbiltŕ ta' l-għajnuna notifikata, fuq il-ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, fuq inversjoni ta’ l-oneru tal-prova, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq nuqqas ta' motivazzjoni

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjoniet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Fuq il-kwistjoni dwar jekk l-investimenti ambjentali notifikati kellhomx bħala għan li jippermettu t-tkomplija ta' l-attività ta' l-impriża minħabba l-istabbiliment tagħha f'żona b'densitŕ għolja ta' popolazzjoni

c) Fuq il-kwistjoni jekk l-investimenti fil-ħarsien ta' l-ambjent twettqux bħala kundizzjoni jew konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni, fuq il-provi mressqa mill-awtoritajiet Taljani u fuq il-possibbiltà ta' soluzzjoni irħas

i) Fuq l-investimenti fl-impjant tal-kokk

– Fuq il-kwistjoni jekk l-investimenti fl-impjant tal-kokk twettqux bħala kundizzjoni jew konsegwenza ta' investimenti neċessarji għall-produzzjoni

– Fuq il-kwistjoni tal-provi mressqa mill-awtoritajiet Taljani

– Fuq l-eżistenza ta' soluzzjoni irħas

– Fuq il-kwistjoni jekk l-investimenti fl-impjant tal-kokk ippermettewx titjib sinjifikattiv fil-ħarsien ta' l-ambjent

– Konklużjoni dwar l-impjant tal-kokk

ii) Fuq l-investimenti fil-kalkara ta' funderija u fil-funderija

d) Konklużjoni fuq it-tieni raġuni

C – Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq in-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' osservanza tal-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltŕ ta' l-għajnuna stabbilita mill-kuntest legali applikabbli, fuq ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni, fuq inversjoni ta’ l-oneru tal-prova, fuq nuqqas ta' motivazzjoni u fuq kontradizzjoni interna fir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata

D – Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-ammont ta' l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni

E – Konklużjoni ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.