Language of document : ECLI:EU:C:2024:151

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C135/23

Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA)

vs

GL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu (3)(1) – Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett ta’ ‘att ta’ komunikazzjoni’ – Tqegħid għad-dispożizzjoni f’appartamenti ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jiġu rċevuti trażmissjonijiet”






 Introduzzjoni

1.        Fid-dritt tal-awtur tal-Unjoni, id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ċertament jokkupa l-pożizzjoni ta’ unur f’dak li jirrigwarda l-attenzjoni li tingħatalu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fost il-kwistjonijiet ta’ dritt marbuta ma’ din l-istituzzjoni ġuridika, waħda mill-iktar fundamentali hija dik tad-distinzjoni bejn komunikazzjoni lill-pubbliku, att suġġett għad-drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, u sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita jew riċevuta tali komunikazzjoni, li ma hijiex suġġetta għalihom.

2.        Il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din id-distinzjoni ġew ibbilanċjati f’sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (2). Madankollu, din il-kawża turi li għad hemm żoni ta’ inċertezza jew sitwazzjonijiet limitati, li fihom ma huwiex faċli li jiġi deċiż b’ċertezza fuq liema naħa ta’ din id-distinzjoni jinsab l-att inkwistjoni.

3.        Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam, billi tiżgura kemm il-koerenza tagħha kif ukoll billi żżomm bilanċ ġust bejn id-diversi interessi inkwistjoni.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

4.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (3) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

 Iddritt Ġermaniż

5.        Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku huwa stabbilit, fid-dritt Ġermaniż, fl-Artikolu 15 tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad‑9 ta’ Settembru 1965 (4), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), li jipprovdi, b’mod partikolari:

“[…]

(2)      Barra minn hekk, l-awtur għandu d-dritt esklużiv li jikkomunika x-xogħol tiegħu lill-pubbliku f’forma immaterjali (dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku). Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi b’mod partikolari:

1.      id-dritt ta’ preżentazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni (Artikolu 19);

2.      id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 19a);

3.      id-dritt tat-trażmissjoni (Artikolu 20);

4.      id-dritt ta’ komunikazzjoni permezz ta’ mezzi viżivi jew awdjo (Artikolu 21);

5.      id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ programmi trażmessi u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 22).

(3)      Il-komunikazzjoni hija pubblika meta tkun intiża għal diversi membri tal-pubbliku. Il-pubbliku jinkludi lil kull persuna li ma hijiex marbuta b’relazzjonijiet personali ma’ dak li jisfrutta x-xogħol jew mal-persuni l-oħra li lilhom ix-xogħol isir perċettibbli jew aċċessibbli f’forma intanġibbli.”

6.        Bis-saħħa tas-sentenza fil-kawża Königshof tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku l-fatt li l-amministratur ta’ lukanda jgħammar il-kmamar tal-lukanda b’settijiet tat-televiżjoni b’antenni interni (5). Meta adottat din is-soluzzjoni, din il-qorti ma kinitx qieset meħtieġ li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29.

 Ilfatti filkawża prinċipali, ilproċedura u ddomanda preliminari

7.        Il-Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (iktar ’il quddiem il-“GEMA”), organu għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-mużika, ressqet quddiem l-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja) talba għad-danni fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur kontra GL, l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti, minħabba li dan tal-aħħar iqiegħed għad-dispożizzjoni, f’dawn l-appartamenti, settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni li jippermettu li jiġu rċevuti programmi, bi ksur tal-Artikolu 15 tal-UrhG.

8.        Peress li kellha dubji dwar jekk tali tqegħid għad-dispożizzjoni, mingħajr ma kien hemm “riċezzjoni ċentrali”, jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2001/29] meta l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti jqiegħed għad-dispożizzjoni, f’din il-binja, televiżjonijiet li jirċievu xandiriet permezz ta’ antenna ta’ ġewwa mingħajr ma hemm riċezzjoni ċentrali sabiex tittrażmetti s-sinjali?”

9.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2023. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn GEMA, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.

 Analiżi

10.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-installazzjoni mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri, f’dawn l-appartamenti, ta’ settijiet ta’ televiżjoni b’antenni interni li jistgħu jirċievu programmi tat-televiżjoni taqax taħt id-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

11.      Elementi importanti ta’ risposta għal din id-domanda jirriżultaw mill-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Għalhekk, jidhirli li huwa neċessarju li titfakkar fil-qosor din il-ġurisprudenza.

 Ilġurisprudenza rilevanti talQorti talĠustizzja

12.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur tinkludi żewġ elementi, jiġifieri l-att ta’ komunikazzjoni u l-pubbliku li lilu tkun indirizzata din il-komunikazzjoni (6).

13.      L-att ta’ komunikazzjoni jista’ normalment ikun f’żewġ forom. L-ewwel wieħed jikkonsisti fi trażmissjoni tax-xogħol protett, jew tas-sinjal ta’ dan ix-xogħol, fuq l-inizjattiva tal-awtur stess tal-komunikazzjoni, lill-pubbliku. Hija biss ir-riċezzjoni ta’ din it-trażmissjoni li taqa’, eventwalment, taħt id-deċiżjoni tal-membri tal-pubbliku. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tas-servizzi tal-midja msejħa “lineari”, bħat-televiżjoni. It-tieni forma ta’ komunikazzjoni hija limitata għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħol, peress li l-membri ta’ dan il-pubbliku jiddeċiedu liberament li jattivaw fi żmien magħżul it-trażmissjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-atti ta’ komunikazzjoni mwettqa fuq l-internet.

14.      Għandha ssir distinzjoni importanti bejn l-atti ta’ komunikazzjoni u s-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet li jippermettu li ssir jew tiġi riċevuta komunikazzjoni. Fil-fatt, il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara li l-Artikolu 3 tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li tali provvista ma tikkostitwixxix fiha nnifisha komunikazzjoni (7). Din il-premessa tirrifletti d-dikjarazzjoni komuni dwar l-Artikolu 8 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 2000/278/KE (8). L-imsemmija premessa hija kkorroborata wkoll mill-premessa 23 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku “għandu jinftiehem f’sens wiesa’ li jirregola kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni”, iżda “ma jkopri l-ebda att ieħor”.

15.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi, b’mod partikolari, li ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, il-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju (9).

16.      Barra minn hekk, meta jeżisti dubju fir-rigward tal-persuna li tkun tat lok għal komunikazzjoni, il-kriterju essenzjali jinsab fir-rwol indispensabbli li għandha din il-persuna u n-natura deliberata tal-intervent tagħha. Fil-fatt, din twettaq att ta’ komunikazzjoni meta tintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha, sabiex tagħti lill-klijenti tagħha aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, jew ikunu jistgħu biss diffiċilment, igawdu mix-xogħol imxandar (10).

17.      Fir-rigward tal-pubbliku li lilu tkun indirizzata l-komunikazzjoni, dan għandu jinkludi numru indeterminat, iżda pjuttost kbir, ta’ destinatarji potenzjali. Sabiex jiġi ddeterminat dan in-numru, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel, iżda wkoll in-numru tagħhom li jista’ jkollhom dan l-aċċess suċċessivament (11).

18.      Fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku sekondarju, dan għandu jkun pubbliku “ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta jkun awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku (12).

19.      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ sitwazzjoni analoga għal dik ta’ din il-kawża, jiġifieri l-installazzjoni ta’ settijiet tat-televiżjoni mqabbda ma’ antenna ċentrali fil-kmamar ta’ lukanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-“distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ apparati ta’ televixin lill-klijenti li jkunu qed joqgħodu fil-kmamar ta’ lukanda, indipendentement mit-teknika użata għat-trasmissjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1) [tad-Direttiva 2001/29]” (13).

 Sempliċi applikazzjoni f’din ilkawża?

20.      Mad-daqqa ta’ għajn, ir-risposta għad-domanda preliminari f’din il-kawża tista’ tirriżulta minn sempliċi applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti preċedenti.

21.      Fil-fatt, il-kwistjoni legali prinċipali li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk l-installazzjoni f’appartamenti għall-kiri ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni sekondarja tat-trażmissjonijiet tat-televiżjoni lill-pubbliku jew inkella sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet li jippermettu r-riċezzjoni tal-komunikazzjoni inizjali ta’ dawn it-trażmissjonijiet, peress li din il-komunikazzjoni ssir mill-organi ta’ trażmissjoni televiżiva.

22.      Meta tagħmel id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis bħala element determinanti l-eżistenza ta’ intervent deliberat tal-persuna kkonċernata fuq il-kontenut stess tal-komunikazzjoni, peress li dan l-intervent jista’ jieħu forom differenti (14). Hija enfasizzat ukoll li jekk is-sempliċi fatt li l-użu ta’ tagħmir huwa neċessarju sabiex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi mix-xogħol iwassal b’mod awtomatiku biex it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali tagħmir jiġi kklassifikat bħala att ta’ komunikazzjoni, kull provvista ta’ installazzjonijiet intiżi biex jippermettu jew iwettqu komunikazzjoni tkun tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, kuntrarjament għall-kliem ċar tal-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 (15).

23.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kklassifikatx bħala att ta’ komunikazzjoni la l-kiri ta’ vetturi mgħammra b’settijiet tar-radju (16), u lanqas l-isfruttament, fih innifsu, ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls online (17), u lanqas, fl-aħħar nett, il-fatt li jkun hemm, fuq mezz ta’ trasport pubbliku, tagħmir ta’ awdjo u softwer li jippermetti t-trażmissjoni ta’ mużika tal-isfond (18). Dawn l-atti ġew assimilati mas-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, fis-sentenza SGAE, li kienet tikkonċerna s-settijiet tat-televiżjoni installati fi kmamar ta’ lukanda, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddistingwiet b’mod ċar l-installazzjoni ta’ dawn is-settijiet bħala tali mid-distribuzzjoni tas-sinjal permezz ta’ dawn is-settijiet (19).

24.      Il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ att ta’ komunikazzjoni tirrendi barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, superfluwa l-analiżi tal-eżistenza eventwali ta’ pubbliku ġdid (20).

25.      Għalhekk wieħed jista’ jqis, f’konformità mal-ġurisprudenza li għadni kif semmejt, li l-installazzjoni mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri, f’dawn l-appartamenti, ta’ settijiet tat-televiżjoni b’antenni interni li kapaċi jirċievu programmi tat-televiżjoni mingħajr ebda intervent addizzjonali min-naħa ta’ dan l-operatur tixbah sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet u għalhekk ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni, u lanqas, konsegwentement, komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

26.      Nixtieq nenfasizza li, fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni tkun perfettament difendibbli. Fl-ewwel lok, din hija koerenti mal-loġika formali tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ tippreżenta b’mod partikolari diversi analoġiji ma’ dik tal-vetturi tal-kiri mgħammra b’settijiet tar-radju, inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza fil-kawża Stim u SAMI. Fiż-żewġ każijiet, l-utent qiegħed jikri spazju, wieħed intiż biex joqgħod fih, l-ieħor sabiex jiċċaqlaq, mgħammar b’installazzjonijiet li jippermettu, mingħajr ebda intervent addizzjonali, ir-riċezzjoni tat-trażmissjoni terrestri, rispettivament, tat-televiżjoni jew tar-radju. Klassifikazzjoni simili ta’ dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet mill-perspettiva tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif irregolat mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, tidher għalhekk naturali.

27.      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jiddependi ħafna mit-teknoloġija użata sabiex jitwettqu l-atti li jaqgħu taħtu, li jikkonsistu fil-komunikazzjoni ta’ oġġetti protetti lil persuni mhux preżenti fil-post fejn toriġina din il-komunikazzjoni (21). Għalhekk ma huwiex sorprendenti li l-klassifikazzjonijiet ġuridiċi f’dan il-qasam huma bbażati fuq il-kriterju tat-teknoloġija użata, billi jiġu rrelegati għall-pożizzjoni sekondarja kunsiderazzjonijiet oħrajn, bħall-perspettiva tal-utent finali tax-xogħol (22). Dan huwa l-każ, f’din il-kawża, tas-soluzzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ intervent addizzjonali li jikkonsisti f’trażmissjoni mill-ġdid tas-sinjal tat-televiżjoni lejn l-appartamenti tal-kiri.

28.      Barra minn hekk, din tidher li hija s-soluzzjoni adottata mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) fis-sentenza tagħha fil-kawża Königshof iċċitata fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din hija wkoll dik sostnuta mill-Gvern Awstrijak u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom.

29.      Madankollu, nammetti li din is-soluzzjoni jidhirli li ma tantx hija konvinċenti mill-perspettiva tar-riżultat milħuq. Fil-fatt, f’sitwazzjonijiet fejn l-eżistenza ta’ pubbliku tista’ tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari fil-każ tal-kiri ta’ appartamenti għal żmien qasir (23), teżisti differenza fit-trattament manifesta bejn, minn naħa, l-appartamenti għal kiri mgħammra b’settijiet tat-televiżjoni li għandhom antenni interni u, min-naħa l-oħra, il-kmamar ta’ lukanda mgħammra b’settijiet ta’ televiżjoni mqabbda ma’ antenna ċentrali, ipoteżi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE. Barra minn hekk, is-soluzzjoni adottata f’din il-kawża tista’ faċilment tiġi trasposta, jekk ikun il-każ, għas-sitwazzjoni tal-kmamar ta’ lukanda mgħammra b’settijiet tat-televiżjoni b’antenni interni. Issa, il-bażi ta’ din id-differenza fit-trattament, jiġifieri l-assenza, f’wieħed miż-żewġ każijiet, ta’ att ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-utent ikkonċernat fil-forma ta’ trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid, fis-sens strett tal-kelma, tal-kontenut protett hija fil-fehma tiegħi diffiċli li tiġi rrikonċiljata mal-loġika materjali li fuqha hija bbażata l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGAE. Lanqas ma jidhirli li d-differenza teknoloġika bejn antenna ċentrali u l-antenni interni hija sostanzjali biżżejjed sabiex tiġġustifika trattament differenti mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur.

30.      Għalhekk nipproponi li din il-kawża tiġi analizzata fid-dawl ta’ din is-sentenza sabiex tinstab soluzzjoni li tippermetti li tiġi żgurata koerenza magħha, mingħajr ma tiġi kkontestata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn il-komunikazzjoni lill-pubbliku u l-provvista ta’ faċilitajiet li jippermettu tali komunikazzjoni.

 Analiżi fiddawl tassentenza fil-kawża SGAE

31.      Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza SGAE, li “id-distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ apparati ta’ televixin lill-klijenti li jkunu qed joqgħodu fil-kmamar ta’ lukanda, indipendentement mit-teknika użata għat-trasmissjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2001/29]” (24).

32.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb, f’din is-sentenza, tippreċiża li s-sempliċi installazzjoni ta’ settijiet tat-televiżjoni fil-kmamar ta’ lukanda ma tikkostitwixxix, bħala tali, komunikazzjoni lill-pubbliku (25). Madankollu, hija żiedet tgħid li meta din l-installazzjoni tista’ tirrendi possibbli l-aċċess tal-pubbliku għax-xogħlijiet imxandra, għaliex permezz tas-settijiet installati fil-kmamar il-lukanda tiddistribwixxi s-sinjal tat-televiżjoni lill-klijenti tagħha, din effettivament tkun komunikazzjoni lill-pubbliku (26).

33.      Huwa minnu wkoll li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza SGAE, dan kien is-sinjal tat-televiżjoni li kien inizjalment irċevut mil-lukanda u sussegwentement iddistribwit bil-kejbil fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment (27) u, għalhekk, ritrażmissjoni fis-sens strett. Madankollu, din it-trażmissjoni mill-ġdid ma tidhirx li kkostitwixxiet, għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-element deċiżiv li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

34.      Sabiex tasal għas-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza fil-kawża SGAE, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-klijenti ta’ lukanda jikkostitwixxu pubbliku ġdid, distint mill-pubbliku li jkun ittieħed inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta jkunu awtorizzaw l-att ta’ komunikazzjoni inizjali tax-xogħlijiet, f’dan il-każ it-trażmissjoni tat-televiżjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-pubbliku tal-aħħar huwa kkostitwit biss minn detenturi ta’ settijiet tat-televiżjoni li, fiċ-ċirku privat jew tal-familja tagħhom, jirċievu dawn it-trażmissjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-persuni li, anki jekk jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tat-trażmissjoni, ma jistgħux, mingħajr l-intervent ta’ organu terz, jibbenefikaw minn din it-trażmissjoni, ma jifformawx parti minn dan il-pubbliku inizjali. Għalhekk, peress li jingħatalhom l-aċċess għat-trażmissjoni inkwistjoni, dawn il-persuni għandhom jitqiesu li jifformaw pubbliku ġdid, b’tali mod li l-att li permezz tiegħu huma jirċievu dan l-aċċess jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku distinta mill-komunikazzjoni inizjali. F’din il-kawża, hija l-lukanda li, billi tinstalla fil-kmamar ta’ lukanda settijiet tat-televiżjoni li jippermettu li wieħed jara t-trażmissjonijiet, tintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha, sabiex tagħti aċċess għax-xogħlijiet protetti lill-klijenti tagħha (28).

35.      Fi kliem ieħor, il-klijenti ta’ lukanda li, mid-definizzjoni tagħhom, jiċċaqalqu barra mill-post ta’ residenza tagħhom ma jkunux jistgħu, normalment, jibbenefikaw mit-trażmissjoni tat-televiżjoni fil-post fejn jinsab dan l-istabbiliment, sakemm ma jġorrux is-sett tat-televiżjoni tagħhom stess b’antenna, u dan ikun problematiku ħafna. Għalhekk, billi jinstalla fil-kmamar settijiet tat-televiżjoni mqabbda ma’ antenna, l-istabbiliment inkwistjoni jwettaq l-att indispensabbli sabiex jagħtihom aċċess għal din it-trażmissjoni. Issa, sa fejn il-klijenti ta’ lukanda jifformaw pubbliku (29), dan il-pubbliku għandu jiġi kkwalifikat bħala ġdid u l-att inkwistjoni kollu kemm hu bħala komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan huwa l-qalba tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża SGAE.

36.      Bit-traspożizzjoni ta’ dan ir-raġunament għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, wieħed jista’ faċilment jasal għall-istess riżultat. Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-inkwilini ta’ appartamenti għal kiri għal żmien qasir jifformaw pubbliku bl-istess mod bħall-klijenti ta’ lukanda. Fit-tieni lok, huma jinsabu wkoll f’ċaqliq meta mqabbla mal-post ta’ residenza tagħhom, b’tali mod li huma ma jistgħux, mingħajr l-intervent ta’ terz, jibbenefikaw mit-trażmissjonijiet televiżivi. Tali intervent, fil-forma ta’ installazzjoni fl-appartamenti ta’ settijiet tat-televiżjoni li jippermettu li jiġu rċevuti dawn it-trażmissjonijiet, għandu għalhekk, fit-tielet lok, jitqies li jagħti aċċess għal xogħlijiet protetti lil pubbliku ġdid u kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku.

37.      Ċertament, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-intervent tal-operatur ta’ binja ta’ appartamenti ma għandux il-forma ta’ trażmissjoni jew ta’ trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż, kif osservajt iktar ’il fuq (30), li ma kienx hemm att ta’ komunikazzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li jibqa’ jeżisti intervent deliberat tal-utent ikkonċernat bl-għan li jagħti aċċess għal xogħlijiet protetti lil pubbliku ġdid (31).

38.      Għalhekk ninsabu, b’xi mod, quddiem dilemma bejn, minn naħa, il-koerenza tar-raġunament li jgħid li ma jeżistix att ta’ komunikazzjoni fl-assenza ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti u, min-naħa l-oħra, il-koerenza tar-riżultat, li timponi li għandu jiġi kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku kull intervent ta’ utent li, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jagħti aċċess għal tali xogħlijiet lil pubbliku ġdid, li mingħajr dan l-intervent, ma jkunx jista’ jibbenefika minnhom.

39.      Naturalment, ir-raġunament huwa importanti ħafna fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-liġi. Raġunament koerenti u konvinċenti jiġġustifika l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati u s-soluzzjoni tat-tilwima adottata, kemm f’għajnejn il-partijiet ikkonċernati kif ukoll tal-pubbliku iktar wiesa’ (32). Madankollu, raġunament eċċessivament formalistiku jirriskja li jwassal għal soluzzjoni li tista’, ċertament, tkun koerenti skont il-loġika adottata, iżda inġusta jew sempliċement żbaljata fis-sustanza. F’tali sitwazzjoni, fil-fehma tiegħi huwa preferibbli li jiġi ffavorit mhux ir-riżultat li jirriżulta mill-applikazzjoni formalistika ta’ ċertu raġunament, li diġà ġie adottat qabel, iżda dak li jirrifletti bl-aħjar mod il-pedamenti u l-għanijiet veri u oġġettivi tar-regola interpretata, kemm jekk din tkun ta’ oriġini leġiżlattiva jew inkella ġurisprudenzjali.

40.      Huwa minnu li, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti ma jwettaqx trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni lejn dawn l-appartamenti, peress li kull appartament huwa mgħammar b’installazzjoni “awtonoma” li tippermetti r-riċezzjoni ta’ dan is-sinjal. L-att tal-operatur ma jillimitax ruħu li jipprovdi lill-inkwilini biss sett tat-televiżjoni u antenna interna, li dawn jistgħu jużaw bi kwalunkwe mod. Meta jgħammar l-appartamenti b’settijiet tat-televiżjoni li jkollhom antenni interna li huma rregolati b’mod li jippermettu r-riċezzjoni tas-sinjal tat-trażmissjoni tat-televiżjoni terrestri disponibbli fiż-żona ta’ kopertura li fiha tinsab il-proprjetà immobbli tiegħu, l-operatur jippermetti lill-inkwilini jibbenefikaw minn programmi tat-televiżjoni ddefiniti sew, ġewwa appartamenti mikrija u matul il-perijodu tal-kiri.

41.      Minn din il-perspettiva, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tixbah ħafna lil dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza fil-kawża SGAE. Fid-dawl tal-motivazzjoni sottostanti tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, ma jidhirlix li, f’dan il-każ, differenzi ta’ natura teknika, bħan-numru ta’ antenni użati (antenna ċentrali jew diversi antenni interni) jew it-tul tal-kejbil bejn l-antenna u s-sett tat-televiżjoni (33), jistgħu jiġġustifikaw soluzzjoni radikalment opposta.

42.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa permess li jitqies li, billi jinstalla fl-appartamenti għal kiri settijiet ta’ televiżjoni mgħammra b’antenni interni, l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti jwettaq, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi li jimplika l-aġir tiegħu, “att ta’ komunikazzjoni” li jikkonsisti fl-għoti lil inkwilini ta’ aċċess għal xogħlijiet protetti li jinsabu fit-trażmissjonijiet tat-televiżjoni li jistgħu jiġu rċevuti f’dawn l-appartamenti permezz ta’ dawn is-settijiet, b’mod essenzjalment identiku għas-sitwazzjoni tal-kmamar ta’ lukanda mgħammra b’settijiet tat-televiżjoni mqabbda ma’ antenna ċentrali.

 Fuq irrelazzjoni malġurisprudenza eżistenti

43.      Din is-soluzzjoni taqa’ perfettament fil-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, filwaqt li xi kultant għamlet parti minn dan il-kunċett atti li ma jikkonsistux, fil-veru sens tal-kelma, fi trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti.

44.      Għalhekk, kif tosserva ġustament GEMA, fis-sentenza Phonographic Performance (Ireland) (34), il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-klijenti, minn lukanda, ta’ reġistrazzjonijiet awdjo, inkluż f’forma fiżika, u tal-materjal li jippermetti l-qari tagħhom, minkejja l-fatt li dan l-att ma kien jinkludi ebda trażmissjoni u kien pjuttost simili għal kiri ta’ fonogrammi u ta’ tagħmir tekniku xieraq. Sabiex tasal għal dan ir-riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li l-utent inkwistjoni kien jipprovdi lill-klijenti tiegħu ż-żewġ elementi neċessarji li jippermettulhom igawdu mix-xogħlijiet protetti (35), li ma huwiex differenti mill-installazzjoni ta’ sett tat-televiżjoni mgħammar b’antenna interna li tippermetti li t-trażmissjonijiet tat-televiżjoni jiġu rċevuti u jintwerew.

45.      Barra minn hekk, fis-sentenza Airfield u Canal Digitaal (36), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, għalkemm it-trażmissjoni ta’ programmi tat-televiżjoni bis-satellita għandha titqies bħala komunikazzjoni waħda u indiviżibbli lill-pubbliku attribwibbli lill-organu tat-trażmissjoni li taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tiegħu is-sinjali li jwasslu l-programmi huma introdotti fil-katina ta’ komunikazzjoni li twassal għas-satellita (37), fornitur ta’ pakkett bis-satellita jista’ jagħmel dawn il-programmi aċċessibbli għal pubbliku ġdid, u b’hekk iwettaq att distint li jaqa’ taħt id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (38). Għalhekk jista’ jeżisti att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku mingħajr trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħlijiet protetti distinta mit-trażmissjoni inizjali. Din is-soluzzjoni ġiet ikkonfermata reċentement fis-sentenza AKM (Forniment ta’ pakketti bis-satellita fl-Awstrija) (39).

46.      Fl-aħħar nett, f’ċertu numru ta’ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku f’sitwazzjonijiet fejn l-utent ikkonċernat kien iħalli lill-pubbliku preżenti fuq il-post jibbenefika mix-xogħlijiet protetti, direttament (40). Għalhekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, kif tistabbilixxi l-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” b’mod li jmur lil hinn mill-kuntest strett ta’ “l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni”, billi tinkludi f’dan il-kunċett kull att li permezz tiegħu utent jintervjeni deliberatament sabiex jagħti lil pubbliku ġdid l-aċċess għal xogħol protett (41).

47.      Fit-tieni lok, is-soluzzjoni li nipproponi ma tpoġġix fid-dubju u ma tikkontradixxix il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn il-komunikazzjoni lill-pubbliku u s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet li jippermettu tali komunikazzjoni.

48.      B’mod partikolari, din is-soluzzjoni ma tmurx kontra dik li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Stim u SAMI. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku. Hija adottat din is-soluzzjoni minħabba li l-kumpanniji ta’ kiri ta’ tali vetturi ma jwettqux att ta’ komunikazzjoni, iżda sempliċi provvista ta’ faċilitajiet li jippermettu komunikazzjoni (42).

49.      Kif diġà indikajt (43), is-sitwazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza fil-kawża Stim u SAMI u din inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu, mad-daqqa ta’ għajn, jidhru simili, b’mod li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ġuridika identika tagħhom. Madankollu naħseb li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jiddistingwu ruħhom permezz ta’ element li huwa essenzjali sabiex att ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku, jiġifieri intervent deliberat u inevitabbli tal-utent ikkonċernat, li jeżisti f’din il-kawża u li huwa nieqes f’dik li tat lok għas-sentenza fil-kawża Stim u SAMI.

50.      Fil-fatt, kif ikkonstatajt iktar ’il fuq (44), meta installa fl-appartamenti, minn jeddu u b’mod kompletament indipendenti mill-kostruzzjoni ta’ dawn l-appartamenti, settijiet tat-televiżjoni li jkollhom antenni interni, l-operatur tal-proprjetà immobbli wettaq deliberatament intervent sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal trażmissjonijiet tat-televiżjoni, intervent li jista’ jitqies li huwa att ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

51.      Min-naħa l-oħra, impriża ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur ma twettaq ebda intervent ta’ dan it-tip. Fil-fatt, is-settijiet tar-radju għal diversi snin (45) huma normalment installati b’mod standard fil-vetturi bil-mutur u integrati fis-sistemi ta’ kontroll ta’ dawn il-vetturi, b’tali mod li l-impriżi ta’ kiri tal-imsemmija vetturi ma għandhom ebda influwenza fuq il-preżenza tagħhom abbord. Għalhekk, dawn l-impriżi ma jwettqu ebda att addizzjonali sabiex jagħtu lill-klijenti tagħhom l-aċċess għat-trażmissjonijiet tar-radju u ma għandhom l-ebda rwol indispensabbli f’dak li jirrigwarda dan l-aċċess. L-att tagħhom għandu għalhekk jitqies bħala sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet, peress li dawn il-faċilitajiet kienu diġà preżenti fil-vetturi bil-mutur sa mill-manifattura tagħhom. Għalhekk, il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur, billi taw l-awtorizzazzjoni tagħhom għat-trażmissjoni tax-xogħlijiet, jitqiesu li ħadu inkunsiderazzjoni wkoll lill-pubbliku li jibbenefika minn dawn ix-xogħlijiet permezz tas-settijiet tar-radju installati abbord vetturi bil-mutur, inklużi vetturi tal-kiri (46).

52.      Huwa minnu li, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stim u SAMI (47), jiena ma kontx ikkunsidrajt dan l-element bħala determinanti, peress li, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe intervent tal-impriżi ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur fil-komunikazzjoni tax-xogħlijiet bir-radju, qamet biss il-kwistjoni dwar min kien iwettaq il-provvista ta’ installazzjoni fiżika, kwistjoni li ma għandhiex importanza fid-drittijiet tal-awtur. Min-naħa l-oħra, dan l-element għandu importanza f’din il-kawża, billi jippermetti li tintwera d-differenza essenzjali li teżisti bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet inkwistjoni. Barra minn hekk, fis-sentenza fil-kawża Stim u SAMI, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx speċifikament din il-kwistjoni, billi ddeċidiet b’mod ġenerali li r-riċezzjoni tat-trażmissjoni permezz tas-settijiet tar-radju integrati fil-vetturi bil-mutur isir “mingħajr ebda intervent addizzjonali min-naħa tal-kumpannija tal-kiri” (48).

53.      Peress li ma għandhom ebda influwenza fuq l-installazzjoni tas-settijiet tar-radju abbord vetturi bil-mutur, il-kumpanniji ta’ kiri ta’ tali vetturi lanqas ma jaġixxu bi skop ta’ lukru, kuntrarjament għall-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri li jinstalla fih settijiet tat-televiżjoni (49). Issa, għalkemm in-natura lukrattiva tal-intervent tal-utent ikkonċernat ma hijiex, fiha nnifisha, determinanti għall-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni, hija tista’ tindika n-natura deliberata ta’ dan l-intervent.

54.      Barra minn hekk, is-soluzzjoni li nipproponi li tiġi adottata f’din il-kawża ma hijiex f’kunflitt mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jgħidu li l-installazzjoni ta’ tagħmir ta’ awdjo f’mezzi ta’ trasport pubbliku ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni fis-sens tad-drittijiet tal-awtur (50). Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dawk fil-kawżi li taw lok għas-sentenza fil-kawża Blue Air Aviation, it-trasportatur ma jqiegħedx is-sistema ta’ awdjo għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri, iżda jżomm huwa stess il-kontroll tal-użu tiegħu u tat-trażmissjoni eventwali, permezz ta’ din is-sistema, ta’ xogħlijiet protetti, trażmissjoni li, jekk isseħħ, tiġi għalhekk biss ikklassifikata bħala komunikazzjoni lill-pubbliku (51). Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, it-tagħmir li jippermetti r-riċezzjoni ta’ trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti, jiġifieri s-sett tat-televiżjoni b’antenna, jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku li jiddeċiedu liberament li jirċievu din it-trażmissjoni. Huwa għalhekk dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni li jikkostitwixxi, fih innifsu, l-att ta’ komunikazzjoni.

55.      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, is-soluzzjoni li nipproponi hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn hija tenfasizza n-newtralità teknoloġika li għandha tikkaratterizza l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni. Din in-newtralità diġà ġiet invokata fis-sentenza SGAE, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-distribuzzjoni tas-sinjal tat-televiżjoni permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku “tkun xi tkun it-teknika ta’ trażmissjoni tas-sinjal użata” (52). Il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika mbagħad issemma diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja (53).

56.      Issa, jekk l-element determinanti fil-kawża prinċipali huwa l-intervent deliberat tal-utent bl-għan li jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal trażmissjonijiet tat-televiżjoni, skont il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, għandu jkun irrilevanti li dan l-aċċess jingħatalhom permezz ta’ antenna ċentrali jew diversi antenni interni (54).

57.      Għalhekk, il-fatt, għall-operatur ta’ binja ta’ appartamenti, li jagħti lill-inkwilini l-aċċess għal trażmissjonijiet tat-televiżjoni permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni installati f’dawn l-appartamenti għandu jitqies bħala att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti li jinsabu f’dawn it-trażmissjonijiet. Għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet din il-komunikazzjoni hija indirizzata lil pubbliku ġdid, kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

 Fuq leżistenza ta’ pubbliku ġdid

58.      Infakkar li, fis-sentenza fil-kawża SGAE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm pubbliku kompost minn klijenti suċċessivi ta’ lukanda meħuda globalment (55). Barra minn hekk, dawn il-klijenti jitqiesu bħala li ma jistgħux igawdu mix-xogħlijiet imxandra mingħajr l-intervent tal-lukanda li tagħtihom aċċess għal dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, huma jifformaw pubbliku ġdid (56), li jiġġustifika li awtorizzazzjoni addizzjonali tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur tkun meħtieġa għal komunikazzjoni lill-pubbliku hekk imwettqa (57).

59.      L-istess raġunament jista’ jiġi segwit fir-rigward tal-operatur ta’ binja ta’ appartamenti li jagħti aċċess għat-trażmissjonijiet tat-televiżjoni lill-inkwilini ta’ dawn l-appartamenti, peress li dawn l-inkwilini jokkupaw l-appartamenti għal perijodi relattivament qosra u jsegwu lil wieħed wara l-ieħor malajr, l-istess bħall-klijenti ta’ lukanda. Tali inkwilini jistgħu għalhekk jitqiesu bħala persuni li, minkejja li jinsabu fiż-żona ta’ kopertura tat-trażmissjoni tat-televiżjoni, ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn din it-trażmissjoni mingħajr l-intervent tal-operatur tal-binja ta’ appartamenti li jagħtihom aċċess billi jinstalla f’dawn l-appartamenti settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni. Fil-prattika, l-istabbilimenti kkonċernati jkunu, b’mod partikolari, l-“appart-hotels” jew ukoll il-kirjiet ta’ turiżmu.

60.      Min-naħa l-oħra, l-inkwilini li jistabbilixxu fl-appartamenti mikrija r-residenza prinċipali tagħhom, jew anki sekondarja (58), għandhom jitqiesu bħala “dawk li għandhom apparati ta’ riċezzjoni” fis-sens tal-punt 41 tas-sentenza fil-kawża SGAE u, għalhekk, bħala membri tal-pubbliku li ttieħdu inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta dawn taw l-awtorizzazzjoni tagħhom għall-komunikazzjoni inizjali (f’dan il-każ it-trażmissjoni televiżiva terrestri). Dawn il-persuni għalhekk igawdu xogħlijiet protetti fiċ-ċirku privat jew familjari tagħhom u huwa irrilevanti li l-apparat ta’ riċezzjoni jkun ġie pprovdut lilhom mill-proprjetarju jew mill-operatur tal-appartament fil-kuntest tal-kiri tiegħu. Tali provvista għandha tiġi kklassifikata bħala sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet u ma tagħtix lok għal awtorizzazzjoni addizzjonali.

61.      Għalhekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pubbliku ġdid, il-qorti adita jkollha tagħmel konstatazzjonijiet fattwali dwar in-natura tal-kirja inkwistjoni. F’din il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward.

 Risposta għad-domanda preliminari

62.      Fil-qosor, għalkemm nammetti li, fil-kawża prinċipali, soluzzjoni li tikkonkludi li ma hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku minħabba l-assenza ta’ trażmissjoni stricto sensu ta’ xogħlijiet protetti tkun iġġustifikata abbażi ta’ approċċ purament tekniku, tali soluzzjoni ma jidhirlix li hija sodisfaċenti fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet sostantivi li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-loġika ta’ din il-ġurisprudenza teżiġi, fil-fehma tiegħi, li l-att inkwistjoni jiġi analizzat bħala intervent deliberat tal-utent ikkonċernat bl-għan li jingħata aċċess għal xogħlijiet protetti lill-persuni li ma jistgħux igawduhom mingħajr dan l-intervent u, għalhekk, bħala att ta’ komunikazzjoni. Dan l-att jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku meta l-persuni inkwistjoni jifformaw pubbliku ġdid.

63.      Għaldaqstant, nipproponi li jiġi deċiż li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm l-inkwilini ma jistabbilixxux ir-residenza prinċipali jew sekondarja tagħhom hemmhekk, l-installazzjoni mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri, f’dawn l-appartamenti, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni li jistgħu jirċievu trażmissjonijiet tat-televiżjoni tirrigwarda d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, stabbilit f’din id-dispożizzjoni.

 Konklużjoni

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sakemm l-inkwilini ma jistabbilixxux ir-residenza prinċipali jew sekondarja tagħhom hemmhekk, l-installazzjoni mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti għall-kiri, f’dawn l-appartamenti, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni li jistgħu jirċievu trażmissjonijiet tat-televiżjoni tirrigwarda d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, stabbilit f’din id-dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinal: il-Franċiż.


2      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI (C‑753/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Stim u SAMI”, EU:C:2020:268); tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503), u tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation (C‑775/21 u C‑826/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Blue Air Aviation”, EU:C:2023:307).


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


4      BGBl. 1965 I, p. 1273.


5      Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015 (I ZR 21/14) (BGH GRUR 2016, p. 697).


6      Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza fil-kawża Blue Air Aviation (punt 47).


7      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża Blue Air Aviation (punti 66 u 67).


8      Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt tal-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).


9      Sentenza fil-kawża Stim u SAMI (dispożittiv).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża Stim u SAMI (punt 32).


11      Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza fil-kawża Blue Air Aviation (punti 52 u 54).


12      Ara, reċentement, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 70).


13      Sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, iktar ’il quddiem is-“Sentenza fil-kawża SGAE”, EU:C:2006:764, punt 1 tad-dispożittiv). Din is-soluzzjoni ġiet ikkonfermata fid-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon (C‑136/09, mhux ippubblikat, EU:C:2010:151).


14      Għall-eżempji konkreti ta’ forom differenti ta’ atti ta’ komunikazzjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stim u SAMI (C‑753/18, EU:C:2020:4, punti 33 sa 37).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 79), u Blue Air Aviation (punt 68).


16      Sentenza fil-kawża Stim u SAMI, b’mod partikolari l-punti 4 u 35.


17      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punti 81 sa 86).


18      Sentenza fil-kawża Blue Air Aviation (punti 69 u 71).


19      Sentenza fil-kawża SGAE (punti 45 u 46).


20      Sentenzi fil-kawża Stim u SAMI (b’mod partikolari l-punt 38) u fil-kawża Blue Air Aviation (punt 72).


21      Skont id-definizzjoni mogħtija fil-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29.


22      Pereżempju, l-inklużjoni ta’ xogħol protett fuq paġna tal-internet tista’ tikkostitwixxi, jew le, komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dan ix-xogħol skont it-teknika użata – inserzjoni diretta jew “link profonda” lejn sit internet ieħor – minkejja li r-riżultat huwa l-istess mill-perspettiva tal-utent ta’ din il-paġna internet; ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634), u tad‑9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst (C‑392/19, EU:C:2021:181).


23      Fuq il-problema tal-eżistenza ta’ pubbliku, ara l-punti 58 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Sentenza fil-kawża SGAE (punt 1 tad-dispożittiv).


25      Sentenza fil-kawża SGAE (punt 45 u punt 46 ab initio).


26      Sentenza fil-kawża SGAE (punt 46 in fine).


27      Ara l-formulazzjoni tad-domandi preliminari fil-punt 23 tas-sentenza fil-kawża SGAE.


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża SGAE (punti 40 sa 42).


29      Ħaġa li stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 38 u 39 tas-sentenza fil-kawża SGAE.


30      Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Dan il-paradoss diġà ġie rrilevat fir-rigward tas-sentenza Königshof tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iċċitata fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara Lucas-Schloetter, A., “L’harmonisation européenne du droit d’auteur. L’exemple du droit de communication au public. La réception de la jurisprudence de la CJUE en Allemagne”, f’Favreau, A. (dir.), La propriété intellectuelle en dehors de ses frontières, Brussell, Larcier, 2019, p. 45.


32      Fis-sens, din id-darba, ta’ “opinjoni pubblika”.


33      Fil-fatt, antenna interna għandha tkun ukoll imqabbda mas-sett tat-televiżjoni permezz ta’ kejbil.


34      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012 (C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 3 tad-dispożittiv).


35      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 67).


36      Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011 (C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648).


37      Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal (C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punti 69 u 75).


38      Ara, essenzjalment, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Airfield u Canal Digitaal (C‑431/09 u C‑432/09, EU:C:2011:648, punti 82 u 83 u d-dispożittiv).


39      Sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023 (C‑290/21, EU:C:2023:424, punt 29).


40      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631); tal‑15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141); tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379), u s-sentenza fil-kawża Blue Air Aviation.


41      Ara, f’dan is-sens, reċentement, is-sentenza fil-kawża Blue Air Aviation (punt 53).


42      Sentenza fil-kawża Stim u SAMI (punti 33 sa 36).


43      Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Fi kwalunkwe każ, ċertament, sa mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29


46      Ara, f’dan is-sens, Mouron, Ph., “Autoradios et droit de communication au public”, Revue Lamy droit de l’immatériel : informatique, médias, communication, Nru 170, 2020, p. 24.


47      C‑753/18, EU:C:2020:4 (punt 42).


48      Sentenza fil-kawża Stim u SAMI (punt 34).


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża SGAE (punt 44).


50      Sentenza fil-kawża Blue Air Aviation (punt 2 tad-dispożittiv).


51      Sentenza fil-kawża Blue Air Aviation (punt 1 tad-dispożittiv).


52      Sentenza fil-kawża SGAE (punt 1 tad-dispożittiv).


53      Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2023, Ocilion IPTV Technologies (C‑426/21, EU:C:2023:564, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon (C‑136/09, mhux ippubblikat, EU:C:2010:151, punt 41).


55      Sentenza fil-kawża SGAE (punt 38).


56      Sentenza fil-kawża SGAE (punt 42).


57      Sentenza fil-kawża SGAE (punt 41).


58      Jiġifieri meta l-kiri jkollu natura esklużiva u fit-tul, anki jekk fil-fatt il-kerrej jokkupa l-appartament biss b’mod temporanju u provviżorju.