Language of document : ECLI:EU:T:2008:67

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Marzu 2008 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja – Provvista ta’ servizzi relatati ma’ l-iżvilupp u l-provvista ta’ servizzi ta’ sostenn għas-Servizz ta’ Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Komunitarju (CORDIS) – Rifjut ta’ l-offerta ta’ offerent – Prinċipji ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti u ta’ trasparenza”

Fil-kawża T‑345/03,

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), inizjalment irrappreżentata minn S. Pappas, imbagħad minn N. Korogiannakis, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. O’Reilly u L. Parpala, bħala aġenti,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għoti tal-kuntratt relatat mas-sejħa għal offerti ENTR/02/55 – CORDIS lot Nru 2, li tirrigwarda l-iżvilupp u l-provvista ta’ servizzi ta’ sostenn għas-Servizz ta’ Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Komunitarju (CORDIS),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZATAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u E. Cremona, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Sal-31 ta’ Diċembru 2002, l-għoti tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi tal-Kummissjoni kien irregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 (Artikoli 56 sa 64a) tat-Titolu IV tar-Regolament Finanzjarju, tal-21 ta’ Diċembru 1977, applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 2673/99, tat-13 ta’ Diċembru 1999 (ĠU L 326, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000 (iktar’il quddiem ir-“regolament finanzjarju”).

2        Skond l-Artikolu 56 tar-regolament finanzjarju:

“Fl-għoti tal-kuntratti li l-ammont tagħhom jilħaq jew jaqbeż il-limiti stabbiliti mid-Direttivi tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, kull istituzzjoni għandha tikkonforma ruħha ma’ l-istess obbligi bħal dawk li huma imposti fuq l-entitajiet ta’ l-Istati Membri bis-saħħa ta’ dawn id-direttivi.

Għal dan il-għan, il-metodi ta’ implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 139 jinkludu d-dispożizzjonijiet xierqa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 139 tar-regolament finanzjarju jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill u wara li tisma’ l-opinjoni ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra, il-metodi ta’ implementazzjoni tar-[...] regolament finanzjarju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 139 tar-regolament finanzjarju, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (Euratom, KEFA, KE) Nru 3418/93, tad-9 ta’ Diċembru 1993, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju (ĠU L 315, p. 1, iktar’il quddiem il-“metodi ta’ implementazzjoni”). L-Artikoli 97 sa 105 u 126 sa 129 tal-metodi ta’ implementazzjoni japplikaw għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi.

5        B’mod partikolari, l-Artikolu 126 tal-metodi ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“Id-Direttivi tal-Kunsill dwar il-kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi japplikaw għall-għoti tal-kuntratti mill-istituzzjonijiet fil-każijiet fejn l-ammont tal-kuntratti in kwistjoni jkun daqs jew iktar mil-limiti stabbiliti minn dawn id-direttivi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU L 209, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE, tat-13 ta’ Ottubru 1997, li temenda d-Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE u 93/37/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-servizz pubbliku, kuntratti ta’ provvisti pubbliċi u kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi rispettivament (ĠU L 328, p. 1) jipprovdi:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  CORDIS

7        Din il-kawża tirrigwarda s-sejħa għal offerti ġenerali ENTR/02/55 li tirrigwarda l-iżvilupp u l-provvista ta’ verżjoni ġdida tas-servizzi ta’ sostenn għas-Servizz ta’ Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Komunitarju (CORDIS) (iktar’il quddiem is-“sejħa għal offerti in kwistjoni”). CORDIS huwa servizz informatiku li jippermetti li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-programmi qafas ta’ riċerka Ewropej. Dan huwa s-servizz prinċipali ta’ pubblikazzjoni u ta’ komunikazzjoni għal parteċipanti potenzjali u attwali kif ukoll għal gruppi oħra li għandhom interess fi programm qafas ta’ riċerka Ewropew. Dan jikkonsisti f’sistema li sservi għal ħafna skopijiet u li tadatta ruħha għall-bżonnijiet ta’ l-utenti, f’portal offrut lir-riċerkaturi u lill-innovaturi Ewropej kif ukoll minn servizz ta’ xandir ta’ informazzjoni lill-pubbliku.

8        B’effett mill-1998, il-provvista tas-servizzi ta’ sostenn kollha għal CORDIS kienet żgurata minn kontraent wieħed biss, jiġifieri Intrasoft International SA (iktar’il quddiem il-“kontraent attwali”).

9        L-adozzjoni tas-sitt programm qafas tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (mill-2002 sa l-2006), permezz tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1513/2002/KE, tas-27 ta’ Ġunju 2002 (ĠU L 232, p. 1) hija l-bidu ta’ fażi ġdida fl-implementazzjoni tal-CORDIS. Għal din il-fażi l-ġdida, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika sejħa għal offerti u li taqsam il-proġett in kwistjoni f’din il-kawża f’ħames lottijiet.

II –  Is-sejħa għal offerti in kwistjoni, l-offerent magħżul u l-għoti tal-kuntratt ikkontestat

10      Fit-13 ta’ Frar 2002, l-avviż ta’ preinformazzjoni fir-rigward tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti in kwistjoni, ġie ppubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU S 31). Avviż ta’ preinformazzjoni ta’ rettifika ġie ppubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta’ Awwissu 2002 (ĠU S 152).

11      Fl-20 ta’ Novembru 2002, is-sejħa għal offerti għall-lottijiet Nri 1 sa 3 ġiet ippubblikata fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU S 225).

12      Il-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħa għal offerti in kwistjoni, bit-titolu “Informazzjoni Ġenerika” (iktar’il quddiem il-“Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi”) jipprovdi b’mod partikolari:

“Preambolu

Dan huwa l-[v]olum A, li fih l-informazzjoni ġenerika ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, applikabbli għall-[ħames] lottijiet.

Għall-partijiet speċifiċi, irreferi għal:

[…]

Lot 2 – Żvilupp

(żvilupp u manteniment ta’ l-istruttura teknika tas-servizzi kollha)

[…]

1.3. Data tal-bidu u tat-tul tal-kuntratt

Il-kuntratti għandhom jiġu ffirmati f’Ġunju 2003 u jibdew fl-1 ta’ Lulju 2003.

L-ewwel tliet xhur tal-kuntratti jikkostitwixxu l-‘fażi ta’ prova’.

Il-fażi ta’ prova tippermetti li l-kontraenti l-ġodda jiffamiljarizzaw ruħhom mas-servizz CORDIS. Il-kuntratt preċedenti jipprevedi ‘hand-over’. Għalhekk, il-kontraenti l-ġodda jkunu jistgħu jaċċedu għall-operazzjonijiet tas-servizz sabiex jippreparaw ruħhom biex jieħdu s-servizz f’idejhom, sa mhux iktar tard mill-perijodu ta’ prova.

Il-fażi ta’ prova mhijiex imħallsa.

Mhuwiex eskluż, bla ħsara għall-approvazzjoni mill-persuna responsabbli mill-proġett tal-Kummissjoni u bi ftehim mal-kontraent attwali, li s-servizz kollu jew xi partijiet minnhu jittieħdu anki matul il-fażi ta’ prova (għall ħlas tas-servizzi meħuda matul il-fażi ta’ prova : ara punt 1.7).

[…]

1.7. Metodi ta’ ħlas

Il-ħlas għal kull lot isir fit-terminu stabbilit mir-regoli interni tal-Kummissjoni dwar il-ħlasijiet, bil-mod segwenti:

[…]

fil-każ li l-kontraent il-ġdid jieħu f’idejħ xi partijiet mis-servizz jew is-servizz kollu matul il-fażi ta’ prova (ara 1.3), dan il-fornitur jibda jiġi mħallas b’effett mid-data ta’ meta jittieħdu effettivament partijiet mis-servizz; [...]

[…]

3.3 Evalwazzjoni ta’ l-offerti – Kriterji għall-għoti

Il-kuntratt ser jingħata lil dik l-offerta li jkollha l-iktar relazzjoni vantaġġuża bejn prezz u effettività. Għandhom jiġu applikati s-segwenti kriterji għall-għoti:

–        kriterji għall-għot kwalitattivi;

–        prezz.

Inizjalment, l-offerta magħżula għandha tiġi evalwata abbażi tal-kriterji għall-għoti kwalitattivi msemmija iktar’il quddiem u l-koeffiċjent peżat ta’ kull kriterju.


Kriterju

Kriterji għall-għoti kwalitattivi

koeffiċjent peżat

(numru massimu ta’ punti) għal-lottijiet Nri 1, 2, 4, 5

koeffiċjent peżat

(numru massimu ta’ punti) għal-lot Nru 3

1

Valur tekniku, konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u risposti għall-ispeċifikazzjonijiet; approċċ tekniku propost (funzjonalità sħiħa, rispett ta’l-eżiġenzi tekniċi, ad tat-teknoloġiji proposti)

35

[…]

2

Kwalità tal-metodoloġija proposta (metodi ta’ xogħol intiżi għall-effettività, il-kapaċità ta’ użu, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità; affidabbiltà / disponibbiltà / irkupru / manteniment tas-servizz; l-adozzjoni ta’ l-aħjar prattiċi)

25

[…]

3

Kreattività, livell ta’ innovazzjoni (valur ta’ l-idejat oriġinali dwar il-mod kif isiru innovazzjonijiet fis-servizz)

20

[…]

4

Kwalità ta’ l-iskeda proposti, ta’ l-amministrazzjoni tal-kuntratti u tal-kontroll (dispożizzjonijiet proposti għall-provvista fil-ħin tal-prodotti meħtieġa u sabiex jiġi assigurat ir-rispett ta’ l-għaniiet, tat-termini ta’ żmien u tal-kwalità)

20

[…]

5 […]

(għal-lot Nru 3 biss)

[…]

[…]

[…]

 

Total tal-punti

100

[…]


[…]

4. Speċifikazzjonijiet tekniċi

Sommarju

Jista’ jkun hemm sa ħames kontraenti indipendenti li jamministraw is-servizz CORDIS, bis-segwnti speċjalizzazzjonijiet:

[…]

Il-kontraent tal-lot Nru 2 għandhu jassigura l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura teknika użata mill-kontraenti tal-lottijiet l-oħra u tal-Kummissjoni, b’mod partikolari s-sistema komuni ta’ produzzjoni (CPS), is-sistema ta’ l-amministrazzjoni tal-kontenut fuq l-[Internet] (WCMS), is-sistema komuni ta’ produzzjoni (CPS), is-sistema ta’ xandir ta’ l-informazzjoni (IDS) flimkien mal-komponenti kollha tagħha (servers WWW, server FTP, BBS, server eMail, firewall, LAN, WAN, aċċess għall-broadband Internet, eċċ.). Il-kontraent tal-lot Nru 2 għandu wkoll jiżviluppa għodda u funzjonijiet ġodda, parti minnhom għal skopijiet ta’ sperimentazzjoni. Il-kontraent tal-lot Nru 2 għandu jipprovdi l-għarfien tekniku u s-software ta’ applikazzjoni tas-servizz, filwaqt li l-kontraenti ta’ kull lot l-ieħor – u l-Kummissjoni – għandhom jipprovdu l-partijiet kostituttivi bażiċi, jiġifieri l-materjal u s-sistemi ta’ software bħas-sistemi ta’ amministrazzjoni tad-databases, ir-router, eċċ.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Il-Volum B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħa għal offerti in kwistjoni, bit-titolu “Lot 2 – Kontenut” (iktar’il quddiem il-“Volum B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi”) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għal-lot Nru 2. B’mod partikolari, dan jipprovdi:

“6.2.1. Żvilupp tekniku u funzjonali ta’ l-arkitettura u tal-proċessi tas-sistema

[…]

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma intiż – abbażi ta’ l-istat ta’ CORDIS fix-xahar ta’ Ġunju 2002 u fil-futur qarib prevedibbli – sabiex jiddeskrivu għanijiet u eżiġenzi elementari li jirrigwardaw dak li huwa meħtieġ għat-tkomplija u l-iżvilupp ta’ CORDIS. F’dak li jirrigwarda l-kif, il preżenti speċifikazzjonijiet tekniċi jistabbilixxu biss eżiġenzi minimi. L-offerent/il-kontraent għandu jipprovdi informazzjoni kompleta fuq il-mod ta’ kif ser jirrispondi għal dawn l-eżiġenzi.

[…]

6.2.3.3. Indiċizzazzjoni, opinjonijiet speċifiċi u klassifikazzjoni

Il-kapaċità li jiġi ppreżentat il-kontenut bl-użu ta’ profili prestabbiliti sabiex jintlaħqu l-komunitajiet ta’ l-utenti mmirati. Tekniki ta’ metastruttura avvanzata u ta’ tagging għandhom jiġu applikati fuq oġġetti ta’ kontenut. Teżisti l-possibbiltà li jsir użu mill-prodotti disponibbli sabiex tiġi implementata, per eżempju, kostruzzjoni ta’ klassifikazzjoni, iżda dawn għandu jkollhom applikazzjoni fit-tul u jkunu kompatibbli (koerenti) ma’ l-arkitettura CORDIS.

[…]

6.8. Trasferiment lill-kontraent il-ġdid

Il-kontraent għandu jagħti lill-kontraent il-ġdid jew lill-Kummissjoni – meta din tistaqsi għalihom – l-elementi rilevanti kollha, bħal l-eżiġenzi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kreazzjoni, pjanijiet ta’ kompletazzjoni, source code, proċeduri, pjanijiet ta’ prova, pjanijiet ta’ migrazzjoni, riżultati, kif ukoll dokumentazzjoni kompleta taħt liema forma tkun (fuq il-karti u [f’verżjoni] elettronika). Bl-istess mod, il-liċenzji tal-prodott, li ġew akkwistati u/jew meħuda mill-kontraent(i) preċedent(i), jiġu ttrasferiti b’mod sistematiku lill-kontraent il-ġdid jew lill-Kummissjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet lill-offerenti potenzjali CD-ROM li kien fih informazzjoni dwar il-materjal informatiku u s-software li kien jintuża dak iż-żmien (iktar’il quddiem iċ-“CD 1”).

15      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-offerenti potenzjali CD-ROM ieħor li kien fih informazzjoni teknika addizzjonali (iktar’il quddiem iċ-“CD 2”).

16      Fl-aħħar ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni xtrat software, imsemmi “Autonomy”, li jikkonsisti f’għodda ta’ tiftix ta’ kliem li tippermetti li l-utenti aħħarija ta’ CORDIS ikunu jistgħu jagħmlu tiftix immirat fid-database ta’ CORDIS kif ukoll tiftix terminoloġiku multilingwi.

17      Fis-7 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni organizzat ġurnata ta’ informazzjoni għall-offerenti potenzjali kollha, kif kien previst fil-punt 1.6 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

18      Fil-5 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni ppubblikat, fuq sit Internet temporanju ddedikat speċifikament għas-sejħa għal offerti in kwistjoni, lista li kienet tiġbor fiha l-materjal informatiku u s-software kollu użat dak iż-żmien (iktar’il quddiem il-“lista bl-inventarju”).

19      Barra minn hekk, fit-18 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni ppubblikat, fuq is-sit imsemmi, dokument bit-titolu “Superquest – Implementation of Release 6 and beyond”. Dan id-dokument, tas-6 ta’ Frar 2003 bit-titolu “proġett”, kien imfassal mill-kontraent attwali. Dan id-dokument kien fih speċifikazzjonijiet tekniċi għall-implementazzjoni tas-software Autonomy kif ukoll ir-rakkomandazzjoni li jinxtara s-software imsemmi.

20      Fid-9 ta’ Marzu 2003, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, ir-rikorrenti, bi sħab ma’ kumpannija Belġjana, għamlet offerta fil-konfront tal-lot Nru 2 tal-proġett (iktar’il quddiem il-“kuntratt ikkontestat”).

21      Id-data ta’ l-għeluq sabiex jiġu ppreżentati l-offerti previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienet id-19 ta’ Marzu 2003.

22      Fis-26 ta’ Marzu u fl-1 ta’ April 2003, infetħu l-offerti.

23      Il-kumitat ta’ evalwazzjoni ltaqgħa diversi drabi bejn is-27 ta’ Marzu u d-19 ta’ Ġunju 2003.

24      Fid-19 ta’ Ġunju 2003, il-kumitat ta’ evalwazzjoni fassal rapport li fir-rigward ta’ l-offerta tar-rikorrenti kien, b’mod partikolari, jinkludi s-segwenti osservazzjonijiet:


Kriterji


Osservazzjonijiet


Punti

Valur tekniku, konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi […]

Pjattaforma teknika proposta bbażata fuq J2EE (bħala riżultat ta’ FP6, eEurope, eċċ.), sovrapposta fuq l-NCA iżda mhux preċiża ħafna dwar il-metodi ta’ raffinar u ta’ manteniment ta’ l-NCA. Ġustifikazzjoni ġenerali tajba ta’ J2EE u tal-vantaġġi konnessi.

Proposti WCMS li jiddependu fuq l-għażla tal-KE; tassumi l-funzjonijiet eżerċitati mill-WCMS magħżul.

Ir-riċerka, eċċ., il-każijiet ta’ funzjonalità bbażati fuq [is-software] Autonomy, huma ġeneralment deskrittivi u jinkludu elementi kkupjati mill-kundizzjonijiet ta’ l-utenti ta’ xandir 6 CORDIS li setgħu ġew ipprovduti mis-sit [Internet tas-]sejħa għal offerti 2002.

[…]

[…]


B’mod ġenerali, l-għarfien ta’ l-eżiġenzi u tat-teknoloġija neċessarja hija sodisfaċenti u tiġġustifika l-marki għolja. Madankollu, hemm ħafna dettalji inutli u elementi li jissemmew darbtejn kif ukoll proposti konkreti neqsin. Hemm ħafna termini bħal ‘jiġu previsti’ u ‘soluzzjonijiet jiġu pprovduti’ li huma neqsin mis-sustanza.

21.6/35

Kwalità tal-metodoloġija proposta […]

[…]

[…]

[…]

Deskrizzjoni tajba iżda ġenerika tat-tipi ta’ kreazzjoni u ta’ użu mill-ġdid tas-software.

[…]

[…]

14.8/25

Kreattività, grad ta’ innovazzjoni […]

[…]

[…]

[…]

12.8/20

Kwalità ta’ l-iskeda proposta, ta’ l-amministrazzjoni tal-kuntratti u tal-kontroll […]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

12,8/20




25      Fl-aħħar, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ppropona li tiġi aċċettata l-offerta tal-kumpannija Belġjana Trasys għall-kuntratt ikkontestat. Dan ibbaża ruħu fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni kwalitattiva u finanzjarja tar-rikorrenti u ta’ Trasys, li huma mqassma kif ġej:

Isem

Kriterji kwalitattivi ta’ għoti/Punti

 

Nru 1(35)

Nru 2(25)

Nru 3(20)

Nru 4(20)

Total (100)

Rikorrenti

21.6

14.8

12.8

12.8

62.0

Trasys

25.6

16.2

14.0

13.8

69.6


Isem

Prezz totali (EUR)

Punti kwalità

Rapport kwalità/prezz

Rikorrenti

6 095 001.16

62.0

10.17

Trasys

5 543 392.07

69.6

12.56


26      Fis-16 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ddeċidiet li taċċetta l-proposta tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u li tagħti l-kuntratt ikkontestat lil Trasys (iktar’il quddiem l-“offerent magħżul”). Fl-offerta tagħha, din kienet indikat li perċentwali varjabbli ta’ mill-inqas 35 %, li tiddependi fuq kif jiżviluppaw ix-xogħlijiet tal-kuntratt ikkontestat, kienet ser tkun subappaltata lill-kontraent attwali.

27      Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha ma kinitx ġiet aċċettata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Settembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

29      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis l-offerta tagħha bħala mhux sodisfaċjenti;

–        tordna li l-Kummissjoni terġa tevalwa l-offerta tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30      Il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

31      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-16 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti talbet sabiex tkun tista’ tirrispondi bil-miktub għall-kontroreplika.

32      Fis-26 ta’ Ottubru 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li ma tilqax din it-talba.

33      Wara r-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, talbet lill-partijiet, permezz ta’ ittri ta’ l-20 ta’ Ġunju 2006, sabiex jirrispondu għal xi domandi addizzjonali bil-miktub.

34      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Ġunju 2006, il-partijiet irrispondew għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

35      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006.

36      B’ittra ta’ l-24 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ppreżentat spjegazzjonijiet addizzjonali għat-trattazzjoni tagħha.

37      Fl-14 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li terġa tiftaħ il-proċedura orali.

38      B’ittri tal-15 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta bil-miktub kalkolu li hija kienet għamlet waqt is-seduta u sabiex tispjega kull stadju tiegħu.

39      Ir-rikorrenti irrispondiet għal din it-talba b’ittra ppreżentata fis-26 ta’ Settembru 2006.

40      B’ittra ppreżentata fit-22 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni ressqet l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-risposta bil-miktub imsemmija iktar’il fuq.

41      Fis-6 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura orali.

 Id-dritt

I –  Fuq il-portata tar-rikors għall-annullament

42      Permezz ta’ l-ewwel kap tat-talbiet fir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis l-offerta tagħha bħala mhux sodisfaċjenti. Permezz tat-tieni kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob li l-Kummissjoni tiġi ordnata terġa tevalwa l-offerta tagħha.

43      Fir-rigward ta’ l-ewwel kap tat-talbiet, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma ddeċidietx li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx sodisfaċjenti.

44      Barra minn hekk, meta fuq il-kopja tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt ikkontestat, li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bħala anness mar-rikors, kitbet il-kliem “id-deċiżjoni kkontestata”, ir-rikorrenti stess indikat li hija kienet tqis l-att imsemmi bħala s-suġġett tat-talba tagħha għall-annullament.

45      Konsegwentement, l-ewwel kap tat-talbiet huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt ikkontestat lil offerent differenti mir-rikorrenti, li l-offerta tiegħu ġiet meqjusa li kienet aħjar (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

46      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-qorti Komunitarja mhijiex kompetenti, fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita, li toħroġ ordnijiet kontra l-istituzzjonijiet, iżda hija l-amministrazzjoni kkonċernata li għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 200, u tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 53).

47      Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli safejn dan huwa intiż għall-ħruġ ta’ ordnijiet kontra l-Kummissjoni.

II –  Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Motivi invokati

48      In sostenn tar-rikors għall-annullament tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, li huma maqsuma f’diversi partijiet.

49      Permezz ta’ l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli, minn naħa, tikkomunika l-elementi ta’ informazzjoni mitluba mir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, li timmotiva l-atti tagħha. L-ewwel nett, b’mod partikolari, hija tqis li l-Kummissjoni wieġbet għal talba għal iktar informazzjoni magħmula matul il-proċedura tas-sejħa għal offerti biss wara d-data ta’ l-egħluq stabbilita għat-tfiegħ ta’ l-offerti. It-tieni nett, hija tqis li l-Kummissjoni ma tagħthiex siltiet kompleti minn allegata rakkomandazzjoni favorevoli ppreżentata fil-kumitat konsultattiv ta’ l-attribuzzjoni ta’ sejħiet għal offerti u ta’ kuntratti f’dak li jirrigwarda l-offerta tagħha u dik ta’ l-offerent magħżul. It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma tagħthiex informazzjoni dwar l-ismijiet tas-subappaltaturi ta’ l-offerent magħżul. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li kumitat supplimentari, li ma kienx imsemmi fil-metodi ta’ implementazzjoni, ħa sehem fl-evalwazzjoni ta’ l-offerti. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti, stabbilit fl-Artikolu 126 tal-metodi ta’ implementazzjoni u fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50, l-ewwel nett, billi eżiġiet, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas, u, it-tieni nett, peress li ma pprovdietx lill-offerenti potenzjali kollha diversi informazzjonijiet tekniċi rilevanti sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wetqet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni ta’ l-offerta tagħha kif ukoll f’dik ta’ l-offerta ta’ l-offerent magħżul. Fl-aħħar, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx regoli ta’ evalwazzjoni ċari u oġġettivi għas-sejħa għal offerti in kwistjoni.

50      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis bħala xieraq li qabel kollox jiġi evalwat it-tieni motiv, safejn ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti

51      It-tieni motiv huwa bbażat, minn naħa, fuq il-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova ta’ tliet xhur mingħajr ħlas, u, min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqas ta’ aċess għal ċerta informazzjoni teknika.

1.     Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar il-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova ta’ tliet xhur mingħajr ħlas

a)     L-argumenti tal-partijiet

52      Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kisret il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni bejn l-offerenti, kif inhi rrikonoxxuta minn prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja u stabbilita fl-Artikolu 56 tar-regolament finanzjarju u fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50. Hija ssostni li l-ħtieġa ta’ perijodu ta’ prova mingħajr ħlas timponi diffikoltà finanzjarja lill-offerenti eventwali kollha, bl-eċċezzjoni tal-kontraent attwali, li jibbenifika minn vantaġġ ekwivalenti, għalhiex huwa biss ma jkollux il-bżonn li jintegra, fl-offerta finanzjarja tiegħu, il-prezz relatat ma’ tliet xhur ta’ attività ta’ prova mingħajr ħlas.

53      Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-kontraent attwali jifforma “konsorzju” ma’ l-offerent magħżul, li ġie magħżul għall-kuntratt ikkontestat minħabba l-offerta finanzjarja iżgħar tiegħu, ippermetta lill-offerent magħżul li jibbenifika minn vantaġġ finanzjarju li jmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti.

54      Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-offerta tagħha kienet tikseb klassifika aħjar li kieku r-rapport kwalità-prezz tagħha kien ikkalkolat bit-tneħħija tal-prezzijiet relatati mal-fażi ta’ prova. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-prezzijiet tal-fażi ta’ prova għandhom jitnaqqsu mill-prezz ta’ l-offerta tagħha.

55      Fl-aħħar, ir-rikorrenti tikkontesta l-ħames paragrafu tal-punt 1.3 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Hija tqis li dan il-paragrafu jagħti lill-kontraent attwali l-possibbiltà li jirrifjuta t-teħid tas-servizzi mill-kontraent il-ġdid qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova ta’ tliet xhur.

56      Qabel kollox, il-konvenuta tenfasizza li l-offerent magħżul mhuwiex l-istess bħall-kontraent attwali. L-offerent magħżul għamel sempliċi subappalt mal-kontraent attwali u għaldaqstant, huwa kontraent ġdid għall-kuntratt ikkontestat.

57      Wara dan, il-konvenuta tqis li l-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas minnha nnifisha ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti. Huwa evidenti li, għat-teħid ta’ kuntratt ta’ firxa tali bħal dak li huwa s-suġġett tal-kuntratt ikkontestat, ma setax ikun mistenni li l-kontraent il-ġdid ikun jista’ jibda jopera sa mill-ewwel jum. Peress li l-fażi ta’ prova tkun fażi ta’ inizjazzjoni għal kull wieħed mill-kontraenti l-ġodda, din ma tkunx imħallsa.

58      Konsegwentement, il-konvenuta tiċħad l-argument li jgħid li l-offerent magħżul ħa benefiċċju mhux mistħoqq minn xi vantaġġi finanzjarji.

59      Fir-rigward ta’ l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li t-teħid tas-servizzi matul il-fażi ta’ prova jiddependi mill-volontà tal-kontraent attwali, il-konvenuta tgħid li l-kuntratt preċedenti konkluż mal-kontraent attwali kien jistabbilixxi l-obbligu li jiġi ppreparat, fi żmien utli, it-teħid tas-servizzi mill-kontraent il-ġdid. Barra minn hekk, il-kontraent attwali kien marbut li jikkoopera b’mod sħiħ mal-kontraent il-ġdid.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 i) Osservazzjonijiet preliminari

60      Hekk kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et., 117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 7, u tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28).

61      Fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti għandu importanza partikolari. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità kontraenti hija marbuta li tirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, Ġabra p. I‑9233, punt 37, u tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT, C‑315/01, Ġabra p. I‑6351, punt 73).

62      L-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar’il fuq.

 ii) Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti


 1. Informazzjoni ġenerika

63      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisru l-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba l-ħtieġa, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas.

64      Skond ir-rikorrenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et. vs Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Kummissjoni kisret l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet ta’ l-offerenti kollha.

 2. Fuq il-karattru diskriminatorju tal-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas


 Informazzjoni ġenerika

65      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti kif stabbilit mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 u mill-Artikolu 126 tal-metodi ta’ implementazzjoni.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas hija, skond il-punt 1.7 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, applikabbli mingħajr distinzjoni għal kull offerta.

67      Konsegwentement, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ħtieġa, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas hijiex, minnha nnifisha, diskriminatorja.

 Fuq il-vantaġġ intrinsiku fil-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas għall-kontraent attwali u għal offerent marbut miegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ subappalt

68      Għandu jiġi osservat li l-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova li tippermetti lill-kontraent il-ġdid li jiffamiljarizza ruħu mal-verżjoni l-antika ta’ teknoloġija li huwa inkarigat li jibdel hija intiża għaż-żamma ta’ livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi pprovduti matul din il-fażi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din hija fażi li matulha, minn naħa, il-provvista tas-servizzi in kwistjoni għadha qed tiġi mħallsa abbażi ta’ kuntratt konkluż mal-kontraent attwali u, min-naħa l-oħra, il-kontraent il-ġdid ikun għadu mhux f’pożizzjoni li jiggarantixxi b’mod sħiħ il-kwalità tas-servizzi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-verżjoni l-ġdida tat-teknoloġija. Għaldaqstant, il-fażi ta’ prova hija intiża fl-interess tal-kontraent il-ġdid stess, għaliex din tippermettilu li jidra, b’mod sħiħ u fi żmien qasir, teknoloġija li fuqha huwa ser ikollu jaħdem, filwaqt li jkun għadu jista jipprovdi biss servizzi limitati. Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-fatt li tali fażi ta’ prova mhijiex imħallsa mhuwiex, minnhu nnifsu, diskriminatorju.

69      Madankollu, skond ir-rikorrenti, f’dan il-każ, hija s-sitwazzjoni speċifika li jinsab fiha l-kontraent attwali, wara l-pubblikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jipprevedu fażi ta’ prova mingħajr ħlas, jiġifieri l-fatt li huwa previst li dan ikun subappaltatur ta’ waħda mill-impriżi offerenti għall-kuntratt ikkontestat, li jagħmel din il-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova diskriminatorja.

70      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-vantaġġ li l-kontraent attwali jieħu mill-fażi ta’ prova mhuwiex il-konsegwenza ta’ xi aġir ta’ l-awtorità kontraenti. Fil-fatt, ħlief bl-esklużjoni sistematika ta’ tali kontraent minn kull sejħa għal offerti ġdida, jew il-projbizzjoni milli jiġi subappaltat lilu parti mill-kuntratt, il-vantaġġ li jibbenifika minnu l-kontraent attwali jew l-offerent marbut miegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ subappalt, huwa fir-realtà inevitabbli, peress li dan huwa intrinsiku għal kull sitwazzjoni li fiha awtorità kontraenti tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt li jkun ġie eżegwit, sa dak iż-żmien, minn kontraent wieħed biss. Din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi tip ta’ “vantaġġ de facto intrinsiku”.

71      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm id-Direttiva 92/50, kif ukoll id-direttivi l-oħra li jirrigwardaw l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ma tiġix ammessa l-preżentazzjoni ta’ offerta għal kuntratt ta’ xogħolijiet pubbliċi, provvisti pubbliċi jew servizzi pubbliċi minn offerent li jkun diġà ġie inkarigat mir-riċerka, mill-esperimentazzjoni, mill-istudju jew mill-iżvilupp ta’ dawn ix-xogħolijiet, dawn il-provvisti jew dawn is-servizzi, mingħajr ma dan l-offerent jingħata l-possibbilità li jipprova li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-esperjenza li kiseb ma setgħetx toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom, C‑21/03 u C‑34/03, Ġabra p. I‑1559, punt 36).

72      Peress li, skond is-sentenza msemmija, lanqas l-għarfien straordinarju akkwistat minn offerent permezz ta’ xogħolijiet direttament marbuta mal-preparazzjoni tal-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni mill-awtorità kontraenti stess ma jista’ jwassal għall-esklużjoni awtomatika tiegħu mill-proċedura msemmija, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tiegħu għandha tkun ħafna inqas eskluża meta dan l-għarfien straordinarju huwa marbuta biss mal-fatt tal-parteċipazzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtorità kontraenti, fil-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti.

 Fuq il-kwistjoni tat-tneħħija tal-vantaġġ intrinsiku għall-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas

73      Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 71 iktar’il fuq jirriżulta wkoll li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti ma jeħtieġx li l-awtorità kontraenti tkun imġiegħla tneħħi b’mod assolut il-vantaġġi kollha li jibbenifika minnhom offerent li l-kontraent attwali jkun is-subappaltatur tiegħu.

74      Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ kull vantaġġ li kontraent attwali jew offerent marbut miegħu jkollu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ subappalt twassal, barra minn hekk, għal konsegwenzi li jmorru kontra l-interess tas-servizz ta’ l-istituzzjoni kontraenti peress li tali tneħħija tinvolvi sforzi żejda u għoljin.

75      Madankollu, f’dan il-kuntest partikolari, ir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jeħtieġ l-ibbilanċjar ta’ l-interessi involuti.

76      Għaldaqstant, sabiex jiġi ppreżervat bl-iktar mod possibbli l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti u jiġu evitati konsegwenzi li jmorru kontra l-interess tas-servizz ta’ l-istituzzjoni kontraenti, it-tneħħija tal-vantaġġi li jista’ jkollu l-kontraent attwali jew l-offerent marbut miegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ subappalt xorta waħda għandha ssir, iżda biss safejn din it-tneħħija tkun teknikament faċli li ssir, meta tkun ekonomikament aċċettabbli u meta ma tiksirx id-drittijiet tal-kontraent attwali jew ta’ l-imsemmi offerent.

77      Fir-rigward ta’ l-ibbilanċjar ta’ l-interessi in kwistjoni mill-lat ekonomiku, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 (Artikoli 56 sa 64a) tat-Titolu IV tar-regolament finanzjarju. L-Artikolu 2 tar-regolament finanzjarju, li jifforma parti minn dawk li jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali fir-regolament imsemmi jipprovdi li “[i]l-krediti baġitarji għandhom jintużaw b’mod konformi ma’ prinċipji ta’ ekonomija u ta’ tmexxija finanzjarja tajba” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 248(2) KE, it-tmexxija finanzjarja tajba tikkostitwixxi regola ġenerali ta’ l-organizzazzjoni Komunitarja rrikonoxxuta mit-Trattat, li l-Qorti ta’ l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej tassigura r-rispett tagħha.

78      Hekk kif jirriżulta mill-punt 68 iktar’il fuq, f’dan il-każ, mhux biss il-provvista tas-servizzi in kwistjoni matul il-fażi ta’ prova għadha qed titħallas abbażi tal-kuntratt konkluż mal-kontraent attwali, iżda f’dan l-istadju, il-kontraent il-ġdid għadu ma jinsabx f’pożizzjoni li jiggarantixxi b’mod sħiħ il-kwalità tas-servizzi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-verżjoni l-ġdida ta’ CORDIS. Barra minn hekk, il-fażi ta’ prova mhux biss tippermetti li tiġi ggarantita r-realizzazzjoni ottimali ta’ l-għanijiet ta’ kwalità stabbiliti mis-sejħa għal offerti, iżda wkoll li tiġi offruta lill-kontraent il-ġdid stess il-possibbiltà li jibbenifika minn perijodu ta’ inizjazzjoni.

79      Għaldaqstant, peress li, minn naħa, id-drittijiet tal-kontraent attwali mhumiex miksura, u peress li, min-naħa l-oħra, il-ħlas doppju tal-fażi ta’ prova jmur kontra wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-liġi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi intiż, b’mod partikolari, sabiex jiffaċilita l-akkwist ta’ servizz meħtieġ bl-iktar mod ekonomiku possibbli, ir-rinunzja għall-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas għall-unika raġuni li wieħed mill-offerenti potenzjali jkun eventwalment marbut mal-kontraent attwali fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ subappalt, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt in kwistjoni, tkun eċċessiva.

80      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-vantaġġ potenzjali ta’ offerent marbut mal-kontraent attwali fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ subappalt, ma jeħtieġx li, sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti, l-awtorità kontraenti għandha tirrinunzja għall-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

 3. Fuq il-possibbiltà li jiġi rrifjutat it-teħid tas-servizzi mill-kontraent il-ġdid qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova ta’ tliet xhur

81      Fir-rigward ta’ l-allegata possibbiltà li jiġi rrifjutat it-teħid tas-servizzi mill-kontraent il-ġdid qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova ta’ tliet xhur, għandu jiġi mfakkar li, skond il-punt 1.3 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, “[m]huwiex eskluż, bla ħsara għall-approvazzjoni mill-persuna responsabbli mill-proġett tal-Kummissjoni u bi ftehim mal-kontraent attwali, li s-servizz kollu jew xi partijiet minnhu jittieħdu anki matul il-fażi ta’ prova”. Barra minn hekk, skond il-punt 1.7 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, “fil-każ li l-kontraent il-ġdid jieħu f’idejħ xi partijiet mis-servizz jew is-servizz kollu matul il-fażi ta’ prova (ara 1.3), dan il-fornitur jibda jiġi mħallas b’effett mid-data ta’ meta jittieħdu effettivament partijiet mis-servizz”.

82      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li s-silta “bla ħsara […] bi ftehim mal-kontraent attwali” għandha tinftiehem fid-dawl tal-kundizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċess ta’ teħid tas-servizzi ta’ sostenn għal CORDIS u b’mod partikolari tal-kuntratt preċedenti konkluż bejn il-Kummissjoni u l-kontraent attwali.

83      F’dak li jirrigwarda l-proċess ta’ teħid tas-servizzi ta’ sostenn għal CORDIS minn kontraent ġdid, jirriżulta mill-punt 3.2.1.2 ta’ l-Anness II tal-kuntratt preċedenti, kif emendat mill-addendum Nru 2, li l-kontraent attwali kien obbligat li jipprepara u li jikkontribwixxi għat-teħid komplet, fil-ħin u mingħajr problemi, mill-kontraenti suċċessivi kif ukoll li jikkoopera b’mod sħiħ mal-kontraent suċċessiv sabiex jassigura kontinwità fil-livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi ta’ sostenn għal CORDIS, matul il-fażi tat-teħid tas-servizz.

84      Għaldaqstant, sabiex ma jiksirx l-obbligi kuntrattwali tiegħu, il-kontraent attwali kellu, jekk ikun il-każ, l-obbligu li jikkonforma ruħu ma’ l-eżiġenzi ta’ eventwali taqsir tal-fażi ta’ prova ta’ tliet xhur minħabba l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni attiva.

85      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma rnexxiliex tipprova kif, mil-lat ekonomiku, il-kontraent attwali kellu interess li jostakola t-teħid antiċipat tas-servizzi ta’ sostenn għal CORDIS min-naħa ta’ kontraent ġdid, fid-dawl tal-fatt li f’kull każ, il-kontraent attwali ma kienx jitlef id-dritt tiegħu li jitħallas sakemm jispiċċa l-kuntratt tiegħu stess.

86      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-ħames paragrafu tal-punt 1.3 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ma jippermettix lill-kontraent attwali li jirrifjuta t-teħid tas-servizzi ta’ sostenn għal CORDIS mill-kontraent il-ġdid qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova ta’ tliet xhur.

87      Konsegwentement, l-argument imressaq mir-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

88      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar in-nuqqas li diversi informazzjonijiet tekniċi rilevanti jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-offerenti potenzjali kollha sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

89      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli naqset milli tpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ l-offerenti potenzjali kollha żewġ kategoriji ta’ informazzjoni tekniċi rilevanti, jiġifieri, minn naħa, l-informazzjoni dwar ix-xiri tas-software Autonomy mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u s-source code ta’ CORDIS.

a)     L-argumenti tal-partijiet

 i) Fuq l-aċċess għall-informazzjoni li tirrigwarda s-software Autonomy

90      Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma kkomunikatx l-informazzjoni relatata mas-software Autonomy fi żmien utli lill-eventwali offerenti kollha.

91      L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-dokumenti tekniċi ġenerali impoġġija għad-dispożizzjoni ta’ l-offerenti eventwali ma jagħmlu l-ebda riferenza għall-fatt li, bix-xiri tas-software Autonomy, kienet fil-fatt diġà nstabet soluzzjoni għal diversi problemi tekniċi li kienu jeżistu f’CORDIS.

92      Ir-rikorrenti hija tal-fehma li s-software Autonomy huwa “wieħed mill-pedamenti” ta’ CORDIS. Hija ssostni li dan huwa sistema operattiva intelliġenti li tippermetti li jiġu awtomatizzati l-operazzjonijiet għal kull forma ta’ informazzjoni użata llum fil-ġestjoni tal-komunikazzjonijiet u tal-kummerċ. It-teknoloġija prinċipali tiegħu tistabbilixxi pjattaforma ta’ klassifikazzjoni awtomatika, ta’ rabtiet hypertext, ta’ rkupru u ta’ amministrazzjoni ta’ profili ta’ l-informazzjoni mhux strutturata, u dan jippermetti li jiġu awtomatikament ikkonsenjati kwantitajiet kbar ta’ informazzjoni personalizzata.

93      Fir-rigward tal-lot Nru 1, ir-rikorrenti tispjega li dan jirrigwarda l-ġbir u l-preparazzjoni ta’ l-informazzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar servizzi intiżi għall-utenti aħħarija. Għalhekk, offerta għal-lot Nru 1 tista’ tinkludi, per eżempju, il-konstatazzjoni tal-bżonn ta’ software ta’ riċerka supplimentari li, abbażi ta’ riċerka personali, jiddistingwi bejn xi tipi ta’ informazzjoni li jinsabu f’CORDIS, bħall-espressjoni Ingliża “the bank” li fl-istess ħin tfisser “il-bank” u “ix-xatt”. Fir-rigward tal-kuntratt ikkontestat, dan huwa intiż sabiex jinstabu soluzzjonijiet f’dan ir-rigward.

94      Minn dan, ir-rikorrenti tikkonkludi li n-nuqqas ta’ informazzjoni f’dak li jirrigwarda x-xiri tas-software Autonomy fil-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti obbligaha sabiex tbiddel l-arkitettura teknika kollha tagħha u sabiex tirrevedi l-persunal tat-team tagħha, peress li l-introduzzjoni tas-software Autonomy kienet teffettwa diversi funzjonijiet oħra.

95      Min-naħa l-oħra, l-offerent magħżul, sostnut mis-subappaltatur futur tiegħu li kien il-kontraent attwali, seta juża r-riżorsi kollha tiegħu għat-tfassil ta’ l-aħjar offerta teknika possibbli billi juża din l-informazzjoni privileġġjata.

96      Ir-rikorrenti tikkontesta d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jgħidu li din kienet lesta li taċċetta l-użu ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni aħjar minn dik tas-software Autonomy. Skond ir-rikorrenti, tali approċċ huwa kontradittorju għaliex dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn l-offerent magħżul għal-lot Nru 1 jibbaża l-offerta tiegħu fuq l-użu tas-software Autonomy u l-offerent magħżul għall-kuntratt ikkontestat jipproponi soluzzjoni bbażata fuq għodda ta’ klassifikazzjoni differenti. Barra minn hekk, mhuwiex probabbli li l-Kummissjoni, wara li tkun ħallset xi mijiet ta’ eluf ta’ Euros għas-software Autonomy, tieħu r-riskju li s-sejħa għal offerti in kwistjoni tkun tista twassal għall-għażla ta’ għodda differenti minn dan is-software.

97      Essenzjalment, il-konvenuta taqbel mad-deskrizzjoni mogħtija mir-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-funzjonalità tas-software Autonomy kif ukoll ma’ l-iskop tal-lot Nru 1 u dak tal-kuntratt ikkontestat.

98      Madankollu, il-konvenuta tikkontesta l-fatt li l-akkwist minnha tas-software Autonomy ġiegħel lill-offerenti jirrevedu l-arkitettura tas-sistema ta’ CORDIS, peress li din l-għodda ta’ klassifikazzjoni sistematika ma tiffurmax parti minn din l-arkitettura.

99      Il-konvenuta tqis li l-akkwist tas-software Autonomy ma wassalx għal bdil ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Hija tenfasizza li hija kienet lesta li tisma’ kull proposta li tirrigwarda l-akkwist ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni aħjar minn dik tas-software Autonomy u kull idea ġdida oħra. Filwaqt li tirreferi, fost l-oħrajn, għall-punt 6.2.3.3 tal-Volum B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, bit-titolu “Indiċizzazzjoni, opinjonijiet speċifiċi u klassifikazzjoni”, il-Kummissjoni tispjega li l-offerenti għall-kuntratt ikkontestat kellhom biss jippreżentaw soluzzjonijiet li jippermettu l-eżekuzzjoni ta’ riċerki kumplessi f’CORDIS. Peress li s-software Autonomy kien jinsab fis-suq, ir-rikorrenti setgħet tinkludi, fl-offerta tagħha, is-suġġeriment li jintuża dan is-software kif ukoll l-għodda l-oħra kollha ta’ dan it-tip. Kien b’dan il-mod li l-offerent li ġie kklassifikat fit-tieni post waqt l-għoti tal-kuntratt ippropona offerta ta’ kwalità tajba ħafna billi ppropona sistema oħra, li kienet “innovattiva” f’dak li jirrigwarda l-indiċizzazzjoni u l-klassifikazzjoni.

100    Waqt is-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-konvenuta ppreċiżat li hija kienet xandret, fuq is-sit Internet speċjalment iddedikat għas-sejħa għal offerti in kwistjoni, informazzjoni relatata mas-software Autonomy bħala reazzjoni għal talba ta’ l-offerenti f’dan ir-rigward, u dan, bl-uniku skop li tiggarantixxi t-trasparenza.

 ii) Fuq l-aċċess għad-dokumentazzjoni li tirrigwarda l-arkitettura teknika u s-source code ta’ CORDIS

101    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti peress li l-offerent magħżul ibbenifika minn aċċess esklussiv għal xi informazzjoni teknika u setgħa għalhekk jippreżenta offerta ħafna iktar kompetittiva minn dik ta’ l-offerenti l-oħra kollha li kienu obbligati li jippreżentaw offerta finanzjarja ta’ ammont għola.

102    Ir-rikorrenti tippreċiża li l-kontraent attwali kellu aċċess esklussiv għall-informazzjoni teknika relatata ma’ l-istat effettiv tal-proġett u, b’mod partikolari, mas-source code ta’ CORDIS. Ir-rikorrenti tosserva li l-ebda element ta’ informazzjoni teknika rilevanti u aġġornat ma ġie kkomunikat lill-offerenti l-oħra, minkejja l-fatt li din l-informazzjoni kienet disponibbli. L-unika informazzjoni utli kkomunikata lill-offerenti potenzjali kien dokument li jiddeskrivi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ħolqien tal-programm eżitenti u li kien effettivament użat mill-Kummissjoni fiż-żmien meta saret is-sejħa għal offerti in kwistjoni, kif ukoll is-source code, dettaljat u dokumentat tajjeb, tal-programm.

103    Fir-rigward taċ-CD 1 u ċ-CD 2 u l-lista bl-inventarju pprovduta lill-offerenti potenzjali, ir-rikorrenti ssostni li dawn l-informazzjonijiet tekniċi li ġew ikkomunikati kienu jirrigwardaw biss il-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS. L-informazzjoni msemmija kienet tkopri biss il-perijodu sax-xahar ta’ Mejju 2002 u kienet essenzjalment tiġbor fiha statistiċi mħallta kif ukoll data estremament limitati u ta’ kwalità medjokri ħafna u, għaldaqstant, ta’ natura skaduta, obsoleta u ta’ valur limitat. Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, ir-rikorrenti qajmet il-fatt li, fuq iċ-CD 2 il-paġni li kien fihom iż-żewġ stampi tal-ħolqien ta’ l-arkitettura ta’ CORDIS, jiġifieri “l-arkitettura bi tliet livelli” u “l-arkitettura tas-server ta’ programmi għall-Internet” kienu neqsin.

104    Fir-rigward tal-lista bl-inventarju, ir-rikorrenti ssostni li parti kbira mill-programmi tas-software hija speċifika għall-kompjuters. Għalhekk, offerent għall-kuntratt ikkontestat ikollu jiddeskrivi l-applikazzjonijiet proposti f’lingwa u bis-source code xierqa għalihom. Hija tqis li l-lista bl-inventarju ma kinitx ċara. Fil-fatt, abbażi tal-lista bl-inventarju, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit fejn kienu jinsabu l-programmi speċifiċi għall-komputers disponibbli. B’mod partikolari, ma setax jiġi stabbilit liema programmi kienu jinsabu f’liema komputers u lanqas b’liema mod kienu jinsabu hemmhekk.

105    Fir-rigward ta’ l-importanza tas-source code għal offerti li jirrigwardaw il-kuntratt ikkontestat, ir-rikorrenti tispjega li source code dokumentat tajjeb huwa l-“pedament” ta’ kull proġett relatat mat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni. F’dan il-każ, mingħajr l-għarfien tas-source code, CORDIS huwa “kaxxa sewda”. Ir-rikorrenti ssostni li offerent għandu jqis diversi possibilitajiet, mingħajr madankollu ma qatt ikun jista’ jimplementahom kollha, sabiex jipprova jipprevedi s-sitwazzjonijiet kollha possibbli li jista’ jiġi kkonfrontat bihom fil-fażi ta’ implementazzjoni. Barra minn hekk, hija tqis li, jekk, minkejja kollox, dan jirnexxielu, dan għandu jinkorri spiża kbira ħafna sabiex janalizza l-eluf ta’ linji ta’ source codes mhux magħrufa kif ukoll biex jipproduċi l-evalwazzjoni u d-dokumentazzjoni li huma neqsin.

106    Ir-rikorrenti żżid li l-għarfien tas-source code huwa neċessarju wkoll għall-kalkolu tal-prezz ta’ l-offerta. Il-kalkolu ta’ l-offerti għal kuntratti fil-qasam tat-teknoloġiji l-ġodda jiġi, fil-każ ta’ teħid ta’ sistema eżistenti, iffaċilitat ħafna permezz ta’ l-użu ta’ software speċjalizzat ta’ kalkolu ta’ spejjeż, bħas-software imsejjaħ “Cocomo 2” (COnstructive-COst-MOdel). In-numru ta’ linji ta’ source code jikkostitwixxi d-data fundamentali għall-użu tas-software Cocomo 2. Fil-fatt, sabiex jintuża s-software Cocomo 2, l-ewwel informazzjoni li għandha tiġi inserita hija l-istima tan-numru ta’ linji tas-source code.

107    Fir-rigward ta’ l-argument tal-konvenuta li jgħid li l-intenzjoni tagħha kienet li tiffavorixxi l-kreattività, ir-rikorrenti ssostni li għarfien preċiż u dettaljat ħafna tal-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS kien imperattiv sabiex ikunu jistgħu jiġu mfassla proġetti futuri. Hija ssostni li, anki li kieku offerent kien estremament kreattiv, huwa xorta waħda jfalli li kieku kellu jipprepara l-offerta tiegħu abbażi ta’ suppożizzjonijiet u indikazzjonijiet foloz.

108    Il-konvenuta tqis li l-offerent magħżul ma kellux aċċess privileġġjat għall-informazzjoni rilevanti. Dan huwa pprovat mill-fatt li l-offerent magħżul għamel stima f’termini ta’ jiem-ħaddiema għola minn dik tar-rikorrenti.

109    Il-konvenuta ssostni li, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, hija ppreparat kollox sabiex tipprovdi informazzjoni eżawrjenti dwar il-verżjoni ta’ CORDIS li kienet qed tintuża. Hija tippreċiża li xi xogħol ġie deskritt fil-Volumi A u B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Informazzjoni addizzjonali ġiet ipprovduta matul il-jum ta’ informazzjoni organizzat fis-7 ta’ Jannar 2003 u fuq is-sit speċjalment iddedikat għas-sejħa għal offerti in kwistjoni.

110    Fir-rigward tal-kontenut taċ-CD 1 u CD 2, il-konvenuta tippreċiża li ċ-CD 1 kien fih l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-arkitettura ta’ CORDIS, fl-aħħar verżjoni tiegħu li kienet qed tintuża sa tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti kif ukoll għodda ta’ navigazzjoni speċifika intiża sabiex tiffaċilita lill-offerenti l-użu taċ-CD 1. Iċ-CD 2 kien fih l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi ta’ CORDIS, rapporti ta’ testijiet, l-istampi tal-ħolqien ta’ l-arkitettura ta’ CORDIS, l-ispjegazzjonijiet tal-programmi, il-pjanijiet tal-provi u gwida ta’ l-utent li tinkludi dokument għal kull database. F’dak li jirrigwarda ż-żewġ stampi neqsin tal-ħolqien ta’ l-arkitettura ta’ CORDIS, jiġifieri dik ta’ “l-arkitettura bi tliet livelli” kif ukoll dik ta’ “l-arkitettura tas-server ta’ programmi għall-Internet” (ara l-punt 103 iktar’il fuq), il-konvenuta tispjega li effettivament, dawn ma kinux jidhru. Madankollu, l-arkitetturi msemmija ġew deskritti fit-test u jikkostitwixxu kunċetti informatiċi kurrenti li mhumiex limitati għas-sistema ta’ CORDIS. Barra minn hekk, il-konvenuta tenfasizza li hija ġiet informata bil-fatt li ż-żewġ stampi ma kinux jidhru fl-14 ta’ Marzu 2003, jiġifieri l-Ġimgħa wara nofsinhar qabel l-iskadenza stabbilita għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti (id-19 ta’ Marzu 2003). Hija poġġiet dawn l-istampi għad-dispożizzjoni ta’ l-offerenti nhar it-Tlieta 18 ta’ Marzu 2003, f’nofsinhar.

111    Fir-rigward tas-source code, il-konvenuta tirrikonoxxi b’mod espliċitu li dan ma ġiex ipprovdut lill-offerenti. Hija ssostni li s-source code la huwa neċessarju u lanqas rilevanti għall-finijiet tal-preżentazzjoni u ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-offerti u, b’mod partikolari, mhuwiex neċessarju għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż. Is-source code isir rilevanti biss fil-mument meta jittieħdu s-servizzi. Din hija r-raġuni għalfejn il-punt 6.8, tal-Volum B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jipprevedi li l-kontraent attwali għandu jagħti lill-kontraent il-ġdid l-oġġetti rilevanti kollha, b’mod partikolari s-source code.

112    Waqt is-seduta, b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-konvenuta indikat li fil-fehma tagħha, ma kienx hemm xi raġuni speċifika, bħall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, li setgħu jwaqqfuha milli tagħti s-source code lill-offerenti potenzjali.

113    Fir-rigward tal-lista bl-inventarju, il-konvenuta ssostni li l-kuntratt ikkontestat ma kienx ser jagħti lill-offerent magħżul il-parti l-kbira tal-hardware u tas-software disponibbli għall-CORDIS, peress li dawn kellhom jingħataw lill-offerent magħżul għal-lot Nru 3. Hija tispjega li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-għodda eżistenti mhuwx neċessarjament l-aħjar soluzzjoni għat-tfassil ta’ offerti li jirrigwardaw servizzi ta’ sostenn futuri għal CORDIS, għaliex xi wħud mill-hardware huwa antik. Għalhekk, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġie stabbilit li kien permess li l-offerenti jipproponu soluzzjonijiet alternattivi.

114    B’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza li saret matul is-seduta fir-rigward tar-raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet l-informazzjoni teknika kollha fil-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, din spjegat li, fil-mument tal-ftugħ tas-sejħa għal offerti, id-dokumenti ta’ spjega, b’mod partikolari l-lista bl-inventarju, kienu għadhom mhux lesti. Għaldaqstant, hija pprovdiet dawn id-dokumenti tekniċi lill-offerenti potenzjali progressivament, skond l-andament tax-xogħolijiet preparatorji. Il-konvenuta tenfasizza li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti damet 4 xhur minflok is-36 jum tas-soltu, u għalhekk l-offerenti potenzjali kellhom żmien bizzejjed sabiex jadattaw l-offerti tagħhom skond l-informazzjoni l-ġdida. Il-konvenuta żżid li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jindikaw b’mod ċar li kien previst li l-informazzjoni nieqsa kienet ser tkun disponibbli fuq is-sit iddedikat speċjalment għas-sejħa għal offerti in kwistjoni fi stadju ulterjuri.

 iii) Fuq l-effett tan-nuqqas ta’ għarfien jew ta’ l-għarfien tardiv ta’ l-akkwist tas-software Autonomy kif ukoll ta’ l-arkitettura teknika u tas-source code ta’ CORDIS fuq l-offerta tar-rikorrenti


 1. Fuq l-impatt ta’ l-aġir ikkontestat tal-Kummissjoni fuq il-kwalità ta’ l-offerta tar-rikorrenti

115    Fil-kuntest ta’ l-argumenti tagħha dwar allegati żbalji manifesti min-naħa tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ l-offerta tagħha u ta’ dik ta’ l-offerent magħżul (tielet motiv), ir-rikorrenti tikkontesta xi osservazzjonijiet allegatament negattivi fir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ l-offerta tagħha.

116    Ir-rikorrenti tosserva li mid-diversi osservazzjonijiet negattivi msemmija fir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 24 iktar’il fuq) jirriżulta li l-informazzjoni teknika li kienet nieqsa jew li ġiet ipprovduta tardivament influwenzat b’mod negattiv l-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ l-offerta tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, f’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju ta’ l-għoti, għall-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt osservazzjoni, u, f’dak li jirrigwarda t-tieni kriterju ta’ l-għoti, ir-raba’ osservazzjoni.

117    F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju ta’ l-għoti u l-ewwel osservazzjoni, ir-rikorrenti essenzjalment tqis li, jekk xi elementi tekniċi ġew esposti fil-qosor, dan kien minħabba l-fatt li l-informazzjoni teknika aċċessibbli ma kinitx iddettaljata bizzejjed f’dan ir-rigward. Fir-rigward tat-tieni osservazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li, peress li ma kellhiex aċċess għall-informazzjoni li kellu l-kontraent attwali, hija kellha “tiżviluppa probabbilitajiet twal” sabiex tkopri l-istrutturi u l-prattiċi eventwali kollha. Fir-rigward tat-tielet osservazzjoni, hija ssotni li, jekk l-offerta tagħha ġiet meqjusa bħala deskrittiva ħafna fir-rigward tar-riċerka u tal-funzjonalità, dan kien minħabba li r-rwol fundamentali tas-software Autonomy fil-pjattaforma teknika ta’ CORDIS kien imħabbar lill-offerenti potenzjali tardivament. Fir-rigward tas-sitt osservazzjoni, ir-rikorrenti tqis li, jekk l-offerta tagħha ġiet meqjusa bħala inutilment dettaljata, li ssemmi l-istess elementi darbtejn u bħala nieqsa minn proposti konkreti, dan kien minħabba li din kienet ġiet iddeterminata min-neċessità li tinżamm sistema ta’ informazzjoni eżistenti li l-offerenti kollha, bl-eċċezzjoni tal-kontraent attwali, ma kellhomx l-istampa sħiħa tagħha.

118    F’dak li jirrigwarda t-tieni kriterju ta’ l-għoti u raba’ osservazzjoni, ir-rikorrenti tosserva li evalwazzjoni iktar speċifika ta’ CORDIS kienet impossibbli, għaliex sabiex issir tali evalwazzjoni kienet, qabel kollox, meħtieġa iktar informazzjoni dwar l-implementazzjoni ta’ CORDIS f’dak iż-żmien. Għalhekk, kien biss l-offerent li kellu aċċess għal informazzjoni interna riċenti li setgħa jieħu r-riskju li jifformula dikjarazzjonijiet kategoriċi f’dan ir-rigward.

119    Il-konvenuta tikkontesta l-allegazzjoni li tgħid li l-offerent magħżul akkwista marki għoljin minħabba l-aċċess privileġġjat tiegħu għal informazzjoni u għal materjali. F’dan ir-rigward, il-konvenuta tippreżenta xi eżempji sabiex turi d-djufija ta’ l-argumenti tar-rikorrenti.

120    F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju ta’ l-għoti, il-Kummissjoni tispjega, b’mod partikolari, li waqt l-evalwazzjoni ta’ l-offerta ta’ l-offerent magħżul, din kienet ġiet ikkritikata bħala proposta teknika bbażata fuq is-sistema eżistenti u nieqsa minn approċċ innovattiv.

121    F’dak li jirrigwarda t-tieni kriterju ta’ l-għoti (raba’ osservazzjoni), il-konvenuta tirreferi, b’mod partikolari, għall-punt 6.2.1 tal-Volum B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirrigwardaw il-kuntratt ikkontestat, li jgħid li l-offerenti kellhom biss jiddeskrivu l-bżonnijiet elementari neċessarji għall-kontinwazzjoni u għall-evoluzzjoni ta’ CORDIS, filwaqt li kien indikat li, f’dak li jirrigwarda “il-kif”, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu jistabbilixxu biss ir-rekwiżiti minimi.

 2. Fuq l-impatt ta’ l-aġir ikkontestat tal-Kummissjoni fuq il-prezz ta’ l-offerta tar-rikorrenti

122    B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti sostniet li, minħabba l-informazzjoni li kienet nieqsa jew li ġiet ipprovduta tardivament mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-offerta tagħha kienet ġiet issuġġettata għal fattur ta’ riskju ta’ madwar 25 sa 30 %. It-tqassim tal-fattur ta’ riskju fir-rigward ta’ l-imsemmija informazzjoni kien is-segwenti:

–        7 % għad-databases;

–        7 % għas-software Autonomy;

–        5 % għas-source code;

–        11 % għall-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kunċett tekniku (kunċett loġiku tas-software) u mad-dokumentazzjoni.

123    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti spjegat li hija għamlet il-kalkoli tagħha bl-użu tas-software Cocomo 2. B’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward, hija ppreċiżat l-iskop u l-funzjonament tas-software Cocomo 2.

124    Għalhekk, is-software Cocomo 2 huwa bbażat fuq formula matematika li tibbaża ruħha fuq il-linji ta’ source code u li tippermetti li jiġi kkalkolat l-isforz neċessarju sabiex isir ix-xogħol kollu bbażat fuqhom. L-ekwazzjoni korrispondenti tinkludi fiha 22 parametru li jirrappreżentaw fatturi ekwivalenti tal-ħajja reali u li jinfluwenzaw l-isforz neċessarju sabiex jiġi elaborat programm jew sabiex jitwettaq kull xogħol marbut ma’ programm software. Is-17-il parametru li jirrappreżentaw indikaturi ta’ spejjeż multiplikattivi huma msejħa bħala “multiplikaturi ta’ l-isforz” (MS) u l-5 parametri ta’ spejjeż addizzjonali huma msejħa bħala “fatturi ta’ skala” (FS).

125    Barra minn hekk, għal kull parametru, dan il-mudell jipprovdi sitt kwalifiki possibbli kif ukoll istruzzjonijiet dettaljati fir-rigward ta’ l-għażla tal-kwalifika adegwata. Għalhekk, kull parametru jista, skond il-każ, jingħata waħda mill-kwalifiki segwenti: “Dgħajjef ħafna”, “Dgħajjef”, “Nominali”, “Għoli”, “Għoli ħafna”, “Estremament għoli”. Għal kull waħda mill-kwalifiki msemmija jikkorrispondi valur f’punti. Dawn il-punti jonqsu b’mod proporzjonali skond il-kwalifika li tingħata, jiġifieri l-punti jkunu iktar baxxi iktar ma l-kwalifika attribwita lill-parametru tkun għolja.

126    L-isforz stmat għal proġett ta’ source code ta’ daqs speċifiku jiġi espress f’ħaddiema/xhur (ĦX) u evalwata skond il-formola segwenti (A u B huma ppreżentati bħala valuri kostanti):

Image not found

fejn

Image not found

127    Skond ir-rikorrenti, fil-każ tas-sejħa għal offerti in kwistjoni, jista’ jitqies li t-22 parametru jingħataw l-istess evalwazzjoni għal kull wieħed mill-offerenti, indipendentement mill-għarfien preċedenti li għandhom ta’ CORDIS u tal-materjal disponibbli fil-kuntest tas-sejħa għal offerti in kwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-parametri li jikkorrispondu, min-naħa, għall-għarfien tal-kunċett tal-programm li għandu jiġi żviluppat u, min-naħa l-oħra, għall-ambjent użat mill-programm, jiġifieri rispettivament il-“parametru PREC”, li jirreferi għall-grad ta’ nuqqas ta’ innovazzjoni, u l-“parametru AEXP”, li jirreferi għall-esperjenza fir-rigward tal-programm. Il-“parametru PREC” huwa wieħed mill-5 FS. Il-“parametru AEXP” huwa wieħed mis-17-il MS.

128    Skond ir-rikorrenti, il-formula ppreżentata fil-punt 126 iktar’il fuq tista’ tiġi applikata darbtejn sabiex jiġi kkalkolat l-effett fiż-żewġ każijiet ipotetiċi segwenti:

–        il-każ ta’ offerent li għandu għarfien tajjeb ħafna tal-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS, fejn jitqies li l-parametri PREC u AEXP jingħataw kull wieħed, bħala konsegwenza, il-kwalifika ta’ “Għoli ħafna”;

–        il-każ ta’ offerent li għandu għarfien ridott ħafna tal-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS, fejn jitqies li l-parametri PREC u AEXP jingħataw kull wieħed, bħala konsegwenza, il-kwalifika ta’ “Dgħajjef ħafna”.

129    Skond ir-rikorrenti, jekk għall-finijiet ta’ tali kalkolu tittieħed stima ta’ daqs ta’ source code ta’ 5 000 linja, jinkiseb sforz stmat ta’ 15.4 ĦX għall-offerta ta’ l-offerent imsemmi fl-ewwel każ u sforz stmat ta’ 25.9 ĦX għall-offerta ta’ l-offerent imsemmi fit-tieni każ. Dan ifisser li l-isforz stmat għar-rikorrenti jkun ta’ madwar 40 % iktar għoli milli fil-każ ta’ offerent li għandu għarfien sħiħ ta’ l-informazzjoni teknika kollha u tas-source code tal-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li, anki jekk jiġu inseriti parametri li jikkorrispondu għal kwalifikazzjonijiet ta’ paragun bħal “Għoli” u “Dgħajjef” jew inkella “Għoli” u “Dgħajjef ħafna”, xorta waħda tinkiseb differenza ta’ 30 %.

130    L-ewwel nett, il-konvenuta tqis li l-kalkoli magħmula abbażi tas-software Cocomo 2 għandhom isiru minn espert indipendenti inkarigat għal dan l-iskop.

131    Il-konvenuta ssostni li l-għażla tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-kwalifiki attribwiti għall-parametri PREC u AEXP saret b’mod suġġettiv. Il-konvenuta tenfasizza li, fid-dokumenti li jirrigwardaw l-offerta, ir-rikorrenti ppreżentat ruħha bħala organizzazzjoni li għandha esperjenza kbira fil-qasam ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni, filwaqt li, issa, meta ssemmi l-fattur ta’ riskju dovut għall-allegat nuqqas ta’ informazzjoni teknika, hija tippreżenta ruħha bħala offerent li għandu għarfien ta’ livell inferjuri għall-medja f’dan il-qasam.

132    Il-konvenuta tiddubita kemm il-bażi li fuqha r-rikorrenti tagħti marka lilha nnifisha li tikkorrispondi għall-kwalifika “Dgħajjef ħafna” għall-parametri PREC u AEXP hija ġġustifikata. Hija ssostni li r-rikorrenti kellha tagħti l-kwalifikazzjoni “Nominali” biex tagħmel il-kalkolu abbażi tas-software Cocomo 2.

133    Il-konvenuta tikkontesta wkoll il-marka li tikkorrispondi għall-kwalifika “Għolja ħafna” għall-offerent magħżul. Billi tagħmel dan, ir-rikorrenti tinjora l-fatt li l-offerent magħżul lanqas ma huwa kontraent totalment familjari mas-sistema CORDIS, anki jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni s-subappaltar ta’ parti mill-kuntratt ikkontestat lill-kontraent attwali.

134    Fir-rigward, minn naħa, tal-parametru PREC, il-konvenuta tispjega li dan ikopri s-segwenti elementi: il-fehma li l-impriża in kwistjoni għandha ta’ l-għanijiet tal-prodott, l-esperjenza akkwistata ma sistemi software simili, l-iżvilupp simultanju ta’ hardware ġodda u ta’ proċeduri operazzjonali ġodda marbuta mal-proġett u l-ħtieġa ta’ arkitettura innovattiva ta’ trattament tad-data (algoritmi). Il-konvenuta għandha dubji kemm ir-rikorrenti tista, ġustament, tikkwalifika lilha nnifisha, għal dawn l-elementi kollha bħala “dgħajjef ħafna”. Dan ikun ifisser li hija għandha fehma “ġenerali” ta’ l-għanijiet tal-prodott, “esperjenza moderata”, “bżonn kbir” ta’ żvilupp simultanju u “bżonn konsiderevoli ta’ algoritmi innovattivi ta’ trattament ta’ data”.

135    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-parametru AEXP, il-konvenuta tispjega li r-rikorrenti terġa tagħti lilha nnifisha marka li tikkorrispondi għall-kwalifika “Dgħajjef ħafna”, li tikkorrispondi għal esperjenza ta’ inqas minn xahrejn fil-programm ikkonċernat. Għalhekk, ir-rikorrenti tippretendi li hija bl-ebda mod ma hija familjari mat-tip ta’ proġett ikkonċernat mis-sejħa għal offerti in kwistjoni u t-team tagħha għandu esperjenza dgħajfa ħafna ta’ dan it-tip ta’ programmi.

136    It-tieni nett, il-konvenuta tqis li r-rikorrenti ma spjegatx it-tqassim tal-fattur ta’ riskju ta’ 30 % f’diversi elementi li jirrigwardaw rispettivament id-databases (7 %), is-software Autonomy (7 %), is-source code (5 %) u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (11 %).

137    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li ż-żieda ta’ 11 % ta’ l-ispejjeż f’termini ta’ jiem-ħaddiema mogħtija lill-allegat nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi m’għandiex tiġi kkunsidrata, peress li r-rikorrenti kienet fil-fatt tiddisponi minn dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Lanqas iż-żewġ stampi ta’ l-arkitettura ta’ CORDIS li ma kinux jidhru fuq is-CD 2 ma jirrappreżentaw fattur ta’ riskju ta’ 11 %.

138    Il-konvenuta tikkontesta wkoll iż-żieda ta’ l-ispejjeż b’7 % minħabba l-għarfien allegatament tardiv ta’ l-akkwist tas-software Autonomy, peress li dan huwa magħruf ħafna fis-suq.

139    Fl-aħħar, il-konvenuta għandha dubji kemm is-source code jirrappreżenta fattur ta’ riskju ta’ 5 % biss, filwaqt li, skond hi, l-argumenti kollha tar-rikorrenti huma bbażati fuq id-dikjarazzjoni li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (li għalihom tattribwixxi perċentwali ta’ 11 %) u tas-source code kien estremament gravi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 i) Osservazzjonijiet preliminari

140    Meta ssostni li l-Kummissjoni tagħat aċċess għal xi informazzjoni essenzjali b’mod esklussiv lill-offerent magħżul, ir-rikorrenti effettivament tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni ta’ l-offerenti.

141    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar, qabel kollox, l-importanza partikolari tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ara l-punti 60 sa 61 iktar’il fuq). Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-Kummissjoni hija marbuta li tħares, f’kull fażi tal-proċedura, ir-rispett tat-trattament ugwali u, bħala konsegwenza, l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet ta’ l-offerenti kollha (ara s-sentenza AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar’il fuq, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika obbligu ta’ trasparenza sabiex ikun possibbli li jiġi vverifikat ir-rispett tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, Ġabra p. I‑5553, punt 45, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punt 91).

143    Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti, li għandu l-iskop li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni soda u ekwa bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini ta’ l-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn għandhom jiġu ppreżentati taħt l-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 34, u Universale-Bau et, punt 141 iktar’il fuq, punt 93).

144    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trasparenza, li jikkostitwixxi parti integrali mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, dan essenzjalment għandu l-iskop li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa ta’ l-awtorità kontraenti. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punti 109 sa 111).

145    Għalhekk, il-prinċipju ta’ trasparenza jimplika wkoll li l-informazzjoni teknika rilevanti kollha sabiex tinftiehem tajjeb is-sejħa għal offerti jew l-speċifikazzjonijiet tekniċi jkunu disponibbli, safejn huwa possibbli, għall-impriżi kollha li jieħdu sehem fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’tali mod li, minn naħa, l-offerenti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata eżatta tagħha u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, li jpoġġu lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti ta’ l-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li irregolaw il-kuntratt in kwistjoni.

 ii) Fuq l-allegat nuqqas ta’ trattament ugwali meta mqabbel ma’ l-offerent magħżul f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal xi informazzjoni teknika


 1. Informazzjoni ġenerika

146    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba allegat dewmien fl-għoti, lill-offerenti kollha minbarra lill-offerent magħżul, ta’ xi informazzjoni teknika. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 60 u 61 iktar’il fuq kif ukoll fil-punti 141 sa 144 iktar’il fuq, il-Kummissjoni kisret l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet ta’ l-offerenti kollha kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza bħala parti integrali mill-prinċipju ta’ trattament ugwali.

147    Wara dan, għandu jiġi kkonstatat li, jekk jiġi meqjus li jkun seħħ, tali ksur ta’ l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet u tal-prinċipju ta’ trasparenza jkun jikkostitwixxi irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża li jikser id-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati. Skond ġurisprudenza stabbilita, irregolarità proċedurali tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti fil-każ fejn ir-rikorrenti kien ikollha aċċess għall-informazzjoni in kwistjoni sa mill-bidu tal-proċedura, u jekk kienet teżisti, f’dan ir-rigward, opportunità – anki mnaqqsa – li r-rikorrenti setgħet twassal sabiex ir-riżultat tal-proċedura amministrattiva jkun differenti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punti 340 u 430).

148    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser tevalwa, qabel kollox, jekk l-allegat nuqqas ta’ trattament ugwali li jikkonsisti f’dewmien fl-għoti ta’ xi informazzjoni teknika lill-offerenti kollha minbarra l-offerent magħżul jikkostitwixxix, minnu nnifsu, irregolarità tal-proċedura safejn xi informazzjoni effettivament utli għat-tfassil ta’ l-offerti ma ġietx mogħtija, malli kien possibbli, lill-offerenti kollha.

149    Fil-każ fejn tali irregolarità tiġi stabbilita, il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħaddi sabiex tevalwa jekk, fin-nuqqas tagħha, ir-riżultat tal-proċedura kienx ikun differenti. Minn dan il-lat, tali irregolarità tista’ tikkostitwixxi ksur ta’ l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet ta’ l-offerenti biss jekk jirriżulta b’mod plawżibbli u suffiċjentement ipprovat mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti li r-riżultat tal-proċedura setgħa jkun differenti fir-rigward tagħha.

 2. Fuq il-karattru tardiv ta’ l-għoti ta’ xi informazzjoni teknika mill-Kummissjoni

150    Qabel kollox, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-offerent magħżul kellu, qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, għarfien sħiħ ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha tad-databases ta’ CORDIS kif ukoll tas-software Autonomy, peress li s-subappaltatur tiegħu li, skond l-offerta ppreżentata, kien jeħtieġ mill-inqas 35 % tax-xogħol propost, kien il-kontraent attwali fiż-żmien meta nfetħet il-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

151    Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni kellha l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-databases ta’ CORDIS sa mill-ftuħ tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri l-aħħar ta’ Novembru 2002.

152    Il-konvenuta lanqas ma tikkontesta li hija poġġiet l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-databases ta’ CORDIS għad-dispożizzjoni ta’ l-offerenti potenzjali kollha biss progressivament matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

153    Fil-fatt, il-Kummissjoni pprovdiet parti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-databases ta’ CORDIS biss xahar wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, fl-20 ta’ Diċembru 2002, permezz taċ-CD 2 u ppubblikat iktar informazzjoni teknika biss fil-5 ta’ Frar 2003 permezz tal-lista bl-inventarju, jiġifieri sitt ġimgħat biss qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni ta’ l-offerti.

154    Il-ġustifikazzjoni mogħtija mill-konvenuta, li tgħid li hija kienet għadha ma ppreparatx l-informazzjoni kollha fil-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, għandha tiġi miċħuda peress li, sabiex l-offerenti potenzjali kollha jkollhom l-istess opportunitajiet, hija setgħet tistenna li tkun f’pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kollha msemmija lill-offerenti potenzjali kollha sabiex tibda l-imsemmija proċedura ta’ sejħa għal offerti.

155    Wara dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, peress li s-subappaltatur futur tagħha għall-eżekuzzjoni ta’ parti mill-kuntratt ikkontestat kien il-kontraent attwali fiż-żmien meta nfetħet il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-offerent magħżul setgħa, sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ikollu għarfien sħiħ tal-funzjonament tas-software Autonomy permezz ta’ l-installazzjoni ta’ verżjoni bi prova fil-verżjoni ta’ CORDIS użata dak iż-żmien. Barra minn hekk, is-subappaltatur futur ta’ l-offerent magħżul ipprepara wkoll l-akkwist tas-software Autonomy mill-Kummissjoni, liema akkwist seħħ matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Għalhekk, huwa probabbli ħafna li l-offerent magħżul kien informat tajjeb dwar dan l-akkwist sa mill-bidu.

156    Il-konvenuta ma tikkontestax li l-offerenti l-oħra ġew informati bl-akwist imsemmi biss permezz tal-pubblikazzjoni tad-dokument bit-titolu “Superquest– Implementation of Release 6 and beyond”, fit-18 ta’ Frar 2002, jiġifieri xahar biss qabel ma skada t-terminu stabbilit għas-sottomissjoni ta’ l-offerti.

157    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li l-Kummissjoni pprovdiet l-informazzjoni fir-rigward ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-databases ta’ CORDIS kif ukoll l-informazzjoni fir-rigward ta’ l-akkwist tas-software Autonomy lill-offerenti potenzjali kollha biss progressivament matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, filwaqt li l-offerent magħżul kellu din l-informazzjoni sa mill-bidu tal-proċedura msemmija, fid-dawl tal-fatt li kien previst li l-kontraent attwali kellu jkun is-subappaltatur tiegħu għall-eżekuzzjoni ta’ parti mill-kuntratt ikkontestat.

 3. Fuq l-obbligu li jitneħħew il-vantaġġi ta’ l-offerent magħżul

158    F’dan ir-rigward, għandhom jiġu mfakkra l-osservazzjonijiet li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-karattru diskriminatorju tal-ħtieġa, fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas (ara l-punti 68 sa 80 iktar’il fuq) li fil-kuntest tagħhom ġie ppreċiżat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti kien jeħtieġ it-tneħħija tal-possibbli vantaġġi tal-kontraent attwali jew ta’ l-offerent marbut miegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ subappaltar, biss safejn iż-żamma ta’ tali vantaġġi ma tkunx indispensabbli, jiġifieri meta tali tneħħija tkun faċli li ssir, meta tkun ekonomikament aċċettabbli u meta ma tiksirx id-drittijiet tal-kontraent attwali jew ta’ l-imsemmi offerent.

159    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha informazzjoni kompleta fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-databases ta’ CORDIS sa mill-bidu tal-proċedura tas-sejħa għal offerti in kwistjoni. Għalhekk, kien faċilment possibbli għaliha li tagħtihom lill-offerenti kollha fil-forma ta’ anness ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kien daqstant ieħor faċli, u li dan ma kienx jinvolvi spejjeż addizzjonali, li l-offerenti potenzjali kollha jiġu informati bl-akkwist tas-software Autonomy immedjatament wara li seħħ, jiġifieri fl-aħħar ta’ Diċembru 2002. Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li l-konvenuta tammetti b’mod espliċitu li ma kien hemm l-ebda raġuni speċifika, bħall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, li setgħet tipprekludiha milli tagħti s-source code lil terzi persuni.

160    Minn dak kollu li ntqal iktar’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti kien jeħtieġ it-tneħħija tal-vantaġġi tal-kontraent attwali jew ta’ dawk ta’ l-offerent magħżul. Konsegwentement, għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ trattament ugwali li jikkonsisti fil-fatt li xi informazzjoni teknika ġiet ipprovduta tardivament, lill-offerenti kollha minbarra l-offerent magħżul, jikkostitwixxi irregolarità fil-proċedura.

161    Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti in kwistjoni kinitx twassal għal riżultat differenti.

 iii) Fuq ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni pprovduta tardivament mill-Kummissjoni għall-offerti li jirrigwardaw il-kuntratt ikkontestat

162    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, jekk jinstab li l-informazzjoni li ġiet ipprovduta tardivament lill-offerenti kollha, minbarra l-offerent magħżul, ma kinitx rilevanti għat-tfassil ta’ l-offerti li jirrigwardaw il-kuntratt ikkontestat, dewmien fil-komunikazzjoni tagħhom ma jkunx jirrappreżenta vantaġġ għall-offerent magħżul, u għalhekk ma jkunx jikkostitwixxi żball ta’ proċedura li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti, kif sostniet ir-rikorrenti.

 1. Fuq ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni fir-rigward ta’ l-akkwist tas-software Autonomy

163    Fir-rigward tar-rilevanza ta’ l-informazzjoni rigward l-akkwist tas-software Autonomy, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li mid-deskrizzjonijiet komuni tal-partijiet jirriżulta li fir-rigward tas-software Autonomy, dan huwa għodda ta’ klassifikazzjoni kkomplikata li tippermetti li l-utenti aħħarija jagħmlu riċerki f’kuntesti varji u b’mod iktar partikolari f’lingwi diversi.

164    It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li mid-deskrizzjoni tal-kuntratt ikkontestat, fil-punt 4 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, jirriżulta li l-offerenti għall-imsemmi kuntratt pubbliku kellhom isemmu, fl-offerti tagħhom, proposti kapaċi li jassiguraw l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura teknika użata mill-kontraenti tal-lottijiet l-oħra u l-Kummissjoni, b’mod partikolari “is-sistema ta’ l-amministrazzjoni tal-kontenut fuq l-[Internet]” u li l-offerent magħżul għall-kuntratt ikkontestat kellu jiżviluppa wkoll “għodda u funzjonijiet ġodda, parti minnhom għal skopijiet ta’ sperimentazzjoni”.

165    It-tielet nett, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, skond il-punt 6.2.3.3 tal-Volum B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, bit-titolu “Indiċizzazzjoni, opinjonijiet speċifiċi u klassifikazzjoni” teżisti, għall-offerenti tal-kuntratt ikkontestat, “l-possibbiltà li jsir użu mill-prodotti disponibbli sabiex tiġi implementata, per eżempju, ‘kostruzzjoni ta’ klassifikazzjoni’, iżda dawn għandhom ikollhom applikazzjoni fit-tul u jkunu kompatibbli ma’ l-arkitettura CORDIS”.

166    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mid-deskrizzjoni tax-xogħlijiet li għandhom isiru minn offerent għall-kuntratt ikkontestat kif ukoll mill-punt 6.2.3.3 tal-Volum B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, jirriżulta li l-offerenti għall-kuntratt ikkontestat kienu ħielsa li jipproponu kull software ta’ klassifikazzjoni kumpless disponibbli fis-suq, inkluż is-software Autonomy.

167    Isegwi li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni xtrat is-software Autonomy matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma wassalhiex sabiex tevalwa b’mod inqas favorevoli offerta li tipproponi għodda ta’ riċerka kumplessa differenti.

168    Sussidjarjament, din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata miċ-ċirkustanza li jsemmi r-rapport ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-kriterju ta’ l-għoti Nru 1, li l-offerta ta’ l-offerent ikklassifikat fit-tieni post waqt l-għoti tal-kuntratt ikkontestat kien ġie kkunsidrat mill-kumitat ta’ evalwazzjoni bħala li kien ta’ kwalità tajba ħafna, peress li dan kien ippropona sistema oħra, li kienet “innovattiva” f’dak li jirrigwarda l-indiċizzazzjoni u l-klassifikazzjoni, u dan juri li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonformat ruħha mal-kundizzjonijiet rilevanti msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

169    Isegwi li, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-għarfien ta’ l-akkwist tas-software Autonomy mill-Kummissjoni ma seta’ jkollu l-ebda importanza fl-evalwazzjoni ta’ l-offerti.

170    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fir-rigward ta’ l-informazzjoni fir-rigward ta’ l-akkwist tas-software Autonomy, ir-rikorrenti ma rnexxiliex tipprova b’mod suffiċjenti bliema mod l-għarfien dwar l-akkwist tas-software Autonomy mill-Kummissjoni seta jikkostitwixxi xi tip ta’ vvantaġġ għall-offerent magħżul, fir-rigward ta’ sottomissjoni ta’ offerta għall-kuntratt ikkontestat.

 2. Fuq ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni fuq l-arkitettura teknika u s-source code ta’ CORDIS

171    L-ewwel nett, fir-rigward tad-dokumentazzjoni allegatament mhux kompluta dwar l-arkitettura teknika ta’ CORDIS, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-konvenuta ma tikkontestax li l-informazzjoni teknika li kienet tinsab fiċ-CD 1 u CD 2 kienet ġeneralment isservi sabiex tikkompleta l-informazzjoni li kienet diġà inkluża fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

172    It-tieni nett, fir-rigward tal-lista bl-inventarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrenti spjegat b’mod konvinċenti, u mingħajr ma l-konvenuta kienet kapaċi li tikkonfuta d-dikjarazzjonijiet tagħha, li l-għarfien tal-hardware u tas-software użati dak iż-żmien seta’ jsservi għall-preparazzjoni tal-programmi li kellhom jiġu offerti minn offerent għall-kuntratt ikkontestat, minħabba l-fatt li dan kellu jassigura, minn naħa, l-interoperabilità bejn il-hardware il-ġdid u dak eżistenti u, min-naħa l-oħra, il-funzjonament tal-programmi l-ġodda mal-hardware eżistenti.

173    Isegwi li l-għarfien ta’ l-informazzjoni teknika, ipprovduta tardivament mill-Kummissjoni u li tinsabu fiċ-CD 1 u CD 2 kif ukoll fil-lista bl-inventarju seta’ jikkostitwixxi valur miżjud għall-offerti li jirrigwardaw il-kuntratt ikkontestat.

174    F’dak li jirrigwarda s-source code, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-punt 4 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kien jeħtieġ li l-offerenti għall-kuntratt ikkontestat jinkludu fl-offerti tagħhom proposti kapaċi li jassiguraw l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura teknika użata mill-kontraenti tal-lottijiet l-oħra u mill-Kummissjoni, “b’mod partikolari s-sistema ta’ l-amministrazzjoni tal-kontenut fuq l-[Internet]” u “s-sistema ta’ xandir ta’ l-informazzjoni” u li l-offerent magħżul għall-kuntratt ikkontestat kellu jiżviluppa “wkoll għodda u funzjonijiet ġodda”. Konsegwentement, għandu jiġi osservat li l-għarfien minn qabel ta’ l-informazzjoni teknika fundamentali msemmija fil-punti preċedenti jirrappreżenta vantaġġ għall-preparazzjoni ta’ l-offerta. Fil-fatt, l-amministrazzjoni u x-xandir tad-data kumplessa li għandha tiġi pprovduta minn kontraent għal-lot Nru 1 ta’ CORDIS isiru ġeneralment permezz ta’ software speċjalizzat.

175    Għaldaqstant, m’hemmx dubju li l-għarfien sħiħ tas-source code tal-programmi ta’ amministrazzjoni u ta’ xandir tal-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS kien utli għall-iżvilupp ta’ l-għodda jew tal-funzjonijiet ġodda li setgħu jiġu integrati fil-verżjoni l-ġdida ta’ CORDIS.

176    Barra minn hekk, ir-rikorrenti pprovat, b’mod konvinċenti, u mingħajr ma l-konvenuta indikat xi fatti li jistgħu jikkontradixxu din l-affermazzjoni, li l-użi tal-mudell ta’ kalkolu li huwa bbażat fuqu s-software Cocomo 2, li huwa frekwentement użat sabiex isiru kalkoli li jirrigwardaw l-isforz neċessarju għat-twettieq ta’ proġett partikolari fil-qasam tat-teknoloġiji l-ġodda, jeħtieġ l-istima tan-numru ta’ linji tas-source code tal-proġett.

177    Konsegwentement, għandu jiġi osservat li l-għarfien tas-source code tal-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS kien ikun utli sabiex il-kalkoli li jirrigwardaw s-source code tal-verżjoni l-ġdida tiegħu jkunu jistgħu jiġu bbażati fuq stima serja.

178    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li l-għarfien esklussivi li l-kontraent attwali u l-offerent magħżul kellhom, fir-rigward ta’ l-arkitettura teknika ta’ CORDIS, tal-hardware u tas-software użati dak iż-żmien kif ukoll, u fuq kollox, fir-rigward tas-source code, kien ta’ natura tali li jagħti lill-offerent magħżul, għall-inqas parzjalment, vantaġġ mhux ġustifikat fil-ftuħ tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

179    Konsegwentement, peress li l-konvenuta ma tikkontestax li l-informazzjoni teknika pprovduta tardivament lill-offerenti potenzjali setgħet tikkostitwixxi valur miżjud għall-offerti li jirrigwardaw il-kuntratt ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mhuwiex eskluż li l-aġir ikkontestat tagħha setgħa wassal għal vantaġġ għall-kontraent attwali u għall-offerent magħżul fir-rigward ta’ sottomissjoni ta’ offerta għall-kuntratt ikkontestat.

180    Għalhekk, billi ma kkomunikatx xi informazzjoni teknika lill-offerenti kollha malli kien possibbli, il-Kummissjoni wetqet irregolarità proċedurali billi injorat id-dritt tar-rikorrenti li tiġi informata.

181    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din l-irregolarità kinitx ta’ ħsara għall-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet ta’ l-offerenti, peress li, fin-nuqqas ta’ tali irregolarità, il-proċedura tas-sejħa għal offerti in kwistjoni setgħet eventwalment twassal sabiex il-kuntratt ikkontestat jingħata lir-rikorrenti.

182    Madankollu, dan ma jkunx il-każ jekk, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma pprvdietx lill-offerenti kollha, sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-informazzjoni teknika kollha relatata mal-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS, jirriżulta li l-informazzjoni miżmuma ma kinitx tkun rilevanti għall-offerta tar-rikorrenti.

 iv) Fuq ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni pprovduta tardivament mill-Kummissjoni għall-offerta tar-rikorrenti


 1) Fuq l-effett li d-dewmien fil-provvista ta’ xi informazzjoni teknika seta’ kellu fuq il-kwalità ta’ l-offerta tar-rikorrenti

183    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li d-dewmien fil-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni teknika in kwistjoni seta’ ħoloq, fil-konfront ta’ l-offerenti kollha minbarra l-offerent magħżul, xi eventwali sforzi inutili u telf ta’ ħin, u li għalhekk dan seta jkollu effett fuq il-kwalità ta’ l-offerta tar-rikorrenti.

184    Minkejja din il-konstatazzjoni, għandu jiġi osservat li, fil-każ preżenti, f’kull każ, anki l-għarfien sħiħ ta’ l-informazzjoni in kwistjoni ma seta’ kellu effett deċiżiv fuq l-evalwazzjoni sħiħa ta’ l-offerta tar-rikorrenti.

185    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-għarfien ta’ l-informazzjoni msemmija kienet ittejjeb, b’mod partikolari, il-valur kwalitattiv ta’ l-offerta tagħha, fir-rigward, prinċipalment, ta’ l-ewwel kriterju ta’ l-għoti (valur tekniku) (ara l-punt 117 iktar’il fuq). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond il-punt 3.3 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, in-numru massimu ta’ punti li setgħu jinkisbu abbażi ta’ dan il-kriterju kien ta’ 35 u li 21,6 punti ġew mogħtija għall-offerta tar-rikorrenti.

186    It-tieni nett, ir-rikorrenti tosserva li r-raba’ osservazzjoni fir-rigward tat-tieni kriterju ta’ l-għoti (“Deskrizzjoni tajba iżda ġenerika tat-tipi ta’ kreazzjoni u ta’ użu mill-ġdid tas-software”) hija negattiva u li dan huwa dovut għall-fatt li l-informazzjoni relatata ma’ l-implementazzjoni ta’ CORDIS dak iż-żmien kienet nieqsa. Għandu jiġi osservat li din id-dikjarazzjoni hija vaga ħafna, peress li mill-punt 6.2.1 tal-Volum B ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li jirrigwardaw il-kuntratt ikkontestat, jirriżulta li l-offerenti għandhom biss jiddeskrivu l-bżonnijiet elementari fir-rigwarda ta’ l-iżvilupp tekniku u funzjonali tal-verżjoni l-ġdida ta’ CORDIS. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-osservazzjoni msemmija hija biss waħda mis-sitt osservazzjonijiet magħmulin fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tat-tieni kriterju ta’ l-għoti, li tista’ twassal għall-attribuzzjoni ta’ massimu ta’ 25 punt, u fil-kuntest ta’ liema r-rikorrenti ngħatat 14,8 punti.

187    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li mit-tabella li tidher fir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jirriżulta li l-formula użata sabiex jiġi ddeterminat ir-“rapport prezz-effettività l-iktar vantaġġuż” skond il-punt 3,3 tal-Volum A ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u sabiex jiġi kkalkolat ir-rapport kwalità/prezz tad-diversi offerti hija s-segwenti:

Image not found

188    Jekk din il-formula tiġi applikata għall-offerta ppreżentata mir-rikorrenti, jiġifieri billi jiġi inserit il-prezz totali ta’ l-offerta tar-rikorrenti (EUR 6 095 001,16) kif ukoll, minn naħa, l-massimu tal-punti li setgħu jintlaħqu għall-ewwel kriterju ta’ l-għoti (35 punti) u, min-naħa l-oħra, il-punti li l-offerta tar-rikorrenti effettivament ingħatat abbażi tal-kriterji Nri 2 sa 4, jiġifieri rispettivament 14,8, 12,8, u 12,8 punti (ara l-punt 24 iktar’il fuq), jirriżulta r-rapport segwenti:

Image not found

189    Peress li l-offerent magħżul ingħata rapport kwalità/prezz ta’ 12,56, il-kalkolu juri li, anke li kieku r-rikorrenti setgħet, sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, tfassal l-offerta tagħha b’għarfien sħiħ ta’ l-informazzjoni teknika li kienet nieqsa jew li ġiet ikkomunikata lilha tardivament, u anki li kieku, abbażi ta dan, hija kellha tikseb il-massimu ta’ punti abbażi tal-kriterju kwalitattiv Nru 1 (jiġifieri 35 punt), f’kull każ, ir-rapport kwalità/prezz ta’ l-offerta tagħha kien xorta waħda jkun inqas tajjeb minn dak ta’ l-offerent magħżul, għaliex il-prezz ta’ l-offerta tar-rikorrenti kien relattivament għoli.

190    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, li huwa ċar li l-aġir tal-Kummissjoni, għalkemm kritikabbli, f’dan il-każ seta jaffettwa l-għoti tal-kuntratt ikkontestat lill-offerent magħżul biss safejn il-prezz ta’ l-offerta tar-rikorrenti kien ikun effettivament affettwat mill-komunikazzjoni tardiva ta’ l-informazzjoni teknika.

–       2) Fuq l-effett li d-dewmien fil-provvista ta’ xi informazzjoni teknika seta’ kellu fuq il-prezz ta’ l-offerta tar-rikorrenti

191    Fir-rigward ta’ l-influwenza globali tal-komunikazzjoni tardiva ta’ l-informazzjoni teknika in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lir-rikorrenti turi b’liema mod, fil-fehma tagħha, l-aġir ikkontestat tal-Kummissjoni ta’ żvantaġġ għar-rikorrenti fid-determinazzjoni tal-prezz ta’ l-offerta tagħha.

192    B’risposta għal din id-domanda, ir-rikorrenti ppreżentat kalkoli magħmula bl-għajnuna tas-software Cocomo 2. Dan is-software jippermetti li tingħata stima ta’ l-isforz neċessarju għall-iżvilupp ta’ proġett informatiku, li huwa espress f’ĦX.

193    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konvenuta ma tikkontestax li l-metodu ta’ kalkolu implementat huwa metodu serju u stabbilit sewwa fis-suq.

194    Bil-kontra ta’ dan, minflok ma tikkonfuta l-karattru serju tas-software Cocomo 2, il-konvenuta tillimita ruħha li tirrifjuta l-metodu ta’ applikazzjoni ta’ dan is-software mir-rikorrenti. Għalhekk, hija tillimita ruħha li, minn naħa, tikkontesta l-kwalifiki attribwiti għall-parametri PREC u AEXP abbażi ta’ liema r-rikorrenti tibbaża l-kalkoli tagħha sabiex turi li l-offerta tagħha kienet tkun ta’ mill-inqas 30 % irħas li kieku kellha għarfien sħiħ ta’ l-informazzjoni teknika kollha li kienet nieqsa jew li ġiet ipprovduta tardivament sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, sabiex tikkontesta t-tqassim konkret tal-fattur ta’ riskju f’diversi elementi, li jirrigwardaw rispettivament id-databases, is-software Autonomy, is-source code u l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kunċett tekniku u d-dokumentazzjoni.

195    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwalifiki mogħtija lill-parametri li r-rikorrenti użat sabiex tagħmel il-kalkoli tagħha, għandu jiġi osservat li, safejn l-argumenti tal-konvenuta jikkontestaw l-imsemmija kwalifiki, il-konvenuta tinjora r-raġuni li għaliha saru dawn il-kalkoli.

196    Fil-fatt, il-kalkoli magħmula bl-għajnuna tas-software Cocomo 2 mhumiex intiżi sabiex jagħmlu paragun dirett bejn l-offerta tar-rikorrenti u dik ta’ l-offerent magħżul. Bil-kontra ta’ dan, dawn jiċċaraw id-differenza bejn il-prezz effettivament ippreżentat mir-rikorrenti u l-prezz li r-rikorrenti kienet probabbilment toffri li kieku hija kellha għarfien sħiħ ta’ l-informazzjoni teknika kollha li kienet nieqsa jew li ġiet ipprovduta tardivament.

197    Għall-finijiet ta’ dan il-paragun magħmul in abstracto, ir-rikorrenti kienet iġġustifikata meta assenjat il-kwalifika “Għoli ħafna” lill-parametri PREC u AEXP sabiex tikkalkula f’ĦX, qabel kollox, l-isforz neċessarju għal offerta ipotetika ta’ offerent li kellu l-informazzjoni teknika kollha rilevanti sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

198    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-parametri ta’ kalkolu tal-prezz effettivament offert mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, anki li kieku tiġi attribwita, kif titlob il-konvenuta, il-kwalifika “Nominali” lill-parametri PREC u AEXP, jinkiseb, abbażi ta’ kalkolu magħmul skond il-formula standard tas-software Cocomo 2 (ara l-punt 126 iktar’il fuq), valur ta’ madwar 19.8 ĦX għall-offerta ipotetika kkunsidrata mir-rikorrenti. Għalhekk, tali riżultat juri differenza ta’ sforz stmat ta’ mill-inqas 22 % bejn, minn naħa, l-offerta ppreżentata minn offerent li kellu għarfien sħiħ ta’ l-informazzjoni kollha neċessarja u, min-naħa l-oħra, offerta ppreżentata minn offerent li kellu għarfien medju.

199    Konsegwentement, għandu jiġi osservat li l-oġġezzjonijiet tal-konvenuta ma jikkonfutawx l-argument tar-rikorrenti li jgħid li minħabba n-nuqqas jew il-provvista tardiva ta’ xi informazzjoni tekknika irriżultat żieda kunsiderevoli fil-prezz ta’ l-offerta tagħha.

200    It-tieni nett, fir-rigward tat-tqassim konkret tal-fattur ta’ riskju f’diversi elementi li jirrigwardaw, rispettivament, l-arkitettura teknika, is-source code ta’ CORDIS u l-akkwist tas-software Autonomy (ara l-punt 122 iktar’il fuq), il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-kwistjoni li għandha tiġi deċiża hija dik ta’ jekk in-nuqqas ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti mn-naħa tal-Kummissjoni setax jaffettwa kunsiderevolment l-offerta tar-rikorrenti. It-tqassim tal-fattur ta’ l-argumentazzjoni tal-prezz ma kellu l-ebda rwol f’dan il-kuntest.

201    Fil-fatt, il-kalkoli magħmula mir-rikorrenti bl-għajnuna tas-software Cocomo 2 huma bbażati, essenzjalment, fuq il-kwalifika ġenerali (minn “Dgħajjef ħafna” sa l-iktar l-iktar “Nominali”) ta’ l-għarfien tad-data teknika tal-verżjoni preċedenti ta’ CORDIS, espressa mill-parametri PREC u AEXP, fejn it-tqassim skond informazzjoni teknika differenti m’għandu l-ebda rilevanza. Konsegwentement, għandu jiġi osservat li l-ilment tal-konvenuta f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

202    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar ukoll li l-preżenti evalwazzjoni tirrigwarda l-effetti ta’ l-irregolarità proċedurali li tikkonsisti fil-provvista tardiva ta’ xi informazzjoni teknika utli għat-tfassil ta’ l-offerti. Kif intqal fil-punt 149 iktar’il fuq, tali irregolarità tikkostitwixxi ksur ta’ l-ugwaljanza ta’ l-opportunitajiet ta’ l-offerenti, safejn, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li jintwera li l-kuntratt ikkontestat kien, b’mod ċert, jingħata lir-rikorrenti. Huwa bizzejjed li r-rikorrenti turi li, mingħajr il-ksur imsemmi, hija kien ikollha l-opportunità li tikseb il-kuntratt ikkontestat.

203    Fid-dawl tal-kalkoli magħmula abbażi tas-software Cocomo 2 u ppreżentati mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ġie stabbilit b’mod kredibbli li n-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ l-offerenti potenzjali f’dak li jirrigwarda d-dokumentazzjoni fuq l-arkitettura teknika u s-source code ta’ CORDIS setgħa kkawża effett negattiv fuq il-prezz offrut mir-rikorrenti billi ċaħħadha mill-opportunità li tikseb il-kuntratt ikkontestat.

204    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti billi ma pprovdietx lill-offerenti potenzjali kollha, sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, id-dokumentazzjoni kollha dwar l-arkitettura teknika u s-source code ta’ CORDIS u li l-ksur imsemmi setgħa għalhekk jaffetwa l-għoti tal-kuntratt ikkontestat.

205    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi milqugħa.

206    Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li jiġu evalwati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti, skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 126 tal-metodi ta’ implementazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

207    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenuta tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Lulju 2003, dwar l-għoti tal-kuntratt relatat mas-sejħa għal offerti Nru ENTR/02/055 – CORDIS lot Nru 2, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Jaeger

Azizi

Cremona

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2007.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I – CORDIS

II – Is-sejħa għal offerti in kwistjoni, l-offerent magħżul u l-għoti tal-kuntratt ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I – Fuq il-portata tar-rikors għall-annullament

II – Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A – Motivi invokati

B – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti

1. Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar il-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova ta’ tliet xhur mingħajr ħlas

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

i) Osservazzjonijiet preliminari

ii) Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti

1. Informazzjoni ġenerika

2. Fuq il-karattru diskriminatorju tal-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas

Informazzjoni ġenerika

Fuq il-vantaġġ intrinsiku fil-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas għall-kontraent attwali u għal offerent marbut miegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ sub-appalt

Fuq il-kwistjoni tat-tneħħija tal-vantaġġ intrinsiku għall-ħtieġa ta’ fażi ta’ prova mingħajr ħlas

3. Fuq il-possibbiltà li jiġi rrifjutat it-teħid tas-servizzi mill-kontraent il-ġdid qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova ta’ tliet xhur

2. Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar in-nuqqas li diversi informazzjonijiet tekniċi rilevanti jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-offerenti potenzjali kollha sa mill-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

a) L-argumenti tal-partijiet

i) Fuq l-aċċess għall-informazzjoni li tirrigwarda s-software Autonomy

ii) Fuq l-aċċess għad-dokumentazzjoni li tirrigwarda l-arkitettura teknika u s-source code ta’ CORDIS

iii) Fuq l-effett tan-nuqqas ta’ għarfien jew ta’ l-għarfien tardiv ta’ l-akkwist tas-software Autonomy kif ukoll ta’ l-arkitettura teknika u tas-source code ta’ CORDIS fuq l-offerta tar-rikorrenti

1. Fuq l-impatt ta’ l-aġir ikkontestat tal-Kummissjoni fuq il-kwalità ta’ l-offerta tar-rikorrenti

2. Fuq l-impatt ta’ l-aġir ikkontestat tal-Kummissjoni fuq il-prezz ta’ l-offerta tar-rikorrenti

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

i) Osservazzjonijiet preliminari

ii) Fuq l-allegat nuqqas ta’ trattament ugwali meta mqabbel ma’ l-offerent magħżul f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal xi informazzjoni teknika

1. Informazzjoni ġenerika

2. Fuq il-karattru tardiv ta’ l-għoti ta’ xi informazzjoni teknika mill-Kummissjoni

3. Fuq l-obbligu li jitneħħew il-vantaġġi ta’ l-offerent magħżul

iii) Fuq ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni pprovduta tardivament mill-Kummissjoni għall-offerti li jirrigwardaw il-kuntratt ikkontestat

1. Fuq ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni fir-rigward ta’ l-akkwist tas-software Autonomy

2. Fuq ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni fuq l-arkitettura teknika u s-source code ta’ CORDIS

iv) Fuq ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni pprovduta tardivament mill-Kummissjoni għall-offerta tar-rikorrenti

1) Fuq l-effett li d-dewmien fil-provvista ta’ xi informazzjoni teknika seta’ kellu fuq il-kwalità ta’ l-offerta tar-rikorrenti

– 2) Fuq l-effett li d-dewmien fil-provvista ta’ xi informazzjoni teknika seta’ kellu fuq il-prezz ta’ l-offerta tar-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: L-Ingliż.