Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fid-9 ta’ Marzu 2022 – Finanzamt Hamm vs Harry Mensing

(Kawża C-180/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Finanzamt Hamm

Konvenut: Harry Mensing

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom persuna taxxabbli tinvoka, abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Novembru 2018, Mensing 1 , il-fatt li l-provvista ta’ oġġetti tal-arti li ġiet ikkunsinnata lilha mingħand l-awtur (jew l-aventi kawża tiegħu) fil-kuntest ta’ provvista intra-Komunitarja eżentata, taqa’ wkoll taħt l-iskema ta’ marġni tal-Artikolu 311 et seq. tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 2 , l-ammont taxxabbli għandu jiġi ddeterminat eklużivament abbażi tad-dritt tal-Unjoni, skont il-punt 49 ta’ dik is-sentenza, b’mod li l-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma tistax tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (f’dan il-każ, it-tielet sentenza tal-Artikolu 25a(3) tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ)) fis-sens li t-taxxa marbuta mal-akkwist intra-Komunitarju ma tagħmilx parti mill-ammont taxxabbli?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 311 et seq. tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ użu tal-iskema ta’ marġni fir-rigward ta’ oġġetti tal-arti li kienu akkwistati preċedentement mill-awtur (jew l-aventi kawża tiegħu) fil-kuntest ta’ provvista intra-Komunitarja, it-taxxa marbuta mal-akkwist intra-Komunitarju tnaqqas l-iskema ta’ marġni jew hemm, f’dan ir-rigward, lakuna mhux intenzjonata tad-dritt tal-Unjoni li tista’ biss titneħħa mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mhux permezz tal-iżvilupp tal-ġurisprudenza?

____________

1     C-264/17, EU:C:2018:968.

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.