Language of document : ECLI:EU:T:2020:1

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

16 ta’ Jannar 2020 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-minjieri – Miżura li tikkonsisti, minn naħa, fit-tnaqqis tal-garanziji finanzjarji għar-restawr ta’ art li fiha kien hemm il-minjieri, u minn naħa l-oħra, l-investiment tal-Istat għar-restawr ta’ art li fiha kien hemm il-minjieri li jiżgura livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna – Vantaġġ – Trasferiment tar-riżorsi tal-Istat – Natura selettiva – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Kalkolu tal-ammont tal-għajnuna”

Fil-Kawża T‑257/18,

Iberpotash, SA, stabbilita f’Súria (Spanja), irrappreżentata minn N. Niejahr u B. Hoorelbeke, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/118 tal-31 ta’ Awwissu 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat (Il-każ SA.35818 (2016/C) (ex 2015/NN) (ex 2012/CP) li Spanja implimentat favur Iberpotash (ĠU 2018, L 28, p. 25),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn E. Buttigieg, li qiegħed jaġixxi bħala President, B. Berke (Relatur) u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Iberpotash, SA, hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Spanjol, li għandha u tiġġestixxi żewġ minjieri ta’ potassa f’attività f’Cataluña (Spanja), waħda fil-komun ta’ Súria u oħra fil-komuni ta’ Sallent u ta’ Balsareny (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“minjieri tar-rikorrenti”). Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija l-proprjetarja ta’ munzell tal-iskart tal-melħ ta’ Vilafruns (iktar ’il quddiem il-“munzell tal-iskart tal-melħ ta’ Vilafruns”) fejn intemmu l-attivitajiet tal-minjieri fl-1973.

2        Ir-rikorrenti hija sussidjarja ta’ ICL Fertilities, kumpannija multinazzjonali Iżraeljana, li hija l-ikbar produttur ta’ fertilizzanti fid-dinja. Hija akkwistat il-minjieri tal-Istat Spanjol abbażi ta’ ftehim ta’ bejgħ konkluż fil-21 ta’ Ottubru 1998 mas-Sociedad Estatal de Participaciones Industriales (SEPI), grupp ta’ impriżi tal-Istat Spanjol.

3        Fid-9 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti kisbet permess ambjentali sabiex tieħu l-potassa fuq is-sit minjier ta’ Súria u l-ammont tal-garanzija finanzjarja għal dan is-sit ġiet stabbilita għal EUR 773 682.28 (ammont li jammonta għal EUR 828 013.24 fl-2008). Fit-28 ta’ April 2008, ir-rikorrenti kisbet permess ambjentali sabiex tieħu l-potassa fuq is-sit minjier ta’ Sallent/Balsareny, li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-garanzija finanzjarja ġie ffissat għal EUR 1 130 128. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jikkostitwixxu deċiżjonijiet amministrattivi individwali u speċifiċi adottati mill-Generalidad de Cataluña (il-Generalidad ta’ Cataluña, Spanja).

4        Permezz ta’ sentenza tat-11 ta’ Ottubru 2011, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) iddeċidiet li l-pjan ta’ restawr tal-art tas-sit ta’ Sallent/Balsareny kien inkomplet u li, konsegwentement, l-ammont tal-garanzija finanzjarja relatat ma’ dan il-pjan kien żgħir wisq. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata fuq appell mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

5        L-ammont tal-garanzija finanzjarja, imsemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq, ma ġiex rivedut qabel l-2015, meta l-awtoritajiet Spanjoli pproponew ammonti ogħla b’mod sinjifikattiv ta’ EUR 6 979 471.83 fuq is-sit ta’ Sallent/Balsareny (ammont effettiv biss wara l-approvazzjoni tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) f’Diċembru 2016) u ta’ EUR 6 160 872.35 għas-sit ta’ Súria.

6        Fis-17 ta’ Diċembru 2007, il-Ministerio de Medio Ambiente (il-Ministeru tal-Ambjent, Spanja) u l-Agencia Catalana del Agua (l-Aġenzija Katalana tal-Ilma, Spanja) iffirmaw ftehim li permezz tiegħu huma ddeċiedew li jirkupraw l-antik munzell tal-Iskart ta’ Vilafruns. Abbażi ta’ dan il-ftehim, ix-xogħlijiet ta’ rkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafrs bdew f’Awwissu tal-2008 u komplew jaħdmu għal 18-il xahar. Dawn ix-xogħlijiet ġew kollha ffinanzjati mill-Ministerio de Hacienda (il-Ministeru tal-Finanzi, Spanja) u mill-Aġenzija Katalana tal-Ilma.

 Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali rilevanti

7        L-obbligi ambjentali ta’ operaturi tal-minjieri li jikkonċernaw il-mini attivi fil-komunità awtonoma Spanjola ta’ Cataluña huma stabbiliti fil-Ley 12/1981 por la que se establecen normas adicionales de protección de los espacios de especial interés natural afectados por actividades extractivas (il-Liġi Nru 12/1981 li Tistabbilixxi Regoli Addizzjonali għall-Protezzjoni ta’ Żoni ta’ Interess Naturali Partikolari Affettwati mill-Attivitajiet ta’ Estrazzjoni), tal-24 ta’ Diċembru 1981 (BOE Nru 30, tal-4 ta’ Frar 1982, p. 2874, iktar ’il quddiem il-“Liġi Katalana Nru 12/1981”) u mid-Decreto 202/1994 por el que se establecen los criterios para la determinación de las fianzas relativas a los programas de restauración de actividades extractivas (Digriet Nru 202/1994 li jistabbilixxi l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-garanziji relatati mal-programmi ta’ restawr tal-art marbutin ma’ attivitajiet ta’ estrazzjoni), tal-14 ta’ Ġunju 1994 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 202/1994”).

8        Id-Digriet Nru 202/1994 ġie ssostitwit permezz tar-Real Decreto 975/2009 sobre gestión de los residuos de las industrias extractivas y de protección y rehabilitación del espacio afectado por actividades de mineras (id-Digriet Irjali Nru 975/2009) dwar il-ġestjoni tal-iskart tal-industriji ta’ estrazzjoni u fuq il-protezzjoni u r-restawr tal-art affettwat mill-attivitajiet tal-minjieri), tat-12 ta’ Ġunju 2009 (BOE Nru 143, tat-13 ta’ Ġunju 2009, p. 49948, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 975/2009”) li ttrasponiet id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU 2006, L 102, p. 15) u li tapplika mill-1 ta’ Mejju 2014 għall-minjieri li kienu operati qabel l-1 ta’ Mejju 2008, bħalma huwa l-każ tal-minjieri tar-rikorrenti.

9        L-Artikolu 4 tal-Liġi Katalana Nru 12/1981 jipprovdi li kull talba għal awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ estrazzjoni għandha tinkludi programm ta’ restawr tal-art. Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi Katalana Nru 12/1981, il-programm ta’ restawr tal-art għandu jiddefinixxi l-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu u jikkumpensaw il-konsegwenzi danneġġanti fuq l-ambjent tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni previsti. Huwa għandu jinkludi l-miżuri ta’ restawr tal-art li għandhom jiġu eżegwiti fi tmiem id-diversi fażijiet tal-operat u fit-tmiem tal-attivitajiet fil-minjieri.

10      L-Artikolu 8(1), (1a) u (2) tal-Liġi Katalana Nru 12/1981 jipprevedi li, sabiex tiġi ggarantita l-applikabbiltà tal-programm ta’ restawr tal-art, l-operatur tal-minjieri huwa obbligat li jikkostitwixxi garanzija finanzjarja. L-ammont tal-garanzija tiġi stabbilita skont iż-żona affettwata mir-restawr tal-art jew skont il-kostijiet globali ta’ dan ir-restawr tal-art.

11      L-Artikolu 9 tal-Liġi Katalana Nru 12/1981 jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipproċedu bl-infurzar tal-programm ta’restawr tal-art jekk l-operatur ma jkunx kapaċi jeżegwixxi jew jirrifjuta li jagħmel dan. L-ispejjeż ta’ infurzar għandhom jitħallsu mill-operatur tal-minjieri u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu pagamenti ta’ penalità fuq l-operatur.

12      L-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 202/1994 jistabbilixxi kriterji addizzjonali sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-garanzija finanzjarja. Dawn il-kriterji kollha jirrigwardaw l-ispejjeż tal-miżuri u x-xogħlijiet speċjali inklużi fil-programm ta’ restawr tal-art. Għall-minjieri li ma jinsabux f’żoni ta’ interess naturali partikolari, bħall-minjieri tar-rikorrenti, l-Artikolu 3 tad-digriet jipprovdi li l-ammont tal-garanzija finanzjarja ddeterminat abbażi tal-Artikolu 2 tal-istess digriet jitnaqqas bin-nofs.

13      Fir-rigward tal-minjieri li ma humiex iktar attivi, l-Artikolu 121 tal-Ley 22/1973 de Minas (Liġi Nru 22/1973 dwar il-Minjieri), tal-21 ta’ Lulju 1973 (BOE Nru 176, tal-24 ta’ Lulju 1973, p. 15056, iktar ’il quddiem il-“Liġi Spanjola dwar il-Minjieri”), jipprevedi li l-proprjetarju ta’ minjiera li ma għadhiex taħdem għandu jikkonforma mal-pjanijiet ta’ restawr tal-art approvati mill-awtoritajiet inkarigati mill-attivitajiet tal-minjieri.

 Il-proċedura amministrattiva

14      Fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment anonimu li r-Renju ta’ Spanja kien qiegħed jimplimenta diversi miżuri ta’ għajnuna preżunti favur ir-rikorrenti.

15      Fl-10 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni. Ir-Renju ta’ Spanja wieġeb fit-8 ta’ Marzu 2013. Talbiet għal informazzjoni oħra ntbagħtu fl-14 ta’ Mejju 2013, fis-16 ta’ Jannar u fis-26 ta’ Marzu 2014, li r-Renju ta’ Spanja rrisponda għalihom permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Ġunju 2013, tal-14 ta’ Frar u tal-15 ta’ April 2014.

16      Fit-30 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ evalwazzjoni preliminari lil-lanjant, li fil-5 ta’ Marzu u fil-21 ta’ April 2015, ipprovda informazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, fid-9 ta’ Marzu 2015 saret laqgħa fil-preżenza tal-persuna li ressqet l-ilment, li pprovdiet informazzjoni addizzjonali oħra fl-4 ta’ Ġunju 2015.

17      Fid-9 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja r-risposta definittiva tal-lanjant għall-ittra ta’ evalwazzjoni preliminari flimkien ma’ talba għal informazzjoni addizzjonali. Ir-Renju ta’ Spanja wieġeb fit-8 ta’ Lulju 2015. Fuq talba tar-Renju ta’ Spanja, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ittra tal-evalwazzjoni preliminari ntbagħtet lilu fil-31 ta’ Lulju 2015.

18      Fis-26 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali għal żewġ miżuri ta’ għajnuna preżunti, jiġifieri l-għoti mir-Renju ta’ Spanja lir-rikorrenti, minn naħa, ta’ vantaġġ fil-forma ta’ kummissjonijiet ta’ garanzija mnaqqsa u, min-naħa l-oħra, minn għajnuna għall-investiment għall-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 142, p. 18). Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdu l-osservazzjonijiet tagħhom u l-informazzjoni addizzjonali, li huma ppreżentaw fit-28 ta’ Novembru 2016.

19      Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati u tar-rikorrenti u bagħtithom lir-Renju ta’ Spanja li ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fis-27 ta’ Lulju 2016 u fis-6 ta’ April 2017.

 Id-deċiżjoni kkontestata

20      Fil-31 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2018/118 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35818 (2016/C) (ex 2015/NN) (ex 2012/CP) implimentata minn Spanja għal Iberpotash (ĠU 2018, L 28, p. 25, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiddikjara ż-żewġ miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni inkompatibbli mas-suq intern (Artikolu 1(1) u (3)) u li tordna l-irkupru tagħhom (Artikoli 2 u 3).

21      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara kif ġej:

“Artikolu 1

1. L-għajnuna mill-Istat favur Iberpotash f’għamla ta’ imposti fuq il-garanziji aktar baxxi milli suppost li jirriżultaw minn livell baxx wisq tal-garanziji għall-perjodu 2006-2016, li tammonta għal EUR 1,864,622, mogħtija minn Spanja b’mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern.

2. L-għajnuna mill-Istat għall-kisi tal-munzell ta’ skart ta’ Vilafruns, li tammonta għal EUR 3,902,461.30, mogħtija minn Spanja favur Iberpotash b’mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], hija inkompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) [TFUE].

3. Il-parti li fadal tal-għajnuna mill-Istat għall-kisi tal-munzell ta’ skart ta’ Vilafruns, li tammonta għal EUR 3,985,109.70, mogħtija minn Spanja favur Iberpotash b’mod illegali, bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1. Spanja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikoli 1(1) u (3) mingħand il-benefiċjarju.

2. L-ammonti li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru reali tagħhom.

3. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4. Spanja għandha tikkanċella l-pagamenti tal-għajnuna pendenti kollha msemmija fl-Artikolu 1(1) u (3) b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1) u (3) għandu jkun immedjat u effettiv.

2. Spanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

[…]”

22      Id-deċiżjoni kkontestata tidentifika żewġ miżuri ta’ għajnuna.

23      Minn naħa, għajnuna mill-Istat li tieħu l-forma ta’ spejjeż bankarji mnaqqsa wara t-tnaqqis tal-garanziji matul il-perijodu 2006–2016, li l-ammont tiegħu huwa ta’ EUR 1 864 622 (iktar ’il quddiem il-“miżura 1”).

24      Min-naħa l-oħra, miżura li tikkonċerna l-investiment għall-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns (iktar ’il quddiem il-“miżura 4”), li, minn naħa, tikkostitwixxi, għall-parti ekwivalenti għal ammont ta’ EUR 3 902 461.30, miżura kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, peress li hija konformi mal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent (2008/C 82/01), (ĠU 2008, C 82, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Linji gwida tal-2008”) u, min-naħa l-oħra, għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari għall-parti li teċċedi l-intensità massima tal-għajnuna għall-investiment li tippermetti t-titjib tal-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent, li jammonta għal EUR 3 985 109.70.)

25      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fir-rigward tal-“miżura 1”, il-Kummissjoni tippreċiża, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li qabel kollox għandu jiġi evalwat jekk il-livell tal-garanziji finanzjarji stabbilit mill-awtoritajiet Spanjoli kienx inqas mil-livell meħtieġ mil-leġiżlazzjoni applikabbli, ħaġa li hija tanalizza fil-premessi 56 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata.

26      Fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar li l-ammont tal-garanziji finanzjari ġie stabbilit mill-Généralité ta’ Cataluña, f’żewġ deċiżjonijiet individwali u speċifiċi adottati fir-rigward tar-rikorrenti: l-ewwel liċenzja, mogħtija fid-9 ta’ Novembru 2006, li ppermettiet lir-rikorrenti li teżerċita l-attivitajiet ta’ operat tas-sit tal-minjieri ta’ Súria, iffissat l-ammont tal-garanzija finanzjarja għal EUR 773 682.28 (miżjuda għal EUR 828 013.24 fl-2008); it-tieni waħda, mogħtija fit-28 ta’ April 2008, għas-sit tal-minjieri ta’ Sallent/Balsareny, iffissat l-ammont tal-garanzija finanzjarja għal EUR 1 130 128. Dawn l-ammonti ġew riveduti fl-2015, meta l-awtoritajiet Spanjoli pproponew ammonti ogħla b’mod sinjifikattiv ta’ EUR 6 979 471.83 fuq is-sit ta’ Sallent/Balsareny (ammont effettiv biss wara l-approvazzjoni tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) f’Diċembru 2016) u ta’ EUR 6 160 872.35 għas-sit ta’ Súria (ammont effettiv minn Mejju 2015).

27      Fir-rigward tal-livell tal-garanziji finanzjarji pprovduti mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tenfasizza dan li ġej:

“(61) F’dan ir-rigward ta’ min wieħed jenfasizza li l-ewwel huwa f’dejn l-awtoritajiet ambjentali kompetenti li jiddeterminaw u japprovaw l-ammonti tal-garanziji finanzjarji skont ir-regoli nazzjonali jew reġjonali applikabbli fil-każ partikolari. Għalkemm il-Kummissjoni hija responsabbli biex tissalvagwardja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva [2006/21] dwar l-iskart mill-Estrazzjoni, li hija applikabbli għall-garanziji finanzjarji ta’ Iberpotash mill-1 ta’ Mejju 2014, din id-direttiva tħalli diskrezzjoni sinifikanti lill-Istati Membri biex jiddeterminaw l-ammont preċiż ta’ dawn il-garanziji. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma daħlitx għal evalwazzjoni tagħha stess tal-livelli korretti tal-garanziji finanzjarji skont id-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni, iżda tillimita l-valutazzjoni tagħha għal evalwazzjoni tal-evidenza eżistenti tal-insuffiċjenza tal-garanziji finanzjarji. Fil-fatt, hemm għadd ta’ elementi ta’ evidenza li jissuġġerixxu li l-ammont tal-garanziji finanzjarji kif iffissati mill-awtoritajiet pubbliċi fl-2006 u fl-2008 kien eventwalment aktar baxx milli mitlub mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

(62) L-aktar fatt importanti huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja (Tribunal Superior de Justicia de Cataluña) iddeċidiet fil-11 ta’ Ottubru 2011 li l-ammont tal-garanzija finanzjarja għall-munzell ta’ skart ta’ Cogulló fis-sit ta’ Iberpotash f’Balsareny/Sallent bl-ammont ta’ EUR 585 153 kien aktar baxx milli meħtieġ. Is-sentenza tikkonkludi li l-ammont tal-garanzija ma jirrispettax il-parametri legali u regolatorji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li tagħmel referenza partikolari għall-Artikolu 8(2) tal-Liġi [ta’ Cataluña] 12/1981 u għad-Digriet 202/1994 […].Din is-sentenza ġiet ikkonfermata bis-sħiħ fl-appell bis-sentenza tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo) tad-9 ta’ Lulju 2014. Fl-aħħar, kif ġie nnutat mill-awtoritajiet Spanjoli, bid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja kkonfermat li l-ammont il-ġdid propost ta’ EUR 6 979 471.83 għas-sit kollu f’Balsareny/Sallent kien adegwat.

(63)      Fid-dawl tas-sentenza nazzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja tal-11 ta’ Ottubru 2011, li b’mod awtorevoli tinterpreta r-regoli rilevanti nazzjonali, il-Kummissjoni tqis li ntwera li l-ammont oriġinali tal-garanzija finanzjarja għas-sit [tar-rikorrenti] f’Balsareny/Sallent iffissat fl-2006 fil-livell ta’ EUR 1 130 128 […] kien ferm insuffiċjenti. […]

(64)      Minkejja li m’hemmx sentenza tal-qorti simili rigward il-garanzija għas-sit ta’ Súria, hemm evidenza konvinċenti li s-sejba ta’ insuffiċjenza ċara tal-livell ta’ garanzija kienet tkun daqstant probabbli f’każ ta’ kwalunkwe kawża l-qorti. L-ammont tal-garanzija oriġinali ta’ EUR 773 682.28 (li żdied għal EUR 828 013.24 fl-2008) jirrifletti b’mod proporzjonali l-fatt li s-sit f’Súria huwa iżgħar minn dak f’Balsareny/Sallent fir-rigward tal-massa tal-iskart akkumulat u l-erja totali tal-munzelli ta’ skart. Barra minn hekk, il-garanzija għal Súria żdiedet b’mod sinifikanti għal EUR 6 160 872.35 fl-istess żmien bħal dik għal Balsareny/Sallent (jiġifieri biss wara l-ordni tal-qorti u l-konferma tagħha fl-appell) u bi proporzjon saħansitra ogħla (aktar minn 7 darbiet ogħla). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe fattur ieħor li jispjega d-differenza tal-ammonti tal-garanziji għal Súria minn naħa u għal Balsareny/Sallent min-naħa l-oħra, l-ammont tal-garanzija għal Súria jista’ wkoll jitqies insuffiċjenti.

[…]

(66)      Apparti s-sejba awtorevoli minn qorti nazzjonali, l-investigazzjoni żvelat diversi elementi oħra ta’ evidenza li [kienu] ikkorroboraw is-sejba li l-livell oriġinali tal-garanziji finanzjarji kien aktar baxx milli suppost.

(67)      [T]raskrizzjoni uffiċjali mis-seduta ta’ smigħ quddiem il-Kumitat Ambjentali tal-Parlament Katalan tat-2 ta’ Ottubru 2013, bi stqarrijiet espliċiti mid-Direttur Ġenerali għall-Ambjent tal-Generalitat de Catalunya [il Généralité] li skonthom il-garanziji kienu insuffiċjenti b’mod ċar. […] Minkejja li t-traskrizzjonijiet ta’ diskussjoni politika fil-Parlament ma fihomx ġustifikazzjoni rilevanti għall-ammont mgħoddi, u għalhekk iridu jiġu ttrattati b’mod kawt, l-ordnijiet tad-daqs u d-differenza mill-ammont reali fil-fatt jikkonfermaw il-konklużjonijiet milħuqa mill-esperti fil-qasam, li qiesu l-ammont tal-garanziji ffissati fl-2006 u l-2008 bħala insuffiċjenti b’mod ċar.

(68) It-tieni, l-Ilmentatur issottometta studju ta’ Awwissu tal-2012 li kkummissjona minn esperti tal-ambjent (“Studju ERF”). L-istudju huwa stħarriġ minn esperti li janalizza u jikkompila ammont kbir ta’ informazzjoni eżistenti (legali, akkademika jew li tirriżulta minn investigazzjoni tas-suq) dwar is-suġġett rilevanti. L-Istudju ERF analizza s-sitwazzjoni eżistenti fir-rigward tal-impatt ambjentali tas-siti tal-minjieri [tar-rikorrenti] u l-iżviluppi futuri previsti rigward l-ammont totali tal-materjal akkumulat fil-munzelli ta’ skart. Huwa jikkonkludi li l-impatt ambjentali tal-munzelli ta’ skart kien sinifikanti u mistenni li jibqa’ jikber fil-futur.

[…]

(72)      Fuq din il-bażi, l-Istudju ERF iqis li l-ammont tal-garanzija finanzjarja bbażat fuq ir-regoli leġiżlattivi l-ġodda tad-Digriet Rjali 975/2009 definittivament m’għandux ikun aktar baxx mill-kostijiet bażiċi tar-riabilitazzjoni fl-2012, li jammontaw għal EUR 71 miljun għaż-żewġ siti, u l-ammont adegwat tagħha, bil-kunsiderazzjoni tal-kostijiet totali fil-futur, għandu jkun madwar EUR 100 miljun.

[…]

(75) [Fir-rigward tal-kritiki tar-rikorrenti li l-istudju FER ma jistax iservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-garanziji, i]l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-istudju ma jsegwix d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet Nru 202/1994 u jiffoka aktar fuq il-kundizzjonijiet tad-Digriet Rjali 975/2009 li jittrasponi d-Direttiva [2006/21]dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni filwaqt li jiffoka fuq il-kostijiet mistennija tar-riabilitazzjoni. Madankollu, ir-riżultati tiegħu li jindikaw il-kostijiet stmati ta’ riabilitazzjoni għas-siti individwali [tar-rikorrenti] huma bbażati fuq metodoloġija soda u suppożizzjonijiet raġonevoli kif deskritti hawn fuq fil-premessi 68–73 u għalhekk huma rilevanti għall-kalkolu tal-garanziji anki fil-qafas tad-Digriet Nru 202/1994. Dan huwa muri b’mod partikolari fl-Artikolu [2(4)(h)] tad-Digriet 202/1994, li jirreferi għall-kostijiet ta’ kwalunkwe miżura speċifika oħra li tista’ tkun meħtieġ u b’hekk mhux qed jillimita l-kalkolu għall-miżuri individwalment elenkati fil-punti preċedenti tal-Artikolu 2)”.

28      Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni, fil-premessi 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi miġbura u r-rapporti ppreżentati mill-esperti kienu jikkorroboraw id-dikjarazzjoni tal-qorti nazzjonali li tgħid li l-ammonti inizjali tal-garanzija finanzjarja kienu manifestament insuffiċjenti sabiex jiġi żgurat restawr tal-art fi stat xieraq u li, konsegwentement, dawn l-ammonti kienu effettivament inferjuri għal-livell normalment meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Għalhekk, ir-rikorrenti ngħatat vantaġġ ekonomiku f’għamla ta’ kummissjonijiet bankarji mraħħsa mħallsa ta’ kull sena għall-garanzija finanzjarja. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kisbet vantaġġ ekonomiku li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-kummissjonijiet bankarji mħallsa annwalment għall-kollateral finanzjarju. Ir-rikorrenti bbenefikat minn vantaġġ selettiv fil-forma ta’ kummissjonijiet bankarji inqas għoljin li jirriżultaw minn garanziji iktar baxxi minn dawk mitluba mingħand l-operaturi l-oħra li kienu jinsabu f’pożizzjoni simili.

29      Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-impjieg tar-riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni tirrimarka dan li ġej:

“(88)      Il-Kummissjoni tinnota li l-garanziji inkwistjoni f’dan il-każ mhux qed jiġu eżaminati taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat rigward l-ammont ta’ imposta [kummissjoni] possibbilment mitluf fid-dawl tar-riskju jew l-esponiment għar-riskju tal-garanti (jiġifieri bank privat, mhux l-Istat), iżda rigward ir-riskju għall-Istat fil-każ li l-ammont ta’ garanzija jkun aktar baxx mill-kostijiet reali tad-dannu għall-ambjent u li l-kumpanija li għandha l-garanzija ma tħallasx jew ma tistax tħallas il-kostijiet sħaħ tar-riabilitazzjoni.

[…]

(90)      Il-garanzija finanzjarja [mir-rikorrenti] hija pprovduta f’għamla ta’ garanzija bankarja, li mhijiex liberament disponibbli għall-Istat tista’ tintuża biss għal miżuri strettament definiti mil-liġi, b’mod partikolari għall-iffinanzjar tat-tneħħija ta’ skart, ir-riabilitazzjoni tas-sit u miżuri ambjentali oħrajn fil-każ li [ir-rikorrenti] ma tissodisfax l-obbligi ambjentali tagħha. L-Istat mhu qed jikseb l-ebda mgħax fuq il-fondi tal-garanzija jew vantaġġ finanzjarju ieħor li se jitnaqqas f’każ ta’ ammont aktar baxx tal-garanzija. Barra minn hekk, l-Istat s’issa ma kienx f’pożizzjoni fejn kien meħtieġ li jagħmel kwalunkwe użu mill-garanzija għal kwalunkwe wieħed mill-għanijiet ta’ hawn fuq. Madankollu, anke jekk l-ammont imnaqqas tal-garanzija s’issa ma wassalx għal kwalunkwe effett potenzjali fuq ir-riżorsi tal-Istat, dan il-fatt waħdu ma jeskludix l-eżistenza ta’ effett potenzjali fuq ir-riżorsi tal-Istat minħabba r-riskju miżjud li l-Istat jiġi obbligat jonfoq ir-riżorsi tiegħu fil-futur.

(91)      Fil-fatt, il-ħolqien ta’ riskju konkret tal-impożizzjoni futura ta’ piż addizzjonali fuq l-Istat huwa suffiċjenti għall-għanijiet li jiġi ssodisfat il-kunċett tal-għajnuna mill-Istat, skont l-Artikolu 107(1) [TFUE]. Il-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] sostniet ukoll li r-rabta ma’ u l-effett fuq ir-riżorsi tal-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat [kienet] teħtieġ li tkun diretta biex jiġi ssodisfat dan il-kriterju.

(92)      L-għan innifsu ta’ dawn il-garanziji finanzjarji huwa li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-estrazzjoni jkollhom riżorsi suffiċjenti mwarrba biex ikopru kostijiet futuri ta’ riabilitazzjoni, tkun liema tkun il-qagħda finanzjarja tagħhom fil-futur (ta’ spiss pjuttost imbiegħed). Għalhekk huwa evidenti li fil-każ li l-ammont tal-garanzija jkun ferm aktar baxx mill-kostijiet mistennija tar-riabilitazzjoni, hemm mill-inqas riskju miżjud li r-riżorsi tal-Istat forsi jiġu affettwati fil-futur. Dan ir-riskju tal-kostijiet potenzjali għall-baġit pubbliku huwa biċ-ċar ogħla milli fil-każ li l-ammont garantit ikun ġie ffissat b’mod korrett b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kostijiet mistennija ta’ riabilitazzjoni. Jekk dawn ir-riżorsi jkunu ferm aktar baxxi milli meħtieġ, ir-riżorsi tal-Istat, fl-aħħar mill-aħħar jispiċċaw biex ikollhom ikopru parti ikbar minn dawn il-kostijiet fil-każ li [ir-rikorrenti], għal kwalunkwe raġuni, ma tkunx trid jew ma tkunx tista’ tagħmel dan. Barra minn hekk, fil-każ li [ir-rikorrenti] ma tkunx kapaċi tħallas il-kostijiet tar-riabilitazzjoni fil-futur, il-possibbiltà allegata għall-awtoritajiet Spanjoli li jissekwestraw assi [tar-rikorrenti] x’aktarx li ma twassalx għal riżorsi addizzjonali sinifikanti peress li l-uniċi assi Spanjoli [tar-rikorrenti] (u tal-grupp ICL kollu) huma l-faċilitajiet tagħha ta’ estrazzjoni tal-potassa. Madankollu, malli jingħalqu l-minjieri tal-potassa, il-valur ta’ dawn l-assi jkun dubjuż.

(93)      Il-fatt li l-Istat ikun obbligat jinvolvi ruħu fuq inizjattiva tiegħu stess fil-każ li [r-rikorrenti]ma tkunx trid jew ma tkunx tista’ tieħu l-miżuri ta’ riabilitazzjoni meħtieġa rigward il-munzelli ta’ skart tagħha huwa stabbilit sew fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

(94)      L-ewwel, skont l-Artikolu 102 tal-Liġi 39/2015, l-Istat jista’ jieħu miżuri minflok il-parti legalment responsabbli għat-teħid ta’ tali miżuri. Spanja jkollha (i) tordna [lir-rikorrenti] tieħu miżuri ddefiniti b’mod speċifiku; (ii) tinforma [lir-rikorrenti] li nkella, l-amministrazzjoni se tieħu dawk il-miżuri hija stess, u b’liema kostijiet; (iii) timplimenta dawn il-miżuri; u (iv) tipprova tirkupra l-kostijiet [mir-rikorrenti], ħaġa mhux possibbli mid-definizzjoni tagħha jekk Spanja jkollha teżegwixxi l-garanzija finanzjarja insuffiċjenti. Filwaqt li formalment, din il-possibbiltà hija waħda fakultattiva, fil-każ li [r-rikorrenti] tonqos li taqdi l-obbligi tagħha li tirriabilita l-faċilitajiet tagħha, Spanja ma jkollhiex għażla oħra ħlief li tħallas bil-quddiem għal riabilitazzjoni bħal din, peress li nkella, Spanja ma tikkonformax mal-obbligi tagħha stess.

(95)      It-tieni, kif ġie nnutat fil-premessa 13, Spanja tista’ tkun qed tikser l-obbligi tagħha fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Iskart mill-Estrazzjoni u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Għalhekk, fil-każ li [r-rikorrenti] tabbanduna l-faċilitajiet tagħha wara li teżawrixxi r-riżorsi minerali u ma tirriabilitax dawn il-faċilitajiet, minħabba l-garanzija insuffiċjenti, l-uniku mod ta’ kif Spanja tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha fil-qafas ta’ dawk id-Direttivi u eventwalment tevita li tħallas penali ta’ kuljum imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea huwa li hija stess tħallas għat-tneħħija tal-munzelli ta’ skart tal-melħ jew riabilitazzjoni ugwalment effikaċi.

(96)      It-tielet, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi Spanjola 27/2006 tat-18 ta’ Lulju 2006, l-awtoritajiet Spanjoli jistgħu jkunu obbligati jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fil-qafas tal-leġiżlazzjoni ambjentali. Kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stipulati fil-Liġi 27/2006 tista’, fil-każ ta’ ksur ambjentali elenkat fl-Artikolu 18(1) tal-Liġi 27/2006 (inkluż, pereżempju, każijiet ta’ ksur rigward l-obbligi fil-qasam tal-ħarsien tal-ilma), tieħu azzjoni fil-qorti biex iġġiegħel lill-amministrazzjoni tikkonforma mal-obbligi ambjentali tagħha.

[…]

(98)      Finalment, l-awtoritajiet Spanjoli stess jindikaw li skont l-Artikolu 9 tal-Liġi [Katalana] 12/1981, fil-każ li l-operatur ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu, l-Administratión de la Generalitat tista’ teżegwixxi dawn il-miżuri b’mod sfurzat bil-kostijiet imġarrba mill-operatur. Huma jindikaw li fil-prattika, l-amministrazzjoni timplimenta l-miżuri rilevanti, li mbagħad ikunu ffinanzjati bil-garanzija finanzjarja jew, fil-każ li l-garanzija tkun insuffiċjenti, bil-bejgħ tal-assi tal-operatur. Għalhekk, fil-każ li l-garanziji finanzjarji jkunu ferm aktar baxxi milli meħtieġ, l-amministrazzjoni pubblika tkun f’riskju li l-assi tal-operatur ma jkunux suffiċjenti għall-finanzjament tal-miżuri rilevanti li tkun eżegwixxiet. Dan jikkonferma li garanzija finanzjarja baxxa żżejjed iżżid ir-riskju li l-miżuri ta’ riabilitazzjoni meħuda mill-amministrazzjoni ma jkunux koperti biżżejjed bl-assi tal-operatur (b’mod partikolari fil-każ li ma jkollux attivitajiet Spanjoli oħra, bħal fil-każ [tar-rikorrenti]) u jkollhom jitħallsu mir-riżorsi pubbliċi.

(99)      Għalhekk, livell ta’ garanziji li jkun ferm aktar baxx minn dak meħtieġ skont il-liġi jkun qed jesponi lill-Istat għal riskju konkret ta’ piż addizzjonali fuq ir-riżorsi tiegħu. Ir-riskju miżjud ta’ piż addizzjonali fuq l-Istat b’hekk ikun konkret biżżejjed biex jikkostitwixxi mill-inqas impatt potenzjali fuq ir-riżorsi tal-Istat minħabba livell baxx iżżejjed tal-garanzija finanzjarja.”

30      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, il-Kummissjoni tqis li:

“(102) [I]l-kostijiet imnaqqsa [tar-rikorrenti] minħabba livell aktar baxx ta’ garanziji finanzjarji milli meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni rilevanti jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni fis-swieq fejn […] hija attiva – fuq kollox is-swieq tal-potassa u tal-melħ. Kif qed jiġi spjegat aktar ’l quddiem (ara l-premessa 110 u s-segwenti), dan it-tnaqqis fil-kostijiet ammonta għal madwar EUR 1.8 miljun tul il-perjodu rilevanti u għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li qed isostnu l-awtoritajiet Spanjoli, ma kienx negliġibbli.

(103)      Barra minn hekk, il-fatt li [r-rikorrenti] hija l-uniku produttur Spanjol tal-potassa ma jeskludix distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni billi s-suq ġeografiku rilevanti huwa definittivament usa’ mis-suq nazzjonali Spanjol.

[…]

(106)      Kif diġà ġie indikat aktar ’il fuq, is-swieq tal-potassa u tal-melħ huma definittivament swieq transfruntiera bil-50 % tal-produzzjoni [tar-rikorrenti] li tiġi esportata lejn pajjiżi Ewropej oħrajn. Għalhekk, il-livell imnaqqas tal-garanziji finanzjarji jista’ jasal biex jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE.”

31      Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-għajnuna, il-Kummissjoni tqis dan li ġej:

“(109)      L-istabbiliment tal-ammont reali tal-għajnuna l-ewwel jirrikjedi mill-inqas li jiġi ddeterminat ammont bejn wieħed u ieħor “korrett” tal-garanziji finanzjarji skont ir-regoli leġiżlattivi applikabbli tul il-perjodu rilevanti. Imbagħad, l-ammont tal-għajnuna jkun jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont mistenni tal-imposti bankarji li [r-rikorrenti] kellha tħallas biex dan jikkostitwixxi l-ammont ta’ garanzija ffissat b’mod korrett, u l-ammont annwali reali li l-kumpanija ħallset.

[…]

(111)      Peress li, skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri ta’ Barċellona sabet f’Diċembru tal-2016 li l-ammont miżjud ta’ EUR 6 979 471.83 għas-sit ta’ Balsareny/Sallent jikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-Kummissjoni tqis li bħalissa, l-ammont “korrett” tal-garanziji għal Balsareny/Sallent jikkorrispondi għall-ammont attwalment applikabbli approvat mill-qorti.

(112)      Barra minn hekk, il-Kummissjoni b’analoġija (ara wkoll il-premessa 64 ta’ hawn fuq) tqis li l-ammont miżjud ta’ EUR 6 160 872.35 għall-garanzija għal Súria applikabbli mill-2015 ’il quddiem jista’ jitqies ukoll konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Minkejja li m’hemmx konklużjoni awtorevoli minn qorti rigward dan is-sit, l-ammont miżjud tal-garanzija għal sit iżgħar f’Súria huwa fil-fatt komparabbli mal-ammont approvat għal Balsareny/Sallent. Dan jikkonferma li l-ammont jista’ jitqies adegwat u konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

[…]

(123)      [L]-ammont totali tal-għajnuna mogħtija [lir-rikorrenti], fl-għamla ta’ imposti bankarji aktar baxxi għal-livell imnaqqas tal-garanziji għall-perjodu kollu 2006-2016, jikkorrispondi għal EUR 1 864 622.”

32      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-miżura 4, il-Kummissjoni tippreċiża, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, dan li ġej:

“(125)      Fis-17 ta’ Diċembru 2007, il-Ministeru tal-Ambjent ta’ Spanja u l-Generalitat de Catalunya ffirmaw konvenzjoni li biha qablu li jikkooperaw u jaqsmu l-kostijiet rigward il-proġett immirat biex jitgħatta l-munzell ta’ skart ta’ Vilafruns biex b’hekk jitnaqqas l-impatt ambjentali negattiv tiegħu. Il-kost totali ta’ investiment ammonta għal EUR 7 887 571 u kollu kemm hu ġie kopert minn awtoritajiet pubbliċi, kif ġie miftiehem fil-konvenzjoni tal-2007.

[…]

(131)      [Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ta’ ġestjoni tal-iskart tal-minjieri kkawżat mill-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns] kienet ibbażata fuq l-Att Spanjol 6/1993 tal-15 ta’ Lulju 1993 dwar il-ġestjoni tal-iskart u wkoll fuq id-Digriet Legali Rjali 1/2001 tal-20 ta’ Lulju 2001, li jabbozza mill-ġdid l-Att Spanjol dwar l-Ilma. Il-parti terza ssostni li l-fatt li Vilafruns ma kienx attiv iżjed meta ġie akkwistat [mir-rikorrenti] huwa irrelevanti peress li kwalunkwe detentur ta’ konċessjoni tat-tħaffir jeħtieġlu jimmaniġġja kwalunkwe skart tal-minjieri fl-intier tiegħu, jiġifieri inkluż kull skart iġġenerat qabel l-akkwiżizzjoni tal-konċessjoni mid-detentur.

[…]

(138)      Il-Kummissjoni tqis li, irrispettivament mil-livell tal-obbligi [tar-rikorrenti] rigward Vilafruns, ma jistax jiġi aċċettat li investiment pubbliku ta’ EUR 7.9 miljun f’ħarsien tal-ambjent ferm aħjar u li, bi prinċipju, jikkorrispondi għar-riabilitazzjoni tas-sit ta’ estrazzjoni mingħajr l-ebda kost ta’ investiment [għar-rikorrenti] ma kien fil-fatt iwassal għall-ebda vantaġġ ekonomiku [tar-rikorrenti]. L-installazzjoni tal-kisi tal-munzell ta’ skart kellha l-għan li tnaqqas b’mod sinifikanti t-tniġġis ikkawżat minn tnixxijiet mill-munzell ta’ Vilafruns. Il-miżuri alternattivi fin-nuqqas ta’ għajnuna ma kinux se jipprovdu protezzjoni daqshekk tajba u fit-tul u kienu se jesponu [lir-rikorrenti] għar-riskju li jkollha ġġarrab il-konsegwenzi tat-tniġġis (kif juru s-sentenzi kriminali tat-18 ta’ Diċembru 2014 u tal-25 ta’ Frar 2015 b’rabta ma’ siti oħra tal-estrazzjoni – ara l-premessi 27 u 94 tad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ). Għaldaqstant, il-kostruzzjoni tal-faċilità mħallsa minn riżorsi pubbliċi tat [lir-rikorrenti] il-possibbiltà li tipprevjeni aħjar it-tniġġis, it-tnaqqis tar-riskji ambjentali għall-futur u li tipprovdi riabilitazzjoni fit-tul tal-munzell (b’konformità ma riabilitazzjonijiet simili ta’ munzelli ta’ skart tal-melħ fi Franza jew fil-Ġermanja, kif ġie spjegat aktar ’il fuq fil-premessi 26 u 32). [Ir-rikorrenti] kienet tkun obbligata fl-aħħar mill-aħħar li tiżgura riabilitazzjoni xierqa tal-munzell ta’ skart ta’ Vilafruns.

(139)      U fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija selettiva peress li hija mmirata speċifikament għall-finanzjament pubbliku tal-kisi tal-munzell ta’ skart ta’ Vilafruns fis-sjieda [tar-rikorrenti].

[…]

(148)      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tasal għall-fehma li l-Miżura 4 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 7 887 571, u għalhekk sejra tivvaluta l-legalità u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.”

33      Fir-rigward tal-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura 1 kienet tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament tar-rikorrenti, peress li hija kienet ippermettiet li l-ispejjeż tal-kummissjonijiet ta’ garanzija jkunu inqas minn dawk normalment applikabbli matul il-perijodu inkluż ta’ bejn l-2006 u l-2016, li jkun inkompatibbli mas-suq intern peress li hija ma sabet ebda element insostenn ta’ kompatibbiltà eventwali ta’ din l-għajnuna, li kienet ingħatat mingħajr ma kellha ebda għan ta’ interess komuni apparenti.

34      Fir-rigward tal-miżura 4, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni osservat, fil-premessi 156 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kien jikkostitwixxi għajnuna kompatibbli, abbażi tal-punt 3.1.1 tal-Linji gwida tal-2008 dwar l-għajnuna lill-impriżi li jaqbżu l-livell ta’ protezzjoni ambjentali impost mir-regoli tal-Unjoni Ewropea jew li jżidu dan il-livell fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni.

35      Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kien ippermetta lir-rikorrenti li żżid il-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent li jirriżulta mill-attivitajiet tagħha fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkalkolat l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli, li kien jammonta għal EUR 7 804 922.60, it-tieni nett, iddeterminat l-intensità massima tal-għajnuna ammessa għar-rikorrenti, bħala impriża kbira, li tikkorrispondi għal 50 % tal-ispejjeż eliġibbli, u, it-tielet nett, iffissat il-bilanċ tal-ammont totali tal-għajnuna inkompatibbli għal EUR 3 985 109.70.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ April 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

37      Il-Kummissjoni pprżentat ir-risposta tagħha fit-23 ta’ Lulju 2018.

38      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fis-27 ta’ Settembru 2018. Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fit-12 ta’ Novembru 2018.

39      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonstata li l-miżura 1 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u tordna l-irkupru tagħha;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tiffissa l-ammont tal-għajnuna illegali iżda kompatibbli u l-ammont tal-għajnuna illegali li għandu jiġi rkuprat fil-kuntest tal-miżura 4;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

40      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

41      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżura 1 kienet timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżura 1 kienet tagħti vantaġġ jew, sussidjarjament, sa fejn hija ma stabbilixxietx li l-ammonti inizjali tal-garanziji finanzjarji kienu baxxi wisq. It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura 4 kienet tagħti vantaġġ selettiv. Il-ħames motiv, ippreżentat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), sa fejn il-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod korrett l-ammont tal-eventwali għajnuna li tirriżulta mill-miżura 4.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżura 1 kienet timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat

42      Ir-rikorrenti tallega li l-miżura 1 ma tissodisfax il-kriterju tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, peress li din ma wasslet għal ebda tnaqqis fil-baġit tal-Istat.

43      Fl-ewwel lok, il-garanziji finanzjarji, li r-rikorrenti kellha tikkostitwixxi għar-restawr ta’ art tas-siti minjieri, ma kinux ingħataw mill-Istat, iżda minn banek privati, li r-rikorrenti kellha tħallas il-primjums fil-każ ta’ neċessità ta’ mobilizzazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Istat ma tilifx dħul minħabba l-garanziji stabbiliti f’livell allegatament iktar baxx minn dak mitlub u li ma teżistix, f’dan il-każ, rabta suffiċjentement diretta bejn il-vantaġġ mogħti u t-tnaqqis tal-baġit tal-Istat.

44      Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, ma kienx hemm riskju ekonomiku suffiċjentement konkret għall-baġit tal-Istat. Dan kien ikun il-każ biss jekk l-ispejjeż ta’ restawr tal-art kienu jidhru li ma setgħux jiġu rkuprati mingħand ir-rikorrenti. Tali obbligu potenzjali li l-Istat għandu jbati parti mill-ispejjeż u l-piż potenzjali li jirriżulta mill-baġit tal-Istat huma għalhekk remoti u ipotetiċi. Skont ir-rikorrenti, il-prinċipji fil-qasam tal-garanziji tal-Istat ma jistgħux japplikaw f’dan il-każ. Minn naħa, l-argumenti tal-Kummissjoni li jirreferu għaliha huma inammissibbli, peress li din tal-aħħar ma għamlitx riferiment għaliha fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-analoġija ma’ dawn il-prinċipji hija żbaljata. L-ewwel nett, fil-każ tal-garanziji mill-Istat, ikun hemm trasferiment ta’ riżorsi minħabba li l-Istat jirrinunzja għal parti mid-dħul, billi jaċċetta primjum ta’ ammont inferjuri għal dak li jitlob garanti privat. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ħallset primjum konformi mas-suq. It-tieni nett, fil-kuntest ta’ garanzija mill-Istat, il-vantaġġ għall-benefiċjarju jkun ċar, peress li jħallas primjum inqas għoli għall-garanzija tal-Istat milli għal garanzija simili mogħtija minn bank u s-solvenza tiegħu tiżdied, bil-konsegwenza li jħallas inqas interessi. F’dan il-każ, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma ġiet issodisfatta. It-tielet nett, fil-garanziji tal-Istat, l-Istat jintrabat li jħallas lil terz l-ammont iggarantit meta l-benefiċjarju tal-garanzija jonqos mill-obbligu tiegħu ta’ rimbors tas-self iggarantit, filwaqt li, f’dan il-każ, l-Istat ma jkunx impenja ruħu li jħallas kwalunkwe ammont fil-każ fejn il-garanzija tkun insuffiċjenti. Minn dan jirriżulta li l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-garanziji tal-Istat ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

45      Skont il-ġurisprudenza applikabbli, tali riskju ipotetiku ta’ piż għall-baġit tal-Istat jista’ jiġi kkonfermat biss meta l-Istat ikun wieħed mill-kredituri prinċipali tal-impriża f’diffikultà u meta l-impriża tkun insolventi. F’dan il-każ, ir-rikorrenti tista’ tiggarantixxi li tosserva l-obbligi tagħha, peress li hija tagħmel parti minn grupp multinazzjonali ta’ impriżi (mhux biss il-grupp fi Spanja), li għandu assi kunsiderevoli, li ma jiġux żvalutati wara l-għeluq tal-minjieri ta’ potassa, u li diġà wera fil-passat li huwa kellu kapaċità finanzjarja neċessarja sabiex ikopri l-miżuri kollha ta’ restawr ta’ art meħtieġa, indipendentement mil-livell ta’ garanziji stabbilit. Ir-responsabbiltà ambjentali ta’ impriża li testendi għall-kumpanniji tal-grupp ta’ kontroll, ir-riskju li l-Istat ibati eventwali insolvenza tar-rikorrenti ma huwiex konkret biżżejjed. Skont il-ġurisprudenza (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/97, EU:C:1998:579), hemm bżonn li jeżistu ċirkustanzi partikolari li jirrendu iktar probabbli tnaqqis tar-riżorsi tal-Istat, peress li l-eżistenza ta’ riskju kompletament minimu jew ipotetiku ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi statali.

46      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tispjega li, peress li l-garanziji finanzjarji jistgħu jiġu mmobilizzati biss wara l-waqfien tal-attivitajiet tal-minjieri bis-saħħa kemm tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll dik tal-Unjoni u li, matul l-operat, l-ammont tal-garanzija għandu jiġi adattat b’mod perijodiku skont ix-xogħlijiet ta’ restawr tal-art meħtieġa, l-ammont ta’ dawn il-garanziji ma jkunx fiss, iżda jevolvi maż-żmien. Għaldaqstant, kien ikun hemm riskju għall-baġit tal-Istat biss ladarba l-operat tal-minjieri ikun intemm. F’dan il-każ, peress li l-ammont tal-garanziji finanzjarji tnaqqas għal livell adegwat, fl-2015 għas-sit ta’ Súria u fl-2016 għas-sit ta’ Sallent/Balsareny, qabel kwalunkwe waqfien tal-attività tal-minjieri, dan ikun ifisser li, qabel id-deċiżjoni kkontestata, l-Istat Spanjol ma kien ġarrab, fl-ebda mument, riskju ekonomiku. Ir-rikorrenti tippreċiża, b’mod partikolari, b’risposta għall-Kummissjoni, minn naħa, li hija għandha assi importanti oħra fi Spanja, apparti l-minjieri ta’ potassa, li għalihom l-Istat jista’ juża sabiex jeżegwixxi l-obbligu li jħallas il-miżuri ta’ restawr ta’ art fi stat obbligatorju u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni Spanjola tippermetti li jiġu imposti fuq il-maniġers u amministraturi tal-impriża l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi ambjentali.

47      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tinvoka deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, SNIACE; Għajnuna mill-Istat C 68/97 (NN 118/97) Spanja, ĠU 1998, C 49, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni SNIACE”], f’kawża li hija simili għal din il-kawża. F’din il-kawża, l-ommissjoni li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi ambjentali ma ġietx ikkunsidrata bħala li timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u għaldaqstant bħala għajnuna mill-Istat.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

49      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

50      Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenza tas-15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C-706/17, EU:C:2019:407, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma distinti u kumulattivi (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2015, il-Pajjiżi l-Baxxi et vs il-Kummissjoni, T-186/13, T-190/13 u T-193/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:447, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-użu tar-riżorsi tal-Istat, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat sabiex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, huma kkunsidrati b’mod partikolari bħala għajnuna l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C-399/10 P u C-401/10 P, EU:C:2013:175, punti 100 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 107(1) jiddefinixxi l-interventi tal-Istat skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401 P, EU:C:2013:175, punt 102).

53      B’hekk, intervent statali li jista’ kemm ipoġġi lill-impriżi li għalihom japplika f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn u li joħloq riskju suffiċjentement konkret ta’ twettiq, fil-futur, ta’ piż addizzjonali għall-Istat, jista’ jkun ta’ piż fuq ir-riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li vantaġġi permessi fil-forma ta’ garanzija tal-Istat setgħu jimplikaw piż addizzjonali għall-Istat (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 107; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/97, EU:C:1998:579, punt 43, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punti 39 sa 42).

55      Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, peress li, f’termini ekonomiċi, il-modifika tal-kundizzjonijiet tas-suq, li tiġġenera vantaġġ indirettament mogħti lil ċerti impriżi, hija r-riżultat tat-telf ta’ riżorsi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, anki t-teħid ta’ deċiżjoni awtonoma min-naħa tal-investituri ma għandux bħala effett li jħassar ir-rabta eżistenti bejn l-imsemmi telf tar-riżorsi u l-vantaġġ li jibbenefikaw minnu l-impriżi kkonċernati (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C-399/10 P u C-401/10 P, EU:C:2013:175, punt 108).

56      Konsegwentement, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lil benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit statali, saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-ispejjeż li huma piż fuqu (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 109).

57      F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-imputabbiltà lill-Istat tal-miżura 1, jirriżulta mill-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, u huwa paċifiku bejn il-partijiet, li l-ammonti tal-garanziji finanzjarji dovuti mir-rikorrenti ġew stabbiliti mill-Generalitat ta’ Katalunja f’żewġ deċiżjonijiet amministrattivi individwali, jiġifieri l-liċenzji mogħtija lir-rikorrenti fid-9 ta’ Novembru 2006 u fit-28 ta’ April 2008, għall-użu rispettivament tas-siti minjieri ta’ Súria u ta’ Sallent/Balsareny.

58      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kriterju ta’ riżorsi statali, fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tal-miżura 1, li l-garanziji finanzjarji inkwistjoni ma kinux eżaminati fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-kummissjonijiet mhux miġbura skont ir-riskju jew l-espożizzjoni tal-garanti (jiġifieri bank privat u mhux l-Istat), iżda skont ir-riskju għall-Istat fil-każ fejn l-ammont iggarantit ikun inqas mill-ispiża reali tad-danni ambjentali u fil-każ fejn l-entità ggarantita ma tħallasx jew ma tkunx tista’ tħallas it-totalità tal-ispejjeż tar-restawr ta’ art. Fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrepeti li jeżisti riskju konkret ta’ effett potenzjali fuq ir-riżorsi tal-Istat minħabba r-riskju ikbar li l-Istat ikun obbligat li jimmobilizza r-riżorsi tiegħu fil-futur. Barra minn hekk, fil-premessa 91 tal-imsemmija deċiżjoni, hija tqis li l-ħolqien ta’ riskju konkret li jimponi piż addizzjonali fuq ir-riżorsi tal-Istat fil-futur huwa biżżejjed sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u li r-rabta stretta u l-effett fuq ir-riżorsi pubbliċi ta’ għajnuna ma għandhomx neċessarjament ikunu diretti sabiex dan il-kriterju jiġi osservat.

59      Fil-premessi 92 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li r-riskju ikbar li r-riżorsi tal-Istat jistgħu jiġu affettwati fil-futur jirriżulta mill-ammont ta’ garanziji li huma ħafna inqas mill-ispejjeż eventwali tar-restawr ta’ art previsti, peress li, fil-każ fejn ir-rikorrenti ma tkunx tixtieq jew ma tkunx tista’ tħallas dan ir-restawr tal-art, ir-riżorsi tal-Istat għandhom ikopru parti ikbar minn dawn l-ispejjeż, peress li l-obbligu tal-Istat li jintervjeni f’ismu stess, fil-każ fejn ir-rikorrenti ma tkunx tixtieq jew ma tkunx tista’ tadotta l-miżuri tar-restawr ta’ art meħtieġa, li hija stabbilita fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli. Hija kkonkludiet li l-livell ta’ garanziji li jkun ferm iktar baxx minn dak meħtieġ skont il-liġi jkun qiegħed jesponi lill-Istat għal riskju ta’ piż addizzjonali fuq ir-riżorsi tiegħu. Ir-riskju ikbar ikun għalhekk suffiċjentement konkret sabiex ikollu tal-inqas effett potenzjali fuq ir-riżorsi tal-Istat. Il-Kummissjoni tenfasizza, barra minn hekk, li l-attiv tar-rikorrenti li l-Istat jista’ jadixxi, fil-każ ta’ eżekuzzjoni forzata, jista’ jirriżulta li huwa insuffiċjenti.

60      Issa, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-ammont tal-garanziji finanzjarji, hekk kif iffissat mid-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Generalitat ta’ Cataluña, kien żgħir wisq. Ċertament, ir-rikorrenti tikkontesta, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, il-metodu ta’ analiżi u l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-ammont ta’ dawn il-garanziji kien effettivament żgħir wisq u li dawn kienu jagħtuha vantaġġ ekonomiku. Madankollu, hija ma taffermax li l-livell tal-garanziji inizjalment iffissat mid-deċiżjonijiet amministrattivi tal-Generalitat ta’ Katalunja kien korrett jew suffiċjenti.

61      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Istat Spanjol kellu obbligu ta’ intervent sussidjarju fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ protezzjoni ambjentali imposti fuq l-impriżi li jeżerċitaw l-attività minjiera, kif ġie enfasizzat b’mod ċar fil-premessi 93 sa 98 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Ley 27/2006 por la que regulan los derechos de acceso a la información, de Participación pública y de acceso a la justicia en materia de medio ambiente (inkorpora las Directivas 2003/4/CE y 2003/35/CE) (il-Liġi Nru 27/2006 li Tirregola d-Drittijiet ta’ Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (traspożizzjoni tad-Direttivi 2003/4/KE u 2003/35/KE)], tat-18 ta’ Lulju 2006 (BOE Nru 171, tad-19 ta’ Lulju 2006, p. 27109), l-awtoritajiet jistgħu jiġu obbligati jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ambjentali. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 102 tal-Ley 39/2015 del Procedimiento Administrativo Común de las Administraciones Públicas (il-Liġi Nru 39/2015 dwar il-Proċedura Amministrattiva Komuni tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tal-1 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 236, tat-2 ta’ Ottubru 2015, p. 89343), l-Istat jista’ jipproċedi bl-eżekuzzjoni sussidjarja minflok is-suġġett legalment marbut li jadotta miżuri. Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357), jekk operatur inkarigat milli jieħu miżuri ta’ rimedju wara danni ambjentali ma jissodisfax l-obbligi tiegħu, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu dawn il-miżuri hija stess bħala l-aħħar rimedju. Barra minn hekk, jekk l-Istat ma jkunx jintervjeni minflok l-impriżi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minnhom tal-obbligi ambjentali tagħhom, huwa jkun jista’ jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2006/21 u jkun f’riskju li jkun suġġett għal proċedura ta’ ksur u li jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità sakemm ikun konformi mal-imsemmija obbligi.

62      Fit-tielet lok, l-għan tal-obbligu legali previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/21 li jinħtieġu impriżi li joperaw siti minjieri li jistabbilixxu garanzija għar-restawr ta’ art tas-siti u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ eventwali danni ambjentali prodotti mill-minjiera, li l-ammont tagħhom għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-elementi indikati fil-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni, huwa li jiġi żgurat li l-kumpanniji tax-xogħol fil-minjieri jkollhom riżorsi suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż futuri tar-restawr ta’ art tas-siti minjieri, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fil-ġejjieni u sabiex jevitaw b’mod partikolari li l-Istat għandu jintervjeni sabiex jeħodhom taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

63      Issa, minħabba l-obbligu, li jaqa’ fuq l-Istat, ta’ eżekuzzjoni sussidjarja minflok l-impriża li hija marbuta tadotta l-miżuri tar-restawr ta’ art neċessarji li jirriżultaw mill-minjiera, il-livell ta’ garanziji stabbiliti għal din l-impriża jista’ jkollu impatt fuq ir-riżorsi tal-Istat, sa fejn ir-riskju ekonomiku tal-intervent sussidjarju tiegħu huwa, meta l-livell ta’ garanziji jkun iffissat f’livell baxx wisq, kwantitattivament imsaħħaħ f’każ, b’mod partikolari, ta’ insolvenza ta’ din l-impriża.

64      Fir-raba’ lok, mill-ġurisprudenza, imfakkra fil-punt 53 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-riżorsi tal-Istat jistgħu jitqiesu li huma mgħobbija wkoll jekk jiġi stabbilit “riskju suffiċjentement konkret” tat-twettiq, fil-futur, ta’ spiża addizzjonali għall-Istat.

65      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li r-riskju li r-riżorsi tal-Istat ikunu mgħobbija ma huwiex suffiċjentement konkret f’dan il-każ minħabba l-kapaċità finanzjarja li hija għandha sabiex tkopri d-danni ambjentali eventwali li jirriżultaw mill-użu tal-minjieri tagħha. Interrogata fuq dan il-punt mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti pprovdiet lista tal-assi (proprjetà fiżika immobbli) li minnha hija kellha fis-snin 2012 sa 2016, anki fuq il-livell tal-grupp ta’ kumpanniji li hija tappartjeni għalih, kif ukoll parti mill-bilanċi annwali tagħha li jikkonċernaw l-imsemmija assi. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti ma kinux isemmu l-obbligazzjonijiet u d-djun tal-kumpannija u kienu jippreżentaw l-assi li hija u l-grupp tagħha kellhom biss għall-perijodu mill-2012 sa 2015-2017 u li hija ma kinitx ipprovdiet informazzjoni dwar il-bqija tal-perijodu rilevanti mill-2006 sal-2012.

66      Għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex tiddetermina l-kapaċità finanzjarja tagħha li tbati l-ispejjeż ta’ danni ambjentali eventwali marbuta mat-tħaddim tas-siti minjieri tagħha huma parzjali u ma jippermettux li jiġi konkluż b’ċertezza li hija kellha fil-mument tat-twettiq eventwali tar-riskji ambjentali l-kapaċità finanzjarja neċessarja sabiex tkoprihom.

67      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li r-rikorrenti għandha kapaċità finanzjarja suffiċjenti sal-punt li tnaqqas ir-riskju għall-Istat li jkollu jintervjeni, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kumpannija tista’ tevolvi f’kull mument minħabba diversi riskji ekonomiċi, u sa fejn, b’mod ġenerali, l-obbligu ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija finanzjarja huwa intiż, ġustament, sabiex fondi jkunu disponibbli f’kull mument u indipendentement mill-kapaċità finanzjarja tal-entità marbuta mal-kostituzzjoni tal-imsemmija garanzija, il-kapaċità finanzjarja ta’ din tal-aħħar ma għandhiex effett fuq id-determinazzjoni tal-ammont xieraq ta’ dawn il-garanziji u, b’mod definittiv, fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju suffiċjentement konkret ta’ oneru fuq il-baġit statali.

68      Barra minn hekk, minn naħa, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/21 jispeċifika li l-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 hija kkalkolata abbażi tal-effetti potenzjali tal-installazzjoni ta’ mmaniġġar tal-iskart fuq l-ambjent, fid-dawl b’mod partikolari tal-kategorija li għaliha tappartjeni l-installazzjoni, tal-karatteristiċi tal-iskart u tal-assenjazzjoni futura tal-art wara r-restawr ta’ art tiegħu, kif ukoll tal-ipoteżi li terzi indipendenti u kkwalifikati ser jevalwaw u jwettqu x-xogħlijiet tar-restawr ta’ art eventwalment neċessarji. Il-kapaċità finanzjarja tal-kumpannija li tamministra l-installazzjoni ma hijiex għalhekk kriterju rilevanti għall-iffissar tal-ammont tal-garanziji.

69      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza, imfakkra fil-punt 55 iktar ’il fuq, jirriżulta li dak li huwa importanti huma l-emendi tal-kundizzjonijiet normali tas-suq li jistgħu jaffettwaw il-baġit tal-Istat, indipendentement mill-aġir probabbli tal-operaturi privati, u, f’dan il-każ, tal-possibbiltà għar-rikorrenti li tkopri hija stess in concreto l-ispejjeż ta’ danni ambjentali eventwali marbuta mal-minjieri tagħha.

70      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-ammissibbiltà u l-fondatezza tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà b’analoġija f’dan il-każ tal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-garanziji statali.  Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-imsemmija argumenti, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579), u tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175), sabiex issostni l-argument li n-nuqqas ta’ mobilizzazzjoni immedjata u wħud tar-riżorsi tal-Istat ma jeskludix piż addizzjonali għall-baġit tal-Istat. Issa, din it-teżi tal-Kummissjoni tinsab, mingħajr ebda ambigwità, fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, kuntrarjament għall-allegazzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma żviluppatx, quddiem il-Qorti Ġenerali, motivazzjoni ta’ sostituzzjoni jew motivazzjoni addizzjonali għal dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kummissjoni huma ammissibbli. F’dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, fil-każ tal-garanziji statali, il-baġit tal-Istat ikun mgħobbi, b’mod partikolari, minħabba t-tnaqqis tal-primjums li huwa jirċievi u għalhekk minn tnaqqis immedjat tad-dħul tiegħu, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, minn naħa, jeżisti wkoll vantaġġ favur ir-rikorrenti minħabba t-tnaqqis tal-primjums li hija għandha tħallas fuq ammont ta’ garanziji inqas minn dak li kellha tistabbilixxi, li tbiddel il-kundizzjonijiet tas-suq normali. Il-fatt li t-telf ta’ dħul jikkonċerna l-baġit tal-istabbiliment bankarju privat ma jipprekludix li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ vantaġġ għar-rikorrenti li tirriżulta mill-iffissar tal-garanziji finanzjarji, li hija kellha tikkostitwixxi, f’livell iktar baxx minn dak li kien neċessarju.

71      Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 61 sa 63 iktar ’il fuq jirriżulta li r-riskju ta’ piż addizzjonali fuq il-baġit tal-Istat huwa wkoll preżenti f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, li fiha d-dispożizzjonijiet applikabbli jeħtieġu l-iffissar ta’ garanziji li jippermettu l-kopertura tar-riskji ambjentali, li ċertament huma stabbiliti minn stabbiliment bankarju privat, u li fiha jeżisti obbligu ta’ intervent sussidjarju tal-Istat għall-kopertura tal-imsemmija riskji, peress li l-kostituzzjoni minn impriża tal-minjieri ta’ garanzija f’livell baxx wisq iżżid ir-riskju għall-Istat li jkollu jintervjeni. Dan ir-riskju ikbar huwa ta’ piż fuq il-baġit tal-Istat u ż-żieda ta’ dan ir-riskju hija l-konsegwenza diretta tal-iffissar għal livell baxx wisq tal-ammont tal-garanziji dovuti.

72      Fil-fatt, l-iffissar ta’ ammont żgħir wisq ta’ garanziji intiżi sabiex ikopru r-riskji ambjentali li huma imposti, prinċipalment, fuq ir-rikorrenti u, sussidjarjament, fuq l-Istat iżid ir-riskju ta’ piż addizzjonali għaż-żewġ detenturi tal-obbligi ta’ protezzjoni ambjentali. Din iż-żieda tar-riskju hija piż addizzjonali konkret fuq il-baġits taż-żewġ detenturi, ir-rikorrenti u, sussidjarjament, l-Istat.

73      It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-inċertezza jew il-grad ta’ probabbiltà fir-rigward tar-realizzazzjoni tar-riskju għall-Istat ma huwiex element li jista’ jagħti natura purament ipotetika mar-rabta bejn il-vantaġġ mogħti lir-rikorrenti u l-piż addizzjonali fuq il-baġit tal-Istat, iżda jirrappreżenta biss karatteristika intrinsika għall-kunċett ta’ “riskju”.

74      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-baġit tal-Istat ma kien ġarrab ebda riskju ekonomiku qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-garanziji finanzjarji ma jistgħux jiġu mmobilizzati ħlief wara l-waqfien tal-attivitajiet tal-minjieri u li, matul l-operat, fl-2015 u fl-2016, huma kienu ġew emendati u kienu laħqu livell adegwat.

75      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, li l-fatt li r-riskju ma mmaterjalizzax ma jeliminax ir-riskju addizzjonali kkawżat mill-miżura 1, li għandu jiġi evalwat fil-mument li fih tiġi kkostitwita l-garanzija u li dam għaddej matul il-perijodu li fih il-livell ta’ din il-garanzija kien wisq dgħajjef.

76      Fil-ħames lok, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni SNIACE, imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li, f’din il-kawża, fost il-miżuri ta’ għajnuna preżunti li kienu ġew analizzati mill-Kummissjoni, kien hemm l-allegat vantaġġ li jirriżulta għal SNIACE minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli ma kellhomx l-obbligu li jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari billi jibnu impjant ta’ trattament tal-effluwent u li jirrimedjaw d-danni ekoloġiċi kkawżati minnu. Skont il-lanjant, f’din il-kawża, ir-riżorsi statali kienu ġew implikati minħabba t-tolleranza mill-Istat tal-ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali mwettqa minn din l-impriża, peress li l-imsemmi Stat kellu jħallas l-ispejjeż ta’ dan it-tnaqqis.

77      Skont il-Kummissjoni, iż-żewġ kawżi huma differenti sa fejn, fil-kawża li tat lok għad-deċiżjoni SNIACE, l-Istat kien illimita ruħu li ma jeżiġix l-osservanza tal-obbligi ambjentali fuq l-impriża, mingħajr ma huwa stess ikollu obbligu li jibni l-impjant minfloku, filwaqt li, f’din il-kawża, l-Istat kien obbligat, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni, li jintervjeni minflok ir-rikorrenti jekk din tal-aħħar ma kinitx tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha ta’ restawr ta’ art tas-siti minjieri tagħha.

78      Issa, jekk wieħed jippreżumi li, kif issostni r-rikorrenti, il-kawża li wasslet għad-deċiżjoni SNIACE hija simili għal din il-kawża, sa fejn din kienet tikkonċerna wkoll riskju futur u ipotetiku li l-Istat seta’ jbati d-danni ambjentali li jirriżultaw mill-ksur mill-impriżi tal-obbligi tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-prassi preċedenti tagħha.

79      Fil-fatt, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 107 TFUE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li miżura tikkostitwixxi għajnuna, u mhux fid-dawl ta’ allegata prassi preċedenti (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, C-459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li kien mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm effett potenzjali tal-miżura 1 fuq ir-riżorsi tal-Istat minħabba r-riskju ikbar li l-Istat kien obbligat li jimmobilizza r-riżorsi tiegħu fil-futur u, fil-premessa 91 tal-istess deċiżjoni, li l-ħolqien ta’ riskju konkret li jimponi piż addizzjonali fuq ir-riżorsi tal-Istat fil-futur kien suffiċjenti sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 iktar ’il fuq.

81      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-miżura 1 kienet tagħti vantaġġ jew, sussidjarjament, sa fejn hija ma stabbilixxietx li l-ammonti inizjali tal-garanziji finanzjarji kienu baxxi wisq

82      Ir-rikorrenti tallega, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod pożittiv li l-miżura 1 tatha vantaġġ selettiv, sa fejn, hija bbażat ruħha sempliċement fuq is-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña), ikkonfermata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), u ma ddeterminatx b’mod awtonomu l-ammont allegatament korrett tal-garanziji li hija kienet ipprovdiet. Madankollu, deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali ma tistax torbot lill-Kummissjoni u din tal-aħħar ma tistax tissodisfa l-obbligu tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ billi tirreferi għal tali deċiżjoni.

83      Il-Kummissjoni inqas u inqas osservat l-obbligi tagħha ta’ eżami, fir-rigward tas-sit ta’ Súria, li fir-rigward tiegħu ma kienet ittieħdet l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja fuq livell nazzjonali u l-Kummissjoni sempliċement estendiet il-konklużjoni tal-qrati nazzjonali msemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq fir-rigward tal-ammont tal-garanziji eċċessivament baxxi għad-depożitu ta’ Sallent/Balsareny għal dan id-depożitu, billi llimitat ruħha li tiddikjara, fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-garanzija relatata ma’ dan id-depożitu kellu wkoll jitqies li kien baxx wisq, peress li dan kien żdied ukoll u l-ebda fattur ieħor ma kien jispjega d-differenza bejn l-ammont inizjalment iffissat u dak emendat fl-2015. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni, peress li l-aġġornament ta’ dan l-ammont kien dovut għall-aġġornament regolari tal-pjanijiet ta’ restawr ta’ art.

84      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet żball, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, billi bbażat ruħha, sabiex tikkorrobora l-konklużjoni tagħha, fuq studji ta’ esperti, b’mod partikolari studju ta’ Awwissu 2012, ikkummissjonat lil esperti tal-ambjent (iktar ’il quddiem l-“istudju FER”), li ma osservawx id-dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli u li kienu bbażati fuq ipoteżijiet mhux realistiċi, fuq informazzjoni mhux uffiċjali u fuq metodoloġija dubjuża, li ma hijiex rigoruża xjentifikament u teknika u, min-naħa l-oħra, billi injorat ir-rapport ta’ esperti ppreżentat mir-rikorrenti (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ esperti Amphos”), li juri l-assenza ta’ affidabbiltà tal-istudju FER. Il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex dan ir-rapport matul il-proċedura amministrattiva huwa irrilevanti, peress li r-rikorrenti kienet diġà kkontestat l-affidabbiltà tal-istudju FER matul din il-proċedura u li l-Kummissjoni kellha indizji li juru li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuqha.

85      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq id-dibattiti parlamentari, filwaqt li hija stess ikkunsidrat li kellhom jiġu ttrattati bi prudenza.

86      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fil-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi għall-iffissar tal-ammonti tal-garanzija li jikkonċernaw il-minjieri kienet selettiva fir-rigward tar-rikorrenti.

87      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra l-miżura 1 bħala li tagħti vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet, fil-premessi 109 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-għajnuna bi ksur tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, billi rreferiet għall-istudju FER, filwaqt li r-rapport ta’ esperti Amphos juri li l-ewwel studju kien nieqes mill-affidabbiltà, u fuq is-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña), meta jitqies l-ammont li din is-sentenza tirreferi għalih bħala “korrett”, u billi tagħmel stima spekulattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-metodu li r-Renju ta’ Spanja kellu juża sabiex jikkalkola l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

88      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

89      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/21 jipprevedi li “[l]-awtorità kompetenti għandha, qabel ma jinbdew kwalunkwe operazzjonijiet li jinvolvu l-akkumulu jew id-depożitu ta’ skart ta’ l-estrazzjoni ġo faċilità ta’ l-iskart, titlob garanzija finanzjarja (p.e. f’forma ta’ depożitu finanzjarju, inklużi fondi ta’ garanzija reċiproka sponserjati mill-industrija) jew l-ekwivalenti, skond proċeduri li jridu jiġu deċiżi mill-Istati Membri”.

90      L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/21 jispeċifika dan li ġej:

“Il-kalkolu tal-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 għandu jsir abbażi ta’:

–        a)      l-impatt ambjentali probabbli tal-faċilità ta’ skart, filwaqt li jittieħed kont partikolarment tal-kategorija tal-faċilità ta’ skart, tal-karatteristiċi ta’ l-iskart u ta’ l-użu futur ta’ l-art riabilitata;

–        b)      il-presunzjoni li terzi partijiet indipendenti u kwalifikati kif xieraq jivvalutaw u jwettqu kwalunkwe xogħol ta’ riabilitazzjoni meħtieġ.”

91      L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2015/1589 jipprovdi kif ġej:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […] Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir rkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.”

92      Minn ġurisprudenza stabbilita sew, jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk għajnuna hijiex għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat FUE għandha tiġi riżolta abbażi ta’ elementi oġġettivi li jiġu evalwati fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant, huwa fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’din id-data li tirrigwarda l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta adottatha (ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, T‑489/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:144, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni eventwali punti ta’ fatt jew ta’ liġi li setgħu jiġu ppreżentati lilha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina ex officio u li tbassar liema huma l-elementi li setgħu jiġu ppreżentati lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Wam Industriale vs Il-Kummissjoni, T‑303/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:505, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      F’dan il-każ, sabiex jiġi kkunsidrat li l-iffissar tal-ammont tal-garanziji finanzjarji kien jikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li l-livell ta’ dawn il-garanziji kien effettivament inadegwat u nettament inferjuri għal dak li kien neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tar-restawr tal-art tas-siti minjieri użati mir-rikorrenti.

95      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat FUE, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni ekonomika tagħha. L-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Land Hessen vs Pollmeier Massivholz, C‑242/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:765, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ppreċiżat, bħala premessa għall-eżami tagħha, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx wettqet l-evalwazzjoni tagħha tal-livelli korretti tal-garanziji finanzjarji skont id-Direttiva 2006/21, iżda li hija kienet illimitat l-evalwazzjoni tagħha għall-eżami tal-provi eżistenti tal-insuffiċjenza ta’ ċerti garanziji finanzjarji, peress li sensiela ta’ indizji ssuġġerixxiet li l-ammont tal-garanziji finanzjarji stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi fl-2006 u fl-2008 kien fir-realtà inqas minn dak meħtieġ mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

98      Dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxuta lill-Istati Membri fir-rigward tal-iffissar tal-ammonti tal-garanziji, li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/21 jipprovdi biss linji gwida jew kriterji li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-imsemmija garanziji. B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiffissa b’mod awtonomu l-ammont tal-garanzija adegwata f’dan il-każ mingħajr ma taqbeż il-limiti tal-kompetenza tagħha. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi invokat il-ksur mill-Kummissjoni tad-dmir ta’ diliġenza tagħha, sa fejn hija ma għamlitx determinazzjoni awtonoma tal-ammont tal-garanzija, ma jistax jintlaqa’.

99      Fit-tieni lok, sa fejn l-indizji ta’ ffissar tal-garanzija għal ammont eċċessivament baxx kienu ġew ippreżentati lilha, il-Kummissjoni kellha dritt teżamina l-miżura nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u dan abbażi ta’ informazzjoni disponibbli matul il-proċedura amministrattiva, bis-saħħa tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 92 u 93 iktar ’il fuq.

100    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni s-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) tal-11 ta’ Ottubru 2011, li fiha ġie deċiż li l-pjan ta’ restawr ta’ art tas-sit ta’ Sallent vs Balsareny kien inkomplet u li l-livell tal-garanzija ffissat fir-rigward ta’ dan tal-aħħar kien żgħir wisq.

101    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wasslitx li turi, permezz tal-argumenti tagħha, li l-Kummissjoni wettqet żball billi ħadet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha din id-deċiżjoni. Fil-fatt, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali, inkarigata mill-interpretazzjoni u mill-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk il-pjan ta’ restawr ta’ art previst għas-sit minjier inkwistjoni kienx biżżejjed fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tanalizza fid-dettall din is-sentenza. Fil-premessa 62 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-qorti nazzjonali ikkunsidrat li l-ammont tal-garanzija ma kienx josserva l-parametri legali u regolamentari stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-Liġi Katalana Nru 12/1981 u d-Digriet Nru 202/1994 u li, anki fin-nuqqas ta’ prova konklużiva sabiex jiġi ddeterminat l-ammont eżatt, seta’ jiġi konkluż li l-ammont li kien ġie ffissat kien kjarament insuffiċjenti u kuntrarju għal dawn id-dispożizzjonijiet u li hija ordnat lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiddeterminaw livell ġdid ta’ garanzija finanzjarja.

102    Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali lanqas ma ddeterminat l-ammont ta’ garanziji li kien korrett. Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li emendaw u stabbilixxew mill-ġdid l-ammont tal-garanziji, billi jibbażaw ruħhom fuq l-osservazzjonijiet tal-imsemmija qorti. Fil-fatt, huwa ppreċiżat fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet nazzjonali, kompetenti għall-iffissar tal-ammont tal-garanziji, ibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) tal-11 ta’ Ottubru 2011 sabiex jagħmlu r-reviżjoni ta’ dawn l-ammonti, li jikkonferma r-rilevanza tal-imsemmija sentenza fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tagħmel. Barra minn hekk, l-imsemmija sentenza kienet ukoll ġiet ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad-9 ta’ Lulju 2014.

103    Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bid-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Lucchini, C-119/05, EU:C:2006:576, punt 24), huwa ċertament possibbli għaliha li tieħu inkunsiderazzjoni jekk hija għandhiex tqis li dawn huma rilevanti għall-evalwazzjoni tagħha.

104    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li ssegwi s-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) tal-11 ta’ Ottubru 2011, iżda ħaditha inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ serje ta’ indizji li hija kellha, sabiex turi l-insuffiċjenza tal-ammonti ta’ garanziji finanzjarji kkostitwiti mir-rikorrenti.

105    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat żball imwettaq mill-Kummissjoni, fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, billi applikat b’analoġija l-konklużjonijiet tas-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) għall-kalkolu tal-ammont tal-garanzija finanzjarja relatat mas-sit ta’ Súria, filwaqt li s-sentenza kienet tikkonċerna biss is-sit ta’ Sallent vs Balsareny, kif tenfasizza l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, din tal-aħħar ma pprovdietx, inkluż fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, indizji ta’ natura li juru li l-iffissar tal-ammont għal dan it-tieni sit kellu jsegwi kriterji ta’ kalkolu differenti minn dawk li kienu ġew identifikati fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq. Fin-nuqqas ta’ elementi oħra li setgħu jġiegħlu lill-Kummissjoni tiddubita l-possibbiltà li tapplika l-imsemmija kriterji wkoll għas-sit ta’ Súria, jew li tenfasizza differenzi bejn il-pjanijiet ta’ restawr ta’ art meħtieġa għaż-żewġ żoni ta’ depożiti, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-applikazzjoni b’analoġija tal-kriterji ta’ kalkolu stabbiliti fis-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) għas-sit ta’ Súria.

106    B’mod partikolari, il-kritika tar-rikorrenti li tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-reviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-ammont tal-garanzija relatata mas-sit ta’ Súria fl-2015 ma hijiex ħjiel li l-ammont tiegħu kien ġie ffissat ukoll fuq livell baxx wisq, kif ikkunsidrat il-Kummissjoni, iżda kien jikkostitwixxi reviżjoni perijodika normali ta’ dan l-ammont, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tissostanzja din l-affermazzjoni minn ebda spjegazzjoni tal-metodu ta’ reviżjoni perijodiku tal-garanziji, tal-intervalli li fihom isiru dawn ir-reviżjonijiet jew minħabba l-fatt li r-reviżjoni tal-2015 kienet fil-fatt tagħmel parti minn waħda minn dawn ir-reviżjonijiet perijodiċi, u lanqas minn ebda element li jista’ juri tali affermazzjoni.

107    Skont ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma qisitx eventwali punti ta’ fatt u ta’ liġi li setgħu jitressqu quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma tressqux, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina, ex officio u tippreżumi, l-informazzjoni li setgħet ġiet sottomessa quddiemha.

108    It-tieni nett, kif huwa indikat fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni provi oħra li jikkorroboraw il-konklużjoni li waslu għaliha l-qrati nazzjonali, li tgħid li l-livell tal-garanziji finanzjarji kkontestati kien żgħir wisq. Il-Kummissjoni eżaminat, b’mod partikolari, il-minuti uffiċjali tas-seduta tal-Kummissjoni tal-Ambjent fil-Parlament tal-Cataluña tat-2 ta’ Ottubru 2013, li fihom kienet tinsab dikjarazzjoni tad-Direttriċi Ġenerali tal-Ambjent tal-Generalidad ta’ Cataluña li tgħid li l-imsemmija garanziji kienu b’mod ċar insuffiċjenti.

109    Ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-dibattiti, sa fejn il-Kummissjoni stess ikkunsidrat li għandhom jiġu ttrattati bi prudenza. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni ma qisitx opportun li tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija dibattiti fir-rigward tal-iffissar tal-ammont eżatt tal-garanziji, hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 108 iktar ’il fuq bħala indizju li jikkorrobora l-konklużjoni li l-ammont tal-garanziji kien baxx wisq.

110    It-tielet nett, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni studju ta’ esperti tal-ambjent ta’ Awwissu 2012, jiġifieri l-istudju FER, ippreżentat mil-lanjant, li kellu bħala suġġett l-analiżi tal-impatt ambjentali attwali tad-depożiti taż-żona ta’ Bages (Spanja) li fiha jinsabu d-depożiti tar-rikorrenti u l-miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex inaqqsu dan l-impatt. Barra minn hekk, dan l-istudju kien stabbilixxa previżjonijiet dwar l-iżvilupp futur tal-kwantità totali ta’ materjali akkumulati fil-munzelli tal-iskart, billi kkonkluda li l-impatt ambjentali ta’ dawn il-munzelli tal-iskart kien sinjifikattiv u li fil-futur kellu jikber. Dan l-istudju kien janalizza wkoll id-diversi għażliet ta’ restawr ta’ art ta’ operazzjonijiet oħra ta’ potassa u l-ispejjeż tagħhom billi kkonkluda li l-metodu l-iktar xieraq għas-siti tar-rikorrenti kien dak tal-irkupru tal-munzelli tal-iskart.

111    Ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-istudju, fejn hija tikkontesta l-affidabbiltà, il-kompletezza, ir-rigorożità xjentifika u l-metodu ta’ analiżi segwita, u tipproduċi, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, studju ieħor, li huwa kkummissjonat minnha stess, jiġifieri r-rapport tal-esperti Amphos, li jenfasizza l-lakuni tal-istudju FER.

112    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, qabel kollox, bis-saħħa tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 92 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-lakuni tal-istudju FER, kif identifikati fir-rapport ta’ esperti Amphos, peress li dan ma kienx jagħmel parti mill-elementi fil-pussess tagħha fil-mument li hija adottat id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li dan ir-rapport kellu bħala għan biss l-analiżi teknika tal-istudju FER, kif jindika t-titolu tiegħu, u ma kienx jipproponi kontenut awtonomu ieħor. Fl-aħħar nett, ir-rapport tal-esperti Amphos ma ssuġġerixxiex ammont ta’ garanziji differenti minn dak finalment ikkunsidrat mill-Kummissjoni filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-istudju FER. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx b’liema mod l-allegati żbalji li jinsabu fl-istudju FER kienu jaffettwaw id-determinazzjoni tal-ammont korrett tal-garanziji kkontestati.

113    Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni diġà kellha matul il-proċedura prekontenzjuża tal-osservazzjonijiet tagħha li jenfasizzaw l-allegati lakuni tal-istudju FER, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 95 u 96 iktar ’il fuq, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodu li fuqu l-istudju FER kien fondat, li jikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-għażliet differenti ta’ restawr ta’ art u, fosthom, l-iktar adegwat għas-siti inkwistjoni, sabiex sussegwentement jiġu kkalkolati l-ispejjeż probabbli li tali metodu kien jinvolvi, ma huwiex manifestament żbaljat. Fil-fatt, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, id-Digriet Irjali Nru 975/2009 li fuqu kien ibbażat l-istudju FER, bħad-Digriet Nru 202/1994, li kellu jiġi kkunsidrat bħala bażi tal-imsemmi studju skont ir-rikorrenti, jistabbilixxu t-tnejn rabta bejn il-kalkolu tal-ammont tal-garanziji u l-ispejjeż previsti għar-rinviju ta’ art tad-depożiti. Barra minn hekk, il-kalkolu tal-ispejjeż previsti mwettaq mill-istudju FER huwa bbażat fuq l-analiżi tal-ispejjeż unitarji tad-diversi komponenti neċessarji għall-irkupru tal-munzell tal-iskart, skont studju tas-suq magħmul mill-esperti mal-imprendituri u fornituri kkonċernati. Ir-riżultati ta’ dan il-kalkolu kienu wkoll ipparagunati mal-ispejjeż totali tad-diversi għażliet ta’ rinviju ta’ art, hekk kif stmati f’studju ieħor li sar għad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent” tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li kkunsidrat, fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istudju FER kien affidabbli u kien ibbażat fuq metodoloġija koerenti u fuq ipoteżi raġonevoli, li tipprovdi bażi adegwata sabiex tiġi fformulata stima tal-ispejjeż tar-restawr ta’ art ippjanati, iktar u iktar minħabba li hija pparagunat ukoll ir-riżultati ta’ dan l-istudju ma’ dawk miksuba għal faċilitajiet simili f’partijiet oħra tad-dinja.

114    Għaldaqstant, il-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

115    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-miżura kienet selettiva, jiġifieri li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-ammont tal-garanziji kontenzjużi kienu ġew interpretati b’mod selettiv fir-rigward tagħha.

116    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-miżura 1 inkwistjoni kienet mogħtija, kif huwa indikat fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ deċiżjonijiet individwali ta’ liċenzja operattiva indirizzati lir-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-fatt li hija kienet l-unika impriża kkonċernata minn din il-miżura.

117    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżit ta’ selettività jvarja skont jekk il-miżura inkwistjoni hijiex prevista bħala skema ġenerali tal-għajnuna jew bħala għajnuna individwali. F’dan l-aħħar każ, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni, C-211/15 P, EU:C:2016:798, punti 53 u 54).

118    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li kien mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessi 82 sa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura 1 kienet tagħti vantaġġ selettiv lir-rikorrenti.

119    Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument imqajjem b’mod sussidjarju mir-rikorrenti dwar allegat żball ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, bi ksur tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ttenni f’dan il-kuntest il-parti l-kbira tal-kritika diġà magħmula fil-kuntest ta’ dan il-motiv u miċħuda fil-punti 100 sa 113 iktar ’il fuq.

120    B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont tal-garanziji, kif rivedut mill-awtoritajiet nazzjonali fl-2015 u tal-2016, abbażi tas-sentenzi tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña), seta’ jitqies bħala xieraq, abbażi tar-riżultati tal-istudju FER.

121    Issa, kif ġie espost fil-punti 99 sa 113 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni la wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-istudju FER u lanqas żball ta’ evalwazzjoni billi bbażat ruħha fuq id-deċiżjonijiet tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña).

122    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrimarka, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-ammont tal-ispejjeż ta’ restawr ta’ art miżmum kien l-iktar baxx fost l-istimi kollha disponibbli u li dan l-ammont kien għadu ġie mnaqqas skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 202/1994 li kien jipprevedi tnaqqis ta’ 50 % għall-attivitajiet minjieri li ma għandhomx iseħħu fi spazji ta’ interess naturali partikolari.

123    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argument imqajjem sussidjarjament mir-rikorrenti ma jistax jintlaqa’ u, konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

124    Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk il-Qorti Ġenerali setgħet tqis li l-miżura 1 kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, hija għandha tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tal-aħħar timponi l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

125    Fil-fatt, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni ta’ rkupru tippreġudika l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fir-rigward tal-legalità tal-ammonti ta’ garanziji finanzjarji inizjalment stabbiliti. Minkejja li l-ġurisprudenza kienet ikkjarifikat li impriża ma setgħetx tinvoka l-aspettattivi leġittimi sabiex tikkontesta l-irkupru ta’ għajnuna illegali, dan il-każ juri ċirkustanzi eċċezzjonali, li setgħu jkunu l-bażi ta’ tali aspettattiva. L-ewwel nett, ir-rikorrenti kellha aspettattiva leġittima fil-fatt li hija ma kinitx tirċievi għajnuna illegali, fid-dawl tad-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għad-deċiżjoni SNIACE, imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq, u ta’ proċedura ta’ ksur mibdija kontra l-Istat Spanjol għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2006/21. Din il-proċedura ta’ ksur ma kinitx tirrigwarda l-ammont tal-garanziji finanzjarji previsti fl-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva. Anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali tqis li dawn il-provi ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw tali aspettattiva, ir-rikorrenti ssostni li hija madankollu kellha dritt li jkollha tali fiduċja, peress li l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk miżura tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna li għandha tkun is-suġġett ta’ notifika kienu f’dan il-każ kumplessi u diffiċli li jiġu applikati, u dan poġġieha f’sitwazzjoni ta’ inċertezza.

126    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, bħala operatur ekonomiku raġonevoli u diliġenti, hija ma setgħetx tipprevedi li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-iffissar tal-ammonti tal-garanziji finanzjarji intiżi sabiex jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-obbligi ambjentali jikkostitwixxi għajnuna illegali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fil-punt 125 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li n-natura ġdida ta’ din il-kawża ma hijiex marbuta mal-kwistjoni dwar jekk ingħata vantaġġ, iżda huwa marbut mal-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ trasferiment ta’ riżorsi statali. Barra minn hekk, mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari mid-Deċiżjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza favur Franza telecom (ĠU 2006, L 257, p. 11), jirriżulta li l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali ma huwiex xieraq, għaliex dan imur kontra l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju.

127    It-tielet nett, f’dan il-każ, l-aspettattivi leġittimi jieħu preċedenza fuq kull interess ieħor ta’ ordni pubbliku li jista’jikkompeti għalih l-irkupru. Fil-fatt, l-ammont żgħir wisq tal-garanziji l-iktar l-iktar kellu effetti negliġibbli fis-suq, b’tali mod li l-irkupru tal-għajnuna f’dan il-każ ma jkunx iġġustifikat sabiex jiġu kkoreġuti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

128    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-konklużjoni li l-iffissar ta’ ammont ta’ garanziji finanzjarji insuffiċjenti sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-obbligi ambjentali tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, ma hijiex ibbażata fuq bażi suffiċjentement ċara u preċiża fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tikser ukoll l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2015/1589. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/174/KE tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-Miżura C 35/04 implimentata mill-Ungerija għall-Postabank és Takarékpénztár Rt. vs Erste Bank Hungary Nyrt (ĠU 2009, L 62, p. 14), li fiha l-Kummissjoni ppreferiet ma tipproċedix għall-irkupru tal-għajnuna illegali minħabba li dan l-irkupru jippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

129    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

130    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna hija t-tneħħija tagħha permezz tal-irkupru sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti. Fil-fatt, l-għan ewlieni intiż bl-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub permezz ta’ tali għajnuna. Fil-fatt, bir-rimbors tal-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kellu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti tal-għajnuna (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Easti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 131).

131    Minn din il-funzjoni tar-rimbors jirriżulta wkoll li, bħala regola ġenerali, ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni ma tistax tikser is-setgħa diskrezzjonali tagħha meta titlob lill-Istat Membru jirkupra s-somom mogħtija bħala għajnuna illegali, peress li hija tkun qiegħda sempliċement tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, EU:T:2009:315, punt 373).

132    Fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea tkun ħolqitlu aspettattivi bbażati fuq assigurazzjonijiet preċiżi li din tal-aħħar tkun tatha (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni, C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tikkostitwixxi tali assigurazzjoni, tkun xi tkun il-forma li taħtha tkun ikkomunikata, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li ġew ipprovduti lilu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS et vs Il‑Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, EU:T:2006:47, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Minn dan il-prinċipju, applikabbli b’mod speċjali fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2015/1589, jirriżulta li l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ tiġi invokata bil-kundizzjoni li dan ikollu assigurazzjonijiet suffiċjentement preċiżi, li jirriżultaw minn azzjoni pożittiva tal-Kummissjoni, li jippermettulu li jqis li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, France u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punt 261).

134    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll implimentata mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura maħsuba sabiex tintroduċi jew tbiddel għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżura, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm l-istituzzjoni msemmija tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni finali dwar dik il-miżura.

135    Konsegwentement, fid-dawl tan-natura imperattiva tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiżgura li din il-proċedura ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implimentata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti tagħha (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, C-183/02 P u C-187/02 P, EU:C:2004:701, punti 44 u 45, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C-81/10 P, EU:C:2011:811, punt 59).

136    Madankollu, il-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali, li fuq il-bażi tagħhom seta’ jkun ibbażat l-aspettattivi tiegħu fin-natura legali ta’ din l-għajnuna, u li jopponi ruħu, konsegwentement, għall-ħlas lura tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:2009:314, punt 282 u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Ġie deċiż ukoll li operatur ekonomiku diliġenti kellu, normalment, ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li l-proċedura ta’ notifika kienet ġiet osservata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89, EU:C:1990:320, punt 14, u tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, EU:C:1997:10, punt 51).

138    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 132 sa 136 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti, sabiex tinvoka b’mod utli dan il-prinċipju, għandha turi li rċeviet assigurazzjonijiet suffiċjentement preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti li jirriżultaw minn azzjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni, li jippermettulha li tqis li miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jew l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li setgħu b’mod leġittimu jibbażaw l-aspettattivi tagħha fuq in-natura regolari ta’ din l-għajnuna.

140    F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka, minn naħa, id-deċiżjoni SNIACE msemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni kienet allegatament ikkonkludiet f’din il-kawża li l-ommissjoni mill-Istat Spanjol li jiżgura l-osservanza tal-obbligi legali fil-qasam tal-ambjent ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li ma kienet timplika ebda trasferiment ta’ riżorsi, u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ ksur mibdija mill-Kummissjoni kontra l-Istat Spanjol minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2006/21 u mid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), sa fejn din il-proċedura ma kinitx tirrigwarda l-iffissar tal-ammonti ta’ garanziji finanzjarji baxxi wisq fir-rigward tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/21. Skont ir-rikorrenti, xejn ma kien iħalli għalhekk li jiġi preżunt li l-Kummissjoni kkunsidrat l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva mill-awtoritajiet Spanjoli bħala li jagħti vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

141    Madankollu, l-ewwel nett, preċedent ma jistax jikkostitwixxi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, peress li ma kienx intiż li janalizza s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti.

142    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-prattika preċedenti, diġà tfakkar, fil-punt 79 iktar ’il fuq, li din ma kinitx torbot lill-Kummissjoni, li hija meqjusa li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-uniċi dispożizzjonijiet legali applikabbli tat-Trattat FUE u tad-dritt sekondarju.

143    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka d-deċiżjoni preċedenti fil-kawża SNIACE u lanqas bħala assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, u lanqas minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali.

144    It-tieni nett, fir-rigward tal-proċedura ta’ ksur, mibdija kontra l-Istat Spanjol minħabba ksur tad-Direttiva 2006/21 u tad-Direttiva 2000/60, għandu jiġi enfasizzat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-fatt li din tal-aħħar ma invokatx ksur tal-Artikolu 107 TFUE fil-kuntest ta’ tali proċedura, li kellu għan ieħor, jiġifieri l-ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, ma setax joħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rikorrenti fil-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ser teżamina aspetti oħra li jistgħu jwasslu għall-ksur tal-Artikolu 107 TFUE.

145    Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni ma invokatx ksur tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-garanziji finanzjarji baxxi wisq ipprovduti mill-benefiċjarju tal-miżura fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur imsemmija fil-punt 144 iktar ’il fuq ma jistax jikkostitwixxi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati jew konkordanti, u lanqas ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ toħloq xi aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rikorrenti fil-fatt li l-miżura 1 kienet legali.

146    It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrenti li, f’dan il-każ, l-aspettattivi leġittimi jieħdu preċedenza fuq kull interess ieħor ta’ ordni pubbliku għall-irkupru, fid-dawl tal-ammont baxx tal-għajnuna, huwa biżżejjed li jitfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, il-Kummissjoni hija marbuta, bħala prinċipju, li tiddeċiedi li l-Istat jirkupra l-għajnuna jekk hija tikkonstata l-illegalità u li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix limitu li taħtu l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ rkupru.

147    Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 130 iktar ’il fuq, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Peress li l-ammont modest tal-għajnuna ma huwiex suppost li jeskludi distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, EU:C:2003:415, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata), lanqas dan ma jista’ jiġġustifika deċiżjoni ta’ rkupru tal-imsemmija għajnuna.

148    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

149    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punti 141 sa 145 u 147 iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tat-tnaqqis tal-ispejjeż li jaqgħu taħt il-baġit tar-rikorrenti, twassal għall-iffissar ta’ livell ta’ garanziji finanzjarji dgħajjef wisq, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala imprevedibbli għal din tal-aħħar, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 138 iktar ’il fuq u għalhekk bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

150    Sa fejn ir-rikorrenti tippreċiża li n-natura allegatament ġdida u imprevedibbli tal-klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tinsab fil-konstatazzjoni li l-miżura 1 wasslet għal trasferiment ta’ riżorsi statali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni li l-miżura 1 kienet tinkludi żieda fir-riskju għall-baġit tal-Istat, fid-dawl tal-obbligu ta’ intervent sussidjarju, li kien impost fuq l-Istat Spanjol, fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ambjentali tar-rikorrenti, minkejja n-nuqqas ta’ preċedenti identiċi fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, ma kinux iktar imprevedibbli għal operatur ekonomiku attent u avżat. Fil-fatt, il-miżura 1 neċessarjament twassal għaż-żieda fir-riskju impost fuq l-Istat, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli magħrufa mir-rikorrenti, li jkollha tintervjeni fil-każ ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar.

151    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni fil-kawża Postabank, imsemmija fil-punt 128 iktar ’il fuq, li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tirkuprax l-għajnuna inkwistjoni minħabba li l-irkupru jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-argument għandu jiġi miċħud, minn naħa, b’analoġija mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 79 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tad-differenzi fattwali importanti bejn din il-kawża u l-kawża Postabank. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li din l-aħħar kawża kienet irreġistrata fil-kuntest ferm partikolari tal-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni u l-inċertezza tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-obbligi li hija kienet tat lok għalihom. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet konxja, wara s-sentenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) tal-11 ta’ Ottubru 2011 minħabba l-fatt li l-livell ta’ garanziji finanzjarji pprovduti kien wisq dgħajjef għal restawr ta’ art adegwat tad-depożiti tiegħu.

152    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura 4 tagħti vantaġġ selettiv

153    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni la stabbilixxiet li l-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kien jagħmel parti mill-obbligi ambjentali li għalihom hija kienet suġġetta, u lanqas li l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet pubbliċi Spanjoli kienu spejjeż li hija kellha ssostni fin-nuqqas ta’ rkupru tal-munzell tal-iskart mill-awtoritajiet pubbliċi u tikkontesta, essenzjalment, il-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha turi li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienet tkun aħjar minħabba l-miżura 4 meta mqabbla ma’ dik li kienet tkun fiha fin-nuqqas ta’ din il-miżura. Tali analiżi kellha ssir abbażi ta’ evalwazzjoni tal-portata u tal-portata preċiża tal-obbligi legali tar-rikorrenti u tal-ispejjeż neċessarji sabiex jiġu indirizzati. L-uniku obbligu li kellha r-rikorrenti skont l-Artikolu 121 tal-Liġi Spanjola dwar il-Minjieri kien dak li tieħu l-miżuri ta’ restawr tal-art. Ir-rikorrenti ħadet tali miżuri. Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jirkupraw il-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns li jinvolvu spejjeż ferm ogħla minn dawk li hija kienet qieset fil-pjan ta’ restawr ta’ art, ir-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni inqas favorevoli (u mhux iktar favorevoli) meta mqabbla ma’ dik li kienet tkun fiha fin-nuqqas ta’ rkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns. Konsegwentement, hija ma kienet tagħti ebda vantaġġ.

154    Ir-rikorrenti tippreċiża li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-finanzjament tal-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kien effettivament itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha jew iħaffef piż li normalment kien jaqa’ fuq il-baġit tagħha. Ir-rikorrenti tfakkar, barra minn hekk, li l-minjieri tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns ma kinux iktar attivi u għalhekk li dan tal-aħħar ma kienx jinvolvi skart jew riskji addizzjonali ta’ tniġġis. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssostanzjatx id-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li r-rikorrenti kienet involuta fir-riskji li r-responsabbiltà ċivili u kriminali tagħha tkun involuta f’minjiera li, b’differenza mill-oħra li hija kellha, ma kinitx għadha attiva. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li għalihom tirreferi l-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, ma humiex rilevanti sabiex jiġi sostnut xi riskju ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-minjieri ta’ Vilafruns, li jibqa’ għalhekk purament ipotetiku. Barra minn hekk, il-fatt li l-irkupru tal-munzelli tal-iskart kien prassi komuni fi Stati Membri oħra huwa element nieqes minn kull rilevanza sabiex tiġi ssostanzjata l-konklużjoni li r-rikorrenti kellha tieħu miżuri addizzjonali għal dawk previsti fil-pjan ta’ restawr ta’ art tagħha tal-2008.

155    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssostanzjatx l-affermazzjoni li tgħid li l-protezzjoni miżjuda kienet tibbenefika fi kwalunkwe każ lir-rikorrenti, minħabba t-tnaqqis tar-riskju ta’ tniġġis u li jkollha tħallas kumpens għad-danni ambjentali eventwali. Barra minn hekk, hija bl-ebda mod ma sostniet il-konklużjoni li waslet għaliha fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-miżuri previsti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-pjan ta’ restawr ta’ art tagħha ma kinux jiggarantixxu livell adegwat ta’ protezzjoni ambjentali. Barra minn hekk, l-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kien naqqas il-valur ekonomiku tal-imsemmi munzell tal-iskart, minħabba l-fatt li ebda operatur ekonomiku potenzjalment interessat li jakkwista l-melħ ma seta’ jisfrutta l-melħ li jeżisti f’dan il-munzell tal-iskart. Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti d-dritt li r-rikorrenti kienet ingħatat, permezz tal-miżura 4, vantaġġ ekonomiku.

156    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

157    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “għajnuna” ma jinkludix biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C-300/16 P, EU:C:2017:706, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huma għalhekk ikkunsidrati bħala għajnuna l-interventi kollha mill-Istat li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, EU:C:2003:415, punt 84, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-279/08 P, EU:C:2011:551, punt 87).

158    F’dan l-eżami ta’ dak li jikkostitwixxi vantaġġ, il-Kummissjoni għandha għalhekk tevalwa jekk ir-rikorrenti kinitx iffavorita direttament jew indirettament jew kisbet vantaġġ li ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

159    F’dan il-każ, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, indipendentement mill-importanza tal-obbligi tar-rikorrenti fir-rigward ta’ Vilafruns, ma kienx aċċettabbli li l-investiment pubbliku ta’ EUR 7.9 miljun fi protezzjoni sostanzjalment aħjar tal-ambjent, bħala prinċipju ekwivalenti għar-restawr ta’ art tal-operazzjoni, mingħajr ebda spiża ta’ investiment għar-rikorrenti, ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti.

160    Il-Kummissjoni ppreċiżat, barra minn hekk, li, mingħajr din l-għajnuna, il-miżuri ta’ sostituzzjoni ma kinux jassiguraw protezzjoni daqstant effettiva u fit-tul u kienu jesponu ir-rikorrenti għar-riskji li jkollhom ibatu l-konsegwenzi ta’ tniġġis u li, konsegwentement, il-kostruzzjoni tal-faċilità ffinanzjata minn riżorsi pubbliċi ppermetta lir-rikorrenti tipprevjeni t-tniġġis, li tnaqqas ir-riskji ambjentali futuri u li tiffaċilita r-restawr ta’ art fit-tul tal-munzell tal-iskart.

161    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni billi tikkunsidra, essenzjalment, li l-miżura ta’ rkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kienet deċiżjoni indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi, li kienet tmur lil hinn mill-obbligi ambjentali tagħha u li hija ma kinitx obbligata li tadotta, u għalhekk li ma setax jiġi kkunsidrat li kienet kisbet vantaġġ minnhom.

162    Issa, fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat li l-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kien jikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni effikaċi u sostenibbli kontra t-tniġġis. Ir-rikorrenti kkonfermat, waqt is-seduta, li hija ma kinitx tikkontesta tali konklużjoni u sempliċement affermat li l-miżuri ta’ restawr ta’ art previsti fil-pjan tagħha tal-2008 kienu żguraw protezzjoni daqstant effettiva. Għaldaqstant, hija ma allegatx li l-miżura ta’ rkupru tal-munzell tal-iskart kienet sproporzjonata.

163    Fit-tieni lok, il-fatt li l-irkupru tal-munzell tal-iskart kien jikkostitwixxi miżura effettiva, sostenibbli u mhux sproporzjonata sabiex jiġi miġġieled it-tniġġis jimplika, fih innifsu, li din il-miżura kkontribwixxiet sabiex tiġi riżolta l-problema tat-tniġġis, li l-konsegwenzi tagħha kienu jaqgħu fuq ir-rikorrenti. Indipendentement mill-obbligi speċifiċi u b’mod partikolari minn miżuri teknikament suffiċjenti jew iktar adegwati sabiex jiġi ggarantit r-restawr ta’ art tas-sit ta’ Vilafruns, għandu jiġi kkonstatat li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli kif ukoll il-kuntratt ta’ bejgħ tal-faċilità lir-rikorrenti, imsemmija fil-premessi 131 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandha responsabbiltà ġenerali li tirrimedja kontinwament il-konsegwenzi eventwali negattivi tat-tniġġis u tal-ġestjoni tal-imsemmija faċilità.

164    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti, relatati man-nuqqas ta’ obbligu fir-rigward tagħha li tkopri l-munzell tal-iskart jew li jittieħdu miżuri ta’ restawr ta’ art iktar onerużi minn sempliċi miżuri ta’ konteniment previsti fil-pjan ta’restawr ta’ art tagħha fi stat ta’ wara l-2008, li, fil-fehma tagħha, kienu biżżejjed sabiex jissodisfaw l-obbligi legali ambjentali, peress li s-sit ta’ Vilafruns ma kienx għadu attiv, huma irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fir-rigward tagħha minħabba l-miżura 4, fid-dawl tal-fatt li l-irkupru tal-munzell tal-iskart ikkostitwixxa miżura effettiva u dejjiema li tippermetti lir-rikorrenti li ma tibqax tadotta miżuri oħra ta’ protezzjoni ambjentali għal perijodu twil ħafna.

165    Fit-tielet lok, l-intervent statali, irrappreżentat mill-investiment ta’ EUR 7.9 miljun, intiż sabiex ikopri l-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns, deċiż u ffinanzjat kompletament mill-awtoritajiet pubbliċi, jikkostitwixxi benefiċċju pożittiv, bl-istess mod bħal sussidju, li jimplika neċessarjament vantaġġ għar-rikorrenti, li, grazzi għall-irkupru tal-munzell tal-iskart, ma għandu jimplimenta ebda miżura ta’ restawr ta’ art ieħor għal perijodu twil ħafna. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, kif issostni r-rikorrenti, il-miżuri ta’ konteniment previsti fil-pjan ta’ restawr ta’ art tal-2008 setgħu jassiguraw għal żmien qasir il-kontroll ta’ tnixxijiet tal-munzell tal-iskart, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk azzjonijiet iktar importanti oħra kellhom jittieħdu mir-rikorrenti fuq perijodu medju jew twil, hija kellha tbati l-ispejjeż fil-futur. Konsegwentement, il-miżura 4 mingħajr ebda dubju ppreferiet lir-rikorrenti, billi tnaqqas ir-riskji ambjentali għall-futur, marbuta mas-sit ta’ Vilafruns.

166    Sa fejn ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx dawn ir-riskji futuri, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-importanza ta’ dawn ir-riskji ma kinitx prevedibbli jew kwantifikabbli għall-Kummissjoni. Fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar irrikonoxxiet li ebda dispożizzjoni tal-Unjoni speċifika ma stabbilixxiet il-livell ta’ protezzjoni li l-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kellu jilħaq f’termini ambjentali. Min-naħa l-oħra, għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq żewġ deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali li fihom ir-rikorrenti kienet inżammet responsabbli għal danni ambjentali, kemm fuq livell ċivili kif ukoll fuq livell kriminali, għal siti oħra minjieri, fid-dawl tat-tnixxijiet mis-siti minjieri li għalihom kienu ġew adottati biss il-miżuri “żgħar”, sabiex minn dan tiddeduċi li, effettivament, tali riskji futuri setgħu jeżistu wkoll għas-sit ta’ Vilafruns. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li, anki f’pajjiżi oħra, il-miżura ta’ rkupru tal-munzell tal-iskart kienet ġiet adottata sabiex jiġu solvuti l-problemi persistenti tat-tnixxijiet ta’ minjieri tal-potassa. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk, probabbilment, kienx hemm riskji futuri fir-rigward tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns, għalkemm hija ma setgħetx tikkwantifikahom bi preċiżjoni.

167    Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li r-riskji futuri ma kinux ġew stabbiliti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mill-premessi 159 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ legalità perfetta f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-obbligi ambjentali tagħha u li, permezz tal-miżura 4, l-Istat iddeċieda li jadotta livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali minn dak li kien neċessarju fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-imsemmija miżura kienet tagħmel parti minn proġett pilota li l-għan tiegħu kien li tiġi vverifikata r-rilevanza tal-metodu ta’ rkupru tal-munzelli tal-iskart sabiex jiġu indirizzati l-problemi ambjentali tar-reġjun ta’ Llobregat (Spanja) u għalhekk kienet isservi ta’ interess pubbliku ġenerali.

168    Issa, l-ewwel nett, l-Istat jista’ jiddeċiedi li japplika livell ta’ protezzjoni tal-ambjent ogħla mill-minimu meħtieġ u, a fortiori, huwa jista’ jiddeċiedi li jieħu l-miżuri li jkunu għadhom ma humiex neċessarji f’mument partikolari, iżda li jistgħu jsiru neċessarji fil-futur, għal għan ta’ interess pubbliku ġenerali. Ma huwiex sa fejn li r-rikorrenti, bħala impriża li hija proprjetarja ta’ wieħed mis-siti kkonċernati mill-miżura Statali, hija eżentata li tbati l-ispejjeż tagħha.

169    Fil-fatt, kif imfakkar fil-paragrafu 9 tal-Linji gwida tal-2008, l-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-Unjoni, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-esternalitajiet negattivi kkawżati mill-attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, minħabba t-tniġġis li jiġġeneraw.

170    Skont il-“prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”, li jagħmlu riferiment għalih il-paragrafi 7 u 8 tal-Linji gwida tal-2008, huwa possibbli li jiġu rrimedjati dawn l-esternalitajiet negattivi billi jiġi żgurat li min iniġġes iħallas għat-tniġġis inkwistjoni, li jimplika l-internalizzazzjoni totali tal-ispejjeż ambjentali minn min iniġġes, peress li l-għan huwa li jiġi żgurat li l-ispejjeż privati (sostnuti mill-impriża) jirriflettu l-ispejjeż soċjali reali tal-attivitajiet ekonomiċi. Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas jista’ jiġi implimentat jew permezz ta’ regoli mandatorji fil-qasam tal-ambjent, jew permezz ta’ strumenti bbażati fuq is-suq. Xi wħud mill-istrumenti bbażati fuq is-suq jistgħu jagħtu lok għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-impriżi kollha suġġetti għalihom jew lil xi wħud minnhom. Huwa preċiżament bil-għan li jinħolqu inċentivi fil-livell individwali sabiex jintlaħaq livell ta’ protezzjoni tal-ambjent superjuri għal dak meħtieġ mir-regoli tal-Unjoni jew sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent fl-assenza ta’ tali regoli li, skont il-paragrafu 10 tal-Linji gwida tal-2008, l-Istati Membri jistgħu jixtiequ jużaw l-għajnuna mill-Istat.

171    It-tieni nett, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tal-Liġi Spanjola dwar il-Minjieri, il-proprjetarju ta’ minjiera li ma għadhiex taħdem għandu jikkonforma mal-pjanijiet ta’ restawr ta’ art approvati mill-awtoritajiet inkarigati mill-attivitajiet tal-minjieri. Għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti approvaw il-miżura ta’ rkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns.

172    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Istat Spanjol kien għażel livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent u minn dan ħadet l-konsegwenzi fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, preċiżament billi kkonkludiet li kien biss l-ammont ta’ EUR 3 985 109.70 li kellu jiġi rkuprat mingħand l-impriża u mhux l-investiment statali kollu li jammonta għal EUR 7 887 571, skont il-Linji gwida tal-2008.

173    Fil-ħames lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kienet pjuttost qiegħda tmur għall-agħar is-sitwazzjoni ekonomika tagħha, peress li, wara din il-miżura, il-munzell tal-iskart kien tilef il-valur ekonomiku tiegħu, billi ma setax jiġi sfruttat għall-estrazzjoni u għall-bejgħ ta’ melħ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx, u lanqas ma ssostanzjat l-importanza tad-dħul li hija kienet titlef u jekk dan id-dħul eventwali kellux jiġi bbilanċjat mal-ispejjeż tar-restawr ta’ art li hija kien ikollha tassigura matul l-operat.

174    Fi kwalunkwe każ, l-allegat tnaqqis fil-valur tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns ma jistax ikollu impatt fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, sakemm ma jiġix ikkunsidrat li dan it-tnaqqis ta’ valur huwa iktar sinjifikattiv ekonomikament mill-vantaġġ prodott mir-restawr ta’ art tagħha sostenibbli, fatt li bl-ebda mod ma ġie pprovat mir-rikorrenti.

175    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, sa fejn il-Kummissjoni ma ddeterminatx b’mod korrett l-ammont tal-eventwali għajnuna li tirriżulta mill-miżura 4

176    Ir-rikorrenti tallega li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-miżura 4 kienet tikkostitwixxi għajnuna, id-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2015/1589, sa fejn hija ma ddeterminatx b’mod korrett l-ammont ta’ din l-allegata għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat l-ispejjeż ta’ investiment imħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi għall-irkupru tal-munzell tal-iskart, miżjuda bil-qligħ tal-operat li jirriżulta minn dan l-investiment u li tnaqqsu bl-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ operat sostnuti mill-benefiċjarju minħabba l-investiment. Issa, il-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni fil-biċċa l-kbira l-ammont li jirriżulta mill-vantaġġ ekonomiku li jikkorrispondi għas-somom li hija missha nefqet fuq il-miżuri ta’ restawr ta’ art li hija kienet obbligata timplimenta fil-kuntest tal-pjan tagħha tal-2008, sa fejn dawn qabżu l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u ta’ operat marbuta mal-miżura 4. Dan l-ammont kien ġie null u l-Kummissjoni għalhekk kellha tikkonkludi li ma kienx hemm vantaġġ. Ir-rikorrenti ttenni li l-irkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns ikkawżalha, għall-kuntrarju, it-telf ta’ dħul u ta’ spejjeż ta’ opportunità minħabba l-impossibbiltà ta’ sfruttament tad-depożitu ta’ melħ li jinsab f’dan il-munzell tal-iskart.

177    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

178    Dan il-motiv huwa strettament marbut mar-raba’ motiv u ġie mqajjem b’mod sussidjarju meta mqabbel miegħu.

179    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif issemma fil-punt 172 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-miżura 4 kienet miżura ta’ titjib tal-protezzjoni ambjentali, li kienet ġiet deċiża mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak li kien meħtieġ mir-regoli tal-Unjoni u li għalhekk kien imur lil hinn mill-bżonnijiet eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ħaġa li hija stess tirrikonoxxi, essenzjalment, fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata.

180    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni l-ewwel nett qieset, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li tista’ tapplika l-punt 3.1.1 tal-Linji gwida tal-2008, li jipprovdi li l-għajnuna għall-investiment li tippermetti lill-impriżi li jmorru lil hinn mil-livell ta’ protezzjoni ambjentali stabbilit mir-regoli tal-Unjoni jew li jżidu dan il-livell fin-nuqqas ta’ tali regoli setgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern.

181    Sussegwentement, b’mod konformi mal-paragrafu 80 tal-Linji gwida tal-2008, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-ispejjeż eliġibbli, il-Kummissjoni, fil-premessi 161 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata, ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ investiment addizzjonali li kienu neċessarji sabiex jintlaħaq il-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent superjuri għal dak li l-impriża laħqet fl-assenza ta’ kwalunkwe għajnuna (jiġifieri d-differenza bejn l-ammont tal-investiment statali u l-ispejjeż previsti għall-miżuri ta’ konteniment stabbiliti fil-pjan ta’ restawr ta’ art tal-2008). Fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, hija naqqset minn dan l-ammont il-qligħ tal-operat, li għal sit mhux attiv bħal dak ta’ Vilafruns kien jammonta għal żero u żiedet l-ispejjeż tal-operat għall-ewwel ħames snin. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli kien jammonta għal EUR 7 804 922.60.

182    Fl-aħħar nett, skont il-limitu massimu permess għall-impriżi l-kbar, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 171 u 172 tad-deċiżjoni kkontestata, li 50 % tal-ispejjeż eliġibbli, jiġifieri EUR 3 902 461.30, setgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern, u b’hekk inaqqsu l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għal EUR 3 985 109.70.

183    B’hekk, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna kkostitwita permezz tal-miżura 4 mingħand ir-rikorrenti biss għall-ammont ta’ EUR 3 985 109.70.

184    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka żball ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna stabbilit permezz tal-miżura 4, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala punt ta’ riferiment għal dan il-kalkolu, il-pjan ta’ restawr ta’ art tagħha ta’ 2008, iżda l-investiment ta’ EUR 7.9 miljun imwettaq mill-Istat Spanjol.

185    Issa, sa fejn ġie konkluż, fil-punti 162 sa 171 iktar ’il fuq, li, minn naħa, il-miżura ta’ rkupru tal-munzell tal-iskart ta’ Vilafruns kienet tikkostitwixxi benefiċċju pożittiv u miżura effettiva, dejjiema u mhux sproporzjonata sabiex jiġu rrimedjati t-tnixxijiet u r-riskji ta’ tniġġis marbuta mal-imsemmi munzell tal-iskart, li kellhom jiġu sostnuti fi kwalunkwe każ, skont obbligu ġenerali ta’ restawr ta’ art fuq ir-rikorrenti, minn din tal-aħħar u b’hekk bħala li jinkludi vantaġġ għal żmien medju jew twil għaliha u, min-naħa l-oħra, li l-Istat seta’ jimponi livell ogħla ta’ protezzjoni tal-ambjent għall-impriżi inkarigati mill-ġestjoni tas-siti minjieri, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, ġustament, ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-investiment imwettaq mill-Istat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna.

186    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-telf u l-ispejjeż li hija sofriet minħabba l-impossibbiltà li tintuża d-depożitu ta’ melħ, għandu jiġi kkonstatat li din is-sempliċi allegazzjoni mhux sostnuta minn provi ma tistax tintlaqa’. Mill-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja, matul il-proċedura amministrattiva, kien għamel riferiment għall-ispejjeż ta’ opportunità li r-rikorrenti allegatament sostniet minħabba li ma setgħetx tisfrutta d-depożitu għall-estrazzjoni tal-melħ. Madankollu, minn dawn l-osservazzjonijiet ma jirriżultax li dan it-telf ġie kkwantifikat jew issostanzjat matul il-proċedura amministrattiva. Fin-nuqqas ta’ tali provi, l-allegati spejjeż u telf għandhom għaldaqstant jitqiesu bħala ipotetiċi.

187    Konsegwentement, tali telf ipotetiku ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza li tipprovdi li l-irkupru tal-għajnuna jimplika r-restituzzjoni tal-vantaġġ prodott minnha lil benefiċjarju tagħha u mhux ir-restituzzjoni tal-benefiċċju ekonomiku li eventwalment twettaq minnu mill-operat ta’ dan il-vantaġġ (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C-164/15 P u C-165/15 P, EU:C:2016:990, punt 100).

188    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames motiv għandu wkoll jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

189    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Iberpotash, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Buttigieg

Berke

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Jannar 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.