Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2013 – European Dynamics Belgium et vs EMA

(Kawża T-638/11) 1

(“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-EMA – Provvista ta’ servizzi ta’ għajnuna għal applikazzjonijiet informatiċi – Ċaħda tal-offerta ta’offerent – Kriterji ta’ attribuzzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Osservanza tal-kriterji ta’ attribuzzjoni stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt – Stabbiliment ta’ sottokriterji għall-kriterji ta’ attribuzzjoni – Aċċess għal dokumenti”)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: European Dynamics Belgium SA (Brussell, il-Belġju); European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu); Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja); u European Dynamics UK Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: inizjalment V. Salvatore, sussegwentement T. Jabłoński u C. Maignen, aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann u E. Arsenidou, avukati)

Suġġett

Minn naħa, annullament tad-Deċiżjoni EMA/787935/2011 tal-EMA, tat-3 ta’ Ottubru 2011, li permezz tagħha l-offerta magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa EMA/2011/05/DV ġiet miċħuda, u, min-naħa l-oħra, annullament tad-Deċiżjoni EMA/882467/2011 tad-Direttur Eżekuttiv par interim tal-EMA, tad-9 ta’ Novembru 2011, li permezz tagħha t-talba konfermatorja tar-rikorrenti sabiex ikollhom aċċess għad-dokumenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti relatati mal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ġiet miċħuda.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni EMA/787935/2011 tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), tat-3 ta’ Ottubru 2011, li permezz tagħha l-offerta magħmula minn European Dynamics Belgium SA, European Dynamics Luxembourg SA, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE u European Dynamics UK Ltd fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa EMA/2011/05/DV ġiet miċħuda, hija annullata.

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni EMA/882467/2011 tad-Direttur Eżekuttiv par interim tal-EMA, tad-9 ta’ Novembru 2011, li permezz tagħha t-talba konfermatorja tar-rikorrenti sabiex ikollhom aċċess għad-dokumenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti relatati mal-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ġiet miċħuda.

L-EMA hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 ĠU C 49, 18.02.2012.