Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 - Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-92/10)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ferriera Valsabbia SpA (Odolo, l-Italja) u Valsabbia Investimenti SpA (Odolo, l-Italja) (rappreżentanti: D. Fosselard, S. Amoruso, L. Vitolo, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
- tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 7492 finali, tat-30 ta' Settembru 2009, fil-Każ COMP/37.956 (Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit, adozzjoni mill-ġdid) (iktar 'il quddiem, id-"Deċiżjoni"), kif emendata u kkompletata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 9912 finali, tat-8 ta' Diċembru 2009 ("Tkomplija"), fir-rigward tal-parti li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA minn Ferriera Valsabbia S.p.A. u minn Valsabbia Investimenti S.p.A., u timponi fuqhom in solidum multa ta' EUR 10,25 miljun;
- sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni li jimponi l-multa fuq ir-rikorrenti;
- iktar sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa;
- tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-motivi u l-argumenti prinċipali huma simili għal dawk invokati f'rikorsi oħra kontra l-istess deċiżjoni. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni:
In-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA wara li dan it-trattat skada u, fi kwalunkwe każ, sabiex tuża bħala bażi legali l-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament KE Nru 1/2003.
1.
Il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni.
Il-ksur tal-Artikolu 65(1) tat-Trattat KEFA, inkwantu l-fatti deskritti fid-Deċiżjoni ma jurux akkordju wieħed u kontinwu.
Il-ksur tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti, kif ukoll tal-prinċipju ta' trattament ugwali u dak tal-proporzjonalità.
Fir-rigward ta' dan il-punt, hija tikkonstata, b'mod partikolari, li t-tqegħid tar-rikorrenti fl-ewwel grupp ta' impriżi li ġiet imposta fuqhom l-ogħla multa bażika huwa kompletament illegali peress li fil-proċess ta' kalkolu tal-multa l-Kummissjoni żbaljat meta applikat il-kriterju tal-piż speċifiku tagħha fis-suq u ma applikatx b'mod omoġenju l-kriterju tad-daqs komplessiv tal-impriża. Barra minn hekk, il-proċess tal-kalkolu tal-multa sar b'mod żbaljat anki fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti attenwanti. Fl-aħħar nett, id-dewmien eċċessiv tal-proċedura kkawża danni gravi għad-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli.
____________1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)