Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2010 - Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA

(Kawża T-93/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: (Bilbaína de Alquitranes, SA (Luchana-Baracaldo, Spanja), Cindu Chemicals BV (Uithoorn, il-Pajjiżi l-Baxxi), Deza a.s. (Valašske Meziříčí, ir-Repubblika Ċeka), Industrial Química del Nalón, SA (Oviedo, Spanja), Koppers Denmark A/S (Nyborg, id-Danimarka), Koppers UK Ltd (Scunthorpe, ir-Renju Unit), Rütgers Germany GmbH (Castrop-Rauxel, il-Ġermanja), Rütgers Belgium NV (Zelzate, il-Belġju) u Rütgers Poland Sp. Z o.o. (Kedzierzyn-Kozle, il-Polonja), (rappreżentanti: K. Van Maldegem, R. Cana, avukati u P. Sellar, Solicitor)

Konvenuta: European Chemicals Agency (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda ż-żift, qatran tal-faħam, temperatura għolja, Nru CAS 65996-93-2; u

tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) (ED/68/2009) li tidentifika ż-żift, qatran tal-faħam, temperatura għolja, Nru CAS 65996-93-2, bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 57(d) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 1 (iktar 'il quddiem ir-"Regolament REACH"), skont l-Artikolu 59 tar-Regolament REACH.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, miġjuba għall-attenzjoni tar-rikorrenti permezz ta' stqarrija għall-istampa tal-ECHA, is-sustanza taż-żift, qatran tal-faħam, temperatura għolja ġiet inkluża fil-lista ta' 15-il sustanza kimika ġdida tal-Lista ta' kandidati ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

Fil-qosor, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-identifikazzjoni taż-żift, qatran tal-faħam, temperatura għolja bħala sustanza karċinoġenika iżda jikkontestaw l-identifikazzjoni ta' din is-sustanza bħala sustanza persistenti, bijoakkumulattiva u tossika u bħala sustanza persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna skont il-kriterji stipulati fl-Anness XIII tar-Regolament REACH.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-inklużjoni taż-żift, qatran tal-faħam, temperatura għolja fil-lista ta' kandidati ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna se twassal sabiex eventwalment din is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness XIV tar-Regolament REACH, u dan fih innifsu se jkollu diversi konsegwenzi legali negattivi għar-rikorrenti, li jirriżultaw direttament minn din l-identifikazzjoni.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li din tikser ir-regoli applikabbli stabbiliti mir-Regolament REACH għall-identifikazzjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna u ta' sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi u persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna, b'mod partikolari. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żball ta' evalwazzjoni u żball ta' liġi peress li l-identifikazzjoni tas-sustanza taż-żift, qatran tal-faħam, temperatura għolja bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna inkwantu din hija persistenti, bijoakkumulattiva u tossika u persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna hija bbażata biss fuq proprjetajiet ta' sustanzi kostitwenti, u dan ma għandu ebda bażi legali fir-Regolament REACH.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali peress li din tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali inkwantu din toħloq diskriminazzjoni bejn is-sustanza inkwistjoni u sustanzi oħra komparabbli, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità fir-rigward tal-għażla ta' miżuri disponibbli għall-konvenuta u l-iżvantaġġi kkawżati fid-dawl tal-għanijiet previsti.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).