Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2014 – Gas Natural vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-508/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Gas Natural SDG, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: F. Seijo Pérez, R. García Gómez de Zamora u M. Troncoso Ferrer, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tordna l-irkupru tal-għajnuna, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar ir-Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni SA.21233 C/2011 (ex NN/2011, ex CP 137/2006).

L-allegati motivi u argumenti prinċipali huma simili għal dawk invokati fil-Kawżi T-401/14, Duro Felguera vs Il-Kummissjoni, T-700/13, Bankia vs Il-Kummissjoni u T-500/14, Derivados del Flúor vs Il-Kummissjoni.

B’mod partikolari, huwa allegat il-ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, fin-nuqqas tal-prova tan-natura selettiva tal-allegata għajnuna u tal-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tad-dmir ta’ motivazzjoni tal-atti, sabiex l-Asociaciones de Interés Económico u l-investituri tagħhom jikkwalifikaw bħala benefiċjarji tal-allegata għajnuna, il-ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u tal-prinċipju ta’ użu ħażin ta’ poter, mat-teħid tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-legalità ta’ kuntratti bejn operaturi privati, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.