Language of document : ECLI:EU:T:2014:1080

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tax-xema’ tal-paraffin — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Prova tal-ksur — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi — Ugwaljanza fit-trattament — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Parteċipazzjoni sostanzjalment imnaqqsa — Ksur imwettaq b’negliġenza — Drittijiet tad-difiża — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑558/08,

Eni SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn M. Siragusa, D. Durante, G. Rizza, S. Valentino u L. Bellia, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 — Xema’ tax-xemgħa), kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

1        Permezz tad-Deċiżjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 — Xema’ tax-xemgħa) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li r-rikorrenti, Eni SpA kienet, flimkien ma’ impriżi oħra, kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), billi pparteċipaw f’akkordju relatat mas-suq tax-xema’ tal-paraffin fiż-ŻEE u mas-suq Ġermaniż tax-xema’ ratba.

2        Id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma, minbarra r-rikorrenti, il-kumpanniji segwenti: Esso Deutschland GmbH, Esso Société anonyme française, ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u Exxon Mobil Corp. (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “ExxonMobil”); H&R ChemPharm GmbH, H&R Wax Company Vertrieb GmbH u Hansen & Rosenthal KG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “H&R”); Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG; MOL Nyrt.; Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA, Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Repsol”); Sasol Wax GmbH, Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Sasol”); Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Ltd, The Shell Petroleum Company Limited, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Shell”); RWE Dea AG u RWE AG (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “RWE”), kif ukoll Total SA u Total France SA (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Total”) (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Ix-xema’ tal-paraffin tiġi prodotta fir-raffinerija abbażi ta’ żejt mhux maħdum. Hija tintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti bħal xemgħat, prodotti kimiċi, tajers u prodotti tal-karozzi, kif ukoll għall-industriji tal-gomma, tal-ippakkettjar, tal-adeżivi u taċ-ċuwingamm (premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Ix-xema’ ratba hija l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tax-xema’ tal-paraffin. Hija prodotta f’raffineriji bħala prodott sekondarju fil-produzzjoni taż-żjut ta’ bażi miż-żejt mhux maħdum. Hija tinbiegħ ukoll lil klijenti finali, pereżempju lil produtturi ta’ particle boards (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha wara li Shell Deutschland Schmierstoff informatha, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar l-eżistenza ta’ akkordju filwaqt li ressqet quddiemha talba għal immunità abbażi tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Fit-28 u fid-29 ta’ April 2005, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), b’verifiki fil-binjiet ta’ “H & R/Tudapetrol”, ta’ ENI, ta’ MOL kif ukoll f’dawk tal-kumpanniji tal-gruppi Sasol, ExxonMobil, Repsol u Total (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Bejn il-25 u d-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil kull waħda mill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, fosthom lir-rikorrenti wkoll (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Awwissu 2007, Eni wieġbet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

8        Fl-10 u fil-11 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni organizzat seduta li fiha Eni pparteċipat (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-provi li hija kellha, il-Kummissjoni qieset li d-destinatarji, li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produtturi tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba fi ħdan iż-ŻEE, kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li kien ikopri t-territorju taż-ŻEE. Dan il-ksur kien jikkonsisti fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq livell kummerċjali li jaffettwaw ix-xema’ tal-paraffin (iktar ’il quddiem il-“parti prinċipali tal-ksur”). F’dak li jirrigwarda lil RWE (sussegwentement Shell), ExxonMobil, MOL, Repsol, Sasol u Total, il-ksur li jaffettwa lix-xema’ tal-paraffin kien jirrigwarda wkoll it-tqassim ta’ klijenti jew ta’ swieq (iktar ’il quddiem it-“tieni parti tal-ksur”). Barra minn hekk, il-ksur imwettaq minn RWE, ExxonMobil, Sasol u Total kien jirrigwarda wkoll ix-xema’ ratba mibjugħa lill-klijenti finali fis-suq Ġermaniż (iktar ’il quddiem il-“parti dwar ix-xema’ ratba tal-ksur”) (premessi 2, 95, 328 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Il-prattiki li jikkostitwixxu ksur seħħew matul laqgħat antikompetittivi msejħa “laqgħat tekniċi” jew saħansitra laqgħat “Blauer Salon” mill-parteċipanti u matul il-“laqgħat tax-xema’ ratba” ddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet dwar ix-xema’ ratba.

11      L-ammont tal-multi imposti f’dan il-każ ġie kkalkolat abbażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), fis-seħħ fil-mument tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

12      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma [kontinwa] fis-settur tax-xema’ tal-paraffin fis-suq komuni u, mill-1 ta’ Jannar 1994, fiż-ŻEE:

Eni SpA: fit-[30 u fil-31] ta’ Ottubru 1997 u mill-21 ta’ Frar 2002 sat-28 ta’ April 2005;

[…]

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

ENI SpA : EUR 29 120 000;

Esso Société anonyme française: EUR 83 588 400,

li minnha flimkien u in solidum ma’

ExxonMobil Petroleum and Chemical BVBA u ExxonMobi1 Corporation għal EUR 34 670 400, li minnu flimkien u in solidum ma’ Esso Deutschland GmbH għal EUR 27 081 600;

Tudapetrol Mineralölerzeugnisse Nils Hansen KG: EUR 12 000 000;

Hansen & Rosenthal KG flimkien u in solidum ma’ H&R Wax Company Vertrieb GmbH: EUR 24 000 000,

li minnha flimkien u in solidum ma’

H&R ChemPharm GmbH għal EUR 22 000 000;

MOL Nyrt.: EUR 23 700 000;

Repsol YPF Lubricantes y Especialidades SA flimkien u in solidum ma’ Repsol Petróleo SA u Repsol YPF SA: EUR 19 800 000;

Sasol Wax GmbH: EUR 318 200 000,

li minnha flimkien u in solidum ma’

Sasol Wax International AG, Sasol Holding in Germany GmbH u Sasol [Ltd.] għal EUR 250 700 000;

Shell Deutschland Oil GmbH, Shell Deutschland Schmierstoff GmbH, Deutsche Shell GmbH, Shell International Petroleum Company Limited, The Shell Petroleum Company Limited, Shell Petroleum NV u The Shell Transport and Trading Company Limited: EUR 0;

RWE-Dea AG flimkien u in solidum ma’ RWE AG: EUR 37 440 000;

Total France SA flimkien u in solidum ma’ Total SA: EUR 128 163 000.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.     Fuq il-grupp Eni

13      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni qieset dan li ġej fid-deċiżjoni kkontestata:

“[...]

(342)      Fil-Kapitolu 4 ġie stabbilit li, matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha, Eni pparteċipat fil-ksur permezz ta’ impjegati ta’ AgipPetroli SpA u ta’ Eni SpA […]

(343) AgipPetroli SpA kienet irrappreżentata f’laqgħa fit-30 u fil-31 ta’ Ottubru 1997 u bejn il-21 u t-22 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2002 (meta hija ġiet inkorporata ma’ Eni SpA u għaldaqstant ma baqgħetx teżisti iktar), u Eni SpA ipparteċipat mill-1 ta’ Jannar 2003 (minn din id-data, is-sezzjonijiet raffinar u marketing ta’ Eni kienu responsabbli mill-bejgħ tax-xema’ tal-paraffin u tax-xema’ ratba) sat-28 ta’ April 2005 (data tat-tmiem tal-ksur).

(344) AgipPetroli SpA ġiet assorbita minn Eni SpA fil-31 ta’ Diċembru 2002. Skont il-prinċipji ddefiniti fil-premessa (334), Eni SpA għandha, għaldaqstant, titqies li assumiet ir-responsabbiltà għall-attivitajiet ta’ AgipPetroli SpA preċedenti għall-31 ta’ Diċembru 2002 […]

(345)      Għaldaqstant, Eni SpA għandha tinżamm responsabbli, mhux biss għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju wara l-assorbiment ta’ AgipPetroli SpA (fil-31 ta’ Diċembru 2002), iżda wkoll għall-attivitajiet ta’ AgipPetroli SpA fi ħdan l-akkordju preċedentement għal din id-data.

(346) Fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Eni ma kkontestatx il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni relatati mar-responsabbiltà tagħha.

(347) Għar-raġunijiet stabbiliti iktar ’il fuq, Eni SpA hija responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa fit-30 u fil-31 ta’ Ottubru 1997 u mill-21 u t-22 ta’ Frar 2002 sat-28 ta’ April 2005 (data tat-tmiem tal-ksur).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

15      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet laqgħu din it-talba fit-terminu mogħti.

16      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2013.

17      Fid-dawl tar-rabtiet fattwali mal-Kawżi T‑540/08, Esso et vs Il‑Kummissjoni, T‑541/08, Sasol et vs Il‑Kummissjoni, T‑543/08, RWE u RWE Dea vs Il‑Kummissjoni, T‑544/08, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni, T‑548/08, Total vs Il‑Kummissjoni, T‑550/08, Tudapetrol vs Il‑Kummissjoni, T‑551/08, H&R ChemPharm vs Il‑Kummissjoni, T‑562/08, Repsol YPF Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, u T‑566/08, Total Raffinage et Marketing vs Il‑Kummissjoni, u fid-dawl tal-prossimità tal-kwistjonijiet ġuridiċi mqajma, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħti s-sentenza f’din il-kawża biss wara s-seduti fl-imsemmija kawżi relatati, li l-aħħar waħda minnhom inżammet fit-3 ta’ Lulju 2013.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u tislet minnha l-konsegwenzi relatati mal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq sitt motivi.

21      Ir-rikorrenti tressaq l-ewwel żewġ motivi relatati mal-kontestazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE. L-ewwel motiv jirrigwarda l-istabbiliment tal-parteċipazzjoni tagħha minħabba l-preżenza tagħha fil-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997. It-tieni motiv jikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur bejn il-21 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005.

22      Ir-rikorrenti tressaq barra minn hekk erba’ motivi relatati mal-kalkolu tal-ammont tal-multa fir-rigward tagħha. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida tal-2006, kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba l-iffissar żbaljat ta’ koeffiċjent għal 17 % minħabba l-gravità tal-ksur u tal-ammont addizzjonali msejjaħ “ħlas supplimentari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida tal-2006, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll fuq abbuż ta’ setgħa minħabba ż-żieda tal-ammont tal-multa b’60 % iġġustifikata biċ-ċirkustanza aggravanti relatata mar-reċediva. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida tal-2006, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma rrikonoxxietx l-eżistenza taċ-ċirkustanza attenwanti relatata mal-parteċipazzjoni sostanzjalment imnaqqsa tagħha fl-akkordju u mal-assenza ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-implementazzjoni tiegħu. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-linji gwida tal-2006 minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent taċ-ċirkustanza attenwanti relatata man-negliġenza.

23      Peress li l-ewwel u t-tieni motivi jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-provi li juru l-parteċipazzjoni ta’ Eni fl-akkordju, il-Qorti Ġenerali tqis utli li dawn jiġu eżaminati flimkien.

1.     Fuq l-ewwel u t-tieni motivi relatati mal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

24      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni illegalment stabbilixxiet il-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim jew fi prattika miftiehma abbażi tal-preżenza tagħha fil-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 f’Hamburg (il-Ġermanja). Permezz tat-tieni motiv tagħha, hija tqajjem l-illegalità tal-istabbiliment tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju bejn il-21 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005.

 Fuq il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma

25      Skont l-Artikolu 81(1) KE, huma inkompatibbli mas-suq komuni u huma pprojbiti l-ftehimiet kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

26      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod determinat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

27      Jista’ jiġi kkunsidrat li ġie konkluż ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE meta jkun hemm qbil bejn l-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni, T‑240/07, Ġabra p. II‑3355, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

28      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jikkonċerna forma ta’ koordinazzjoni bejn l-impriżi li, mingħajr ma wasslet għal ftehim veru u proprju, xjentement tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

29      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kwalunkwe kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi ta’ natura jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun iddeċieda li jadotta huwa stess fis-suq jew li huwa jipprevedi li jadotta, meta l-kuntatti tiegħu jkollhom l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (sentenza Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 47; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 28 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

 Fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-provi

30      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi meħtieġa biex tintwera, kif meħtieġ mil-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali tiġi adita b’rikors għal annullament ta’ deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, hija għandha teżerċita, b’mod ġenerali, stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ġewx issodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas‑26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il‑Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni kif titlob il-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 60, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/07, Ġabra p. II‑3871, punt 58).

33      Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 59; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji għal kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li d-diversi indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      L-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur minn naħa ta’ impriża tal-Artikolu 81(1) KE ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għandu jiġi osservat ukoll, li fil-prattika, il-Kummissjoni hija spiss obbligata tipprova l-eżistenza ta’ ksur f’ċirkustanzi li ma tantx huma xierqa għal dan il-kompitu, inkwantu setgħu għaddew diversi snin wara ż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u xi wħud mill-impriżi li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni ma jkunux ikkooperaw b’mod attiv magħha. Għalkemm il-Kummissjoni ta’ bilfors għandha tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim illeċitu ta’ ffissar tal-prezz, ikun eċċessiv li tintalab, barra minn hekk, tipproduċi prova tal-mekkaniżmu speċifiku li permezz tiegħu kellu jinkiseb dan l-għan. Fil-fatt, ikun wisq faċli għal impriża akkużata bi ksur li tevita kull sanzjoni jekk hija tkun tista’ tinvoka l-argument dwar in-natura vaga tal-informazzjoni ppreżentata fir-rigward tal-funzjonament tal-ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti b’mod suffiċjenti. L-impriżi jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod utli f’tali sitwazzjoni, sakemm huma jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw fuq il-provi kollha invokati fil-konfront tagħhom mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 203).

37      Fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati sabiex ikun stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju dominanti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72, u Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 64).

38      Fir-rigward tal-valur probatorju tad-diversi provi, l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 72).

39      Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u, b’hekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li ġie redatt fihom, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 1053 u 1838, u Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 70).

40      Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ ksur, huwa biżżejjed għal dawn tal-aħħar li juru l-eżistenza ta’ fatti li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti tissostitwixxi dik użata minnha sabiex jiġi konkluż li hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 186).

41      Min-naħa l-oħra, fil-każijiet li fihom il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi dokumentali, l-impriżi kkonċernati għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għat-teżi tal-Kummissjoni, iżda saħansitra jqajmu l-insuffiċjenza tal-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 187). Tali produzzjoni tal-provi ma tiksirx il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punt 181).

42      Billi l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehimiet antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn il-ftehimiet iseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tintalab li tipproduċi l-atti li juru b’mod espliċitu l-kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri tali atti, dawn ikunu normalment frammentati u sparpaljati, b’mod li sabiex ċerti dettalji jiġu kkostitwiti mill-ġdid ikun hemm spiss bżonn li dawn jiġu dedotti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ akkordju antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57; ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Waqt l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi dokumentali, għandha tingħata importanza kbira lill-fatt li dokument ġie mħejji b’rabta immedjata mal-fatti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 312, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 181) jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 207).

44      L-assenza ta’ data jew ta’ firma ta’ dokument jew il-fatt li huwa miktub ħażin ma jneħħix kwalunkwe valur probatorju minn dan id-dokument, peress li l-oriġini tiegħu, id-data probabbli tiegħu u l-kontenut tiegħu jistgħu jiġu stabbiliti b’mod suffiċjentement ċar (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 124; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il‑Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 86).

45      Mill-prinċipju tal-produzzjoni libera tal-provi jirriżulta li, minkejja li l-assenza ta’ provi dokumentali tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali ta’ sensiela ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, waħedha, hija ma għandhiex il-konsegwenza li tippermetti lill-impriża kkonċernata tqiegħed inkwistjoni l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni alternattiva tal-fatti. Dan ikun il-każ biss meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur mingħajr ekwivoku u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni (sentenza Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, Coat Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

46      Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinqeda b’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju sabiex tużahom kontra impriża oħra. Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, li jaqa’ fuq il-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 192, u Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 67).

47      Valur probatorju partikolarment għoli jista’ jiġi rrikonoxxut lid-dikjarazzjonijiet li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, isiru f’isem impriża, it-tielet nett, ikunu ġejjin minn persuna li hija marbuta bl-obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ din l-impriża, ir-raba’ nett, imorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, ġejjin minn xhud dirett tal-fatti msemmija fihom u, is-sitt nett, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni fil-fond (sentenza Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 205 sa 210).

48      Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra, billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 219 u 220, u Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 68).

49      Barra minn hekk, għalkemm huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak tal-parteċipanti l-oħra, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li persuna titlob sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 bil-għan li tikseb immunità jew tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv sabiex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (sentenza Hitachi et vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 72; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

50      B’mod partikolari, hemm lok li jitqies li l-fatt li persuna tistqarr li wettqet ksur u li għaldaqstant tammetti l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori, fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari ta’ natura li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu li huma provi partikolarment dgħajfa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 211 u 212; tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punti 166; u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 59).

51      Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

 Fuq id-deskrizzjoni tal-parti prinċipali tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata

52      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Sunt tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Il-parti prinċipali ta’ dan il-ksur kienet tikkonsisti “fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq livell kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jirrigwardaw ix-xema’ tal-paraffin. Din il-parti prinċipali kienet l-unika parti tal-ksur li r-rikorrenti pparteċipat fiha skont id-deċiżjoni kkontestata.

53      Fid-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “4.1. Prinċipji bażiċi u funzjonament tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni ddeskriviet, fil-premessi 106 et seq ta’ din id-deċiżjoni, il-parti prinċipali tal-ksur skont kif ġej:

“[...]

(106)      Il-laqgħat tekniċi dejjem inqasmu f’żewġ partijiet: diskussjoni inizjali dwar kwistjonijiet tekniċi, u wara diskussjonijiet ta’ natura antikompetittiva dwar, fost l-oħrajn, l-iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-swieq u tal-klijentela (f’ċerti każijiet), u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq livell kummerċjali bħal pereżempju l-politika tal-prezz attwali u futura, il-klijenti, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-volumi ta’ bejgħ.

(107)      Id-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet u ż-żiediet tal-prezz potenzjali normalment kienu jseħħu lejn l-aħħar tal-laqgħat tekniċi. Ġeneralment, Sasol kienet teżamina d-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet, iżda sussegwentement il-prezzijiet u l-istrateġiji politiċi tal-prezz kienu jiġu diskussi mill-parteċipanti kollha permezz tal-involviment ta’ kull membru bilqiegħda mal-mejda. Id‑diskussjonijiet kienu jikkonċernaw kemm iż-żidiet tal-prezz u l-prezzijiet indikattivi għal klijenti speċifiċi u ż-żidiet tal-prezz ġenerali, kif ukoll il-prezzijiet minimi u l-prezzijiet indikattivi għas-suq kollu. Iż-żidiet tal-prezz kienu normalment miftiehma f’ċifri assoluti u mhux f’perċentwali (pereżempju, EUR 60 għal kull tunnellata għax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata). Il-prezzijiet minimi kienu mhux biss miftiehma meta kien hemm ftehim għal żieda fil-prezz, iżda wkoll meta żieda fil-prezz ma kinitx tista’ sseħħ (pereżempju, fil-perijodu ta’ tnaqqis tal-prezz).

[…]

(109)      Ir-rappreżentanti tal-impriżi kienu jaqsmu ma’ xulxin, barra minn hekk, informazzjoni kummerċjali sensitiva u kienu jħabbru l-istrateġija ġenerali tagħhom.

(110)      L-impriżi, bl-eċċezzjoni ta’ MOL, kienu rrappreżentati minn persuni li kellhom is-setgħa li jiddeterminaw l-istrateġija tal-prezz tal-impriża rispettiva tagħhom u li jiffissaw il-prezzijiet għal klijenti partikolari […]

(111)      Matul il-parti l-kbira tal-laqgħat tekniċi, id-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kienu ġeneralment jikkonċernaw ix-xema’ tal-paraffin [...] u rarament biss id-differenti tipi ta’ xema’ tal-paraffin (bħax-xema’ tal-paraffin totalment raffinata, ix-xema’ tal-paraffin nofsha raffinata, it-taħlitiet ta’ xema’/speċjalitajiet, ix-xema’ tal-paraffin solida jew l-idroxema’). Barra minn hekk, kien ċar għall-impriżi kollha li l-prezzijiet għal kull tip ta’ xema’ tal-paraffin kellu jiżdied bl-istess ammont jew bl-istess perċentwali.[...]

[…]

(113)      Ir-riżultat tal-laqgħat tekniċi kien ġeneralment implementat permezz tat-tħabbir ta’ żieda fil-prezz lill-klijenti jew permezz tal-annullament tat-tabella tariffarja eżistenti. Il-każijiet okkażjonali ta’ qerq jew ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni kienu jiġu diskussi matul il-laqgħat segwenti [ara, pereżempju, il-premessi (149) u (157)]. Ġeneralment, waħda mill-impriżi rrappreżentata kienet tieħu l-inizjattiva u kienet tibda tgħolli l-prezzijiet tagħha. Ġeneralment, din l-impriża kienet tkun Sasol, iżda din ġieli kienet titlob li parteċipant ieħor jieħu l-inizjattiva. Ftit wara t-tħabbir minn impriża lill-klijentela dwar l-intenzjoni tagħha li żżid il-prezzijiet, il-fornituri l-oħra kienu jsegwu l-moviment u kienu jħabbru wkoll żidiet fil-prezz [...] Il-persuni li kienu jirrappreżentaw lill-impriżi matul il-laqgħat tekniċi kienu jinformaw lill-oħrajn dwar l-attività meħuda sabiex jiġu applikati r-riżultati tal-laqgħat tekniċi. Din l-informazzjoni kienet tiġi pprovduta oralment [...] jew billi tintbagħat kopja tat-tħabbir taż-żieda tal-prezz jew tal-annullament tal-prezz ikkonċernat lil waħda jew lill-impriżi l-oħra kollha [parteċipanti]. Il-Kummissjoni fil-fatt skopriet li tali tħabbir kien skambjat bejn il-partijiet. Kampjun ta’ xi 150 ittra ta’ dan it-tip ġie identifikat bħala li ġie skambjat fis-sitt ġimgħat wara l-laqgħat tekniċi [...] Ġie wkoll iddikjarat li skont ftehim, l-impriżi rrappreżentati ma kellhomx japprofittaw mill-applikazzjoni ta’ żieda tal-prezz miftiehma sabiex iżidu s-sehem tagħhom fis-suq. Din id-dikjarazzjoni ma ġietx ikkontestata fit-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54      Taħt it-titolu “4.2. Informazzjoni ddettaljata dwar il-laqgħat tekniċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni l-ewwel nett ippreżentat fid-deċiżjoni kkontestata tabella sommarja li tindika l-post, id-data tal-laqgħat tekniċi kif ukoll l-impriżi preżenti (premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement hija eżaminat il-provi disponibbli dwar kull waħda mil-laqgħat tekniċi (premessi 126 sa 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Taħt it-titolu “5.3. Natura tal-ksur inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni ppreċiżat fid-deċiżjoni kkontestata l-prinċipji li jirregolaw il-klassifikazzjoni tal-aġir antikompetittiv, applikabbli f’dan il-każ:

“5.3.1. Prinċipji

[…]

(205) [F]il-każ ta’ ksur kumpless li jdum għaddej, ma hemmx bżonn li l-Kummissjoni tikklassifikah [bħala ftehim [jew] prattika miftiehma]. Il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma huma vagi u jistgħu jikkoinċidu. L-aġir antikompetittiv jista’ ċertament ikun varja f’mument jew ieħor, jew il-mekkaniżmi tiegħu jistgħu jkunu ġew adottati jew imsaħħa sabiex jittieħed kont tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Fil-fatt, tali distinzjoni tista’ wkoll tkun impossibbli, sa fejn ksur jista’ fl-istess ħin jippreżenta l-karatteristiċi ta’ kull waħda mill-forom ta’ aġir ipprojbit, filwaqt li, ikkunsidrati waħdehom, xi wħud mill-manifestazzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu ddefiniti bħala li jaqgħu preċiżament taħt forma waħda iktar milli taħt l-oħra. Madankollu, ikun artifiċjali li fl-analiżi dak li jikkostitwixxi b’mod ċar l-implementazzjoni tal-aġir li għandu biss għan wieħed u uniku jinqasam f’diversi forom differenti ta’ ksur. Akkordju jista’ għalhekk jikkostitwixxi kemm ftehim kif ukoll prattika miftiehma. L-Artikolu 81 [KE] ma jipprovdix klassifikazzjoni speċifika għal ksur kumpless tat-tip bħal dak deskritt fid-deċiżjoni preżenti [...]

(206) Fil-preżenza ta’ bosta membri f’akkordju li l-aġir antikompetittiv tagħhom jista’ jiġi kklassifikat, fuq medda ta’ żmien, bħala ftehim jew prattika miftiehma (ksur kumpless), il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn tevalwa b’mod preċiż f’liema kategorija għandu jaqa’ kull tip ta’ aġir.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

56      Sussegwentement, dejjem taħt l-istess titolu tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-kontenut tal-ksur skont kif ġej:

“5.3.2. Applikazzjoni

(210) Ġie stabbilit permezz tal-fatti deskritti fil-Kapitolu 4 ta’ din id-deċiżjoni li l-impriżi kollha li jifformaw parti minn din il-proċedura pparteċipaw f’attivitajiet kollużivi dwar ix-xema’ tal-paraffin u, għall-kumpanniji identifikati fil-premessa 2, ix-xema’ ratba […] u li huma regolarment ipparteċipaw f’laqgħat li matulhom l-elementi segwenti ġew diskussi:

1)      l-iffissar tal-prezz[;]

2)      […] it-tqassim tal-klijenti u/jew it-tqassim ta’ swieq[;]

3)      l-iżvelar u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensibbli, b’mod partikolari fuq il-klijenti, it-tariffi, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-volumi ta’ bejgħ [...]

5.3.2.2. L-iffissar tal-prezz

(240) Il-premessi 98, 107, 126, 128, 131, 133, 135, 137, 139, 140, 142, 145, 147, 149, 152, 153, 156, 157, 163, 168, 174, 176 u 177 juru li l-impriżi inkwistjoni kienu jiffissaw tariffi minimi u kienu jiftiehmu meta jgħollu t-tariffi (‘iffissar tal-prezz’).

(241) ExxonMobil, Repsol, Sasol u Shell ikkonfermaw l-eżistenza ta’ prattiki ta’ ffissar tal-prezz [ara l-premessa 107] u kkonfermaw mill-ġdid din l-informazzjoni matul is-seduta tagħhom kif ukoll fit-tweġibiet bil-miktub tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

57      Il-Kummissjoni pproċediet għal konklużjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ Eni fl-akkordju fil-premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, skont kif ġej:

“Kif ġie muri fil-Kapitolu 4, Eni pparteċipati f’laqgħa fl-1997 u fi ħdax-il laqgħa bejn Frar 2002 u Frar 2005. Il-laqgħa tal-1997 (ara l-premessa 145) ippermettiet li jintlaħaq ftehim dwar il-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fir-rigward tal-laqgħat li seħħew wara Frar 2002 [ara l-premessi 165 sa 178], il-Kummissjoni tikkonkludi, fid-dawl tal-provi disponibbli u skont id-deskrizzjoni ġenerali tal-istruttura abitwali tal-laqgħat tekniċi, li Eni assistiet, ipparteċipat u kkontribwixxiet għall-iffissar tal-prezz u għall-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva. Peress li wara l-2002 Eni pparteċipat għal ħdax-il laqgħa’ minn tlettax-il laqgħa l-Kummissjoni tqis li Eni kienet taf dwar l-għan antikompetittiv u dwar il-miżuri adottati waqt il-laqgħat tekniċi, jew kien imissha kienet taf dwarhom. Għalkemm ma teżisti ebda prova li Eni pparteċipat fil-laqgħat tal-14 u tal-15 ta’ Jannar 2004 u tal-11 u tat-12 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni tqis li l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ Eni fil-ksur hija murija għall-perijodu ta’ bejn il-21 u t-22 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005 [...] Il-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, li l-avvenimenti deskritti fil-premessa 165 juru li Eni ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni miksuba dwar l-aġir tal-kompetituri tagħha fis-suq, adatta l-aġir tagħha u ħadet miżuri ta’ implementazzjoni. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika miftiehma.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Eni fl-akkordju minħabba l-preżenza tagħha fil-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997

58      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax validament tasal għall-konklużjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju abbażi tal-preżenza tagħha fil-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997. Fil-fatt, il-preżenza tagħha kienet spjegata minn żjara tar-rappreżentant tagħha f’Hamburg għal negozzjazzjonijiet legali ma’ Sasol. Barra minn hekk, dan ir-rappreżentant tbiegħed mill-kontenut antikompetittiv tal-laqgħa teknika inkwistjoni.

 Eżami tal-provi

59      Fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol, li jinkludu l-indikazzjonijiet segwenti:

“.

Data

Żieda

Prezz min.

√ SCHS, D

.

.

.

√ Dea, D

.

.

.

√ SRS-Tuda, D

.

.

.

√ MOL, HU

1.1.

.

.

√ Total, F

1.1.

DEM 10,-

DEM 120

Mobil-Bp, F

.

.

.

√ Repsol, E

.

.

.

√ Agip, I

1.1.

DEM 10

.”

60       Sassol iddikjarat li minn dawn il-minuti jirriżulta li l-parteċipanti kollha impenjaw ruħhom sabiex iżidu l-prezzijiet minn bejn DEM 10 sa bejn DEM 12 għal kull 100 kg, li Total u Agip kienu xtaqu li jżidu l-prezzijiet b’DEM 10 u li dan kellu jwassal għal prezz minimu ta’ DEM 120 għal kull 100 kg, tal-inqas għal Total.

61      Il-livelli u d-dati għaż-żieda huma totalment ikkonfermati minn żewġ noti dwar din il-laqgħa, misjuba fil-bini ta’ MOL.

62      Fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi ta’ dawn id-dokumenti u tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li jispjegawhom, dan li ġej:

“[L-]impriżi parteċipanti ftiehmu dwar strateġija sabiex jarmonizzaw u jżidu l-prezzijiet. In-nota tikkonċerna kemm ix-xema’ tal-paraffin kif ukoll ix-xema’ ratba. Barra minn hekk, in-nota [ta’ MOL] turi li l-impriżi skambjaw informazzjoni dwar iż-żamma u l-istrateġija ġenerali tal-prezz.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

63      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li Sasol u Repsol iddikjaraw li l-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 kellha kontenut antikompetittiv. Barra minn hekk, Sasol ipproċediet ukoll sabiex tinterpreta d-dokumenti misjuba mill-Kummissjoni, billi b’mod partikolari ppreċiżat li l-parteċipanti kollha kienu impenjaw ruħhom sabiex iżidu l-prezzijiet (ara l-punt 60 iktar ’il fuq). Dawn id-dikjarazzjonijiet saru minn persuni li pparteċipaw fil-laqgħat tekniċi, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa, u jinkriminaw ukoll lill-impriżi li f’isimhom dawn saru. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, dawn huma partikolarment affidabbli.

64      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-kontenut tad-diskussjonijiet li saru waqt il-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 huwa b’mod partikolari ddokumentat sewwa permezz tan-noti ta’ MOL u tal-minuti tal-laqgħa “Blauer Salon” ta’ Sasol. Hemm lok li jingħad ukoll li, hekk kif il-Kummissjoni qieset fil-premessa 215 tad-deċiżjoni kkontestata, in-noti ta’ MOL ġew ippreparati matul il-laqgħat mill-persuna li assistiet għalihom u l-kontenut tagħhom huwa strutturat u relattivament iddettaljat. Għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dan in-noti huwa għoli ħafna. Fir-rigward tal-minuti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol, dawn huma dokumenti li jiddataw għaż-żmien tal-fatti u li ġew redatti in tempore non suspecto, jiġifieri ftit wara kull laqgħa teknika. Anke jekk il-persuna li rrediġiethom ma kinitx preżenti għal-laqgħat tekniċi, hija bbażat ruħha fuq l-informazzjoni miksuba minn parteċipant. Għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dawn il-minuti huwa wkoll għoli.

65      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu li jiġi kkonfermat li l-parteċipanti effettivament ftiehmu dwar iż-żidiet tal-prezzijiet tax-xema’ tal-paraffin matul il-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997.

 Fuq il-preżenza ta’ Eni fil-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 u fuq il-kwistjoni tat-tbegħid tagħha

66      Ir-rikorrenti ma tikkontestax li r-rappreżentant tagħha DS., ipparteċipa fil-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997.

67      Madankollu, hija ssostni li l-preżenza ta’ DS. f’din il-laqgħa teknika kienet bi żball. Fil-fatt, wara laqgħa bilaterali mar-rappreżentant ta’ Sasol, klijent ta’ Eni, dan tal-aħħar stiednu jipparteċipa wkoll f’laqgħa organizzata minn Sasol fuq skala ħafna ikbar, ma’ produtturi oħra Ewropej tal-paraffin.

68      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tbiegħdet mill-kontenut antikompetittiv tal-laqgħa teknika inkwistjoni. Peress li DS. ma kienx interessat fil-kwistjonijiet relatati mal-prezzijiet ipprattikati u mal-kwantitajiet offruti, huwa ma pparteċipax fid-diskussjoni, iżda baqa’ sat-tmiem tal-laqgħa sempliċement b’korteżija lejn Sasol. Madankollu, mill-bidu nett, huwa ddikjara mal-kontropartijiet tiegħu ta’ Sasol li la Eni u lanqas huwa stess ma kienu interessati f’tali laqgħat, hekk kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tiegħu. Il-fatt li Sasol fehmet it-tbegħid tiegħu huwa muri mill-fatt li Eni ma ġietx mistiedna għal-laqgħat tekniċi sussegwenti sal-21 ta’ Frar 202. Barra minn hekk, Eni ħassret ukoll l-adeżjoni tagħha mal-assoċjazzjoni professjonali European Wax Federation (EWF) fit-12 ta’ Ġunju 1998.

69      Skont il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ natura antikompetittiva li jiġu konklużi, bħal f’dan il-każ, waqt laqgħat ta’ impriżi kompetituri, ikun hemm ksur tal-Artikolu 81 KE meta dawn il-laqgħat ikollhom bħala għan li jirrestrinġu, jipprevjenu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkunu għaldaqstant intiżi sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’tali każ, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, sabiex tiġi pprovata l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju. Meta l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi l-provi li jkunu ta’ natura li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat ma kellha ebda spirtu antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tieħu sehem f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar ʼil fuq, punt 81, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 47).

70      Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet ser timxi miegħu (sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ʼil fuq, punt 82, u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ʼil fuq, punt 48).

71      Għandu jiġi rrilevat li kemm min-noti ta’ kif ukoll mill-minuti tal-laqgħat “Blauer Salon” ta’ Sasol jirreferu għal Eni, sa fejn jinsabu kemm l-isem tal-kumpanija Agip, is-sussidjarja ta’ Eni attiva fil-qasam tal-produzzjoni ta’ xemgħat tal-paraffin, kif ukoll il-miżura ta’ żieda fil-prezzijiet proposti minn Agip (skont in-nota ta’ MOL, DEM 100 għal kull tunnellata, u skont il-minuti tal-laqgħat “Blauer Salon” DEM kull 100 kg), u d-data proposta tal-żieda fil-prezz (l-1 ta’ Jannar 1998). Il-korrispondenza tan-noti fuq dawn id-dettalji turi bla ebda dubju li r-rappreżentant ta’ Eni effettivament ħabbar l-ammont u d-data taż-żieda fil-prezz għall-prodotti tagħha li jikkorrispondu għax-xemgħat tal-paraffin, bħala r-rappreżentanti tal-impriżi l-oħra preżenti f’din il-laqgħa teknika. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata wkoll mid-dikjarazzjoni ta’ Sasol, li l-interpretazzjoni tat-tabelli li jinsabu fid-dokumenti inkwistjoni hija li l-parteċipanti kollha impenjaw ruħhom li jżidu l-prezzijiet minn DEM 10 sa DEM 12 kull 100 kg (ara l-punt 60 iktar ʼil fuq).

72      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li DS. sempliċement l-assenza ta’ interess tiegħu dwar ir-rappreżentanti ta’ Sasol. L-aċċenna tal-miżura inkwistjoni u d-data taż-żieda tal-prezzijiet proġettati mill-Eni f’żewġ noti, redatti b’mod indipendentement minn żewġ impriżi, jirriflettu l-kontenut tad-diskussjonijiet waqt l-imsemmija laqgħa teknika, jindika li l-parteċipanti l-oħra qiesu li Eni qablet mal-arranġamenti kompetittivi. B’hekk, l-argument tar-rikorrenti li hija tbiegħdet pubblikament mill-kontenut antikompetittiv ta’ din il-laqgħa teknika għandu jiġi miċħud.

 Konklużjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-akkordju tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997

73      Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 1997, ir-rikorrenti pparteċipat f’laqgħa teknika li l-kontenut kien jaqa’ taħt il-parti prinċipali tal-ksur, jiġifieri ftehim jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet, u l-iskambju kif ukoll l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva kummerċjalment li taffettwa x-xemgħat tal-paraffin. Barra l-provi diretti li juru l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-arranġamenti dwar l-iffissar tal-prezzijiet tax-xama’ tal-paraffin, hemm lok li jitqies li hija ma ddistakkatx ruħha pubblikament mill-kontenut antikompetittiv tal-imsemmija laqgħa teknika. Għaldaqstant, il-Kummissjoni stabbilixxiet ġustament li r-rikorrenti kien ħa sehem fl-ewwel parti tal-ksur fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 1997.

74      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni.

75      F’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ stedina tar-rikorrenti minn Sasol għal-laqgħat tekniċi sussegwenti u t-terminazzjoni tas-sħubija fl-EWF, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat il-fatt li Eni ma ġiex mistiedna għal-laqgħat tekniċi sussegwenti huwa rifless b’mod korrett fid-deċiżjoni kkontestata mill-istabbiliment tat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur. Fil-fatt, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tikkonstata li Eni kienet ipparteċipat fl-akkordju fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 1997, mingħajr ma jiżdied perijodu addizzjonali wara l-laqgħa teknika inkwistjoni.

76      Dan jgħodd ukoll għall-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni wettqet żball f’dak li jirrigwarda l-ammont li bih hija żiedet il-prezzijiet tagħha wara l-laqgħa teknika tat-30 u l-31 ta’ Ottubru 1997. Peress li l-parteċipazzjoni ta’ Eni għall-ftehim ma nżammitx għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 1997 u l-20 ta’ Frar 2002, l-argumenti dwar l-ammont taż-żidiet fil-prezzijiet minn Eni fl-1 ta’ Jannar 1998 ma jistgħux jikkompromettu l-validità tal-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju tat-30 u l-31 ta’ Ottubru 1997, ikkonfermat b’mod ċar mill-provi disponibbli għall-Kummissjoni.

77      Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-konstatazzjoni żbaljata tal-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim kontinwu jew prattika miftiehma kontinwa abbażi tal-preżenza tagħha fil-laqgħa teknika tal-30 u l-31 ta’ Ottubru 1997 lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, l-aġġettiv “kontinwu” huwa użat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-istabbiliment ta’ perijodi iktar estensivi tal-parteċipazzjoni fl-akkordju, abbażi ta’ preżenza regolari għal-laqgħat tekniċi inkwistjoni. Fil-każ ta’ Eni, il-parteċipazzjoni tagħha għal ftehim kontinwu jew prattika miftiehma hija meqjusa għall-perijodu mill-21 ta’ Frar 2002 sat-28 ta’ April 2005. Madankollu, il-Kummissjoni kienet intitolata li tqis il-parteċipazzjoni ta’ Eni għall-akkordju, fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 1997, abbażi ta’ provi diretti għal-laqgħa teknika kkonċernata, mingħajr ma hija kellha tissodisfa l-elementi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ksur kontinwu.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 1997.

 Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Eni fil-ksur bejn il-21 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005

79      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li pparteċipat f’għaxar laqgħat tekniċi bejn il-21 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005. Hija tqis madankollu li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tikkonkludi fir-rigward tal-preżenza f’dawn il-laqgħat tekniċi li hija kienet ipparteċipat fi ftehim u/jew prattika miftiehma intiża li jiġu ffissati l-prezzijiet (l-ewwel taqsima) u/jew l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva (it-tieni taqsima).

 Fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ Eni fi ftehim jew prattika miftiehma għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ xemgħat tal-paraffin

–       Eżami tal-provi

80      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ppruvatx il-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim jew prattika miftiehma intiża għall-iffissar ta’ prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin.

81      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha provi li juru li mill-inqas waqt il-laqgħat tekniċi saret b’mod ġenerali diskussjoni fuq il-prezzijiet.

82      B’mod partikolari, skont id-dikjarazzjoni ta’ Sasol tat-12 ta’ Mejju 2005, il-laqgħat tekniċi taw lok inġenerali għal attività ta’ kollużjoni, sa fejn ġew diskussi żidiet u tnaqqis fil-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin u li informazzjoni dwar il-prezzijiet grossi u l-ippjanar fil-qasam tal-kapaċità ġiet skambjata.

83      Skont id-dikjarazzjoni ta’ Repsol tad-19 ta’ Mejju 2005, diskussjoni dwar il-livell tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin applikati mill-parteċipanti kienet tagħmel parti mil-laqgħat tekniċi.

84      Shell iddikjarat li l-laqgħat tekniċi kollha kkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet. Skont id-dikjarazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ġunju 2006, għall-inqas sa mill-1999, meta r-rappreżentant tagħha kien xehed beda jipparteċipa fil-laqgħat tekniċi, il-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin qatt ma ġew deċiżi unilateralment, iżda dejjem kienu maqbula mill-kompetituri matul il-laqgħat tekniċi.

85      Barra minn hekk, l-istess impriżi ddikjaraw ukoll, fl-istess dikjarazzjonijiet, li, waqt diversi laqgħat tekniċi, il-parteċipanti effettivament kienu qablu dwar il-prezzijiet minimi jew iż-żidiet fil-prezzijiet, xi kultant anki fuq l-ammonti ta’ żieda.

86      Dawn id-dikjarazzjonijiet, li l-Kummissjoni barra minn hekk irreferiet għalihom b’mod partikolari fil-premessi 107 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu saru abbażi ta’ xhieda ta’ persuni li pparteċipaw għal-laqgħat tekniċi, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa, u wkoll jinkriminaw l-impriżi li f’isimhom huma kienu saru. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet huma konsistenti dwar il-linji ġenerali tad-deskrizzjoni tal-ksur, u dan iżid iktar l-affidabbiltà tagħhom. B’hekk, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ʼil fuq, huma partikolarment affidabbli.

87      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, fid-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti 82 sa 84 iktar ʼil fuq, kif ukoll fid-dikjarazzjonijiet l-oħra li jirreferu għalihom il-premessi 107, 109, 111 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-estratti tagħhom kienu prodotti mill-Kummissjoni bi tweġiba għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, sar riferiment għall-preżenza ta’ Eni għal-laqgħat tekniċi inkwistjoni u għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentant tagħha fid-diskussjonijiet li saru hemmhekk.

88      Ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fid-dikjarazzjoni ta’ Shell tal-14 ta’ Ġunju 2006, is-silta li tgħid “f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet miftiehma fil-laqgħa teknika [S.] ma [kienx] jafx jekk Eni u Repsol, li kellhom rwol pjuttost passiv waqt it-laqgħat tekniċi, [kinux] qablux mad-data u mal-ammont miftiehem għaż-żieda fil-prezz”. Ir-rikorrenti minn dan ikkonkluda li ma hemm l-ebda prova li hija irrispettat l-arranġamenti tal-prezz li ġew deċiżi waqt il-laqgħat tekniċi.

89      Għandu jiġi osservat li, fl-istess dikjarazzjoni, Shell issemmi wkoll lil Eni fost l-impriżi li jkunu qablu fuq iż-żidiet fil-prezzijiet u l-prezzijiet minimi. Din id-dikjarazzjoni tispeċifika li MOL, Repsol u Eni ma bagħtux ittri ta’ żieda fil-prezz lill-klijenti wara l-laqgħat tekniċi, iżda pjuttost ikkomunikaw oralment iż-żidiet fil-prezzijiet.

90      Din id-dikjarazzjoni għaldaqstant tagħmel parti mill-provi kollha li juru l-parteċipazzjoni ta’ Eni fil-ftehim u, b’mod partikolari, għall-ftehimiet jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar ta’ prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin. Fil-fatt, l-assenza ta’ ċertezza ta’ S. ta’ Shell rigward il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-ftehimiet minn Eni ma tistax twassal sabiex tneħħi l-valur probatorju tagħhom għad-dikjarazzjonijiet l-oħra li jirrigwardaw speċifikament il-parteċipazzjoni ta’ Eni f’tali ftehimiet jew prattiki miftiehma.

91      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 82 sa 84 iktar ʼil fuq huma kkorroborati b’noti bil-miktub kontemporanji tal-laqgħat tekniċi u li l-Kummissjoni sabet matul l-ispezzjonijiet, misjuba matul l-ispezzjonijiet, li r-rikorrenti kellha aċċess għalihom matul il-proċedura amministrattiva u li parti minnhom huma ċċitati b’mod partikolari fil-premessi 165 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata. Rigward in-nota ta’ Eni ċċitata fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, dan huwa dokument li jmur lura għaż-żmien tal-ksur u kien abbozzat tempore non suspecto, jiġifieri ftit wara l-laqgħa teknika li hija tirreferi għaliha. Għaldaqstant, il-valur probatorju tagħha huwa għoli. In-nota ta’ MOL iċċitata fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata hija nota miktuba bl-idejn ippreparata matul il-laqgħat mill-persuna li kien qed jassisti u l-kontenut tagħha huwa strutturat u relattivament iddettaljat. Għaldaqstant, il-valur probatorju tagħha huwa għoli ħafna.

92      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tan-nota ta’ Eni, relatata mal-laqgħa teknika tal-21 u tat-22 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni ċċitat is-silta li ġejja għall-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Il-laqgħa li saret fi klima trasparenti ħafna kkonfermat — li ħadet ukoll inkunsiderazzjoni d-differenzi fis-swieq individwali u l-istrateġiji differenti rigward il-prodotti u s-suq — il-possibbiltà li jiżdied id-dħul skont l-azzjonijiet aħna diġà adottajna. Konsegwentement, nistgħu nkomplu l-azzjonijiet attwali rigward ir-reviżjoni tal-oqfsa kuntrattwali u ta’ prezzijiet relatati li naturalment jimplikaw il-klijenti u d-distributuri ewlenin tal-paraffin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

93      Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-kontenut ta’ din in-nota turi li d-diskussjonijiet seħħew fil-livelli tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin.

94      Din l-interpretazzjoni għandha tiġi kkonfermata. Fil-fatt, il-fatt li n-nota ta’ Eni ssemmi r-reviżjoni tal-prezzijiet bħala li hija l-proċess li għandu jitkompla fid-dawl tad-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa indikata fejn il-parteċipanti fiha skambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat ukoll mid-dikjarazzjoni ta’ Shell tat-30 ta’ Marzu 2005, li jsemmi l-lista intitlolata “Ħarsa ġenerali lejn il-laqgħat u l-komunikazzjonijiet relatati fuq il-prezzijiet”.

95      Ir-rikorrenti ssostni li n-nota tagħha inkwistjoni turi speċifikament li hija ddefinixxiet l-istrateġija kummerċjali tagħha b’mod indipendenti mil-laqgħat tekniċi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-aħħar parti tal-estratt riprodott fil-punt 92 iktar ʼil fuq, qabel ma stabbilixxiet l-inqas kuntatt mal-kompetituri Ewropej tagħha, hija kienet diġà ddeċidiet li tibdel l-istrateġiji kummerċjali tagħha.

96      Il-Qorti Ġenerali qieset li din l-interpretazzjoni ma hijiex plawżibbli fid-dawl tal-formulazzjoni tas-silta inkwistjoni.

97      Fil-fatt, il-konferma minn Eni tal-possibbiltà li tkompli żżid id-dħul tagħha, grazzi għar-“reviżjoni tal-oqfsa kuntrattwali u tal-prezzijiet relattivi” mill-informazzjoni riċevuta fil-“laqgħa li seħħet fi klima trasparenti ħafna” u li n-natura antikompetittiva tagħha kienet rikonoxxuta b’mod indipendenti minn Shell u Sasol, tindika lil hinn minn dubju raġonevoli jindika li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet li Eni kisbet matul il-laqgħa teknika kienu utli għaliha u kienu setgħu jinfluwenza l-aġir kummerċjali tagħha.

98      It-tieni nett, hemm lok li tiġi eżaminata n-nota ta’ MOL, iċċitata fil-premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija relatata mal-laqgħa teknika tat-23 u tal-24 ta’ Frar 2005 f’Hamburg u li fiha Eni kienet preżenti.

99      L-imsemmija nota tindika kif ġej:

“ExxonMobil

[=1 ta’ April]

EUR 15/t

Shell

Prezz miżjud

 

Sasol

[= 12 ta’ April]

Għoli tal-prezzijiet”

100    Sasol qalet li diskussjoni dwar żieda fil-prezz kif ukoll komunikazzjoni min-naħa tagħha lill-parteċipanti l-oħra dwar iż-żieda fil-prezz tagħha stess kienet seħħet. Kemm Shell kif ukoll Sasol iddeskrivew din il-laqgħa bħala kollużiva fid-dikjarazzjonijiet li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għalihom.

101    Abbażi ta’ dan, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni għandha noti miktuba bl-idejn kontemporanji tal-fatti allegati u relatati mal-ftehimiet jew mal-prattiki miftiehma li jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin li seħħew waqt laqgħat tekniċi li għalihom Eni ħadet sehem.

–       Fuq il-preżenza ta’ Eni fil-laqgħat antikompetittivi u n-nuqqas ta’ laqgħat antikompetittivi u n-nuqqas ta’ tbegħid

102    Skont id-deċiżjoni kkontestata, matul il-perijodu ewlieni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jiġifieri bejn il-21 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005, ir-rikorrenti kienet irrappreżentata minn MO. fi ħdax mit-tlettax-il laqgħa teknika li nżammu. Ir-rikorrenti tammetti l-preżenza tagħha f’għaxar laqgħat tekniċi, madankollu kkontestat il-parteċipazzjoni tagħha f’dik tas-27 u tat-28 ta’ Frar 2003 f’München.

103    Għaldaqstant huwa paċifiku li r-rikorrenti pparteċipat f’għaxra mit-tlettax-il laqgħa teknika li nżammu bejn il-21 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005.

104    Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 69 u 70 iktar ʼil fuq, sabiex tiġi pprovata l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li turi li hija pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawk il-laqgħat fi spirtu differenti minn tagħhom. Ir-raġuni wara dan il-prinċipju tad-dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħat mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħhom, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fihom u li kienet ser timxi miegħu.

105    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tallegax madankollu li pubblikament tbiegħdet mil-laqgħat antikompetittivi.

106    Għandu jiġi enfasizzat li l-eżistenza ta’ provi diretti relatati mal-eżistenza ta’ ftehimiet jew prattiki miftiehma fil-laqgħat tekniċi li r-rikorrenti pparteċipat fihom, mingħajr ma tbiegħdet mill-kontenut antikompetittiv tagħhom, hija fiha nnifisha suffiċjenti sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà tagħha għal ksur tal-Artikolu 81 KE.

107    Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni għandha numru ta’ provi li juru li l-ftehimiet jew prattiki miftiehma jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet, kif ukoll l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fil-livell kummerċjali dwar ix-xemgħat tal-paraffin li seħħew waqt laqgħat tekniċi li r-rikorrenti kienet preżenti għalihom.

–       Fuq l-allegat assenza ta’ interess tar-rikorrenti li tipparteċipa fi ftehimiet jew prattiki miftiehma intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin

108    Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija ma kellha l-ebda interess li tipparteċipa fl-akkordju. Peress li operat esklużivament fuq is-suq Taljan tax-xemgħat tal-paraffin, ikkaratterizzat minn domanda ferm ogħla mill-produzzjoni nazzjonali, hija dejjem irnexxielha tpoġġi l-produzzjoni kollha tagħha fl-imsemmi suq. Barra minn hekk, volum minn 60 sa 70 % tal-produzzjoni tagħha kien iddestinat għall-klijenti prinċipali tagħha, il-bejjiegħ SIMP u l-l-proċessatur SER, li magħhom ir-relazzjonijiet kummerċjali, rispettivament mill-1 ta’ Jannar 2004 u l-1 ta’ Jannar 2005, kienu rregolati minn kuntratti li jipprevedu “formuli tal-prezzijiet marbuta mal-kwotazzjonijiet indikati fil-bulettini uffiċjali ICIS-LOR”, peress li dawn il-formuli huma direttament jew indirettament ibbażati fuq il-prezz medju tax-xemgħat tal-paraffin “Chinese Origin CIF NWE” (prezz CAF NWE għal prodotti li joriġinaw miċ-Ċina).

109    Għaldaqstant, hija ma kellha l-ebda interess li tipparteċipa f’kollużjoni mal-produtturi Ewropej l-oħrajn, peress li hija ma setgħetx tikseb xi benefiċċju mill-iffissar konġunt tal-prezzijiet f’livelli għolja li hija ma setgħetx tapplika fil-prattika. Il-problema kummerċjali ewlenija ta’ Eni kienet relatata mal-permeabbiltà tal-Italja għall-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx, li għalihom l-akkordju bl-ebda mod ma seta’ jirrimedja.

110    Barra minn hekk, Eni ma kellhiex interess li tipparteċipa f’kollużjoni intiża għaż-żieda ġenerali fil-prezzijiet fis-swieq nazzjonali tal-membri tal-akkordju, peress li ma kellhiex kapaċitajiet għall-esportazzjoni lejn l-Istati Membri l-oħra. Bl-istess mod, il-produtturi kompetituri ma kellhomx bżonn li jiftiehmu ma’ Eni sabiex jiffissaw żieda fil-prezz tal-bejgħ tagħhom fl-Italja, peress li s-suq Taljan kien jeħtieġ xemgħat tal-paraffin li ġejjin minn barra l-pajjiż.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, huwa irrilevanti, f’dak li jikkonċerna l-eżistenza tal-ksur, jekk il-konklużjoni tal-ftehim jew il-prosegwiment tal-prattika miftiehma kinitx jew ma kinitx saret fl-interess kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Tali argument, min-naħa tar-rikorrenti, ma setax iwassal lill-Qorti Ġenerali li tirrikjedi mill-Kummissjoni eżiġenzi iktar stretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-provi li għandhom jiġu ppreżentati. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni jirnexxielha tipproduċi provi ddokumentati insostenn tal-ksur allegat, u meta dawn il-provi, flimkien mad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi, jidhru suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-impriża akkużata kellhiex interess kummerċjali fl-imsemmi ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ʼil fuq, punti 44 sa 46).

112    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti huwa nieqes minn kull plawżibbiltà peress li hija pparteċipat regolarment, fuq perijodu ta’ iktar minn tliet snin, għal-laqgħat tekniċi li l-kontenut antikompetittiv ġie rikonoxxut b’mod indipendenti minn erba’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju. Ir-rikorrenti ma tispjegax kif operatur raġonevoli seta’ jitwassal li jipparteċipa fil-prattiki illegali, u b’hekk jirriskja l-impożizzjoni ta’ multa sinjifikattiva, fl-assenza li jkun jista’ fil-futur jieħu benefiċċju mill-arranġamenti inkwistjoni.

113    Barra minn hekk, it-teżi tar-rikorrenti li tinvoka l-assenza ta’ interess tagħha għall-parteċipazzjoni fl-akkordju hija rrifjutata direttament min-nota tagħha dwar il-laqgħa teknika tal-21 u t-22 ta’ Frar 2002, iċċitata fil-punt 92 iktar ʼil fuq, li minnha jirriżulta li hija stenniet, fid-dawl tad-diskussjonijiet matul il-laqgħa teknika inkwistjoni, li żżid id-dħul tagħha permezz ta’ “reviżjonijiet” tal-prezz.

114    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud.

–       Fuq l-ispjegazzjoni alternattiva pprovduta mir-rikorrenti

115    Ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tekniċi kienet iġġustifikata biss permezz tad-deċiżjoni strateġika tagħha li toħroġ mill-iżolament internazzjonali tagħha u li tibni relazzjonijiet mal-operaturi Ewropej ewlenin, billi jerġgħu jibdew il-kuntatti mal-EWF, kif ukoll mill-interess tagħha għall-kwistjonijiet tekniċi relatati b’mod partikolari mal-karatteristiċi tal-prodotti tal-paraffin.

116    Hemm lok li jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ʼil fuq, fil-każijiet li fihom il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi dokumentali, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għat-teżi tal-Kummissjoni, iżda saħansitra jqajmu l-insuffiċjenza tal-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur.

117    Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument sabiex tirrifjuta l-eżattezza u r-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi u tan-noti miktuba bl-idejn kontemporanji ta’ fatti kkritikati miġbura mill-Kummissjoni, li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ Eni fil-ftehimiet jew prattiki miftiehma intiżi għall-iffisar tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin.

118    Għaldaqstant, l-allegazzjoni biss li l-interess tar-rikorrenti li jipparteċipa fil-laqgħat tekniċi kien iġġustifikat biss mix-xewqa tagħha li tistabbilixxi kuntatti internazzjonali u li ssegwi diskussjonijiet tekniċi ma hijiex tali li turi l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

119    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjega bl-ebda mod għaliex ir-rappreżentant tagħha ma telaqx mil-laqgħat tekniċi meta, wara d-diskussjonijiet tekniċi, kien diskuss il-kontenut antikompetittiv.

120    Barra minn hekk, in-nota ta’ Eni relatata mal-laqgħa teknika tal-21 u t-22 ta’ Frar 2002 (ara l-punti 92 et seq u l-punt 113 iktar ʼil fuq) lil hinn minn dubju raġonevoli li hija ħadet inkunsiderazzjoni, matul ir-reviżjoni tal-prezzijiet tagħha u sabiex jiżdied id-dħul tagħha, il-kontenut antikompetittiv tal-imsemmija laqgħa teknika. Dan l-element fih innifsu jirrifjuta l-allegazzjoni li l-unika raġuni għall-preżenza tagħha kienet l-interess tagħha fid-diskussjonijiet tekniċi relatati max-xemgħat tal-paraffin.

121    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument tar-rikorrenti jiġi miċħud.

–       Fuq l-allegata assenza ta’ qbil tal-intenzjonijiet

122    Ir-rikorrenti ssostni li hija ma tistax tinżamm responsabbli għal ftehim li huwa intiż għall-iffissar ta’ prezzijiet fl-assenza ta’ qbil tal-intenzjonijiet mal-membri l-oħra tal-akkordju.

123    Ir-rappreżentant tiegħu, MO., kien perfettament konxju li kien ikun impossibbli għall Eni li żżid il-prezzijiet tagħha kif mixtieq mill-parteċipanti l-oħra għall-akkordju, minħabba pressjonijiet kompetittivi minn prodotti Ċiniżi u peress li 60 sa 70 % tal-bejgħ tar-rikorrenti kien iddestinat għal żewġ xerrejja (SIMP u SER), li l-prezzijiet tagħhom ġew iffissati b’referenza għall-kwotazzjonijiet internazzjonali ppubblikati fil-bulettini ICIS-LOR. Iż-żidiet lanqas ma setgħu japplikaw għal xi klijenti finali moqdija minn Eni minħabba l-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jinqdew minn SIMP.

124    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li, skont id-dikjarazzjoni ta’ Shell tal-14 ta’ Ġunju 2006, il-pressjoni kompetittiva mill-produtturi Ċiniżi kienet ta’ tħassib għall-parteċipanti kollha fl-akkordju, u waħda mir-raġunijiet għall-iffissar ta’ prezzijiet minimi kif ukoll ta’ żidiet żgħar fil-prezzijiet kienu sabiex ifixklu l-effett ta’ din il-pressjoni. Għaldaqstant, din ma kinitx tfisser tħassib għar-rikorrenti biss, li seta’ kien ta’ ostakolu għall-formazzjoni ta’ intenzjoni komuni, iżda pjuttost żvilupp tas-suq li jaffettwa l-parteċipanti kollha u li seta’ jippromwovi t-tqarrib tagħhom.

125    Barra minn hekk, skont l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, hija kienet tkopri biss 60 sa 65 % tal-bejgħ fl-Italja, inkluż ix-xemgħa tal-paraffin prodotti minnha u wara mibjugħa jew ipproċessati minn SIMP u SER. Skont iċ-ċifri tagħha stess, bejn l-2002 u l-2004, bejn 18 u 33 % tax-xemgħat tal-paraffin mibjugħa fl-Italja kienu ġejjin minn produtturi stabbiliti fil-pajjiżi membri l-oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-bejgħ dirett minn Eni lill-klijenti Taljani l-oħra għajr RES u SIMP kien ukoll sinjifikattiv, ekwivalenti għal 20 jew 22 % tas-suq Taljan.

126    Għaldaqstant, fir-rigward tal-bejgħ dirett lill-klijenti finali Taljani klijenti, ir-rikorrenti kienet qed tikkompeti mhux biss ma’ SIMP, SER, jew il-produtturi Ċiniżi, iżda wkoll mal-produtturi l-oħra stabbiliti fl-Unjoni. Issa, kważi l-produtturi Ewropej ewlenin kollha pparteċipaw fl-akkordju. Fil-fatt, kif iddikjarat il-Kummissjoni fil-punti 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata, il-membri tal-akkordju kartell kellhom madwar 75 % tas-suq tax-xemgħat tal-paraffin fiż-ŻEE, filwaqt li l-bqija tas-suq kien, ħafna minnu, kopert mill-importazzjonijiet ta’ oriġini Ċiniża.

127    Għandu wkoll jiġi rrilevat li, matul is-seduta, Eni ddikjarat li ma pparteċipatx fi tqassim ta’ swieq ġeografiċi fil-kuntest tal-akkordju, peress li l-“produtturi Ewropej l-oħra” biegħu fl-Italja. B’hekk, Eni indirettament ammettiet li l-membri l-oħra tal-akkordju effettivament kienu jbigħu fl-Italja. Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-membri tal-akkordju kienu jiddominaw il-produzzjoni fiż-ŻEE u li bejn 18 u 33 % tax-xemgħat tal-paraffin mibjugħa fl-Italja kienet ġejja minn produtturi Ewropej.

128    Għall-inqas Eni kellha tistenna li d-domanda Taljana għax-xiri li hija ma setgħetx tissodisfa kienet issodisfatta mill-membri l-oħra tal-akkordju, hekk li kien hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejnha u bejn dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, huwa ċar li, permezz tal-aġir ikkoordinat tagħhom, il-membri tal-akkordju kellhom influwenza deċiżiva fuq il-livell tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin fiż-ŻEE, minħabba l-importanza tas-sehem ikkombinat tagħhom tas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax validament tiċħad il-benefiċċji possibbli li setgħet tistenna billi tipparteċipa fl-akkordju.

129    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti dwar il-pressjoni kompetittiva ta’ SIMP ma jistax jirnexxi. Billi 75 % tal-bejgħ tax-xemgħat tal-paraffin fiż-ŻEE u l-maġġoranza l-kbira tal-produzzjoni kienu koperti mill-akkordju, iż-żieda ġenerali fil-prezzijiet għall-xama’ tal-paraffin fiż-ŻEE minħabba l-akkordju kien seta’ jaffettwa l-prezzijiet li bihom SIMP setgħet tixtri x-xemgħat tal-paraffin minn produtturi oħra għajr ir-rikorrenti, li jista’, min-naħa tiegħu, jaffettwa l-prezzijiet ta’ SIMP lejn il-klijenti tagħha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tista’ raġonevolment tistenna li żieda ġenerali fil-livell tal-prezzijiet għax-xemgħat tal-paraffin minħabba l-akkordju tista’ tkun ta’ benefiċċju għaliha.

130    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li l-indiċjar tal-prezzijiet tar-rikorrenti rigward is-SMP fuq il-kwotazzjonijiet bbażati fuq il-prezzijiet medji tax-xemgħat tal-paraffin “Chinese Origin CIF NWE” beda biss fl-1 ta’ Jannar 2004. Barra minn hekk, l-indiċjar tal-prezzijiet fir-rigward ta’ SER, ibbażat fuq “l-aħjar prezz ipprattikat mill-aħjar distributur”, beda fl-1 ta’ Jannar 2005. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti esaġerat ħafna l-limitazzjonijiet kummerċjali li jirriżultaw mill-ftehimiet tagħha ma’ SIMP u SER. Fil-fatt, dawn kienu preżenti simultanjament biss matul l-aħħar xhur li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur bejn l-1 ta’ Jannar u t-28 ta’ April 2005. Barra minn hekk, peress li l-akkordju kopra l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tax-xemgħat tal-paraffin fiż-ŻEE, u 75 % tal-bejgħ, huwa plawżibbli li wieħed jaħseb li huwa kellu impatt fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet (inklużi l-“aħjar offerti”) u b’hekk fuq il-prezzijiet mitluba mir-rikorrenti li jirriżultaw mill-indiċjar imsemmi iktar ʼil fuq.

131    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jikkonvinċu.

132    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-argumenti dwar l-assenza ta’ interess għal parteċipazzjoni fl-akkordju, inklużi dawk intiżi għal-assenza ta’ intenzjoni li jiġu konklużi ftehimiet illegali fid-dawl tal-allegata impossibbiltà prattika ta’ aġir bi qbil magħhom, ma jistgħux jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali tirrikjedi provi mill-Kummissjoni lil hinn minn dak li huwa biżżejjed sabiex tintwera l-parteċipazzjoni fl-akkordju skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 sa 50, 69 u 70 iktar ʼil fuq. Issa, f’dan il-każ, jidher li l-Kummissjoni ġabret biżżejjed provi sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel parti tar-reat matul il-perijodu mill-21 ta’ Frar sat-28 ta’ April 2005, u b’mod partikolari għal-ftehimiet jew għall-prattiki miftiehma intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin.

133    Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ʼil fuq, sabiex ikun stabbilit li hemm ftehim li jikser l-Artikolu 81(1) KE, meta jkun hemm qbil bejn l-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegata impossibbiltà li fiha kienet tinsab li timplementa ż-żidiet fil-prezzijiet deċiżi fil-laqgħat tekniċi ma humiex rilevanti, peress li l-qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju stess tal-iffissar jew tal-allinjament tal-prezzijiet, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ influwenza artifiċjali fuq il-livelli tagħhom, huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat qbil tal-intenzjonijiet tal-parteċipanti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata. Issa, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument speċifiku sabiex tirrifjuta d-dikjarazzjonijiet ta’ Sasol, ta’ Repsol u ta’ Shell li qalu li l-għan tal-laqgħat tekniċi kien l-iffissar tal-prezzijiet.

134    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza tagħha li tikkonkludi ftehimiet intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin.

–       Fuq l-allegata assenza ta’ parteċipazzjoni għal prattika miftiehma

135    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tistabbilixxi li hija kienet ipparteċipat fi prattika miftiehma bil-għan li jiġu ffissati l-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin.

136    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha provi diretti, li jikkonsistu f’dikjarazzjonijiet ta’ impriżi li pparteċipaw fil-ftehim u noti miktuba bl-idejn li minnhom jirriżulta li l-laqgħat tekniċi, li għalihom ir-rikorrenti kienet preżenti, taw lok għall-ftehimiet jew għall-prattiki miftiehma li jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin.

137    Barra minn hekk, minn dawn il-provi jirriżulta li l-parteċipanti regolarment skambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet tagħhom, waqt il-laqgħat tekniċi matul iktar minn tnax-il sena, inkluż matul il-perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ Eni. Ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni koerenti għal dawn l-attivitajiet, tali li jistgħu jikkontestaw id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-għan ta’ dawn il-prattiki kien, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezzijiet. Għall-kuntrarju, il-perijodu twil li matulu l-laqgħat kienu sistematikament miżmuma jikkostitwixxi fih innifsu indizju intiż li juri li l-parteċipanti kellhom l-għan li jarmonizzaw il-politika tal-prezzijiet tagħhom, billi xjentement jissostitwixxu kooperazzjonijiet bejniethom għar-riskji tas-suq.

138    It-tieni nett, ir-rikorrenti, madankollu, li pprovdiet, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-prova li l-istrateġiji tagħha dwar il-prezzijiet kienet indipendenti mill-għażliet magħmula matul il-laqgħat tekniċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tiddikjara, fil-premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, li Eni “[kienet] ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni miksuba dwar l-aġir tal-kompetituri tagħha fis-suq, adattata għall-aġir tagħha stess u li ttieħdu passi għall-applikazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

139    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproduċiet tabella dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-bejgħ tagħha lil SIMP fir-rigward tal-paraffin tagħha “133” bejn l-2002 u l-2005. Minn dan hija ddeduċiet li ma hemm l-ebda sinkronizzazzjoni bejn il-prezzijiet iffissati matul il-laqgħat tekniċi u l-bidliet fil-prezzijiet li hija talbet u li ż-żieda fil-prezzijiet tagħha ta’ EUR 542 mil-1 ta’ Jannar 2002 sa EUR 588 sal-1 ta’ April 2005, kienet inqas mill-inflazzjoni u ma hijiex ir-riżultat tal-implementazzjoni ta’ kollużjoni intiża għall-iffissar tal-prezzijiet. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2004, hija kienet iffissat il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha lil SIMP b’riferiment “għall-medja tal-prezzijiet medji fix-xahar tal-paraffin ʽChinese Origin CIF NWEʼ indikata fil-bulettini ICIS-LOR tax-xahar preċedenti”. Sussegwentement, arranġament identiku kien applikat għall-bejgħ lil SER. Għaldaqstant, l-allegata prattika miftiehma ma setgħatx tirrigwarda l-kwota assolutament dominanti (60 % sa 70%) tal-produzzjoni tagħha li kienet is-suġġett ta’ ftehimiet mal-kumpanniji SIMP u SER.

140    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li t-tabella pprovduta mir-rikorrenti hija preżentazzjoni selettiva ħafna tal-iżvilupp tal-prezzijiet tagħha. Fil-fatt, hija għandha biss informazzjoni dwar il-paraffin “133”, wieħed mill-ħafna tipi ta’ xemgħat tal-paraffin ikkummerċjalizzati minn Eni. Barra minn hekk, dawn huma prezzijiet applikati lil SIMP, kumpannija li, skont ir-rikorrenti stess, kellha setgħa ta’ akkwist sinjifikattiv u għaldaqstant il-kapaċità li tikseb kundizzjonijiet ta’ xiri vantaġġużi mingħand Eni. It-tabella ma fiha l-ebda indikazzjoni dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet ta’ ENI applikati f’dan ir-rigward għall-klijenti finali tagħha, loġikament l-iktar esposti għall-manipulazzjonijiet tal-prezzijiet li jirriżultaw mill-ftehim.

141    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax validament toġġezzjona lill-Kummissjoni li ma hemm l-ebda korrelazzjoni bejn l-informazzjoni disponibbli fuq il-laqgħat tekniċi u t-tabella li tinsab fir-rikors.

142    Minn diversi dikjarazzjonijiet iċċitati iktar ʼil fuq jirriżulta li ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma fil-laqgħat tekniċi ma jistgħux, b’mod ġenerali, jiġu applikati għall-klijenti. Shell tiddikjara li madwar żewġ terzi taż-żidiet miftiehma jistgħu jiġu implementati. Barra minn hekk, hemm diversi indikazzjonijiet fil-proċess li juru li l-parteċipanti ma setgħu ħafna drabi bl-ebda mod jimplementaw iż-żieda miftiehma.

143    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ʼil fuq, il-provi dwar dawn l-akkordju huma biss normalment frammentati u sparpaljati. B’hekk, peress li l-Kummissjoni għandha biss provi ddettaljati relatati mal-kontenut tad-diskussjonijiet li saru waqt kull laqgħa teknika, ir-rikorrenti ma tista’ tiġbed ebda argument validu mill-allegata assenza ta’ korrispondenza tal-iżvilupp tal-prezzijiet tagħha tal-bejgħ tal-paraffin “133” lil SIMP bil-kontenut parzjali tal-laqgħat tekniċi li jista’ jiġi rrikostitwit mill-Kummissjoni, speċjalment meta l-prezzijiet ta’ diversi prodotti ta’ xemgħat tal-paraffin huma varji u li l-klijenti loġikament jippruvaw jirreżistu ż-żidiet.

144    It-tielet nett, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-impriżi kienu effettivament ħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma u li l-prezzijiet hawn imħabbra servew bħala bażi għall-iffissar prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali huwa biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi kkonstatat li l-kollużjoni dwar il-prezzijiet kellha bħala għan kif ukoll bħala effett restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II‑925, punt 194). F’tali każ, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta teżamina d-dettalji tal-argumenti tal-partijiet intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-ftehimiet inkwistjoni ma kellhomx bħala effett li l-prezzijiet jiżdiedu iktar minn dawk li kienu jiġu osservati f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u li tweġibhom punt b’punt (sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ʼil fuq, punt 451).

145    Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-provi fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-prattiki kollużorji f’dan il-każ jirrigwardaw l-iffisar tal-prezzijiet ta’ xemgħat tal-paraffin u li r-riżultat tal-laqgħat li matulhom kienu ġew diskussi jew iffissati żidiet fil-prezz kienu jiġu spiss implementati permezz tal-annullament tal-prezzijiet fir-rigward tal-klijenti u permezz tat-tħabbir ta’ żidiet, u bl-istess mod il-prezzijiet hekk imħabbra kienu servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet matul tranżazzjonijiet individwali, Bl-istess mod, meta, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq, il-parteċipanti ftiehmu li jżommu l-prezzijiet, dan għandu wkoll jitqies li jifforma parti mill-implementazzjoni tal-ksur uniku, kumpless u kontinwu ta’ din il-kwistjoni.

146    Minn dan isegwi li t-tabella li tirrigwarda l-iżvilupp tal-prezzijiet tagħha lil SIMP tal-paraffin “133” bejn l-2002 u l-2005 u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan il-kuntest huma irrilevanti.

147    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni stabbilixxiet ġustament li Eni kienet ħadet sehem fi ftehimiet jew prattiki miftiehma intiżi għall-iffissar ta’ prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin miftiehma u li tiċħad l-ewwel parti tat-tieni motiv.

 Fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ Eni għall-ftehim jew għal-prattika miftiehma sabiex isir skambju ta’ informazzjoni.

148    Ir-rikorrenti tikkontesta li l-informazzjoni skambjata waqt il-laqgħat tekniċi kellhom għaliha natura strateġika jew ta’ natura kompetittiva. Għaldaqstant, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, hija ma ħaditx din inkunsiderazzjoni u ddeterminat l-aġir kummerċjali tagħha b’mod indipendenti mill-informazzjoni skambjata. Fi kwalunkwe każ, hija ma pprovdietx informazzjoni sensittiva lill-parteċipanti l-oħra.

149    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, fil-każ fejn il-kompetituri jipparteċipaw f’laqgħat li matulhom huma skambjaw informazzjoni dwar, b’mod partikolari, il-prezzijiet li huma intenzjonati jadottaw fis-suq, impriża, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa li għandha għan antikompetittiv, mhux biss kienet segwiet l-għan li telimina minn qabel l-inċertezza relatata mal-aġir futur tal-kompetituri tagħha, iżda kellha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, l-informazzjoni miksuba matul dawn il-laqgħat sabiex tiddetermina l-politika li kellha l-intenzjoni li ssegwi fis-suq (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, punti 122 u 123, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, T‑52/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 276, mhux annullata fuq dan il-punt).

150    Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja li għandhom jipproduċu l-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan huwa applikabbli iktar u iktar meta l-prattika miftiehma tkun seħħet fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ʼil fuq, punt 162).

151    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

152    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva l-grad għoli ta’ trasparenza li jikkaratterizza ġeneralment is-settur tax-xemgħat tal-paraffin. Il-prezzijiet medji fid-diversi pajjiżi Ewropej ġew ippubblikati regolarment fil-bulettin ICIS-LOR. Għaldaqstant, hija ma kellhiex interess li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kkomunikata waqt il-laqgħat tekniċi.

153    Għandu jiġi rrilevat li l-bulettin ICIS-LOR tat-30 ta’ Jannar 2002 anness mar-rikors għandu l-firxa tal-prezzijiet medji ta’ ċerti tipi ta’ paraffin, ibbażati fuq l-informazzjoni tas-swieq tal-prezzijiet f’Jannar 2002 u xi previżjonijiet vagi dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet fil-futur, peress li t-terminu “xnieha” huwa użat mill-editur tal-bulettin.

154    Għandu jiġi nnotat li, waqt il-laqgħat tekniċi, il-parteċipanti spiss ikkomunikaw iż-żidiet fil-prezzijiet li għandhom l-intenzjoni li jaffettwaw fil-futur, għal kull produttur, u mhux biss il-medja tal-industrija. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-provi miġbura mill-Kummissjoni, il-parteċipanti ġew informati wkoll dwar id-data li fiha huma jaħsbu jħabbru l-prezzijiet il-ġodda lill-klijenti. Għaldaqstant, l-informazzjoni maqsuma matul il-laqgħat tekniċi kienet inkomparabbilment iktar dettaljata u ffokat fuq il-futur u mhux il-passat.

155    Konsegwentement, id-dokument anness mir-rikorrenti ma huwiex tali li juri l-assenza ta’ utilità tal-informazzjoni fuq il-prezzijiet skambjati mill-parteċipanti matul il-laqgħat tekniċi, lanqas l-illegalità ta’ tali skambji, u ma jistax jikkonfuta l-preżunzjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet matul il-laqgħat tekniċi.

156    Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

157    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jitfakkar li l-parti ewlenija tal-ksur ikkunsidrata kontra r-rikorrenti kienet tikkonsisti fi “ftehimiet jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-pjan kummerċjali”. Issa, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ftehimiet jew fi prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-partijiet ġie ampjament muri fl-analiżi tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv. Dan l-element fih innifsu kien jiġġustifika l-kwalifika tal-ksur inkwistjoni bħala “gravi ħafna” u, għaldaqstant, il-multa imposta. Barra minn hekk, dawn il-prattiki jinvolvi wkoll skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, jiġifieri dawk li jikkonċernaw il-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin. Għaldaqstant, l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ din il-parti ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

158    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti pparteċipat fil-parti prinċipali tar-reat bejn 21 Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005 u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq il-motivi mqajma fid-dawl tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

159    Għat-tieni grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti tippreżenta lmenti u argumenti li jikkontestaw kemm il-legalità tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuqha kif ukoll l-adegwatezza tal-imsemmija multa. Għaldaqstant, l-imsemmija lmenti u argumenti huma intiżi l-iktar, mingħajr l-ebda separazzjoni ċara, kemm l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll ir-riforma tagħha fil-kuntest tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

160    Skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni hija kkompletata mill-ġurisdizzjoni sħiħa, li hija rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 229 KE. Din il-ġurisdizzjoni tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti. Għaldaqstant l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika, skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali u li għandha s-setgħa tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u temenda l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 181).

161    Konsegwentement, hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tevalwa, fid-data li hija tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ir-rikorrenti kinitx imposta fuqha multa li l-ammont tagħha jirriflettix b’mod korrett il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, b’tali mod li l-imsemmija multa tkun proporzjonata fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra p. II‑645, punti 584 sa 586, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 93).

162    Madankollu għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-iffissar żbaljat għal 17 % tal-koeffiċjent għall-gravità tal-ksur u tal-ammont addizzjonali msejjaħ “dritt għal dħul”

163    Fid-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Konklużjoni dwar il-gravità”, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, qieset kif ġej:

“[...]

(651)      Rigward l-estensjoni ġeografika, il-ksur kopra l-ŻEE kollha, minħabba l-fatt li l-impriżi inkwistjoni biegħu [xemgħat tal-paraffin] fil-pajjiżi kollha taż-ŻEE [... ]

(653) Fid-dawl tal-fatti ta’ dan il-każ, il-kriterji preċedentement diskussi dwar in-natura tal-ksur u l-portata ġeografika, il-proporzjon tal-valur ta’ bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għal ENI u H&R/Tudapetrol għandu jkun ta’ 17 %. Intwera li għal ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total, il-ksur uniku u kontinwu kien ukoll ikkaratterizzat mit-tqassim ta’ klijenti u/jew ta’ swieq. It-tqassim ta’ swieq u t-tqassim ta’ klijenti huma inklużi, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, sa fejn dawn il-prattiki jwasslu għat-tnaqqis jew għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni f’ċerti swieq jew għal ċerti klijenti […]. Fid-dawl ta’ din il-gravità addizzjonali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għal ExxonMobil, MOL, Repsol, RWE, Sasol, Shell u Total għandu jkun ta’ 18 %.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

164    Ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni użat koeffiċjent ta’ 17 % li għandha tiġi applikata fir-rigward tal-gravità tal-ksur taħt il-paragrafu 21 tal-linji gwida tal-2006 u bħala deterrent taħt il-paragrafu 25 tal-imsemmija linji gwida (ammont addizzjonali msejjaħ “dritt ta’ dħul”). Fil-fatt, l-imsemmi koeffiċjent użat fir-rigward tal-impriżi li pparteċipaw mhux biss fil-parti prinċipali tal-ksur, iżda wkoll fit-tieni parti, li jikkonsisti fit-tqassim tas-swieq u tal-klijenti, ikun biss ta’ 18 %. Id-differenza fil-gravità ma hijiex riflessa proporzjonalment b’differenza ta’ punt perċentwali wieħed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-linji gwida tal-2006 u l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Abbażi ta’ dan, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-imsemmija koeffiċjent fuq livell inqas ta’ 17 %.

165    Skont il-ġurisprudenza, mill-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta li s-severità tal-piena ma għandhiex tkun sproporzjonata għall-ksur u li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, huwa xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur u t-tul tiegħu. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza tal-piena għall-ksur jipprevedu wkoll li l-ammont tal-multa imposta għandha tkun proporzjonata, għall-gravità u tat-tul tal-ksur (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 106, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 226).

166    B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar ʼil fuq, punti 226 sa 228 u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 171).

167    Barra minn hekk, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul ta’ żmien tal-aġir antikompetittiv, in-numru tagħhom u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni subita mill-ordni pubbliku ekonomiku kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll l-eventwali reċidiva. Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni adottat il-linji gwida, fejn indikat fuq liema bażi ser tikkunsidra tali jew tali ċirkustanza tal-ksur u l-konsegwenzi li jistgħu jinsiltu minnhom fuq l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punti 57 sa 59).

168    Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat, kif indikat fil-paragrafu 23 tal-Linji gwida tal-2006, li l-ftehimiet u prattiki miftiehma intiżi li jiffissaw il-prezzijiet, f’dan il-każ jagħmlu parti mill-komponent prinċipali tal-ksur, huma, min-natura tagħhom, fost il-ksur l-iktar gravi għar-regoli tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, fost il-paragrafi 21 u 23 tal-imsemmija linji gwida, il-koeffiċjent li jirrifletti l-gravità tal-ksur reat għandu jkun iffissat fil-parti għolja ta’ skala li tvarja minn 0 sa 30 %. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma prezz huma intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet li jikkonċernaw il-pajjiżi kollha taż-ŻEE, li huwa wkoll rilevanti skont il-paragrafu 22 tal-Linji gwida tal-2006.

169    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma kisret la l-Artikolu 81 KE, la l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-linji gwida tal-2006 meta qieset koeffiċjent ta’ 17 % għall-gravità tal-ksur fir-rigward tal-parti prinċipali tiegħu, li jikkonsisti “fi ftehimiet jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet [u] l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-pjan kummerċjali” li jirrigwardaw ix-xemgħat tal-paraffin. Dan jgħodd ukoll rigward l-istabbiliment tal-ammont li għandu jiżdied bħala deterrent skont il-paragrafu 25 tal-Linji gwida tal-2006, magħrufa bħala “dritt tad-dħul”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat ir-rabtiet bejn il-fatturi rilevanti meħuda inkunsiderazzjoni għall-gravità tal-ksur u l-koeffiċjent użat, hekk li ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

170    Għandu jingħad ukoll li l-iffissar tal-koeffiċjent inkwistjoni għal 17 % hija wkoll iġġustifikata fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni użati mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 167 iktar ʼil fuq. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l-imsemmi koeffiċjent huwa proporzjonat mal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, fi kliem ieħor, li jirrifletti l-gravità tal-ksur b’mod xieraq.

171    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li d-differenza bejn il-koeffiċjenti użati għall-komponent ewlieni tal-ksur, minn naħa, u għall-ewwel u t-tieni komponenti flimkien, min-naħa l-oħra, peress li tammonta għal punt perċentwali, ma tirriflettix id-differenza fil-gravità li tikkonsisti f’li tiżdied il-parteċipazzjoni għal tqassim ta’ klijenti u ta’ swieq.

172    Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-Linji gwida tal-2006, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti hija wkoll waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar gravi tal-kompetizzjoni, jekk li huwa sproporzjonat li jitqies 1 % tal-valur tal-bejgħ bħala gravità u “dritt ta’ dħul”, filwaqt li dawn il-koeffiċjenti għall-komponent ewlieni tal-ksur kienu ta’ 17 %.

173    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-premessi 240 u 248 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehimiet li jikkonsistu fit-tqassim tas-swieq jew fil-klijentela kienu sporadiċi waqt il-laqgħat tekniċi pparagunati ma’ ftehimiet jew prattiki miftiehma intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin. Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjonijiet indipendenti ta’ impriżi li pparteċipaw ukoll fl-akkordju (ara l-punti 82 sa 84 iktar ʼil fuq), diskussjoni dwar il-livelli tal-prezzijiet applikati għall-parteċipanti kienet għadha parti mil-laqgħat tekniċi, peress li dawn il-laqgħat ġeneralment jikkonċernaw l-iffissar tal-prezzijiet.

174    Barra minn hekk, skont il-premessa 267 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan illegali segwit u ssanzjonat mill-parteċipanti fil-ksur uniku u kontinwu f’dan il-każ kien li titnaqqas jew li tiġi eliminata l-pressjoni kompetittiva bl-għan aħħari li jinkisbu profitti aħjar u, finalment, li jkunu stabbilizzati jew saħansitra jiżdiedu dawn il-profitti. Ċertament, it-tieni komponent tal-ksur seta’ jaggrava l-effetti negattivi tal-ksur fir-rigward tal-klijenti u tas-swieq affettwati. Madankollu, ma kienx maħsub għal għan antikompetittiv li seta’ jiġi sseparat b’mod ċar minn dak li jaqa’ taħt il-komponent prinċipali tal-ksur, peress li l-istess prodotti u l-istess suq ġeografiku kienu kkonċernati, u li, fl-analiżi finali, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti serva wkoll l-għan li jintlaħqu livelli ta’ prezzijiet ogħla minn livelli kompetittivi, bħall-prattiki intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet.

175    Abbażi ta’ dan, il-Qorti Ġenerali tqis li l-koeffiċjent ta’ 17 % użati għall-kumpaniji li jipparteċipaw fil-komponent ewlieni tal-ksur ma humiex sproporzjonati pparagunati ma’ dawk użati għall-impriżi li pparteċipaw ukoll fit-tieni komponent tal-ksur.

176    Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni (T‑61/99, Ġabra p. II‑5349). Hija tenfasizza li, bħal f’dan il-każ, fl-imsemmija kawża, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ “l-istess ksur wieħed ininterrott”. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma tistax tippenalizza bl-istess mod l-impriżi li ħadu sehem, fir-realtà, fiż-żewġ ksur, u dawk li ħadu sehem biss fi ksur wieħed minnhom, bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

177    Għadu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ʼil fuq (punti 188 sa 190), il-Qorti Ġenerali kkritikat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li qalet li ż-żewġ akkordji distinti jikkonċernaw, minn naħa, il-linji tal-laneċ mit-Tramuntana u, min-naħa l-oħra, il-linji tal-laneċ min-Nofsinhar, bejn il-Greċja u l-Italja, kienu jikkostitwixxu ksur wieħed. Wara din il-konstatazzjoni, hija qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tippenalizza bl-istess severità lill-kumpanniji li d-deċiżjoni kkontestata sabet responsabbli għaż-żewġ ksur u dawk li, bħal Adriatica di Navigazione, kienu responsabbli biss għal wieħed mill-ksur.

178    Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet u fuq l-iskambju u l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva li taffettwa x-xemgħat tal-paraffin (komponent prinċipali tal-ksur) u t-tqassim tal-klijenti jew tas-swieq fir-rigward tax-xemgħat tal-paraffin (it-tieni komponent tal-ksur) jagħmlu parti mill-istess ksur uniku, kumpless u kontinwu.

179    Fi kwalunkwe każ, kif ġie rrilevat fil-punt 172 iktar ʼil fuq, it-tqassim tal-klijenti jew tas-swieq ma huwiex intiż b’għan antikompetittiv li jista’ jiġi sseparat b’mod ċar mill-komponent prinċipali tal-ksur. Ġeneralment, it-tqassim tas-swieq u tal-klijenti jservi wkoll l-għan sabiex jinkisbu livelli ta’ prezzijiet ogħla minn livelli kompetittivi, bħall-prattiki intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet. L-arranġamenti li jaqgħu fiż-żewġ komponenti inkwistjoni jikkonċernaw l-istess prodotti u suq ġeografiċi u jinkisbu permezz tal-istess mekkaniżmu bbażat fuq il-laqgħat tekniċi. Barra minn hekk, l-iffissar tal-prezzijiet huwa iktar faċli li jiġi implementat meta l-possibbiltà ta’ klijenti li jduru għal fornituri oħra titnaqqas, minħabba t-tqassim bejniethom. Barra minn hekk, l-impriżi kollha li jipparteċipaw fit-tieni komponent tal-ksur kienu wkoll implikati fil-komponent prinċipali tal-ksur u ż-żewġ komponenti tal-ksur seħħew matul l-istess perjodu. B’hekk huwa possibbli li wieħed jikkonkludi li l-komplementarjetà taż-żewġ komponenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, punt 166 iktar ʼil fuq, punti 89 sa 92), hekk li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-uniċità tal-ksur reat f’dan il-każ għandha tkun ikkonfermata.

180    Għaldaqstant, kuntrarjament għall-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża li tat lok għas-sentenza Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ʼil fuq, f’dan il-każ hemm ksur wieħed. Barra minn hekk, it-tieni komponent tal-ksur ma kellux piż ekwivalenti għal dak tal-komponent prinċipali tal-ksur u, barra minn hekk, il-parteċipanti fit-tieni komponent kienu ppenalizzati iktar severament minn dawk implikati biss fil-komponent ewlieni tal-ksur. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq din is-sentenza għandu jiġi miċħud.

181    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li hemm diskriminazzjoni manifesta ċara bejn l-impriżi parteċipanti fil-ksur. Iż-żewġ ksur l-iktar gravi tal-Artikolu 81 KE kienu ppenalizzati b’mod totalment differenti, f’dan il-każ, fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet, b’ammont bażiku u ammont addizzjonali ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ, u, fir-rigward tat-tqassim tas-swieq jew tal-klijenti, b’ammont bażiku u ammont addizzjonali ugwali għal dak negliġibbli 1 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ referenza.

182    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa miksur biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 96).

183    F’dan il-każ, peress li l-parteċipanti kollha kienu f’sitwazzjoni identika sa fejn ir-responsabbiltà tagħhom ġiet aċċettata għall-parti prinċipali tal-ksur. Il-Kummissjoni għaldaqstant, peress li osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ħadet inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-parteċipanti kollha, 17 % tal-valur tal-bejgħ għall-gravità tal-ksur, kif ukoll għall-kalkolu tad-“dritt għal dħul”.

184    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tieni komponent tal-ksur kien jikkonsisti f’arranġamenti pjuttost sporadiċi, li jimplikaw inqas parteċipanti u, konsegwentement, għandhom importanza ekonomika inqas. Barra minn hekk, jista’ jitqies li huwa komplementari għall-komponent prinċipali tal-ksur. Għaldaqstant, din hija sitwazzjoni oġġettivament differenti pparagunata mal-komponent prinċipali tal-ksur, hekk li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ma użatx koeffiċjent ugwali jew qrib għall-gravità u għad-“dritt għad-dħul” għall-komponent ewlieni tal-ksur, minn naħa waħda, u għat-tieni komponent tal-ksur, b’mod iżolat, min-naħa l-oħra.

185    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu wkoll jiġi miċħud.

186    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tqis li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ tal-impriżi li pparteċipaw biss fil-komponent prinċipali tal-ksur jirrifletti l-gravità tal-ksur b’mod xieraq, kif rikjest mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 165 iktar ʼil fuq.

187    Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza żbaljata tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol marġinali ta’ Eni fl-akkordju u tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet fuq il-prezzijiet bħala ċirkustanza attenwanti

188    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni b’mod żbaljat irrifjutatilha li tibbenefika miċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mar-rwol marġinali tagħha fl-akkordju u man-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ arranġamenti antikompetittivi. Meta għamlet dan, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003, il-Linji gwida tal-2006 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Konsegwentement, ir-rikorrent titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tannula totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna l-ammont tal-multa imposta fuqha u li terġa’ tikkalkula l-ammont tagħha.

189    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-Linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, b’mod partikolari meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u konsegwentement turi li, matul il-perijodu li fih aderixxiet għall-ftehimiet ta’ ksur, hija effettivament evitat l-applikazzjoni tagħhom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq. Skont l-istess punt, is-sempliċi fatt li impriża tkun ipparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jistax jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku tal-multa.

190    Il-partijiet ftiehmu li, skont l-ittra u l-istruttura tal-Linji gwida tal-2006, l-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti li tirriżulta mit-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-Linji gwida 2006 teħtieġ, minbarra li tintwera l-“parteċipazzjoni sostanzjalment imnaqqsa” fl-akkordju, ukoll li jintwera “nuqqas tal-applikazzjoni tagħha”, peress li dawn iż-żewġ elementi jikkostitwixxu żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

191    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, skont l-ewwel inċiż tal-paragrafu 3 tal-Linji gwida tal-1998, ir-“rwol esklużivament passiv jew li jsegwi” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. Il-partijiet jaqblu ma’ din il-fehma li l-kunċett ta’ “parteċipazzjoni sostanzjalment imnaqqsa” fil-Linji gwida tal-2006, għandu jiġi interpretat b’mod analogu għal dak ta’ “rwol esklużivament passiv” fil-Linji gwida tal-1998.

 Fuq ir-rwol passiv u/jew marġinali ta’ Eni fl-akkordju

–       Fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

192    Fil-premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex turi r-rwol marġinali tagħha fl-akkordju, billi qieset li, għall-perijodu li fih Eni kienet ipparteċipat fl-akkordju, l-aġir tagħha ma kienx differenti minn dak tal-membri l-oħra, bl-eċċezzjoni ta’ Sasol. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, skont il-premessi 685 u 686 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija kellha rwol ta’ tmexxija u żiedet l-ammont bażiku applikabbli għaliha għal 50 % għal din iċ-ċirkustanza aggravanti.

193    Skont ir-rikorrenti, mill-fajl amministrattiv jirriżulta li r-rwol tagħha kien marġinali waqt il-laqgħat tekniċi. Madankollu, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni ttrattatha bħall-parteċipanti l-oħra kollha.

194    Skont il-ġurisprudenza, meta ksur twettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda fosthom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623), sabiex jiġi ddeterminat jekk jixraqx li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, T‑40/06, Ġabra p. II‑4893, punt 105).

195    Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet ukoll, fil-kuntest tal-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida tal-1998, li r-rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “low-profile” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni ta’ xi ftehim jew ftehimiet antikompetittivi (sentenza Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, punt 194 iktar ʼil fuq, punt 106; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 161 iktar ʼil fuq, punt 167).

196    Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, fost l-elementi li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm in-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur jew saħansitra l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 161 iktar ʼil fuq, punt 168, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 331, u Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, punt 194 iktar ʼil fuq, punt 107).

197    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li daħlet tard fis-suq inkwistjoni. Sal-2002, il-bejgħ tagħha kien prattikament limitat għall-provvista biss tal-kumpanniji SIMP u SER, li assorbew iktar minn 80 % tal-produzzjoni tagħha tax-xemgħat tal-paraffin u ta’ slack wax. Huwa biss wara l-2002 Eni gradwalment bdiet tforni direttament numru ikbar ta’ klijenti finali.

198    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota quddiem il-Qorti Ġenerali li, mill-1977, Agip kienet diġà attiva fis-suq tax-xemgħat tal-paraffin.

199    Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ssostni li Agip, li lilha hija ssuċċediet, effettivament ipproduċiet xemgħat tal-paraffin mill-1975. Madankollu, hija tenfasizza li, sal-2001, hija biegħet kważi esklużivament lil SIMP u lil SER, mingħajr ma kellha struttura proprja ta’ kummerċjalizzazzjoni għal dawn il-prodotti.

200    Għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt biss li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni ta’ xemgħat tal-paraffin ta’ Eni kienet inbiegħet minn SIMP u SER qabel l-2002 ma huwiex tali li juru d-dħul tardiv fis-suq inkwistjoni, peress li l-produzzjoni tax-xemgħat tal-paraffin u l-kummerċjalizzazzjoni lill-bejjiegħa jew lill-proċessuri tikkostitwixxi wkoll preżenza fis-suq.

201    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza msemmija mir-rikorrenti, li tikkonsisti f’sentenzi li jirreferu għad-dħul tardiv fis-suq, tirreferi għall-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1998. Issa, f’dawn il-linji gwida, l-ammont tal-multa kien inqas influwenzat mit-tul tal-ksur, peress li n-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju jikkostitwixxu biss ammont addizzjonali. Għall-kuntrarju, fl-istruttura tal-linji gwida tal-2006, in-numru ta’ snin huwa element multiplikatur tal-valur tal-bejgħ, hekk li l-ammont tal-multa huwa aritmetikament proporzjonali mat-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur, ħlief il-parti żgħira mill-ammont tal-multa imsejħa “dritt għal dħul”.

202    Għaldaqstant, skont l-istruttura l-ġdida tal-linji gwida tal-2006, fil-prinċipju, id-dħul tardiv fis-suq huwa diġà rifless b’mod suffiċjenti mill-valur imnaqqas tal-koeffiċjent multiplikatur użat għat-tul.

203    Il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, il-fatt biss li, qabel l-2002, ir-rikorrenti kkumerċjalizzat il-biċċa l-kbira tax-xemgħat tal-paraffin li hija pproduċiet ma’ żewġ kumpaniji biss jikkostitwixxi biss fattur li jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, anki flimkien mal-elementi l-oħra msemmija mir-rikorrenti.

204    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni argument tar-rikorrenti jiġi miċħud.

205    Fit-tieni lok, Eni tallega li ma ġietx implikata fil-laqgħat bilaterali ħlief meta l-provvisti inkroċjati bejn il-fornituri tax-xemgħat tal-paraffin jew tas-slack wax kienu jeħtieġu tali kuntatti.

206    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar dak li tgħid il-premessa 275 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[I]l-Kummissjoni għażlet li ma tinvestigax il-kuntatti bilaterali, għaliex l-isforz meħtieġ biex jiġu pprovati l-elementi addizzjonali ta’ dan il-ksur mingħajr ma jinbidel ir-riżultat finali kien ser ikun sproporzjonat. Għal din l-istess raġuni, il-Kummissjoni għażlet li ma tinvestigax il-kuntatti l-oħra li saru lil hinn mil-laqgħat tekniċi. Il-Kummissjoni tqis ukoll li hija stabbilixxiet biżżejjed l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu dwar il-prattiki li dwarhom hija investigat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

207    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħaditx iktar inkunsiderazzjoni l-elementi relatati mal-kuntatti bilaterali barra l-laqgħat tekniċi fir-rigward tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, lanqas. Fil-fatt, ġiet stabbilita l-parteċipazzjoni fl-akkordju, fil-każ tal-impriżi kollha, abbażi tal-kontenut tal-laqgħat tekniċi li attendew. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ involviment fil-kuntatti bilaterali ma huwiex tali li juri l-parteċipazzjoni limitata tagħha fl-akkordju.

208    B’hekk, dan l-argument jiġi miċħud bħala irrilevanti.

209    Fit-tielet lok, Eni argumentat li hija qatt ma bagħtet ittri lill-kompetituri tagħha dwar il-bidliet fil-prezzijiet. Mill-150 ittra miġbura mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tissemma biss darbtejn bħala destinatarja reċipjent, għal raġunijiet barra minn hekk indipendenti mill-akkordju, jiġifieri x-xiri tagħha tal-paraffin minn Sasol.

210    L-ewwel nett, mill-premessi 113 u 299 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ċerti parteċipanti fl-akkordju skambjaw ittri tat-tariffi li huma bagħtu lill-klijenti. Madankollu, l-iskambju tal-ittri tat-tariffi ma jirrelatawx direttament mad-diskussjonijiet u l-arranġamenti antikompetittivi imposti fuq Eni, iżda biss mal-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-implementazzjoni ta’ din tal-aħħar.

211    It-tieni nett, Shell indikat fid-dikjarazzjoni tagħha tal-14 ta’ Ġunju 2006 li MOL, Eni u Repsol ma bagħtux ittri tat-tariffi lill-klijenti, iżda kkomunikaw il-prezzijiet tagħhom bil-fomm. Bl-istess mod, Total spiss ma bagħtitx ittri tat-tariffi. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ ittri tat-tariffi lill-klijenti, parti sinjifikattiva tal-parteċipanti, jiġifieri tlieta jew erbgħa fuq disgħa, ma setgħux jiġu involuti fl-iskambju ta’ ittri tat-tariffi bejn kompetituri eżistenti minħabba prattiki kummerċjali, u dan irrispettivament mill-kwistjoni tal-intenzjoni li jaderixxu għal din il-prattika. Dawn l-impriżi lanqas ma bbenefikaw minn ċirkustanza attenwanti għal parteċipazzjoni limitata fl-akkordju.

212    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet ebda illegalità meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza favur Eni.

213    Dan l-argument, konsegwentement, għandu jiġi miċħud.

214    Fir-raba’ lok, irrispettivament minn kwistjonijiet relatati mad-diskussjonijiet bilaterali u mal-iskambju ta’ ittri tat-tariffi, ir-rikorrenti ssostni li l-attività tagħha matul il-laqgħat tekniċi kienet limitata meta mqabbla mal-parteċipanti oħra. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għad-dikjarazzjoni ta’ Sasol li tgħid li “Eni ma kinitx parteċipant attiv ħafna tal-ʽBlue Saloonʼ”, u dik ta’ Shell, li tgħid li “f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet iffissati bi qbil reċiproku matul il-laqgħat tekniċi, S. ma tafx jekk Eni u Repsol, li kellhom rwol passiv ħafna fil-laqgħat tekniċi, kinux aderixxew għaż-żieda fil-prezz u għad-deċiżjonijiet meħuda”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li kienet l-unika impriża parteċipanti li ma tatx sehemha sabiex torganizza laqgħat tekniċi. Anki Repsol organizzat waħda minnhom.

215    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà speċifikat li l-fatt li impriżi oħra li pparteċipaw fl-istess akkordju uniku setgħu kienu iktar attivi minn parteċipant partikolari ma jimplikax, għal daqshekk, li dan tal-aħħar kellu rwol passiv jew emulattiv. Fil-fatt, hija biss il-passività totali li tista’ tiġi kkunsidrata u li għandha tiġi stabbilita mill-parti li tinvokaha (sentenza Trioplast Industrier vs Il-Kummissjoni, punt 194 iktar ʼil fuq, punt 108; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ʼil fuq, punt 611).

216    Issa, tali passività totali ma tistax tiġi dedotta mill-fatt li l-impriża inkriminata ma organizzatx hija stess laqgħat sigrieti antikompetittivi.

217    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Shell, diġà eżaminata fil-punt 89 iktar ʼil fuq, hija ċertament fattur rilevanti invokat mir-rikorrenti. Madankollu, is-silta ċċitata mir-rikorrent ma hijiex suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kienet sostanzjalment limitata.

218    Ċertament, Shell tirreferi għar-rwol pjuttost passiv mir-rappreżentanti ta’ Eni u ta’ Repsol fil-laqgħat tekniċi. Madankollu, il-preżenza ta’ dawn tal-aħħar għall-imsemmija laqgħat madankollu taw l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li dawn iż-żewġ produtturi prinċipali kienu involuti wkoll fl-arranġamenti antikompetittivi. Barra minn hekk, fl-istess dikjarazzjoni, Shell issemmi wkoll lil Eni fost il-kumpaniji li kienu qablu fuq iż-żidiet fil-prezzijiet u l-prezzijiet minimi.

219    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li Eni kienet parteċipanti regolari għal-laqgħat tekniċi bejn l-2002 u l-2005, u kienet preżenti għall-inqas għal għaxra minn tlettax il-laqgħa teknika miżmuma f’dan il-perijodu.

220    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma kisritx la l-Artikolu 81 KE, la l-Artikolu 3 tar-Regolament 1/2003, la l-Linji gwida tal-2006 u lanqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ddikjarat, fil-premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “għall-perijodu li fih Eni pparteċipat fil-ksur, l-aġir tagħha ma kienx differenti minn dak tal-membri l-oħra”.

221    L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

222    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tibbenefika minn ċirkustanzi attenwanti għall-kooperazzjoni effettiva mal-Kummissjoni barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-2002. Għalkemm Eni pprovdiet l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha, hija ma kinitx fil-pussess, preċiżament minħabba r-rwol marġinali tagħha fil-laqgħat tekniċi, ta’ dokumenti relatati mal-laqgħat sabiex isaħħu l-eżistenza tal-akkordju. Għaldaqstant, kien hija ġiet doppjament ivvittimizzati minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-rwol passiv tagħha.

223    L-ewwel nett, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, peress li Eni kienet taf tajjeb il-prattiki antikompetittivi li kienu segwiti fil-laqgħat tekniċi, xejn ma impediha milli tagħmel talba għal klemenza qabel kwalunkwe impriża oħra li hija parteċipanti u bbenefikat b’hekk minn immunità totali jew parzjali skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-2002.

224    It-tieni nett, hemm lok li jitfakkar li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal-2002, fil-paragrafi 3 u 4, jistabbilixxi dan li ġej:

“Il-Kummissjoni hija konxja li ċerti impriżi involuti f’dan it-tip ta’ ftehim illegali huma lesti li jtemmu l-partiċipazzjoni tagħhom u jinformawha bl-eżistenza ta’ ftehim bħal dan, imma huma ddisswaduti milli jagħmlu dan mill-multi għoljin li huma potenzalment esposti għalihom. Il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa fl-interess [tal-Unjoni] li jingħata trattament favorevoli lil impriżi li jikkooperaw magħha. L-interessi tal-konsumatur u ċ-ċittadini biex jiġi żgurat li kartelli sigrieti jiġu mikxufa u kkastigati huma akbar mill-interess li jiġu mmultati dawk l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiċi.”

225    Minn dan isegwi li l-għan tal-programm ta’ klemenza ma huwiex li joffri lill-impriżi involuti fl-akkordji sigrieti, avżati bil-ftuħ tal-proċedura tal-Kummissjoni, il-possibbiltà li jevitaw il-konsegwenzi finanzjarji tar-responsabbiltà tagħhom, iżda sabiex tiffaċilita l-iskoperta ta’ tali prattiki, fl-interess tal-konsumaturi u taċ-ċittadini Ewropej, billi tinkoraġġixxi lill-parteċipanti sabiex jiżvelaw minnhom, u insegwitu, matul il-proċedura amministrattiva, jgħinu lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha sabiex tirrikostitwixxi l-fatti rilevanti sa fejn huwa possibbli. Għaldaqstant, il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu mill-impriżi involuti fi prattiċi bħal dawn ma jistgħux jaqbżu l-livell li huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-programm ta’ klemenza u l-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni.

226    Issa, ma huwa rikjest ebda interess tal-konsumaturi Ewropej sabiex il-Kummissjoni tagħti benefiċċju ta’ immunità minn multa jew tnaqqis tal-ammont tal-multa lil numru ikbar ta’ impriżi milli huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-programm ta’ klemenza u tal-proċedura amministrattiva tagħha. Għaldaqstant, ma huwiex iġġustifikat li jibbenefikaw minn tali immunità jew tnaqqis ta’ impriżi barra dawk li kienu l-ewwel li pprovdew provi li jippermettu lill-Kummissjoni li tordna verifiki jew li tikkonstata ksur jew ukoll tgħinha b’mod ieħor u b’mod effettiv matul il-proċedura amministrattiva.

227    Għaldaqstant, l-impriżi li oġġettivament ma pprovdewx informazzjoni sabiex tavvanza sinjifikattivament l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni ma jistgħux validament jinvokaw ċirkustanzi, li jirriżultaw mis-sitwazzjoni tagħhom stess u mhux mill-approċċ tal-Kummissjoni, li allegatament għamlet il-kooperazzjoni, isiru iktar diffiċli. Fil-fatt, il-valur tal-kooperazzjoni huwa mkejjel f’termini tal-valur tal-utilità tal-kontribuzzjoni tal-impriżi kkonċernati, mill-perspettiva tal-aġir tal-proċedura amministrattiva mill-Kummissjoni.

228    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument tar-rikorrenti jiġi miċħud.

229    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li, jekk hija pparteċipat regolarment għal-laqgħat tekniċi bejn l-2002 u l-2005, l-interess tagħha kien limitat għal diskussjonijiet tekniċi, bl-esklużjoni tal-kontenut antikompetittiv tal-imsemmija laqgħat.

230    F’dan ir-rigward, hemm lok li jsir riferiment għall-analiżi fil-punti 108 sa 114 iktar ʼil fuq, li minnha jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx l-assenza tagħha ta’ interess u li, fi kwalunkwe każ, dan ma huwiex fattur rilevanti fl-evalwazzjoni tar-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq.

231    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqet ebda illegalità fl-evalwazzjoni tal-allegat rwol marġinali u/jew passiv ta’ Eni fl-akkordju, peress li din l-evalwazzjoni tirreferi għall-eżami tal-kundizzjoni marbuta mal-parteċipazzjoni sostanzjalment limitata fl-akkordju (ara l-punt 220 iktar ʼil fuq).

–       Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

232    F’dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-paġni 41 sa 43 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma essenzjalment l-istess bħal dawk murija fil-punti 193, 197, 205, 209 u 214 iktar ʼil fuq.

233    Ċertament, il-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tiċħad dawn l-argumenti hija konċiża. Fil-premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement iddikjarat li “għall-perjodu li fih Eni pparteċipat fil-ksur, l-aġir tagħha ma kienx differenti minn dak tal-membri l-oħra”.

234    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tkun evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il‑kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 166 u 178).

235    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li hija qieset biss il-perijodu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju. B’hekk, hija indikat li l-argument ibbażat fuq id-dħul tardiv tar-rikorrenti fis-suq ma tteħidx inkunsiderazzjoni.

236    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ involviment tar-rikorrenti fil-kuntatti bilaterali u l-iskambju ta’ ittri tat-tariffi, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi relatati mal-kuntatti bilaterali barra l-laqgħat tekniki meta tistabbilixxi l-ksur (ara l-punti 207 u 208 iktar ʼil fuq). Issa, l-ebda insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma tista’ titqies kontra l-Kummissjoni minħabba l-assenza ta’ eżami ddettaljat ta’ argumenti li huma essenzjalment għal kollox mill-perspettiva tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti fil-kuntest speċifiku tad-deċiżjoni kkontestata.

237    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, “għall-perijodu li fih Eni pparteċipat fl-akkordju, l-aġir tagħha ma kienx differenti minn dawk tal-membri l-oħra”, għandha tiġi inkluża fir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward l-eżami, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kontenut tal-laqgħat tekniċi u l-provi li jirrigwardaw il-preżenza ta’ Eni fihom. Dan l-eżami u l-konstatazzjonijiet li jinsabu fihom għandhom, barra minn hekk, jitqiesu fid-dawl tad-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet kollha li saru disponibbli lir-rikorrenti, li jagħmlu parti mill-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

238    Issa, għalkemm huwa veru li Sasol u Shell juru r-rwol pjuttost passiv jew “mhux attiv ħafna” tar-rappreżentanti ta’ Eni waqt il-laqgħat tekniċi, għandu jiġi enfasizzat li, fl-istess dikjarazzjoni tal-14 ta’ Ġunju 2006, Shell issemmi wkoll Eni fost l-impriżi li kienu qablu fuq iż-żidiet fil-prezzijiet u l-prezzijiet minimi u speċifikat li MOL, Repsol u Eni ma bagħtux ittri ta’ żieda fil-prezz lill-klijenti wara l-laqgħat tekniċi, iżda “pjuttost ikkomunikaw bil-fomm iż-żidiet fil-prezzijiet” (ara l-punt 89 iktar ʼil fuq). Għaldaqstant, meta wieħed iqis ukoll l-affermazzjonijiet fondati fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-preżenza ta’ Eni għall-inqas f’għaxra mit-tlettax il-laqgħa teknika li seħħew matul il-perijodu mill-21 ta’ Frar 2002 sat-28 ta’ April 2005, l-imsemmija deċiżjoni tipprovdi biżżejjed elementi li jispjegaw kemm lil Eni kif ukoll lill-Qorti tal-Unjoni għaliex il-parteċipazzjoni ta’ Eni għall-akkordju ma setgħetx titqies li hija sostanzjalment limitata.

239    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni dwar l-eżami tal-allegat rwol marġinali jew passiv ta’ Eni għall-ksur.

240    Fid-dawl tal-eżami preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-rwol marġinali jew passiv marġinali ta’ Eni fil-ksur.

 Fuq l-assenza ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet minn Eni

241    Għandu jiġi nnotat li l-“parteċipazzjoni sostanzjalment imnaqqsa” fl-akkordju u t-tnaqqis fl-applikazzjoni tagħha li jikkostitwixxu kundizzjonijiet kumulattivi taċ-ċirkustanza attenwanti prevista fit-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006. Issa, ir-rikorrent ma wrietx li l-parteċipazzjoni tagħha kienet sostanzjalment limitata. Għaldaqstant, l-ilment tagħha bbażat fuq l-illegalità taċ-ċaħda, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ dawn l-argumenti intiżi li jeżentaw mill-applikazzjoni tal-akkordju, fi kwalunkwe każ, twassal għall-istabbiliment tal-ksur tal-linji gwida tal-2006 mill-Kummissjoni.

242    Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-argumenti tar-rikorrenti

–       Fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

243    Fil-premessa 695 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li:

“[…] Fir-rigward tal-argumenti ta’ Eni, il-Kummissjoni nnutat li jidher mid-data pprovduta minn Eni fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija żiedet il-prezzijiet tagħha ħames darbiet bejn l-2002 u l-2005 Il-Kummissjoni nnutat ukoll li, għalkemm it-tentattivi ta’ żieda fil-prezzijiet ma jirriżultawx spiss, dan huwa niss minħabba li prezzijiet ogħla ma jiġu aċċettati mill-klijenti, u mhux minħabba l-aġir tal-impriża li tuża l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti. Il-Kummissjoni għaldaqstant għandha tqis li l-argumenti ta’ Eni [...] ma jurux l-assenza ta’ tentattiv ta’ applikazzjoni ta’ żidiet fil-prezz. Rigward l-ittri tat-tariffi, il-Kummissjoni spjegat qabel li dawn l-ittri ma kinux jirrappreżentaw l-unika għodda ta’ implementazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova li dawn l-ittri dejjem ntbagħtu u ġew riċevuti konsegwentement ma jippermettix li jiġi konkluż li l-implementazzjoni ma tkunx seħħet. Il-Kummissjoni tqis ukoll f’dan il-kuntest li l-informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ġew ikkomunikati permezz ta’ motivi oħrajn bejn il-parteċipanti fil-laqgħat tekniċi.”

244    Skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat, f’dan ir-rigward, jekk iċ-ċirkustanzi esposti mir-rikorrenti humiex tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih huma aderixxew mal-akkordji infrazzjonali, huma effettivament naqsu milli japplikawhom billi adottaw aġir kompetittiv fis-suq (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 268, u Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ʼil fuq, punt 625).

245    Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita illi l-fatt li impriża, li tkun stabbilixxiet il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju mal-kompetituri fir-rigward tal-prezzijiet fuq is-suq, ma tkunx ġabet ruħha b’mod konformi ma’ dak li jkun ġie miftiehem mal-kompetituri tagħha, ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza attenwanti, meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta. Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-akkordju mal-kompetituri, politika ftit jew wisq indipendenti fuq is-suq tista’ sempliċement tuża l-ftehim għall-profitt tagħha (sentenzi Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ʼil fuq, punt 230, u Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar ʼil fuq, punt 269).

246    Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat jekk tali ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti humiex ta’ natura tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih ir-rikorrenti ħadet sehem fl-akkordji ta’ ksur, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementhom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, jekk hija b’mod ċar u kunsiderevoli kisritx l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113.

247    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma implementat iż-żidiet fil-prezzijiet deċiżi mill-parteċipanti oħra fil-laqgħat tekniċi. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għall-argumenti magħmula fil-kuntest tat-tieni motiv. It-tabella dwar l-iżvilupp tal-prezz tal-paraffin “133” prodotta minnha jiżvelaw ċaqliq fil-prezzijiet, minflok serje ta’ żidiet kif imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, hija tirreferi għal dawn l-argumenti li jikkonċernaw l-indiċjar tal-kwotazzjonijiet tal-prezz tagħha li tinsab fil-bulettin ISIS-LOR dwar il-bejgħ lil SIMP u lil SER.

248    Qabel kollox, għandu jitfakkar argumenti simili ġew eżaminati fil-punti 140 et seq hawn fuq.

249    Fil-fatt, it-tabella msemmija hawn tikkonċerna biss il-bejgħ tal-paraffin “133” lil SIMP, li fir-rigward tagħhom il-prezzijiet mitluba mir-rikorrenti kienu apparentement pjuttost stabbli u kienet f’qagħda tajba, minħabba s-setgħa ta’ akkwist tagħha, li tfixkel kull tentattiv sabiex jiżdied il-prezz. Dik it-tabella ma fiha l-ebda informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet ta’ Eni għall-utenti finali tagħha l-iktar vulnerabbli għall-manipulazzjonijiet tal-prezz li jirriżultaw mill-akkordju. Għandu jiżdied li l-paraffin “133” jikkostitwixxi biss wieħed minn ħafna tipi ta’ xemgħat tal-paraffin prodotti mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-informazzjoni li hija pprovdiet hija selettiva ħafna u fl-ebda każ ma tista’ tiġi estrapolata għall-firxa sħiħa ta’ xemgħat tal-paraffin prodotti minnha u mibjugħa lix-xerrejja kollha.

250    Sussegwentement, ir-rikorrenti ma tistax toġġezzjona validament lill-Kummissjoni li ma hemm l-ebda korrelazzjoni bejn l-informazzjoni disponibbli fuq il-laqgħat tekniċi u t-tabella li tinsab fir-rikors. Fil-fatt, mid-diversi dikjarazzjonijiet iċċitati hawn fuq jirriżulta li ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma fil-laqgħat tekniċi ma setgħux ġeneralment ikunu applikati kompletament għall-klijenti. Shell tiddikjara li madwar żewġ terzi tal-żidiet miftiehma jistgħu jiġu implementati. Barra minn hekk, hemm diversi indikazzjonijiet fil-fajl li l-parteċipanti spiss ma setgħux jimplementaw iż-żieda miftiehma. Barra minn hekk, il-parteċipanti spiss iffokaw l-isforzi tagħhom fuq iż-żamma tal-prezzijiet, jew il-waqfien tal-erożjoni tal-prezzijiet, u fuq żieda kkoordinata.

251    Għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ʼil fuq, il-provi li jirrigwardaw il-ftehim huma normalment frammentati u sparpaljati, bħal fil-każ preżenti, fejn il-Kummissjoni rnexxielha biss tikkostitwixxi mill-ġdid il-kontenut ta’ parti żgħira mil-laqgħat tekniċi. Għal din ir-raġuni biss, il-Kummissjoni rarament biss tista’ teżamina korrispondenza bejn ir-riżultat ta’ diskussjonijiet illegali dwar il-prezzijiet u l-iżvilupp tal-prezzijiet mitluba mill-parteċipanti individwali fl-akkordju. Ma huwiex għaldaqstant iġġustifikat li jiġi rrikonoxxut lill-parteċipanti l-benefiċċju ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tal-arranġamenti dwar il-prezzijiet, bħala ċirkustanzi attenwanti, unikament abbażi tal-iżvilupp tal-prezzijiet ta’ ċerti prodotti, applikati lil ċerti klijenti, li ma tistax tkun direttament relatata mal-informazzjoni frammentata u sparpaljata li għandha l-Kummissjoni.

252    Fl-aħħarnett, fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-prezz tal-paraffin “133” mibjugħ lil SIMP żdiedx biss, sabiex minn EUR 542 fl-1 ta’ Jannar 2002 isir EUR 588 fl-1 ta’ April 2005, bi 8.48 % ma huwiex tali li jkun ta’ prova li Eni kisret l-arranġamenti intiżi li jimplementaw l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it-tħaddim stess ta’ dan tal-aħħar.

253    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti relatati mat-tabella tal-iżvilupp tal-prezzijiet inkwistjoni ma jistgħux juru li hija ma ħaditx parti effettiva fil-prattiki inkriminanti.

254    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma pparteċipatx fl-iskambju ta’ ittri ta’ żidiet fil-prezzijiet iddestinati għall-klijenti, iżda kkomunikati reċiprokament minn xi parteċipanti oħra fl-akkordju.

255    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li titfakkar il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 211 iktar ʼil fuq, li biha parti sinjifikattiva tal-parteċipanti fl-akkordju, jiġifieri tlieta jew erbgħa minn disgħa, inkluż ir-rikorrenti, ma bagħtux ittri tat-tariffi lill-klijenti, peress illi dawn il-parteċipanti kkomunikaw il-prezzijiet tagħhom oralment.

256    Barra minn hekk, l-implementazzjoni tal-ftehim kienet essenzjalment ikkostitwita mit-teħid inkunsiderazzjoni, fin-negozjati dwar il-prezzijiet mal-klijenti, tal-informazzjoni rċevuta matul il-laqgħat tekniċi. Għaldaqstant, l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ ENI fl-iskambju tal-ittri tat-tariffi, peress li dan tal-aħħar huwa pjuttost mekkaniżmu ta’ kontroll tal-implementazzjoni tal-arranġamenti dwar il-prezzijiet, ma tistax turi li hija naqset li tapplika l-prattiki inkriminanti.

257    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq li allegatament evita l-ksur huwa fattwalment inkorrett.

258    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx la l-Artikolu 81 KE, la l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, la l-linja gwida tal-2006, lanqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-kuntest.

–       Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

259    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li mal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 695 tad-deċiżjoni kkontestata jiżdied l-eżami li sar mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kontenut tal-laqgħat tekniċi u tal-provi dwar il-preżenza ta’ fihom. Dan l-eżami u dawn il-konstatazzjonijiet li jinsabu fihom għandhom, barra minn hekk, jitqiesu fid-dawl tad-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet kollha li saru disponibbli lir-rikorrenti, u li jagħmlu parti mill-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

260    Issa, il-motivazzjoni f’dan il-każ tippermetti kemm lir-rikorrenti kif ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex jifhmu għaliex il-Kummissjoni ċaħdet li hija allegatament evitat il-ksur.

261    Minn dan isegwi li l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti prevista fit-tielet inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida tal-2006 ma hija ssodisfatta f’dan il-każ. Fil-fatt, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-parteċipazzjoni ta’ Eni għall-ksur ma kinitx sostanzjalment imnaqqsa u li hija effettivament ma evitatx li tapplika l-arranġamenti antikompetittivi billi adottat aġir kompetittiv fuq is-suq.

262    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall id-dokumentazzjoni li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tikkonkludi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ebda tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ma hija ġġustifikata għal allegata parteċipazzjoni limitata jew passiva tagħha fl-akkordju, għal allegat rwol marġinali jew passiv tagħha, għal allegat fatt li evitat l-applikazzjoni ta’ arranġamenti antikompetittivi jew għal allegat nuqqas ta’ implementazzjoni tal-akkordju mir-rikorrenti.

263    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-assenza żbaljata ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-negliġenza ta’ Eni bħala ċirkustanza attenwanti

264    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta rrifjutatilha l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti relatata man-negliġenza. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Linji gwida tal-2006. Hija titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla l-parti tal-kkontestata deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li hija tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti u sabiex konsegwentement tikkalkula mill-ġdid l-ammont tal-multa.

265    Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont it-tieni inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida 2006, dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur kien twettaq b’negliġenza.

266    Skont il-premessa 708 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Eni tallega wkoll li hija ma kellhiex l-intenzjoni li twettaq ksur, minħabba l-fatt li r-rappreżentant tagħha [...] attenda l-laqgħat mingħajr l-ebda intenzjoni li jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni [...] Fis-seduta, Eni ddikjarat li r-rappreżentant tagħha ħaseb sabiex jattendi l-laqgħat leġittimi tal-EWF filwaqt li attenda fil-fatt għal-laqgħat tekniċi. Il-Kummissjoni tinnota li d-dikjarazzjonijiet ta’ Eni ma huma ibbażati fuq ebda prova. Il-Kummissjoni tqis li huwa improbabbli li r-rappreżentanti ta’ Eni kienu attendew il-laqgħat mingħajr ma kellhom l-intenzjoni. Dwar il-kundanna ta’ [MO.] li attenda laqgħat tal-EWF, il-Kummissjoni ma tifhimx kif tali nuqqas ta’ ftehim seta’ kien possibbli meta kien magħruf li la l-istedina u lanqas l-organizzazzjoni tal-laqgħat ma indikawx l-inqas konnessjoni mal-EWF.”

267    Ir-rikorrenti ssostni li hija pproduċiet il-prova tan-negliġenza tagħha. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għal nota minn MO. lil D., is-superjur tagħha, li qalet li hija attendiet għal “laqgħa bejn il-produtturi Ewropej ewlenin tal-paraffin u tal-wax slack, organizzat fil-kuntest tal-EWF li [Eni] aderiet mill-ġdid għaliha reċentement”. Min dan jirriżulta li MO. kien konvint li qed tieħu parti f’laqgħat illegali, organizzati fil-kuntest tal-EWF.

268    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-negliġenza min-naħa ta’ Eni ma tistax tiġi stabbilita f’dan il-każ, peress li l-kontenut antikompetittiv tal-laqgħat tekniċi kien ċar u manifest u li, minkejja dan, MO. pparteċipa għal mill-inqas għaxra minn tlettax-il laqgħa teknika li saru bejn il-21 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005.

269    Minħabba l-kontenut manifestament antikompetittiv tal-laqgħat tekniċi, il-fatt li, skont l-informazzjoni mogħtija minn MO. lil D., dawn kienu laqgħat organizzati taħt il-patroċinju tal-EWF, huwa irrilevanti.

270    Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk D. kellhomx stampa korretta tad-diskussjonijiet li seħħew fil-laqgħat tekniċi huwa wkoll irrilevanti. Fil-fatt, is-setgħa tal-Kummissjoni li tippenalizza impriża meta din tkun wettqet ksur tippreżumi biss li hija l-azzjoni ta’ ksur ta’ persuna li hija ġeneralment awtorizzata li taġixxi għan-nom tal-impriża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 97, u s-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ʼil fuq, punt 277). Issa, MO., bħala dak li jiġġestixxi prodotti użati l-ewwel minn AgipPetroli u wara minn Eni, jitqies li huwa persuna ġeneralment awtorizzata li taġixxi f’isem Eni.

271    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-assenza ta’ interess ta’ ENI li tipparteċipa fl-akkordju, hemm lok li jsir riferiment għall-analiżi li tinsab fil-punti 108 sa 121 iktar ʼil fuq.

272    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-istabbiliment żbaljat taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva

273    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003, il-linji gwida tal-2006, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament u abbużat is-setgħa tagħha żiedet l-ammont bażiku tal-multa b’60 % minħabba ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidivi. Konsegwentement, hija tistaqsi lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni żiedet l-ammont tal-multa imposta fuqha b’60 % bħala reċidiva. Sussidjarjament, Hija titlob lill-Ġenerali sabiex tnaqqas ir-rata ta’ żieda applikata mill-Kummissjoni.

274    Skont il-paragrafu 28 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti. Waħda miċ-ċirkustanzi aggravanti hija r-reċidiva, iddefinita mill-istess paragrafu bħala l-kontinwazzjoni jew ir-ripetizzjoni tal-istess jew ksur simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni kkonstatat li l-impriża inkwistjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 jew 82 KE. F’tali każ, l-ammont bażiku tal-multa ser jiżdied sabiex jilħaq 100 % għal kull ksur ikkonstatat.

275    Il-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif jinftiehem f’ċertu numru ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur mill-ġdid wara li kienet ġiet issanzjonata għal ksur li jixxiebah (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 617, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 284).

276    Reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 91, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, punt 26).

277    F’dan il-każ, skont il-premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata, qabel il-bidu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, Eni u s-sussidjarji tagħha kienu destinatarji ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni rigward l-akkordji. Dan kien il-każ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31.149 — Polypropilene) (ĠU L 230, p. 1, iktar ʼil quddiem “id-deċiżjoni Polypropilene”) u d-Deċiżjoni 94/599/KE tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/31865 — PVC) (ĠU L 239, p. 14; “id-deċiżjoni PVC II”).

278    Ir-rikorrenti ssostni li hija qatt ma kienet destinatarja ta’ xi deċiżjoni dwar ksur tal-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni Polypropilene u d-deċiżjoni PVC II tmexxew kontra, rispettivament, il-kumpanniji Anic SpA u Enichem SpA. F’dawn id-deċiżjonijiet ma hemm l-ebda riferiment għal Eni. Hija ma rċevietx talbiet għall-informazzjoni, ma pparteċipawx fi kwalunkwe mod fil-proċeduri inkwistjoni u ma kellhiex l-opportunità li teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża.

279    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għaldaqstant oġġettivament attribwiet lill Eni r-responsabbiltà għall-azzjonijiet ta’ entitajiet ġuridiċi oħra, u retrospettivament, wara 25 sena. Tali approċċ jikser il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża ta’ Eni, peress li din ma setgħetx, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni Polypropilene u tad-deċiżjoni PVC II, tikkontesta r-responsabbiltà li l-Kummissjoni attribwitilha fid-deċiżjoni kkontestata.

280    Il-Kummissjoni tqis li t-teżi tar-rikorrenti tinjora l-ġurisprudenza fuq il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq l-aġir kummerċjali tas-sussidjarja li hija proprjetà 100 % jew kważi. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni ma għandha tipproduċi ebda prova addizzjonali meta l-kumpanniji kkonċernati ma jipproduċux huma stess provi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni, li kien ikun il-każ f’din il-kawża.

281    Skont l-argumenti tal-partijiet jirriżulta li l-kwistjoni prinċipali li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan il-motiv hija l-applikabbiltà tal-preżunzjoni ta’ unità ekonomika bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarji, proprjetà 100 % tal-kumpannija parent, fil-kuntest speċifiku tal-reċidiva, meta s-sussidjarji wettqu ksur penalizzat mill-Kummissjoni għal deċiżjonijiet preċedenti li fihom ir-responsabbiltà għall-azzjonijiet tas-sussidjarji madankollu ma kienx attribwit lill-kumpannija parent.

282    Għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrigwarda l-attivitajiet ta’ impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jħaddan kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u l-mod ta’ finanzjament tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

283    L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ b’hekk jiġi attribwit lil oħra meta l-ewwel waħda ma ddeterminatx l-aġir tagħha fis-suq b’mod indipendenti, fid-dawl b’mod partikolari mar-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 117, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 282 iktar ʼil fuq, punt 58).

284    Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

285    Skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni, il-kumpanniji involuti għandhom jipproduċu kull element dwar ir-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejn is-sussidjarja u l-kumpanniji parent li huma jqisu li huma tali li juru li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiemha, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ eżaminat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 65 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Eni vs Il-Kummissjoni, T‑39/07, Ġabra p. II‑4457, punt 95).

286    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li l-attribuzzjoni a posteriori ta’ responsabbiltà fittizja għall-finijiet ta’ reċidiva, ibbażata fuq preżunzjoni ta’ unità ekonomika bejn sussidjarja u kumpannija parent ibbażata fuq ir-rabtiet kapitalistiċi, trendi l-imsemmija preżunzjoni inkonfutabbli, minħabba li hija ma setgħetx teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża fil-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC II.

287    Il-Kummissjoni tillimita ruħha li tindika, fil-premessi 674 sa 676 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjoni Polypropylene b’mod partikolari kienet indirizzata lil Anic, filwaqt li l-deċiżjoni PVC II b’mod partikolari kienet indirizzata lil EniChem. Skont il-Kummissjoni, dawn id-destinatarji kienu, fid-data tal-ksur rispettiv, parti minn “gruppi li sussegwentement żviluppaw sabiex isiru llum il-grupp Eni”, hekk li Eni diġà kienet destinatarja ta’ deċiżjonijiet preċedenti li jistabbilixxu ksur tal-Artikolu 81 KE.

288    Insegwitu, il-Kummissjoni, abbażi tas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ʼil fuq (punt 290), qieset, fil-premessa 678 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

“[…]Id-deċiżjonijiet [Polypropilene u PVC II] ġew adottati kontra entitajiet li kienu parti ta’ impriża fid-data tat-twettiq tal-ksur [...] Ir-reċidiva tista’ tiġi stabbilita wkoll kontra sussidjarja ta’ grupp b’riferiment għal ksur fil-passat imwettaq minn sussidjarja differenti tal-istess grupp, anki jekk il-kumpannija parent ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni preċedenti [...] Fi kwalunkwe każ, ir-riorganizzazzjonijiet interni ma jistgħux ikollhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ din iċ-ċirkustanza aggravanti. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li hija ma għandha l-ebda obbligu li tindirizza deċiżjoni lill-kumpannija parent, iżda hija libera li jiddetermina l-destinatarja ta’ deċiżjoni.”

289    Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ʼil fuq, kuntrarjament għall-kawża preżenti, ir-rikorrent ma kkontestatx li ż-żewġ sussidjarji u l-kumpannija parent jappartjenu għall-istess impriża, u lanqas irrilevat il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpannija parent fir-rigward tal-attribuzzjoni retrospettiva tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja oħra msemmija fid-deċiżjoni preċedenti. Huwa għal din ir-raġuni li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad ir-rikors mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà lanqas fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża f’dan il-kuntest. Minħabba, madankollu, li, f’din il-kawża, Eni tressaq argumenti sodi f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tistax awtomatikament tittrasponi għal dan il-każ preżenti s-soluzzjoni adottata fis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ʼil fuq.

290    Fit-tieni lok, hemm lok li jsir riferiment għall-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni wara s-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ʼil fuq, fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, ibbażata biss fuq iż-żamma tal-kapital kollu jew kważi tal-kapital tas-sussidjarja mill-kumpannija parent.

291    B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1, punti 104 sa 109), u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punti 153, 167 u 168), il-Qorti Ġenerali enfasizzat l-importanza tal-eżami tal-argumenti tal-impriżi ppenalizzati relatati mal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha.

292    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, peress li Eni ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni Polypropylene lanqas tad-deċiżjoni PVC II, hija ma kellha l-ebda opportunità, fil-proċedimenti amministrattivi li wasslu għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, sabiex tippreżenta l-elementi li jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, li abbażi tagħha, iktar minn erbatax-il sena wara, il-Kummissjoni stabbilixxiet ir-reċidiva fir-rigward tagħha fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

293    Ċertament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest ta’ ċirkustanzi aggravanti, il-Kummissjoni ddikjarat li “qabel jew matul il-ksur għall-inqas Eni, Shell u Total kienu diġà ġew jew kienu d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet preċedenti [tagħha] tal-Kummissjoni dwar akkordji” u tispeċifika li dan kien rigward id-deċiżjoni Polypropylene u d-deċiżjoni PVC II.

294    Madankollu, din l-indikazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rispett għad-drittijiet tad-difiża, li jikkonsisti fl-opportunità effettiva li tipproduċi l-provi tali li jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni.

295    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa waħda, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi fuq impriża multa fil-qasam tal-kompetizzjoni mingħajr ma tkun ikkomunikatilha minn qabel l-ilmenti fir-rigward tagħha, tista’ titqies li hija waħda legali u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippreċiża mingħajr ekwivoku l-persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u għandha tkun indirizzata lil din tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punti 37 u 38, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 282 iktar ʼil fuq, punt 57).

296    Għaldaqstant, ma għandux jiġi ammess li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra, fil-kuntest sabiex tiġi stabbilita ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva, li kumpannija għandha tinżamm li hija responsabbli ta’ ksur preċedenti, li għalih hija ma ġietx issanzjonata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, u fil-kuntest tad-determinazzjoni tagħha, hija ma kinitx destinatarja ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, tali kumpannija ma tpoġġietx fil-pożizzjoni, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur preċedenti, li tippreżenta l-argumenti tagħha sabiex tikkontesta, f’dak li jirrigwardaha, l-eżistenza eventwali ta’ unità ekonomika ma’ impriżi oħra intiża mid-deċiżjoni preċedenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, Ġabra p. II‑5129, punt 319).

297    Tali konklużjoni tapplika iktar u iktar jekk, verament, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li ż-żmien li jgħaddi bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata t-tendenza tal-impriża li tikser dawn ir-regoli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-Kummissjoni ma għandhiex tkun marbuta minn terminu ta’ eventwali preskrizzjoni għal konstatazzjoni ta’ reċidiva (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 160 iktar ʼil fuq, punt 38, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/13, Ġabra p. II‑881, punt 462) u tali konstatazzjoni tista’, għaldaqstant, issir diversi snin wara l-konstatazzjoni ta’ ksur, fil-mument meta l-impriża kkonċernata, fi kwalunkwe każ, ma tkunx tista’ tikkontesta l-eżistenza ta’ tali unità ekonomika, b’mod partikolari jekk tiġi applikata l-preżunzjoni msemmija fil-punt 284 iktar ’il fuq (sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni, punt 296 iktar ʼil fuq, punt 320).

298    Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi ammess li, fil-każ ta’ żamma ta’ kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja, il-kumpannija parent tkun ukoll id-destinatarja tal-avviż indirizzat lis-sussidjarja li jirriżulta mid-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li ssanzjonatha għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, jekk, ċertament, huwa raġonevolment permess li jiġi kkunsidrat li kumpannija parent effettivament tkun taf dwar deċiżjoni preċedenti li l-Kummissjoni indirizzat lis-sussidjarja tagħha, li tagħha hija għandha kważi l-kapital kollu, tali għarfien ma jpattix għall-assenza ta’ konstatazzjoni, fid-deċiżjoni preċedenti, ta’ unità ekonomika bejn tali kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, sabiex tiġi imputata fuq l-imsemmija kumpannija parent ir-responsabbiltà tal-ksur preċedenti u jkun hemm żieda tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom minħabba r-reċidiva (sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni, punt 296 iktar ʼil fuq, punt 322).

299    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li, meta kkonkludiet li hemm ir-reċidiva abbażi tad-deċiżjoni Polypropilene u d-deċiżjoni PVC II li Eni ma kinitx destinatarja u meta attribwiet retrospettivament ir-responsabbiltà lil Eni għall-ksur imwettaq minn Anic u EniChem, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Eni.

300    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni.

301    Il-Kummissjoni tinvoka s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, (T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punti 368 u 389) u tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 147). F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Unjoni kkonfermat il-possibbiltà li tapplika ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva fir-rigward ta’ ksur imwettaq direttament mis-sussidjarji differenti tal-istess kumpannija parent.

302    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-każijiet imsemmija mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tad-difiża, jekk il-Kummissjoni setgħetx legalment tattribwixxi lill-kumpannija parent b’mod retrospettiv ir-responsabbiltà għal ksur imwettaq minn sussidjarja ppenalizzata f’deċiżjoni preċedenti. Għaldaqstant, dawn is-sentenzi ma jistgħux jaffettwaw l-analiżi ta’ dan il-motiv.

303    Dam jgħodd ukoll fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni (T‑343/06).

304    Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, punt 303 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti qajmu, għall-ewwel darba fis-seduta, il-fatt li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom peress li ma tathomx l-opportunità sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpanniji parent fuq is-sussidjarji tagħhom ippenalizzati minn żewġ ksur preċedenti, meħuda inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tar-reċidiva.

305    Il-Qorti Ġenerali madankollu ma eżaminatx dan l-ilment fil-mertu, iżda ċaħdilha minħabba l-invokazzjoni tardiva tagħha bħala inammissibbli, abbażi tal-Artikolu 44(1)(c) u l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

306    Għaldaqstant, is-sentenza Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, punt 303 iktar ʼil fuq, lanqas ma tipprekludi s-soluzzjoni adottata fil-punt 299 iktar ʼil fuq.

307    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi r-raba’ motiv għandu jintlaqa’ u li hemm lok li tiġi rriformata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tar-rikorrent imqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

308    Il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mill-illegalità kkonstatata fil-punt 299 iktar ʼil fuq ser jiġu eżaminati fil-punti 309 et seq iktar ʼil quddiem.

 Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

309    Skont il-premessa 662 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Eni ġie stabbilit għal EUR 13 000 000.

310    Skont il-premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet l-ammont bażiku tal-multa b’60 % minħabba r-reċidiva, u b’hekk l-ammont bażiku jilħaq is-somma ta’ EUR 20 800 000.

311    Sussegwentement, fil-premessa 713 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li, bħala effett dissważiv, minħabba d-daqs ta’ Eni, skont il-paragrafu 30 tal-Linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiżdied ulterjorment billi jiġi applikat koeffiċjent ta’ 1.4. B’hekk, il-Kummissjoni waslet għal ammont bażiku aġġustat ekwivalenti għal EUR 29 120 000. Dan l-ammont jikkorrispondi għall-multa imposta fuq Eni fid-deċiżjoni kkontestata.

312    Fid-dawl tal-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali laħqet wara l-eżami tar-raba’ motiv (ara l-punti 307 u 308 iktar ʼil fuq), għandu jiġi kkalkolat mill-ġdid l-ammont tal-multa billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont bażiku ta’ EUR 13 000 000, iżda mingħajr żieda ta’ 60 % għar-reċidiva.

313    Peress li l-elementi l-oħra għall-kalkolu tal-ammont tal-multa ma nbidlux, l-ammont tal-multa imposta fuq Eni għandha tiġi stabbilita għal EUR 182 000 000.

314    Il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont tal-multa b’hekk iffissat huwa xieraq, minħabba l-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

315    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il‑partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar tat-talbiet tagħhom.

316    F’dan il-każ, il-motivi intiżi li jikkontestaw il-parteċipazzjoni ta’ Eni fl-akkordju ġew miċħuda. Waħda biss mis-sitt motivi mqajma mir-rikorrent kienet milqugħa mill-Qorti Ġenerali, hekk li l-ammont tal-multa imposta fuqha tnaqqset b’37.5 %. Għaldaqstant, ikun hemm evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża meta jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs dawk tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq Eni SpA fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 — Xemgħat tax-xema’), hija ffissata għal EUR 18 200 000.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti minn Eni. Eni għandha tbati nofs l-spejjeż tagħha u nofs dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq il-grupp Eni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel u t-tieni motivi relatati mal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

Fuq il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma

Fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni tal-provi

Fuq id-deskrizzjoni tal-parti prinċipali tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Eni fl-akkordju minħabba l-preżenza tagħha fil-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997

Eżami tal-provi

Fuq il-preżenza ta’ Eni fil-laqgħa teknika tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997 u fuq il-kwistjoni tat-tbegħid tagħha

Konklużjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-akkordju tat-30 u tal-31 ta’ Ottubru 1997

Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Eni fil-ksur bejn il-21 ta’ Frar 2002 u t-28 ta’ April 2005

Fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ Eni fi ftehim jew prattika miftiehma għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ xemgħat tal-paraffin

–  Eżami tal-provi

–  Fuq il-preżenza ta’ Eni fil-laqgħat antikompetittivi u n-nuqqas ta’ laqgħat antikompetittivi u n-nuqqas ta’ tbegħid

–  Fuq l-allegat assenza ta’ interess tar-rikorrenti li tipparteċipa fi ftehimiet jew prattiki miftiehma intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet tax-xemgħat tal-paraffin

–  Fuq l-ispjegazzjoni alternattiva pprovduta mir-rikorrenti

–  Fuq l-allegata assenza ta’ qbil tal-intenzjonijiet

–  Fuq l-allegata assenza ta’ parteċipazzjoni għal prattika miftiehma

Fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ Eni għall-ftehim jew għal-prattika miftiehma sabiex isir skambju ta’ informazzjoni.

2.  Fuq il-motivi mqajma fid-dawl tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-iffissar żbaljat għal 17 % tal-koeffiċjent għall-gravitŕ tal-ksur u tal-ammont addizzjonali msejjaħ “dritt għal dħul”

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza żbaljata tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol marġinali ta’ Eni fl-akkordju u tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet fuq il-prezzijiet bħala ċirkustanza attenwanti

Fuq ir-rwol passiv u/jew marġinali ta’ Eni fl-akkordju

–  Fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-assenza ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet minn Eni

–  Fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-assenza żbaljata ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-negliġenza ta’ Eni bħala ċirkustanza attenwanti

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-istabbiliment żbaljat taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva

Fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa u fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.