Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Domótica

(Kawża T-552/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: A.M. Rochaud-Joët u S. Petrova, aġenti, assistiti minn G. Anastácio u A. R. Andrade, avukati)

Konvenuta: Domótica, Estudo e Projecto de Edificios Inteligents, Lda (Liżbona, il-Portugall)

Talbiet tar-rikorrent

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 124 319. 22 bħala rimbors ta' ħlas bil-quddiem li sar mir-rikorrenti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt Nru BU/466/94 PO/ES, konkluż fil-kuntest tal-programm Thermie u li ġie xolt minħabba nuqqas ta' eżekuzzjoni kuntrattwali min-naħa tal-konvenuta u ta' partijiet kontraenti oħra, flimkien mal-ammont ta' EUR 48 180.00 f'interessi moratorji dovuti sat-30 ta' Settembru 2008 u interessi li għad ikunu dovuti sakemm isir ħlas komplet u effettiv.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fis-17 ta' Jannar 1995, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonkludiet il-kuntratt Thermie Nru BU/466/94 PO/ES mal-konvenuta, ma' Hospitais da Universidade de Coimbra (l-isptarijiet universitarji ta' Coimbra) u mal-kumpannija Técnicas Reunidas, S.A., skont ir-Regolament (KEE) Nru 2008/90.1

Il-konvenuta ntagħżlet bħala l-koordinatriċi tal-proġett u inkarigat ruħha li tibgħat lill-Kummissjoni d-dokumenti neċessarji, u li tkun il-konnessjoni bejn il-partijiet kontraenti u l-Kummissjoni. Il-partijiet kontraenti kienu responsabbli in solidum.

Fl-10 ta' Frar 1995, il-Kummissjoni, skont kif kien stabbilit, ħallset l-ammont ta' 30 % bil-quddiem, jiġifieri EUR 176 693.

Fl-24 ta' Mejju 2000, il-Kummissjoni temmet il-kuntratt, għal ġusta kawża (wara intimazzjoni), billi invokat is-segwenti nuqqasijiet:

dewmien fl-eżekuzzjoni li ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni fi żmien xieraq;

nuqqas ta' kapaċità ta' Domótica li tagħti bidu għall-eżekuzzjoni tal-proġett (li ġie rrikonoxxut minn din tal-aħħar);

il-fatt li r-rapporti finanzjarji u tekniċi ma ntbagħtux lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u skont il-modalitajiet korretti;

il-fatt li x-xogħlijiet ta' eżekuzzjoni ma ntemmux fit-terminu stabbilit oriġinarjament, u lanqas sal-iskadenza tal-proroga mogħtija sussegwentement (31 ta' Awwissu 2000).

Fid-dawl ta' dan l-aġir illegali tal-partijiet kontraenti, l-obbligi kuntrattwali li kellhom ma ġewx osservati.

Il-kuntratt kien jipprovdi l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li titlob ir-rimbors totali jew parzjali tal-għajnuna finanzjarja, flimkien mal-interessi fil-każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni min-naħa tal-partijiet kontraenti.

Il-Kummissjoni għandha dritt għal rimbors ta' EUR 172 499.22, ekwivalenti għall-ammont imħallas bil-quddiem, flimkien mal-interessi dovuti, b'effett mill-10 ta' Frar 1995, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta' eżekuzzjoni parzjali sostnuti mill-konvenuta, kif mitlub mill-Kummissjoni, ammont li għad jiżdied bl-interessi li għad ikunu dovuti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2008/90, tad-29 ta' Ġunju 1990, dwar il-promozzjoni tat-teknoloġija tal-enerġija fl-Ewropa (programm Thermie) (ĠU L 185, p. 1).