Language of document :

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Jannar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Artikoli 4 sa 7 –– Dikjarazzjonijiet ta’ drittijiet li jinsabu fl-Annessi I u II – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Ittra tad-drittijiet mal-arrest – Dritt għall-informazzjoni dwar l-akkużi – Dritt ta’ aċċess għall-atti tal-proċess – Persuna arrestata b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”

Fil-Kawża C-649/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura kriminali kontra

IR,

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn T. Machovičová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn S. Grünheid u Y.G. Marinova kif ukoll minn R. Troosters, sussegwentement minn S. Grünheid u Y. G. Marinova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 1(3), l-Artikolu 8 tal-formola li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”) u dwar il-validità ta’ din tal-aħħar.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra IR għal reati marbuta mal-ittraffikar ta’ sigaretti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584

3        Il-premessi 5, 6 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistipulaw:

“(5)      […] ’Il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata ta’ ċediment ta’ persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. […]

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [TUE] u riflessi fil-Karta […], partikolarment il-[Titolu] VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid ta’ ċediment ta’ persuna għal liema mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna jista’ jiġi ppreġudikat għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

Din id-Deċiżjoni [Qafas] ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati mal-proċess ġust, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’mezzi tax-xandir oħra.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 [TUE].”

5        L-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-forma li tinsab fl-Anness:

(a)      l-identità u nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

(b)      l-isem, indirizz, numri tat-telefon u l-fax u indirizz ta’ l-e-mail ta’ l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat;

(ċ)      il-prova ta’ sentenza li tista’ tiġi nfurzata, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi nfurzata oħra li għandha l-istess effett, li taqa’ fl-iskop ta’ l-Artikoli 1 u 2;

(d)      in-natura u l-klassifikazzjoni legali ta’ l-offiża, partikolarment fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

(e)      deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettqet l-offiża, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fl-offiża mill-persuna rikjesta.

(f)      il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni preskritta għall-offiża taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

(g)      jekk possibbli, konsegwenzi oħra ta’ l-offiża.

2. Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi tradott fl-ilsien uffiċjali jew waħda mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi. Kwalunkwe Stat Membru jista’, meta din id-Deċiżjoni Kwadru hi adottata jew f’data aktar tard, jiddikjara f’dikjarazzjoni depositata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li hu ser jaċċetta traduzzjoni fi waħda jew aktar mill-ilsna uffiċjali oħra ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Kommunitajiet Ewropej.”

6        Fl-Anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tidher formola li tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

 Id-Direttiva 2012/13

7        Il-premessi 3, 11, 14, 21, 27, 28 u 39 tad-Direttiva 2012/13 jipprovdu li:

“(3)      L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt safejn jasal ir-rikonoxximent reċiproku jiddipendi ħafna fuq numru ta’ parametri, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

[…]

(11)      Fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali [ĠU 2009, C 295, p. 1.] (minn issa ‘il-Pjan Direzzjonali’) […]

[…]

(14)      Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżura B tal-Pjan Direzzjonali. Din tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u dwar l-akkuża li tingħata lil persuni suspettati jew akkużati li kkommettew reat, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva tibni fuq id-drittijiet stabbiliti fil-Karta, u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 5 u 6 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)] kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-verżjoni Ingliża ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘akkuża’ (accusation) jintuża sabiex jiddeskrivi l-istess kunċett tat-terminu ‘akkuża’ (charge) użat fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB

[…]

(21)      Ir-referenzi f’din id-Direttiva għal suspettati jew persuni akkużati li huma arrestati jew miżmuma, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal kwalunkwe sitwazzjoni fejn, matul il-proċeduri kriminali, is-suspettati jew il-persuni akkużati huma privati mil-libertà tagħhom fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c) tal-KEDB, kif interpretat mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

[…]

(27)      Persuni akkużati li wettqu reat kriminali għandhom jingħataw kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuża biex tgħinhom iħejju d-difiża tagħhom u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ġustizzja tal-proċeduri.

(28)      L-informazzjoni provduta lis-suspettati jew lill-persuni akkużati dwar ir-reat kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li kkommettew għandha tingħata fil-pront, u mhux aktar tard minn qabel l-ewwel intervista uffiċjali tagħhom mill-pulizija jew awtorità kompetenti oħra, u mingħajr ma jippreġudika l-kors tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Deskrizzjoni tal-fatti, inkluż, fejn magħrufa, il-ħin u l-post, relatati mal-att kriminali li l-persuni jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu, u l-klassifikazzjoni legali possibbli tal-allegat reat għandhom jingħataw f’dettall suffiċjenti, filwaqt li jittieħed f’konsiderazzjoni l-istadju tal-proċeduri kriminali meta tingħata tali deskrizzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u sabiex jiġi permess l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża.

[…]

(39)      Id-dritt li wieħed ikun informat bil-miktub dwar id-drittijiet tiegħu waqt l-arrest kif previst f’din id-Direttiva għandu japplika wkoll, mutatis mutandis, għall-persuni arrestati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, skont id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 […]. Sabiex jgħin lill-Istati Membri jifformulaw Ittra tad-Drittijiet għal dawn il-persuni, mudell huwa provdut fl-Anness II tad-Direttiva. Dak il-mudell huwa indikattiv u jista’ jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u wkoll meta l-miżuri kollha tal-Pjan Direzzjonali jkunu daħlu fis-seħħ.”

8        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. […] Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.”

9        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

a)      id-dritt ta’ aċċess għal avukat;

b)      kwalunkwe dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kondizzjonijiet biex jinkiseb tali parir;

c)      id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

d)      id-dritt għal interpretar u traduzzjoni;

e)      id-dritt li persuna tibqa’ siekta.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli.”

10      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jippreskrivi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suspettati jew persuni akkużati, li jiġu arrestati jew detenuti jkunu provduti fil-pront b’Ittra tad-Drittijiet bil-miktub. Huma għandhom jingħataw l-opportunità li jaqraw l-Ittra tad-Drittijiet u għandhom jitħallew iżommuha fil-pussess tagħhom matul iż-żmien kollu li huma jkunu imċaħħdin mil-libertà.

2.      Barra mill-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, l-Ittra tad-Drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi informazzjoni dwar id-drittijiet li ġejjin hekk kif japplikaw fil-liġi nazzjonali:

a)      id-dritt ta’ aċċess għall-materjal tal-każ [atti tal-proċess];

b)      id-dritt li l-awtoritajiet konsulari u persuna waħda jiġu informati;

c)      id-dritt ta’ aċċess għal għajnuna medika urġenti;

d)      in-numru massimu ta’ sigħat jew ġranet li s-suspettati jew il-persuni akkużati jistgħu jiġu mċaħħda mil-libertà qabel ma jittellgħu quddiem awtorità ġudizzjarja.

3.      L-Ittra tad-Drittijiet għandha tinkludi wkoll informazzjoni bażika dwar kwalunkwe possibiltà, taħt il-liġi nazzjonali, biex tiġi kkontestata l-legalità tal-arrest; li jinkiseb rieżami tad-detenzjoni jew issir talba għal-libertà provviżorja.

4.      L-Ittra tad-Drittijiet għandha tiġi abbozzata b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli. Mudell indikattiv tal-Ittra tad-Drittijiet jinsab fl-Anness I.

5.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jirċievu l-Ittra tad-Drittijiet bil-miktub b’lingwa li jifhmu. Fejn l-Ittra tad-Drittijiet mhix disponibbli fil-lingwa xierqa, is-suspettati jew il-persuni akkużati għandhom jiġu informati bid-drittijiet tagħhom bil-fomm u b’lingwa li jifhmu. Imbagħad, għandha tingħatalhom Ittra tad-Drittijiet f’lingwa li jifhmu, mingħajr dewmien żejjed.”

11      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/13 jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni li jiġu arrestati għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew jiġu provduti fil-pront b’Ittra ta’ Drittijiet xierqa li jkun fiha informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont il-liġi li timplimenta d-Deċiżjoni Kwadru [2002/584] fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

2.      L-Ittra tad-Drittijiet għandha tiġi abbozzata b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli. Mudell indikattiv tal-Ittra tad-Drittijiet jinsab fl-Anness II.”

12      Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.”

13      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Meta persuna tiġi arrestata u detenuta fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dokumenti relatati mal-każ speċifiku fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti u li jkunu essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv skont il-liġi nazzjonali l-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, isiru disponibbli għall-persuni arrestati jew lill-avukati tagħhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess tal-anqas għall-materjal kollu fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti, kemm jekk favur jew kontra s-suspettati jew il-persuni akkużati, lil dawk il-persuni jew lill-avukat tagħhom sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u bi tħejjija għad-difiża tagħhom.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-aċċess għall-materjal imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jingħata fiż-żmien debitu biex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu fil-pussess ta’ aktar provi materjali, għandu jingħata aċċess għalihom fi żmien debitu biex ikun jista’ jiġi kkunsidrat.

4.      B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, sakemm dan ma jippreġudikax id-dritt għal proċess ġust, l-aċċess għal ċertu materjal jista’ jinċaħad jekk tali aċċess jista’ jwassal għal theddida serja għall-ħajja jew għad-drittijiet fundamentali ta’ persuna oħra jew jekk tali ċaħda tkun strettament meħtieġa biex jiġi salvagwardjat interess pubbliku importanti, bħal f’każijiet fejn l-aċċess ikun jista’ jippreġudika investigazzjoni li tkun għaddejja jew jikkawża ħsara serja għas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru li fih jiġu mressqa l-proċeduri kriminali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, deċiżjoni li tiċħad l-aċċess għal ċertu materjal taħt dan il-paragrafu tittieħed minn awtorità ġudizzjarja jew tkun tal-inqas soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja.

5.      L-aċċess, kif imsemmi f’dan l-Artikolu għandu jingħata mingħajr ħlas.”

14      Fl-Anness I tad-Direttiva 2012/13 hemm mudell indikattiv ta’ dikjarazzjonijiet ta’ dazji. L-iskop uniku ta’ dan il-mudell “huwa li jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jifformulaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri mhumiex marbuta sabiex jużaw dan il-mudell. Meta jkunu qed jippreparaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jemendaw dan il-mudell sabiex jallinjawh mar-regoli nazzjonali tagħhom u jżidu informazzjoni addizzjonali li tkun utli. L-Ittra tad-Drittijiet għandha tingħata mal-arrest jew detenzjoni. Dan mandankollu ma jipprojbixxix l-Istati Membri milli jagħtu lis-suspettati jew lill-persuni akkużati informazzjoni bil-miktub f’sitwazzjonijiet oħra matul il-proċeduri kriminali.”

15      L-imsemmi mudell fih tmien taqsimiet ta’ informazzjoni.

16      Fl-Anness II tad-Direttiva 2012/13 hemm mudell indikattiv ta’ dikjarazzjoni tad-drittijiet għall-persuni arrestati fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-iskop uniku ta’ dan il-mudell “huwa li jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jifformulaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri mhumiex marbuta sabiex jużaw dan il-mudell. Meta jkunu qed jippreparaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jemendaw dan il-mudell sabiex jallinjawh mar-regoli nazzjonali tagħhom u jżidu informazzjoni addizzjonali li tkun utli.”

17      L-imsemmi mudell fih ħames taqsimiet ta’ informazzjoni.

 Id-dritt Bulgaru

18      Iż-Zakon za ekstraditsiata i evropeyskata zapoved za arest (il-Liġi dwar l-Estradizzjoni u l-Mandat ta’ Arrest Ewropew) (DV Nru 46 tal-2005) timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584. L-Artikolu 37 ta’ din il-liġi u l-formola annessa magħha jikkorrispondu għall-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas u għall-formola li tinsab fl-anness ta’ din tal-aħħar.

19      It-tieni sentenza tal-Artikolu 65(3) u l-punt 4 (b) tal-Artikolu 269(3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) ma jipprekludux l-użu tar-rimedji ġudizzjarji meta l-persuna tiġi arrestata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

20      L-Artikolu 55 tan-NPK u l-Artikoli 72 sa 74 taż-Zakon za Ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, iktar ’il quddiem iż-“ZMVR”) jipprevedu li l-persuna arrestata fil-Bulgarija, mill-awtoritajiet Bulgari, wara mandat ta’ arrest nazzjonali, hija informata dwar id-drittijiet li hija għandha bħala persuna arrestata u wkoll dawk li hija għandha bħala persuna akkużata. Skont l-Artikolu 72(4) taż-ZMVR kif ukoll skont l-Artikoli 65 u 270 tan-NPK, il-persuna arrestata għandha tiġi informata bid-dritt li tippreżenta rikors kontra l-mandat ta’ arrest u li tieħu konjizzjoni tad-dokumenti kollha tal-kawża fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Hija għandu jkollha kuntatt dirett mal-avukat tagħha, anki jekk jitwettaq ex officio. Barra minn hekk, il-qorti għandha tibgħat ex officio lill-persuna arrestata kopja tal-att ta’ akkuża, li fiha l-atti li huma s-suġġett tal-akkuża huma deskritti fid-dettall, kif ukoll id-digriet li jistabbilixxi d-data tas-seduta, li fih huma deskritti fid-dettall id-drittijiet li hija għandha fil-proċedura ġudizzjarja. Il-persuna arrestata, informata bid-drittijiet tagħha kif ukoll dwar iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt li jirrigwardaw l-arrest tagħha, tista’ tippreżenta rikors kontra din tal-aħħar quddiem il-qorti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) ressaq proċeduri kriminali kontra IR, akkużat li pparteċipa fi grupp kriminali organizzat bil-għan li jwettaq reati fiskali. Matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, li għaliha kien suġġett u li matulha rrikorra għas-servizz ta’ żewġ avukati magħżula minnu, IR ġie informat biss b’uħud mid-drittijiet tiegħu bħala persuna akkużata.

22      Mal-bidu, fl-24 ta’ Frar 2017, tal-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali kontra IR, dan tal-aħħar kien telaq mid-dar tiegħu u ma setax jiġi llokalizzat. Iż-żewġ avukati li kienu rrappreżentawh matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali ddikjaraw li ma baqgħux jirrappreżentawh. Avukat ġdid ġie maħtur ex officio sabiex jirrappreżentah.

23      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ April 2017, ikkonfermat fl-appell fid-19 ta’ April 2017, il-qorti tar-rinviju adottat miżura ta’ arrest preventiv kontra IR, li tikkostitwixxi mandat ta’ arrest nazzjonali. IR ma pparteċipax fil-proċedura u ġie difiż mill-avukat maħtur ex officio.

24      Fil-25 ta’ Mejju 2017, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra IR li baqa’ ma nstabx. L-avukat maħtur ex officio sabiex jirrappreżentah ġie ssostitwit minn avukat ġdid li wkoll inħatar ex officio.

25      Peress li l-qorti tar-rinviju ma kinitx ċerta li l-mandat ta’ arrest Ewropew li hija kienet ħarġet fir-rigward ta’ IR kien konformi mad-dritt tal-Unjoni, minħabba li ċerti drittijiet li din il-persuna setgħet tinvoka taħt id-dritt Bulgaru ma kinux inġabu għall-konjizzjoni tagħha, hija ddeċidiet li tannulla dan il-mandat ta’ arrest.

26      Hija tenfasizza li, peress li ddeċidiet li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid fir-rigward ta’ IR, hija tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet dwar l-informazzjoni li għandha tingħaqad mal-imsemmi mandat, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2012/13.

27      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jirriżultax b’mod ċar jekk l-Artikolu 4, l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) tagħha japplikawx għal persuna li ġiet arrestata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

28      Għandu jiġi stabbilit jekk il-persuni arrestati abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jistgħux jinvokaw mhux biss id-drittijiet imsemmija espressament fl-Artikolu 5 fl-Anness II tad-Direttiva 2012/13, iżda wkoll dawk imsemmija fl-Artikolu 4 fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Din il-kwistjoni tqum ukoll għad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) u fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, peress li ma huwiex ċert li l-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tinvokah fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat.

29      Fit-tieni lok, fil-każ li jkun hemm lok li jitqies li l-persuna arrestata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkollha d-drittijiet kollha li hija kienet tibbenefika minnhom li kieku ġiet arrestata fit-territorju tal-Istat Membru emittenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikun jista’ jinbidel sabiex, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2012/13, jissemmew ir-rimedji ġudizzjarji possibbli kontra dawn il-mandati ta’ arrest li kienet ħarġet din il-qorti.

30      Fit-tielet lok, kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni li tinsab fil-formola tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ma setgħetx tiġi kkompletata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huma l-mezzi l-oħra sabiex jiġi ggarantit eżerċizzju reali u effettiv tad-drittijiet li għandu IR skont id-Direttiva 2012/13 immedjatament wara li jkun ġie arrestat fi Stat Membru ieħor abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Wieħed minn dawn il-motivi jista’ jikkonsisti f’li din il-persuna tkun informata bid-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva u bir-raġunijiet għall-arrest tagħha skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll bid-dritt tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva. Dan jista’ jwassal biex il-qorti tar-rinviju, li ħarġet il-mandat ta’ arrest Ewropew, tibgħat lill-imsemmija persuna, wara li tkun saret taf bl-arrest tagħha, l-Ittra tad-Drittijiet f’każ ta’ arrest, kopja tal-mandat ta’ arrest nazzjonali u tal-provi relatati miegħu, kif ukoll id-dettalji tar-rappreżentant tagħha u, jekk hija titlob dan, kopja tad-dokumenti l-oħra tal-kawża li jikkonċernawha.

31      Fir-raba’ lok, fil-każ li jitqies li l-qorti emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha l-possibbiltà jew li tikkompleta t-test tal-imsemmi mandat, billi żżid informazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuna arrestata, jew li tinforma lill-persuna arrestata bid-drittijiet tagħha wara l-arrest tagħha, mingħajr madankollu ma jkollha l-obbligu li taġixxi b’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju tqis li tqum il-kwistjoni tal-validità tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li ma tiggarantixxix eżerċizzju reali tad-drittijiet li l-persuna arrestata skont id-Direttiva 2012/13 kif ukoll tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-drittijiet tal-persuna akkużata taħt l-Artikolu 4 (u b’mod partikolari taħt l-Artikolu 4(3)), taħt l-Artikolu 6(2) u taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2012/13] japplikaw għal persuna akkużata li tkun ġiet arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva: l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni [Kwadru 2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti bidla fil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew konformement mal-formula li tinsab annessa u b’mod partikolari fis-sens li jippermetti l-introduzzjoni ta’ test ġdid f’din il-formola dwar id-drittijiet tal-persuna rikjesta fil-konfront tal-qrati tal-Istat emittenti għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonal u tal-mandat ta’ arrest Ewropew?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: ikun konformi mal-premessa 12 u mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni [Kwadu 2002/584], mal-Artikolu 4, mal-Artikolu 6(2) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13, u mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jekk mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ b’mod kompletament konformi mal-formola li tinsab annessa (jiġifieri, mingħajr ma l-persuna rikjesta ma tiġi informata dwar id-drittijiet tagħha quddiem il-qorti emittenti) u, hekk kif issir taf bl-arrest ta’ din il-persuna, il-qorti emittenti tinformaha dwar id-drittijiet tagħha u tibgħatilha id-dokumenti rilevanti?

4)      Fil-każ li ma jkunx hemm mezz legali ieħor sabiex jiġu żgurati d-drittijiet taħt l-Artikolu 4, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 4(3), taħt l-Artikolu 6(2) u taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13 tal-persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tkun valida?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

33      Il-Gvern Ġermaniż jesprimi riżervi dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba li ma teżistix tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fir-rigward ta’ IR ġie annullat. Id-domandi magħmula jidhru għalhekk ipotetiċi u, barra minn hekk, jagħmlu sens biss għall-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid, fil-każ li IR ma tibqax fit-territorju Bulgaru.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk ikunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C‑53/03, EU:C:2005:333, punt 29, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2020, Anesco et, C‑462/19, EU:C:2020:715, punt 36).

35      Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, ladarba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata tiddeċiedi (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2019, Winterhoff u Eisenbeis, C‑4/18 u C‑5/18, EU:C:2019:860, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, in-natura attwali tat-tilwima u n-natura ġudizzjarja tal-proċedura ma għandhomx dubju, peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur speċjalizzat beda proċeduri kriminali, li għadhom għaddejjin, kontra IR li hija akkużata li pparteċipat fi grupp kriminali organizzat bil-għan li jitwettqu reati fiskali u li għalih avukat ikun ġie appuntat ex officio.

38      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-qorti tar-rinviju tindika li hija qiegħda tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta, skont ir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula, mandat ta’ arrest Ewropew ġdid kontra IR. B’dan il-mod, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-domandi magħmula ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

39      Barra minn hekk il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandu bħala konsegwenza l-arrest possibbli tal-persuna rikjesta u, għaldaqstant, jippreġudika l-libertà individwali ta’ din tal-aħħar. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ tali mandat, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali primarjament hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti. Għall-finijiet li tinkiseb garanzija ta’ dawn id-drittijiet – li tista’ twassal awtorità ġudizzjarja tieħu deċiżjoni ta’ rtirar tal-MAE maħruġ minnha –, huwa importanti li tali awtorità tiddisponi mill-fakultà li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punti 28 u 29).

40      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

41      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet imsemmija fihom humiex applikabbli għall-persuni arrestati b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 44, u tas-6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 61).

43      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2012/13 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati li huma arrestati jew detenuti jirċievu malajr dikjarazzjoni ta’ drittijiet bil-miktub. L-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva jispeċifika li din l-ittra tad-drittijiet għandha tinkludi informazzjoni bażika dwar kwalunkwe possibbiltà, taħt id-dritt nazzjonali, li tiġi kkontestata l-legalità tal-arrest; li jinkiseb eżami mill-ġdid tad-detenzjoni jew li ssir talba għal-libertà provviżorja.

44      L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jirrigwarda wkoll il-persuni suspettati u l-persuni akkużati li huma arrestati jew detenuti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu.

45      Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13, li jipprovdi li, meta persuna tiġi arrestata u detenuta fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dokumenti relatati mal-każ speċifiku fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti u li jkunu essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv skont il-liġi nazzjonali l-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, isiru disponibbli għall-persuni arrestati jew lill-avukat tagħhom tikkonċerna wkoll is-suspettati u l-persuni akkużati msemmija qabel, kif jidher minn qari kombinat ta’ dan il-paragrafu mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu.

46      Għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat jekk il-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jifformawx parti mill-persuni ssuspettati u mill-persuni akkużati li huma arrestati jew detenuti fis-sens tad-Direttiva 2012/13 u li għalihom huma applikabbli d-drittijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom kif ukoll l-għan tad-Direttiva 2012/13.

48      Fir-rigward tal-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/13 jirrigwarda, b’mod espress, id-drittijiet tal-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-persuni jirċievu malajr dikjarazzjoni ta’ drittijiet xierqa li jkun fiha informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom konformement mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jimplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Skont il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, mudell indikattiv ta’ dikjarazzjoni jinsab fl-Anness II tal-imsemmija direttiva.

49      Dan l-istess artikolu għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 39 tad-Direttiva 2012/13, li tippreċiża li d-dritt għal informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet tiegħu waqt l-arrest kif previst f’din id-direttiva għandu japplika biss mutatis mutandis għall-persuni arrestati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fejn din il-premessa tirreferi, għal dan il-għan, għall-mudell indikattiv biss li jinsab fl-Anness II ta’ din id-direttiva sabiex tgħin lill-Istati Membri jirrediġu dikjarazzjoni tad-drittijiet għal dawn il-persuni.

50      Għandu jiġi rrilevat li dan il-mudell indikattiv huwa differenti minn dak li jinsab fl-Anness I tal-imsemmija direttiva u li jissemma fl-Artikolu 4 tagħha, li jikkonċerna d-dikjarazzjoni ta’ drittijiet li għandhom jiġu trażmessi lill-persuni ssuspettati u lill-persuni akkużati li jkunu arrestati jew detenuti.

51      Fil-fatt, anki jekk, kif jirriżulta espressament mill-parti introduttiva tal-Annessi I u II tad-Direttiva 2012/13, l-Istati Membri jistgħu jemendaw dawn iż-żewġ mudelli indikattivi sabiex jadattawhom għar-regoli nazzjonali tagħhom u jżidu informazzjoni utli oħra, l-imsemmija mudelli jinkludu biss intestatura identika waħda, jiġifieri dik dwar l-assistenza ta’ avukat. L-intestaturi l-oħra ta’ dawn l-istess mudelli huma, kif jirriżulta mit-titolu jew mill-kontenut tagħhom, speċifiċi għad-drittijiet kemm tal-persuna suspettata jew tal-persuna suġġetta għall-prosekuzzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, f’dak li jirrigwarda l-Anness I tad-Direttiva 2012/13, jew tal-persuna arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, għal dak li jikkonċerna l-Anness II tagħha.

52      Għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2012/13 ma tipprevedi li l-persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tirċievi dikjarazzjoni bil-miktub li takkumula l-informazzjoni li tinsab fiż-żewġ mudelli indikattivi li jinsabu fl-Annessi I u II ta’ din id-direttiva.

53      Barra minn hekk, peress li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati li huma arrestati jew detenuti, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/13, moqri fid-dawl tal-premessa 39 tagħha, iwassal sabiex jitqies li dawn ma jikkonċernawx il-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

54      Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva, li tgħid li r-riferimenti f’din id-direttiva għal persuni suspettati jew akkużati li huma arrestati jew detenuti għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għal kull sitwazzjoni fejn, matul il-proċeduri kriminali, il-persuni suspettati jew akkużati jiċċaħħdu mil-libertà tagħhom fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

55      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha individwu jkun ġie arrestat u detenut sabiex jiġi mmexxi quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, meta jkun hemm suspett raġonevoli li huwa wettaq reat jew li hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li huwa ma wettaqx reat jew li jaħrab wara t-twettiq tiegħu. Din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik prevista fl-Artikolu 5(1) (f) tal-KEDB, jiġifieri l-arrest jew id-detenzjoni skont il-liġi ta’ persuna sabiex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew li kontra tagħha tkun qed issir proċedura għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni. Dan l-aħħar każ jikkorrispondi għall-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilit bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

56      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13 fid-dawl tal-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li skontha dawn tal-aħħar ma japplikawx għall-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija kkonfermata wkoll mill-għanijiet ta’ din id-direttiva.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13, li jsemmi s-suġġett tagħha, jiddistingwi d-drittijiet tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati minn dawk tal-persuni suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew. Għalhekk, dan l-artikolu jipprovdi li din id-direttiva tiddefinixxi r-regoli dwar id-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u bl-akkuża kontrihom. Hija tindika li hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.

58      Mill-qari konġunt ta’ dan l-artikolu u tal-premessi 14, 27 u 39 tad-Direttiva 2012/13 jirriżulta li din għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni tal-persuni ssuspettati bi ksur jew akkużati f’dan ir-rigward, sabiex ikunu jistgħu jippreparaw id-difiża tagħhom u li jiggarantixxu n-natura ekwa tal-proċedura, iżda li hija intiża wkoll li tippreżerva l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

59      F’dan il-kuntest, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni Ewropea li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażata fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2020, Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof (Prinċipju ta’ speċjalità) C‑195/20 PPU, EU:C:2020:749, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Billi fl-Artikolu 5 tagħha tipprovdi li l-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jirċievu malajr dikjarazzjoni ta’ drittijiet xierqa li jkun fiha informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jimplementa d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-Direttiva 2012/13 tikkontribwixxi b’mod effikaċi għal dan l-għan ta’ semplifikazzjoni u ta’ ħeffa tal-proċedura.

61      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew, li nħareġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, hija kkonsenjata lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti ta’ dan il-mandat, hija tikseb il-kwalità ta’ “persuna mħarrka” fis-sens tad-Direttiva 2012/13 u tibbenefika mid-drittijiet kollha marbuta ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 4, 6 u 7 ta’ din id-direttiva. B’hekk hija tista’ tipprepara d-difiża tagħha u tiġi ggarantita n-natura ekwa tal-proċedura, skont l-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4, b’mod partikolari l-paragrafu 3 tiegħu, l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet imsemmija fih ma humiex applikabbli għall-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

 Fuq it-tieni domanda

63      Peress li t-tieni domanda saret biss fil-każ li l-Artikolu 4, l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-drittijiet imsemmija fih huma applikabbli għall-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

64      Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dawl tad-Direttiva 2012/13 u tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, sa fejn din id-deċiżjoni qafas tipprevedi li l-informazzjoni kkomunikata lill-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija limitata għal dik imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas u li tinsab fil-formola fl-anness tagħha kif ukoll fil-mudell tal-Anness II ta’ din id-direttiva.

65      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-legalità interna ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl ta’ att ieħor tal-Unjoni tal-istess livell normattiv, ħlief jekk ikun ġie adottat b’applikazzjoni ta’ dan l-aħħar att jew jekk huwa espressament previst, f’wieħed minn dawn iż-żewġ atti, li wieħed l-ieħor (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑620/18, EU:C:2020:1001, punt 119).

66      F’dan il-każ, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Direttiva 2012/13 huma t-tnejn atti tad-dritt sekondarju u d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma ġietx adottata skont id-Direttiva 2012/13, li barra minn hekk ġiet warajha. Barra minn hekk, ma huwiex previst espressament li wieħed minn dawn iż-żewġ atti jipprevali fuq l-ieħor. Konsegwentement, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-validità tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/13.

67      Min-naħa l-oħra, għandha tiġi eżaminata l-validità ta’ din id-deċiżjoni qafas fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta.

68      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod iktar partikolari, jekk, meta d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 6(2) u fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2012/13 ma jkunux applikabbli għall-persuni arrestati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, isir impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-persuni msemmija li jikkontestaw il-mandati ta’ arrest nazzjonali u Ewropej maħruġa kontrihom.

69      B’mod partikolari, mill-punt 70 tas-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), jirriżulta li d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun suġġetta, fl-Istat Membru emittenti, għal rimedju ġudizzjarju li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Issa, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ effettivament teżerċita d-drittijiet mogħtija lilha mid-Direttiva 2012/13, hija għandha tgawdi minnhom mhux biss wara l-konsenja tagħha lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti, iżda mill-mument tal-arrest tagħha fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, din ma jistax ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE.

71      Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta (sentenzi tat-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik, C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna), C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punt 27).

72      F’dan il-kuntest, meta mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għall-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta għat-twettiq ta’ proċeduri kriminali, din il-persuna għandha tkun ibbenefikat, fl-ewwel stadju tal-proċedura, mill-garanziji proċedurali u mid-drittijiet fundamentali, li l-protezzjoni tagħhom għandha tiġi żgurata mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 66, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna), C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punt 33).

73      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li s-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tinkludi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet fil-qasam tal-proċedura u tad-drittijiet fundamentali li għandha tibbenefika minnhom il-persuna rikjesta, peress li, għall-protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-ewwel livell, fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, flimkien ma’ dik li għandha tiġi żgurata fit-tieni livell, mal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li tista’ sseħħ, jekk ikun il-każ, f’termini qosra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 67; tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna), C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punt 34, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Grand-Dukat tal-Lussemburgu u Openbaar Ministerie (Prosekuturi pubbliċi ta’ Lyon u Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 59).

74      Peress li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa ta’ natura li jippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiġi adottata, tal-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli tal-imsemmija protezzjoni (sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 68, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Openbaar Ministerie (Prosekuturi pubbliċi ta’ Lyon u Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 60).

75      B’mod partikolari, it-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata jippreżupponi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għal din ix-xandira u teżamina b’mod oġġettiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li tiġi suġġetta għal istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv, jekk l-imsemmija xandira hijiex ta’ natura proporzjonata (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      Għandu jingħad ukoll li, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tagħmel parti minn sistema globali ta’ garanziji dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti minn leġiżlazzjonijiet oħra tal-Unjoni, fosthom id-Direttiva 2012/13, li ġew adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u li jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw lill-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew sabiex teżerċita d-drittijiet tagħha.

77      Issa, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew, li nħareġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, tikseb, mill-mument tal-konsenja tagħha lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti ta’ dan il-mandat, il-kwalità ta’ “persuna mħarrka”, fis-sens tad-Direttiva 2012/13, u tibbenefika għalhekk mid-drittijiet kollha marbuta ma’ din il-kwalità previsti fl-Artikoli 4, 6 u 7 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li hija tista’ tipprepara d-difiża tagħha u tiġi ggarantita n-natura xierqa tal-imsemmija proċedura.

78      Barra minn hekk, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għall-konsenja tal-persuna kkonċernata minn tali mandat ta’ arrest Ewropew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 8(1) (d) u (e) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jinkludi informazzjoni dwar in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, kif ukoll id-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi tat-twettiq tar-reat, inkluż il-mument, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni tal-persuna rikjesta. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-informazzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13.

79      Min-naħa l-oħra, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jeżiġix li d-dritt għal azzjoni legali previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti kontra d-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jkun jista’ jiġi eżerċitat qabel il-konsenja tal-persuna kkonċernata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punti 69 sa 71).

80      L-ebda ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jista’, għalhekk, jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-persuna milquta minn mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali ma tkunx informata bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli fl-Istat Membru emittenti u tikseb l-aċċess għall-atti tal-proċess biss wara l-konsenja tagħha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tat-tielet u tar-raba’ domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4, b’mod partikolari l-paragrafu 3 tagħha, l-Artikolu 6, paragrafu 2, u l-Artikolu 7, paragrafu 1 tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet imsemmija fih ma humiex applikabbli għal persuni arrestati għall-iskop li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew.

2)      L-eżami tat-tielet u r-raba’ mistoqsijiet ma żvela l-ebda fattur ta’ tali tip li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, fir-rigward tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.