Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Bulgarija) fl-10 ta’ Marzu 2021 – “NIKOLOPIS AD ISTRUM 2010” EOOD vs Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”

(Kawża C-160/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Veliko Tarnovo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “NIKOLOPIS AD ISTRUM 2010” EOOD

Konvenut: Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”

Domandi preliminari

It-terminu “pagament” li jintuża fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 1 , ifisser li l-proċedura dwar talba għal pagament hija mitmuma?

Il-fatt li l-bidwi jkun effettivament kiseb is-somma mitluba minnu huwa ekwivalenti għal tweġiba pożittiva mill-aġenzija tal-pagamenti għat-talba għall-attivazzjoni tad-drittijiet għal pagamenti u, għaldaqstant, il-fatt li ma jkunx irċieva s-somma ta’ flus minkejja li l-ħlas tal-ammonti koperti mill-miżura inkwistjoni jkun ġie ddikjarat pubblikament huwa ekwivalenti għaċ-ċaħda tad-drittijiet għall-pagament mitluba, f’sitwazzjoni fejn il-persuna ma tkunx ġiet informata bl-estensjoni tal-proċedura minħabba verifiki ġodda?

It-terminu previst fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jobbliga lill-Istati Membri jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà qabel l-iskadenza tiegħu, b’tali mod li t-tkomplija ta’ dawn il-verifiki hija permessa biss f’każijiet eċċezzjonali?

F’sitwazzjoni fejn il-bidwi ma jkunx ġie informat dwar it-twettiq ta’ verifiki addizzjonali u fl-assenza ta’ dokument miktub dwar tali verifiki, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jikkostitwixxi rifjut impliċitu ta’ pagament tal-għajnuna?

____________

1     ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83.