Language of document : ECLI:EU:T:2004:289

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

5 ta' Ottubru 2004(*)

"Persunal impjegat fl-intrapriża konġunta JET – Trattament ugwali – Nuqqas li jingħata l-istatus ta' aġent temporanju – Artikolu 152 KEEA – Terminu raġonevoli – Dannu materjali subit"

Fil-kawża T-45/01,

Stephen Sanders, li jirrisjedi f'Oxon (Ir-Renju Unit), u l-94 rikorrent li l-isem tagħhom jidher fl-anness, irrappreżentati minn P. Roth, QC, I. Hutton, u A. Howard, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u L. Escobar Guerrero, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta mill-

Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J.-P. Hix u A. Pilette, u wara minn J.-P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal ħlas ta' kumpens għad-dannu materjali subit mir-rikorrenti peress li ma ġewx irreklutati bħala aġenti temporanji tal-Komunitajiet matul iż-żmien li kienu jaħdmu fl-intrapriża konġunta Joint European Torus (JET),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn B. Vesterdorf, President, M. Jaeger u H. Legal, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tat-8 ta' Mejju u tat-23 ta' Settembru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1 tat-Trattat KEEA jipprovdi li:

"Għandu jkun il-kompitu tal-Komunità li tikkontribwixxi ħalli jogħla il-livell ta' l-għixien fl-Istati Membri u għall-iżvilupp ta' l-iskambju kummerċjali ma' pajjiżi oħra bil-ħolqien ta' kondizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment ta' malajr u t-tkabbir ta' l-industriji nukleari."

2        L-Artikolu 2 KEEA jipprovdi, b'mod partikolari, li sabiex il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (KEEA) twettaq ix-xogħol tagħha, hija għandha tiżviluppa r-riċerka u tassigura it-tixrid tat-tagħrif tekniku.

3        L-Artikolu 49 KEEA jipprovdi li:

"Il-kostituzzjoni ta' Intrapriżi Konġunti għandha tirriżulta minn deċiżjoni tal-Kunsill.

Kull Intrapriża Konġunta jkollha personalità ġuridika.

Kull Intrapriża Konġunta, f'kull Stat Membru, tgawdi l-aqwa estensjoni ta' kapaċità ġuridika kif igawdu persuni ġuridiċi skond il-leġislazzjoni nazzjonali rispettiva tagħhom; tista', partikolarment, takkwista u titrasferixxi il-proprjetà immobbli u mobbli u tista' tieħu passi legali kif ukoll jistgħu jittieħdu passi legali kontra tagħha personalment.

Salva kull disposizzjoni mod ieħor f'dan it-Trattat jew fl-Istatuti tagħhom, kull Intrapriża Konġunta għandha tkun suġġetta għar-regoli li huma applikabbli għall-impriżi industrijali jew kummerċjali; l-istatuti jistgħu jagħmlu referenza sussidjarjament għall-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri.

Il-litigazzjoni dwar Intrapriżi Konġunti għandha tkun ittrattata mill-qrati jew tribunali nazzjonali kompetenti, salvi il-poteri mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja b'dan it-Trattat."

4        Skond l-Artikolu 51 KEEA:

"Il-Kummissjoni għandha, qabel ma twaqqaf il-korpi nkarigati li joperaw l-Intrapriżi Konġunti, tassigura t-twettiq tad-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill li jikkonċernaw il-kostituzzjoni ta' impriżi bħal dawn."

5        L-Artikolu 152 KEEA jipprovdi li:

"Il-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-kondizzjonijiet ta' l-impieg."

6        Skond l-Artikolu 151 KEEA :

"Il-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti li tittratta każijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kumpens għal danni kif previst fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 188 [KEEA]"

7        Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 188 KEEA:

"F'dak li għandha x'taqsam ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Komunità għandha bi qbil mal-prinċipji ġenerali komuni għall-liġijiet ta' Stati Membri, tħallas kumpens għal xi ħsara kkawżata mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-aġenti tagħha fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom."

8        L-intrapriża konġunta (joint undertaking) Joint European Torus (JET), li kienu jaħdmu magħha r-rikorrenti, ġiet stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 78/471/Euratom, tat-30 ta' Mejju 1978 (ĠU L 151, p. 10), sabiex tmexxi l-programm tal-KEEA bl-isem "Fużjoni", li kien jipprovdi għall-kostruzzjoni, il-funzjoni u l-użu ta' magna torus kbira tat-tip Tokamak u ta' l-impjanti awżiljari tagħha. Il-programm JET kien oriġinarjament imwaqqaf għal tnax-il sena iżda mbagħad ġie estiż tliet darbiet: permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/447/Euratom, tal-25 ta' Lulju 1988 (ĠU L 222, p. 4), sal-31 ta' Diċembru 1992, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/677/Euratom, tad-19 ta' Diċembru 1991 (ĠU L 375, p. 9), sal-31 ta' Diċembru 1996 u, fl-aħħarnett, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/305/Euratom, tas-7 ta' Mejju 1996 (ĠU L 117, p. 9), sal-31 ta' Diċembru 1999. Sussegwentement, il-programm tkompla fil-qafas tal-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni.

9        L-istatuti ta' l-intrapriża konġunta (aktar 'il quddiem l-"istatuti"), annessi mad-Deċiżjoni 78/471, jindikaw li s-sede tagħha jinsab f'Culham, Oxfordshire fir-Renju Unit, u li apparti l-KEEA, il-membri tagħha huma l-Istati Membri jew l-awtoritajiet tagħhom kompetenti fil-qasam ta' l-enerġija atomika, b'mod partikolari l-organizzazzjoni ospitanti, il-United Kingdom Atomic Energy Authority (UKAEA), kif ukoll il-Konfederazzjoni Żvizzera li ssieħbet wara d-Deċiżjoni 91/677.

10      L-istatuti jindikaw li l-organi tal-JET huma l-kunsill u d-direttur tal-proġett. Il-kunsill tal-JET huwa assistit minn kumitat eżekuttiv u jista' jitlob l-opinjoni tal-kunsill xjentifiku.

11      Skond l-Artikolu 4.2.2 ta' l-istatuti:

"Il-kunsill tal-JET huwa inkarigat, b'mod partikolari, li:

[…]

(d)       jinnomina d-direttur u l-uffiċjali għolja tal-proġett sabiex jiġu appuntati mill-Kummissjoni jew mill-organizzazzjoni ospitanti, kif ikun xieraq, u li jiddetermina t-tul ta' żmien ta' l-inkarigu tagħhom, li japprova l-istruttura globali tat-tim tal-proġett u li jiddeċiedi dwar il-proċedura ta' l-assenjazzjoni u tat-tmexxija tal-persunal;

[…]

(f)      skond l-Artikolu 10, li japprova l-baġit annwali inkluża l-lista ta' l-impjegati, il-pjan ta' żvilupp tal-proġett u l-istimi ta' kemm jiswa l-proġett.

12      Skond l-Artikolu 7 ta' l-istatuti, id-direttur tal-proġett huwa l-organu eżekuttiv ta' l-intrapriża konġunta u r-rappreżentant legali tagħha, huwa "jeżegwixxi l-pjan ta' żvilupp tal-proġett u jidderieġi l-eżekuzzjoni tal-proġett fil-kuntest tad-direttivi definiti mill-kunsill tal-JET." Huwa "għandu, b'mod partikolari:

(a)       jorganizza, jidderieġi u jissorvelja t-tim tal-proġett;

(b)      jippreżenta proposti lill-kunsill tal-JET dwar l-istruttura essenzjali tat-tim tal-proġett u jipproponi lill-kunsill in-nomina ta' l-uffiċjali għoljin".

13      L-Artikolu 8 ta' l-istatuti, li jirrigwarda t-tim tal-proġett, jipprovdi, fit-test oriġinali, applikabbli sal-21 ta' Ottubru 1998 (ara l-punti 25 u 26 aktar 'il quddiem) li:

" 8.1 It-tim tal-proġett għandu jassisti lid-direttur tal-proġett fit-twettiq tax-xogħlijiet tiegħu. Dawn l-impjegati għandhom jiġu stabbiliti fil-lista ta' impjegati kif tidher fil-baġit annwali. Huwa kompost minn persunal ġej mill-membri ta' l-intrapriża konġunta skond [l-Artikolu] 8.3, kif ukoll persunal ieħor. L-impjegati tat-tim tal-proġett huma rreklutati skond id-dispożizzjonijiet [ta' l-Artikoli] 8.4 u 8.5 [aktar 'il quddiem].

8.2       Il-kompożizzjoni tat-tim tal-proġett għandha tilħaq bilanċ raġonevoli bejn in-neċessità doppja li jiġi ggarantit il-karattru Komunitarju tal-proġett, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-postijiet li jeżiġu ċertu livell ta' kwalifikazzjoni (fiżiċi, inġiniera, impjegati amministrattivi b'livell ekwivalenti) u għandha tagħti lid-direttur tal-proġett setgħat li jkunu wiesgħa kemm jista' jkun fir-rigward tas-selezzjoni tal-persunal fl-interess tat-tmexxija effikaċi. Fl-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju, għandu jittieħed ukoll in kunsiderazzjoni l-interess tal-membri ta' l-intrapriża konġunta li mhumiex Komunitarji.

8.3       Il-membri ta' l-intrapriża konġunta għandhom jipprovdu lill-intrapriża konġunta b'persunal ikkwalifikat fl-oqsma xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi.

8.4       Il-persunal ipprovdut mill-organizzazzjoni ospitanti għandu jibqa' jiġi impjegat minn din l-organizzazzjoni taħt il-kundizzjonijiet ta' impjieg previsti minnha u għandu jiġi assenjat minn din ta' l-aħħar lill-intrapriża konġunta.

8.5       Ħlief jekk tingħata deċiżjoni kuntrarja, f'ċerti każijiet partikolari, skond il-proċeduri ta' assenjazzjoni u ta' tmexxija tal-persunal deċiżi mill-kunsill tal-JET, il-persunal ipprovdut mill-membri ta' l-intrapriża konġunta apparti l-organizzazzjoni ospitanti kif ukoll persunal ieħor għandu jiġi rreklutat mill-Kummissjoni għal postijiet temporanji skond il-kundizzjonijiet applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u assenjati mill-Kummissjoni lill-intrapriża konġunta.

8.6       Il-persunal kollu li jifforma parti mill-grupp tal-proġett jaqa' taħt l-awtorità esklużiva tad-direttur tal-proġett.

8.7       L-ispejjeż kollha tal-persunal, inklużi l-ispejjeż li jirrigwardaw il-persunal assenjat mill-Kummissjoni lill-intrapriża konġunta u mill-organizzazzjoni ospitanti, huma a karigu ta' l-intrapriża konġunta.

8.8       Kull membru li għandu kuntratt ta' assoċjazzjoni mal-[KEEA] jikkommetti ruħu li jerġa' jimpjega lill-membri tal-persunal li jkun assenja għall-proġett u li jkunu ġew irreklutati fuq bażi temporanja mill-Kummissjoni, sakemm ikun sar ix-xogħol tagħhom fil-kuntest tal-proġett.

8.9       Il-kunsill tal-JET għandu jistabbilixxi l-proċeduri dettaljati ta' l-assenjazzjoni u tat-tmexxija tal-persunal."

14      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1987, Ainsworth et vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill (271/83, 15/84, 36/84, 113/84, 158/84, 203/84 u 13/85, Ġabra p. 167), ir-rikorrenti, ċittadini Ingliżi rreklutati mill-UKAEA u, f'din il-kwalità, ipprovduti lill-intrapriża konġunta sabiex jipparteċipaw fit-tim tal-proġett, ikkontestaw id-deċiżjoni tad-direttur ta' l-intrapriża konġunta JET, meħuda f'isem il-Kummissjoni, li fiha rrifjuta li jintegrahom fil-persunal tal-Kummissjoni taħt il-KEEA bħala aġenti temporanji. Fost l-oħrajn, huma ressqu motiv dwar l-illegalità ta' l-istatuti ta' l-intrapriża konġunta minħabba d-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikoli 8.4 u 8.5 ta' l-istatuti.

15      Il-Qorti kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom "verament l-għan li joħolqu differenza fit-trattament skond l-organizzazzjoni membru li [kienet] tipprovdi l-aġent in kwistjoni lill-intrapriża konġunta" (punt 32). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li "il-JET [kienet] tikkostitwixxi intrapriża ddedikata esklużivament għar-riċerka […] li t-tul ta' l-eżistenza tagħha kien limitat fi żmien" (punt 35) u osservat is-sitwazzjoni partikolari ta' l-UKAEA li, bħala organizzazzjoni ospitanti, kienet tassumi r-responsabiltajiet tagħha (punti 36 u 37). F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat "li s-sitwazzjoni verament speċifika li [kienet] tinsab fiha l-UKAEA, organizzazzjoni ospitanti, fir-rigward tal-JET, li ma [kinitx] komparabbli mas-sitwazzjoni ta' ebda organizzazzjoni oħra membru tal-JET, [kienet] tikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva tad-differenza fit-trattament stabbilita mill-Artikoli 8.4 u 8.5 ta' l-istatuti" (punt 38).

16      Fl-10 ta' Diċembru 1991, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva li tipprovdi, fost l-oħrajn, l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda l-istatuti ta' l-intrapriża konġunta JET u esprima l-biża' tiegħu li f'dan il-kuntest id-differenzi fir-remunerazzjoni bejn ir-riċerkaturi li kienu taħt is-servizz tal-Kumissjoni u dawk li kienu jaqgħu taħt l-awtoritajiet nazzjonali, iwasslu għal tensjoni fil-JET (ĠU 1992, C 13, p. 50).

17      Fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, Altmann et vs Il-Kummissjoni (T-177/94 u T-377/94, Ġabra p. II-2041), ir-rikorrenti, ta' nazzjonalità Ingliża, membri tal-persunal ta' l-UKAEA ipprovduti lill-JET, ikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom inċaħdu t-talbiet tagħhom li jiġu impjegati bħala aġenti temporanji tal-Komunità. Huma invokaw, b'mod partikolari, it-tibdiliet fiċ-ċirkustanzi li kienu seħħew wara li ngħatat is-sentenza Ainsworth et vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq.

18      Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, l-ewwel, li "[i]l-membri kollha tal-persunal li jifformaw it-tim tal-proġett [kienu] jinsabu f'sitwazzjoni simili, irrispettivament mill-organizzazzjoni membru li [pprovdiet]hom lill-intrapriża konġunta. Fil-fatt, kollha [kienu] jaħdmu esklużivament għall-proġett, ġewwa l-istess tim u taħt l-awtorità ta' l-istess direttur. Huma [kienu] ġew irreklutati permezz ta' l-istess kompetizzjonijiet u [ngħataw] promozzjoni fuq il-bażi tal-merti tagħhom biss, mingħajr ma ittieħed in kunsiderazzjoni l-prinċipal nominali tagħhom" (punt 81). It-tieninett, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li d-differenza fit-trattament fit-tim tal-proġett fir-rigward tar-remunerazzjonijiet u tal-perspettivi tal-karriera, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 8.4 u 8.5 ta' l-istatuti ta' l-intrapriża konġunta, kienet għadha teżisti (punti 82, 84 u 85).

19      Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet "li [kien] hemm ċertu numru ta' elementi ġodda jew ta' modifikazzjonijiet f'dan il-każ meta mqabbla mas-sitwazzjoni li [kienet] ġiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-1987", dawn "[kienu], b'mod partikolari: (a) l-estensjoni kunsiderevoli taż-żmien li matulha kienet teżisti l-JET; (b) ir-rwol iżgħar ta' l-UKAEA fl-organizzazzjoni u fl-operazzjoni ta' l-intrapriża konġunta; (ċ) l-irtirar mill-UKAEA ta' l-oġġezzjonijiet tagħha li l-persunal li hija kienet assenjat lill-JET jitlaq is-servizz tagħha għal dak tal-Kummissjoni; (d) it-tfixkil ta' l-operazzjoni ta' l-intrapriża konġunta minħabba kunflitt fir-relazzjonijiet industrijali, u (e) l-inkapaċità tas-sistema ta' reklutaġġ tal-JET li tilħaq l-għanijiet li kienet maħluqa għalihom" (punt 96).

20      Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li:

"Fid-dawl ta' dawn l-elementi kollha, għandu jiġi konkluż li l-fatti kollha invokati mill-Qorti tal-Ġustizzja in sostenn tal-konklużjoni tagħha li d-differenza fit-trattament stabbilita fl-istatuti tal-JET kienet iġġustifikata oġġettivament, m'għadhomx jeżistu. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex bżonn tiddeċiedi dwar id-differenza fit-trattament marbuta mal-perspettivi tal-karriera u tas-sigurtà fl-impjieg, li ma kinux parti mill-kwistjoni fil-kawża Ainsworth" (punt 117).

21      Fir-rigward tal-kunċett ta' "persunal ieħor" li jidher fl-Artikolu 8 ta' l-istatuti, fit-test orġinali tagħhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li, "filwaqt li ebda dispożizzjoni ta' l-istatuti ma [kienet] tipprekludi, espressament u b'mod inekwivoku, lil persuni bħar-rikorrenti, li [kienu] diġà disponibbli għall-proġett tal-UKAEA, milli fil-prinċipju jiġu rreklutati bħala "persunal ieħor" taħt l-Artikolu 8.5, jibqa' l-fatt li l-iskema ġenerali ta' l-istatuti u l-kliem stess tad-dispożizzjonijiet tagħhom [kienu] jwasslu għall-konklużjoni li tali reklutaġġ ma jistax isir mingħajr ma s-sistema ta' reklutaġġ u ta' tmexxija tal-persunal imwaqqfa mill-imsemmija statuti tiġi affettwata serjament b'mod negattiv" (punti 136).

22      Il-Qorti tal-Prim'Istanza żżid tgħid li:

"Il-kunċett ta' 'persunal ieħor' fl-Artikolu 8.5 ta' l-istatuti għandu jiġi interpretat b'referenza għall-Artikolu 8.1, li jipprovdi li t-tim tal-proġett huwa kompost, minn naħa mill-persunal li ġej mill-membri tal-JET skond l-Artikolu 8.3, u min-naħa l-oħra, ta' 'persunal ieħor'. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux il-possibbiltà li permezz tagħha membru tat-tim tal-proġett ipprovdut mill-UKAEA jkun jista' jirriżenja bl-għan biss li jiġi rreklutat mill-Kummissjoni bħala "persunal ieħor" (punt 137).

23      Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li "l-Artikoli 8.4 u 8.5 ta' l-istatuti, kif [kienu] fformultati [fit-test oriġinali], ma [setgħux] jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw ir-reklutaġġ tar-rikorrenti bħala "persunal ieħor", fis-sens ta' dawn id-dispożizzjonijiet" (punt 139), u kkonstatat li "l-Artikoli 8.4 u 8.5 ta' l-istatuti, id-dispożizzjonijiet addizzjonali li jimplimentawhom u r-regoli amministrattivi intiżi sabiex jagħtuhom effett huma illegali safejn [kienu] jistabbilixxu jew jikkontribwixxu għaż-żamma ta' differenza fit-trattament li mhijiex iġġustifikata oġġettivament, u konsegwentement huma illegali, b'mod partikolari, fir-rigward tal-perspettivi ta' aċċess għas-servizz pubbliku Komunitarju, bejn iż-żewġ kategoriji ta' aġenti tal-JET, skond l-organizzazzjoni membru li [kienet] ipprovdiet lill-aġent in kwistjoni lill-intrapriża konġunta" (punt 141).

24      Fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti sabiex jiksbu ħlas għal kumpens ta' telf finanzjarju riżultat tad-diskriminazzjoni in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali li jirriżulta mill-istatuti ma kienx serju biżżejjed sabiex il-Komunità tinżamm responsabbli tal-miżuri adottati illegalment mill-Kunsill u l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni (punt 154).

25      Wara s-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, li ma sarx appell minnha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/585, tat-13 ta' Ottubru 1998 (ĠU L 282 p. 65), li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1998, emendat l-istatuti ta' l-intrapriża konġunta u eliminat, b'mod partikolari, ir-referenzi għall-kunċett ta' "persunal ieħor" li kien hemm fiha.

26      Skond il-kliem tal-punt 4 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni 98/585, l-Artikoli 8.1, 8.3, 8.4, 8.5 u 8.7 huma fformulati bil-mod segwenti:

" 8.1 It-tim tal-proġett għandu jassisti lid-direttur tal-proġett fit-twettiq tax-xogħlijiet tiegħu. L-impjegati tiegħu għandhom jiġu stabbiliti fil-lista ta' l-impjegati kif tidher fil-baġit annwali. Huwa kompost minn persunal li ġej mill-membri ta' l-intrapriża konġunta skond il-punt 8.3."

" 8.3 Il-membri ta' l-intrapriża konġunta li għandhom kuntratt ta' assoċjazzjoni mal-[KEEA] jew kuntratti għal żmien definit fil-kuntest tal-programm "Fużjoni" [tal-KEEA] fl-Istati Membri fejn ma teżistix assoċjazzjoni (aktar 'il quddiem imsemmija bħala "organizzazzjonijiet ta' oriġini") għandhom jipprovdu lill-intrapriża konġunta b'persunal ikkwalifikat fl-oqsma xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi."

" 8.4 Il-persunal ipprovdut mill-organizzazzjonijiet ta' oriġini għandu jiġi assenjat lill-intrapriża konġunta u:

(a)       għandu jibqa' jiġi impjegat mill-organizzazzjoni ta' oriġini tiegħu matul perijodu ta' assenjazzjoni skond it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg definiti minn dawn l-organizzazzjonijiet;

(b)       għandu d-dritt, matul il-perijodu ta' l-assenjazzjoni tiegħu, għal ħlas ta' kumpens kif speċifikat fl-"iskema applikabbli għall-assenjazzjoni tal-persunal ta' l-organizzazzjoni ta' oriġini ma' l-intrapriża konġunta", adottata mill-kunsill tal-JET bis-saħħa [ta' l-Artikolu] 8.5."

" 8.5 Il-kunsill tal-JET għandu jadotta l-proċeduri dettaljati ta' tmexxija tal-persunal (inkluża l-'iskema applikabbli għall-assenjazzjoni tal-persunal ta' l-organizzazzjonijiet ta' oriġini ma' l-intrapriża konġunta'). Huwa għandu jadotta d-dispożizzjonijiet tranżitorji u għandu jieħu l-miżuri neċessarji fir-rigward tat-tim tal-proġett assenjat lill-intrapriża konġunta mill-Kummissjoni u mill-organizzazzjoni ospitanti qabel il-21 ta' Ottubru 1998."

" 8.7 L-ispejjeż kollha tal-persunal, inkluż il-ħlas lura ta' l-ispejjeż li jirrigwardaw il-persunal assenjat, inkorsi mill-organizzazzjoni ta' oriġini kif ukoll l-ispejjeż li jirrigwardaw il-persunal assenjat lill-intrapriża konġunta mill-Kummissjoni u l-organizzazzjoni ospitanti qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet aktar 'il fuq, huma a karigu ta' l-intrapriża konġunta."

 Il-fatti li taw lok għall-kawża u l-proċedura

27      Il-95 rikorrent, ta' nazzjonalità Ingliża, ħadmu għall-proġett JET, li minnhom 51 ħadmu għal matul għaxar snin jew aktar, ġeneralment bħala inġinieri, tekniċi u disinjaturi tekniċi. Il-persuni kkonċernati, li kienu ġew impjegati, bis-saħħa ta' kuntratt annwali, qabel l-emenda ta' l-istatuti li saret f'Ottubru 1998, ma kellhom ebda rabta kuntrattwali ma' l-UKAEA jew mal-Kummissjoni, iżda kienu imġjegati u mħallsa minn kumpanniji terzi, kuntrattwalment marbuta ma' l-intrapriża konġunta JET. L-inkarigu tagħhom, li l-għan tiegħu kien li jiġu pprovduti lill-intrapriża konġunta JET, ġie mitmum fid-data ta' l-iskadenza tal-proġett, il-31 ta' Diċembru 1999.

28      L-intrapriża konġunta JET kienet tikkonkludi kuntratti mal-kumpanniji li jipprovdu l-ħaddiema għall-provvista ta' servizzi ta' persuna jew ta' grupp ta' persuni li kellhom kwalifiki jew kompetenzi tekniċi speċifiċi. Il-kuntratti tal-grupp kienu jippermettu li l-intrapriża konġunta JET tiġi pprovduta b'numru ta' ħaddiema bħal dawk assenjati lill-MAC ["main assembly contract" (kuntratt dwar l-elementi prinċipali)], lill-MEC ["main electrical contract" (kuntratt prinċipali dwar l-elettriku)], fl-uffiċċju tad-disinn jew fid-dipartment ta' l-ipproċessar tad-data, kif ukoll persuni li jaħdmu fil-kamra tal-posta, operaturi ta' swiċċbord jew tekniċi tal-post. L-intrapriża konġunta JET kienet wkoll tikkonkludi kuntratti ma' intrapriżi oħra fir-rigward tal-provvista ta' servizzi, bħalma huma l-manutenzjoni u t-tindif tal-bini.

29      Il-biċċa l-kbira tal-kuntratti konklużi mill-intrapriża konġunta JET mal-kumpanniji li jipprovdu l-ħaddiema kienu r-riżultat ta' sejħiet għal offerti maħruġa mill-intrapriża konġunta, ġeneralment ippubblikati kull tliet snin. Id-direzzjoni tal-JET intervistat il-kandidati proposti mill-kumpanniji li ppreżentaw l-offerta tagħhom, qabel ma tat jew irrifjutat li tagħti, il-kunsens tagħha, fis-selezzjoni magħmula mill-kumpannija li rebħet il-kuntratt, għall-persuni li kellhom jiġu rreklutati minnha sabiex jaħdmu ma' l-intrapriża konġunta. Il-kuntratti kollha ta' provvista ta' persunal kienu konklużi mill-intrapriża konġunta JET għal sena u setgħu jiġu mġedda, dejjem fuq bażi annwali. Min-naħa l-oħra, huma setgħu jiġu mitmuma f'kull mument.

30      Kull waħda mir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (aktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal"), bejn it-12 ta' Novembru 1999 u s-16 ta' Frar 2000. Ir-rikorrenti isemmu l-Artikolu 188 KEEA bħala bażi alternattiva ta' l-azzjoni tagħhom. Huma jitolbu lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tikkonċerna t-talba tagħhom għal ħlas ta' kumpens għan-nuqqas ta' l-intrapriża konġunta JET peress li ma impjegathomx, b'applikazzjoni żbaljata tar-regolamenti, bħala aġenti temporanji tal-Komunitajiet. Permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Marzu 2000, il-Kummissjoni informat lill-persuni kkonċernati li hija kienet qed tanalizza t-talba tagħhom taħt l-Artikolu 90(1) tar-regolamenti.

31      Peress li ma rċevew ebda risposta dwar it-talba tagħhom fi żmien it-terminu stabbilit ta' erba' xhur, fit-28 ta' Ġunju 2000 ir-rikorrenti, permezz ta' l-intermedjarju tal-kunsill tagħhom, ressqu ilment formali quddiem il-Kummissjoni, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 90(2), kontra d-deċiżjoni impliċita ta' ċaħda tat-talba tagħhom.

32      Dan l-ilment, li l-Kummissjoni ma rrispondietx għalih fi żmien it-terminu ta' erba' xhur imsemmi fl-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 90(2), ġie espressament miċħud fi żmien it-terminu stabbilit għal appell kontra ċaħda impliċita previst fl-Artikolu 91(3) ta' l-istatut, fl-14 ta' Novembru 2000, innotifikat lir-rappreżentant legali ta' dawk ikkonċernati permezz ta' faks fis-17 ta' Novembru 2000.

33      Ir-rikorrenti ressqu din il-kawża permezz ta' rikors ippreżentat fis-27 ta' Frar 2001.

34      Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Ottubru 2001, il-Kunsill ġie awtorizzat jintervjeni f'din il-kawża in sostenn tal-Kummissjoni.

35      Ir-rikorrenti talbu li jiġu prodotti dokumenti li kienu miżmuma mill-Kummissjoni. Din ipproduċiet żewġ supplimenti fid-difiża tagħha, li jirrigwardaw kawżi preċedenti u l-funzjonijiet ta' uħud mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti talbu ukoll, permezz ta' ittra ppreżentata fir-reġistru fit-18 ta' Lulju 2002, il-produzzjoni ta' l-ittri mibgħuta bejn id-direzzjoni ta' l-intrapriża konġunta JET u l-Qorti ta' l-Awdituri li jikkonċernaw il-persunal kuntrattwali li kien jaħdem fuq il-proġett JET.

36      Bħala miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikata fis-26 ta' Settembru 2002, il-Qorti tal-Prim'Istanza staqsiet lill-konventa dwar id-"dispożizzjonijiet addizzjonali" li jikkonċernaw l-persunal ta' l-intrapriża komuni JET, adottati fl-1979. Il-Kummissjoni rrispondiet permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Ottubru 2002.

37      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tat-8 ta' Mejju 2003.

38      Permezz ta' digriet tal-21 ta' Lulju 2003, il-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza reġa' fetaħ il-proċedura orali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jippreċiżaw il-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-kuntest ġuridiku applikabbli għal din il-kawża u l-implikazzjonijiet tiegħu. Il-partijiet esprimew l-opinjonijiet tagħhom dwar dan il-punt f'seduta ġdida li nżammet fit-23 ta' Settembru 2003.

 It-talbiet tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiddikjara li l-Kummissjoni ttrattat lir-rikorrenti b'mod diskriminatorju, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, matul il-perijodu ta' impjieg tagħhom fis-servizz tal-proġett JET, għal dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni tagħhom, id-drittijiet tagħhom għal pensjoni u l-vantaġġi relatati, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-garanzija ta' impjieg ieħor fil-futur;

–        tiddikjara li r-rikorrenti kellhom jiġu ttrattati bħala "persunal ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 8.1 ta' l-istatuti oriġinali ta' l-intrapriża konġunta JET;

–        tiddikjara li l-emendi ta' l-Artikolu 8 ta' l-istatuti ta' l-intrapriża konġunta JET li saru permezz tad-Deċiżjoni 98/585 u d-dispożizzjonijiet tagħha ta' applikazzjoni kienu illegali peress li kienu jistabbilixxu jew jgħinu li tinżamm diskriminazzjoni kontra r-rikorrenti, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, għal dak li jikkonċerna l-elementi esposti fl-ewwel kap tat-talbiet;

–        tiddikjara li r-rikorrenti kellhom dritt li jiġu rreklutati bħala aġenti temporanji tal-Kummissjoni;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Novembru 2000;

–        tordna lill-Kummissjoni tikkumpensahom għat-telf ta' remunerazzjoni, ta' pensjoni, ta' indennizzi u ta' vantaġġi riżultat tal-ksur tad-dritt Komunitarju msemmi aktar 'il fuq;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

40      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiddeċiedi dwar il-ħlas ta' l-ispejjeż skond il-liġi.

 Fuq in-natura tal-kawża

41      Ir-rikorrenti essenzjalment qegħdin jippruvaw jiksbu kumpens għad-dannu materjali subit minnhom minħabba l-fatt li ma ġewx irreklutati mill-Kummissjoni permezz ta' kuntratti ta' aġent temporanju. It-talbiet tagħhom, kif esposti fil-punt 39 aktar 'il fuq, sabiex, b'mod partikolari, tiġi annullata d-deċiżjoni ta' l-14 ta' Novembru 2000 li tiċħad l-ilment li kull wieħed minnhom kien ressaq quddiem il-Kummissjoni wara ċ-ċaħda impliċita tat-talba tagħhom għal ħlas ta' kumpens, skond il-proċedura deskritta fil-punti 30 u 31 aktar 'il fuq, għandhom l-effett li jressqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza l-att li jikkawża dannu u li tressaq l-ilment fir-rigward tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 10), jiġifieri, f'dan il-każ, iċ-ċaħda impliċita tat-talba tagħhom għal ħlas ta' kumpens. Dawn il-kapijiet ta' talbiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala inseparabbli mit-talba, li fil-verità hija waħda u purament intiża għal ħlas ta' kumpens, li hija s-suġġett tar-rikors u li hija bbażata fuq l-att illegali minħabba nuqqas ta' diliġenza kommess mill-Kummissjoni billi naqset milli timpjega lill-persuni kkonċernati taħt tali kuntratti, bi ksur ta' dak li hemm previst fl-istatuti tal-JET. Fin-nuqqas ta' kull relazzjoni kuntrattwali oħra bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, l-kawża tqajjem ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

42      Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, peress li hemm kwistjoni ta' ordni pubbliku involuta, għandu jiġi ddeterminat ex officio jekk il-kawża għandhiex tiġi kklassifikata bħala kawża ġenerali dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali taħt l-Artikolu 151 KEEA u l-Artikolu 188(2) KEEA jew bħala kawża dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha taħt l-Artikolu 152 KEEA. Il-Qorti tal-Prim'Istanza semgħet lill-partijiet dwar din il-kwistjoni matul is-seduta miżmuma għal dan il-għan fit-23 ta' Settembru 2003.

43      Ir-rikors għandu jiġi analizzat bħala li jifforma parti mill-kawża bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha, u dan għal tliet motivi.

44      L-ewwelnett, l-evalwazzjoni tal-mertu tar-rikors tiddependi mill-interpretazzjoni ta' l-istatuti tal-JET, li r-rikorrenti jallegaw li jagħtuhom id-dritt li jiġu rreklutati bħala aġenti temporanji. Barra minn hekk, il-kumpens mitlub minn kull rikorrent huwa ekwivalenti għad-differenza bejn dak li kien jirċievi kieku jkun ħadem bħala aġent temporanju u dak li rċieva mill-prinċipal li pprovdieh lill-JET. Madankollu, f'sitwazzjonijiet bħal dawk f'din il-kawża, li fihom id-drittijiet in kwistjoni huma drittijiet rikonuxxuti mir-Regolamenti tal-Persunal, il-problemi ġuridiċi li jridu jiġu riżolti huma l-istess bħal dawk li jippreżentaw ruħhom fil-każ li r-rikorrenti jippretendu li jingħataw l-istatus ta' uffiċjal jew aġent, u fejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza jeżaminaw il-kawżi taħt il-kundizzjonijiet ta' kawża tas-servizz pubbliku (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 1975, Porrini et vs KEEA et, 65/74, Ġabra p. 319, punti 3 sa 13, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Mejju 1998, O'Casey vs Il-Kummissjoni, T-184/94, Ġabra SP p. I-A-183 u II-565, punti 56 sa 62).

45      It-tieninett, il-kunċett ta' kawża bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha huwa estiż b'mod wiesa' mill-ġurisprudenza, u dan iwassal biex f'dan il-kuntest jiġu eżaminati l-kawżi li jikkonċernaw il-persuni li m'għandhomx il-kwalità la ta' uffiċjal u lanqas ta' aġent iżda li jallegaw li għandhom dan l-istatus (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' April 1979, Bellintani et vs Il-Kummissjoni, 116/78, Ġabra p. 1585, punt 6; tal-11 ta' Lulju 1985, Salerno et vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, 87/77, 130/77, 22/83, 9/84 u 10/84, Ġabra p. 2523, punti 24 u 25, u tat-13 ta' Lulju 1989, Alexis et vs Il-Kummissjoni, 286/83, Ġabra p. 2445, punt 9). Dan huwa minnu, b'mod partikolari, għall-kandidati tal-kompetizzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1965, Vandevyvere vs Il-Parlament, 23/64, Ġabra p. 205, 214). Il-Kummissjoni tagħmel osservazzjoni rilevanti meta ssostni li kunċett restrittiv ħafna tal-kawżi bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha joħloq inċertezza legali billi jqiegħed lir-rikorrenti eventwali f'sitwazzjoni ta' inċertezza dwar il-possibbiltà ta' rikors legali miftuħ għalihom jew jagħtihom għażla artifiċjali.

46      Barra minn hekk, kien fil-qafas tar-Regolamenti tal-Persunal li ġew eżaminati l-kawżi li wasslu għas-sentenzi Ainsworth et vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq (punti 10 sa 13), u Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq (punti 44 u 45), li kienu jikkonċernaw il-persunal tal-JET li la kellhom il-kwalità ta' uffiċjal u lanqas ta' aġent tal-Komunitajiet.

47      Huwa minnu li f'dan il-każ kien biss a posteriori li r-rikorrenti talbu l-benefiċċju ta' vantaġġi finanzjarji bbażati fuq dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li, fil-fehma tagħhom, kellhom jiġu applikati għalihom fil-passat u li mhumiex aktar fis-seħħ. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li parti mid-dannu subit minnhom kien jikkonsisti f'telf finanzjarju marbut ma' perspettivi ta' impjieg fil-futur bħala aġenti temporanji, wara l-iskadenza tal-proġett JET, dawn it-talbiet ma kinux akkumpanjati minn applikazzjoni, għal impjieg attwali jew futur bħala aġent temporanju tal-Komunità.

48      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża ma jistax ikollha suġġett u ma tista' tqum ebda kwistjoni mingħajr referenza għar-regoli applikabbli għall-aġenti temporanji rreklutati mill-Komunitajiet, li fil-kuntest tagħhom ġie pprovdut il-persunal tat-tim tal-proġett mill-membri ta' l-intrapriża konġunta. Għalhekk, ikun artifiċjali li jiġi kkunsidrat li l-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta' tim tal-proġett għandux jiġi applikat għar-rikorrenti meta jaħdmu għall-intrapriża konġunta JET ma jaqax taħt kawżi tas-servizz pubbliku.

49      It-tielet u l-aħħarnett, il-partijiet stess qiegħdu lilhom infushom fil-kuntest ta' kawża taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, anke jekk l-alternattiva ta' eżami fil-kuntest tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ġiet ukoll maħsuba meta r-rikorrenti ppreżentaw it-talba tagħhom għal ħlas ta' kumpens, kif ġie indikat fil-punt 30 aktar 'il fuq. Fis-seduta tat-23 ta' Settembru 2003, ir-rikorrenti indikaw li huma kienu ngħataw il-parir mill-Kummissjoni li jqiegħdu lilhom infushom f'dan il-kuntest fl-istadju tat-talba tagħhom għal ħlas ta' kumpens. Huma kkonfermaw li, fil-fehma tagħhom, il-kawża kienet taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 152 KEEA. Il-Kummissjoni u l-Kunsill enfasizzaw li l-kawża u l-allegat żball kellhom il-bażi tagħhom fid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

50      Ir-raġunijiet esposti aktar 'il fuq jiġġustifikaw li r-rikors jiġi analizzat bħala li jaqa' taħt il-kawżi bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha. Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-fatti tal-każ li, kif jingħad mill-partijiet, għandhom ċertament karattru mhux tas-soltu fir-rigward ta' diversi aspetti.

51      L-ewwelnett, ir-rikorrenti mhumiex, bħal fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Ainsworth et vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill u Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, persunal ta' l-UKAEA pprovduti lill-intrapriża konġunta u għalhekk koperti mill-Artikolu 8 ta' l-istatuti tal-JET.

52      It-tieninett, ir-rikorrenti ma jitolbux u qatt ma talbu l-istatus ta' aġent temporanju. B'differenza mill-kawżi li wasslu għas-sentenzi Ainsworth et vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill u Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, jew tal-kawża, iċċitata mill-konvenuta, li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Mejju 2000, Simon vs Il-Kummissjoni, (T-177/97, Ġabra SP p. I-A-75 u II-319), kkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Ġunju 2002, Simon vs Il-Kummissjoni (C-274/00 P, Ġabra p. I-5999), ir-rikorrenti qatt ma talbu lill-Kummissjoni jew lid-direzzjoni tal-JET sabiex jirreklutawhom bħala aġenti temporanji matul il-perijodu tagħhom ta' attività fis-servizz ta' l-intrapriża konġunta.

53      It-tieletnett, is-suġġett ta' dan ir-rikors huwa talba purament għal ħlas ta' kumpens, kif ingħad fil-punt 41 aktar 'il fuq, li ġiet ippreżentata meta l-proġett JET kien wasal biex jispiċċa jew ftit wara l-iskadenza tiegħu.

54      Minkejja dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta' kawżi bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha taħt l-Artikolu 152 KEEA u, konsegwentement, fid-dawl tad-dispożizzjoni korrispondenti, b'mod partikolari fir-rigward ta' proċedura u ta' termini.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

55      Mingħajr ma qajmet formalment l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, issostni li l-ammissibbiltà tal-talba għal ħlas ta' kumpens tista' tiġi kkontestata peress li l-persuni interessati damu biex bdew il-kawża. Minn naħa, hija ssostni li r-rikorrenti setgħu, minn meta bdiet topera l-intrapriża konġunta JET, fl-1978, iqajmu l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ li jilmentaw dwarhom illum u li huma aġixxew b'mod liberu u b'għarfien tal-kawża meta ffirmaw kuntratt mal-prinċipal. Min-naħa l-oħra, hija tqis li peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li kien hemm bidla ta' ċirkustanzi fl-iżvilupp tal-proġett JET fis-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ir-rikorrenti kellhom jaġixxu f'terminu raġonevoli li kellu jibda jiddekorri mill-qari ta' din is-sentenza. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u safejn l-Artikolu 90 ta' l-istatut ma jistabbilixxix terminu sabiex titressaq talba, dan it-terminu raġonevoli ma jistax ikun ta' aktar minn għaxar snin.

56      Ir-rikorrenti jsostnu li, fir-rigward tal-biċċa l-kbira tagħhom, it-talbiet tagħhom għal ħlas ta' kumpens kienu indirizzati lill-Kummissjoni fl-aħħar tas-sena 1999 minħabba t-tmiem imminenti tal-proġett JET u li huma ma kinux ippreżentawhom tard peress li ma kien hemm ebda terminu ħlief dawk previsti fl-Artikoli 90 u 91 ta' l-istatut li setgħu jipprekludu t-talbiet tagħhom.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

57      Peress li l-kawża taqa' taħt l-Artikolu 152 KEEA, kif intqal fil-punt 54 aktar 'il fuq, ir-regoli ta' ammissibbiltà ta' dan ir-rikors huma stabbiliti esklużivament mill-Artikoli 90 u 91 ta' l-istatut u jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni kemm ta' l-Artikoli 151 KEEA u 188 KEEA (Artikoli 235 KE u 288 KE) kif ukoll ta' l-Artikolu 43 (li sar l-Artikolu 46) ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il-Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punti 7, 10 u 11).

58      Hemm qbil li r-rikorrenti segwew il-proċedura prevista fid-dispożizzjonijiet ta' l-istatut imsemmija aktar 'il fuq. Madankollu, l-Artikolu 90(1) ta' l-istatut ma jistabbilixxi ebda terminu sabiex titressaq talba (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Mejju 1981, Reinarz vs Il-Kummissjoni, 29/80, Ġabra p. 1311, punt 12), kif rikonoxxut mill-konvenuta.

 Obbligu li jitħares terminu raġonevoli

59      Il-ħarsien ta' terminu raġonevoli huwa meħtieġ fil-każijiet kollha fejn, fin-nuqqas ta' regola miktuba, il-prinċipji ta' ċertezza legali jew ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi jipprekludu lill-istituzzjonijiet u lill-persuni fiżiċi jew morali milli jaġixxu mingħajr ebda limitu ta' żmien, u b'hekk ikunu qed jirriskjaw, b'mod partikolari, li jqegħdu fil-perikolu l-istabbilità ta' pożizzjonijiet legali diġà determinati. Fil-kawżi għal ħlas ta' danni li jistgħu jirriżultaw f'piż finanzjarju għall-Komunità, il-ħarsien ta' terminu raġonevoli sabiex tiġi ppreżentata talba għal ħlas ta' kumpens joħroġ ukoll mill-bżonn li jiġu protetti il-finanzi pubbliċi li huwa espress speċifikament, għall-kawżi li jirrigwardaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, fit-terminu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin stabbilit fl-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

60      Għall-istituzzjonijiet Komunitarji, il-ħarsien ta' terminu raġonevoli jikkostitwixxi aspett tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I-1503) u joħroġ mill-bżonn fundamentali ta' ċertezza legali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 1972, Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punti 20 u 21).

61      Fir-rigward tal-persuni fiżiċi jew morali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-każ ta' rikors għal ħlas ta' kumpens, li l-persuna leża, bir-riskju li jkollha tħallas il-kumpens hija stess, għandha ġġib prova ta' diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tad-dannu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061, punt 33).

62      L-uffiċjal jew l-aġent għandu jħares terminu raġonevoli sabiex jippreżenta talba lill-istituzzjoni Komunitarja li għandu jibda jiddekorri minn meta huwa jsir jaf b'att jew b'fatt sustanzjali ġdid (ara, fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Diċembru 1983, Blomefield vs Il-Kummissjoni, 190/82, Ġabra p. 3981, punti 10 u 11, u digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1998, Koopman vs Il-Kummissjoni, T-202/97, Ġabra SP p. I-A-163 u II-511, punt 24, u tad-29 ta' April 2002, Jung vs Il-Kummissjoni, T-68/98, Ġabra SP p. I-A-55 u II-251, punt 41).

63      Din il-ħtieġa għandha wkoll tiġi applikata, b'analoġija, għal talba għal deċiżjoni li ssir minn persuni li la huma uffiċjali u lanqas huma aġenti iżda li jindirizzaw ruħhom lill-istituzzjoni Komunitarja u jitolbuha tesprimi l-pożizzjoni tagħha.

64      Il-ħarsien ta' terminu raġonevoli impost fuq l-individwi sabiex jippreżentaw talba għal ħlas ta' kumpens għal dannu kkawżat mill-Komunità fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha ma' l-aġenti tagħha jservi, b'mod partikolari f'dan il-kuntest, l-għan, marbut maċ-ċertezza legali, li jiġi evitat li l-baġit Komunitarju jiġi espost għal spejjeż marbuta ma' avvenimenti li jkunu ilhom ħafna li ġraw.

65      Fi kwalunkwe każ, dan jiġri meta, bħal fil-każ in eżami, l-kawża mressqa għandha għan esklużivament finanzjarju u ma tistax tirriżulta f'bidla fir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata u r-rikorrenti jew bejn din l-istituzzjoni jew l-aġenti tagħha.

66      Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-obbligu li jitħares terminu raġonevoli, li joħroġ mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari mill-prinċipju ta' ċertezza legali, f'dan il-każ kien japplika għat-talba tar-rikorrenti sabiex jiksbu mingħand il-Komunità kumpens għal dannu imputabbli lil din ta' l-aħħar.

 Tul ta' terminu raġonevoli

67      Il-perijodu li matulu l-persuni kkonċernati għandhom iressqu t-talbiet tagħhom għal ħlas ta' kumpens għal dannu quddiem l-istituzzjoni Komunitarja sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ppreżentati f'terminu raġonevoli li jibda jiddekorri minn meta jkunu saru jafu bis-sitwazzjoni li jilmentaw dwarha għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' dritt u ta' fatt li jikkaratterizzaw din is-sitwazzjoni. Il-karattru raġonevoli ta' terminu għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ u, b'mod partikolari, skond l-importanza tal-kawża għal persuna kkonċernata, tal-kumplessità tal-kawża u ta' l-imġieba tal-partijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 187).

68      Għandu jiġi kkonstatat li, fost id-diversi ipoteżi li fihom il-ġurisprudenza teħtieġ il-ħarsien ta' terminu raġonevoli, ebda waħda mhija komparabbli maċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża u ebda waħda ma tista' sservi bħala bażi għal raġonament b'analoġija fir-rigward tat-tul tat-terminu.

69      Min-naħa l-oħra, mit-terminu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin previst fl-Artikolu 46 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' kawża għal responsabbilità mhux kuntrattwali, imsemmi fil-punt 59 aktar 'il fuq, jista' joħroġ punt ta' referenza għalkemm dan it-terminu ma japplikax għal kawżi bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha (sentenza Meyer-Burckardt vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 7, 10 u 11). Din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi impost obbligu, fuq kull persuna li titlob ħlas għal kumpens ta' dannu mingħand il-Komunità, li tħares terminu li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u li huwa definit fl-interess ta' kulħadd. Fil-fatt, fl-istess waqt hija tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddisponi minn perijodu twil biżżejjed, li jibda jiddekorri minn meta jkun seħħ il-fatt li jikkawża d-dannu, sabiex tressaq it-talbiet tagħha quddiem l-istituzzjoni Komunitarja, u sabiex il-Komunità tipproteġi l-finanzi Komunitarji kontra talbiet li l-awturi tagħhom ikunu urew imġieba ftit li xejn diliġenti.

70      Din ir-referenza hija rilevanti f'din il-kawża peress li, jekk fil-kawża jiġi deċiż, favur ir-rikorrenti, li l-Komunità hija responsabbli u din tiġi ordnata tħallashom il-kumpens għad-danni, l-effetti tas-sentenza jkunu jikkonċernaw, prinċipalment jekk mhux esklużivament, il-finanzi Komunitarji.

71      Fil-fatt, ir-rikorrenti qatt ma kellhom rabta legali diretta ma' l-intrapriża konġunta JET u l-Kummissjoni, u fi kwalunkwe każ, l-intrapriża konġunta ma kinitx għadha teżisti fil-31 ta' Diċembru 1999. Iż-żmien li ħadu r-rikorrenti sabiex iressqu l-kawża tagħhom, li l-għan tagħha huwa purament ħlas ta' kumpens għal dannu, ma jistax, per eżempju, jippreġudika d-drittijiet ta' terzi u lanqas jista' jikkontesta l-istabbilità tal-kundizzjonijiet legali li fihom jaġixxu l-istituzzjonijiet Komunitarji. Iċ-ċertezza legali, li f'dan il-każ tipprova tipproteġi l-eżiġenza ta' terminu raġonevoli, konsegwentement hija essenzjalment għall-benefiċċju tal-finanzi Komunitarji.

72      F'dawn iċ-ċirkustanzi, u meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-punt ta' referenza offrut mit-terminu ta' preskrizzjoni ta' ħames snin previst fl-Artikolu 46 ta' l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għal kawża dwar responsabbiltà mhux kuntrattwali u n-nuqqas ta' referenza oħra jew kwalunkwe raġuni oħra rilevanti sabiex dan il-punt ta' referenza jiġi injorat, għandu jiġi kkunsidrat, b'analoġija, li hekk kif il-persuni kkonċernati qiesu li kienu suġġetti għal trattament diskriminatorju illegali, huma kellhom iressqu talba lill-istituzzjoni Komunitarja sabiex din tieħu l-miżuri xierqa sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni u ġġibha fi tmiem f'terminu raġonevoli li ma kellux ikun ta' aktar minn ħames snin li jibdew jiddekorru minn meta jsiru jafu bis-sitwazzjoni li jilmentaw dwarha.

 Punt ta' tluq għad-definizzjoni ta' terminu raġonevoli

73      Fin-nuqqas ta' att, unilaterali jew kuntrattwali, li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjoni Komunitarja u kull wieħed mir-rikorrenti, għandu jiġi stabbilit liema kien il-fatt li ħareġ għad-dawl is-sitwazzjoni allegatament diskriminatorja li nstab fiha kull wieħed minnhom meta mqabbla mal-persunal l-ieħor li kien jaħdem fit-tim tal-proġett JET. Dan il-fatt jista' mbagħad jiġi kkwalifikat bħala l-fatt sustanzjali ġdid li, f'terminu raġonevoli minn meta ssir taf bih, il-persuna kkonċernata għandha tressaq it-talba tagħha lill-Kummissjoni.

74      Skond il-proċess u l-preżentazzjoni li saret fil-punti 28 u 29 aktar 'il fuq dwar il-kundizzjonijiet ta' impjieg fil-JET għall-persunal kuntrattwali bħalma kienu r-rikorrenti, kienu ġew konklużi kuntratti li setgħu jerġgħu jiġi mġedda bejn id-direzzjoni tal-JET u l-intrapriżi terzi li kienu jipprovdu l-ħaddiema sabiex jiġu pprovduti wieħed jew aktar ħaddiema. Huwa minnu li r-rikorrenti ma kinux partijiet kontraenti fil-kuntratti, individwali jew kollettivi, konklużi b'dan il-mod peress li dawn kienu jistabbilixxu li l-prinċipal tagħhom kienet l-intrapriża ko-kontraenti tal-JET (Artikoli 3 u 4 tal-kuntratt standard individwali, Artikoli 5 u 8 tal-kuntratt standard kollettiv). Madankollu, kull ħaddiem kien jiffirma anness mal-kuntratt li kien jindika l-obbligi u r-responsabbiltajiet tiegħu fil-kuntest tal-fatt li hu jkun ġie pprovdut lill-JET u, b'mod partikolari, kien jaċċetta l-kundizzjonijiet tal-kuntratt li kienu jorbtu lill-prinċipal tiegħu u lill-JET u l-kunsens tiegħu li kien suġġett għalihom.

75      B'hekk, il-kuntratti, individwali jew kollettivi, hawn fuq imsemmija, kienu jiddeterminaw b'mod preċiż u mhux ambigwu, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-JET bħala persunal salarjat ta' intrapriżi terzi ko-kontraenti tal-JET li ġew ipprovduti lill-intrapriża konġunta mill-prinċipali tagħhom, jiġifieri kundizzjonijiet ta' impjieg distinti minn dawk tal-persunal ipprovdut lill-intrapriża konġunta mill-UKAEA jew mill-membri l-oħra ta' l-intrapriża konġunta li kienu ħadmu magħhom.

76      Mill-kuntratti standard, individwali jew kollettivi, konklużi bejn il-JET u l-intrapriżi terzi u ppreżentati fil-proċess, jirriżulta li dawn ġew konklużi għal żmien massimu ta' sena u setgħu jerġgħu jiġu mġedda iżda setgħu jiġu interrotti f'kull mument, b'notifika ta' xahar (Artikolu 2 tal-kuntratt standard individwali, Artikoli 4 u 5.7 tal-kuntratt standard kollettiv). Il-Kummissjoni spjegat li din il-limitazzjoni ta' żmien kienet marbuta mal-fatt li l-JET kienet topera fuq baġit annwali u żiedet tgħid li "meta s-servizzi tal-persuni kkonċernati kienu meħtieġa għal aktar minn sena, il-kuntratti konklużi ma' l-intrapriżi kienu kull darba mġedda għal perijodu ġdid ta' sena". Barra minn hekk, skond il-kundizzjonijiet tal-kuntratti standard, it-tiġdid tal-kuntratti seta' jsir biss fuq l-inizjattiva ta' l-intrapriża konġunta u mhux mill-intrapriżi terzi u inqas u inqas mill-impjegati. L-Artikolu 2 tal-kuntratt standard individwali u l-Artikolu 4 tal-kuntratt standard kollettiv jipprovdu, bl-istess mod: "L-intrapriża konġunta, fuq għażla tagħha, tirriżerva d-dritt li testendi l-kuntratt għal perijodu ieħor ta' tnax-il xahar." Ma kien hemm ebda dispożizzjoni dwar it-tiġdid taċitu tal-kuntratti.

77      Ir-rikorrenti emfasizzaw li l-kundizzjonijiet ta' impjieg tagħhom kienu prekarji. Huma sostnew ukoll li kienu mħallsa bis-siegħa. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, fl-aħħar ta' kull ġimgħa, il-ħaddiem ikkonċernat u r-"responsible officer" (uffiċjal responsabbli) tal-JET kellhom jiffirmaw skeda li wara kienet tintbagħat lill-intrapriża li tipprovdi s-servizzi sabiex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tagħhom.

78      Barra minn hekk, minn siltiet tar-rapporti ta' l-attivitajiet tal-JET ppreżentati fil-proċess jirriżulta li l-impjieg tal-persunal kuntrattwali bħalma kienu r-rikorrenti, fuq bażi ta' ri-eżami kull sena, kien jikkostitwixxi element tal-politika tat-tmexxija tal-persunal adottata u implimentata mill-intrapriża konġunta.

79      Il-Kummissjoni ssostni li l-istatus tar-rikorrenti ma kienx prekarju daqs kemm jallegaw u huma kienu jħossuhom konvinti li kienu ser jibqgħu jaħdmu mal-JET sakemm jintemm il-programm, kif jidher mill-petizzjoni li ppreżentaw lill-kunsill tal-JET fl-10 ta' Marzu 1997 sabiex jiksbu bonuses speċjali fl-aħħar tal-proġett.

80      Madankollu, il-fatt li l-kuntratti annwali konklużi mid-direzzjoni ta' l-intrapriża konġunta kienu ġeneralment imġedda u li 62 mill-119-il awtur tal-petizzjoni kien ilhom bejn 10 snin u aktar minn 20 sena jaħdmu mal-JET ma jaffettwax ġuridikament il-karattru prekarju tas-sitwazzjoni ta' impjieg li l-estensjoni tiegħu, li kienet ri-eżaminata kull sena u li kellha tkun espressa, kienet f'idejn id-diskrezzjoni tal-JET.

81      B'hekk, il-prekarjetà tal-kundizzjonijiet ta' inkarigu u ta' impjieg tar-rikorrenti li tirriżulta mill-annwalità tal-kuntratti li setgħu jiġu interrotti f'kull ħin u li t-tiġdid tagħhom kien inċert u suġġett għad-deċiżjoni espressa ta' l-intrapriża konġunta, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li dawk ikkonċernati seta' jkollhom u kien jibqa' jkollhom ċerta sigurtà fil-pożizzjoni tagħhom minn meta l-ewwel jiġu pprovduti lill-JET, għal tul nominali ta' sena.

82      In-natura speċifika tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, differenti minn dik ikkunsidrata mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, teskludi li d-data ta' meta ngħatat din is-sentenza tista' tiġi meqjusa, kif ġie ssuġġerit mill-Kummissjoni, bħala avveniment li minnu dawk ikkonċernati setgħu jiġu kkunsidrati bħala informati biżżejjed dwar l-imsemmija sitwazzjoni.

83      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, hija l-konklużjoni ta' kull kuntratt, oriġinali jew imġedded, li timmarka l-punt li fih tkun ġiet magħrufa s-sitwazzjoni kkritikata u din tirrappreżenta fatt sustanzjali ġdid li minn meta jseħħ, ir-rikorrenti jkunu meqjusa li saru jafu bis-sitwazzjoni potenzjalment illegali li jkunu tqiegħdu fiha peress li l-Kummissjoni tkun naqset milli toffrilhom kuntratt għal aġent temporanju.

84      Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li t-talbiet għal ħlas ta' kumpens ippreżentati taħt l-Artikolu 90 ta' l-istatut, imressqa fit-12 ta' Novembru 1999 u fis-16 ta' Frar 2000 kif ingħad fil-punt 30 aktar 'il fuq, ġew ifformulati f'terminu raġonevoli fir-rigward ta' kuntratti li kienu konklużi jew imġedda ta' l-inqas ħames snin qabel din it-talba, jew, skond il-każ, wara data bejn it-12 ta' Novembru 1994 u s-16 ta' Frar 1995.

85      Ir-rikors, imressaq skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 90 u 91 ta' l-istatut, huwa għalhekk ammissibbli biss safejn it-talbiet għal ħlas ta' kumpens inklużi fih jirrigwardaw perijodu li jibda fid-data ta' konklużjoni jew tiġdid ta' l-ewwel kuntratt ta' impjieg tal-persuna kkonċernata li kien konkluż jew imġedded ta' l-inqas ħames snin qabel ma kull wieħed mir-rikorrenti ppreżenta t-talba tiegħu għal ħlas ta' kumpens.

 Fuq ir-responsabbiltà

Għal dak li jikkonċerna l-allegata illegalità

 L-argumenti tal-partijiet

86      Prinċipalment, ir-rikorrenti jiżviluppaw motiv wieħed ibbażat fuq id-diskriminazzjoni li kienu suġġetti għaliha fil-kuntest ta' l-attività tagħhom meta kienu jaħdmu fuq il-proġett JET, u dan fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ tagħhom, tar-remunerazzjonijiet tagħhom, tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni u ta' vantaġġi oħra marbuta ma' l-impjieg, kif ukoll tal-garanzija li jerġgħu jsibu impjieg ieħor fil-futur, meta mqabbla mal-persuni l-oħra impjegati fit-tim tal-proġett irreklutati għal postijiet temporanji mal-Kummissjoni. Huma jsostnu li d-direzzjoni tal-JET, billi kkwalifikathom bħala "persunal kuntrattwali", ippruvat iżżommhom taħt status differenti u diskriminatorju, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, filwaqt li kellhom jiġu rreklutati għal positijiet ta' aġenti temporanji.

87      Mill-aspett ta' fatt, ir-rikorrenti isostnu li l-kapaċitajiet tagħhom, il-kompetenzi tagħhom u l-kwalifiki tagħhom kienu simili għal dawk tal-membri tat-tim tal-proġett, li r-reklutaġġ tagħhom sar wara selezzjoni mid-direzzjoni tal-JET u li huma kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-membri tat-tim tal-proġett, taħt il-kontroll dirett tad-direzzjoni tal-JET. Huma jikkunsidraw li x-xogħlijiet li kienu jagħmlu, mill-aspett funzjonali, kienu jaqgħu taħt ix-xogħol tat-tim tal-proġett u kienu jagħmlu użu minn dokumenti u rapporti bħall-"JET Function Book" (ktieb dwar il-funzjoni tal-JET), il-paġni tal-JET fuq l-Internet, il-"JET News" (aħbarijiet tal-JET) jew ir-rapport intitolat "Safety Management Arrangement Document (SMAD) for the Integration of the JET Facilities into the Culham Division" (dokument dwar il-ftehim għal tmexxija sigura fl-integrazzjoni ta' l-impjanti tal-JET fid-diviżjoni ta' Culham), li allegatament jikkonferma li huma kienu jifformaw parti mill-ħaddiema tal-JET u li 71 minnhom kienu jokkupaw pożizzjonijiet ta' responsabbilità bħall-uffiċjali responsabbli tal-JET.

88      Mill-aspett legali, ir-rikorrenti jsostnu li kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta' "persunal ieħor" li jifforma t-tim tal-proġett imsemmi fl-Artikoli 8.1 u 8.5 ta' l-istatuti ta' l-intrapriża konġunta JET kif kienu fformulati oriġinarjament u kellhom jiġu rreklutati fuq din il-bażi fit-tim tal-proġett. Huma jindikaw li l-Artikolu 8 ta' l-istatuti japplika għall-persuni fiżiċi, li l-membri tat-tim tal-proġett huma individwi u li għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel użu minn kuntratti ma' prinċipali esterni sabiex tikkostitwixxi t-tim tal-proġett. Ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm, peress li kienu impjegati minn kumpanniji terzi u peress li ma kellhomx rabta kuntrattwali la ma' l-UKAEA u lanqas mal-Kummissjoni, ma kinux, fid-dritt, membri tat-tim tal-proġett, fil-fatt huma kellhom id-dritt li jifformaw parti minnu. Huma jsostnu wkoll li fl-1987 kien hemm Membru tal-Qorti ta' l-Awdituri li wera d-dubji tiegħu dwar il-legalità tat-trattament irriżervat mid-direzzjoni tal-JET għall-persunal ipprovdut minn kumpanniji terzi u kien talab lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-possibbiltà li tqis lil dan il-persunal bħala "persunal ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 8 ta' l-istatuti tal-JET.

89      Sussidjarjament, ir-rikorrenti jeċċepixxu l-illegalità ta' l-emenda ta' l-istatuti tal-JET adottata bid-deċiżjoni tat-13 ta' Ottubru 1998 wara s-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, safejn din ġiet interpretata bħala li telimina l-possibbiltà li "persunal ieħor" jiġi impjegat bħala aġent temporanju tal-Kummissjoni u applikata f'dan is-sens, li skond ir-rikorrenti tikkostitwixxi interpretazzjoni manifestament żbaljata ta' din is-sentenza. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li fis-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'istanza kkonstatat li "t-tim tal-proġett [kien jinkludi] ukoll persunal kuntrattwali pprovdut minn kumpannijiet terzi" (punt 24) u enfasizzat l-importanza tas-servizzi magħmula mill-persunal kuntrattwali fil-kuntest tal-kuntratti kummerċjali (punt 100).

90      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti, li ma kellhom ebda rabta legali ma' l-intrapriża konġunta JET, ma kinux impjegati la mill-UKAEA u lanqas mill-Kummissjoni, ma segħutx a posteriori jsostnu li kellhom id-dritt li jiġu ttrattati bħal li kieku kienu impjegati minn istituzzjoni Komunitarja u legalment ma setgħux jitolbu li jiġu nnominati bħala aġenti temporanji taħt il-KEEA ex post factum (sentenza ta' l-10 ta' Mejju 2000, Simon vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq). Il-Kummissjoni tenfasizza li din id-differenza legali kbira tipprekludi t-talbiet u l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. Hija ssostni li l-kunċett ta' "persunal ieħor", membri tat-tim tal-proġett, li jidher fl-Artikolu 8 ta' l-istatuti oriġinali, ma jikkonċernax lir-rikorrenti. Il-kunċett ta' "persunal ieħor" fis-sens ta' l-Artikoli 8.1 u 8.5 ta' l-istatuti huwa distint mill-kategoriji l-oħra ta' persunal li ma jifformawx parti mit-tim tal-proġett u li jinkludu, b'mod partikolari, il-persunal b'kuntratt bħalma huma r-rikorrenti.

91      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kienu jifformaw parti mill-persunal kuntrattwali, u li l-intrapriża konġunta JET, bħal kull intrapriża oħra kbira u kumplessa, dejjem irrikorriet għalihom, peress li l-istatuti tagħha ma kinux jippermettuha tirrekluta l-persunal tagħha stess. Hija żżid tgħid li din hija proċedura normali u komuni f'tali intrapriża. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li l-istatuti tal-JET ma jgħidu xejn espressament f'dan ir-rigward ma jfissirx li l-intrapriża konġunta ma setgħetx tirrikorri għal tali mod ta' reklutaġġ. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ukoll irrikonoxxiet li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom is-setgħa li jikkonkludu kuntratti bħal dawn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Diċembru 1989, Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, C-249/87, Ġabra p. 4127). B'hekk, ir-rikorrenti, kemm jekk jifformaw parti mill-gruppi u kemm jekk huma rreklutati individwalment, fil-każijiet kollha kienu impjegati ta' intrapriżi terzi li jipprovdu servizzi lill-intrapriża konġunta JET jew kontraenti li jipprovdu s-servizzi lill-intrapriża konġunta JET jew kontraenti li jipprovdu s-servizzi lil dawn l-intrapriżi; għalhekk, skond il-Kummissjoni, huma jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-Ingilterra u ta' Wales.

92      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti qatt ma fformaw parti mit-tim tal-proġett u lanqas kienu kkunsidrati bħala tali, iżda kienu jikkostitwixxu grupp differenti, li l-biċċa l-kbira kien jagħmel xogħlijiet li ma kienx hemm l-ekwivalenti dirett tagħhom fit-tim tal-proġett u li jidhru li stmaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ħafna aktar milli kellhom jistmawhom. Hija tindika li l-fatt li ċerti rikorrenti setgħu jeżerċitaw funzjonijiet simili għal dawk tal-membri tat-tim tal-proġett, li kellhom kwalifiki li kienu jippermettulhom jifformaw parti minn dan it-tim jew, jekk ikun il-każ, jidħlu minflok wieħed mill-membri tiegħu ma setax jagħtihom id-dritt li jkunu membri tat-tim tal-proġett. Hija żżid tgħid li d-dokumenti u ir-rapport li jibbażaw fuqhom, il-proċeduri ta' selezzjoni li kienu suġġetti għalihom jew ir-responsabbiltajiet li kienu jassumu xi uħud minnhom m'għandhomx effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuni kkonċernati, li ma kellhomx l-istatus ta' membru tat-tim tal-proġett.

93      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti qatt ma applikaw għal postijiet u lanqas segwew il-proċeduri ta' selezzjoni sabiex isiru membri tat-tim tal-proġett, li huma lanqas applikaw meta il-postijiet fit-tim tal-proġett kienu ddikjarati vakanti. F'dan ir-rigward, hija tenfasizza li d-direzzjoni tal-JET qatt ma fixklet tali żvilupp professjonali u għall-kuntrarju kienet tkun kuntenta meta xi persuni b'kuntratt kien jirnexxielhom jgħaddu mis-selezzjoni u jintegraw ruħhom fit-tim tal-proġett.

94      Il-Kummissjoni żżid tgħid li, fis-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza wkoll għamlet distinzjoni bejn il-"persunal ieħor" imsemmi fl-istatuti u l-kategoriji l-oħra ta' persunal li jaħdem fuq is-sit ta' l-intrapriża konġunta JET. It-tneħħija tal-kunċett ta' "persunal ieħor" fl-Artikolu 8 ta' l-istatuti, wara s-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, kellha l-għan li tikkoreġi n-nuqqas ta' ugwaljanza fit-trattament fit-tim tal-proġett li kien ikkritikat mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Il-persunal kuntrattwali, li kien baqa' barra minn dan it-tim, konsegwentement ma kienx effettwat minn din l-emenda. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-possibbiltà li jiġi rreklutat "persunal ieħor" qatt ma kienet applikata. Hija żżid tgħid li r-rikorrenti qatt ma qajmu l-kwistjoni ta' l-allegat dritt tagħhom li jiġu kkunsidrati bħala membri tat-tim tal-proġett bħala "persunal ieħor".

95      Il-Kummissjoni ssostni li hija m'għamlitx żball li tista' tinżamm responsabbli tiegħu u li r-rikorrenti ma kienu suġġetti għal ebda diskriminazzjoni, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, peress li legalment ma kinux membri tat-tim tal-proġett u ma kinux juru li kienu f'pożizzjoni simili għal dik tal-membri tat-tim. Hija tosserva wkoll li l-Qorti ta' l-Awdituri qatt ma ħarġet ebda kritika dwar il-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ fl-intrapriża konġunta.

96      Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jsostni li jiddubita li d-Deċiżjoni 98/585 tiegħu, li permezz tagħha huwa emenda l-istatuti ta' l-intrapriża konġunta u li qed jiġi allegat li hija illegali, hija applikabbli f'dan il-każ. Huwa jsostni li l-emendi ta' l-istatuti kienu legali u validi u fl-ebda każ ma kellhom rabta mal-fatti ta' dan il-każ, peress li r-rikorrenti kollha bdew jaħdmu fil-proġett JET qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 98/585.

97      Il-Kunsill isostni li huwa fil-kuntest tad-diskrezzjoni wiesgħa tiegħu li jista' jiddeċiedi dwar kif għandu jiġi rreklutat il-persunal tat-tim tal-proġett JET u li ma kellu ebda obbligu legali li jżomm il-kunċett ta' "persunal ieħor". Huwa jindika li ma kellu ebda obbligu li jipprovdi li persuni li ma kinux ġejjin minn organizzazzjonijiet ta' oriġini għandhom jiġu rreklutati bħala "persunal ieħor", u lanqas li jikkunsidra speċifikament il-każ tal-persunal impjegat fuq il-bażi ta' kuntratti ta' servizzi.

98      Il-Kunsill jenfasizza li r-rikorrenti, li ma kinux ġew ipprovduti lill-intrapriża konġunta la mill-UKAEA u lanqas mill-membri l-oħra ta' l-intrapriża konġunta, iżda li kienu jaħdmu fuq is-sit fuq il-bażi ta' kuntratt ta' servizzi konklużi minn terzi, ma jaqgħux taħt il-kategorija ta' persunal li, skond is-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, kienu suġġetti għal diskriminazzjoni. Huwa jżid jgħid li t-tneħħija ta' din it-tismija ma ħolqot ebda diskriminazzjoni u li ma sar ebda reklutaġġ wara l-emenda ta' l-istatuti.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

99      Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u, b'mod partikolari, fil-kawżi li, bħal dan il-każ, jaqgħu taħt ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha, jeżisti dritt għal ħlas ta' kumpens taħt id-dritt Komunitarju fil-każ biss li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità ta' l-imġieba li jkunu akkużati biha l-istituzzjonijiet Komunitarji, li d-dannu jkun ġie verament subit u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-imġieba u d-dannu subit (ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens, C-259/96 P, Ġabra p. I-2915, punt 23).

100    L-evalwazzjoni tal-mertu tal-kawża għal ħlas ta' kumpens ta' danni tar-rikorrenti teħtieġ, l-ewwelnett, li jiġi ddefinit il-kontenut tal-kunċett ta' "tim tal-proġett", fis-sens ta' l-istatuti tal-JET kif kienu ifformulati oriġinarjament, jiġifieri li jiġi ddeterminat liema kienu x-xogħlijiet, il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet speċifiċi mogħtija lill-membri tagħha. It-tieninett, hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhomx xogħlijiet, funzjonijiet u responsabbiltajiet simili għal dawk tal-membri tat-tim tal-proġett, u jekk, minħabba dan il-fatt, kinux jaqgħu taħt il-kategorija ta' "persunal ieħor", li skond l-Artikolu 8.5 ta' l-imsemmija statuti, il-membri tiegħu kellhom jiġu rreklutati mill-Kummissjoni fuq postijiet temporanji, skond l-kundizzjonijiet ta' impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej (aktar 'il quddiem il-"kundizzjonijiet ta' impjieg".

101    Fil-fatt jeżisti qbil li l-impjieg ta' "persunal ieħor" kellu, kif inhu pprovdut espressament fl-istatuti, jiġi effettwat fil-kuntest ta' kuntratt ta' aġenti temporanji. Id-diskussjoni bejn il-partijiet hija dwar jekk ir-rikorrenti kinux effettivament jaqgħu taħt din il-kategorija partikolari u konsegwentement kellhomx jiġu offruti kuntratti bħal dawn mill-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-kunċetti ta' "tim tal-proġett" u ta' "persunal ieħor"

102    Għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta' "tim tal-proġett", l-istatuti tal-JET, b'mod partikolari l-Artikolu 8 ta' l-istatuti oriġinali, ikkwotat fil-punt 13 aktar 'il fuq, ma jagħtix definizzjoni xierqa tax-xogħlijiet irriżervati għall-membri tat-tim tal-proġett. L-Artikolu 8.2, dwar il-kompożizzjoni tat-tim tal-proġett, jindika li din għandha tiggarantixxi l-karattru Komunitarju tal-proġett u f'dan ir-rigward issemmi l-postijiet li jeħtieġu ċertu livell ta' kwalifikazzjoni bħalma huma il-fiżiċi, l-inġiniera u l-impjegati amministrattivi b'livell ekwivalenti. Artikolu 8.3 jippreċiża li l-membri ta' l-intrapriża konġunta għandhom jipprovduha b'tali persunal ikkwalifikat. Barra minn hekk, l-Artikolu 8.2 jagħti setgħat wiesgħa lid-direttur tal-proġett għas-selezzjoni tal-persunal.

103    Il-Kummissjoni ma tatx definizzjoni tal-karatteristiċi, fir-rigward ta' kompetenzi, kwalifiki, funzjonijiet u responsabbiltajiet, tal-postijiet li, fil-fehma tagħha jaqgħu taħt it-tim tal-proġett u li jiddistingwuhom minn dawk tar-rikorrenti, iżda illimitat ruħha prinċipalment li ssostni li dawn ta' l-aħħar ma jifformawx parti mit-tim tal-proġett. Il-konvenuta indikat biss li, fil-bidu, il-kunsill tal-JET kien iddeċieda li t-tim tal-proġett ma kellux jinkludi persunal industrijali.

104    B'hekk, apparti din l-eċċezzjoni, ma jidhirx li t-tim tal-proġett kien maħsub bħala livell ta' ġerarkija jew ta' kompetenzi professjonali definiti b'mod ċar.

105    Minn naħa, l-Artikolu 8.2, dwar il-kompożizzjoni tat-tim tal-proġett li jirrakkomanda li, għall-impjieg tal-fiżiċi, ta' l-inġiniera u ta' l-impjegati amministrattivi "ta' livell ekwivalenti", għandu jiġi ggarantit il-karattru Komunitarju tal-proġett, filwaqt li, bil-maqlub, jippermetti li jiġi konkluż li t-tim tal-proġett kien jinkludi imjiegi oħra, ta' livelli differenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet li t-tim tal-proġett kien jinkludi l-persunal amministrattiv mingħajr ma jillimitahom għal persunal ta' tmexxija.

106    Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rapporti annwali tal-JET, li ġew riprodotti siltiet minnhom fil-proċess, fil-kapitolu tagħhom "Persunal" jagħmlu distinzjoni bejn il-persunal li jifforma parti mit-tim tal-proġett ("team posts"), magħmul minn aġenti temporanji rreklutati taħt il-KEEA (persunal ipprovdut lill-intrapriża konġunta mill-membri tagħha apparti l-UKAEA, skond l-Artikolu 8.5 ta' l-istatuti), minn persunal ta' l-UKAEA u minn persunal tal-Kummissjoni (li jifforma parti mid-direzzjoni ġenerali tal-Kummissjoni inkarigata mix-xjenza, ir-riċerka u l-iżvilupp), u l-persunal li ma jifformax parti mit-tim ("non team posts") irreklutati b'kuntratti ("contract posts"), ma jidhirx li din il-preżentazzjoni, li sservi l-għanijiet tal-baġit, tikkorrispondi għal separazzjoni funzjonali bejn żewġ tipi ta' responsabbiltajiet distinti. Minn dawn ir-rapporti jirriżulta wkoll li l-persunal kuntrattwali ġie irreklutat b'mod partikolari għal postijiet ta' inġiniera, espressament imsemmija fl-Artikolu 8.2, iċċitat aktar 'il fuq, fost l-impjiegi li jaqgħu taħt it-tim tal-proġett, u li l-impjiegi bħal dawk tad-disinjaturi tekniċi jew operaturi tal-kompjuters, per eżempju, setgħu jiġu mimlija kemm minn persunal li jappartjeni lit-tim tal-proġett u kemm jekk le.

107    Barra minn hekk, fid-dawl tal-kumplessità xjentifika u teknoloġika tal-programm, kif enfasizzat fil-preambolu tad-Deċiżjoni 78/471 imsemmija fil-punt 8 aktar 'il fuq, it-tim tal-proġett, li jassisti lid-direttur tal-proġett fit-twettiq tax-xogħlijiet tiegħu (Artikolu 8.1) li jirrigwardaw, b'mod partikolari, l-eżekuzzjoni tal-pjan ta' żvilupp tal-proġett (Artikolu 7.2), jidher li huwa l-ikbar grupp ta' l-intrapriża konġunta u jiġbor fih ir-riżorsi umani kollha neċessarji għat-twettiq tal-programm.

108    Għalhekk, ma jidhirx li t-tim tal-proġett kien jikkostitwixxi kategorija riġida u predeterminata, li l-impjiegi u l-kwalifiki tar-rikorrenti ġew ovvjament esklużi minnu, lanqas jidher li fl-intrapriża konġunta kien hemm delimitazzjoni stretta u permanenti bbażata fuq in-natura tax-xogħlijiet li tiddistingwi x-xogħlijiet li jaqgħu taħt it-tim tal-proġett u li setgħu jsiru biss minn membri f'isem it-tim tal-proġett u dawk li kienu esterni għalih. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li huwa kien jinkludi persunal xjentifiku, tekniku u amministrattiv ta' kwalifiki differenti u li kienu f'livelli varji tal-ġerarkija.

109    Il-kunċett ta' "tim tal-proġett" fis-sens tad-Deċiżjoni 78/471, għandu għaldaqstant jiġi mifhum bħala l-funzjonijiet kollha neċessarji sabiex jitwettaq il-programm "Fużjoni" tal-KEEA.

110    Fir-rigward tal-kunċett ta' "persunal ieħor", l-istatuti tal-JET, fil-verżjoni oriġinali tagħhom, isemmu żewġ kategoriji ta' persunal li jifformaw it-tim tal-proġett: dak ipprovdut mill-membri ta' l-intrapriża konġunta u l-"persunal ieħor" (Artikolu 8.1). Fihom hemm ukoll previst (Artikolu 8.5) li, b'eċċezzjoni għal persunal ta' l-UKAEA, li jżomm l-istatus tiegħu u li fis-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ġie deċiż li din is-sitwazzjoni kienet diskriminatorja mid-19 ta' Diċembru 1991, il-persunal tat-tim tal-proġett ipprovdut lill-intrapriża konġunta mill-membri tagħha u dawk li jaqgħu taħt il-kategorija ta' "persunal ieħor" imsemmija minn dan l-artikolu kienu rreklutati fuq postijiet ta' aġenti temporanji skond il-kundizzjonijiet ta' impjieg.

111    Il-kategorija ta' "persunal ieħor" mhijiex definita ħlief skond il-metodu ta' reklutaġġ previst fl-istatuti tal-JET. Barra minn hekk, kif ingħad fil-punt 102 aktar 'il fuq, mhuwiex l-obbligu, skond l-imsemmija statuti, li jiġi rreklutat "persunal ieħor" fuq il-bażi ta' kuntratti ta' aġenti temporanji li qed jiġi diskuss, iżda huwa l-punt dwar jekk ir-rikorrenti, peress li fil-fatt huma kienu jifformaw parti mit-tim tal-proġett, kellhomx jiġu impjegati taħt il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jaċċedi għal din il-kategorija partikolari.

112    Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li din il-possibbiltà ta' reklutaġġ ta' "persunal ieħor" fuq il-bażi ta' kuntratti ta' aġenti temporanji, prevista fl-istatuti tal-JET, qatt ma ġiet użata u li l-istituzzjonijiet Komunitarji, li dejjem jistgħu joħorġu kuntratti għax-xiri ta' oġġetti u servizzi, jibqgħu liberi li jiddeċiedu dwar il-metodi ta' reklutaġġ tat-tim tal-proġett. Huma ma kellhom ebda obbligu legali ieħor li jirreklutaw "persunal ieħor" taħt kuntratt ta' aġent temporanju.

113    Huwa minnu li l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-mezzi l-aktar xierqa sabiex jilħqu l-bżonnijiet personali tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Frar1989, Van der Stijl et vs Il-Kummissjoni, 341/85, 251/86, 258/86, 259/86, 262/86 u 266/86, 222/87 u 232/87, Ġabra p. 511, punt 11), b'mod partikolari, fir-rigward ta' l-impjieg ta' aġenti temporanji (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Novembru 1998, Fabert-Goossens vs Il-Kummissjoni, T-217/96, Ġabra SP p. I-A-607 u II-1841, punt 29). Dan huwa minnu fir-rigward, b'mod partikolari, ta' l-organizzazzjoni u tal-funzjonament ta' l-intrapriżi konġunti (sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, punt 154).

114    Il-fatt li l-istatuti tal-JET jipprovdu li l-"persunal ieħor" tat-tim tal-proġett kien irreklutat fuq il-bażi ta' kuntratti ta' aġenti temporanji ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi għal reklutaġġ bħal dan jekk dan ma kienx jikkorrispondi għal ebda bżonn tat-tim tal-proġett. Id-direzzjoni ta' l-intrapriża konġunta kellha kull diskrezzjoni sabiex tiddetermina, fil-kompożizzjoni tat-tim tal-proġett, il-parti li kellha tkun ifformata minn kull waħda miż-żewġ kategoriji ta' persunal imsemmija fl-Artikolu 8.1 ta' l-istatuti (persunal ġej mill-membri ta' l-intrapriża konġunta u persunal ieħor), u d-deċiżjoni tagħha tidħol fis-seħħ billi jiġu inklużi fil-lista ta' impjegati li tidher fil-baġit annwali. Hija setgħet ukoll tirrikorri għal kumpanniji li jipprovdu l-ħaddiema jew li jipprovdu servizzi sabiex jagħmlu d-diversi xogħlijiet neċessarji fl-operazzjoni ta' l-intrapriża konġunta, iżda li ma jaqgħux taħt waħda mill-funzjonijiet mogħtija lilha skond it-Trattati (sentenza Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, punt 14), funzjonijiet li t-tim tal-proġett kien inkarigat li jassigura taħt l-awtorità tad-direttur tal-proġett.

115    Min-naħa l-oħra, id-direzzjoni tal-JET ma setgħetx tikkonkludi kuntratti bħal dawn mal-kumpanniji tal-ħaddiema jew li jipprovdu is-servizzi bil-għan li tevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Ġunju 1985, Klein vs Il-Kummissjoni, 123/84, Ġabra p. 1907, punt 24, u Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 11). Fil-fatt, il-funzjonijiet li t-Trattati jattribwixxu lill-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jiġu fdati lill-intrapriżi esterni iżda għandhom jiġu magħmula mill-persunal kopert mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Persunal (sentenza Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, punti 13 u 14).

116    Madankollu, mid-Deċiżjoni 78/471, imsemmija fil-punti 8, 107 u 109 aktar 'il fuq, jirriżulta li l-proġett JET kien jirrappreżenta stadju importanti fit-twettiq tal-programm "Fużjoni" tal-KEEA li kien jiġġustifika, minħabba l-kumplessità xjentifika u teknoloġika tiegħu, l-importanza tiegħu għas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija għal matul żmien twil u r-riżorsi finanzjarji u umani neċessarji għat-twettiq tiegħu, il-kostituzzjoni ta' intrapriża konġunta. Proġett bħal dan, li t-twettiq tiegħu huwa assigurat permezz tat-tim tal-proġett JET previst fl-istatuti, kif ingħad fil-punt 107 aktar 'il fuq, jaqa' taħt ix-xogħlijiet, imsemmija fil-punti 1 u 2 aktar 'il fuq, fdati lill-Komunità permezz tat-Trattat KEEA.

117    Konsegwentement, safejn, fl-intrapriża konġunta JET, il-kwistjoni kienet dwar il-funzjonijiet li t-Trattati jattribwixxu lill-istituzzjonijiet Komunitarji, fis-sens tal-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, tali funzjonijiet, meta ma kinux assigurati minn persunal ipprovdut mill-membri ta' l-intrapiża konġunta, setgħu jsiru biss minn "persunal ieħor" irreklutat skond ir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għal aġent temporanju, skond il-kundizzjonijiet ta' impjieg, kif kienu jeżiġu l-istatuti oriġinali tal-JET.

118    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja l-istatus ġuridiku u baġitarju rriżervat għar-rikorrenti, dawn kellhomx jiġu meqjusa, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-funzjonijiet fdati lilhom, bħala li jifformaw parti mit-tim tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 8 ta' l-istatuti.

119    F'dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni, sostnut mill-Kunsill, li r-rikorrenti ma kellhom ebda rabta legali ma' l-intrapriża konġunta JET u li qatt ma ġew meqjusa bħala li jifformaw parti mit-tim tal-proġett, li miegħu ma kien ġie rreklutat ebda persunal ieħor, mhuwiex rilevanti, peress li hawnhekk għandu preċiżament jiġi ddeterminat jekk huwiex legali jew le li r-rikorrenti ma kinux tħallew jifformaw parti mit-tim tal-proġett, bil-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw skond ir-Regolamenti tal-Persunal.

Fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-JET

120    Il-partijiet ma jaqblux dwar in-natura tax-xogħlijiet eżerċitati mir-rikorrenti fis-servizz ta' l-intrapriża konġunta JET. Il-partijiet interessati jsostnu li, permezz tal-kwalifiki, funzjonijiet u responsabbiltajiet tagħhom, huma kienu, fil-fatt, membri tat-tim tal-proġett. Il-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li l-persuni kkonċernati kienu jifformaw grupp eteroġenu, kompost minn impjegati li ma kinitx issir differenza bejniethom fir-rigward tal-gruppi ta' ħaddiema, li x-xogħlijiet tagħhom ġew stmati mill-persuni kkonċernati ħafna aktar milli kellhom jistmawhom, u li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma jikkorrispondux għal dawk tal-membri tat-tim tal-proġett.

121    Mill-proċess u mill-klassifikazzjoni ta' l-impjiegi tar-rikorrenti li tinsab annessa mar-risposta tad-difiża jirriżulta li dawn kienu mqassmin f'37 tekniku, 23 inġinier, 18-il disinjatur tekniku, 10 kapijiet ta' tim jew ta' grupp, 5 impjegati ta' l-uffiċċju, 1 aġent tas-sigurtà u 1 saldatur speċjalizzat. Madankollu, l-impjiegi u l-kwalifiki tar-rikorrenti, kif stabbiliti mill-Kummissjoni, jidhru analogi, fir-rigward tan-natura u tal-livell tagħhom, għal dawk tal-membri tat-tim tal-proġett. Barra minn hekk, l-Kummissjoni ammettiet, fis-seduta tat-8 ta' Mejju 2003, li ma kienx hemm differenzi fundamentali bejn il-membri tat-tim tal-proġett u r-rikorrenti, peress li l-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tat-tnejn li huma kienu simili, iżda li l-metodu ta' reklutaġġ tal-persunal bħar-rikorrenti sabiex "jimlew it-toqob" kien ir-riżultat ta' kunsiderazzjonijiet amministrattivi.

122    Din is-similarità fil-funzjonijiet hija kkonfermata mill-pjan ta' stabbiliment tal-JET. Il-ktieb dwar il-funzjoni tal-JET għas-sena 1997, prodott bħala eżempju, juri li, fi kważi d-dipartimenti kollha tal-JET, il-persunal kuntrattwali huwa rrappreżentat, mingħajr ma ssir distinzjoni bejnhom u bejn il-kollegi tagħhom membri tat-tim tal-proġett u li jokkupaw postijiet li xi drabi l-isem tagħhom kien eżattament l-istess għal dak tal-postijiet okkupati minn dawn il-kollegi. Barra minn hekk minn dan il-pjan ta' stabbiliment jirriżulta li, fl-erba' każijiet tal-"Finance Service" (servizz finanzjarju), tal-"Quality Assurance Group" (grupp li jiggarantixxi l-kwalità), tar-"Remote Handling Group" u tal-"Magnet Systems Group" (grupp tas-sistemi magnetiċi), il-persuna inkarigata mid-dipartiment jew mit-tim kienet tifforma parti mill-persunal kuntrattwali.

123    Barra minn hekk, hemm qbil li xi uħud mir-rikorrenti assumew ċerti responsabbiltajiet fit-tim tal-proġett. It-tismija ta' uħud minnhom fil-pjan ta' stabbiliment tal-JET jew f'dokumenti oħra ta' l-intrapriża konġunta hija element ta' fatt addizzjonali li jikkonferma li l-persuni kkonċernati kienu effettivament imdaħħla f'dan it-tim. Bl-istess mod, f'ċerti rapporti annwali dwar l-istat ta' avvanz tal-JET, il-Kummissjoni ammettiet li xi uħud mir-rikorrenti kienu għamlu kontribuzzjonijiet xjentifiċi.

124    Il-każijiet partikolari ta' ċerti rikorrenti li kellhom impjiegi amministrattivi jew tekniċi jew il-każ, iżolat, tas-saldatur speċjalizzat ma jistax jaffettwa l-konstatazzjonijiet preċedenti, peress li t-tim tal-proġett ma kienx jidher li kien grupp predefinit, permanenti u limitat, kif ġie kkonstatat aktar 'il fuq, u li l-impjiegi li kellhom ir-rikorrenti kienu ekwivalenti għal impjiegi fit-tim tal-proġett f'xi mument jew ieħor matul l-operazzjoni tal-programm JET. Fil-każ tas-saldatur speċjalizzat li, ġie msemmi b'mod partikolari fis-seduta tat-8 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni ma qalitx li ma kienx espert fil-qasam tiegħu u li l-membri l-oħra tat-tim tal-proġett kellhom responsabbiltajiet simili għal tiegħu.

125    Barra minn hekk, il-proċeduri ta' reklutaġġ tar-rikorrenti ma kinux differenti b'mod notevoli minn dawk applikati għal persunal ta' l-UKAEA u tal-membri l-oħra ta' l-intrapriża konġunta. Mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad-19 ta' Frar 2003, b'risposta għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jirriżulta li t-tnejn li huma kienu għaddew minn selezzjoni mid-direzzjoni tal-JET u kellhom intervista magħha. L-unika differenza kienet li d-direttur tal-JET kien jinnomina l-persunal ipprovdut mill-membri ta' l-intrapriża konġunta, filwaqt li fil-każ tal-persunal kuntrattwali, ir-reklutaġġ ta' dawk ikkonċernati kien ikun suġġett għall-approvazzjoni tal-direttur tal-JET u tal-kunsens tal-Kumitat Eżekuttiv tal-JET.

126    Il-klawsoli tal-kuntratti individwali jew kollettivi konklużi bejn l-intrapriża konġunta JET u l-kumpanniji terzi juru wkoll li l-kundizzjonijiet ta' xogħol tar-rikorrenti kienu stabbiliti mid-direzzjoni tal-JET, li kienu suġġetti għall-awtorità tagħha u li kellhom iħarsu r-regolamenti applikabbli għall-intrapriża konġunta (Artikolu 3 tal-kuntratt standard individwali u Artikolu 5 tal-kuntratt standard kollettiv). Ir-rikorrenti jsostnu, mingħajr ma jiġu kontradetti, li l-kundizzjonijiet tagħhom ta' xogħol fuq il-pjan ta' l-organizzazzjoni materjali u l-kontenut u l-metodu kienu definiti mid-direzzjoni ta' l-intrapriża konġunta JET.

127    Ir-rapporti ta' l-attivitajiet tal-JET jipprovdu prova tal-kollaborazzjoni mill-qrib tal-persunal kuntrattwali mat-tim tal-proġett u jikkonfermaw li x-xogħlijiet li jaqgħu taħt it-tim tal-proġett setgħu, mingħajr distinzjoni, jiġu fdati lill-membri stess tat-tim jew lill-persunal kuntrattwali. Ir-rapport għas-sena 1981, wara li semma żieda fin-numru tal-membri tat-tim tal-proġett, jindika (paġna 14): li "r-reklutaġġ ta' uħud mill-persunal, b'mod partikolari inġiniera u tekniċi, baqa' jkun diffiċli, għalkemm kien hemm ċertu titjib matul it-tieni simestru tas-sena fir-rigward tar-reklutaġġ ta' persunal Ingliż għal positijiet ta' inġiniera u ta' tekniċi. Madankollu, baqa' neċessarju li jiġi impjegat numru kunsiderevoli ta' persunal kuntrattwali."

128    Mill-proċess jirriżulta li l-persunal kuntrattwali laħaq il-bżonnijiet ta' riżorsi umani tal-proġett JET b'mod kwantitattiv kbir u fuq bażi permanenti għal matul iż-żmien li baqgħet teżisti l-intrapriża konġunta.

 Fir-rigward tal-bżonnijiet tal-persunal tat-tim tal-proġett

129    Jidher li l-kunsill tal-JET, li fil-bidu kien iddeċieda li jirrikorri għal persunal kuntrattwali sabiex jimla l-postijiet ikkwalifikati bħala industrijali u tekniċi, kif intqal fil-punt 103 aktar 'il fuq, wara żviluppa l-ftehim b'mod kunsiderevoli, b'mod partikolari, fil-kuntest tal-gruppi taħt kuntratt. B'hekk, fl-Kummissjoni, fir-risposta tad-difiża tagħha ppreċiżat li l-intrapriża konġunta kellha wkoll tikkonkludi kuntratti sabiex tikseb persunal kuntrattwali f'każ li jkun diffiċli għall-membri tal-JET li jsibu l-persunal xjentifiku, tekniku u amministrattiv neċessarju mat-tim tal-proġett skond l-istatuti. Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 100 tas-sentenza Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, sostniet li "wara kjarifika tal-Ftehim dwar is-sostenn mogħti mill-organizzazzjoni ospitanti, innegozjat fl-1987 u rratifikat mill-Kunsill tal-JET fl-1988, numru kbir ta' servizzi, li qabel kienu pprovduti fuq il-bażi ta' l-imsemmi ftehim ta' sostenn mogħti mill-organizzazzjoni ospitanti, minn dakinhar [kienu] bdew jiġu pprovduti fuq bażi kummerċjali wara proċedura ta' sejħa għal offerta."

130    Il-persunal kuntrattwali kien irreklutat taħt kuntratti individwali jew taħt kuntratti kollettivi (grupp ta' ħaddiema), skond l-arranġamenti msemmija fil-punti 28 u 29 aktar 'il fuq. 53 rikorrenti kienu ġew irreklutati taħt kuntratti individwali u 42 minnhom taħt kuntratti kollettivi. L-impjiegi baġitarji għal aġenti rreklutati b'dan il-mod kienu rreġistrati fil-lista ta' l-impjegati u identifikati bħala li ma jifformawx parti mit-tim tal-proġett.

131    Is-siltiet tar-rapporti annwali tal-JET, prodotti fil-proċess, li jikkonċernaw is-snin 1981, 1986, 1989, 1990 u 1998 u r-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-JET magħmul fl-1987, juru l-importanza kwantitativa tal-persunal kuntrattwali, imħallsa minn intrapriża terzi, ko-kontraenti tal-JET, li jipprovdu l-ħaddiema għall-intrapriża konġunta matul iż-żmien li fih kienet teżisti l-intrapriża konġunta.

132    Mill-kapitolu "Persunal" ta' dawn ir-rapporti, jirriżulta li l-persunal li ma kienx jifforma parti mit-tim tal-proġett, irreklutat permezz ta' kuntratt, li kien distint mill-persunal li jappartjeni lit-tim tal-proġett, kien jirrappreżenta proporzjon sostanzjali tan-numru totali ta' l-impjegati li kienu jaħdmu fuq il-proġett, jiġifieri, per eżempju, perċentaġġ ta' 37 % fl-1986 u ta' 48 % fl-1998.

133    Ir-rapport għas-sena 1986 jinnota "il-bżonn ta' aktar użu ta' persunal kuntrattwali sabiex jissodisfa l-bżonnijiet ta' ħaddiema" u jindika, wara li ssir din l-osservazzjoni, li, "minkejja li l-kompożizzjoni approvata tal-postijiet tat-tim kienet ta' 165 post [skond il-KEEA], 260 post u 19-il post issekondat, rispettivament, ta' l-UKAEA u tal-programm "Fużjoni" tad-[direzzjoni ġenerali tal-Kummissjoni inkarigata mix-xjenza, mir-riċerka u mill-iżvilupp], il-kunsill tal-JET approva numru ġdid ta' 210 post kuntrattwali, jiġifieri, żdieda totali ta' 44 post meta mqabbla mas-sena preċedenti". Dan ir-rapport iżid jgħid li:

"Il-postijiet kuntrattwali huma mimlija minn persunal impjegat minn kumpanniji u minn organizzazzjonijiet oħra u pprovduti fil-kuntest ta' kuntratti konklużi mill-JET ma' dawn il-kumpanniji."

134    Ir-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri ta' l-1987 irreġistra, bħala persunal awtorizzat, 449 post għat-tim tal-proġett u 231 post kuntrattwali u, bħala postijiet mimlija, 372 post għat-tim tal-proġett u 259 post kuntrattwali. Dan l-istess rapport kien jindika li l-persunal kuntrattwali ma kienx direttament marbut ma' l-intrapriża konġunta JET, iżda kien impjegat ma' kumpanniji li kkonkludew kuntratti ma' l-intrapriża konġunta fil-kuntest ta' proċedura ta' sejħiet għal offerti. Fuq talba tal-Qorti ta' l-Awdituri, id-direzzjoni ta' l-intrapriża konġunta, sussegwentement, irreġistrat il-krediti li jirrigwardaw l-impjieg ta' aġenti kuntrattwali taħt l-ispejjeż tal-persunal.

135    Il-Kummissjoni kkonfermat, fl-ittra tagħha tad-19 ta' Frar 2003, imsemmija fil-punt 125 aktar 'il fuq, l-istatistiċi li jidhru fir-rapporti tal-JET għal dak li jikkonċerna l-postijiet, baġitarji u effettivament mimlija, fit-tim tal-proġett u barra minnu, jiġifieri postijiet kuntrattwali, għat-tliet snin 1986, 1989 u 1998.

Sena

1986

1989

1998

Previżjonijiet/

realizzazzjonijiet

baġit

koperti

baġit

koperti

baġit

koperti

Postijiet fi ħdan it-tim

444

384

470

383

Mhux indikat

242.5

Postijiet kuntrattwali

210

229

210

242

Mhux indikat

255


136    B'hekk jidher li l-użu massiv li d-direzzjoni tal-JET għamlet mill-persunal kuntrattwali, bħalma kienu r-rikorrenti, sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta' persunal li l-membri ta' l-intrapriża konġunta ma kinux f'pożizzjoni li jissodisfaw permezz tas-sekondar, kif ġie indikat fil-punt 129 aktar 'il fuq, kellu l-għan li jeżegwixxi x-xogħlijiet li jaqgħu taħt it-tim tal-proġett. Ir-rapporti annwali tal-JET kienu juru d-diffikultajiet rikorrenti ta' l-intrapriża konġunta f'dan ir-rigward, bħalma jagħmel, per eżempju, ir-rapport annwali tas-sena 1981 imsemmi fil-punt 127 aktar 'il fuq, li jsemmi, b'mod partikolari, il-każ ta' l-inġiniera u t-tekniċi. Dawn ir-rapporti juru kif, matul iż-żmien li fih kien jeżisti l-JET, ir-reklutaġġ massiv u mġedded tal-persunal kuntrattwali kien jippermetti li dawn id-diffikultajiet jintgħelbu. It-tabella ppreżentata fil-punt 135 aktar 'il fuq, barra minn hekk turi li l-impjiegi baġitarji previsti għat-tim tal-proġett ma setgħux jiġu mimlija dejjem u kienu jsiru minn persunal kuntrattwali.

137    Barra minn hekk, għal ħafna mir-rikorrenti, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġett JET kienet għal żmien twil. Minn fost 95 rikorrent, 51 ħadmu għal aktar minn 10 snin ma' l-intrapriża konġunta, li 20 minnhom għal aktar minn 15-il sena u 11 għal aktar minn 20 sena. 12 mit-18-il disinjatur ħadmu fuq il-proġett JET għal aktar minn 17-il sena. 33 mis-37 tekniku u 14 mit-23 inġinier ikkollaboraw fih għal aktar minn 7 snin. Kif ġie indikat preċedentement, il-kuntratti annwali tal-persuni kkonċernati kienu jistgħu jiġu mġedda u ġew imġedda. Ir-rikorrenti jindikaw, mingħajr ma jiġu kontradetti, li d-direzzjoni tal-JET kienet sikwit titlob ir-reklutaġġ u wara t-tiġdid tal-kuntratt ta' wieħed jew ieħor minnhom. Parteċipazzjoni twila bħal din minn persunal bi kwalifiki partikolari tikkonferma wkoll li huma kienu qed jippruvaw jilħqu bżonn permanenti u li x-xogħol tagħhom kien importanti għall-proġett JET.

138    Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti għamlu xogħlijiet ekwivalenti għal dawk li jistgħu jiġu eżerċitati minn membri stess tat-tim tal-proġett u li r-reklutaġġ tagħhom kien intiż sabiex jagħmel tajjeb għal sitwazzjoni ta' nuqqas ta' persunal ipprovdut mill-membri ta' l-intrapriża konġunta, li baqgħet tippersisti għal matul il-programm JET.

139    Barra minn hekk, fis-seduta tat-8 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni ammettiet li r-rikorrenti kienu jagħmlu xogħol essenzjali għall-proġett JET, li kien proġett ta' riċerka importanti fil-kuntest tat-Trattat KEEA. Iżda l-konvenuta ssostni li sabiex tiġi applikata l-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, jeħtieġ li l-funzjonijiet ikkonċernati jkunu inerenti fis-servizz pubbliku Komunitarju, peress li dan il-każ jirrigwarda xogħlijiet karatteristiċi li ma jistgħux jiġu magħmula minn aġenti tal-Komunità. Din l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ma taqbilx mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja. B'hekk, f'dan il-każ u fis-sens tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-funzjonijiet eżerċitati mill-membri tat-tim tal-proġett, li kienu jipparteċipaw b'mod dirett u mhux b'mod anċillari fit-twettiq tal-programm ta' interess Komunitarju li fid-dawl tiegħu kienet ġiet ikkreata intrapriża konġunta skond it-Trattat KEEA, għandhom jitqiesu bħala funzjonijiet li jaqgħu taħt ix-xogħol ta' riċerka, kif inhu pprovdut, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 8 ta' l-istatuti tal-JET.

140    Fl-aħħarnett, jista' jiġi raġonevolment ikkunsidrat, fid-dawl tax-xogħlijiet magħmula mill-persunal kuntrattwali u l-proporzjoni kbira ta' impjiegi kkonċernati matul iż-żmien li fih kienet teżisti l-intrapriża konġunta, li l-proġett JET ma setax jitwettaq mingħajr il-persunal kuntrattwali. Id-distinzjoni bejn persunal li jappertjeni lit-tim tal-proġett u persunal li ma jifformax parti minnu għalhekk ma jikkorrispondix għal differenza funzjonali bejn iż-żewġ kategoriji ta' postijiet. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li din id-distinzjoni ġiet magħmula bi ksur ta' l-istatuti tal-JET, bil-għan u bl-effett li ma jiġux impjegati l-persuni kkonċernati taħt kuntratti ta' aġenti temporanji, skond il-kundizzjonijiet ta' impjieg, kif jipprovdu l-imsemmija statuti.

Fir-rigward ta' l-illegalità minħabba nuqqas ta' diliġenza

141    Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti għamlu xogħlijiet essenzjali għall-missjoni ta' l-intrapriża konġunta JET, ekwivalenti għal dawk tal-membri l-oħra tat-tim tal-proġett li kienu mħallta magħhom b'mod indistint. Għalhekk, de facto huma kienu jifformaw parti mit-tim tal-proġett. Konsegwentement, ir-rikorrenti kellhom jiġu rreklutati bħala "persunal ieħor" li jifforma t-tim tal-proġett, skond l-istatuti tal-JET, kif indikat fil-punt 100 aktar 'il fuq. Ir-reklutaġġ tagħhom f'postijiet kuntrattwali mill-intermedjarju ta' l-intrapriżi terzi jikkostitwixxi abbuż tal-proċedura. Jidher ukoll li kien hemm diskriminazzjoni għal żmien twil fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati u li għaliha l-Kummissjoni u l-Kunsill ma ressqu ebda ġustifikazzjoni konsistenti mar-regoli applikabbli.

142    Billi naqset milli toffri lir-rikorrenti kuntratti ta' aġenti temporanji bi ksur ta' l-istatuti tal-JET, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi amministrattivi tagħha, id-dritt li l-partijiet ikkonċernati kellhom taħt l-imsemmija statuti. Din l-imġieba, li kellha l-effett li żżomm lill-persunal ikkonċernat f'sitwazzjoni ġuridika diskriminatorja meta mqabbla mal-membri l-oħra tat-tim tal-proġett matul iż-żmien kollu li fih kienet teżisti l-intrapriża konġunta JET, tikkostitwixxi żball serju min-naħa ta' l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata. Konsegwentement, l-illegalità kommessa minħabba nuqqas ta' diliġenza hija ta' natura li tinvolvi r-responsabbiltà tal-Komunità.

Fir-rigward ta' l-emendi ta' l-istatuti tal-JET li saru fl-1998

143    L-emenda ta' l-istatuti li saret f'Ottubru 1998, li eliminat kull tismija ta' "persunal ieħor" mill-Artikolu 8 (ara l-punt 26 aktar 'il fuq), ma tibdilx il-kunsiderazzjonijiet li saru preċedentement. Hija ma setgħetx taffettwa s-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati, li kollha kienu ġew irreklutati għall-ewwel darba qabel, kif ġie indikat fil-punt 27 aktar 'il fuq. Barra minn hekk, ħafna mir-rikorrenti komplew jaħdmu għall-intrapriża konġunta JET sa ma' l-proġett ġie fit-tmiem, mingħajr ma qatt ippruvat ittemm l-impjiegi tagħhom.

144    Mingħajr m'hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta' illegalità tar-rikorrenti esposta fil-punt 89 aktar 'il fuq, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-istituzzjonijiet Komunitarji dejjem għandhom il-possibbiltà, fil-limiti baġitarji, li jirreklutaw aġenti temporanji billi japplikaw il-kundizzjonijiet ta' impjieg u li jġeddu kuntratti eżistenti. Peress li l-funzjonijiet in kwistjoni kienu jikkorrispondu għal xogħlijiet essenzjali tal-proġett JET, li jaqgħu taħt il-missjoni ta' l-intrapriża konġunta u li jidhru fil-lista ta' l-impjegati, kif ġie kkonstatat preċedentement, ma kienx possibbli li legalment isir rikors għas-servizzi ta' l-intrapriżi esterni (sentenza Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 11 u 14).

145    B'hekk, għalkemm l-istatuti emendati tal-JET, iċċitati fil-punt 26 aktar 'il fuq, li daħlu fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1998, ma kinux aktar isemmu espressament il-kategorija "persunal ieħor" u l-metodu li jiġu rreklutati fuq postijiet temporanji, jibqa' l-fatt li l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet essenzjali tal-proġett kellha, bħal qabel, meta ma setgħux isiru mill-persunal ipprovdut mill-membri ta' l-intrapriża konġunta msemmija fil-punt 8.3 ta' l-istatuti emendati, titqiegħed fil-qafas regolartorju tal-kundizzjonijiet ta' impjieg li jirreferu għalihom l-istatuti emendati fir-rigward ta' persunal ipprovdut.

146    Konsegwentement, l-emendi li saru lill-istatuti tal-JET ma kinux jipprekludu li jistgħu jiġu konklużi kuntratti ta' aġenti temporanji skond il-kundizzjonijiet ta' impjieg. Peress li tali kuntratti ma ġewx konklużi taħt l-istatuti emendati, għandu jiġi konkluż li l-illegalità kommessa minħabba nuqqas ta' diliġenza fir-rigward tar-rikorrenti, ikkonstatata fil-punt 142 aktar 'il fuq, baqgħet sa meta ntemm il-proġett JET.

Għal dak li jikkonċerna r-rabta ta' kawżalità

 L-argumenti tal-partijiet

147    Il-Kummissjoni ssostni li, jekk ir-rikorrenti kellhom jiġu rreklutati bħala "persunal ieħor" fil-kwalità ta' aġenti temporanji, ma seta' jkun hemm ebda garanzija li r-rikorrenti kienu jiġu impjegati, peress li huma kellhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ korrispondenti u l-probabbiltà li wieħed jgħaddi mill-proċeduri ta' selezzjoni hija ta' 25%. Il-konvenuta żżid tgħid li l-persuni kkonċernati, li ma ġewx suġġetti għall-proċeduri ta' selezzjoni applikabbli għall-membri tat-tim tal-proġett, qatt ma applikaw għall-postijiet li kienu ddikjarati vojta fit-tim tal-proġett, li jħalli lil min jaħseb li ma kellhomx il-kwalifiki neċessarji. Il-Kummissjoni tikkonkludi li m'hemmx rabta kawżali bejn l-illegalità u l-allegat dannu.

148    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li, peress li kienu jagħmlu l-istess xogħlijiet bħall-membri tat-tim tal-proġett, kellhom kwalifiki simili u, ħafna minnhom kellhom responsabbiltajiet fit-tim jew kienu jissostitwixxu l-membri tiegħu li jkunu telqu l-JET, huma kellhom il-possibbiltajiet kollha li jiġu rreklutati bħala aġenti temporanji. Ir-rikorrenti jżidu jgħidu li, peress li kienu impjegati fil-JET fuq bażi full-time għal żminijiet twal ħafna għal biċċa l-kbira tagħhom, kien hemm prova li d-direzzjoni ta' l-intrapriża konġunta kienet sodisfatta bihom.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

149    Sabiex jiġi aċċettat li kien hemm rabta ta' kawżalità, fil-prinċipju għandha titressaq prova ta' relazzjoni diretta u ċerta ta' kawża u effett bejn l-iżball kommess mill-istituzzjoni kkonċernata u l-allegat dannu (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Settembru 1999, Hautem vs BIE, T-140/97, Ġabra SP p. I-A-171 u II-897, punt 85)

150    Madankollu, fil-kawża taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, il-grad ta' ċertezza tar-rabta ta' kawżalità meħtieġa mill-ġurisprudenza jintlaħaq meta l-illegalità kommessa minn istituzzjoni Komunitarja tkun, b'mod ċert, ipprivat lil persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li l-persuna kkonċernata qatt ma tista' tipprova li kellha d-dritt għalih, iżda minn possibbiltà serja li tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew aġent, bil-konsegwenza, għal persuna kkonċernata, ta' dannu materjali li jikkonsisti f'telf ta' dħul. Meta jkun jidher probabbli, b'mod eminenti, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-ħarsien tal-legalità kien iwassal lill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata sabiex timpjega lill-aġent, l-inċertezza teoretika fir-rigward tar-riżultat tal-proċedura li ssir b'mod regolari ma tistax tipprekludi l-ħlas ta' kumpens għad-dannu materjali veru li tkun soffriet il-persuna kkonċernata billi tkun ipprivata mid-dritt li tapplika għal impjieg li jaqa' taħt ir-Regolamenti tal-Persunal li kien ikollha kull possibbiltà li jingħatalha.

151    F'dan il-każ, l-eżistenza ta' tali dritt għal ħlas ta' kumpens jista' jiġi stabbilit, jekk ir-rikorrenti juru li, fi kwalunkwe każ, huma tilfu possibbiltà ġenwina li jaħdmu fuq il-proġett JET taħt ir-Regolamenti tal-Persunal kif previst, bil-konsegwenza ta' dannu materjali għall-persuni kkonċernati (sentenza Il-Kunsill vs de Nil u Impens, iċċitata aktar 'il fuq, punti 28 u 29).

152    Fejn ma kien hemm ebda reklutaġġ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u fejn, għall-kuntrarju, ġiet implimentata sistema parallela sabiex ma jiġux impjegati aġenti temporanji, ir-rabta ta' kawżalità bejn l-illegalità kommessa u d-dannu materjali subit hija stabbilita safejn jidher li l-persuni kkonċernati kienu tilfu possibbiltà ġenwina li jiġu rreklutati.

153    Din hija l-pożizzjoni fil-kawżi tas-servizz pubbliku, b'mod partikolari, meta għandha ssir evalwazzjoni ta' l-effetti ta' riklassifikazzjoni żbaljata fuq l-iżvilupp futur tal-karriera ta' l-aġent ikkonċernat (sentenza Il-Kunsill vs de Nil u Impens, iċċitata aktar 'il fuq, punti 28 u 29).

154    Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki tagħhom, ix-xogħlijiet tagħhom fil-JET u t-tiġdid tal-kuntratti tagħhom, kienx ikollhom possibbiltajiet ġenwini li jiġu rreklutati bħala aġenti temporanji jekk il-proċeduri meħtieġa mill-istatuti tal-JET kellhom jiġu applikati.

155    Preċedentement ġie kkonstatat li l-funzjonijiet tar-rikorrenti, il-kwalifiki tagħhom u l-kundizzjonijiet ta' reklutaġġ u ta' xogħol kienu simili għal dawk tal-membri tat-tim tal-proġett rikonnoxxut bħala tali mid-direzzjoni tal-JET, li t-tim tal-proġett ma setax ikompli l-proġett mingħajr l-għajnuna tal-persunal kuntrattwali, li kien jirrappreżenta proporzjon notevoli tal-persunal assenjat għall-proġett matul iż-żmien li fih kien jeżisti, u li, minħabba t-tiġdid kważi awtomatiku tal-kuntratti annwali tal-persuni kkonċernati, fl-aħħar mill-aħħar il-biċċa l-kbira tagħhom ħadmu għall-intrapriża konġunta għal matul ħafna żmien.

156    Dawn il-fatti juru li l-persunal kuntrattwali kien neċessarju sabiex jitwettaq il-proġett JET, li r-rikorrenti kellhom il-kwalifiki meħtieġa għax-xogħlijiet li kienu impjegati għalihom u li x-xogħol tagħhom kien sodisfaċenti għad-direzzjoni tal-JET, li kienet titlob u tapprova t-tiġdid tal-kuntratti annwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma urietx li jekk il-bżonnijiet tal-persunal tal-JET kienu jiġu sodisfatti taħt il-kuntratti temporanji bħalma kienu jipprovdu l-istatuti tal-JET, ir-rikorrenti ma kinux jiġu rreklutati (sentenza Il-Kunsill vs de Nil u Impens, iċċitata aktar 'il fuq, punti 28 u 29). Konsegwentement, ir-rikorrenti għalhekk jistabbilixxu, skond il-livell ta' prova meħtieġ mil-liġi, li l-illegalità kommessa fir-rigward tagħhom ġagħlithom jitilfu din il-possibbiltà ta' reklutaġġ bħala aġenti temporanji.

157    Għalkemm il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti qatt ma ħadu l-passi neċessarji sabiex japplikaw għall-impjiegi vakanti fit-tim tal-proġett, hija ma stabbilxxietx, fost l-oħrajn permezz tal-produzzjoni ta' avviż tal-postijiet vakanti, li dawn il-postijiet kienu miftuħa għall-persunal estern u lanqas indikat kemm kienu frekwenti. Fir-risposta tagħha msemmija fil-punti 125 u 135 aktar 'il fuq, il-konvenuta illimitat lilha nnifisha li ssemmi l-iżviluppi tal-ħaddiema tal-JET u li tipprovdi l-informazzjoni li tlettax-il persuna taħt kuntratt kienu ser jiġu rreklutati fit-tim tal-proġett fl-1989. Huwa ċar li qatt ma kien hemm offerti ta' kuntratti bħala aġenti temporanji għall-postijiet okkupati mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra jidher li l-postijiet magħrufa bħala "tat-tim tal-proġett" kienu "irriżervati" għall-persunal membri ta' l-intrapriża konġunta rreklutati bħala aġenti temporanji taħt il-KEEA, għall-aġenti tal-Kummissjoni u għall-persunal ta' l-UKAEA, u li kien biss b'mod limitat ħafna li ċertu persunal kuntrattwali rnexxielu jiġi integrat.

158    Ir-rabta ta' kawżalità bejn l-illegalità kommessa u d-dannu subit hija konsegwentement stabbilita skond il-livell ta' prova meħtieġ mil-liġi sabiex jiġi ġġustifikat il-ħlas ta' kumpens għal dannu subit mir-rikorrenti minħabba nuqqas ta' possibbiltà ġenwina li jingħataw kuntratti ta' aġenti temporanji tal-Komunitajiet Ewropej.

Għal dak li jikkonċerna d-dannu

 L-argumenti tal-partijiet

159    Ir-rikorrenti jsostnu li huma soffrew dannu finanzjarju li jinqasam fi tliet partijiet, jiġifieri telf nett ta' dħul mix-xogħol għall-perijodu li matulu kull wieħed minnhom kien jaħdem fuq il-proġett JET, telf nett ta' dħul mix-xogħol marbut ma' post ieħor tal-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin jew sa l-età ta' 60 sena jekk dan l-avveniment ikun seħħ qabel it-tmiem ta' dan il-perijodu, għar-rikorrenti li fit-tmiem tal-proġett, fil-31 ta' Diċembru 1999, kienu jaħdmu fl-intrapriża konġunta JET u telf nett tal-pensjoni taħt l-iskema tal-pensjoni Komunitarja.

160    Ir-rikorrenti jipproduċu ċifri għal kull talba individwali ta' kull wieħed minnhom u l-metodu ta' kalkolu li kellu jiġi segwit. Barra minn hekk, huma jitolbu l-kumpens ta' danni li huma ekwivalenti għat-taxxa tar-Renju Unit imħallsa fuq kull ħlas ta' kumpens li jingħata.

161    Il-Kummissjoni tiċħad li r-rikorrenti għandhom dritt għal ħlas ta' kumpens u tikkunsidra li, fil-każ li tinstab responsabbli għal xi ħaġa, hija tista' tinżamm responsabbli biss għaż-żmien ta' wara li ngħatat is-sentenza ta' Altmann et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq.

162    Il-Kummissjoni ssostni li l-argument dwar id-dannu subit huwa ppreżentat b'mod ġenerali u li l-pretensjonijiet finanzjarji huma nieqsa minn preċiżjoni u minn spjegazzjonijiet. Hija tikkunsidra li t-talba għal ħlas ta' kumpens magħmula mir-rikorrenti ma kinitx tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 44 u 47 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza u bħala tali hija inammissibbli.

163    Il-Kummissjoni tikkontesta l-metodi użati sabiex jiġu kkwantifikati l-pretensjonijiet tar-rikorrenti. Hija ma taċċettax li dawn jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti għall-aġenti rreklutati taħt il-KEEA, u tqis li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li jikkonċernaw it-telf allegat ma jistgħux jiġu kkwantifikati. Il-Kummissjoni tiċħad li jeżisti dritt għal kumpens wara d-data ta' skadenza tal-proġett JET, jiġifieri wara l-31 ta' Diċembru 1999. Għal dak li jikkonċerna l-inċidenza tat-taxxa hija żżid tgħid li dan il-fatt jirriżulta mid-differenza inevitabbli u rilevanti bejn l-impjiegi li jaqgħu taħt dritt nazzjonali u dawk li jaqgħu taħt is-sistema Komunitarja u li mhuwiex ċert li kumpens irċevut bħala ħlas għal dannu kkawżat minn żball fis-servizz jiġi kkunsidrat bħala taxxabbli mill-awtorità tat-taxxa tar-Renju Unit.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

164    L-osservazzjonijiet tal-konvenuta fir-rigward ta' l-ammissibbiltà tat-talbiet għal ħlas ta' kumpens mhumiex fondati. Fil-fatt, ir-rikors jindika l-komponenti ta' l-allegat dannu b'mod ċar u preċiż billi jiddistingwi bejn telf tad-dħul mix-xogħol, telf tal-pensjoni u telf li jikkorrispondi għal ċerti indennizzi u ċerti vantaġġi. Fost l-annessi tagħha, hija tinkludi nota dwar il-metodu ta' kalkolu tat-telf u ċ-ċifri globali tat-telf allegatament subit minn kull rikorrent. Fl-aħħarnett, flimkien mar-replika ġiet prodotta kwantifikazzjoni dettaljata tat-talbiet għall-ħlas ta' kumpens ta' kull rikorrenti. Il-konvenuta kienet imqiegħda f'pożizzjoni li tiddiskuti din id-data. Għalhekk dawn it-talbiet huma ammissibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-149/96, Ġabra p. II-3841, punti 47 sa 49, u tad-29 ta' Ottubru 1998, TEAM vs Il-Kummissjoni, T-13/96, Ġabra p. II-4073, punti 28 u 29).

165    Id-dannu finanzjarju invokat mir-rikorrenti huwa magħmul prinċipalment minn telf ta' dħul mir-remunerazzjonijiet, minn vantaġġi relatati u minn drittijiet għal pensjoni akkwistati matul jew bis-saħħa tax-xogħol tagħhom mal-JET u minn telf ta' dħul relatati mal-perspettivi li jsibu xogħol fil-futur li l-Kummissjoni setgħet offrietilhom wara l-1999.

166    Dan id-dannu jista' jiġi dedott minn tqabbil bejn il-kundizzjonijiet finanzjarji ta' impjieg li r-rikorrenti kienu jibbenefikaw minnu kieku ġew irreklutati fuq postijiet temporanji u l-kundizzjonijiet li effettivament ġew applikati għalihom bħala impjegati ta' intrapriżi terzi. Il-partijiet jaqblu li s-sitwazzjoni tal-persunal kuntrattwali kienet finanzjarjament inqas vantaġġuża minn dik ta' aġent temporanju.

167    Matul perijodu ta' ħidma ma' l-intrapriża konġunta JET, id-dannu subit mir-rikorrenti jinsab fid-differenza bejn ir-remunerazzjonijiet, vantaġġi relatati u drittijiet għal pensjoni li l-persuni kkonċernati kienu jirċievu jew jakkwistaw kieku ħadmu għall-proġett JET bħala aġenti temporanji u r-remunerazzjonijiet, vantaġġi relatati u drittijiet għal pensjoni li fil-fatt irċevew jew akkwistat bħala persunal kuntrattwali.

168    Għal dak li jikkonċerna l-perspettivi li jsibu impjieg fil-futur, id-dannu invokat huwa marbut mal-possibbiltà li kien ikollhom ir-rikorrenti li jiġu offruti kuntratt ta' aġent temporanju wara l-iskadenza tal-proġett JET. Perspettiva bħal din ta' reklutaġġ tidher ipotetika ħafna fin-nuqqas ta' kwalunkwe indikazzjoni dwar il-bżonnijiet tal-KEEA, wara li tintemm l-intrapriża konġunta JET, fir-rigward tax-xogħlijiet li kellhom ir-rikorrenti u, b'mod aktar partikolari, ta' kwalunkwe informazzjoni li kienet tippermetti li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta' kontinwità bejn l-intrapriża konġunta JET u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni, imsemmi fil-punt 8 aktar 'il fuq, li komplew ir-riċerki li qabel kienu saru mill-intrapriża konġunta. Peress li ma kienx hemm dannu fir-rigward tal-perspettivi ta' xogħol wara l-31 ta' Diċembru 1999, it-talba għal ħlas ta' kumpens tar-rikorrenti, għandha, f'dan ir-rigward, tiġi miċħuda.

169    Il-kumpens dovut għandu jiġi kkalkulat, għal kull rikorrent, mid-data effettiva ta' l-ewwel kuntratt jew tiġdid ta' kuntratt li jikkonċernah, sakemm din id-data ma tkunx aktar minn ħames snin qabel il-preżentazzjoni tat-talba tiegħu għal ħlas ta' kumpens għal danni lill-Kummissjoni.

170    Il-kumpens dovut lil kull rikorrent ma jistax jiġi ddeterminat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-bażi tal-provi li jinsabu fil-proċess. Għalhekk il-partijiet huma mistiedna jippruvaw jaslu għal ftehim fuq il-bażi tal-prinċipji u tal-kriterji segwenti.

171    L-ewwelnett, il-partijiet għandhom jippruvaw jilħqu ftehim għal dak li jikkonċerna l-impjieg u l-grad li kien ikollhom kull wieħed mir-rikorrenti kieku ġew offruti kuntratt bħala aġenti temporanji fid-data indikata fil-punt 169 aktar 'il fuq.

172    Sussegwentement, huma għandhom jifthemu dwar ir-rikostruzzjoni xierqa tal-karriera ta' kull waħda mill-persuni kkonċernati, minn meta jkunu ġew irreklutati jew mill-bidu tal-perijodu ta' l-aħħar ħames snin, l-aktar kmieni, imsemmi fil-punt 169 aktar 'il fuq, billi jieħdu in kunsiderazzjoni ż-żieda medja fir-remunerazzjonijiet għall-impjieg u grad korrispondenti ta' aġent tal-KEEA, li jekk ikun il-każ ikun jaħdem JET, u l-eventwali promozzjonijiet li minnhom seta' jibbenefika kull wieħed mir-rikorrenti matul dan il-perijodu, fid-dawl tal-grad u tal-post magħżul, fuq il-bażi tan-numru medju ta' promozzjonijiet mogħtija lil aġenti temporanji tal-KEEA f'sitwazzjoni simili.

173    It-tqabbil bejn is-sitwazzjoni ta' aġent temporanju tal-Komunitajiet u dik ta' aġent kuntrattwali bħalma kienu kull wieħed mir-rikorrenti għandha ssir fuq il-bażi ta' ammonti netti, kontribuzzjonijiet netti, tnaqqis jew imposti oħra intaxxati taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli. F'dan ir-rigward, l-effett ta' l-iskemi fiskali tal-Komunità u tar-Renju Unit rispettivament, fuq is-somom in kwistjoni ma jistgħux jaffettwaw it-termini ta' tqabbil, li għandhom ikunu ta' ammonti netti mit-taxxa, filwaqt li jiġi mfakkar li l-uffiċjali u l-aġenti tal-Komunitajiet huma suġġetti għat-taxxa pagabbli lill-Komunitajiet [Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68, tad-29 ta' Frar 1968, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 56, p. 8), emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1750/2002, tat-30 ta' Settembru 2002 (ĠU L 264, p. 15)].

174    Il-kumpens għandu jiġi kkalkulat fir-rigward ta' perijodu li jibda fid-data stabbilita fil-paragrafu 169 aktar 'il fuq u li jintemm fid-data li fiha r-rikorrent ikkonċernat waqaf jaħdem għall-proġett JET jekk din id-data hija qabel it-tmiem tal-proġett fil-31 ta' Diċembru 1999, jew f'din id-data ta' l-aħħar jekk ħadem għall-proġett JET sakemm spiċċa.

175    Ir-rikorrenti jitolbu wkoll kumpens tat-taxxa imposta mill-awtorità tat-taxxa Ingliża fuq ħlas ta' kumpens għal danni kkawżati mill-Komunità, bħal dawk in kwistjoni.

176    Madankollu, l-indennizz dovut lil kull rikorrent sabiex jiġi kkumpensat għat-telf tar-remunerazzjonijiet u ta' vantaġġi relatati evalwati netti mit-taxxa, kif ingħad fil-punt 173 aktar 'il fuq, u kkalkulat, skond l-istess regoli, billi tittieħed in kunsiderazzjoni t-taxxa tal-Komunità, għandu jiġi kopert mill-iskema fiskali applikabbli għall-ammonti mħallsa mill-Komunitajiet lill-aġenti tagħhom, skond l-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta' l-Uffiċjali u l-Aġenti tal-Komunitajiet Ewropej. L-indennizz in kwistjoni, interpretat b'dan il-mod nett minn kull taxxa, konsegwentement ma jistax ikun suġġett għal tnaqqis ta' taxxa nazzjonali. Għalhekk ebda indennizz ieħor mhuwa dovut bħala kumpens għal dan it-tnaqqis.

177    Il-partijiet għandhom jippruvaw jilħqu ftehim fuq il-bażi tal-prinċipji u tal-kriterji indikati aktar 'il fuq f'terminu ta' sitt xhur li jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza. Fin-nuqqas ta' ftehim huma għandhom, fl-istess terminu, jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza t-talbiet tagħom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni (ara, per eżempju, fl-istess sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 1988, Hamill vs Il-Kummissjoni, 180/87, Ġabra p. 6141).

 Fuq l-ispejjeż

178    Id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż hija rriżervata.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Il-Kummissjoni hija ordnata tħallas kumpens għad-dannu finanzjarju subit minn kull wieħed mir-rikorrenti minħabba l-fatt li ma ġewx irreklutati bħala aġenti temporanji tal-Komunitajiet għall-eżerċizzju ta' l-attività tagħhom fi ħdan l-intrapriża konġunta Joint European Torus (JET).

2)      Il-partijiet għandhom jinformaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza, fi żmien sitt xhur li jibda jiddekorri minn din is-sentenza, l-ammont, stabbilit bi ftehim komuni, tal-kumpens dovut sabiex ikopri dan id-dannu.

3)      Fin-nuqqas ta' ftehim, huma għandhom, fl-istess terminu, jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza t-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-danni.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Vesterdorf

Jaeger

Legal

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-5 ta' Ottubru 2004.

H. Jung

 

      B. Vesterdorf

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.