Language of document : ECLI:EU:F:2014:244

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

11 ta’ Novembru 2014

Kawża F‑55/08 RENV

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Rinviju għall-Qorti Ġenerali wara annullament — Persunal tal-BEI — Evalwazzjoni — Illegalità tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appelli– Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu C. De Nicola talab, essenzjalment, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Apelli tal-Bank Ewropew tal-Investimenti (BEI) tal-14 ta’ Diċembru 2007, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 li ma tippromwovihx, it-tielet nett, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għas-sena 2006, u r-raba’ nett, il-kundanna tal-BEI sabiex iħallsu d-danni għal kumpens għall-fastidju psikoloġiku li huwa qies li sofra.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appelli tal-Bank Ewropew tal-Investiment tal-14 ta’ Diċembru 2007 hija annullata. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 li ma jiġix promoss ir-rikorrent, fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2006 u fuq it-talbiet intiżi għall-kumpens għall-allegati danni minħabba l-fastidju psikoloġiku. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn C. De Nicola fil-Kawżi F‑55/08, T‑37/10 P u F‑55/08 RENV.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Evalwazzjoni — Rapport tal-evalwazzjoni — Kontestazzjoni quddiem il-Kumitat tal-Appelli tal-Bank — Portata tal-istħarriġ tal-Kumitat tal-Appelli

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Rikors għad-danni — Talbiet għad-danni ibbażati fuq l-istess fatti ppreżentati f’żewġ rikorsi distinti — Preferenza — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

1.       Il-Kumitat tal-Appelli stabbilixxiet mill-Bank Ewropew tal-Investimenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-membri tal-persunal għandu jeżerċita stħarriġ sħiħ fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni li huwa jkollu quddiemu u mhux stħarriġ limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-possibbiltà, li għandu l-Kumitat tal-Appelli, li jinvalida kull dikjarazzjoni fil-formola ta’ evalwazzjoni, jiġifieri fir-rapport ta’ evalwazzjoni, timplika li l-imsemmi kumitat għandu s-setgħa li jevalwa mill-ġdid il-mertu ta’ kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet qabel jinvalidahom. Il-portata ta’ din il-kompetenza tmur lil hinn, għalhekk, minn dik tas-setgħa biss ta’ stħarriġ ta’ legalità u tal-annullament tad-dispożittiv ta’ att, sa fejn hija tinkludi l-possibbiltà li tinvalida wkoll il-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-dispożittiv tiegħu, irrispettivament mill-importanza tagħhom fl-istruttura tal-motivazzjoni tal-imsemmi att. Din is-setgħa sħiħa ta’ stħarriġ tal-Kumitat tal-Appelli hija kkonfermata mill-kompetenza espressament rikonoxxuta lilu sabiex ibiddel il-punti individwali u l-punti ta’ mertu li jirriżultaw mill-evalwazzjoni globali tal-eżekuzzjoni tal-appellant. Fil-fatt, bidla tan-nota ta’ mertu tal-persuna kkonċernata timplika li dan il-kumitat iwettaq stħarriġ b’mod dettaljat tal-evalwazzjonijiet tal-merti kollha li jinsabu fir-rapport ikkontestat rigward l-eżistenza ta’ possibbli żbalji ta’ evalwazzjoni, ta’ fatt jew ta’ liġi, u li huwa jista’, skont il-każ, jissostitwixxi ruħu għall-evalwatur sabiex iwettaq evalwazzjoni ġdid ta’ dawn il-merti.

(ara l-punti 32 u 33)

2.       Meta l-punti u l-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jirrigwardaw l-istess fatti sottostanti żewġ talbiet għad-danni mressqa mill-istess rikorrent fil-kuntest ta’ żewġ rikorsi distinti kontra l-istess konvenut, huma iktar iddettaljati u mmotivati fil-kuntest ta’ wieħed minn dawn ir-rikorsi, u dan min-naħa taż-żewġ partijiet, minn dan il-fatt jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni hija tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tal-, u sabiex tevalwa l-fatti sottostanti t-talba għad-danni fil-kuntest tal-imsemmija kawża. Konsegwentement, hija tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tiżgura amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest ta’ din il-kawża. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għad-danni fil-kuntest tal-kawża l-oħra.

(ara l-punti 60, 62 u 63)