Language of document : ECLI:EU:T:2006:276

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

27 ta' Settembru 2006 (*)

"Għajnuna mill-Istat − Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi favur marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt − Rikors għal annullament − Ammissibbiltà"

Fil-kawża T‑117/04,

Vereniging Werkgroep Commerciële Jachthavens Zuidelijke Randmeren, stabbilita f'Zeewolde (L-Olanda),

Jachthaven Zijl Zeewolde BV, stabbilita f'Zeewolde,

Maatschappij tot exploitatie van onroerende goederen Wolderwijd II BV, stabbilita f'Zeewolde,

Jachthaven Strand-Horst BV, stabbilita f'Ermelo (L-Olanda),

Recreatiegebied Erkemederstrand vof, stabbilita f'Zeewolde,

Jachthaven- en Campingbedrijf Nieuwboer BV, stabbilita f'Bunschoten-Spakenburg (L-Olanda),

Jachthaven Naarden BV, stabbilita f'Naarden (L-Olanda),

irrappreżentati minn T. Ottervanger, A. Bijleveld u A. van den Oord, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet, A. Bouquet u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn H. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħal suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/114/KE tad-29 ta' Ottubru 2003 dwar miżuri ta' għajnuna implementati mill-Olanda favur marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt fl-Olanda (ĠU 2004, L 34, p. 63),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, I. Labucka u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1998, il-Komun ta' Enkhuizen (L-Olanda) iddeċieda li jibni port ġdid għall-jottijiet kbar u żgħar. Minħabba l-bini ta' dan il-port il-ġdid, l-aċċess eżistenti għall-klabb tat-tbaħħir KNZ & RV kellu jingħalaq. Sabiex jiġi kkumpensat dan l-għeluq, il-komun iddeċieda li jieħu tliet miżuri:

–        l-ewwel nett, huwa fetaħ mod ġdid ta' aċċess għall-marina għall-jottijiet ta' KNZ & RV fil-viċin;

–        it-tieni nett, peress illi, skondu, dan il-mod ġdid ta' aċċess kien iġiegħel lid-dgħajjes li jkunu għaddejjin li jagħmlu devjazzjoni sabiex jaslu fil-marina għall-jottijiet eżistenti ta' KNZ & RV, bħala kumpens, huwa naddaf mill-ħama parti mill-ilmijiet viċin din il-marina eżistenti sabiex il-klabb tat-tbaħħir ikun jista', fi stadju ulterjuri, jibni 105 irmiġġi bi spejjeż tiegħu;

–        it-tielet nett, il-klabb tat-tbaħħir KNZ & RV kien offrut il-possibbiltà li jixtri ż-żona mnaddfa mill-ħama (26 000 m2) mingħand il-komun bil-prezz kull m2 li bih dan ta' l-aħħar kien xtrah mingħand l-Istat fl-1998.

2        Il-Komun ta' Nijkerk (L-Olanda) kien is-sid ta' marina għall-jottijiet lokali li nbniet fl-1966. Fis-sena 2000, il-marina għall-jottijiet ġiet privatizzata u mibjugħa lill-kerrej tagħha, il-klabb tat-tbaħħir lokali De Zuidwal. Fl-1998, il-marina għall-jottijiet ġiet stmata minn espert indipendenti EUR 417 477 bħala mikrija. Mingħajr kerrej, il-marina ġiet stmata EUR 521 847.

3        Fil-ftehim ta' bejgħ konkluż bejn dan il-komun u dan il-klabb tat-tbaħħir fis-27 ta' Marzu 2000, dan ta' l-aħħar intrabat li jassumi l-ispejjeż kollha ta' purifikazzjoni ta' l-ilma u tax-xogħlijiet ta' manutenzjoni ta' l-faċilitajiet tal-port li kellhom isiru qabel iżda kienu għadhom ma sarux. Fl-2000, il-komun stma l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta' manutenzjoni li kienu għadhom ma sarux EUR 272 268 u l-ispejjeż ta' purifikazzjoni EUR 145 201. Il-komun naqqas dawn l-ispejjeż mill-valur stmat tal-marina għall-jottijiet, li rriżulta fi prezz ta' xiri ta' EUR 0.45 għall-marina sħiħa.

4        Fis-sena 2000, il-Komun ta' Wieringermeer (L-Olanda) biegħ porzjon ta' art u ta' baħar lil Jachtwerf Jongert BV (aktar 'il quddiem "Jongert") bil-prezz ta' EUR
7 636 147. Il-valur stmat ta' dawn il-porzjonijiet kien ta' EUR 5 825 065 (EUR 105 211 għall-porzjon ta' baħar u EUR 5 719 854 għall-porzjon ta' art).

 Proċedura amministrattiva

5        B'ittra ta' l-l ta' Marzu 2001, il-Vereniging Werkgroep Commerciële Jachthavens Zuidelijke Randmeren (Assoċjazzjoni grupp tax-xogħol tal-marini għall-jottijiet kummerċjali Zuidelijke Randmeren, aktar il-quddiem il-"grupp tax-xogħol"), f'isem il-membri tagħha (ir-rikorrenti l-oħrajn f'din il-kawża) ressqet ilment mal-Kummissjoni dwar distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni bejn ċerti marini għall-jottijiet fl-Olanda. Il-marini għall-jottijiet Olandiżi huma amministrati minn organizzazzjonijiet mingħajr għan ta' profitt (klabbs tat-tbaħħir ordinarji) jew minn impriżi privati. Skond il-grupp tax-xogħol, diversi marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt kienu gawdew minn għajnuna mill-Istat sabiex jibnu jew imantnu l-irmiġġi tagħhom. Dan kien jippermetti lill-marini għall-jottijiet, b'mod partikolari, li jikru l-irmiġġi lill-baħħara dilettanti li jkunu għaddejjin minn hemm bi prezzijiet aktar baxxi.

6        Fil-bidu, l-ilment kien jikkonċerna biss proġett wieħed f'Enkhuizen. B'ittra tal-11 ta' April 2001, il-Kummissjoni għamlet diversi domandi lill-awtoritajiet Olandiżi, li għalihom huma rrispondew b'ittra ta' l-24 ta' Mejju 2001.

7        Wara li sar jaf b'din il-korrispondenza, waqt is-sena 2001, il-grupp tax-xogħol diversi drabi bagħat informazzjoni addizzjonali fuq il-proġett li jinsab f'Enkhuizen u fuq sitt każijiet oħra. B'ittra tal-11 ta' Frar 2002, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Olandiżi jagħtuha informazzjoni dettaljata fuq dawn is-seba' każijiet.

8        Abbażi ta' l-informazzjoni li rċeviet, il-Kummissjoni eżaminat is-seba' każijiet u bagħtet ir-riżultati ta' l-analiżi tagħha lill-grupp tax-xogħol b'ittra tat-8 ta' Awwissu 2002. F'din l-ittra, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, tliet każijiet li dwarhom ma setax jiġi eskluż li kien hemm għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, u, min-naħa l-oħra, erbgħa oħra li għalihom il-Kummissjoni kien jidhrilha li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu. B'ittra tat-3 ta' Settembru 2002, il-grupp tax-xogħol qabel ma' din l-analiżi tal-Kummisssjoni u ta informazzjoni addizzjonali fuq it-tliet kwistjonijiet li baqgħu (il-marini ta' Enkhuizen, ta' Nijkerk u ta' Wieringermeer).

9        B'ittra tal-5 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni għarrfet lill-Olanda bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE f'dak li jikkonċerna t-tliet każijiet li baqgħu. B'ittra tat-22 ta' April 2003, l-awtoritajiet Olandiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u bagħtu informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni.

10      Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fit-22 ta' Marzu 2003 (ĠU C 69, p. 4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

11      Fis-16 ta' April 2003, il-Kummissjoni rċeviet ittra mill-grupp tax-xogħol li la kien fiha informazzjoni ġdida u lanqas fatti addizzjonali importanti. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjoni ta' terzi dwar il-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami.

12      Fid-29 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/114/KE, dwar miżuri ta' għajnuna implementati mill-Olanda favur marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt fl-Olanda (ĠU 2004, L 34, p. 63, aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni kkontestata").

13      Id-dispożittiv ta' din id-Deċiżjoni jaqra kif ġej :

"Artikolu 1

Il-miżuri ta' għajnuna implementati mill-Olanda favur marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt ta' Enkhuizen, ta' Nijkerk u ta' Wieringermeer ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' l-Olanda." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura

14      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Marzu 2004, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

15      B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Awwissu 2004, ir-Renju ta' l-Olanda talab li jintervjeni f'din il-kawża, skond l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni. B'digriet tas-7 ta' Ottubru 2004, il-President ta' l-Ewwel Awla laqa' din it-talba.

16      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u stiednet lill-partijiet sabiex, waqt is-seduta, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat.

17      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-3 ta' Mejju 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkwalifika bħal illegali l-għajnuna mogħtija lil ċerti impriżi;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

20      Ir-Renju ta' l-Olanda jsostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

21      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors, mingħajr madankollu ma tqajjem eċċezzjoni formali ta' inammissibbiltà fis-sens ta' l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura.

22      Hija tiddubita, fl-ewwel lok, kemm il-membri tal-grupp tax-xogħol huma individwalment ikkonċernati bid-Deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE. Fit-tieni lok, hija wkoll tqajjem dubji dwar il-locus standi tal-grupp tax-xogħol sabiex iressaq proċeduri.

23      Rigward il-locus standi tal-membri tal-grupp tax-xogħol sabiex iressqu proċeduri, il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk dawn huma kkonċernati bid-Deċiżjoni kkontestata, huma kkonċernati bl-istess mod bħall-marini għall-jottijiet kummerċjali l-oħra kollha.

24      Il-Kummissjoni indikat, waqt is-seduta, rigward ir-rwol tal-membri tal-grupp tax-xogħol, li l-fatt biss li r-rikorrenti ppreżentaw ilment li wassal għad-Deċiżjoni kkontestata mhuwiex biżżejjed sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma individwalment ikkonċernati b'din id-Deċiżjoni. Ukoll jekk ippreżentaw ilment li wassal għall-ftuħ tal-proċedura ta' l-Artikolu 88(2) KE, huma jkunu kkonċernati biss, bħala kompetituri, safejn il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun sostanzjalment affettwata. Il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadu in kunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza rispettiva tagħhom, issostni li tista' tipprova li l-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrenti ma ġietx affettwata b'mod sostanzjali mill-allegata għajnuna.

25      F'din il-kawża, il-Kummissjoni tirrileva li, peress li r-rikorrenti huma biss sitta mill-ħafna marini għall-jottijiet li joperaw fis-suq nazzjonali u reġjonali, ma ġiex stabbilit li l-interessi tar-rikorrenti kienu ppreġudikati b'mod speċifiku minn din l-allegata għajnuna.

26      F'dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma pprovaw li vantaġġ ta' madwar EUR 200 000, fil-każ tal-marina għall-jottijiet ta' Enkhuizen, affettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fis-suq u kkawżalhom dannu reali.

27      Rigward il-locus standi tal-grupp tax-xogħol sabiex iressaq proċeduri, il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 230 KE jiddisponi li wieħed għandu jkollu personalità ġuridika sabiex ikun jista' jressaq rikors. Skond il-Kodiċi Ċivili Olandiż (aktar 'il quddiem il-"BW "), grupp tax-xogħol, bħal dak in kwistjoni f'dan il-każ, li m'adottax memorandum u statut ta' assoċjazzjoni b'att notarili u li lanqas m'hu rreġistrat fir-reġistru tal-kummerċ, għandu biss personalità ġuridika limitata ħafna. F'dak li jikkonċerna l-locus standi in judicio, huma biss l-assoċjazzjonijiet li għandhom personalità ġuridika sħiħa li jista' jkollhom locus standi sabiex iressqu proċeduri f'isem il-membri tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-grupp tax-xogħol ma jistax ikun ikkunsidrat bħala persuna ġuridika fis-sens ta' l-Artikoli 230 KE.

28      Fit-tieni lok, rigward il-kwistjoni jekk il-grupp tax-xogħol huwiex affettwat individwalment, hija tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2002, Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum vs Il-Kummissjoni (T-114/00, Ġabra p. II-5121), li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret, fil-punt 52, il-prinċipu li jgħid li assoċjazzjoni stabbilita biex tippromovi l-interessi kollettivi ta' kategorija ta' persuni ma tistax titqies li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, minn att li jolqot l-interessi ġenerali ta' din il-kategorija u, għaldaqstant, m'għandhiex id-dritt li tressaq rikors għal annullament f'isem il-membri tagħha meta dawn ma jistgħux jagħmlu dan fuq bażi individwali. L-assoċjazzjoni in kwistjoni f'din il-kawża kienet individwalment ikkonċernata peress li kienet aġixxiet bħala negozjatur u kienet assoċjazzjoni reġistrata.

29      Waqt is-seduta, ir-Renju ta' l-Olanda ppreżenta osservazzjonijiet addizzjonali għall-argumentazzjoni żviluppata mill-Kummissjoni.

30      F'dak li jikkonċerna l-locus standi tal-membri tal-grupp tax-xogħol sabiex iressqu proċeduri, ir-Renju ta' l-Olanda jfakkar, l-ewwel nett, li r-rikorrenti jikkostitwixxu biss parti żgħira ħafna mill-portijiet kummerċjali kollha tar-reġjun u parti saħansitra iżgħar fil-livell nazzjonali jew Ewropew. Fil-Komun ta' Enkhuizen biss, li hija belt żgħira, għall-inqas żewġ portijiet kummerċjali huma attivi minbarra l-port li huwa mmexxi mill-assoċjazzjoni ta' dgħajjes tal-qlugħ in kwistjoni f'dawn il-proċeduri. Ebda waħda mill-kumpanniji li jħaddmu dawn iż-żewġ portijiet m'hija inkluża fost ir-rikorrenti. Jidher li dawn il-portijiet li qegħdin eżatt fil-qrib ta' marina għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt li allegatament ibbenefikat minn għajnuna ma sofrew ebda dannu.

31      Minbarra dan, in-numru ta' portijiet fl-Olanda msemmija mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha u waqt is-seduta, madwar 1,200, sussegwentement kompla jiżdied. Peress li r-rikorrenti jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna mill-portijiet li jistgħu potenzjalment ikunu kkonċernati, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq mhijiex sostanzjalment milquta.

32      It-tieni nett, ir-Renju ta' l-Olanda jikkontesta l-fatt illi l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti tista', b'mod jew ieħor, tkun milquta. F'dan li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-allegata għajnuna mogħtija lil dawn it-tliet portijiet kellha konsegwenzi fuq it-tariffi li ġiegħlu, konsegwentement, lill-portijiet kummerċjali jnaqqsu t-tariffi tagħhom, ir-Renju ta' l-Olanda jikkunsidra li diversi raġunijiet jistgħu jispjegaw il-fatt li t-tariffi applikati fil-marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt huma iktar baxxi minn dawk prattikati fil-portijiet kummerċjali. Per eżempju, l-offerta ta' faċilitajiet addizzjonali bħal ristoranti jew attivitajiet li jmorru magħhom u li huma marbuta magħhom u l-użu ta' voluntiera li jnaqqas l-ispiża tas-salarji jistgħu jiġġustifikaw din id-differenza. Fi kliem ieħor, is-soċjetajiet li jħaddmu l-portijiet mingħajr għan ta' profitt jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skond kriterji u fatturi diversi minn dawk li fuqhom joperaw il-kumpanniji li jmexxu l-portijiet kummerċjali u l-ispejjeż tat-tħaddim ta' l-ewwel huma evidentement ħafna anqas minn dawk tat-tieni.

33      It-tielet nett, ir-Renju ta' l-Olanda jsostni li r-rikorrenti ma pprovawx b'mod ċar l-impatt negattiv li setgħu batew fil-qasam tat-tariffi. Għalhekk, per eżempju, fil-port kummerċjali ta' Naarden, imħaddem minn wieħed mill-membri tal-grupp tax-xogħol, mhux biss it-tariffa ta' rmiġġ permanenti għal dgħajsa ta' għaxar metri tul hija ogħla mit-tariffa medja fl-Olanda għal dan it-tip ta' rmiġġ, iżda jirriżulta wkoll mill-kontijiet annwali ta' dan il-membru tal-grupp tax-xogħol li, f'dawn l-aħħar snin, huwa seta' jqassam profitti. F'dan il-port, ġiet introdotta wkoll lista ta' stennija. Barra minn hekk, mill-inqas kumpannija waħda li tħaddem wieħed mill-portijiet kummerċjali in kwistjoni, Jachthaven Strand-Horst f'Ermelo, żiedet it-tariffi tagħha kull sena f'dawn l-aħħar tliet snin.

34      F'dak li jikkonċerna l-locus standi tal-grupp tax-xogħol sabiex iressaq proċeduri, ir-Renju ta' l-Olanda jirrileva, l-ewwel nett, illi, peress li l-għajnuna ma kellhiex effett fuq il-pożizzjoni tal-membri tal-grupp tax-xogħol fis-suq, il-grupp tax-xogħol ma jistax ikun ikkunsidrat li għandu status partikolari fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197).

35      It-tieni nett, ir-Renju ta' l-Olanda jsostni li dan il-każ jirrigwarda assoċjazzjoni informali li ma ġietx maħluqa b'att notarili kif kellu jsir. Għalhekk, skond il-BW, din l-assoċjazzjoni ma tistax tressaq rikors kollettiv fl-Olanda.

36      Ir-rikorrenti jirrispondu, dwar il-locus standi tal-membri tal-grupp tax-xogħol sabiex iressqu proċeduri, li huma kkonċernati individwalment fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE. Skondhom, qatt ma kien meħtieġ, s'issa, li tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-kompetituri fuq is-suq sabiex tingħata risposta għad-domanda jekk huma humiex individwalment ikkonċernati. Huma jirreferu fuq dan il-punt għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni (T‑158/99, Ġabra p. II‑1).

37      Il-membri tal-grupp tax-xogħol huma f'kompetizzjoni, b'mod partikolari, mal-marini għall-jottijiet ta' Enkhuizen u ta' Nijkerk u, potenzjalment, ukoll ma' dik ta' Wieringermeer fir-rigward ta' l-offerta ta' rmiġġi permanenti jew għall-ġurnata magħmula lis-sidien jew kerrejja ta' jottijiet. Bis-saħħa ta' l-għajnuna, il-marini għall-jottijiet in kwistjoni jkunu f'pożizzjoni li joffru rmiġġi bi prezz irħas, ħaġa li tfixkel il-possibilitajiet kompetittivi tal-grupp tax-xogħol. Ir-rikorrenti jqisu li l-konsegwenza tad-Deċiżjoni kkontestata hija li tħalli tissussisti sitwazzjoni li tfixkel il-kompetizzjoni.

38      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti stqarrew li l-konsegwenza tat-tariffi aktar baxxi, bħal dawk fis-seħħ fil-marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt, hija li l-marġnijiet ta' profitt tal-kumpanniji li jħaddmu l-portijiet kummerċjali jsiru insinjifikanti u, minħabba f'hekk, x'uħud minnhom kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom. Ir-rikorrenti indikaw li t-tħaddim tajjeb ta' port kummerċjali jippresupponi profittabbiltà mill-kapital totali li tkun għall-inqas bejn 7 u 10 %. Bħalissa din hija madwar 4 %.

39      Dwar ir-rwol tal-membri grupp tax-xogħol, ir-rikorrenti jsostnu li huma kellhom rwol attiv fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Mhux biss taw informazzjoni addizzjonali u rrispondew id-domandi tal-Kummissjoni, iżda, fuq talba tal-Kummissjoni, ippreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-iskambju ta' ittri li kien hemm bejn l-awtoritajiet Olandiżi u l-Kummissjoni.

40      Dwar il-locus standi in judicio tal-grupp tax-xogħol, ir-rikorrenti jispeċifikaw li l-kostituzzjoni tal-grupp tax-xogħol fil-15 ta' Marzu 2000 kellu bħal għan essenzjali li jiddefendi l-interessi tal-marini għall-jottijiet kummerċjali u li jiġġieled kontra l-kompetizzjoni żleali. Fid-dritt Olandiż, il-grupp tax-xogħol huwa kkwalifikat bħala assoċjazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 26 tat-Tieni Ktieb tal-BW u, bis-saħħa t'hekk, għandu personalità ġuridika u kostituzzjoni b'att notarili jew b'reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ mhijiex meħtieġa għal dan il-għan. Il-fatt li huwa għandu biss kapaċità ġuridika limitata fid-dritt Olandiż u li, minħabba f'hekk, ma jistax, per eżempju, jressaq azzjoni kollettiva speċifika abbażi ta' l-Artikolu 305a tat-Tielet Ktieb tal-BW mhuwiex rilevanti f'din il-kawża.

41      Dwar jekk il-grupp tax-xogħol huwiex affettwat individwalment, ir-rikorrenti jfakkru li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet fil-punti 65 u 66 tas-sentenza Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, li assoċjazzjoni kellha d-dritt tressaq rikors abbażi tas-sempliċi fatt li hija kienet ħadet sehem attiv fil-proċedura formali kif ukoll fid-diskussjonijiet informali li saru qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni (b'mod partikolari billi ppreżentat rapporti u billi kienet sors utli ta' informazzjoni).

42      Fis-seduta, ir-rikorrenti żiedu illi, skond is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni (T-447/93, T‑448/93 u T‑449/93, Ġabra p. II‑1971), u Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, grupp li, abbażi ta' l-għanijiet u ta' l-attvitajiet tiegħu, jirrappreżenta u jiddefendi l-interessi tal-membri tiegħu, jista' jressaq rikors f'isem u minflok il-membri tiegħu.

43      Ir-rikorrenti jikkonkludu li, peress li l-membri tal-grupp tax-xogħol jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjoni kkontestata fis-sens tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, il-grupp tax-xogħol jista', bl-istess mod, ikun ikkunsidrat li huwa hekk ikkonċernat.

44      Minbarra dan, mill-bidu tal-proċedura, il-Kummissjoni kienet aċċettat il-grupp tax-xogħol bħala interlokutur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex tiġi evitata kull kwistjoni dwar l-ammissiblilità ta' rikors imressaq mill-grupp tax-xogħol, ir-rikors huwa ffirmat konġuntament mid-diversi membri.

45      B'risposta, il-Kummissjoni tenfasizza li, meta invokat is-sentenza Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, ir-rikorrenti fehmu ħażin differenza essenzjali bejn dik il-kawża u din il-kawża, jiġifieri li f'din il-kawża kien hemm ftuħ ta' inkjesta formali (Artikolu 88(2) KE), mentri dan ma kienx il-każ fil-kawża Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni. Bħall-ġurisprudenza Cook u Matra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, u tal-15 ta' Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203), is-sentenza Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, li tirreferi għal dawn is-sentenzi, għalhekk mhija ta' ebda għajnuna f'din il-kawża peress li, f'din il-kawża, ir-rikorrenti kellhom il-possibiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom waqt il-proċedura amministrattiva.

46      F'dak li jikkonċerna l-istqarrija tar-rikorrenti li l-kapaċità ġuridika limitata tagħhom mhijiex element rilevanti f'din il-kawża, il-Kummissjoni tirrispondi li r-rikorrenti jinsew li l-limitazzjoni tal-kompetenza ta' l-assoċjazzjonijiet mhux kostitwiti b'att notarili tirrigwarda l-locus standi in judicio tagħhom. L-Artikolu 305a tat-Tielet Ktieb tal-BW huwa rilevanti billi jistabbilixxi li huma biss l-assoċjazzjonijiet li għandhom personalità ġuridika sħiħa li jistgħu jressqu proċeduri f'isem il-membri tagħhom, ħaġa li għalhekk teskludi l-grupp tax-xogħol. Huwa preċiżament minħabba din ir-restrizzjoni li l-personalità ġuridika tal-grupp tax-xogħol hija insuffiċjenti sabiex ikun jista' jiġi rikonoxxut il-locus standi tiegħu sabiex iressaq proċeduri. Skond il-Kummissjoni, il-fatt li assoċjazzjoni de facto ppreżentat ilment jew ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni m'għandha l-ebda importanza.

47      Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li jmur kontra t-tmexxija tajba tal-proċedura li jingħata locus standi sabiex jitressqu proċeduri lil grupp li l-istatus ġuridiku tiegħu mhux definit b'mod ċar, bħalma huwa "grupp tax-xogħol".

48      F'dak li jikkonċerna r-referenza għas-sentenza Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Kummissjoni indikat, waqt is-seduta, li l-Qorti tal-Ġustizzja, f'appell imressaq quddiemha, ikkonstatat fis-sentenza tagħha tat-13 ta' Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, Ġabra. p. I-10737), li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet għamlet żball ta' dritt meta ddeċidiet li l-assoċjazzjoni in kwistjoni kienet ikkonċernata individwalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Għandu jitfakkar li, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista' biss tressaq rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment. Peress li d-Deċiżjoni kkontestata kienet indirizzata lir-Renju ta' l-Olanda, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti jissodisfawx dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

50      Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-locus standi tal-membri tal-grupp tax-xogħol sabiex iressqu proċeduri u, it-tieni nett, dak tal-grupp tax-xogħol.

 Fuq il-locus standi tal-membri tal-grupp tax-xogħol sabiex iressqu proċeduri

51      Dwar il-kwistjoni jekk il-membri tal-grupp tax-xogħol humiex individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li persuni li mhumiex id-destinatarji ta' deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment, salv f'każ li d-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba dan, li tindividwalizzhom b'mod analogu għal mod kif inhu individwalizzat id-destinatarju ta' deċiżjoni bħal din (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, p. 223, u tat-23 ta' Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C‑106/98 P, Ġabra p. I‑3659, punt 39; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni, T‑435/93, Ġabra p. II‑1281, punt 62).

52      Peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fi tmiem il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, għandu jitfakkar li jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li deċiżjoni bħal din tikkonċerna individwalment lill-impriżi li ressqu l-ilment li ta lok għal din il-proċedura u li nstemgħu l-osservazzjonijiet tagħhom, li ddeterminaw il-kors tal-proċedura, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun ġiet sostanzjalment milquta mill-miżura li tkun is-suġġett ta' din l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 24 u 25, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑11/95, Ġabra p. II‑3235, punt 72).

53      Ma jikkostitwixxix dan l-effett sostanzjali s-sempliċi fatt li d-deċiżjoni in kwistjoni setgħet teżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet kompetittivi eżistenti fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata kellha xi relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta' din id-deċiżjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7). Għaldaqstant, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta' kompetitriċi fil-konfront ta' l-impriża benefiċjarja tal-miżura in kwistjoni, iżda għandha tipprova, minbarra dan, kemm huwa kbir id-dannu għall-pożizzjoni tagħha fis-suq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 40 u 41).

54      F'din il-kawża, għandu jiġi eżaminat safejn il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 88(2) KE u l-effett fuq il-pożizzjoni tagħhom fis-suq huma ta' natura li jindividwalizzawhom, skond l-Artikolu 230 KE.

55      Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li l-grupp tax-xogħol fetaħ f'isem il-membri tiegħu l-proċedura amministrattiva li tmexxiet quddiem il-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huwa pprovda, diversi drabi, informazzjoni addizzjonali fuq diversi marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt li, skondu, kienu bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. Madankollu, wara l-ftuħ ta' din il-proċedura, huwa bagħat biss ittra waħda, li la kien fiha informazzjoni ġdida u lanqas fatti addizzjonali importanti.

56      Fit-tieni lok, dwar il-kobor tad-dannu għall-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, kif jirriżulta mill-punt 28 tas-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, mhijiex kompetenza tal-qorti Komunitarja, fl-istadju ta' l-eżami ta' l-ammissibbilità, li tiddeċiedi b'mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet kompetittivi bejn ir-rikorrenti u l-impriżi benefiċjarji ta' l-għajnuna. F'dan il-kuntest, huma biss ir-rikorrenti li għandhom jindikaw b'mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista' tippreġudika l-interessi leġittimi tagħhom billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fis-suq in kwistjoni.

57      Rigward il-każ in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabu l-ebda prova li permezz tagħha tista' tiġi stabbilita l-partikolarità tas-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tal-marini għall-jottijiet.

58      Għall-kuntrarju, l-argument invokat mir-rikorrenti, mhux biss ma jippontax fid-direzzjoni ta' individwalizzazzjoni, iżda juri li r-rikorrenti huma eventwalment ikkonċernati bl-istess mod bħall-kompetituri l-oħra kollha. Fil-fatt, ir-rikorrenti jallegaw li l-profittabbiltà tagħhom ġiet affettwata bil-miżuri ta' għajnuna in kwistjoni safejn il-kumpanniji li jħaddmu l-marini għall-jottijiet mingħajr għan ta' profitt setgħu, bis-saħħa ta' dawn il-miżuri, jikru l-irmiġġi tagħhom lil baħħara dilettanti li jkunu għaddejjin minn hemm għal prezzijiet inqas minn dawk applikabbli fil-marini għall-jottijiet kummerċjali.

59      Issa għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovawx, permezz ta' elementi konkreti, bħalma huma fatturati mwettqa qabel u wara l-adozzjoni tal-miżuri in kwistjoni, li dawn il-miżuri setgħu jolqtu sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fis-suq in kwistjoni.

60      Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni u r-Renju ta' l-Olanda fakkru li r-rikorrenti jirrapreżentaw biss sitta minn madwar 1 200 marini għall-jottijiet li joperaw fl-Olanda (ara punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-figuri ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għalhekk jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna mill-portijiet li jistgħu potenzjalment ikunu kkonċernati mill-għajnuna in kwistjoni. F'tali sitwazzjoni, kull waħda mir-rikorrenti kellha tipprova kif għajnuna mogħtija lil port partikolari jew lil ieħor setgħet tippreġudika l-attivitajiet tagħha, per eżempju, billi tipperikola li twassal għal telf ta' klijentela jew għal tnaqqis tal-marġni tal-profitti.

61      Minbarra dan, ir-Renju ta' l-Olanda indika, waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, li t-tariffi fil-portijiet kummerċjali ta' Naarden u ta' Ermelo ma ġewx milquta mill-miżuri ta' għajnuna kkontestati. Fil-fatt, rigward il-port kummerċjali ta' Naarden, għandu jiġi nnutat, l-ewwel nett, li t-tariffa għal irmiġġ permanenti ta' dgħajsa ta' għaxar metri tul hija ogħla mit-tariffa medja kkonstatata fl-Olanda għal dan it-tip ta' rmiġġ (ara r-rapport ta' Waterrecreatie Advies ikkomunikat lill-awtoritajiet Olandiżi lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva). It-tieni nett, skond il-kontijiet annwali ta' dan il-port kummerċjali, il-kumpannija li tħaddmu setgħet tqassam profitti f'dawn l-aħħar snin. Fl-aħħar nett, f'dan il-port, ġiet introdotta lista ta' stennija. Rigward il-port kummerċjali ta' Ermelo, ir-Renju ta' l-Olanda jallega, mingħajr mhuwa kkontestat mir-rikorrenti, li dan il-port żied it-tariffi tiegħu f'dawn l-aħħar tliet snin. Din l-informazzjoni mhijiex ta' natura li ssostni l-istqarrija tar-rikorrenti li l-profittabbiltà tagħhom ġiet affettwata mill-miżuri ta' għajnuna in kwistjoni.

62      Ir-referenza tar-rikorrenti għas-sentenza Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, li tgħid li r-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni huwa ammissibbli jekk uħud biss mill-membri tagħha jkunu kompetituri diretti tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna in kwistjoni, hija rrilevanti, peress li d-deċiżjoni in kwistjoni f'dik il-kawża ġiet adottata fi tmiem eżami purament preliminari (Artikolu 88(3) KE). F'din il-kawża, ir-rikorrenti għalhekk bl-ebda mod ma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza li tgħid li meta l-Kummissjoni, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta' eżami, tikkonstata, fil-kuntest ta' eżami preliminari, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-persuni kkonċernati fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE, li jibbenefikaw mill-garanziji tal-proċedura formali ta' eżami meta din tiġi implementata, għandhom ikunu kkunsidrati bħala li huma individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni li tagħmel din il-konstatazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 82 u 89).

63      Jirriżulta minn dak li ngħad qabel li r-rikorrenti ma pprovawx li huma individwalment ikkonċernati bid-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li din ta' l-aħħar taffettwahom b'mod partikolari meta mqabbla ma' l-operaturi ekonomiċi l-oħra, bħal li kieku kienu destinatarji ta' din id-Deċiżjoni.

64      Isegwi li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli f'dak li jikkonċerna l-membri tal-grupp tax-xogħol, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-locus standi tal-grupp tax-xogħol sabiex iressaq proċeduri

65      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar illi rikors għal annullament imressaq minn assoċjazzjoni ta' impriżi li mhijiex id-destinatarju ta' l-att ikkontestat huwa ammissibbli biss f'żewġ ipoteżijiet. L-ewwel nett, meta l-assoċjazzjoni, meta ressqet ir-rikors tagħha, tkun issostitwiet ruħha għal membru wieħed jew iktar li hija tirrappreżenta, bil-kundizzjoni li dawn ta' l-aħħar kienu f'pożizzjoni li jressqu rikors ammissibbli. It-tieni nett, minħabba ċirkustanzi partikolari bħalma huma r-rwol li seta' kellha fil-kuntest ta' proċedura li wasslet għall-att li jkun ġie mitlub l-annullament tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 50, u tal-11 ta' Frar 1999, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni, T‑86/96, Ġabra p. II‑179, punti 56 u 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kkonstatat fil-punt 63, li l-membri tal-grupp tax-xogħol ma kinux individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-grupp tax-xogħol ma jistax ikun ikkunsidrat li ssostitwixxa ruħu validament għal wieħed jew iktar mill-membri tiegħu.

67      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk jistax jibbaża l-locus standi tiegħu sabiex iressaq proċeduri fuq ċirkustanzi partikolari.

68      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li għalkemm il-grupp tax-xogħol kien effettivament ħa sehem fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tad-29 ta' Ottubru 2003, din il-parteċipazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed sabiex tagħtih il-locus standi sabiex iressaq proċeduri fis-sens tal-ġurisprudenza Van der Kooy u CIRFS (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, u ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125). Kif iddikjarat il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza tal-5 ta' Ġunju 1996, Kahn Scheepvaart vs Il-Kummissjoni (T‑398/94, Ġabra p. II‑477, punt 42), is-sempliċi fatt li r-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni u li skambjat korrispondenza u kellha laqgħat, f'dan ir-rigward, ma' din ta' l-aħħar, ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanzi partikolari suffiċjenti li jippermettu li jindividwalizzaw ir-rikorrenti fil-konfront ta' kull persuna oħra u li jagħtuha, għaldaqstant, il-locus standi sabiex tressaq proċeduri kontra sistema ġenerali ta' għajnuna.

69      Il-fatt illi assoċjazzjoni tintervjeni quddiem il-Kummissjoni waqt il-prċoedra prevista mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha mhuwiex biżżejjed bħala tali sabiex jistabbilixxi l-locus standi ta' assoċjazzjoni sabiex tressaq proċeduri fis-sens ta' din il-ġurisprudenza (sentenza Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 60).

70      Ir-rwol li kellhom ir-rikorrenti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni u CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitati aktar 'il fuq, fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkontestati fiż-żewġ kawżi kien, barra minn hekk, sostanzjalment akbar fil-konfront tas-sempliċi parteċipazzjoni tal-grupp tax-xogħol f'din il-kawża.

71      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset illi l-Landbouwschap, fil-kwalità tiegħu ta' negozjatur tat-tariffi tal-gass, kien ħa sehem attiv fil-proċedura ta' l-Artikolu 88(2) KE billi ppreżenta kummentarji bil-miktub lill-Kummissjoni u billi żamm kuntatti mill-qrib ma' l-uffiċjali kompetenti waqt il-proċedura kollha. Kien wieħed mill-partijiet għall-kuntratt li stabblixxa t-tariffi mhux awtorizzati mill-Kummissjoni u, f'din il-kwalità, kien iċċitat diversi drabi fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

72      Ir-rwol tar-rikorrent fil-kawża li tat lok għas-sentenza CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, kien ukoll kbir ħafna. Iċ-CIRFS kien assoċjazzjoni li l-membri tagħha kienu jinkludu l-produtturi internazzjonali prinċipali ta' fibri sintetiċi. Huwa kien ressaq, fl-interess ta' dawn il-produtturi, diversi proċeduri marbuta mal-politika ta' ristrutturar tas-settur, definita mill-Kummissjoni. Kien b'mod partikolari l-interlokutur tal-Kummissjoni fl-implementazzjoni ta' regoli applikati għas-settur, ta' l-estensjoni u l-adattament ta' dawn ir-regoli, u kien segwa n-negozjati mal-Kummissjoni, billi ppreżentalha, b'mod partikolari, osservazzjonijiet bil-miktub u billi żamm kuntatti mill-qrib mas-servizzi kompetenti.

73      Dan mhux il-każ tal-grupp tax-xogħol f'din il-kawża. Għandu jiġi kkonstatat illi r-rwol tiegħu, li ma jmurx lil hinn mill-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali rikonoxxuti lill-persuni kkonċernati mill-Artikolu 88(2) KE, ma jistax jiġi ekwiparat ma' dak tal-Landbouwschap jew taċ-CIRFS fil-kawżi msemmija aktar 'il fuq (ara, b'analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata aktar 'il fuq, punti 55 sa 59).

74      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu wkoll jiġi ddikjarat inammissibbli f'dak li jikkonċerna l-grupp tax-xogħol.

75      Jirrriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li saru qabel li r-rikors huwa inammissibbli kollu kemm hu.

76      Rigward l-argument tal-Kummissjoni dwar il-locus standi in judicio tal-grupp tax-xogħol, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li mhemmx lok li tippronunzja ruħha f'dan ir-rigward, billi l-membri tal-grupp ta' xogħol mhumiex individwalment ikkonċernati u billi l-grupp ta' xogħol ma ġġustifikax il-locus standi tiegħu sabiex iressaq proċeduri abbażi ta' ċirkustanzi partikolari.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

78      Ir-Renju ta' l-Olanda jbati l-ispejjeż tiegħu, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni. Ir-Renju ta' l-Olanda għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

García-Valdecasas

Labucka

Trstenjak

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Settembru 2006.

E. Coulon

 

       R. García-Valdecasas

Reġistratur President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.