Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Ġunju 2010 - Microban International u Microban (Europe) vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-262/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Microban International Ltd (Huntersville, l-Istati Uniti) u Microban (Europe) Ltd. (Heath Hayes, ir-Renju Unit) (rappreżentant: M. S. Rydelski, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2010/169, tad-19 ta' Marzu 2010, dwar in-noninklużjoni ta' 2,4,4'-trichloro-2'-hydroxydiphenyl ether fil-lista tal-Unjoni ta' addittivi li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel skont id-Direttiva 2002/72/KE (ĠU L 75, p. 25), u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2010/169 dwar in-noninklużjoni ta' 2,4,4'-trichloro-2'-hydroxydiphenyl ether fil-lista tal-Unjoni ta' addittivi li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel skont id-Direttiva 2002/72/KE 1 (ĠU L 75, p. 25), u notifikata taħt id-dokument C (2010) 1613.

Insostenn tal-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ressqet il-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex konformi mal-proċedura ta' awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Qafas 2 għaliex ma għandhiex bażi legali xierqa għall-adozzjoni tagħha.

It-tieni nett, id-deċiżjoni adottata mill-konvenuta li ma tinkludix il-prodott ikkonċernat fil-lista ta' addittivi tal-Unjoni mingħajr deċiżjoni ta' ġestjoni tar-riskju, ibbażata biss fuq l-irtirar tal-applikazzjoni oriġinali għall-awtorizzazzjoni, hija bi ksur tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni għall-prodott ikkonċernat.

It-tielet nett, il-konvenuta kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti billi ma tatx l-opportunità li tissostitwixxi l-applikant oriġinali għall-prodott ikkonċernat.

Fl-aħħar nett, il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, bħall-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, ta' trasparenza u ta' ċertezza legali.

____________

1 - Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/72/KE, tas-6 ta' Awissu 2002, dwar materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba sabiex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 535)

2 - Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta' Ottubru 2004, dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, p. 4).