Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Diċembru 2017 – Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-816/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (rappreżentanti: D. Holderer, aġent D. Waelbroeck u A. Steichen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38944 li allegatament ġiet implementata mil-Lussemburgu favur Amazon;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38944 li allegatament ġiet implementata mil-Lussemburgu favur Amazon sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, maqsum fi tliet partijiet, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 170 TFUE sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ vantaġġ fil-konfront ta’ Amazon EU S.à.r.l (iktar ’il quddiem “LuxOpCO”).

L-ewwel parti bbażata fuq il-fatt li l-applikazzjoni tad-deċiżjoni fiskali u t-tiġdid tagħha fl-2011 ma wasslet għall-għoti ta’ ebda vantaġġ sa fejn ir-royalty imħallsa minn terz għal liċenzja fuq attivi intanġibbli kienet ogħla minn dik imħallsa minn LuxOpCo lil Amazon Europe Holding Technologies SCS (iktar ’il quddiem “LuxSCS”) skont il-ftehim ta’ liċenzja. Ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ottubru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38944 li allegatament ġiet implementata mil-Lussemburgu favur Amazon (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) tiddikjara b’mod żbaljat li r-royalty effettivament imħallsa minn LuxOpCo tvarja minn prezz f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta.

It-tieni parti bbażata fuq żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ liġi li bihom hija vvizzjata l-analiżi mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata relatata ma’ allegata applikazzjoni ħażina tal-metodu tranżazzjonali tal-marġni nett fil-kuntest tad-deċiżjoni fiskali, kemm fl-għażla tal-parti eżaminata kif ukoll fl-applikazzjoni tal-parametri tal-imsemmi metodu.

It-tielet parti bbażata fuq l-argument li jgħid li, għall-kuntrarju, huwa l-kalkolu tal-prezz ta’ trasferiment kif imwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li jwassal għal riżultat li jiddevja manifestament mill-prinċipju ta’ distakkament.

It-tieni motiv, maqsum f’żewġ partijiet, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx in-natura selettiva tad-deċiżjoni fiskali inkwistjoni.

L-ewwel parti bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni tippreżumi, b’mod żbaljat, in-natura selettiva tad-deċiżjoni fiskali inkwistjoni filwaqt li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li jeżisti vantaġġ sabiex tippreżumi n-natura selettiva tiegħu, iżda għandha, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tan-natura selettiva, tiddefinixxi qabelxejn il-kuntest ta’ riferiment applikabbli, u sussegwentement tidentifika deroga mill-imsemmi kuntest ta’ riferiment.

It-tieni parti bbażata fuq iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-allegata natura selettiva tal-għajnuna msemmija fir-raġunamenti sussidjarji tagħha. Dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet sussidjarji tan-natura selettiva huma manifestament ivvizzjati sa fejn il-Kummissjoni żbaljat dwar il-kuntesti ta’ riferiment u, fi kwalunkwe każ, naqset milli turi l-eżistenza ta’ kwalunkwe deroga minn dawn tal-aħħar.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 5 TFUE sa fejn il-Kummissjoni twettaq armonizzazzjoni fiskali moħbija billi timponi l-interpretazzjoni tagħha tal-prezz “tajjeb” ta’ trasferiment li LuxOpCo għandha tħallas lil LuxSCS skont il-ftehim ta’ liċenzja inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni qiegħda fir-realtà tisfrutta d-dritt tal-għajnuna mill-Istat sabiex twettaq armonizzazzjoni fiskali moħbija fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment, bi ksur tal-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament 2015/1589 u tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tad-drittijiet tad-difiża billi adottat deċiżjoni li teskludi sommarjament dokumentazzjoni ex post ipprovduta minn Amazon u li l-argument prinċipali tagħha, jiġifieri l-iżball fl-għażla tal-parti eżaminata għall-ħtiġijiet tal-metodu tranżazzjonali tal-marġni nett, ma setax ikun is-suġġett ta’ osservazzjonijiet ulterjuri mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew minn Amazon.

Il-ħames motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/1589, sa fejn l-irkupru tal-għajuna huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali fid-dawl tal-bona fide tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fl-applikazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment u tan-natura imprevedibbli tal-approċċ il-ġdid fir-rigward tal-prezzijiet ta’ trasferiment applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

____________