Language of document : ECLI:EU:C:2013:717

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Novembru 2013 (*)

“Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali — Direttiva 87/344/KEE — Artikolu 4(1) — Għażla libera tal-avukat mill-persuna assigurata — Klawżola prevista fil-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratt li tiggarantixxi assistenza legali fi proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi minn wieħed mill-impjegati tal-assiguratur — Spejjeż relatati mal-assistenza legali minn rappreżentant legali estern rimborsati biss fil-każ ta’ neċessità, evalwata mill-assiguratur, li t-trattament tal-kawża jiġi fdat lil rappreżentant legali estern”

Fil-Kawża C‑442/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Jan Sneller

vs

DAS Nederlandse Rechtsbijstand Verzekeringsmaatschappij NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. G. Fernlund, President tat-Tmien Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DAS Nederlandse Rechtsbijstand Verzekeringsmaatschappij NV, minn J. W. H. van Wijk u B. J. Drijber, advocaten,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE, tat-22 ta’ Ġunju 1987, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 187) applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Sneller u DAS Nederlandse Rechtsbijstand Verzekeringsmaatschappij NV (iktar ’il quddiem, “DAS”), kumpannija ta’ assigurazzjoni, rigward il-kopertura tal-ispejjeż tal-assistenza legali pprovduta minn avukat magħżul mill-persuna assigurata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 87/344 tipprovdi:

“Billi l-interess ta’ persuni li jkollhom il-kopertura ta’ spejjeż legali jfisser li l-persuna assigurata għandha tkun tista’ tagħżel avukat jew persuna oħra kkwalifikata b’mod approprjat skond il-liġi nazzjonali f’ xi inkjesta jew proċeduri u kull meta jkun hemm konflitt ta’ interessi.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tikkoordina d-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li jikkonċernaw l-assigurazzjoni ta’ spejjeż legali […] sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment u jiġi prekluż kemm jista’ jkun kull konflitt ta’ interess li joriġina b’mod partikolari mill-fatt li l-assiguratur ikun ikopri persuna oħra jew ikun qiegħed ikopri persuna fir-rigward ta’ kemm spejjeż legali u kull klassi oħra […] u, fil-każ li jinqala’ xi konflitt, li jkun possibbli li jiġi riżolt.”

5        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal assigurazzjoni ta’ l-ispejjeż legali. Dan jikkonsisti f’impenn, kontra l-pagament ta’ laġġu [premjum], li jintrefgħu l-ispejjeż ta’ proċeduri legali u li jiġu pprovduti servizzi oħrajn direttament marbuta mal-kopertura ta’ l-assigurazzjoni, partikolarment bl-iskop ta’:

-      assigurazzjoni ta’ kumpens għat-telf, il-ħsara jew inġurja sofferta mill-persuna assigurata, b’soluzzjoni barra mill-qrati jew permezz ta’ proċeduri ċivili jew kriminali,

-      difiża jew rappreżentanza tal-persuna assigurata fi proċeduri ċivili, kriminali, amministrattivi jew proċeduri oħrajn fir-rigward ta’ kull pretensjoni magħmula kontra tagħha.”

6        L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Kull kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ spejjeż legali għandu espressament jirrikonoxxi li:

a)      meta jsir rikors lil avukat jew persuna oħra kkwalifikata kif approprjat skond il-liġi nazzjonali sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew servuti l-interessi tal-persuna assigurata f’kull inkjesta jew proċedura, dik il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel dan l-avukat jew persuna oħra;

b)      il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel avukat jew, jekk tippreferi hekk u sal-limitu li l-liġi nazzjonali tippermetti, kull persuna oħra kkwalifikata kif approprjat, biex isservi l-interessi tagħha kull meta jkun hemm konflitt ta’ l-interessi.”

7        l-Artikolu 5 tad-Direttiva 87/344:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jipprovdi eżenzjoni mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) għal assigurazzjoni ta’ spejjeż legali jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

a)      l-assigurazzjoni hija llimitata għal każijiet li joriġinaw mill-użu ta’ vetturi tat-triq fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

b)      l-assigurazzjoni hi konnessa ma’ kuntratt biex tkun ipprovduta assistenza fil-każ ta’ inċident jew ħsara li jinvolvu vettura tat-triq;

ċ)      la l-assiguratur ta’ spejjeż legali u lanqas l-assigurat dwar l-assistenza m’ għandu jwettaq xi klassi ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà;

d)      huma meħuda miżuri sabiex il-parir legali u r-rappreżentanza ta’ kull wieħed mill-partijiet għal kwistjoni jkunu effetwati minn avukati kompletament indipendenti meta dawn il-partijiet ikunu assigurati għal spejjeż legali mill-istess assiguratur.

2.       L-eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru lil impriża skond il-paragrafu 1 m’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(2).”

 Id-dritt Olandiż

8        L-Artikolu 4:67(1) tal-Liġi dwar il-kontroll finanzjarju (Wet op het financieel toezicht) jipprovdi kif ġej:

“L-assiguratur għall-protezzjoni ġuridika għandu jara li, fil-ftehim dwar il-kopertura tal-protezzjoni ġuridika, jiġi previst b’mod espliċitu li l-persuna assigurata tista’ tagħżel liberament avukat jew professjonist ieħor li huwa awtorizzat legalment jekk:

a.      isir użu minn avukat jew professjonist ieħor li huwa awtorizzat legalment sabiex jiddefendi, jirrappreżenta jew iservi l-interessi tal-persuna assigurata fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi; jew

b.      iqum kunflitt ta’ interessi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li J. Sneller ħa assigurazzjoni għall-ispejjeż legali minn Reaal Schadeverzekeringen NV. Il-kuntratt ta’ assigurazzjoni jipprovdi li DAS hija l-kumpannija maħtura sabiex timplementa l-kopertura tal-protezzjoni ġuridika.

10      L-imsemmi kuntratt jipprovdi wkoll li l-kawżi huma ttrattati mill-persunal ta’ DAS. Madankollu, jekk, skont il-kuntratt jew fil-fehma ta’ DAS, kawża għandha tiġi ddelegata lil rappreżentant legali estern, il-persuna assigurata għandha d-dritt taħtar l-avukat jew il-professjonist tal-għażla tagħha.

11      Fil-kawża prinċipali, J. Sneller jixtieq jibda proċeduri ġudizzjarji kontra l-persuna li kienet timpjegah sabiex jitlob li tħallsu danni għaliex tkeċċa b’mod illegali. Għal dan il-għan, huwa beħsiebu jkun assistit minn avukat magħżul minnu u li jitlob li l-ispejjeż tal-assistenza legali jiġu koperti mill-persuna li tassigurah għall-protezzjoni ġuridika. DAS qablet mal-ftuħ ta’ tali proċeduri ġudizzjarji, iżda qieset li l-kuntratt konkluż minn J. Sneller ma jipprovdix, f’każ bħal dan, għat-teħid tar-responsabbiltà tal-ispejjeż tal-assistenza legali minn avukat magħżul mill-persuna assigurata. DAS indikat li hija lesta biss li tipprovdi hija nfisha l-assistenza legali ta’ J. Sneller permezz ta’ xi ħadd mill-persunal tagħha li ma huwiex avukat.

12      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dritt Olandiż, fil-kuntest tal-proċeduri li J. Sneller jixtieq jibda kontra l-persuna li kienet timpjegah, l-assistenza legali ma hijiex obbligatorja.

13      Wara li DAS rrifjutat li tkun responsabbli għall-ispejjeż ta’ assistenza legali permezz ta’ avukat magħżul minn J. Sneller, dan tal-aħħar talab lill-voorzieningenrechter te Amsterdam (qorti għal miżuri provviżorji ta’ Amsterdam) sabiex tikkundanna lil DAS għall-imsemmija spejjeż. Permezz tas-sentenza tad-8 ta’ Marzu 2011, il-voorzieningenrechter te Amsterdam ċaħdet din it-talba.

14      Din is-sentenza ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) tas-26 ta’ Lulju 2011. Il-Gerechtshof te Amsterdam qieset li l-Artikolu 4:67(1)(a) tal-Liġi dwar il-kontroll finanzjarju għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn is-suġġett tal-kuntratt huwa assigurazzjoni għall-ispejjeż legali in natura, id-dritt għal għażla libera ta’ avukat ma jitnissilx biss mid-deċiżjoni li jinbdew proċeduri favur il-persuna assigurata, iżda li huwa meħtieġ ukoll li l-assiguratur tal-protezzjoni ġuridika jiddeċiedi li l-assistenza legali għandha tiġi pprovduta minn rappreżentant estern u mhux minn xi ħadd mill-persunal tiegħu. Huwa biss f’din l-ipoteżi li jkun jeżisti kunflitt ta’ interessi li l-Artikolu 4(1)(a) huwa intiż li jevita.

15      J. Sneller ikkontesta din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont din tal-aħħar, kemm l-eżami tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344 kif ukoll is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Eschig (C‑199/08, Ġabra p. I‑8295) u tas-26 ta’ Mejju 2011, Stark (C‑293/10, Ġabra p. I‑4711), joffru argumenti importanti insostenn tat-teżi li jekk jinbdew proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, il-kundizzjonijiet kuntrattwali għandhom dejjem joffru lill-persuna assigurata d-dritt li tagħżel liberament ir-rappreżentant legali tagħha.

16      Hija tqis li r-risposta li hija mitluba tagħti fil-kawża prinċipali jista’ jkollha konsegwenzi soċjali ċerti għaliex, jekk tiġi aċċettata tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344, tkun inevitabbli żieda probabbilment kunsiderevoli tal-ammont tal-premiums ta’ assigurazzjoni.

17      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden (il-qorti suprema tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [87/344] jawtorizza lil assiguratur ta’ spejjeż legali, li fil-polzi tiegħu jipprovdi li l-assistenza legali fil-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi tkun bħala prinċipju pprovduta mill-ħaddiema tal-assiguratur, jipprovdi wkoll li l-ispejjeż ta’ assistenza legali pprovduta minn avukat jew minn rappreżentant legali magħżula liberament mill-persuna assigurata jkunu koperti biss jekk l-assiguratur iqis li t-trattament tal-kawża għandu jiġi ddelegat lil rappreżentant legali estern?

2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti skont jekk l-assistenza legali hija jew ma hijiex obbligatorja fil-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi inkwistjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li assiguratur tal-protezzjoni ġuridika, li jipprovdi fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni tiegħu, li l-assistenza legali hija fil-prinċipju pprovduta mill-persunal tiegħu, jipprovdi wkoll li l-ispejjeż tal-assistenza legali ta’ avukat jew ta’ rappreżentant magħżul liberament mill-persuna assigurata jistgħu jiġu koperti biss jekk l-assiguratur iqis li t-trattament tal-kawża għandu jiġi ddelegat lil rappreżentant legali estern.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont DAS, il-forma passiva użata fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344, fl-espressjoni “meta jsir rikors lil avukat [...] il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel”, li tinsab ukoll fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Olandiża ta’ din id-dispożizzjoni, turi li din ma tiddeterminax jekk, fi proċeduri, ikun l-assiguratur jew il-persuna assigurata li għandhom jevalwaw jekk huwiex meħtieġ li jintuża rappreżentant legali estern. Għaldaqstant DAS hija libera li tirregola din il-kwistjoni fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni tagħha, peress li l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li tipprovdi li, “meta [l-assiguratur jiddeċiedi li għandu jsir] rikors lil avukat [...], il-persuna libera għandha tkun libera li tagħżel”.

20      Tali interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 ma tistax tintlaqa’.

21      Fl-ewwel lok, minkejja li huwa minnu li l-qari tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 ma jippermettix, minnu nnifsu, li tiġi stabbilita l-portata tal-kliem “meta jsir rikors lil avukat [...] il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel”, jibqa’ l-fatt li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza Eschig, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li kemm mill-ħdax-il premessa tad-Direttiva 87/344 kif ukoll mill-Artikolu 4(1)(a) tagħha jirriżulta li l-interess tal-persuna assigurata li jkollha protezzjoni ġuridika jimplika li din tal-aħħar ikollha l-libertà li tagħżel hija nfisha l-avukat tagħha jew kwalunkwe persuna oħra li jkollha l-kwalifiki aċċettati mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi (sentenza Stark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

23      B’hekk, mill-qari flimkien tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 u tal-ħdax-il premessa tagħha jirriżulta li l-għażla libera tal-avukat mill-persuna assigurata ma tistax tiġi limitata biss għas-sitwazzjonijiet fejn l-assiguratur jiddeċiedi li għandu jsir użu minn rappreżentant legali estern.

24      Fit-tieni lok, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, għandu jiġi kkonstatat li l-għan segwit permezz tad-Direttiva 87/344, u b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 4 tagħha, li jiġu protetti b’mod wiesa’ l-interessi tal-persuni assigurati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eschig, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45) ma huwiex kompatibbli ma’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva, kif proposta minn DAS.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344, dwar l-għażla libera tar-rappreżentant, għandu portata ġenerali u huwa ta’ natura obbligatorja (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Eschig, punt 47, u Stark, punt 29).

26      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-ammont tal-premiums ta’ assigurazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li d-diversi modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-persuna assigurata li tagħżel liberament ir-rappreżentant tagħha ma jeskludux li, f’ċerti każijiet, jistgħu jsiru limitazzjonijiet fuq l-ispejjeż sostnuti mill-assiguraturi.

27      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà tal-għażla, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344, ma timplikax l-obbligu għall-Istati Membri li jimponu fuq l-assiguraturi, fiċ-ċirkustanzi kollha, il-kopertura sħiħa tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tad-difiża tal-persuna assigurata, sakemm din il-libertà ma titlifx l-iskop tagħha. Dan ikun il-każ jekk il-limitazzjoni imposta fuq ir-responsabbiltà għall-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż tirrendi impossibbli de facto għażla raġonevoli, għall-persuna assigurata, tar-rappreżentant tagħha. F’kull każ, huma l-qrati nazzjonali li jkunu eventwalment aditi f’dan ir-rigward li għandhom jivverifikaw l-assenza ta’ limitazzjoni ta’ dan it-tip (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

28      Barra minn hekk, il-partijiet kontraenti jibqgħu liberi li jiftiehmu livelli ta’ kopertura tal-ispejjeż għall-assistenza legali li jkunu ogħla, permezz eventwalment tal-ħlas mill-persuna assigurata ta’ premium ogħla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

29      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li assiguratur għall-protezzjoni ġuridika, li jipprovdi fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni tiegħu li l-assistenza legali hija fil-prinċipju pprovduta mill-persunal tiegħu, jipprovdi wkoll li l-ispejjeż tal-assistenza legali ta’ avukat jew ta’ rappreżentant magħżul liberament mill-persuna assigurata jistgħu jiġu koperti biss jekk l-assiguratur iqis li t-trattament tal-kawża għandu jiġi ddelegat lil rappreżentant legali estern.

 Fuq it-tieni domanda

30      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-natura obbligatorja jew le tal-assistenza legali skont id-dritt nazzjonali fil-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi inkwistjoni għandhiex effett fuq ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

31      Peress li, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, id-dritt tal-persuna assigurata li tagħżel liberament ir-rappreżentant tagħha huwa ta’ portata ġenerali u ta’ natura obbligatorja u peress li, min-naħa l-oħra, id-Direttiva 87/344, kif jirriżulta fost l-oħrajn mill-ħdax-il premessa tagħha u mill-Artikolu 4(1)(a) tagħha, ma tissuġġettax l-eżistenza u l-portata ta’ dan id-dritt għar-regoli nazzjonali fil-qasam tar-rappreżentanza legali, tali regoli nazzjonali ma jistax ikollhom effett fuq ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

32      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li n-natura obbligatorja jew le tal-assistenza legali skont id-dritt nazzjonali fil-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi inkwistjoni ma għandhiex effett fuq ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344, tat-22 ta’ Ġunju 1987, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li assiguratur għall-protezzjoni ġuridika, li jipprovdi fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni tiegħu li l-assistenza legali hija fil-prinċipju pprovduta mill-persunal tiegħu, jipprovdi wkoll li l-ispejjeż tal-assistenza legali ta’ avukat jew ta’ rappreżentant magħżul liberament mill-persuna assigurata jistgħu jiġu koperti biss jekk l-assiguratur iqis li t-trattament tal-kawża għandu jiġi ddelegat lil rappreżentant legali estern.

2)      In-natura obbligatorja jew le tal-assistenza legali skont id-dritt nazzjonali fil-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi inkwistjoni ma għandhiex effett fuq ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.