Language of document : ECLI:EU:T:2019:822

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

28 ta’ Novembru 2019 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 – Rikors għal annullament – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Rekwiżiti formali essenzjali – Awtentikazzjoni tad-deċiżjoni – Proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑323/16,

Banco Cooperativo Español, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero u J. Beltrán de Lubiano Sáez de Urabain, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn F. Málaga Diéguez, F. Fernández de Trocóniz Robles, B. Meyring, S. Schelo, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Rius, A. Steiblytė u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/06), inkwantu din tikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President tal-Awla, M. Kancheva, R. Barents, J. Passer (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tat-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja, li jikkonċerna l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). L-istabbiliment tas-SRM għandu l-għan li jsaħħaħ l-integrazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-Istati Membri li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro u li jagħżlu li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”).

2        B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tikkonċerna l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) stabbilit mill-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Is-SRF huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet riċevuti fil-livell nazzjonali fil-forma, b’mod partikolari, ta’ kontribuzzjonijiet ex ante, b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 67(4) tal-istess regolament. Skont il-punt 13 tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, il-kunċett ta’ istituzzjoni jirreferi għal istituzzjoni ta’ kreditu jew għal ditta ta’ investiment koperta minn superviżjoni kkonsolidata skont l-Artikolu 2(c) tal-istess regolament. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu ttrasferiti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea skont il-ftehim intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għas-SRF, iffirmat fi Brussell fil-21 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim FIG”).

3        L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, intitolat “Kontribuzzjonijiet ex ante”, jipprovdi:

“1.      Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

2.      Kull sena, il-Bord, wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali [l-kontribuzzjonijiet individwali] biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira.

Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:

(a)      kontribuzzjoni fissa, li tkun ibbażata prorata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet totali, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti; u

(b)      kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri.

Ir-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjonijiet aġġustati skont ir-riskju għandha tikkunsidra distribuzzjoni bbilanċjata tal-kontribuzzjonijiet bejn tipi differenti ta’ banek.

Fi kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha, ikkalkolat skont il-punti (a) u (b), ma għandux jaqbeż annwalment it-12,5 % tal-livell fil-mira.

[…]

6.      L-atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, għandhom jiġu applikati.

7.      Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, fil-qafas tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 6, jadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3, u b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)      l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali;

(b)      il-modalitajiet prattiċi għall-allokazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-fatturi ta’ riskju speċifikati fl-att delegat.”

4        Ir-Regolament Nru 806/2014 ġie ssupplimentat, fir-rigward tal-imsemmija kontribuzzjonijiet ex ante, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF (ĠU 2015, L 15, p. 1).

5        Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jagħmlu riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu f’żewġ atti oħra:

–        minn naħa, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190);

–        min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

6        Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) ġie stabbilit bħala aġenzija tal-Unjoni (Artikolu 42 tar-Regolament Nru 806/2014). Dan jinkludi, b’mod partikolari, sessjoni plenarja u sessjoni eżekuttiva (Artikolu 43(5) tar-Regolament Nru 806/2014). Is-SRB f’sessjoni eżekuttiva jieħu d-deċiżjonijiet kollha sabiex jiġi implimentat ir-Regolament Nru 806/2014, sakemm dan ir-regolament ma jistipulax mod ieħor (Artikolu 54(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 806/2014).

7        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2015 (SRB/PS/2015/8), is-SRB f’sessjoni plenarja adotta r-regoli tal-proċedura tas-SRB f’sessjoni eżekuttiva (iktar ’il quddiem ir-“RPSE”).

8        L-Artikolu 9(1) sa (3) tar-RPSE jistipula:

“1.      Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta’ proċedura bil-miktub, ħlief jekk tal-inqas żewġ membri tas-sessjoni eżekuttiva msemmija fl-Artikolu 3(1) li jipparteċipaw fil-proċedura bil-miktub jopponu dan fl-ewwel 48 siegħa mill-bidu ta’ din il-proċedura bil-miktub. F’dan il-każ, is-suġġett għandu jiġi inkluż fl-aġenda tas-sessjoni eżekuttiva li jmiss.

2.      Il-proċedura bil-miktub teħtieġ normalment mhux inqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol sabiex tiġi eżaminata minn kull membru tas-sessjoni eżekuttiva. Jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti, il-President jista’ jiffissa perijodu iqsar għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni b’kunsens. Ir-raġuni għat-tqassir tal-perijodu għandha tingħata.

3.      Jekk il-kunsens ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-President jista’ jagħti bidu għal proċedura ta’ votazzjoni normali skont l-Artikolu 8.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrenti, Banco Cooperativo Español, SA, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti.

10      Fil-11 ta’ Diċembru 2015, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (il‑Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Banek), awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANR”), fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, għal Spanja (iktar ’il quddiem l-“ANR Spanjola”), bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-2016.

11      Ir-rikorrenti wieġbet għal din it-talba.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għas-SRF (SRB/ES/SRF/2016/06) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), is-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, skont l-Artikolu 54(1)(b) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 iddeċieda dwar l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni, fosthom ir-rikorrenti, għas-sena 2016. L-anness ta’ din id-deċiżjoni jinkludi, f’tabella, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 tal-istituzzjonijiet kollha, kif ukoll ċertu numru ta’ taqsimiet oħra, intitolati b’mod partikolari “Method (EA)” (metodu (iż-żona tal-euro)) u “Risk adjustment factor in the EA environment” (fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju fil-kuntest taż-żona tal-euro).

13      Is-SRB jindika li, fil-15 ta’ April 2016, bagħat lill-ANR Spanjola d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din l-ANR.

14      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ April 2016, l-ANR Spanjola informat lir-rikorrenti dwar l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha u talbitha tħallas dan l-ammont lill-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja) sal-24 ta’ Ġunju 2016.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Is-SRB ippreżenta r-risposta tiegħu fis-6 ta’ Settembru 2016.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tas-SRB.

17      Permezz ta’deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2016, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tal-Kummissjoni.

18      Permezz tal-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fid-9 ta’ Ottubru 2017 skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar stiednet lis-SRB jipproduċi l-kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż l-anness tagħha.

19      Permezz ta’ att tas-26 ta’ Ottubru 2017, is-SRB indika li ma jistax josserva l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fid-9 ta’ Ottubru 2017, billi invoka b’mod partikolari n-natura kunfidenzjali tad-data li tinsab fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata.

20      Permezz ta’ digriet ta’ miżuri struttorji tal-14 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“ewwel digriet” il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB, abbażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni, fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, tal-kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż l-anness tagħha.

21      Permezz ta’ att tal-15 ta’ Jannar 2018, is-SRB wieġeb għall-ewwel digriet u pproduċa, f’verżjonijiet mhux kunfidenzjali u kunfidenzjali, żewġ dokumenti, jiġifieri, l-ewwel nett, fir-rigward tat-test tad-deċiżjoni kkontestata, dokument ta’ żewġ paġni fil-forma ta’ rikonoxximent permezz tal-iskanner, fil-format PDF, ta’ dokument stampat iffirmat, u, it-tieni nett, dokument fil-forma ta’ ġenerazzjoni diġitali, fil-format PDF, ta’ data diġitali u li jikkostitwixxi l-anness tad-deċiżjoni kkontestata.

22      Fid-dawl tar-risposta tas-SRB għall-ewwel digriet, fit-12 ta’ Marzu 2018 il-Qorti Ġenerali adottat it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u stiednet lis-SRB, l-ewwel nett, sabiex jikkjarifika l-format tal-anness fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, fil-każ fejn dan l-anness kien ġie ppreżentat f’format diġitali, sabiex jispjega u jipprovdi l-elementi tekniċi ta’ awtentikazzjoni neċessarji kollha sabiex tingħata prova li l-ġenerazzjoni PDF ta’ data diġitali prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali tikkorrispondi għal dak li kien ġie ppreżentat b’mod konkret għall-firma u adottat mis-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, waqt il-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ April 2016 u, it-tielet nett, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata u l-kwistjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali.

23      Permezz ta’ att tas-27 ta’ Marzu 2018, is-SRB wieġeb għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Fir-rigward tat-tieni talba msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, is-SRB indika li ma jistax josservaha, u dan minħabba l-kunfidenzjalità ta’ ċerti dokumenti li jkollu jipproduċi, u talab l-adozzjoni ta’ miżura struttorja.

24      Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali adottat digriet ta’ miżuri struttorji ġdid, li jordnaw lis-SRB josserva t-tieni talba li tinsab fil-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem it-“tieni digriet”).

25      Permezz ta’ att tat-18 ta’ Mejju 2018, irregolarizzat fid-29 ta’ Ġunju 2018, is-SRB osserva t-tieni digriet u pproduċa, fil-verżjonijiet kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali, dokument intitolat “Informazzjoni teknika dwar l-identifikazzjoni”, it-test ta’ tliet messaġġi bil-posta elettronika tas-SRB tat-13 ta’ April 2016 fil-17:41, u tal-15 ta’ April 2016 fis-19:04 u fit-20:06, kif ukoll USB stick li tinkludi fajl fil-format XLSX u fajl fil-format TXT.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2018, wara l-eżami previst fl-Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali neħħiet mill-proċess il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mis-SRB b’risposta għall-ewwel u t-tieni digriet, bl-eċċezzjoni ta’ fajls fil-format TXT li jinsabu fuq il-USB sticks prodotti fit-18 ta’ Mejju 2018 mis-SRB u li ma fihom ebda informazzjoni kunfidenzjali, liema fajls ġew inklużi fil-proċess f’forma stampata.

27      Fit-13 ta’ Lulju 2018, permezz tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tas-SRB għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ struzzjoni msemmija fil-punti 18, 20, 22 u 24 iktar ’il fuq.

28      Permezz ta’ atti tas-27 u tat-30 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’risposta għat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

29      Fuq proposta tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

30      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, stiednet lill-partijiet, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex jippreċiżaw il-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-osservanza, mis-SRB, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

31      Permezz ta’ atti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-partijiet osservaw din it-talba.

32      Ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

33      Il-Kunsill, sostnut fuq il-mertu mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq id-dritt

34      Għall-finijiet ta’ dan ir-rikors għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u t-tieni, fuq il-bażi ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ammissibbiltà

35      Is-SRB iqis li r-rikors huwa dirett kontra l-att tal-ANR Spanjola, għaliex huwa dan l-att, u mhux id-deċiżjoni tiegħu, li huwa anness mar-rikors. Is-SRB ma huwiex l-awtur tal-att tal-ANR Spanjola. Ir-rikors kontra dan l-att għaldaqstant huwa inammissibbli.

36      Li kieku, madankollu, kellu jiġi kkunsidrat li r-rikors huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni tas-SRB, dan xorta waħda jkun inammissibbli, peress li l-approvazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 mis-SRB ma toħloq ebda effett ġuridiku vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha u, b’mod partikolari, ma toħloq ebda obbligu ta’ ħlas. Għal tali obbligu hemm bżonn tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ANR.

37      Barra minn hekk, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante mis-SRB ma jikkonċernax direttament lir-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

38      Fil-kontroreplika, is-SRB isostni li r-rikorrenti ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lill-ANR biss, liema awtoritajiet sussegwentement adottaw l-atti ġuridiċi tagħhom stess skont id-deċiżjoni kkontestata u nnotifikawhom lill-istituzzjonijiet li kienu taħt is-superviżjoni tagħhom. Konsegwentement, skont is-SRB, anki jekk din id-deċiżjoni setgħet tkun vinkolanti għall-ANR Spanjola, hija ma kinitx direttament vinkolanti għar-rikorrenti, li bl-ebda mod ma kienet destinatarja tagħha.

39      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata “ma timponix” l-ammont preċiż tal-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull istituzzjoni. Huwa biss l-att tal-ANR Spanjola li, skont id-dritt nazzjonali, joħloq obbligu għall-istituzzjonijiet li jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom.

40      Il-proċedura ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante hija bbażata fuq “kooperazzjoni mill-qrib” bejn is-SRB u l-ANR. Madankollu, il-kuntest ġuridiku ma jagħtix risposta ċara għad-domanda dwar liema qorti għandha s-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-proċedura ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Il-kuntest ġuridiku stabbilit jippermetti madankollu li jiġi żgurat li huma l-ANR li huma responsabbli mill-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar il-ġbir tal-kontribuzzjonijiet, skont il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-Ftehim FIG.  Għalhekk, minn dan jista’ jiġi dedott li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jittrasferixxi lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jistħarrġu l-proċedura ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Barra minn hekk, fl-eventwalità fejn iqumu kwistjonijiet dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ atti ta’ istituzzjonijiet jew ta’ aġenziji tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari.

41      B’mod konformi ma’ dan ir-raġunament, jeżistu numru ta’ eżempji fejn il-kontribuzzjonijiet ex ante kienu ġew ikkontestati quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti fuq livell nazzjonali. Ċerti ANR adottaw l-istess approċċ billi kkunsidraw li l-qrati u l-korpi nazzjonali huma kompetenti sabiex jistħarrġu l-atti ġuridiċi li huma adottaw fil-kuntest tal-proċedura ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

42      Ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tas-SRB u ssostni li r-rikors huwa ammissibbli.

43      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

44      Għalhekk, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jillimita r-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuna fiżika jew ġuridika għal tliet kategoriji ta’ atti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-atti indirizzati lilha, it-tieni nett, l-atti mhux indirizzati lilha u li jikkonċernawha direttament u individwalment u, it-tielet nett, l-atti regolatorji mhux indirizzati lilha, li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (ara d-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2013, von Storch et vs BĊE, T‑492/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:702, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu (ara d-digriet tal-21 ta’ April 2016, Borde u Carbonium vs Il-Kummissjoni, C‑279/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:297, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom iseħħ f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, huma biss dawk il-miżuri li jiffissaw definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom ikun li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati (ara d-digriet tad-9 ta’ Marzu 2016, Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il‑Kummissjoni, T‑438/15, EU:T:2016:142, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrent bħala parti mhux privileġġata kontra att li ma huwiex indirizzat lilu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti ġuridiċi vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi ta’ din il-parti, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara d-digriet tas-6 ta’ Marzu 2014, Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development vs Il-Kummissjoni, C‑248/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:137, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, li persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minnha ħlief jekk din id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u, minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinarju tad-deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, C‑321/95 P, EU:C:1998:153, punti 7 u 28).

49      Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors tirrikjedi li l-miżura kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplimentawha, u dan peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C‑15/06 P, EU:C:2007:183, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li anki meta l-att ikkontestat, sabiex jipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwi, jimplika neċessarjament li jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni, il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta għandha madankollu titqies bħala ssodisfatta jekk dan l-att jimponi obbligi fuq id-destinatarju tiegħu għall-implimentazzjoni tiegħu u jekk dan id-destinatarju, b’mod awtomatiku, huwa obbligat li jadotta miżuri li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2015, Federcoopesca et vs Il-Kummissjoni, T‑312/14, EU:T:2015:472, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fil-fatt, kif fakkar l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2013:335, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri teqred l-assenza apparenti ta’ rabta diretta bejn att tal-Unjoni u l-individwu. Fi kliem ieħor, sabiex tipprekludi l-inċidenza diretta, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtur tal-att intermedju intiż sabiex jimplimenta l-att tal-Unjoni ma tistax tkun purament formali. Din il-marġni trid tkun is-sors tal-interess ġuridiku tar-rikorrent.

52      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mil-leġiżlazzjoni applikabbli u, b’mod partikolari mill-Artikolu 54(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-Artikolu 70(2) tal-istess regolament, jirriżulta li kemm l-awtur konkret tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali kif ukoll l-awtur tad-deċiżjoni li tapprova dawn il-kontribuzzjonijiet huwa s-SRB. Il-fatt li teżisti kooperazzjoni bejn is-SRB u l-ANR ma jbiddilx din il-konstatazzjoni (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 27).

53      Fil-fatt, huwa biss is-SRB li għandu l-kompetenza li jikkalkola, “wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-[ANR]”, il-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet (Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014). Barra minn hekk, l-ANR għandhom obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni li jiġbru l-imsemmija kontribuzzjonijiet kif stabbiliti bid-deċiżjoni tas-SRB (Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru 806/2014).

54      Peress li, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, id-deċiżjoni tas-SRB tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante,  din għalhekk għandha natura definittiva.

55      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ natura purament preparatorja jew bħala miżura intermedja, peress li hija tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tas-SRB, fi tmiem il-proċedura, dwar il-kontribuzzjonijiet.

56      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-varjazzjonijiet terminoloġiċi li jeżistu bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-korpi li għalihom is-SRB, awtur tad-deċiżjoni li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante, jindirizza din id-deċiżjoni huma l-ANR u mhux l-istituzzjonijiet. L-ANR huma, de facto u b’eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-uniċi entitajiet li lilhom l-awtur tad-deċiżjoni inkwistjoni huwa marbut jibgħat din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, huma d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 28).

57      Il-konstatazzjoni li l-ANR għandhom il-kwalità ta’ destinatarji tad-deċiżjoni tal-SRB fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-fatt li, fis-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 806/2014 u skont l-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament, dawn huma inkarigati mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet individwali deċiżi mis-SRB mingħand l-istituzzjonijiet (digriet tad-19 ta’ Novembru 2018, Iccrea Banca vs Il‑Kummissjoni u SRB, T‑494/17, EU:T:2018:804, punt 29).

58      Għalkemm l-istituzzjonijiet b’hekk ma humiex destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, dawn madankollu huma individwalment u direttament ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, inkwantu din tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jindividwalizzahom bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinatarju u inkwantu hija tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha.

59      F’dan ir-rigward, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi speċifikament kull waħda mill-istituzzjonijiet u tiffissa l-kontribuzzjoni individwali tagħha. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

60      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inċidenza diretta, għandu jiġi rrilevat li l-ANR, responsabbli mill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-ammonti tal-kontribuzzjonijiet individwali ddeterminati f’din id-deċiżjoni. L-ANR ma jistgħux, b’mod partikolari, jemendaw dawn l-ammonti u huma obbligati li jiġbruhom mingħand l-istituzzjonijiet ikkonċernati.

61      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-SRB għall-ftehim FIG sabiex jikkontesta l-inċidenza diretta tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li dan il-ftehim ma jikkonċernax il-ġbir mill-ANR tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 mingħand l-istituzzjonijiet, iżda biss it-trasferiment ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet lis-SRF.

62      Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 (ara l-premessa 20 u l-Artikolu 67(4) tal-imsemmi regolament) u mill-Ftehim FIG (ara l-premessa 7, l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 3 tal-Ftehim FIG), il-ġbir tal-kontribuzzjonijiet għandu jsir skont id-dritt tal-Unjoni (jiġifieri d-Direttiva 2014/59 u r-Regolament Nru 806/2014), filwaqt li t-trasferiment ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet lis-SRF għandu jitwettaq skont il-Ftehim FIG.

63      B’hekk, minkejja li l-obbligu legali tal-istituzzjonijiet għar-rilaxx, fuq il-kontijiet indikati mill-ANR, tas-somom dovuti bħala kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom, jirrikjedi l-adozzjoni ta’ atti nazzjonali min-naħa tal-ANR, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-istituzzjonijiet jibqgħu direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni tas-SRB li tiffissa l-ammont tal-kontribuzzjonijiet individwali tagħhom.

64      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti hija individwalment u direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

65      Fir-rigward tal-argument tas-SRB li jgħid li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li huwa dirett kontra l-att tal-ANR Spanjola, li huwa l-uniku att anness mar-rikors, u mhux kontra d-deċiżjoni tiegħu, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li ġejjin.

66      Fir-rikors, ir-rikorrenti ssemmi ripetutament u b’mod kostanti d-deċiżjoni tal-SRB li tiffissa l-kontribuzzjoni ex ante għall-2016 bħala l-att li tiegħu hija qiegħda titlob l-annullament. Mir-rikors jirriżulta li l-ittra tal-ANR Spanjola tas-26 ta’ April 2016 hija prodotta u evokata fih biss bħala strument li permezz tiegħu din id-deċiżjoni inġiebet, essenzjalment, għall-għarfien tar-rikorrenti.

67      Ir-rikorrenti barra minn hekk tindika li hija talbet, għalxejn, lill-ANR Spanjola t-test tad-deċiżjoni tas-SRB u hija tirrileva li s-SRB ma kienx ippubblika din id-deċiżjoni, fatt dan li ma huwiex ikkontestat mis-SRB.

68      Għalhekk, u kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi s-SRB, ir-rikors ma huwiex ambigwu fir-rigward tal-att li tiegħu qiegħed jintalab l-annullament mir-rikorrenti.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni mqajma mis-SRB intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

70      Għandu jiġi eżaminat il-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tqajjem ex officio (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2013, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T‑240/10, EU:T:2013:645, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, f’dan il-kuntest, teżamina l-kwistjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

71      F’dan ir-rigward, hekk kif issemma fil-punt 22 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Marzu 2018, stiednet lis-SRB jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata u dik tal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha.

72      Fir-risposta tiegħu tas-27 ta’ Marzu 2018, is-SRB sostna li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġuridikament eżistenti. Fir-rigward tar-rekwiżiti formali essenzjali, huwa qies, essenzjalment, li dawn ġew osservati. Il-proċedura ta’ adozzjoni ma ġabitx ksur f’dan ir-rigward.

73      Fl-osservazzjonijiet tagħhom tas-26 u tat-30 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni u r-rikorrenti essenzjalment iddeċidew favur l-eżistenza ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata u tal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali.

74      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-element intellettwali u l-element formali jikkostitwixxu ħaġa waħda inseparabbli, it-tqegħid bil-miktub tal-att huwa l-espressjoni neċessarja tar-rieda tal-awtorità li tadottah (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 70, u tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 38).

75      L-awtentikazzjoni tal-att għandha l-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali billi tikkristallizza t-test adottat mill-awtur tal-att u tikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punti 75 u 76, u tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 40 u 41).

76      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali huwa kkostitwit mis-sempliċi nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-att, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit, barra minn hekk, li l-att huwa affettwat minn difett ieħor jew li l-assenza ta’ awtentikazzjoni kkawżat dannu lil dak li jinvokaha (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 42).

77      L-istħarriġ tal-osservanza tal-formalità tal-awtentikazzjoni u, b’hekk, tan-natura ċerta tal-att huwa prerekwiżit għal kull stħarriġ ieħor bħal dak tal-kompetenza tal-awtur tal-att, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kolleġjalità jew inkella dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 46).

78      Jekk fl-eżami tal-att ippreżentat quddiemha l-qorti tal-Unjoni tikkonstata li dan tal-aħħar ma ġiex regolarment awtentikat, hija jkollha tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali li jikkonsisti f’nuqqas ta’ awtentikazzjoni regolari u konsegwentement tannulla l-att ivvizzjat b’tali difett (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 51).

79      Ftit jimporta, f’dan ir-rigward, li l-assenza ta’ awtentikazzjoni ma kkawżat l-ebda dannu lil waħda mill-partijiet fil-kawża. Fil-fatt, l-awtentikazzjoni tal-atti hija rekwiżit formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, essenzjali għaċ-ċertezza legali, li l-ksur tiegħu jwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu (sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punt 52; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il-Kummissjoni, T‑54/14, EU:T:2016:455, punt 47).

80      F’din il-kawża u kif diġà ġie indikat, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tadotta ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ta’ investigazzjoni marbuta, essenzjalment, mad-deċiżjoni kkontestata, mal-eżistenza tagħha u mal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali.

81      B’risposta għall-ewwel digriet, li jordnalu jipproduċi kopja sħiħa tal-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata inkluż l-anness uniku tagħha, is-SRB ipproduċa, fil-15 ta’ Jannar 2018, fir-rigward tat-test tad-deċiżjoni kkontestata, dokument ta’ żewġ paġni fil-forma ta’ rikonoxximent permezz tal-iskanner, fil-format PDF, ta’ dokument stampat iffirmat, li kien għaldaqstant jippermetti li wieħed jaħseb li dawn il-paġni kienu tassew kopji ta’ oriġinal, jiġifieri kopji tad-dokument li kien ġie formalment ippreżentat għall-firma u adottat mis-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu. Is-SRB ma pproduċa ebda kopja ta’ oriġinal fir-rigward tal-anness, iżda biss dokument fil-forma ta’ ġenerazzjoni diġitali fil-format PDF ta’ data diġitali, mingħajr elementi li jippermettu li tiġi ggarantita l-awtentiċità tiegħu.

82      Permezz tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, imbagħad permezz tat-tieni digriet, il-Qorti Ġenerali talbet lis-SRB sabiex jikkjarifika l-format tal-anness fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, fil-każ fejn dan l-anness kien ġie ppreżentat f’format diġitali, li jispjega u li jipprovdi l-elementi tekniċi ta’ awtentikazzjoni neċessarji kollha sabiex jiġi pprovat li d-dokument iġġenerat fil-format PDF, prodott quddiem il-Qorti Ġenerali, kien jikkorrispondi għal dak li kien ġie ppreżentat b’mod konkret għall-firma u adottat mis-SRB, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, matul il-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ April 2016. Il-Qorti Ġenerali talbet ukoll lis-SRB jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll dwar dik tal-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali.

83      Fir-risposta tiegħu għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għat-tieni digriet, is-SRB sostna għall-ewwel darba li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata mhux waqt laqgħa tal-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, iżda permezz tal-proċedura bil-miktub, fil-format elettroniku, skont l-Artikolu 7(5) tar-RPSE – li jipprovdi li kull komunikazzjoni u dokumenti rilevanti għas-sessjoni eżekuttiva għandhom, bħala prinċipju, jitwettqu b’mod elettroniku, b’osservanza tar-regoli ta’ kunfidenzjalità, skont l-Artikolu 15 tar-RPSE – u l-Artikolu 9 tar-RPSE.

84      Fir-rigward tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mill-proċess jirriżulta li, permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 mibgħuta fil-17:41 mis-SRB lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva u li tinkludi tliet dokumenti mehmuża, fosthom dokument fil-format PDF intitolat “Memorandum2_Final results.pdf”, l-approvazzjoni formali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 ġiet mitluba għas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, għall-15 ta’ April 2016 f’nofsinhar.

85      Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, is-SRB indika li kien twettaq żball fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, iddikjara li kien bagħat verżjoni emendata ta’ dokument intitolat “Memorandum 2” u semma li, ħlief fil-każ ta’ oġġezzjoni tad-destinatarji, l-approvazzjoni diġà mogħtija għandha tinftiehem bħala li tkopri wkoll l-ammonti kkoreġuti.

86      Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06, id-dokument imsemmi ġie mibgħut fil-format XLSX, taħt l-isem “Final results15042016.xlsx”.

87      Fl-aħħar nett, is-SRB afferma waqt is-seduta li d-dokument li fih id-deċiżjoni kkontestata kien ġie ffirmat elettronikament mill-President tas-SRB.

88      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-SRB mhux talli ma pproduċiex u lanqas ma ppropona li jagħti prova ta’ tali affermazzjoni, li, bħala prinċipju, tikkonsisti fil-produzzjoni tad-dokument diġitali u taċ-ċertifikat ta’ firma elettronika filwaqt li jiggarantixxi l-awtentiċità, talli pproduċa elementi li, fir-realtà, jikkontradixxu din l-affermazzjoni.

89      Fil-fatt, fir-rigward tat-test tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB jipproduċi dokument PDF li għandu fl-aħħar paġna tiegħu dehra ta’ firma miktub bl-id li tidher li ġiet miżjuda permezz ta’ “copy-paste” ta’ fajl li fih immaġni, u nieqes minn ċertifikat ta’ firma elettronika.

90      Fir-rigward tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet u li b’hekk jikkostitwixxi element essenzjali tad-deċiżjoni, lanqas dan ma jinkludi firma elettronika, minkejja li dan bl-ebda mod ma huwa marbut b’mod inseparabbli mat-test tad-deċiżjoni kkontestata.

91      Sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ipproduċa, b’risposta għat-tieni digriet, dokument fil-format TXT intiż sabiex jistabbilixxi l-identiċità tal-‘hash value’ ta’ dan l-anness mal-‘hash value’ rrilevat għad-dokument ta’ format XLSX mehmuż mal-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06.

92      Madankollu għandu jiġi osservat li, sabiex jagħti l-prova li l-anness tad-deċiżjoni kkontestata kien ġie ffirmat b’mod elettroniku, kif inhu sostnut mis-SRB (ara l-punt 87 hawn fuq), dan tal-aħħar messu pproduċa ċertifikat ta’ firma elettronika relatat ma’ dan l-anness u mhux dokument TXT li fih ‘hash value’. Il-produzzjoni ta’ tali dokument TXT tagħti x’jifhem li s-SRB ma kellux ċertifikat ta’ firma elettronika u li għalhekk, bil-kontra ta’ dak li huwa jsostni, l-anness tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx ġie ffirmat elettronikament.

93      Barra minn hekk, id-dokument fil-format TXT prodott mis-SRB bl-ebda mod ma huwa relatat, b’mod oġġettiv u inseparabbli, mal-anness inkwistjoni.

94      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, għall-finijiet ta’ kompletezza, li l-awtentikazzjoni meħtieġa bl-ebda mod ma hija dik tal-abbozz trażmess għal approvazzjoni permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fit-20:06, iżda f’kull każ id-dokument li suppost ġie kkostitwit wara din l-approvazzjoni. Fil-fatt, huwa biss wara l-approvazzjoni li d-dokument jiġi kkostitwit u awtentikat biż-żieda ta’ firma.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex issodisfatt.

96      Lil hinn minn dawn il-konstatazzjonijiet fir-rigward tan-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li waħdu jirrikjedi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 76 sa 79 iktar ’il fuq, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jsiru ċerti kunsiderazzjonijiet relatati mal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

97      F’dan il-każ, kif huwa indikat fil-punt 84 iktar ’il fuq, il-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tnediet permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 mibgħuta fil-17:41, li tistabbilixxi, għall-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, terminu ta’ approvazzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni sal-15 ta’ April 2016 f’nofsinhar, jiġifieri terminu ta’ inqas minn jumejn ta’ xogħol, filwaqt li t-terminu previst mill-Artikolu 9(2) tar-RPSE huwa “normalment [ta’] mhux inqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol”. Kuntrarjament għar-rekwiżiti tar-RPSE, il-posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 ma tistabbilixxi ebda raġuni li tiġġustifika t-tnaqqis tat-terminu. Hija lanqas ma ssemmi l-Artikolu 9(2) tar-RPSE.

98      Barra minn hekk u għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li s-SRB ma jagħtix prova li kien urġenti li tittieħed deċiżjoni fil-15 ta’ April 2016 minflok fl-20 ta’ April 2016, data li kienet tiżgura l-osservanza tar-regoli proċedurali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-15 ta’ April 2016 ma hijiex data imposta mil-leġiżlazzjoni. Dan it-tnaqqis tat-terminu ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni jikkostitwixxi l-ewwel irregolarità proċedurali.

99      Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tar-RPSE jipprovdi li d-deċiżjonijiet jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub, sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni ta’ mill-inqas żewġ membri tas-sessjoni eżekuttiva espressa fl-ewwel 48 siegħa mit-tnedija ta’ din il-proċedura bil-miktub.

100    F’dan ir-rigward, jirriżulta li s-SRB kiser ukoll ir-RPSE sa fejn it-tul stabbilit għall-proċedura bil-miktub kien ta’ sitt sigħat inqas mit-48 siegħa previsti għall-espressjoni ta’ oġġezzjoni għall-użu tal-proċedura bil-miktub. Issa, jekk jiġi preżunt li kienet meħtieġa l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-15 ta’ April 2016, xejn ma kien jipprekludi li t-terminu għal tweġiba jiġi stabbilit għas-sitta ta’ filgħaxija ta’ dak il-jum. Dan jikkostitwixxi irregolarità proċedurali oħra.

101    Huwa b’mod żbaljat li s-SRB jipprova jiġġustifika dan il-ksur tar-RPSE permezz tal-assenza ta’ oġġezzjonijiet magħmula mill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB. Huwa biżżejjed li jiġi osservat, minn naħa, li s-SRB għandu l-obbligu li japplika l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċess deċiżjonali tiegħu, liema leġiżlazzjoni torganizza preċiżament it-tnaqqis tat-termini jekk kemm–il darba jiġu osservati ċerti regoli u, min-naħa l-oħra, li l-assenza allegata ta’ oġġezzjoni ma telimina bl-ebda mod il-ksur imwettaq ab initio meta s-SRB impona terminu li jmur kontra l-preskrizzjonijiet tar-RPSE.

102    Sussegwentement, filwaqt li l-posta elettronika tat-13 ta’ April 2016 kienet tistieden lill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB jittrażmettu l-approvazzjoni formali tagħhom permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-indirizz elettroniku funzjonali tas-SRB, dan tal-aħħar ma pproduċa l-ebda posta elettronika ta’ approvazzjoni. L-uniku element li jirreferi għal approvazzjoni huwa d-dikjarazzjoni mis-SRB, fil-posta elettronika tal-Ġimgħa, il-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, li din ingħatat.

103    Barra minn hekk, f’din il-posta elettronika tal-Ġimgħa, il-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, li ma ntbagħtitx lill-membri kollha tas-sessjoni eżekuttiva, tal-inqas inizjalment (A, membru tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, ma rċeviex din il-posta elettronika, li ntbagħtitlu 21 minuta iktar tard), is-SRB kien jirreferi għal żball fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u ħabbar it-trażmissjoni ta’ verżjoni emendata tal-“memorandum 2” permezz ta’ posta elettronika separata. Il-posta elettronika tas-19:04 kienet iżżid, mingħajr ma tipprovdi terminu għal reazzjoni eventwali, li, fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni tal-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, kien ser jitqies li l-approvazzjoni tagħhom li diġà ngħatat tapplika wkoll għall-ammonti emendati tal-kontribuzzjonijiet. B’dan il-mod, is-SRB beda proċedura ta’ adozzjoni permezz ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni, li ċertament ma hijiex proċedura mhux magħrufa mid-dispożizzjonijiet tar-RPSE, iżda li madankollu hija proċedura li tinbeda f’kundizzjonijiet konkreti irregolari, b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ indikazzjoni ta’ terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni. Dan jikkostitwixxi, minbarra ż-żewġ irregolaritajiet diġà rrilevati fil-punti 97 sa 100 iktar ’il fuq, it-tielet irregolarità proċedurali.

104    Huwa għalhekk li, fl-istess jum, fit-20:06, il-posta elettronika separata tas-SRB flimkien, f’anness, ma’ dokument XLSX intitolat “Final results15042016.xlsx” intbagħtet. Mill-ġdid, din il-posta elettronika ma ntbagħtitx lil A. Din l-aħħar ċirkustanza tikkostitwixxi r-raba’ irregolarità proċedurali.

105    Barra minn hekk, mid-data tad-deċiżjoni kkontestata (il-15 ta’ April 2016) jirriżulta li, minkejja li ma kien ġie indikat l-ebda terminu fil-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04, il-kunsens kien meqjus li nkiseb fl-istess jum, u b’hekk loġikament f’nofsillejl. Huwa minnu li s-SRB kien esprima, fil-posta elettronika tiegħu tat-13 ta’ April 2016 (mehmuża mal-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 mibgħuta fis-19:04), li kellu l-intenzjoni li d-deċiżjoni tiġi adottata fil-15 ta’ April. Jekk jiġi preżunt li din l-informazzjoni kienet biżżejjed sabiex tindika li kull oġġezzjoni kellha ssir qabel il-15 ta’ April 2016 f’nofsillejl, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, proċedura ta’ approvazzjoni permezz ta’ kunsens ġiet implimentata f’nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija fis-19:04 sabiex tintemm f’nofsillejl tal-istess jum. Dawn iċ-ċirkustanzi jaggravaw l-effetti tat-tielet irregolarità proċedurali kkonstatata fil-punt 103 iktar ’il fuq.

106    Huwa inqas u inqas paċifiku li din il-proċedura ta’ kunsens kienet regolari peress li, minbarra l-assenza ta’ trażmissjoni tal-posta elettronika tat-20:06 lil A (ara l-punt 104 hawn fuq) li, fiha nnifisha, tivvizzja l-proċedura, is-SRB ma jagħtix prova li l-membri l-oħra tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB kienu jafu bit-trażmissjoni ta’ din il-posta elettronika tat-20:06 (u barra minn hekk lanqas b’dik tal-posta elettronika tas-19:04) u lanqas bil-kontenut tagħha. Is-SRB ipproduċa ċerti elementi ta’ verifika intiżi li jistabbilixxu li l-posta elettronika mibgħuta fis-19:04 u fit-20:06 kienu waslu fl-indirizzi elettroniċi tad-destinatarji. Madankollu, indipendentement anki mill-fatt li din il-verifika, li saret permezz ta’ kampjun, ma tikkonċernax il-membri kollha tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB, hija bl-ebda mod ma tagħti prova li l-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB kienu jafu b’mod konkret tal-inqas bl-eżistenza ta’ dawn it-trażmissjonijiet ta’ posta elettronika qabel nofsillejl ta’ dakinhar stess.

107    Issa, fid-dawl tan-natura stess ta’ proċedura ta’ kunsens, li tikkonsisti f’li l-approvazzjoni tiġi dedotta minn assenza ta’ oġġezzjoni, tali proċedura teħtieġ neċessarjament u a minima li jiġi stabbilit, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, li l-persuni li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ approvazzjoni b’kunsens ikunu saru jafu b’din il-proċedura u setgħu jeżaminaw l-abbozz suġġett għall-approvazzjoni tagħhom. F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, fid-dawl kemm tad-dettalji li jinsabu fit-test tagħha kif ukoll tal-fatt li din intbagħtet fl-istess jum lill-ANR (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), sa mhux iktar tard mill-15 ta’ April 2016 f’nofsillejl. Issa, il-prova li kien ġie stabbilit, qabel nofsillejl, li l-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB setgħu jsiru jafu bl-abbozz ta’ deċiżjoni emendat, jew tal-inqas sempliċement bl-eżistenza tal-posta elettronika tas-19:04 u tat-20:06, ma nġabitx mis-SRB.

108    Barra minn hekk u b’mod inċidentali, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-anness tad-deċiżjoni kkontestata proposta għall-approvazzjoni fit-13 ta’ April 2016 kien dokument diġitali fil-format PDF (ara l-punti 84 u 97 iktar ’il fuq), l-anness propost għall-approvazzjoni fl-għaxija tal-15 ta’ April 2016 kien dokument diġitali fil-format XLSX (ara l-punti 86 u 104 iktar ’il fuq).

109    B’hekk, għandu jiġi osservat li, minkejja li ma kienx hemm l-iżball invokat fil-posta elettronika tal-15 ta’ April 2016 filgħaxija (ara l-punt 85 iktar ’il fuq), dak li ġie adottat bħala anness għad-deċiżjoni kkontestata kien dokument diġitali fil-format PDF u mhux fajl XLSX.

110    Il-Qorti Ġenerali tista’ biss tikkonstata, fir-rigward ta’ din id-differenza, li s-SRB, minkejja li għandu jiżgura l-unità u l-koerenza formali tad-dokumenti ppreżentati għall-approvazzjoni u wara adottati, varja l-formats elettroniċi. Din l-impreċiżjoni twassal għal konsegwenzi li jmorru lil hinn min-natura purament proċedurali, inkwantu l-elementi trażmessi permezz ta’ fajl PDF ma joffru l-ebda dettall fuq iċ-ċelloli ta’ kalkolu ta’ fajl XLSX u li tali fajl PDF jinkludi, għall-inqas f’dan il-każ, valuri arrotondati, kuntrarjament għal fajl XLSX. Għalhekk, fir-rigward tas-sempliċi fattur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak relatat mal-kuntest Ewropew, mill-elementi li jinsabu fir-risposti tas-SRB jirriżulta li l-valur ipprovdut fid-deċiżjoni kkontestata, kif prodott b’risposta għall-ewwel digriet, jiġifieri f’fajl PDF, ma huwiex il-valur eżatt li jinsab fil-fajl XLSX – liema valur jinkludi erbatax-il deċimali – iżda huwa valur arrotondat għal żewġ deċimali inutilizzabbli għal verifika tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, lil hinn anki mill-assenza ta’ awtentikazzjoni kkonstatata fil-punt 95 iktar ’il fuq, li timplika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni twettqet bi ksur manifest ta’ rekwiżiti proċedurali dwar l-approvazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-membri tas-sessjoni eżekuttiva tas-SRB u dwar il-ġbir ta’ din l-approvazzjoni.

112    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-fatt li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jinvokaw ksur ta’ regoli li ma humiex intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi iżda għandhom l-għan li jorganizzaw il-funzjonament intern tas-servizzi fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 49 u 50), ma jfissirx, madankollu, li individwu qatt ma jista’ jinvoka b’mod utli l-ksur ta’ regola li tirregola l-proċess deċiżjonali li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni, fost id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri interni ta’ istituzzjoni, bejn dawk li l-ksur tagħhom ma jistax jiġi invokat mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li dawn jikkonċernaw biss il-modalitajiet ta’ funzjonament intern tal-istituzzjoni li ma jistgħux jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tagħhom, u dawk li l-ksur tagħhom jista’, għall-kuntrarju, jiġi invokat, peress li huma joħolqu drittijiet u fattur ta’ ċertezza legali għal dawn il-persuni (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punt 103).

113    F’dan il-każ, l-analiżi tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi numru kbir ta’ ksur ta’ regoli dwar l-organizzazzjoni ta’ proċedura bil-miktub elettronika ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Għalkemm l-Artikolu 9 tar-RPSE ma jipprevediehx espliċitament, huwa ovvju li kull proċedura bil-miktub timplika neċessarjament it-trażmissjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni lill-membri kollha tal-korp deċiżjonali kkonċernat minn din il-proċedura. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni b’kunsens, bħal f’dan il-każ (ara l-punti 103 sa 107 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni ma tistax tiġi adottata mingħajr ma jiġi stabbilit, tal-inqas, li l-membri kollha setgħu jsiru jafu bl-abbozz ta’ deċiżjoni minn qabel. Fl-aħħar nett, din il-proċedura teħtieġ l-indikazzjoni ta’ terminu li jippermetti lill-membri tal-imsemmi korp jieħdu pożizzjoni dwar l-abbozz.

114    Issa, dawn ir-regoli proċedurali intiżi li jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali inerenti għal kull proċedura bil-miktub elettronika u għal kull proċedura ta’ adozzjoni b’kunsens, ġew miksura f’dan il-każ. Dan il-ksur għandu impatt dirett fuq iċ-ċertezza legali, peress li jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li fir-rigward tagħha ma huwiex stabbilit li din kienet suġġetta, mhux biss għal approvazzjoni mill-korp kompetenti, iżda anki għal għarfien minn qabel mill-membri kollha tiegħu.

115    In-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali regoli proċedurali neċessarji għall-espressjoni tal-kunsens jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina ex officio (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑263/13 P, EU:C:2015:415, punt 56, u tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 116).

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dwar il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali relatati mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u mal-anness tagħha, din id-deċiżjoni għandha tiġi annullata, inkwantu din tikkonċerna lir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti ma talbitx l-ispejjeż u s-SRB tilef, kull parti prinċipali għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

118    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/06), hija annullata inkwantu din tikkonċerna lil Banco Cooperativo Español, SA.

2)      Banco Cooperativo Español u s-SRB għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Collins

Kancheva

Barents

Passer

 

      De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Novembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.