Language of document : ECLI:EU:T:2022:808

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien determinat – Nuqqas ta’ tiġdid – Proċedura ta’ tiġdid – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni mhux iffinalizzat – Responsabbiltà – Dannu materjali – Telf ta’ opportunità – Dannu morali – Ġurisdizzjoni sħiħa – Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑296/21,

SU, irrappreżentata minn L. Levi, avocate,

rikorrenti.

vs

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), irrappreżentata minn C. Coucke u E. Karatza, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avocat,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: A. Marghelis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, SU, titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tal‑15 ta’ Lulju 2020 li permezz tagħha din tal-aħħar ma ġedditx il-kuntratt tagħha u, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2021 li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet l-ilment tagħha u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu materjali u morali li hija ġarrbet minħabba f’hekk.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fil‑15 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-EIOPA, permezz ta’ kuntratt għal perijodu ta’ tliet snin, bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 8 fi ħdan id-dipartiment inkarigat mis-sorveljanza bħala esperta ta’ livell għoli fil-mudelli interni.

3        Fl‑1 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ġiet assenjata mill-ġdid lit-tim “mudelli interni” tad-dipartiment “konverġenza tas-superviżjoni u tal-kontroll”, dejjem bħala esperta ta’ livell għoli fil-mudelli interni.

4        Mill‑31 ta’ Ottubru 2017 sad‑19 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti kienet fuq leave tal-maternità, li ġie segwit minn leave parentali sad‑19 ta’ Ottubru 2018.

5        Permezz ta’ emenda tal‑15 ta’ Jannar 2018, il-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti ġie mġedded għal perijodu ta’ tliet snin, sal‑15 ta’ Jannar 2021.

6        Mill‑1 ta’ Novembru 2018 sal‑31 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti bbenefikat minn skema ta’ xogħol part-time (80 %) u minn telexogħol strutturali ta’ ġurnata fil-ġimgħa. Dawn il-modalitajiet ta’ xogħol ġew applikati mill-ġdid mill‑1 ta’ Frar 2020 sal‑15 ta’ Lulju 2020. It-telexogħol okkażjonali ngħatalha wkoll fuq bażi ad hoc.

7        Fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019, ir-rikorrenti ssottomettiet l-awtoevalwazzjoni tagħha fid‑9 ta’ Diċembru 2019 u kellha laqgħa mal-evalwatur tagħha fil‑15 ta’ Jannar 2020.

8        Fis‑16 ta’ Jannar 2020, l-evalwatur bagħat l-evalwazzjoni tar-rikorrenti. Taħt it-taqsima “evalwazzjoni globali u potenzjali”, li tinkludi “l-evalwazzjoni globali tal-perijodu kkonċernat minn din il-proċedura ta’ evalwazzjoni u, jekk ikun il-każ, kummenti dwar il-potenzjal tal-persuna li għandha l-pożizzjoni”, l-evalwatur evalwa l-prestazzjoni tar-rikorrenti bħala “sodisfaċenti” u osserva li r-rikorrenti “[kellha] effettivament il-potenzjal sabiex tkun membru tal-persunal ċentrali għax-xogħol ta’ superviżjoni tal-[mudelli interni] tal-EIOPA, iżda dan il-potenzjal [ser] ikollu jiġi tradott fi [prestazzjonijiet] iktar tanġibbli u ta’ kwalità aħjar min-naħa tagħha [;] 2019 ma [kinitx] suffiċjenti, ir-riżultati fl‑2020 [kellhom] jitjiebu sabiex jibqgħu globalment sodisfaċenti”.

9        Ir-rikorrenti rrifjutat li taċċetta r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha u għamlet osservazzjonijiet fil‑21 ta’ Jannar 2020.

10      Id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA, li huwa wkoll l-evalwatur tal-appell, kompetenti sabiex jiddeċiedi fil-każ ta’ rifjut motivat ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mill-membru tal-persunal ikkonċernat, ma rreaġixxiex għar-rifjut u għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u għalhekk ma ħax pożizzjoni, f’dan ir-rapport, dwar dawn l-osservazzjonijiet.

11      Fis‑27 ta’ Frar 2020, inżammet laqgħa bejn id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA u r-rikorrenti, fuq talba ta’ din tal-aħħar.

12      Fit‑2 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti rċeviet ir-rapport dwar it-tiġdid tal-kuntratt tagħha, li fih il-Kap tad-Dipartiment ma kienx jirrakkomanda tiġdid tal-kuntratt tagħha għat-tieni darba.

13      Fit‑8 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat il-kummenti tagħha u ltaqgħet, fl‑14 ta’ Lulju 2020, mad-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA sabiex tiddiskuti r-rakkomandazzjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tagħha.

14      Fil‑15 ta’ Lulju 2020, id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA ddeċieda li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid”).

15      Fit‑13 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u, sa fejn meħtieġ, kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sena 2019, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

16      Fil‑15 ta’ Jannar 2021, id-Direttur Eżekuttiv informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jiċħad l-ilment tagħha u talabha tagħmel osservazzjonijiet, li ġew ippreżentati fit‑22 ta’ Jannar 2021.

17      Fl‑1 ta’ Frar 2021, id-Direttur Eżekuttiv bagħat lir-rikorrenti abbozz ta’ deċiżjoni aġġornat li jiċħad l-ilment tagħha u talabha tikkomunika l-osservazzjonijiet tagħha, li ġew ippreżentati fit‑8 ta’ Frar 2021.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2021, id-Direttur Eżekuttiv ċaħad l-ilment tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

 Talbiet talpartijiet

19      Wara li rrinunzjat waqt is-seduta għall-kap tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019, li ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid;

–        tannulla, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        tordna l-kumpens għad-dannu materjali tagħha, kif ikkalkolat fir-rikors, u għad-dannu morali tagħha, evalwat ex æquo et bono għal EUR 10 000;

–        tikkundanna lill-EIOPA għall-ispejjeż.

20      L-EIOPA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fiddritt

 Fuq issuġġett tarrikors

21      Għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kull membru tal-persunal li għalih japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal jista’ jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali biss jekk ikun adixxa preċedentement lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) b’ilment kontra att li jikkawżalu preġudizzju, jew li l-imsemmija awtorità tkun ħadet deċiżjoni, jew li tkun naqset milli tieħu miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu għalhekk parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxux biss prerekwiżit sabiex tiġi adita qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il-Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punti 25 u 26).

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom bħala effett li l-Qorti Ġenerali tiġi adita bl-att li kontrih tressaq l-ilment meta, inkwantu tali, dawn it-talbiet ma jkollhomx kontenut awtonomu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑205/04, EU:T:2007:346, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 75; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8).

23      Madankollu, meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih ikun sar dan l-ilment, b’mod partikolari meta hija temenda d-deċiżjoni inizjali jew meta tkun tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent skont punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda li, kieku seħħew jew kienu magħrufa mill-awtorità kompetenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tasal biex tiddeċiedi speċifikament dwar it-talbiet formalment diretti kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan il-każ, minbarra l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, ir-rikorrenti titlob, sa fejn ikun meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

25      Din id-deċiżjoni msemmija l-aħħar ma hijiex purament konfermattiva tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, għaliex id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA ħa pożizzjoni fir-rigward ta’ elementi ġodda. B’mod iktar preċiż, id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA rrefera għal punti ta’ fatt ġodda, jiġifieri li qatt ma kien ġie informat, bħala evalwatur tal-appell, bir-rifjut tar-rikorrenti li taċċetta r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għas-sena 2019 u li, mill-perspettiva proċedurali, dan ir-rapport ma kienx ġie ffinalizzat.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu eżaminati t-talbiet għal annullament kemm tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid kif ukoll tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tispeċifika ċerti aspetti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid. Konsegwentement, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, din il-motivazzjoni għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dan l-att imsemmi l-aħħar (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 80; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ittalbiet għal annullament diretti kontra ddeċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u taddeċiżjoni ta’ ċaħda talilment

28      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi intiżi sabiex tiġi stabbilita l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, ibbażati:

–        l-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni għall‑2019 ma kienx iffinalizzat kif xieraq u li r-rapport dwar it-tiġdid tal-kuntratt (CRR) kien ibbażat fuq rapport ta’ evalwazzjoni mhux iffinalizzat.

–        it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Persunal u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

–        it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u tal-punti 6.7, 6.9 u 6.10 tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratti tal-EIOPA.

–        ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, assenza ta’ evalwazzjoni diliġenti tal-aspetti kollha tal-każ u ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, flimkien ma’ ksur tal-Artikoli 4 u 6.5 tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratti.

–        il-ħames motiv ibbażat fuq diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u s-sitwazzjoni tal-familja – ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

–        is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza.

29      Għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali u sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni tista’ tagħti deċiżjoni dwar rikors, mingħajr ma jkollha neċessarjament tiddeċiedi dwar il-motivi u l-argumenti kollha fformulati mill-partijiet (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, Ranocchia vs ERCEA, T‑208/16, EU:T:2018:68, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, qabelxejn għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

30      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid hija illegali, peress li hija bbażata fuq rapport ta’ evalwazzjoni, rigward is-sena 2019, li ma ġiex iffinalizzat.

31      Ir-rikorrenti tenfasizza li r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sena 2019 huwa element essenzjali tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid. Issa, ir-rikorrenti tgħid li l-imsemmi rapport ma ġiex iffinalizzat, peress li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tesprimi ruħha b’mod utli fir-rigward tagħha. Għaldaqstant, dan ir-rapport ma jistax iservi bħala bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid. Dan huwa difett proċedurali li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid li huwa għalhekk nieqes minn bażi legali jew fattwali, iktar u iktar peress li l-imsemmija deċiżjoni tirreferi b’mod espliċitu għall-evalwazzjoni tar-rikorrenti li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019.

32      Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, kieku l-kummenti tar-rikorrenti li jikkontestaw l-evalwazzjoni tagħha fir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019 kienu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni dak iż-żmien, l-ASTK kienet tieħu deċiżjoni differenti fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt tagħha. Fil-fatt, xejn ma jipprova li l-kummenti tagħha dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2019 ittieħdu inkunsiderazzjoni u l-konferma, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, tal-osservazzjonijiet negattivi tal-evalwatur tiegħu ma hijiex motivata. Għalhekk, l-EIOPA ma tistax tikkonferma l-evalwazzjoni magħmula mill-evalwatur fir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019.

33      L-EIOPA tirribatti li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-sena 2019 ħadet debitament il-kors tagħha sal-istadju tal-appell u l-osservazzjonijiet tal-evalwatur ġew ikkomunikati u jibqgħu validi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-evoluzzjoni tal-prestazzjoni tar-rikorrenti fl‑2020 u tad-deċiżjoni rigward it-tiġdid tal-kuntratt tagħha.

34      Barra minn hekk, l-EIOPA tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ommissjoni proċedurali fl-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti tal‑2019, iżda tqis li l-appell tar-rikorrenti ġie impliċitament miċħud. Fil-fatt, l-ASTK semmiet li, kieku kienet ġiet adita bl-appell tar-rikorrenti kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha, hija kienet tikkonferma dan tal-aħħar u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti annessi mar-rifjut tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sena 2019 ma kinux ikunu jistgħu jqiegħdu f’dubju d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid. Barra minn hekk, l-ASTK indikat lir-rikorrenti, waqt l-intervista tas‑27 ta’ Frar 2020, li hija kienet taqbel mal-evalwazzjoni magħmula mill-evalwatur tagħha.

35      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn l-argumenti, ibbażati fuq l-assenza ta’ finalizzazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019, għandu jiġi eżaminat minn qabel l-istatus legali tal-imsemmi rapport.

 Fuq lassenza ta’ finalizzazzjoni tarrapport ta’ evalwazzjoni tassena 2019

36      Mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 15(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li l-amministrazzjoni għandha tiżgura li jsiru rapporti perjodiċi dwar il-kompetenza, l-effiċjenza u l-kondotta fis-servizz tal-membri tal-persunal tagħha, kemm għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll sabiex tissalvagwardja l-interessi tagħhom. Fil-fatt, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxu prova bil-miktub u formali fir-rigward tal-kwalità tax-xogħol li l-uffiċjal wettaq matul il-perijodu kkunsidrat (sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Wahlström vs Frontex, T‑591/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:938, punti 55 u 56, u tat‑12 ta’ Frar 2020, WD vs EFSA, T‑320/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:45, punt 60).

37      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)8985 tas‑16 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal u li timplimenta l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal [iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013”, applikabbli għall-EIOPA b’analoġija (EIOPA‑MB‑14/018)], ir-rifjut motivat tar-rapport mill-persuna li għandha l-pożizzjoni jgħodd awtomatikament bħala tressiq quddiem l-evalwatur tal-appell. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprovdi li l-evalwatur tal-appell għandu jikkonferma r-rapport jew jimmodifikah billi jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu fi żmien għoxrin jum tax-xogħol mid-data tar-rifjut motivat tar-rapport filwaqt li l-paragrafu 4 jipprovdi li huwa wara d-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell li r-rapport isir definittiv.

38      L-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013 jipprevedi b’mod espliċitu li, wara d-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell, ir-rapport isir definittiv u li “l-persuna li għandha l-pożizzjoni tiġi informata permezz ta’ posta elettronika jew bi kwalunkwe mod ieħor, li d-deċiżjoni li tirrendi r-rapport definittiv ġiet adottata […] [u] ser ikollha f’dak il-mument ukoll aċċess għad-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell[; d]in l-informazzjoni tgħodd bħala komunikazzjoni tad-deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal[; i]t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jitressaq ilment jibda jgħodd mill-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni”.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, bħala dispożizzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni, debitament ippubblikata u implimentata, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013 jistabbilixxi regola interna ta’ portata ġenerali legalment vinkolanti li tillimita l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ din l-istituzzjoni kif ukoll tal-EIOPA li ddeċidiet dwar l-applikazzjoni b’analoġija ta’ din id-deċiżjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-istrutturi u tal-ġestjoni tal-persunal tagħha li l-membri tagħha jistgħu jinvokaw quddiem il-qorti tal-Unjoni li tiżgura l-osservanza tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 40, u tas‑7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F‑54/08, EU:F:2009:86, punt 47).

40      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li, meta l-persuna li għandha l-pożizzjoni tirrifjuta r-rapport ta’ evalwazzjoni, dan isir definittiv biss wara d-deċiżjoni tal-evalwatur tal-appell. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, meta l-evalwatur tal-appell ikollu setgħa ta’ stħarriġ sħiħ dwar il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet li jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni u jkun jista’ jivvalidah jew jibdlu, u jastjeni illegalment mill-eżerċizzju tal-istħarriġ tiegħu, ir-rapport ta’ evalwazzjoni rrifjutat mill-persuna li għandha l-pożizzjoni ma jsirx definittiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punti 38, 41 u 60).

41      Barra minn hekk, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, xejn fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013 ma jippermetti li jiġi dedott li, wara l-iskadenza tat-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-evalwatur tal-appell, ir-rifjut motivat tar-rapport ta’ evalwazzjoni huwa miċħud impliċitament.

42      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-EIOPA, ir-riferiment għall-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, magħmul fl-Artikolu 7(4) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013, la għandu l-għan u lanqas l-effett li jirrendi applikabbli f’dan il-każ ir-regola introdotta mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li n-nuqqas ta’ risposta għat-talba ta’ persuna msemmija fir-Regolamenti tal-Persunal li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra tieħu deċiżjoni fir-rigward tagħha jgħodd bħala rifjut impliċitu wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ xhur. L-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013 jintroduċi regola speċifika għall-proċedura ta’ evalwazzjoni applikabbli f’dan il-każ li ma tistax tiġi injorata favur ir-regola introdotta mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-kontenut tal-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013 lanqas ma jista’ jiġi mibdul b’qari magħmul fid-dawl tar-regola introdotta mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jintroduċi proċedura u terminu differenti.

43      F’dan il-każ, id-Direttur Eżekuttiv tal-EIOPA, li huwa wkoll l-evalwatur tal-appell, iddikjara, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, u dan il-punt ġie kkonfermat ukoll fis-seduta, li huwa ma kienx jaf bir-rifjut motivat tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019 tar-rikorrenti u kkonċeda li dan ir-rapport qatt ma ġie ffinalizzat. L-EIOPA, fir-risposta tagħha, tispjega li l-evalwatur tal-appell qatt ma rċieva n-notifika tar-rifjut tar-rikorrenti tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha għas-sena 2019 minħabba problema teknika, mingħajr ma tagħti iktar dettalji, minbarra l-fatt li hija kienet intalbet mingħand il-fornitur tas-servizzi kompetenti, f’Novembru 2021, sabiex timplimenta notifika meta l-persuna li għandha l-pożizzjoni tirrifjuta r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha.

44      Madankollu, l-amministrazzjoni ma tistax teċċepixxi l-organizzazzjoni amministrattiva interna tagħha sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir imperattiv tagħha li tiżgura r-redazzjoni perijodika tar-rapporti ta’ evalwazzjoni fit-termini stabbiliti u l-istabbiliment regolari tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1980, Gratreau vs Il-Kummissjoni, 156/79 u 51/80, mhux ippubblikata, EU:C:1980:304, punt 15).

45      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li n-nuqqas ta’ azzjoni tal-evalwatur tal-appell wara r-rifjut tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019 mir-rikorrenti, dovut għal żball intern ta’ organizzazzjoni, ma jistax jitqies bħala konferma impliċita tal-imsemmi rapport li jkollha bħala effett li tirrendih definittiv u li tagħti bidu għat-terminu għat-tressiq ta’ lment kontriha. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, invokat mill-EIOPA, ma jistax iqiegħed fuq ir-rikorrenti dmir ta’ diliġenza li għandu jinqeda mill-amministrazzjoni u l-EIOPA ma tistax validament issostni li r-rikorrenti hija prekluża milli ssostni l-illegalità tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, peress li hija ma ressqitx ilment kontra din l-allegata ċaħda impliċita. L-eżistenza ta’ tali ċaħda impliċita ma tistax, fl-aħħar nett, tiġi kkonstatata, peress li d-Direttur Eżekuttiv, li ma kienx jaf bl-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha, ma setax ħa pożizzjoni fuq dan l-appell.

46      Barra minn hekk, għalkemm waqt is-seduta r-rikorrenti rtirat t-talbiet tagħha diretti kontra dan ir-rapport (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), hija għamlet dan bla ħsara għall-kritiki espressi fin-noti tagħha dwar l-assenza ta’ finalizzazzjoni tal-imsemmi rapport.

47      Minn dan isegwi li, l-ewwel, ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti tas-sena 2019 huwa dokument mhux iffinalizzat li ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tar-rikorrenti u, it-tieni, ir-rikorrenti għandha d-dritt li tinvoka, b’mod inċidentali, l-illegalità marbuta mal-assenza ta’ finalizzazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni għall-imsemmija sena (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, WD/EFSA, T‑320/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:45, punt 62).

 Fuq ilkonsegwenzi talassenza ta’ finalizzazzjoni tarrapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019

48      Preliminarjament, għandu jitfakkar li membru tal-persunal temporanju li għandu kuntratt għal żmien determinat, bħala prinċipju, ma għandu ebda dritt għat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, peress li tali tiġdid huwa biss sempliċi possibbiltà, suġġetta għall-kundizzjoni li jkun konformi mal-interess tas-servizz (sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑7/01, EU:T:2003:27, punt 64, u tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 103).

49      Fil-fatt, b’mod differenti mill-uffiċjali li l-istabbiltà tal-impjieg tagħhom hija ggarantita mir-Regolamenti tal-Persunal, il-membri tal-persunal temporanju jaqgħu taħt sistema oħra li fuqha huwa bbażat il-kuntratt ta’ impjieg konkluż mal-istituzzjoni kkonċernata. Għalhekk, it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn istituzzjoni u membru tal-persunal temporanju rreklutat għal żmien determinat huwa, preċiżament, irregolat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet. Barra minn hekk, ġurisprudenza daqstant stabbilita tirrikonoxxi li l-amministrazzjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fil-qasam tat-tiġdid ta’ kuntratti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Wahlström vs Frontex, T‑591/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:938, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 106).

50      Għalkemm l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Qorti Ġenerali, adita b’rikors għal annullament kontra att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa, xorta waħda teżerċita stħarriġ tal-legalità, li jimmanifesta ruħu f’diversi aspetti. Fir-rigward ta’ talba għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter kif ukoll li ma kienx hemm ksur tad-dmir ta’ premura li għandha amministrazzjoni meta tintalab tiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ kuntratt li jorbotha ma’ wieħed mill-membri tal-persunal tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tistħarreġ jekk l-amministrazzjoni wettqitx ineżattezzi materjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Wahlström vs Frontex, T‑591/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:938, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, meta l-amministrazzjoni elaborat sistema speċifika, permezz ta’ direttiva interna, maħsuba sabiex tiżgura t-transparenza tal-proċess ta’ tiġdid ta’ kuntratti, l-adozzjoni ta’ tali sistema tista’ titqies li hija awtolimitazzjoni tas‑setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni, kif ġie osservat fil-punt 39 iktar ’il fuq, u topera trasformazzjoni tas-sistema inizjali ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, ikkaratterizzata mill-prekarjetà tal-kuntratti għal żmien determinat, f’sistema li tippermetti tiġdid taħt ċerti kundizzjonijiet. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ikkomunikata lill-persunal kollu u li tispeċifika l-kriterji u l-proċedura applikabbli fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam tat-tiġdid jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt, tikkostitwixxi direttiva interna li għandha, bħala tali, titqies li hija regola ta’ kondotta li l-amministrazzjoni timponi fuqha nnifisha u li hija ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet li wassluha għal dan, għaliex inkella tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2009, Bernard vs Europol, F‑54/08, EU:F:2009:86, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 40).

52      F’dan il-każ, il-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-EIOPA, li tiddefinixxi l-politika ġenerali tal-imsemmija aġenzija fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti, tikkostitwixxi direttiva interna fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

53      Il-punt 4 tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratt jipprevedi li “d-deċiżjoni li jiġġeddu l-kuntratti ta’ xogħol tiġi adottata mid-Direttur Eżekuttiv (l-ASTK) skont il-bżonnijiet tas-servizz u fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet bħal: a) il-kontinwità tal-pożizzjoni […] b) il-prestazzjoni tal-persuna li għandha l-pożizzjoni […] c) il-kompetenza(i) tal-membru tal-persunal […] d) il-bżonnijiet tal-Awtorità”.

54      B’mod iktar speċifiku, il-punt 4(b) tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratt jipprevedi li, meta l-ASTK tieħu d-deċiżjoni dwar it-tiġdid ta’ kuntratt billi tibbaża ruħha fuq il-prestazzjoni tal-persuna li għandha l-pożizzjoni, dan il-kriterju għandu jitqies “abbażi tad-deskrizzjoni tal-pożizzjoni okkupata mill-persuna li għandha l-pożizzjoni u tar-rapporti annwali ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni, u meta ebda rapport ta’ evalwazzjoni ma jkun għadu ġie redatt, abbażi tar-rapport dwar il-perijodu ta’ prova tiegħu u ta’ kull dokument ieħor rilevanti”. Il-punt 6.5 tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratt iżid li r-rakkomandazzjoni tal-Kap tad-Dipartiment dwar it-tiġdid ta’ kuntratt hija ppreżentata wara d-djalogu previst fil-punt 6.4 u għandha tieħu inkunsiderazzjoni “rapporti ta’ evalwazzjoni preċedenti tal-persuna li għandha l-pożizzjoni u l-adegwatezza tal-kompetenzi ta’ din tal-aħħar mal-pożizzjoni, kif jista’ jitqies li ser tevolvi fis-snin li ġejjin; [l]-unità tar-riżorsi umani għandha tiżgura li l-Kap tad-Dipartiment ikollu aċċess għar-rapporti ta’ evalwazzjoni kollha tal-persuna li għandha l-pożizzjoni”. Skont il-punt 6.9 tal-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratti, id-deċiżjoni finali tittieħed mid-Direttur Eżekuttiv li jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, ir-rakkomandazzjoni tal-Kap tad-Dipartiment u l-kummenti tal-persuna li għandha l-pożizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kriterji elenkati fil-punt 4 tal-imsemmija deċiżjoni.

55      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta deċiżjoni dwar it-tiġdid ta’ kuntratt tittieħed abbażi tal-kriterju dwar il-prestazzjoni tal-persuna li għandha l-pożizzjoni, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm fl-istadju tar-rakkomandazzjoni tal-Kap tad-Dipartiment kif ukoll fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni.

56      F’dan il-każ, ir-rakkomandazzjoni tal-Kap tad-Dipartiment tar-rikorrenti tat‑2 ta’ Lulju 2020 dwar it-tiġdid tal-kuntratt tagħha bdiet bil-kwotazzjoni tal-konklużjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019 tar-rikorrenti. L-imsemmija rakkomandazzjoni kienet tiffoka sussegwentement fuq il-prestazzjoni tar-rikorrenti matul l-ewwel perijodu tas-sena 2020. Hija ma semmietx ir-rapporti ta’ evalwazzjoni preċedenti.

57      Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, minn din jirriżulta li, sabiex tevalwa l-prestazzjoni tar-rikorrenti, l-ASTK ibbażat ruħha b’mod espliċitu fuq il-prestazzjoni mis-sena 2019. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tiċħad il-prestazzjoni tajba tar-rikorrenti matul l-ewwel snin tagħha fis-servizz tal-EIOPA bħala “irrilevanti”. Barra minn hekk, l-ASTK tenfasizza li r-rikorrenti “ma kinitx f’pożizzjoni li taħdem fuq il-livell mistenni ta’ espert senior AD 8 diġà mill-2019”. Hija żżid li r-rikorrenti kienet irċeviet “twissija ċara” f’dan is-sens diġà wara l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2019 u li, minkejja dan it-twissija, il-prestazzjoni tagħha ma kinitx tjiebet. Id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ma ssemmi ebda rapport ta’ evalwazzjoni ħlief dak tas-sena 2019.

58      Id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tispjega li l-prestazzjoni tajba tar-rikorrenti mill‑2015 sal‑2017 iġġustifikat l-ewwel tiġdid tal-kuntratt tagħha, iżda li, fil-każ ta’ tiġdid ta’ kuntratt għat-tieni darba, u dan għal perijodu indeterminat, wieħed għandu jiffoka fuq il-perijodu wara l-ewwel tiġdid. Id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tenfasizza li, għall-ASTK, dan il-perijodu jkopri essenzjalment is-sena 2019 u l-ewwel semestru tas-sena 2020, għaliex il-leave tal-maternità u parentali wasslu lir-rikorrenti sabiex tkun assenti mill-uffiċċju sax-xahar ta’ Ottubru 2018.

59      Minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-uniku rapport ta’ evalwazzjoni li effettivament ittieħed inkunsiderazzjoni mill-ASTK huwa dak li jirrigwarda l-prestazzjoni tar-rikorrenti għas-sena 2019. Issa, dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni qatt ma sar definittiv u ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-prestazzjoni tar-rikorrenti (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

60      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tar-rikorrenti saret abbażi ta’ fajl li ma kienx komplet għaliex ma kienx jinkludi r-rapport ta’ evalwazzjoni definittiv tagħha tas-sena 2019 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, WD vs EFSA, T-320/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:45, punt 61).

61      Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt kisret id-dispożizzjonijiet tal-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt li jeżiġu t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni preċedenti tal-persuna li għandha l-pożizzjoni (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

62      Skont il-ġurisprudenza, tali irregolarità proċedurali tista’ tiġi ssanzjonata bl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk jiġi stabbilit li din l-irregolarità proċedurali seta’ jkollha influwenza fuq il-kontenut tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2013, Wahlström vs Frontex, F‑87/11, EU:F:2013:10, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar preċiż, is-sempliċi fatt li, waqt l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tar-rikorrenti, il-fajl personali tagħha ma kienx komplet, minħabba b’mod partikolari l-assenza ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex jannulla deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, ħlief jekk jiġi stabbilit li dan il-fatt seta’ kellu effett deċiżiv fuq il-proċedura ta’ tiġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, WD vs EFSA, T‑320/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:45, punt 63).

63      Dan huwa l-każ hawnhekk.

64      Fil-fatt, qabel kollox, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-EIOPA, ma jistax jiġi eskluż li l-evalwatur tal-appell, kieku sar jaf debitament bir-rifjut tar-rikorrenti tar-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sena 2019, li barra minn hekk kien jinkludi evalwazzjoni tal-evalwatur miġbur fil-qosor permezz tar-riferiment “sodisfaċenti”, u kummenti tar-rikorrenti, huwa kien ikun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kummenti u jibdel l-imsemmi rapport jew il-motivazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tenfasizza li l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva kull rapport ta’ evalwazzjoni b’mod suffiċjenti u ddettaljat u li tqiegħed lill-persuna kkonċernata f’pożizzjoni li tifformula osservazzjonijiet dwar din il-motivazzjoni, peress li l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija iktar u iktar importanti meta l-evalwazzjoni tkun inqas favorevoli meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti, bħalma huwa l-każ hawnhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, DE vs EMA, F‑103/13, EU:F:2014:265, punt 38). Għalhekk, sabiex l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni u l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2013 ma jitilfux is-sens tagħhom, l-argument tal-EIOPA li jgħid li, kieku l-ASTK kienet ġiet adita bl-appell tar-rikorrenti u kienet tat deċiżjoni dwar dan l-appell, hija kienet tikkonferma r-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019 u li dan ir-rapport kellu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt għandu jiġi miċħud.

65      Sussegwentement, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, kif tenfasizza r-rikorrenti, ir-rwol prinċipali tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħha għas-sena 2019 fir-rakkomandazzjoni tal-Kap tad-Dipartiment u d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid.

66      Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li l-Kap tad-Dipartiment, li kien validament imsejjaħ sabiex jiddeċiedi dwar il-prestazzjoni professjonali tar-rikorrenti konformement mal-punt 6.5 tal-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt, seta’ jissottometti proposti differenti jew motivati mod ieħor fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt tagħha u li l-ASTK setgħet tadotta deċiżjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2013, Wahlström vs Frontex, F‑87/11, EU:F:2013:10, punt 58).

67      Għaldaqstant, il-fatt li l-kummenti tar-rikorrenti dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sena 2019 ma ttiħdux inkunsiderazzjoni u li dan ma sarx definittiv seta’ kellu effett deċiżiv fuq il-proċedura ta’ tiġdid.

68      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jintlaqa’.

69      Konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandhom jiġu annullati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Dwar ittalbiet għal kumpens

70      Ir-rikorrenti tqis li hija tat prova tal-illegalità tad-deċiżjoni li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment li kkawżawlha dannu materjali u morali li l-EIOPA għandha tikkumpensa.

71      L-EIOPA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

72      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ talba għal kumpens magħmula minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal, ir-responsabbiltà tal-Unjoni tippreżupponi li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali u d-dannu invokat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku taħt l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, isegwi regoli speċifiċi u speċjali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta, b’mod partikolari, li, b’mod differenti minn kwalunkwe individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li huwa jiddependi minnha permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Dan l-ekwilibriju huwa intiż essenzjalment sabiex tiġi ppreżervata r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom sabiex iċ-ċittadini jiġu ggarantiti li l-missjonijiet ta’ interess ġenerali assenjati lill-istituzzjonijiet jitwettqu b’mod effettiv. Minn dan isegwi li, meta hija taġixxi bħala entità li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà ikbar, li timmanifesta ruħha permezz tal-obbligu li tikkumpensa d-danni kkawżati lill-persunal tagħha minn kull att illegali mwettaq fil-kwalità tagħha bħala entità li timpjega (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Peress li l-ewwel motiv intlaqa’, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma illegali. Għaldaqstant, l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-EIOPA, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat, hija ssodisfatta.

75      Fir-rigward taż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, ir-realtà tad-dannu u r-rabta kawżali, għandha ssir distinzjoni bejn id-dannu materjali u d-dannu morali.

 Fuq id-dannu materjali

76      Fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrenti ssostni li dan jinkludi l-ammont tas-salarju u tal-vantaġġi li hija kien ikollha dritt għalihom mill-mument li l-kuntratt tagħha kellu jiġġedded, jiġifieri fis‑16 ta’ Jannar 2021, u sal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, flimkien mal-interessi moratorji u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-allowance tal-qgħad li hija tirċievi. Hija titlob ukoll il-ħlas retroattiv tal-kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-pensjoni. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-annullament tad-deċiżjoni li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment għandu jwassal għat-tiġdid tal-kuntratt tagħha b’effett retroattiv u li deċiżjoni ta’ tiġdid ikollha bħala effett il-kumpens għal dan id-dannu materjali.

77      Ir-rikorrenti żżid li, jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hija tilfet opportunità li l-kuntratt tagħha jiġġedded, din l-opportunità tkun serja u ta’ probabbiltà għolja. Hija tevalwa dan it-telf ta’ opportunità għal 90 %, rata li għandha tiġi applikata għall-ammont li kienet tirċievi li kieku kienet għadha impjegata, u dan għal tul ta’ żmien raġonevoli.

78      L-EIOPA twieġeb li, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-eżekuzzjoni tas-sentenza ma twassalx għal tiġdid ta’ kuntratt ipso jure u r-rikorrenti tallega b’mod żbaljat li hija għandha dritt suġġettiv għat-tiġdid tal-kuntratt tagħha. Barra minn hekk, ma twettaq l-ebda nuqqas jew illegalità u r-rikorrenti ma tistax tgħid li għandha aspettattivi leġittimi li l-kuntratt ta’ xogħol tagħha jiġġedded.

79      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħtiha l-missjoni li tagħti soluzzjoni kompleta għat-tilwim li jitressaq quddiemha. Din il-ġurisdizzjoni hija intiża b’mod partikolari sabiex tippermetti lill-qrati tal-Unjoni jiggarantixxu l-effettività prattika tas-sentenzi ta’ annullament li huma jagħtu fil-kawżi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li, jekk l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra u li fiha żbalji ta’ liġi ma jkunx biżżejjed sabiex l-uffiċjal ikkonċernat ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu jew jipproteġi l-interessi tiegħu b’mod effettiv, il-qorti tal-Unjoni tista’, anki ex officio, tordna li jingħata kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punti 49 u 50). Hija tista’ tuża l-istess ġurisdizzjoni meta r-rikorrent ma jistax jibbenefika mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford, T‑231/14 P, EU:T:2015:639, punt 47).

80      Għandu jiġi rrilevat li d-dannu materjali allegat jinkludi żewġ kapi ta’ dannu distinti. L-ewwel wieħed, invokat prinċipalment, jikkonsisti fit-telf tar-remunerazzjoni li r-rikorrenti kien ikollha dritt għaliha li kieku l-kuntratt tagħha ġie mġedded. Ir-rikorrenti tqis li dan id-dannu għandu jiġi kkumpensat permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tiġdid ta’ kuntratt b’effett retroattiv, fejn l-EIOPA tagħtiha f’dan il-każ is-somom li hija ġiet illegalment imċaħħda minnhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-allowance tal-qgħad li hija rċeviet minn sorsi oħra. It-tieni kap tad-dannu materjali, invokat sussidjarjament fil-każ li ma jiġix irrikonoxxut li r-rikorrenti kellha d-dritt li l-kuntratt tagħha jiġġedded, jikkonsisti fit-telf ta’ opportunità li tikseb dan it-tiġdid. Ir-rikorrenti tqis li dan id-dannu jista’ jiġi kkumpensat billi l-EIOPA tiġi kkundannata tħallasha kumpens ikkalkolat bl-applikazzjoni tar-rata ta’ 90 %, perċentwali li tirrappreżenta l-opportunità li hija tqis li kellha li l-kuntratt tagħha jiġġedded, bl-istess ammonti bħal dawk imsemmija fir-rigward tal-kap preċedenti ta’ dannu.

81      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kap ta’ dannu materjali allegat, li jikkonsisti f’telf ta’ remunerazzjoni, għandu jiġi indikat preliminarjament li r-rikorrenti ma tistax validament tissostanzja t-talbiet tagħha għal kumpens, imressqa fl-istess ħin bħat-talbiet tagħha għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha, billi tgħid li l-annullament tal-imsemmija atti għandu jwassal għat-tiġdid retroattiv tal-kuntratt tagħha bl-effett li l-EIOPA tħallasha s-somom li hija ġiet illegalment imċaħħda minnhom sa mill-iskadenza tal-kuntratt preċedenti tagħha. Dan l-argument, jekk jiġi segwit, ineħħi l-iskop, fil-mument tal-għoti ta’ din is-sentenza ta’ annullament, tat-talba għal kumpens għad-dannu li jikkonsisti f’telf ta’ remunerazzjoni. Barra minn hekk, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Huwa minnu, kif tfakkar fil-punt 79 iktar ’il fuq, li l-qorti tal-Unjoni tista’ tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, inkluż fil-kuntest ta’ sempliċi talbiet għal annullament, jekk l-annullament ta’ deċiżjoni żbaljata fil-liġi meħuda mill-awtorità kompetenti ma jkunx biżżejjed sabiex jiġu l-uffiċjal ikkonċernat ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu jew sabiex jipproteġi l-interessi tiegħu b’mod effettiv, peress li l-qorti tista’, jekk ikun il-każ, tiġi mistiedna teżerċita din il-ġurisdizzjoni mir-rikorrent li jiddikjara li ma jistax jibbenefika mill-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-annullament tal-att. Madankollu, f’dan il-każ, l-EIOPA ma tistax tintalab tagħmel dak li qed titlob ir-rikorrenti, jiġifieri li terġa’ tintegraha retroattivament, peress li l-illegalità kkonstatata fil-punt 67 iktar ’il fuq ma timplikax li hija tiġi awtomatikament integrata mill-ġdid, iżda biss li r-rapport ta’ evalwazzjoni tas-sena 2019 jiġi ffinalizzat u li t-talba għat-tiġdid tal-kuntratt tiġi eżaminata mill-ġdid. Konsegwentement, l-argument prinċipali tar-rikorrenti sabiex issostni t-talba tagħha għal kumpens għad-dannu materjali marbut ma’ telf ta’ remunerazzjoni ma jistax jintlaqa’.

82      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ewwel kap ta’ dannu materjali allegat, għandu jiġi rrilevat li t-telf ta’ remunerazzjoni huwa inerenti f’kull tmiem ta’ kuntratt għal żmien determinat, u hawnhekk għandu ppreċiżat mill-ġdid li t-tiġdid ta’ tali kuntratt ma huwiex dritt, iżda sempliċi għażla (ara l-punti 48 u 49 iktar ’il fuq). Għalhekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe assigurazzjoni preċiża u konkreta min-naħa tal-EIOPA rigward it-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti, din ma setax ikollha l-aspettattiva li tkompli tibbenefika mir-remunerazzjoni tagħha wara t-tmiem tal-kuntratt tagħha għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Manéa vs CdT, T‑225/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:595, punt 130). Għal din ir-raġuni wkoll, ma jistax jiġi sostnut li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ikollu l-effett, skont l-Artikolu 266 TFUE, li jimplika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, b’effett retroattiv, li permezz tagħha l-EIOPA ġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti. Konsegwentement, it-talba għall-kumpens tad-dannu li jikkonsisti fit-telf tar-remunerazzjoni għandha tiġi miċħuda.

83      Fir-rigward tat-tieni kap ta’ dannu materjali allegat, li jikkonsisti f’telf ta’ opportunità, hija ġurisprudenza stabbilita li dan, sabiex jiġi kkonstatat u sabiex jagħti lok għal kumpens, għandu jkun reali u definittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punti 54 u 55; tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2004:290, punt 165, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 110).

84      Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni dwar in-natura reali tat-telf ta’ opportunità.

85      Preliminarjament, għandu jitfakkar li sabiex tiġi evalwata n-natura reali tat-telf ta’ opportunità, għandu jsir riferiment għad-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2016, CP vs Il-Parlament, F‑98/15, EU:F:2016:76, punt 82).

86      Skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi stabbilita n-natura reali tat-telf ta’ opportunità, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li r-rikorrent iċċaħħad mhux neċessarjament mit-tiġdid tal-kuntratt tiegħu, li huwa qatt ma jista’ jipprova li kien ser iseħħ, iżda minn opportunità serja li l-kuntratt tiegħu jiġġedded, bil-konsegwenza li l-persuna kkonċernata tbati dannu materjali li jikkonsisti f’telf ta’ qligħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2004:290, punt 165, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 111).

87      L-eżistenza ta’ opportunità ġenwina ma tiddependix mil-livell ta’ probabbiltà li din l-opportunità sseħħ, għaliex dan il-fattur imsemmi l-aħħar jittieħed inkunsiderazzjoni sussegwentement, jekk din l-eżistenza tiġi rrikonoxxuta, sabiex tiġi stabbilita l-portata tad-dannu materjali sostnut u l-kumpens tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 119, u tat‑13 ta’ Marzu 2013, AK vs Il-Kummissjoni, F‑91/10, EU:F:2013:34, punt 74). B’hekk, diġà ġie deċiż li t-telf ta’ opportunità evalwat għal 50 % (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 119) jew sa 25 % (sentenza tat‑12 ta’ April 2016, CP vs Il-Parlament, F‑98/15, EU:F:2016:76, punt 83) jew anki t-telf ta’ opportunità “partikolarment baxxa” (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2013, AK vs Il-Kummissjoni, F‑91/10, EU:F:2013:34, punt 74) kien suffiċjentement serju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, sabiex tiġi stabbilita n-natura reali tiegħu.

88      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, fl-assenza tal-illegalità li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, ma setax jiġi eskluż li l-kuntratt tar-rikorrenti jiġġedded, iktar u iktar għal żmien indeterminat. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet eżerċitat il-funzjonijiet tagħha fis-servizz tal-EIOPA għal iktar minn ħames snin fil-mument tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u mir-rapporti ta’ evalwazzjoni kollha tagħha jirriżulta li hija kienet wettqet il-funzjonijiet tagħha b’mod sodisfaċenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ma tindikax li, fl-adozzjoni tagħha, l-interess tas-servizz jew il-ħtiġijiet tal-EIOPA kienu jipprekludu t-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti. Mid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid jirriżulta li hija kienet prinċipalment ibbażata fuq il-prestazzjoni tar-rikorrenti tas-sena 2019 u fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sena 2019, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kummenti tar-rikorrenti dwar dan ir-rapport li ma kienx sar definittiv, elementi li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkritika din id-deċiżjoni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkostitwixxu sensiela ta’ elementi suffiċjentement preċiżi u plawżibbli sabiex juru li r-rikorrenti kellha, fl‑2020, fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratt, opportunità konkreta u suffiċjentement serja, fi kliem ieħor reali, li l-kuntratt tagħha jiġġedded għal żmien indeterminat, fid-dawl ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratt, minkejja s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tat-tiġdid ta’ kuntratt ta’ reklutaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 196). Hija din l-opportunità li ntilfet fl‑2020 minħabba l-illegalità marbuta mal-użu ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mhux definittiv ikkonstatata fil-punt 67 iktar ’il fuq.

89      Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata n-natura definittiva tat-telf ta’ opportunità allegat.

90      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li n-natura definittiva tat-telf ta’ opportunità tiġi evalwata fil-mument li fih il-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inklużi l-fatturi sussegwenti għall-adozzjoni tal-att illegali li ta lok għad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 50, fejn jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impjiegi li r-rikorrenti applikat għalihom issa ġew mimlija, u tal‑14 ta’ Lulju 2021, Carbajo Ferrero vs Il-Parlament, T‑670/19, mhux ippubblikata, appellata, EU:T:2021:435, punt 164, fejn ittieħdu inkunsiderazzjoni avvenimenti li kienu għadhom ma seħħewx fil-mument tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali bħall-irtirar imminenti tar-rikorrent).

91      F’dan il-każ, sabiex tiġi evalwata din in-natura definittiva, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza u fid-dawl tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza li għandhom jiġu adottati mill-EIOPA, ir-rikorrenti tilfitx b’mod definittiv l-opportunità li hija kellha li l-kuntratt tagħha jiġġedded mal-iskadenza tiegħu, jiġifieri mis‑16 ta’ Jannar 2021 (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Carbajo Ferrero vs Il‑Parlament, T‑670/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:435, punt 164; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1994, C vs Il-Kummissjoni, T‑47/93, EU:T:1994:262, punt 52).

92      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li l-att tiegħu jew tagħha ġie annullat, għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza ta’ annullament. L-istituzzjoni konvenuta għandha, għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tneħħi l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, EU:T:2002:103, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta l-att annullat ikun diġà ġie implimentat, it-tneħħija tal-effetti tiegħu titlob, fil-prinċipju, li tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ġuridika li r-rikorrent kien jinsab fiha qabel l-adozzjoni tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Madankollu, l-obbligu li l-amministrazzjoni għandha li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament ma jeskludix neċessarjament li t-telf ta’ opportunità tar-rikorrent li jkun kiseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernah ikun definittiv. Fil-fatt, jekk il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament li hija l-amministrazzjoni li għandha tadotta sabiex tikkonforma ruħha mar-res judicata ma jistgħux ikollhom effett utli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, billi ma jagħtux lura lir-rikorrent l-istess possibbiltà li jikseb sodisfazzjon daqslikieku l-illegalità kkonstatata ma seħħitx, il-qorti tista’ tikkonstata n-natura definittiva tat-telf ta’ opportunità allegat u tikkundanna lill-amministrazzjoni sabiex tikkumpensah.

94      B’dan il-mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Carbajo Ferrero vs Il-Parlament (T‑670/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:435, punt 164), minkejja li l-amministrazzjoni kienet għadha ma adottatx miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, il-Qorti Ġenerali tat kumpens għat-telf ta’ opportunità li jinħatar f’pożizzjoni ta’ direttur “iktar kmieni”, jiġifieri fid-data tan-notifika tad-deċiżjoni li l-kandidatura tar-rikorrent ma tiġix aċċettata u li jinħatar kandidat ieħor. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta wkoll kumpens għat-telf ta’ opportunità li jiġi kkonfermat fil-funzjonijiet ta’ kap ta’ diviżjoni iktar kmieni, billi rrikonoxxa li l-ħatra sussegwenti tar-rikorrent għal pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni ma tistax titqies bħala kumpens xieraq għall-passat tal-effetti tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konferma annullata (sentenza tat‑12 ta’ April 2016, CP vs Il-Parlament, F‑98/15, EU:F:2016:76, punt 76).

95      F’tilwim rigward deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ kandidaturi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-natura definittiva tat-telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ kienet tirriżulta mill-protezzjoni tad-drittijiet ta’ terzi, li l-kandidaturi tagħhom kienu ġew aċċettati għall-pożizzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 49, u tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 91), u mhux mill-fatt li huwa impossibbli għall-amministrazzjoni li tikkorreġi ġuridikament l-illegalità mwettqa.

96      F’kawża li tirrigwarda n-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet in-natura kumpensabbli tat-telf ta’ opportunità tal-membru tal-persunal temporanju kkonċernat li l-kuntratt tiegħu jiġi estiż, minkejja li l-amministrazzjoni ma kienx għad kellha l-okkażjoni tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 197).

97      Minn din l-espożizzjoni tal-ġurisprudenza jirriżulta li n-natura definittiva tat-telf ta’ opportunità ma tippreżupponix li l-amministrazzjoni tkun fl-impossibbiltà li tikkorreġi ġuridikament l-illegalità tal-atti tagħha. Din in-natura tista’ tiġi kkonstatata meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, anki jekk ikun għadu possibbli għall-amministrazzjoni li tadotta miżuri li jippermettu li tiġi kkorreġuta l-illegalità mwettqa, dawn il-miżuri ma jkollhomx effett utli għar-rikorrent, billi ma jagħtuhx lura l-istess opportunità bħal dik li din l-illegalità ċaħħditu minnha.

98      Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ma jimplikax, fih innifsu, ir-reintegrazzjoni ġuridika tar-rikorrenti fid-dipartimenti tal-EIOPA fid-data li fiha din id-deċiżjoni ssir effettiva. B’mod differenti minn deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal b’kuntratt għal żmien indeterminat, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ma interrompietx relazzjoni ta’ impjieg li kienet tkompli fl-assenza tal-intervent tagħha. Għalhekk, l-amministrazzjoni tista’ tikkunsidra li d-deċiżjoni l-ġdida li hija għandha tieħu wara din is-sentenza ser tipprovdi biss għall-ġejjieni. Min-naħa l-oħra, anki jekk jingħad li l-EIOPA tadotta, wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid mill-Qorti Ġenerali, deċiżjoni ġdida li ġġedded il-kuntratt tar-rikorrenti mill-iskadenza tal-kuntratt preċedenti tagħha, din id-deċiżjoni ma jkollhiex, għar-rikorrenti, effett utli għall-perijodu mill-iskadenza tal-kuntratt tagħha preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li titlob, għal dan il-perijodu, il-ħlas tar-remunerazzjoni tagħha u ma tistax teżerċita funzjonijiet fi ħdan l-EIOPA ħlief mill-mument li fih hija tiġi integrata mill-ġdid f’din l-aġenzija.

99      Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li hija tilfet b’mod definittiv l-opportunità li hija kellha, kieku l-illegalità kkonstatata f’din is-sentenza ma kinitx twettqet, li l-kuntratt tagħha jiġġedded fid-data tal-iskadenza tiegħu.

100    Konsegwentement, abbażi ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li l-illegalitajiet imwettqa mill-EIOPA ċaħħdu, b’mod ċert, lir-rikorrenti minn opportunità reali li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha mal-EIOPA estiża mingħajr interruzzjoni mis‑16 ta’ Jannar 2021 wara l-iskadenza tal-kuntratt tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 117). It-tieni kundizzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-EIOPA hija għalhekk issodisfatta.

101    Dan id-dannu huwa dovut għall-illegalità tal-aġir tal-EIOPA li, b’mod ċert, ċaħħad lir-rikorrenti minn opportunità ġenwina li jkollha l-kuntratt tagħha mġedded (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 111). It-tielet kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-EIOPA, marbuta mar-rabta kawżali bejn l-illegalità invokata u d-dannu allegat, hija għalhekk issodisfatta wkoll u għalhekk għandu jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas għat-telf ta’ opportunità.

102    Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas abbażi tat-telf ta’ tali opportunità, wara li tiġi identifikata n-natura tal-opportunità li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikun ġie mċaħħad minnha, għandha tiġi ddeterminata d-data li minnha l-uffiċjal seta’ jibbenefika minn din l-opportunità, imbagħad għandha tiġi kkwantifikata l-imsemmija opportunità u, finalment, għandhom jiġu ppreċiżati liema kienu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan it-telf ta’ opportunità għall-uffiċjal jew membru tal-persunal (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Meta dan ikun possibbli, l-opportunità li jkun ġie mċaħħad minnha uffiċjal jew membru tal-persunal għandha tiġi ddeterminata oġġettivament, fil-forma ta’ koeffiċjent matematiku li jirriżulta minn analiżi preċiża. Madankollu, meta l-imsemmija opportunità ma tkunx tista’ tiġi kkwantifikata b’dan il-mod, huwa aċċettat li d-dannu sostnut ikun jista’ jiġi evalwat ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Fernández González vs Il-Kummissjoni, T‑162/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2018:711, punti 119 sa 121 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 199).

104    Ir-rikorrenti tat evalwazzjoni numerika tal-ammont li kellu jservi bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kumpens marbut mat-telf ta’ opportunità. Madankollu, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li din l-opportunità tiġi kkwantifikata b’mod korrett u li jiġu speċifikati l-konsegwenzi finanzjarji tat-telf ta’ opportunità, minħabba li kalkolu korrett tad-dannu materjali tar-rikorrenti jiddependi minn diversi ipoteżijiet, b’mod partikolari fir-rigward tas-sens tad-deċiżjoni l-ġdida adottata mill-EIOPA fid-dawl ta’ din is-sentenza, tat-tul totali tal-karriera tar-rikorrenti fi ħdan l-EIOPA jew inkella tal-promozzjonijiet tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi evalwat, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, id-dannu sostnut ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tkun saret evalwazzjoni ġusta tad-dannu materjali kollu sostnut mir-rikorrenti minħabba t-telf tal-opportunità tagħha li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha mal-EIOPA estiża mingħajr interruzzjoni, jiġifieri bit-telf ta’ opportunità li l-kuntratt tagħha jiġġedded mis‑16 ta’ Jannar 2021 wara l-iskadenza tal-kuntratt preċedenti tagħha, jekk l-EIOPA tiġi kkundannata tħallasha, ex æquo et bono, is-somma f’daqqa ta’ EUR 10 000. Din l-istima b’rata fissa tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-grad tar-rikorrenti, il-perijodu bejn l-iskadenza tal-kuntratt tagħha sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-EIOPA fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-fatt li hija okkupat il-pożizzjoni tagħha għal sitt snin, il-fatt li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha kienu sodisfaċenti u l-allowance tal-qgħad li hija rċeviet.

 Fuq iddannu morali

106    Ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet dannu morali li jirriżulta, l-ewwel, mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikkawżawlha eżawriment nervuż u dannu għas-saħħa tagħha, it-tieni, mill-evalwazzjoni negattiva tal-prestazzjoni tagħha mir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tas-sena 2019 u mid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid li kkawżatilha preġudizzju għad-dinjità tagħha, għar-reputazzjoni tagħha u għall-istima tagħha fiha nfisha, u, it-tielet, mill-inċertezza kkawżata mit-telf tal-possibbiltà li twettaq għaxar snin ta’ servizz sabiex tkun intitolata għal pensjoni tal-irtirar. Id-dannu morali tagħha huwa evalwat, ex aequo et bono, għas-somma ta’ EUR 10 000.

107    L-EIOPA twieġeb li l-evalwazzjonijiet negattivi tal-prestazzjoni tar-rikorrenti u d-deċiżjonijiet li ttieħdu fir-rigward tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha ma jistgħux jitqiesu li kkawżaw dannu morali. Barra minn hekk, it-telf tal-possibbiltà li tirċievi pensjoni tal-irtirar huwa biss sempliċi ipoteżi, għaliex anki li kieku l-kuntratt tar-rikorrenti kien ġie mġedded, ma kien ikun hemm l-ebda ċertezza li hija kienet twettaq l-għaxar snin ta’ servizz neċessarji għal dan il-għan.

108    L-ewwel, rigward id-dannu morali li jirriżulta, skont ir-rikorrenti, mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kkawżawlha eżawriment nervuż u dannu għas-saħħa tagħha, għandu jiġi enfassizat li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta t-talbiet għal kumpens ikunu bbażati fuq l-illegalità tal-att annullat, li huwa l-każ hawnhekk, l-annullament iddikjarat mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens xieraq u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kwalunkwe dannu morali li r-rikorrenti setgħet sofriet (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T‑653/13 P, EU:T:2015:652, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata), sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li ma jistax jiġi rrimedjat b’mod sħiħ permezz ta’ dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    B’dan il-mod, ġie deċiż li l-annullament ta’ att, meta dan ikun nieqes minn kull effett utli, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens xieraq u suffiċjenti għal kwalunkwe dannu morali kkawżat mill-att annullat (sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2019, HJ vs EMA, T‑881/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:5, punt 60, u tad‑9 ta’ Marzu 2010, N vs Il-Parlament, F‑26/09, EU:F:2010:17, punt 107).

110    F’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, minħabba l-limiti tal-effett utli tagħha esposti fil-punt 98 iktar ’il fuq, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu kumpens suffiċjenti u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt, minbarra dawk materjali, b’mod partikolari dawk fuq is-saħħa tar-rikorrenti, ma jistgħux jiġu kkoreġuti faċilment (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, VP vs Cedefop, T‑187/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:613, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li hija ġarrbet dannu morali u li dan tal-aħħar ġie kkawżat lilha mid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kif ukoll miċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tagħhom li huma attribwibbli lill-EIOPA. Fil-fatt, hija kienet fuq leave tal-mard sa mis‑16 ta’ Lulju 2020, l-għada tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, sat-tmiem tal-kuntratt tagħha u hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali ċertifikat mediku li juri li hija kienet qiegħda tbati minn ansjetà u minn depressjoni u li hija segwiet trattament mediku. L-EIOPA ma tikkontestax is-sitwazzjoni ta’ stress u ta’ ansjetà li kienet tinsab fiha r-rikorrenti u lanqas ma tiddikjara ruħha fuq iċ-ċertifikat mediku prodott, iżda sempliċement tosserva li kien hemm raġunijiet suffiċjenti li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti.

112    Għaldaqstant, ir-rikorrenti sofriet dannu morali attribwibbli lill-EIOPA li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ permezz tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

113    It-tieni, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-evalwazzjoni negattiva tal-prestazzjoni tagħha fir-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2019 u fid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ikkawżatilha wkoll dannu morali. Fil-fatt, minn naħa, f’din is-sentenza ma huwiex deċiż li r-rapport ta’ evalwazzjoni għas-sena 2019 huwa illegali iżda huwa kkonstatat biss li dan ma ġiex ikkompletat u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix kif dan ir-rapport u d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid jinkludu evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tagħha li tista’ tikkawżalha preġudizzju u tippreġudika d-dinjità tagħha, ir-reputazzjoni tagħha u l-istima tagħha nnifisha b’mod li jmur lil hinn mill-kuntest ta’ evalwazzjoni oġġettiva ta’ membru tal-persunal temporanju mis-superjur ġerarkiku tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, EU:T:2010:506, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Marzu 2010, N vs Il-Parlament, F‑26/09, EU:F:2010:17, punti 103 u 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    It-tielet, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ titlob kumpens għal dannu morali marbut mal-inċertezza kkawżata mit-telf tal-possibbiltà li twettaq għaxar snin ta’ servizz sabiex tkun tista’ titlob pensjoni tal-irtirar. Fil-fatt, peress li hija l-EIOPA li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, dwar it-tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti, li jista’ jipprovdi lil din tal-aħħar il-possibbiltà li tkompli tikseb drittijiet għall-pensjoni, it-talba tagħha f’dan ir-rigward hija prematura.

115    Għaldaqstant, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, esposti fil-punti 110 u 111 iktar ’il fuq, jekk jiġi ffissat, ex æquo et bono, il-kumpens għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti għas-somma ta’ EUR 5 000.

 Fuq lispejjeż

116    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

117    F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tal15 ta’ Lulju 2020 li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ta’ SU ma jiġġeddidx hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-EIOPA tal11 ta’ Frar 2021 li tiċħad l-ilment ta’ SU hija annullata.

3)      L-EIOPA hija kkundannata tħallas EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu materjali kkawżat lil SU.

4)      L-EIOPA hija kkundannata tħallas EUR 5 000 bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat lil SU.

5)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

6)      L-EIOPA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.