Language of document : ECLI:EU:C:2019:927

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Novembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 7(1)(a) – Qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikoli 5, 7, 9 u 12 – Konvenzjoni ta’ Montréal – Ġurisdizzjoni – Artikoli 19 u 33 – Talba għal kumpens u kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni u mid-dewmien ta’ titjiriet”

Fil-Kawża C‑213/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale Ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Adriano Guaitoli,

Concepción Casan Rodriguez,

Alessandro Celano Tomassoni,

Antonia Cirilli,

Lucia Cortini,

Mario Giuli,

Patrizia Padroni

vs

easyJet Airline Co. Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Guaitoli, A. Celano Tomassoni u M. Giuli kif ukoll għal C. Casan Rodriguez, A. Cirilli, L. Cortini u P. Padroni, minn A. Guaitoli u G. Guaitoli, avvocati,

–        għal easyJet Airline Co. Ltd, minn G. d’Andria, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. De Luca, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller, N. Yerrell u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 492, iktar ’il quddiem il- “Konvenzjoni ta’ Montréal”), tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), u tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Adriano Guaitoli, Alessandro Celano Tomassoni u Mario Giuli kif ukoll Concepción Casan Rodriguez, Antonia Cirilli, Lucia Cortini u Patrizia Padroni, u easyJet Airline Co. Ltd fir-rigward ta’ talba għal kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni ta’ titjira u mid-dewmien ta’ titjira oħra.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni ta’ Montréal daħlet fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fit-28 ta’ Ġunju 2004.

4        L-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni, bit-titolu “Dewmien”, jipprovdi:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

5        L-Artikolu 33 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, jipprovdi:

“1.      Azzjoni għad-danni għandha tinġieb, skond l-għażla ta’ l-attur, fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew fejn għandu post tan-negozju li permezz tiegħu sar il-kuntratt jew quddiem il-qorti fil-post tad-destinazzjoni.

[…]

4.      Kwistjonijiet ta’ proċedura għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-qorti li qed tissindaka l-każ.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 IrRegolament Nru 261/2004

6        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Soġġett”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:

a)      ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom;

b)      it-titjira tagħhom hi kkanċellata;

ċ)      it-titjira tagħhom hi mdewma.”

7        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddisponi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skont l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

ċ) jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimagħtejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

iii)      huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

2.      Meta passiġġieri huma informati bil-kanċellazzjoni, spjegazzjoni għandha tiġi mogħtija fir-rigward ta’ trasport alternattiv possibbli.

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

4.      L-onustal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

8        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi li:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilomentru:

ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.      Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skont l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

a)      b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas; jew

b)      b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

ċ)      b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

3.      Il-kumpens imsejjaħ fil-paragrafu 1 għandu jiġi mħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f’irċevuti tal-vjaġġ u/jew servizzi oħrajn.

4.      Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route.”

9        Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud”:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

a)      ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

b)      akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet

–        fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

–        fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

ċ)      trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2.      Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.

3.      Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni li għandhom mobbilitá mnaqqsa u kwalunkwe persuni li qegħdin magħhom, kif ukoll għall-ħtiġijiet ta’ tfal li qegħdin waħedhom.”

10      L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kumpens ulterjuri”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens.”

 IrRegolament Nru 1215/2012

11      Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Ġurisdizzjoni”, huwa maqsum f’għaxar taqsimiet, fejn l-ewwel, it-tieni u r-raba’ taqsima huma intitolati rispettivament “Dispożizzjonijiet ġenerali”, “Ġurisdizzjoni speċjali” u “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”.

12      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ dan, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

13      Skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu II:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

1)      a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni

b)      għall-finijiet ta’ din id-disposizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

[…]

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti [is-servizzi] ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati;

[…]”

14      L-Artikolu 17 tal-istess regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tiegħu, jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, li madankollu ma japplikawx, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, għall-kuntratti ta’ trasport minbarra dawk li, għal prezz inklużiv, jipprovdu għal taħlita ta’ vvjaġġar u akkomodazzjoni.

15      Fil-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Disposizzjonijiet tranżitorji”, jinsab l-Artikolu 66, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015.”

16      Skont l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra”:

“Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fi kwistjonijiet speċifiċi li jinstabu fi strumenti tal-Unjoni jew f’leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata bis-saħħa ta’ strumenti bħal dawn.”

17      L-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mill-istess Kapitolu VII, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa l-ebda konvenzjoni li għaliha l-Istati Membri jkunu parti u, li b’relazzjoni għal kwistjonijiet partikolari, tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

18      L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)       jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew ma’ easyJet Airline, kumpannija tal-ajru li s-sede tagħha hija stabbilita fir-Renju Unit, kuntratt ta’ trasport bl-ajru, rigward titjira li tmur Ruma Fiumicino (l-Italja) – Korfu (il-Greċja) fl-4 ta’ Awwissu 2015 fit-20.00, u titjira ritorn Korfu – Ruma Fiumicino fl-14 ta’ Awwissu 2015, fil-23.25.

20      It-titjira kienet ġiet imħabbra bħala mdewma, sussegwentement ikkanċellata u posposta għall-ġurnata ta’ wara. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali la tħallew jitilgħu fuq titjira oħra ta’ kumpannija oħra, u lanqas ma kellhom il-possibbiltà li jikkonsmaw platt ikel jew ikla ħafifa, u lanqas ma kellhom xi forma oħra ta’ assistenza, ta’ kumpens jew ta’ rimbors, minkejja talba formali indirizzata f’dan is-sens lil easyJet Airline.

21      It-titjira ta’ ritorn, min-naħa tagħha, ġiet imdewma għal iktar minn sagħtejn u għal inqas minn tliet sigħat.

22      Fit-28 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma ddomiċiljati f’Ruma (l-Italja), ressqu kawża quddiem it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja) sabiex easyJet Airline tiġi kkundannata għall-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikoli 5, 7 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll għall-kumpens għad-dannu materjali supplimentari u dannu morali li jirriżultaw minn nuqqas ta’ easyJet Airline li twettaq l-obbligi kuntrattwali tagħha.

23      EasyJet Airline qajmet żewġ eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita, l-ewwel waħda bbażata fuq il-valur tat-tilwima, it-tieni fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni territorjali.

24      Għalkemm it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) ċaħdet l-ewwel eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni, hija rrilevat li l-ġurisdizzjoni tagħha kienet tiddependi mid-dritt applikabbli – dritt nazzjonali jew dritt tal-Unjoni – u tal-interpretazzjoni li għandha ssir ta’ dan.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel kollox, dwar jekk il-Konvenzjoni ta’ Montréal tapplikax għall-kawża prinċipali, għall-inqas għal parti minnha, jew jekk din it-tilwima taqax esklużivament taħt ir-Regolament Nru 261/2004.

26      Sussegwentement, fil-każ ta’ applikazzjoni esklużiva jew parzjali tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regola li tinsab fl-Artikolu 33 tagħha tillimitax ruħha, kif iddeċidiet il-Corte di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), li tindika l-Istat li għandu ġurisdizzjoni, jew jekk, li għaliha jidher li huwa pjuttost il-każ, din ir-regola tirregola wkoll l-indikazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fi ħdan dan l-Istat.

27      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, b’applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura ċivili nazzjonali, ħlief fil-każ fejn jiġi deċiż li l-Konvenzjoni ta’ Montréal hija esklużivament applikabbli għaliha u li l-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jindika biss l-Istat li għandu ġurisdizzjoni. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmija tilwima taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tat-Tribunale di Civitavecchia (il-Qorti ta’ Civitavecchia, l-Italja), li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab l-ajruport tat-tluq tat-titjira u tal-wasla tat-titjira ta’ ritorn.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti ta’ Ruma) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-każ fejn parti, li sofriet id-dewmien jew l-annullament ta’ titjira, titlob konġuntament, mhux biss il-kumpensi fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformizzati msemmija fl-Artikoli 5, 7 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, iżda wkoll il-kumpens għad-dannu fis-sens tal-Artikolu 12 tal-istess regolament, għandu jiġi applikat l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jew il-“qorti li għandha ġurisdizzjoni” (tant fir-rigward tat-tqassim internazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-ġurisdizzjoni interna) hija fi kwalunkwe każ irregolata mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001?

2)      Fl-ewwel ipoteżi msemmija fl-ewwel domanda, l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati, jew fis-sens li jirregola wkoll il-ġurisdizzjoni territorjali interna f’kull Stat Membru?

3)      Fl-ewwel ipoteżi msemmija fit-tieni domanda, l-applikazjoni tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal hija “esklużiva” u tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, jew ukoll iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati konġuntament, b’mod li tiġi ddeterminata direttament, kemm il-ġurisdizzjoni tal-Istat kif ukoll il-ġurisdizzjoni territorjali interna tal-qrati tiegħu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

29      Hemm lok li jiġi ppreċiżat li, anki jekk, fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju formalment irreferiet għar-Regolament Nru 44/2001, huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 li, konformement mal-Artikolu 66(1) tiegħu, huma applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-azzjoni li biha hija adita l-qorti tar-rinviju tressqet wara l-10 ta’ Jannar 2015.

30      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, iċ-ċirkustanza li din il-qorti fformulat it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 ma tipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha, għamlitx jew le riferiment għalihom fid-domandi tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, Weil, C‑361/18, EU:C:2019:473, punt 26).

31      Minbarra dan, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001 li huwa stess issostitwixxa l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar strument ġuridiku tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 23).

32      Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jitolbu kemm il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż previsti fl-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll il-kumpens komplementari previst fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-kumpens għad-danni materjali supplimentari u d-dannu morali allegatament subiti. Sa fejn il-kumpens komplementari huwa rregolat mill-Konvenzjoni ta’ Montréal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 38) isegwi li, f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeżistu żewġ sistemi ta’ responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fir-rigward tal-passiġġieri, waħda bbażata fuq ir-Regolament Nru 261/2004, l-oħra bbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Montréal.

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 7, l-Artikolu 67 u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq azzjoni sabiex jinkisbu, fl-istess waqt, l-osservanza tad-drittijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformi previsti mir-Regolament Nru 261/2004 u l-kumpens għal dannu komplementari li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandha tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha, għall-ewwel kap tat-talba, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 u, għat-tieni kap, fir-rigward tal-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

34      Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni sabiex jiġu kkunsidrati l-allegazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, sa fejn id-drittijiet ibbażati rispettivament fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u l-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jaqgħu taħt oqsfa leġiżlattivi distinti, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali previsti minn din il-konvenzjoni ma japplikawx għat-talbiet imressqa abbażi biss tar-Regolament Nru 261/2004, billi dawn tal-aħħar għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund, C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      L-istess jgħodd fil-kuntest ta’ tilwima, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati kemm fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll fuq il-Konvenzjoni ta’ Montréal.

36      Barra minn hekk, l-Artikolu 67 u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jippermettu l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni rigward oqsma partikolari li huma inklużi rispettivament f’atti tal-Unjoni jew f’konvenzjonijiet li fihom l-Istati Membri huma partijiet. Peress li t-trasport bl-ajru jikkostitwixxi tali qasam partikolari, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhom ikunu jistgħu japplikaw ġewwa l-qafas regolatorju stabbilit minnha.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward, minn naħa, tal-allegazzjonijiet ibbażati fuq l-Artikoli 5, 7 u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha, il-ġurisdizzjoni tagħha stess konformement mar-Regolament Nru 1215/2012.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’xewqa li tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, li jippermetti kemm lill-applikant li jidentifika faċilment il-qorti li quddiemha jista’ jressaq kawża u lill-konvenut li raġonevolment jipprevedi dik li quddiemha jista’ jitressaq, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fir-Regolament Nru 1215/2012 huma artikolati madwar il-ġurisdizzjoni bħala prinċipju tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u kkompletata minn ġurisdizzjonijiet speċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C‑386/05, EU:C:2007:262, punti 20 u 21).

39      Għalhekk, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju tal-konvenut hija kkompletata, fil-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, permezz ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali li hija motivata mill-eżistenza ta’ rabta mill-qrib bejn il-kuntratt u l-qorti mitluba li tiddeċiedi dwaru (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 22).

40      Skont din ir-regola, il-konvenut jista’ wkoll jitressaq quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu li huwa fil-bażi tat-talba kien jew għandu jiġi eżegwit, billi din il-qorti hija preżunta li għandha rabta mill-qrib mal-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C‑386/05, EU:C:2007:262, punt 23).

41      Bl-istess mod, għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar il-“Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, jistabbilixxu wkoll regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali favur il-konsumaturi, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li din it-taqsima “m’għandhiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni” (sentenza tal-11 ta’ April 2019, Ryanair, C‑464/18, EU:C:2019:311, punt 28).

42      Fil-qasam ta’ trasport bl-ajru, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam ta’ provvista ta’ servizzi, prevista fit-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, tindika bħala li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi talba għal kumpens ibbażata fuq kuntratt ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni, fuq l-għażla tal-applikant, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan, hekk kif dawn il-postijiet jiġu miftiehma f’dan il-kuntratt ta’ trasport (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 43 u 47, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2018, Zurich Insurance u Metso Minerals, C‑88/17, EU:C:2018:558, punt 18).

43      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ibbażati fuq l-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 19 tagħha, dwar il-kumpens għad-danni kkawżati minħabba d-dewmien ta’ titjira, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq din il-parti tal-azzjoni fir-rigward tal-Artikolu 33 tal-imsemmija konvenzjoni.

44      Minn dan kollu jirriżulta li l-punt 1 tal-Artikolu 7, l-Artikolu 67 u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq azzjoni intiża sabiex jinkisbu, fl-istess waqt, ir-rispett tad-drittijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformi previsti mir-Regolament Nru 261/2004 u l-kumpens għal dannu komplementari li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandha tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha, għall-ewwel kap tat-talba, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 u, għat-tieni kap tat-talba, fir-rigward tal-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandux jiġi interpretat fis-sens li jirregola, għall-finijiet ta’ kawżi għal kumpens għal dannu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, mhux biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati partijiet tagħha, iżda wkoll it-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali bejn il-qrati ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati.

46      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet, fl-osservanza tar-regoli tad-dritt internazzjonali li l-Unjoni hija suġġetta għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz, C‑63/09, EU:C:2010:251, punt 20).

47      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-kunċetti li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u awtonomu, b’tali mod li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tinterpreta dawn il-kunċetti fir-rigward ta’ deċiżjoni preliminari, mhux it-tifsiriet varji li setgħu ngħatawlhom fil-liġijiet interni tal-Istati Membri tal-Unjoni, iżda regoli ta’ interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali li hija suġġetta għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz, C‑63/09, EU:C:2010:251, punti 21 u 22).

48      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tat-Trattati, iffirmata fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969, li jikkodifika r-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali, jippreċiża li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tas-suġġett tiegħu u tal-għan tiegħu (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Walz, C‑63/09, EU:C:2010:251, punt 23).

49      Mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jirriżulta li dan jippermetti lill-applikant li jagħżel li jressaq lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat, fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati partijiet, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew fejn għandu post tan-negozju li fih sar il-kuntratt jew quddiem il-qorti fil-post tad-destinazzjoni tat-titjira kkonċernata.

50      Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni hija intiża l-ewwel nett għat-“territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet”, imbagħad issemmi l-qorti li, fost dawk li għandhom is-sede tagħhom f’dan it-territorju, tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni ratione loci, permezz ta’ kriterji ta’ rabta preċiżi.

51      Minn dan isegwi li, permezz tal-formulazzjoni tiegħu stess, l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jitqies bħala li jirregola wkoll it-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali bejn il-qrati ta’ kull wieħed mill-Istati partijiet tagħha.

52      Din l-interpretazzjoni hija dedotta wkoll mill-eżami tal-iskop tal-Konvenzjoni ta’ Montréal. Fil-fatt, mill-preambolu ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li l-Istati partijiet tagħha kellhom l-intenzjoni mhux biss li “tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru”, iżda wkoll iwettqu “armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw [dan it-trasport, sabiex] jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi” preżenti.

53      Issa, l-interpretazzjoni li l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu bħala għan li jindika mhux biss l-Istat li huwa parti li għandu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tal-azzjoni għad-danni kkonċernata, iżda wkoll dik fost il-qrati ta’ dan l-Istat li quddiemha għandha titressaq l-azzjoni, hija ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ unifikazzjoni msaħħa, espress fil-preambolu ta’ dan l-istrument, u li jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li toffri bilanċ ekwu mal-interessi tat-trasportaturi bl-ajru.

54      Fil-fatt, l-indikazzjoni diretta tal-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni hija xierqa sabiex jiġi żgurat, fl-interess taż-żewġ partijiet fit-tilwima, prevedibbiltà ikbar u ċertezza legali aħjar.

55      Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola, għall-finijiet tal-kawżi għal kumpens għal dannu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, mhux biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati partijiet tagħha, iżda wkoll it-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali bejn il-qrati ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati.

 Fuq it-tielet domanda

56      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 1 tal-Artikolu 7, l-Artikolu 67 u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, kif ukoll l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq azzjoni intiża sabiex jinkisbu, fl-istess waqt, ir-rispett tad-drittijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformi previsti mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u l-kumpens għal dannu komplementari li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni għandha tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha, għall-ewwel kap tat-talba, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 u, għat-tieni kap tat-talba, fir-rigward tal-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

2)      L-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola, għall-finijiet tal-kawżi għal kumpens għal dannu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, mhux biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati partijiet tagħha, iżda wkoll it-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali bejn il-qrati ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.