Language of document : ECLI:EU:C:2015:567

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Settembru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru f’każ ta’ inċident — Kawża għad-danni — Konvenzjoni ta’ Montréal — Regolament (KE) Nru 2027/97 — Titjira mingħajr ħlas magħmula mill-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli bil-għan li tintwera din il-proprjetà lil akkwirent eventwali — Regolament (KE) Nru 864/2007 — Azzjoni diretta prevista mid-dritt nazzjonali kontra l-assiguratur għal responsabbiltà ċivili”

Fil-Kawża C‑240/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneubourg (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Eleonore Prüller-Frey

vs

Norbert Brodnig,

Axa Versicherung AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, S. Rodin (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Prüller-Frey, minn A. Weinzierl, avukat,

–        għal N. Brodnig u Axa Versicherung AG, minn F. Hörlsberger, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn M. Hours, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, M. Wilderspin, F. Wilman u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1), 17, 29 u 33 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”), tal-Artikolu 2(1)(a) u (ċ), tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2027/97, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2027/97”), tal-Artikolu 3(ċ) u (g) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-[K]unsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-rekwiżiti ta’ l-assigurazzjoni tat-trasportaturi ta’ l-ajru u l-operaturi ta’ l-ajruplani, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 160), tal-Artikolu 67 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU L 199, p. 40), kif ukoll l-Artikolu 7(1)(f) tat-Tieni Direttiva Tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198), kif emendata bid-Direttiva Tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 88/357”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Prüller-Frey u N. Brodnig u Axa Versicherung AG (iktar ’il quddiem “Axa”), kumpannija tal-assigurazzjoni Ġermaniża, dwar kumpens għal danni attwali u futuri subiti minn E. Prüller-Frey b’riżultat ta’ inċident fl-ajru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprevedi dan li ġej:

“Din il-Konvenzjoni tapplika għat-trasport internazzjonali ta’ persuni, bagalji jew merkanzija kollha mwettqa bl-inġenji ta’ l-ajru għall-ħlas. Tapplika ugwalment għal trasport b’xejn imwettaq minn impriża tat-trasport bl-ajru.”

 Id-Dritt tal-Unjoni

4        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2027/97:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligazzjonijiet ta’ trasportaturi bl-ajru tal-Komunità fir-rigward tal-responsabbilità fl-eventwalità ta’ inċidenti lejn il-passiġġieri għal danni sostnuti fl-eventwalità ta’ mewt jew korriment ta’ passiġġier jew ta’ xi ferita oħra tal-ġisem sofferta minn passiġġier, jekk l-inċident li kkawża d-danni sostnuti hekk seħħ fuq l-inġenju ta’ l-ajru jew matul ta’ xi waħda mill-ħidmiet ta’ imbarkazzjoni jew żbarkar.”

5        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament jipprevedi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘trasportatur bl-ajru’ għandha tfisser impriża tat-trasport ta’ l-ajru b’liċenzja valida ta’ ħidma;

(b)      ‘trasportatur bl-ajru tal-Komunità’ għandha tfisser dak li jġorr bl-ajru li jkollu liċenzja valida mogħtija minn Stat Membru bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 3];

(ċ)      ‘persuna intitolata għall-kumpens’ għandha tfisser passiġġier jew kull persuna intitolata għal talba fir-rigward ta’ dak il-passiġġier, skond liġijiet applikabbli;

[...]”

6        Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, p. 3), ħassar, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2008, ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 2, p. 3).

7        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 huwa redatt hekk:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[...]

4)      ‘servizz ta’ l-ajru’ tfisser titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b’kiri;

5)      ‘titjira’ tfisser tluq minn ajruport speċifikat lejn ajruport speċifiku tad-destinazzjoni;

6)      ‘titjira lokali’ tfisser titjira li ma tinvolvix ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bejn ajruporti differenti jew punti ta’ nżul awtorizzati oħrajn;

[...]”

8        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.      L-ebda impriża stabbilita fil-Komunità m’għandha titħalla ġġorr bl-ajru passiġġieri, posta u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri sakemm hi ma tingħatax l-liċenzja operattiva xierqa.

Kull impriża li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu għandha tkun intitolata li tirċievi liċenzja operattiva.

[...]

3.      Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra applikabbli tal-liġi Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali, il-kategorji li ġejjin ta’ servizzi ta’ l-ajru m’għandhomx ikunu suġġetti għar-rekwiżit ta’ liċenzja operattiva valida:

a)      servizzi ta’ l-ajru mwettqa minn inġenji ta’ l-ajru li ma jkunux power driven u/jew inġenji ta’ l-ajru ultralight power driven, u

(b)      titjiriet lokali.”

9        L-Artikolu 2(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 785/2004 jipprevedi:

“2.      Dan ir-Regolment ma japplikax għal:

[…]

g)      inġenji ta’ l-ajru, inklużi gliders, b’MTOM ta’ inqas minn 500 kg u microlights, li:

–        li huma użati għal skopijiet mhux kummerċjali, jew

–        li huma użati għal-korsijiet tat-titjir lokali li ma jinkludux il-qsim tal-fruntieri internazzjonali,

safejn l-obbligi ta’ l-assigurazzjoni taħt dan ir-Regolament li għandhom x’jaqsmu mar-riskju tal-gwerra u t-terroriżmu huma kkonċernati.”

10      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 864/2007 jipprevedi:

“1.      Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni [obbligi] mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.      Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.      Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili inkwistjoni.”

11      L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-persuna li tkun sofriet id-dannu tista’ tressaq it-talba tagħha direttament kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli sabiex jipprovdi l-kumpens jekk hekk ikun previst mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali jew mill-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.”

12      Skont l-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva Tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 14), kif emendata bid-Direttiva 88/357, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 73/239”):

“1.      Din id-Direttiva tikkonċerna il-bidu u t-twettiq ta’ l-attività għal rasha ta’ assigurazzjoni diretta mwettqa minn impriżi ta’ l-assigurazzjoni li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li jixtiequ li jkunu stabbiliti hemmhekk fil-klassijiet ta’ assigurazzjoni definiti fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

[...]

3.      Il-klassifika skond il-klassijiet ta’ l-attività imsemmija f’dan l-Artikolu tidher fl-Anness 3.”

13      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 73/239/KEE jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(d)      ‘riskji kbar’ ifissru:

i)      riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 4, 5, 6, 7, 11 u 12 tal-punt A ta’ l‑Anness;

[...]”

14      L-Anness tal-imsemmija direttiva jispeċifika:

“A.      Klassifika tar-riskji skond il-klassijiet ta’ assigurazzjoni

[...]

5.      Inġenji tal-ajru

Il-ħsarat kollha jew it-telf tal-inġenji tal-ajru.

[...]

11.      Ir-responsabbiltà għal inġenji tal-ajru

Ir-responsabbiltà kollha kkawżata mill-użu ta’ inġenji tal-ajru (inkluża ir-responsabbiltà tat-trasportatur).

[...]”

15      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 88/357/KE jipprevedi:

“Il-liġi applikabbli għal kuntratti ta’ assigurazzjoni msemmija f’din id-Direttiva u li jkopru riskji li jinstabu fl-Istati Membri hija determinata skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(f)      fil-każ tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 73/239/KEE, il-partijiet għall-kuntratt jistgħu jagħżlu kwalunkwe liġi.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Fit-30 ta’ Awwissu 2010, E. Prüller-Frey, dak iż-żmien iddomiċiljata u residenti abitwalment fl-Awstrija, taret abbord ta’ gyroplane, mudell “Calidus”, b’toqol massimu fil-mument tad-dekoll (MMD) ta’ 450 kg u ppilotat minn F. Preiss, minn fuq pjantaġġjun tal-aloe vera, bil-għan eventwali li tixtriha.

17      Qabel din it-titjira, F. Preiss, li huwa l-proprjetarju ta’ dan il-gyroplane, talab lil N. Brodnig jassistih fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni bi prezz attraenti. Peress li N. Brodnig kien għamel numru ta’ sigħat ta’ titjir ikbar minn F. Preiss u li l-ammont tal-premium tal-assigurazzjoni jiġi kkalkolat skont in-numru ta’ sigħat ta’ titjir, N. Brodnig, li ddikjara li huwa residenti kemm fi Spanja, fejn kien jgħix sa mill-2007, u kif ukoll jirrisjedi fl-Awstrija, fis-6 ta’ Mejju aċċetta li jikkonkludi, bħala detentur tal-gyroplane inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntratt ta’ assigurazzjoni ma’ Axa, li għandu bħala suġġett il-kopertura multiriskju tar-responsabbiltà ċivili tad-detentur ta’ dan il-gyroplane u tal-passiġġieri tiegħu.

18      Din il-poliza ta’ assigurazzjoni tal-Axa tiddefinixxi għalhekk l-allokazzjoni tal-gyroplane inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala: “titjir kummerċjali, titjir privat, titjir dimostrattiv bil-għan ta’ bejgħ”. Il-kliem tal-imsemmija poliza ta’ assigurazzjoni jispeċifika li hija suġġetta għad-dritt Ġermaniż u li l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi bbażati fuq din tal-aħħar huma “dawk tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja”. Madankollu, din l-istess poliza ta’ assigurazzjoni ma teskludix, kif jispeċifika wkoll il-kliem tagħha, “kapi oħra ta’ ġurisdizzjoni ġudizzjarja obligatorji skont id-dritt Ġermaniż”.

19      Il-gyroplane inkwistjoni fil-kawża prinċipali ddekolla minn Medina Sidonia (Spanja) u kien involut f’inċident viċin Jerez de la Frontera (Spanja).

20      E. Prüller-Frey, li ġarrbet feriti fiżiċi waqt dan l-inċident, ressqet kawża quddiem il-Landesgericht Korneubourg (Qorti reġjonali ta’ Korneubourg) bil-għan li l-konvenuti jiġu kkundannati jħallsuha s-somma ta’ EUR 142 946.40, miżjuda bl-interessi bir-rata ta’ 4 % li bdew jiddekorru mit-2 ta’ Ottubru 2012, kif ukoll li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà in solidum ta’ dawn tal-aħħar għad-danni kollha futuri li għandhom relazzjoni kawżali mal-imsemmi inċident, madankollu r-responsabbiltà għandha tiġi llimitata għal-limitu statutorju fir-rigward ta’ N. Brodnig u għall-ammont assigurat mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward ta’ Axa.

21      Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Landesgericht Korneubourg, il-konvenuti jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali u jżidu li d-dritt Spanjol, u mhux dak Awstrijaku, huwa applikabbli għaliha. Huma jikkunsidraw li l-possibbiltà għal E. Prüller-Frey li tibda azzjoni diretta kontra Axa tiddependi mill-poliza ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, peress li din hija suġġetta għad-dritt Ġermaniż, li jipprojbixxi tali azzjoni, u li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-dritt Spanjol, li ma jikkontemplax il-proċedura tal-azzjoni diretta, ir-rikors ta’ E. Prüller-Frey ser ikollu jiġi miċħud. Madankollu, il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu li l-assigurazzjoni inkwistjoni hija obbligatorja u li l-Konvenzjoni ta’ Montréal ma hijiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

22      Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji f’dak li jirrigwarda l-inapplikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għall-fatti fil-kawża prinċipali, minħabba l-estensjoni tal-applikazzjoni tagħha għat-titjiriet interni skont ir-Regolament Nru 2027/97. F’dan ir-rigward, din il-qorti trid tiddetermina s-sistema ta’ responsabbiltà li għaliha huma suġġetti dawn il-fatti, kif ukoll, fl-ipoteżi fejn din il-konvenzjoni ma tapplikax, jekk l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 864/2007 għandux jiġi interpretat li jawtorizza lil E. Prüller-Frey li tressaq azzjoni diretta kontra Axa skont il-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħżul minn N. Brodnig u Axa.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Korneubourg iddeċidiet, inkunsiderazzjoni tad-dubji li kellha fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tar-Regolament [Nru 2027/97], l-Artikolu 3(ċ) u (g) tar-Regolament [Nru 785/2004] kif ukoll l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-talba għal kumpens tal-persuna leża

–        li kienet tinsab fuq inġenju tal-ajru li kellu bħala postijiet ta’ tluq u ta’ nżul l-istess post li jinsab fi Stat Membru,

–        li ġiet ittrasportata b’xejn mill-pilota,

–        għal titjira ta’ osservazzjoni mill-ajru ta’ proprjetà immobbli, fil-kuntest ta’ proġett ta’ tranżazzjoni ta’ immobbli mal-pilota, u

–        li sostniet feriti minħabba l-waqgħa tal-inġenju tal-ajru,

għandha tiġi eżaminata biss abbażi tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u fis-sens li d-dritt nazzjonali ma huwiex applikabbli?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u l-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 44/2001], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġurisdizzjoni għall-istruttorja u għad-deċiżjoni fuq it-talba għal kumpens imsemmija fl-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata biss abbażi tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal]?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u l-Artikolu 18 tar-Regolament [Nru 864/2007] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-azzjoni diretta tal-persuna leża msemmija fl-ewwel domanda kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tad-dannu?

4)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 7(1)(f) tad-Direttiva [88/357/KEE] u l-Artikolu 18 tar-Regolament [Nru 864/2007] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet tal-azzjoni diretta tal-persuna leża msemmija fl-ewwel domanda kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tad-dannu għandhom jiġu eżaminati abbażi tad-dritt ta’ tielet Stat, meta

–        il-lex loci delicti tipprevedi l-azzjoni diretta fil-liġi tagħha dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni,

–        il-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jagħżlu d-dritt applikabbli, billi jindikaw l-ordinament ġuridiku ta’ tielet Stat,

–        u minn din l-għażla jirriżulta li d-dritt applikabbli huwa dak tal-Istat tas-sede tal-assiguratur, u meta

–        l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat jipprevedi wkoll l-azzjoni diretta fil-liġi tiegħu dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 2027/97 kif ukoll l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhomx jiġu interpretati fis-sens li talba għal kumpens minn persuna li, peress li tkun qiegħda abbord ta’ inġenju tal-ajru li kellu bħala punti ta’ tluq u ta’ nżul l-istess ajruport li jinsab fi Stat Membru, u li tkun ġiet ittrasportata b’xejn b’titjira ta’ osservazzjoni mill-ajru minn fuq proprjetà immobiljari fil-kuntest ta’ proġett ta’ tranżazzjoni ta’ immobbli mal-pilota tal-inġenju tal-ajru, tkun ġarrbet feriti fiżiċi minħabba l-waqgħa tal-inġenju tal-ajru, u li għandha tiġi eżaminata biss abbażi tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, fis-sens li d-dritt nazzjonali ma huwiex applikabbli.

25      Preliminarjament, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Konvenzjoni ta’ Montréal hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2027/97, jimplementa d-dispożizzjonijiet rilevanti għall-Konvenzjoni ta’ Montréal dwar it-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom, u jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet addizzjonali.

27      Għalhekk, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-Konvenzjoni ta’ Montréal hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, għandu jiġi stabbilit jekk din taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2027/97.

28      Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament daħħal fis-seħħ l-imsemmija konvenzjoni għat-trasport bl-ajru fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29      Madankollu, dan l-istess regolament japplika biss għat-“trasportaturi bl-ajru” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tiegħu, jiġifieri għall-impriżi tat-trasport tal-ajru, proprjetarji ta’ liċenzja għall-operar validu, kif ukoll għat-“trasportaturi bl-ajru Komunitarji” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tiegħu, jiġifieri għat-trasportaturi bl-ajru proprjetarji ta’ liċenzja tal-operar valida maħruġa minn Stat Membru konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2407/92.

30      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti ma jaqawx taħt il-kunċett ta’ “trasportatur bl-ajru” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 2027/97, peress li ma humiex impriżi ta’ trasport bl-ajru, proprjetarji ta’ liċenzja tal-operar valida.

31      Barra minn hekk, il-konvenuti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqawx taħt il-kunċett ta’ “trasportatur bl-ajru Komunitarju” skont l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 2027/97, peress li ma humiex trasportaturi bl-ajru proprjetarji ta’ liċenzja tal-operar valida maħruġa minn Stat Membru konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2407/92.

32      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li t-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, saret mingħajr ħlas u fit-territorju ta’ Stat Membru, li kellha bħala għan il-konklużjoni eventwali ta’ tranżazzjoni ta’ immobbli u ma kinitx timplika trasport ta’ passiġġieri bejn ajruporti differenti jew punti ta’ nżul awtorizzati li jikkostitwixxu “titjira lokali” fis-sens tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1008/2008 u li, skont l-Artikolu 3(3)(b) ta’ dan ir-regolament, titjira ta’ dan it-tip ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ detenzjoni ta’ liċenzja tal-operar.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma jitqisux li huma “trasportaturi bl-ajru” u a fortiori li huma “trasportaturi bl-ajru Komunitarji”, skont l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2027/97, il-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

34      Konsegwentement, il-Konvenzjoni ta’ Montréal, li tapplika għat-titjiriet interni fi Stat Membru wieħed bil-kundizzjoni biss li dawn ikunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2027/97, ma tapplikax fil-kawża prinċipali.

35      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 2027/97 u l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu milli tiġi eżaminata abbażi tal-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni t-talba għal kumpens imressqa minn persuna li, filwaqt li hija tkun abbord inġenju tal-ajru li kellu bħala punti ta’ tluq u ta’ nżul l-istess ajruport li jinsab fi Stat Membru, u li ġiet ittrasportata b’xejn b’titjira ta’ osservazzjoni mill-ajru minn fuq proprjetà immobiljari fil-kuntest ta’ proġett ta’ tranżazzjoni ta’ immobbli mal-pilota ta’ dan l-inġenju tal-ajru, tkun ġarrbet feriti fiżiċi minħabba l-waqgħa tal-imsemmi inġenju tal-ajru.

36      Fid-dawl tar-risposta negattiva mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

 Fuq ir-raba’ domanda

37      Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 864/2007 f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għandux jiġi interpretat bħala li jippermetti l-eżerċizzju, minn persuna leża, ta’ azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għall-kumpens, meta din l-azzjoni hija prevista mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, li hija l-bażi tat-talba għal kumpens, indipendentement minn dak previst mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni magħżula mill-partijiet ta’ dan il-kuntratt.

38      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li ma huwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, ir-responsabbiltà għad-dannu kkawżat mill-waqgħa ta’ inġenju tal-ajru jaqa’ taħt il-kategorija ta’ obbligi mhux kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 864/2007.

39      F’dan il-każ, persuna leża għandha l-possibbiltà li taġixxi kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għall-kumpens meta, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 864/2007, ikun previst mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali jew mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni kkonċernat.

40      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 864/2007 ma jikkostitwixxix regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet fir-rigward tad-dritt sostantiv applikabbli għad-determinazzjoni tal-obbligu li għandu l-assiguratur jew il-persuna assigurata skont kuntratt ta’ assigurazzjoni.

41      Dan l-artikolu jillimita ruħu li jippermetti t-tressiq ta’ azzjoni diretta fil-każ fejn waħda mil-liġijiet elenkati tawtorizza din il-possibbiltà.

42      Madankollu, id-dritt għall-persuna leża li taġixxi direttament kontra l-assiguratur jew il-persuna li hija responsabbli għall-kumpens ma għandu l-ebda effett fuq l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni kkonċernat. Bl-istess mod, l-għażla magħmula mill-partijiet, tal-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, ma għandhiex effett fuq id-dritt ta’ din il-persuna leża li tressaq azzjoni diretta skont il-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali.

43      Konsegwentement, bil-għan li jiġi ddeterminat, jekk, f’dan il-każ, E. Prüller-Frey tistax taġixxi direttament kontra Axa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinvestiga jekk il-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iddeterminata konformement għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 864/2007, jew l-liġi applikabbli għal-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn Axa u N. Brodnig, tippermettix it-tressiq ta’ tali azzjoni.

44      F’dan ir-rigward, l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni kkonċernat ma għandux ikun ta’ ostakolu sabiex titressaq azzjoni diretta, jekk ikun il-każ, abbażi tal-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 864/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-eżerċizzju, minn persuna leża, ta’ azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għall-kumpens, meta din l-azzjoni tkun prevista mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement minn dak previst mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni magħżul mill-partijiet f’dan il-kuntratt.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tar-Regolament tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2002, kif ukoll l-Artikolu 1(1) Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu milli tiġi eżaminata abbażi tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, it-talba għal kumpens imressqa minn persuna li, filwaqt li hija tkun abbord inġenju tal-ajru li kellu bħala punti ta’ tluq u ta’ nżul l-istess ajruport li jinsab fi Stat Membru, u li ġiet ittrasportata b’xejn b’titjira ta’ osservazzjoni mill-ajru minn fuq proprjetà immobiljari fil-kuntest ta’ proġett ta’ tranżazzjoni ta’ immobbli mal-pilota ta’ dan l-inġenju tal-ajru, ġarrbet feriti fiżiċi minħabba l-waqgħa tal-imsemmi inġenju tal-ajru.

2)      L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-eżerċizzju, minn persuna leża, ta’ azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għall-kumpens, meta din l-azzjoni tkun prevista mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement minn dak previst mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni magħżul mill-partijiet f’dan il-kuntratt.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.