Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Sharpston

ippreżentati fis-26 ta’ Frar 2015 (1)

Kawża C‑176/13 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Bank Mellat

u

Kawża C‑200/13 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Bank Saderat Iran

“Appelli – Miżuri restrittivi kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari – Persuni u entitajiet suġġetti għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi – Dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet għall-miżuri li jinkludu fil-lista lill-appellanti – Proċedura għall-adozzjoni tal-miżuri – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”





1.        Dawn iż-żewġ appelli relatati huma ppreżentati mill-Kunsill (tal-Unjoni Ewropea jew l-“UE”) kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali (2) li annullaw diversi miżuri tal-Kunsill sa fejn kienu jinkludu l-ismijiet ta’ żewġ banek Iranjani (Bank Mellat u Bank Saderat Iran; iktar ’il quddiem “il-banek”) f’listi ta’ persuni jew entitajiet li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom kellhom jiġu ffriżati fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari.

2.        Il-Kunsill isostni b’mod partikolari li f’dawk is-sentenzi l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi:

–        ippermettiet lill-banek (li l-Kunsill iqis bħala emanazzjonijiet tal-Istat Iranjan) jinvokaw il-protezzjoni u l-garanziji relatati ma’ drittijiet fundamentali;

–        eżaminat kull element fid-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet tal-Kunsill separatament minflok flimkien fl-intier tagħhom;

–        qieset li l-banek missu kellhom aċċess għal proposti ta’ inklużjoni mibgħuta minn Stati Membri;

–        eżiġiet li l-Kunsill jeżamina r-rilevanza u l-validità tal-provi qabel l-adozzjoni inizjali tiegħu ta’ deċiżjoni ta’ inklużjoni; u

–        naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni riżoluzzjonijiet (UNSCRs) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem “il-Kunsill tas-Sigurtà”) u l-fatt li ċerta informazzjoni kienet ġiet minn sorsi u rapporti ta’ tagħrif kunfidenzjali.

 Sfond politiku u legali

3.        Fil-UNSCR 1737 (3), il-Kunsill tas-Sigurtà esprima tħassib serju dwar il-programm nukleari tal-Iran u ddeċieda, fil-punt 12, li l-Istati kollha kellhom jiffriżaw fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi li kienu proprjetà ta’, jew li kienu kkontrollati minn persuni jew entitajiet indikati fl-anness tagħha bħala li kellhom x’jaqsmu f’diversi modi ma’ dak il-programm. Fost l-entitajiet indikati kien hemm l-Atomic Energy Organisation of Iran (iktar ’il quddiem “AEOI”), Mesbah Energy Company (iktar ’il quddiem “MEC”) u d-Defence Industries Organisation (iktar ’il quddiem “DIO”). Il-UNSCR 1747 (4) elenkat ukoll lill-Kumpannija tal-Enerġija Novin (iktar ’il quddiem “Novin”) u għadd ta’ entitajiet imsieħba mal-Aerospace Industries Organisation (iktar ’il quddiem “AIO”), inkluż Sanam Industrial Group (iktar ’il quddiem “SIG”). La l-AIO nfisha u lanqas il-banek ma kienu indikati f’dik ir-riżoluzzjoni, u lanqas ma kienu indikati fi jew skont UNSCRs sussegwenti.

4.        Il-Kunsill tal-UE implementa dawk il-UNSCRs b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 (5), li kien jeżiġi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu ffriżati. Dawk fl-Anness IV kienu ġew indikati skont il-punt 12 tal-UNSCR 1737, filwaqt li dawk fl-Anness V kienu identifikati li:

“(a)      kienu involuti fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet nukleari ta’ l-Iran sensittivi għall-proliferazzjoni, jew

(b)      kienu involuti fi, assoċjati direttament [ma’], jew [kienu] jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp [mill]-Iran ta’ sistemi ta’ konsenja [...] ta’ armi nukleari, jew

(c)      jaġixxu f’isem jew skond id-direzzjoni ta’ persuna, entità jew korp [imsemmija] taħt (a) jew (b), jew

(d)      huma persuna ġuridika, entità jew korp proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuna, entità jew korp imsemmija taħt (a) jew (b), inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti.”

5.        Għall-bidu, il-banek ma kinux elenkati fl-Anness V.

6.        L-Artikolu 7(3) kien jipprojbixxi li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi IV u V. Madankollu, l-Artikolu 12(2) kien jispeċifika li dik il-projbizzjoni ma kellhiex toħloq responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip min-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet ikkonċernati, jekk ma kinux jafu u ma kellhom l-ebda kawża raġonevoli biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu jiksruha.

7.        Filwaqt li nnota li l-Iran kien naqas kemm milli jikkoopera, kif ukoll milli jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem “IAEA”) u ma’ UNSCRs, u kien bena faċilità ta’ arrikkiment f’Qom, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta l-UNSCR 1929 (6). Fil-punt 21, huwa appella lill-Istati Membri kollha biex “jostakolaw il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji”, inklużi trasferimenti ta’ assi jew riżorsi, jekk kien ikollhom “informazzjoni li raġonevolment tagħti lok sabiex wieħed jemmen li servizzi, assi jew riżorsi bħal dawn jisgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari tal-Iran sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni, [… ], inkluż bl-iffriżar ta’ kull assi jew riżorsa fit-territorji tagħhom […] li jkunu relatati ma’ attivitajiet bħal dawn […] u billi japplikaw monitoraġġ avanzat biex jevitaw dawn l-operazzjonijiet kollha […]”. L-Anness I ta’ dik ir-riżoluzzjoni elenka individwi u entitajiet involuti f’attivitajiet nukleari missilistiċi jew ballistiċi, inkluż “First East Export Bank, PLC [(‘FEE Bank’), li] hija ta’ proprjetà jew ikkontrollata minn, jew taġixxi f’isem, il-Bank Mellat. Matul l-aħħar seba’ snin, il-Bank Mellat iffaċilita mijiet ta’ miljuni ta’ dollari fi tranżazzjonijiet għal entitajiet nukleari, missilistiċi, u ta’ difiża Iranjani”.

8.        Il-Kunsill tal-UE mbagħad adotta d-Deċiżjoni 2010/413 (7). L-Artikolu 20(1)(a) u (b) ta’ dik id-deċiżjoni jeżiġi l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-, huma l-proprjetà ta’, miżmuma jew huma kkontrollati, direttament jew indirettament mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Annessi I u II. Dawk fl-Anness I (Artikolu 20(1)(a)) kienu indikati skont il-UNSCRs applikabbli, filwaqt li dawk fl-Anness II (Artikolu 20(1)(b)) kienu

“[…] impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, inkluż permezz ta’ involviment fl-akkwist tal-oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjal u teknoloġija pprojbiti, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, jew persuni u entitajiet li għenu lil persuni jew entitajiet indikati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR 1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) [(8)] u UNSCR 1929 (2010) jew din id-Deċiżjoni kif ukoll membri għolja oħra u entitajiet tal-IRGC, u ta’ entitajiet oħra tal-IRISL u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f’isimhom, kif elenkati fl-Anness II.”

9.        L-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413 jgħid: “Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità fuq proposta mill-Istati Membri jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi l-lista fl-Annessi II u jadotta modifiki għaliha”.

10.      Il-banek huma t-tnejn elenkati fl-Anness II.

11.      Ir-raġunijiet iddikjarati għall-Bank Mellat huma: “Il-Bank Mellat huwa bank ippossedut mill-Istat Iranjan. Il-Bank Mellat jimpenja ruħu fi stil ta’ mġiba li tappoġġa u tiffaċilita l-programmi fir-rigward tal-missili nukleari u ballistiċi tal-Iran. Huwa pprovda servizzi bankarji lill-entitajiet elenkati min-NU u l-UE jew lil entitajiet li jaġixxu għan-nom tagħhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew lil entitajiet ipposeduti jew ikkontrollati minnhom. Huwa l-bank matriċi tal-First East Export Bank li huwa indikat taħt il-UNSCR 1929.”

12.      Għall-Bank Saderat Iran, ir-raġunijiet iddikjarati huma: “Il-Bank Saderat huwa kumpannija pposseduta mill-Istat Iranjan (ipposseduta 94 % mill-Gvern tal-IRAN). Il-Bank Saderat ipprovda servizzi finanzjarji għal entitajiet li jipprokuraw f’isem il-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran, inklużi entitajiet indikati taħt il-UNSCR 1737. Il-Bank Saderat ittratta ħlasijiet u ittri ta’ kreditu ta’ DIO (sanzjonata fil-UNSCR 1737) u Iran Electronics Industries [‘IEI’] sad-data riċenti ta’ Marzu 2009. Fl-2003 l-Bank Saderat ittratta ittri ta’ kreditu f’isem [MEC] Iranjana relatata man-nukleari (sussegwentement sanzjonata fil-UNS[C]R 1737).”

13.      Fl-istess waqt, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 (9) żied il-banek mal-lista fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Ir-raġunijiet mogħtija huma l-istess bħal fid-Deċiżjoni 2010/413.

14.      Fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill irreveda l-miżuri restrittivi fis-seħħ billi adotta d-Deċiżjoni 2010/644 (10) u r-Regolament Nru 961/2010 (11).

15.      Fil-preambolu tad-Deċiżjoni 2010/644, il-Kunsill qal li kien wettaq reviżjoni sħiħa tal-lista ta’ persuni u entitajiet kif tidher fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK, billi ħa kont ta’ osservazzjonijiet ippreżentati minn dawk ikkonċernati. Il-Kunsill kien ikkonkluda li, ħlief għal żewġ eċċezzjonijiet, il-persuni u l-entitajiet elenkati kellhom jibqgħu suġġetti għall-miżuri restrittivi speċifiċi previsti fid-Deċiżjoni 2010/413, u li d-daħliet li jikkonċernaw ċerti entitajiet kellhom jiġu emendati. Il-banek komplew jiġu inklużi fil-lista fl-Anness II il-ġdid tad-Deċiżjoni 2010/413, bir-raġunijiet miġjuba jkunu essenzjalment l-istess bħal tal-verżjoni preċedenti, ħlief li l-Bank Mellat ma kienx għadu mniżżel bħala proprjetà tal-Istat, u l-Bank Saderat Iran tniżżel li kien sempliċement “ippossedut parzjalment mill-Gvern Iranjan”, filwaqt li tħassar ir-riferiment preċedenti għal proprjetà ta’ 94 % .

16.      L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 961/2010 tenna l-kriterji tal-Artikolu 20(1)(a) tad-Deċiżjoni 2010/413 (indikazzjoni skont UNSCRs) u pprovda għal dawk ikkonċernati biex ikunu elenkati fl-Anness VII, filwaqt li l-Artikolu 16(2)(a) u (b) tenna l-kriterji tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u pprovda għal dawk ikkonċernati sabiex ikunu elenkati fl-Anness VIII. L-Artikolu 32(2) pprovda għall-istess eżenzjoni minn responsabbiltà bħall-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 423/2007. Il-banek kienu elenkati fl-Anness VIII, bir-raġunijiet mogħtija jkunu identiċi għal dawk fl-Anness II l-ġdid tad-Deċiżjoni 2010/413.

17.      Fl-ewwel ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/783 (12) u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 (13), li emenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 rispettivament. Fil-preambolu għal kull miżura, huwa qal li kien wettaq reviżjoni sħiħa tal-lista kif tidher fl-anness rilevanti, billi ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati minn dawk ikkonċernati u kien ikkonkluda li l-persuni u l-entitajiet elenkati kellhom jibqgħu suġġetti għall-miżuri restrittivi speċifiċi previsti.

18.      Fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 267/2012 (14). Hawn ukoll l-Artikolu 23(1) jeżiġi l-iffriżar tal-assi ta’ dawk indikati skont UNSCRs, elenkati fl-Anness VIII, filwaqt li l-Artikolu 23(2) jeżiġi l-iffriżar tal-assi ta’ dawk elenkati fl-Anness IX. Il-kriterji tal-Artikolu 23(2)(a) u (b) huma fil-qofol l-istess bħal tal-Artikolu 16(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 961/2010, filwaqt li żdiedu iktar kriterji fl-Artikolu 23(2)(c), (d) u (e), li minnhom (d) biss jidher li huwa rilevanti għal entitajiet bħalma huma l-banek. Ir-Regolament ikopri dawk identifikati bħala li: “huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u lill-persuni u entitajiet assoċjati magħhom”. L-Artikolu 42(2) jipprovdi għall-istess eżenzjoni minn responsabbiltà bħal l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 423/2007. Il-banek reġgħu ġew it-tnejn elenkati fl-Anness IX ta’ dak ir-regolament. Ir-raġunijiet mogħtija huma l-istess bħal dawk mogħtija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644.

19.      Għadd ta’ derogi limitati mill-obbligi ta’ ffriżar ta’ assi kienu stabbiliti wkoll fil-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 423/2007, fl-Artikolu 20(6) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 267/2012. Kull waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet essenzjalment tippermetti lil awtoritajiet nazzjonali jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ assi ffriżati sabiex isir pagament dovut minn persuna, entità jew korp elenkati lil parti oħra, meta l-pagament ikun dovut minħabba obbligu li kien dovut jew li qam qabel id-data li fiha kienet saret il-lista u li ma jikkontribwixxi għal ebda operazzjoni li tinvolvi prodotti jew teknoloġija relatati ma’ żvilupp nukleari jew attività oħra pprojbita.

 Ġabra fil-qosor tal-proċedura fl-ewwel istanza u tas-sentenzi fl-appell

20.      Fis-7 ta’ Ottubru 2010, il-banek fetħu kawżi separati, għalkemm kellhom essenzjalment l-istess kwistjonijiet u argumenti, quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex jikkontestaw l-inklużjoni rispettiva tagħhom fil-listi, għall-bidu, fl-annessi tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010. Matul il-proċeduri, filwaqt li ġew adottati iktar miżuri ġodda, huma aġġustaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-annullament mitlub li jinkludi l-annessi tad-Deċiżjoni 2010/644, tar-Regolament Nru 961/2010, tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawk il-miżuri kienu jikkonċernawhom. Dawk l-aġġustamenti kienu aċċettati mill-Qorti Ġenerali, u ma hemmx dubji dwarhom. Il-Kummissjoni intervjeniet insostenn tal-Kunsill fiż-żewġ kawżi.

21.      Il-Qorti Ġenerali l-ewwel eżaminat il-kontenzjoni tal-istituzzjonijiet li l-banek ma setgħux, bħala emanazzjonijiet tal-Istat Iranjan, jinvokaw il-protezzjoni u l-garanziji relatati ma’ drittijiet fundamentali.

22.      Filwaqt li ċaħdet dik il-kontenzjoni, il-Qorti Ġenerali għaddiet sabiex teżamina l-ewwel motiv tal-banek (ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva) f’ħames stadji: jekk il-banek setgħux jinvokaw drittijiet tad-difiża; l-obbligu ta’ motivazzjoni u drittijiet tad-difiża b’rabta mal-iżvelar inizjali tal-provi; drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-aċċess għall-fajl tal-Kunsill; drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-opportunità tal-banek li jiddikjaraw il-perspettiva tagħhom u d-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva; u l-iżbalji li allegatament kien hemm li jivvizzjaw l-eżami u l-eżami mill-ġdid tal-Kunsill. Il-Qorti Ġenerali laqgħet dak il-motiv sa fejn kien jikkonċerna d-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010, id-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernaw lill-banek.

23.      Imbagħad il-Qorti Ġenerali qieset it-tieni motiv (żball manifest ta’ evalwazzjoni), billi kkonkludiet f’kull kawża li fatti bħal dawn kif kienu stabbiliti mill-Kunsill ma kinux jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi.

24.      Wara l-eżami tal-ewwel żewġ motivi, il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li l-miżuri kollha kkontestati kellhom jiġi annullati sa fejn kienu jikkonċernaw lill-banek. Għalhekk kien jeħtieġ jiġi eżaminat it-tielet motiv (ksur tad-dritt għall-proprjetà u, f’dak ir-rigward, il-prinċipju ta’ proporzjonalità).

25.      Fil-kawża tal-Bank Saderat Iran, il-Qorti Ġenerali indirizzat ukoll l-allegazzjoni tal-bank li r-Regolament Nru 267/2012 kien deċiżjoni fil-forma ta’ regolament. Hija ddeċidiet li r-Regolament Nru 267/2012 tabilħaqq kien ta’ natura ta’ regolament, biex b’hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem “l-Istatut”), l-annullament tiegħu kien ġie sospiż għal xahrejn u għaxart ijiem, li matulhom il-Kunsill seta’ jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta miżuri restrittivi ġodda (jew, impliċitament, jippreżenta appell). L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644 u bid-Deċiżjoni 2011/783, konsegwentement inżammu fis-seħħ fir-rigward tal-bank sakemm l-annullament tar-Regolament Nru 267/2012 ikollu effett.

 Allegazzjonijiet u sottomissjonijiet fl-appell

26.      Il-Kunsill, bis-sostenn tal-Kummissjoni u r-Renju Unit, bħala intervenjenti, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tħassar is-sentenzi appellati, sabiex tiċħad ir-rikorsi fl-ewwel istanza kif ukoll tikkundanna lil kull bank għall-ispejjeż fil-kawża tiegħu kemm fl-ewwel istanza, kif ukoll fl-appell. Il-banek jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. Il-Bank Saderat Iran ippreżenta wkoll appell inċidentali, fejn talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tħassar parzjalment is-sentenza appellata fil-kawża tiegħu, tannulla l-miżuri kkontestati kollha sa fejn japplikaw għall-bank u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-bank fl-appell inċidentali.

27.      Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt fl-evalwazzjoni ta’ (i) il-jedd tal-banek għal protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u, b’hekk, l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet fl-ewwel istanza, (ii) l-obbligu tal-Kunsill li jiddikjara l-motivazzjonijiet, (iii) id-drittijiet tal-banek għal aċċess għall-fajl, (iv) allegati difetti fl-evalwazzjoni tal-fatti mill-Kunsill u (v) l-aggravju ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dwar dawk ir-raġunijiet, ir-Renju Unit jissottometti osservazzjonijiet insostenn ta’ (ii), (iii) u (v), filwaqt li l-Kummissjoni ssostni (ii) sa (v).

28.      Il-banek iqisu l-ħames raġunijiet kollha bħala mingħajr bażi iżda, flimkien ma’ dan, il-Bank Mellat jeċċepixxi l-ammissibbiltà tal-appell kollu kemm hu fil-kawża tiegħu. Fl-appell inċidentali tiegħu, il-Bank Saderat Iran isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li (i) id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 kienu bbażati fuq “provi dwar ir-rikorrent” u (ii) it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut kien japplika għar-Regolament Nru 267/2012, li wassalha sabiex tislet konklużjonijiet mhux ġustifikati dwarhom it-tnejn.

29.      Ser nittratta dawk il-kwistjonijiet fl-ordni stabbilit fiż-żewġ punti preċedenti.

 Ammissibbiltà tal-appell (Kawża C‑176/13 P)

30.      Is-sentenza appellata kienet innotifikata lill-partijiet fit-30 ta’ Jannar 2013. Il-Bank Mellat isostni li, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut, kull appell kellu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn, sat-30 ta’ Marzu 2013. L-appell ġie ppreżentat fid-9 ta’ April 2013 u huwa, għalhekk, inammissibbli. L-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jestendi termini proċedurali għal raġuni ta’ distanza b’perijodu wieħed ta’ għaxart ijiem, ma huwa ta’ ebda siwi. Ir-riferiment għal distanza f’dik id-dispożizzjoni għandu jkollu tifsira: jara li jiżgura li l-partijiet ma jkunux żvantaġġati minħabba d-distanza tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja (15) jew minħabba li baqgħu jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni mhux elettroniċi. Il-Kunsill, madankollu, bl-ebda mod ma jinsab ’il bogħod mill-Qorti tal-Ġustizzja u juża mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi. Ir-regola tal-Artikolu 56 tal-Istatut għandha, għalhekk, tiġi applikata strettament.

31.      Il-Kunsill jirrispondi li l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura huwa ċar u preċiż. Japplika ugwalment għall-partijiet kollha, kemm fi kliemu kif ukoll fil-prattika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sentenza BASF tal-1994, imsemmija mill-bank, kienet ibbażata fuq deċiżjoni li llum ma għadhiex tintuża, tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ddistingwiet bejn partijiet skont il-post fejn ikunu stabbiliti.

32.      Insibha daqsxejn ta’ sfortuna li r-Regoli tal-Proċedura għandhom ikomplu jirreferu għal estensjoni tat-termini proċedurali “għal raġuni ta’ distanza”. Dak it-terminu kien tajjeb qabel l-2000, meta estensjonijiet differenti minn xulxin ta’ jumejn u xahar kienu stabbiliti fl-Anness II ta’ dawn ir-Regoli, għall-“partijiet kollha ħlief għal dawk abitwalment residenti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu”. Id-differenza kienet introdotta f’data bikrija (16), meta s-servizzi postali kienu tali li d-distanza fiżika mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet fattur sinjifikattiv li kien jaffettwa l-konformità mat-termini. Is-sostituzzjoni ta’ dawk l-estensjonijiet b’“perijodu wieħed ta’ għaxart ijiem” b’mod ċar neħħiet kull kunsiderazzjoni ta’ distanza vis-à-vis il-Qorti tal-Ġustizzja bħala vantaġġ jew żvantaġġ proċedurali u (fil-kuntest ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni rapidi u anki istantanji ġeneralment disponibbli kważi għalkollox indipendenti minn distanza) fittxet li terġa’ toħloq kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd, mingħajr ebda riferiment għall-post tar-residenza jew l-istabbiliment ta’ parti. Tabilħaqq, il-fatt li l-kliem “għal raġunijiet ta’ distanza” baqa’ jeżisti għandu jitqies li huwa fdal ta’ żmien imgħoddi li ma għandu l-ebda funzjoni fir-Regoli tal-Proċedura moderni – iktar u iktar minħabba li ma hemm ebda mod konċepibbli kif jiġi ddeterminat liema grad ta’ “distanza” jista’ jew ma jistax jagħti lok għal estensjoni ta’ termini.

33.      Meqjus dan, it-test attwali tal-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura fil-fatt jgħid li t-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem. Għalhekk inqis li l-appell kien ippreżentat fil-waqt, fil-perijodu ta’ xahrejn estiżi b’għaxart ijiem kif stabbilit mill-Artikolu 56 tal-Istatut u mill-51 tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija flimkien. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Bank Mellat hija infondata.

 Jedd għal protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (ammissibbiltà tar-rikorsi fl-ewwel istanza)

34.      Fiż-żewġ sentenzi (17), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fis-sens li l-banek ma setgħux, bħala emanazzjonijiet tal-Istat Iranjan, jinvokaw il-protezzjoni u l-garanziji relatati ma’ drittijiet fundamentali. Hija osservat li xejn fit-Trattati jew fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (18) ma jeskludi persuni ġuridiċi li jkunu emanazzjonijiet ta’ Stati mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; tabilħaqq, il-Karta tiggarantixxi d-drittijiet ta’ “kulħadd”. L-Artikolu 34 tal-KEDB (19), li fuqu straħu l-istituzzjonijiet, kien dispożizzjoni proċedurali li ma kinitx tħalli lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem taċċetta rikorsi mingħand organizzazzjonijiet governattivi, sabiex parti Statali fil-QEDB ma setgħetx tkun kemm rikorrenti kif ukoll konvenuta quddiem dik il-qorti; ma kienx applikabbli għall-qrati tal-Unjoni Ewropea jew għal dawn il-kawżi. L-argument li Stat ma jistax huwa stess igawdi drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu ma kien ta’ ebda rilevanza fir-rigward ta’ drittijiet li għalihom emanazzjonijiet ta’ Stat setgħu jkunu intitolati fit-territorju ta’ Stati oħra. Konsegwentement, persuni ġuridiċi li jkunu emanazzjonijiet ta’ pajjiżi li ma jkunux membri jistgħu jinvokaw il-protezzjoni u l-garanziji relatati ma’ drittijiet fundamentali, sa fejn dawk id-drittijiet ikunu kompatibbli mal-istatus tagħhom bħala persuni ġuridiċi. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-istituzzjonijiet ma pprovawx li l-banek kienu fil-fatt emanazzjonijiet tal-Istat Iranjan, jiġifieri, entitajiet li kienu jipparteċipaw fl-eżerċizzju ta’ setgħat governattivi jew li kienu jamministraw servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-gvern; l-attivitajiet tagħhom kienu ta’ natura kummerċjali, u s-sehem tal-Istat kienet f’kull wieħed mill-każijiet ta’ azzjonista minoritarju.

35.      Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi fiż-żewġ konklużjonijiet tagħha.

36.      Dwar l-ewwel punt, il-Kunsill jaċċetta li persuni ġuridiċi jistgħu jgawdu minn drittijiet fundamentali u li Stati jistgħu jgawdu minn drittijiet proċedurali; iżda Stati ma jistgħux igawdu minn drittijiet fundamentali. L-Artikolu 34 tal-KEDB ma huwiex regola proċedurali limitata għal dik il-Konvenzjoni. Stat għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jkunu fil-ġurisdizzjoni tiegħu, iżda ma jistax igawdi minn dawk id-drittijiet huwa stess. Lanqas ma jista’ Stat sovran jiġi taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat ieħor skont it-tifsira tal-KEDB. Il-Qrati tal-Unjoni Ewropea ma kinux intiżi sabiex isolvu tilwimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi mhux membri dwar id-drittijiet għall-proprjetà ta’ dawn tal-aħħar. Għalkemm ma hemmx dispożizzjoni espressa bħal dik tal-Artikolu 34 tal-KEDB fit-Trattati tal-Unjoni jew fil-Karta, għandu japplika l-istess prinċipju fid-dritt tal-Unjoni, kemm jekk il-persuni ġuridiċi kkonċernati jkunu Stati Membri, pajjiżi mhux membri jew organizzazzjonijiet governattivi jew entitajiet tal-wieħed jew tal-ieħor.

37.      Dwar it-tieni punt, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem turi li l-kuntest speċifiku, fattwali u legali għandu jkun evalwat sewwa sabiex ikun iddeterminat jekk entità tkunx governattiva jew mhux governattiva. Il-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti pproponiet definizzjonijiet ta’ “Stat” li jkopru strumentalitajiet tal-Istat jew entitajiet oħra li jwettqu atti fl-eżerċizzju tal-awtorità sovrana, inklużi intrapriżi Statali jew entitajiet oħra li jwettqu operazzjonijiet kummerċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll iddeċidiet (20) dwar il-kunċett tal-Istat, billi qieset li miżura ta’ għajnuna meħuda minn intrapriża pubblika tista’ tkun attribwita lill-Istat b’inferenza miċ-ċirkustanzi u l-kuntest, inklużi r-rabtiet bejn impriża u l-Istat; il-fatt biss li impriża pubblika tieħu l-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju skont il-liġi ordinarja ma jipprekludix miżura ta’ għajnuna meħuda minn kumpannija bħal dik milli tkun attribwibbli lill-Istat. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tqis il-fatt li, għalkemm is-sehem azzjonarju tiegħu issa huwa biss ta’ 20 % fil-Bank Mellat u ta’ 33 % fil-Bank Saderat Iran, il-Gvern Iranjan għad għandu influwenza predominanti, minħabba li l-ishma azzjonarji l-oħra huma mxerrdin ħafna.

38.      Fl-aħħar nett il-Kunsill jgħid li l-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà fl-ewwel istanza kienet tapplika għall-motivi kollha invokati mill-banek, minħabba li r-rikorsi tagħhom kienu intiżi sabiex jiksbu annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-iffriżar tal-assi tagħhom, li kien jikkostitwixxi interferenza (għalkemm iġġustifikata) fid-dritt fundamentali għall-proprjetà.

39.      Il-banek isostnu, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali sabet bħala fatt, inkontestabbli fl-appell, li huma ma kinux emanazzjonijiet tal-Istat Iranjan.

40.      It-tieni nett, dawk il-fatti li nstabu kienu f’kull każ korretti. Xejn mill-provi li tressqu ma indika xi ħaġa iktar minn sehem azzjonarju minoritarju tal-Istat. Barra minn hekk, il-Kunsill jinterpreta ħażin id-definizzjonijiet ta’ “Stat” mogħtija mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali. Dak il-korp fil-fatt qal li entitajiet li jwettqu operazzjonijiet kummerċjali jistgħu teoretikament ikunu emanazzjonijiet tal-Istat jekk iwettqu funzjonijiet governattivi – iżda l-banek ma jwettqu l-ebda funzjoni bħal din. Il-kawża Stardust hija irrilevanti minħabba li ma ġiex stabbilit li xi wieħed miż-żewġ banek aġixxa fuq l-istruzzjonijiet tal-Istat Iranjan. Fil-każ tal-Bank Mellat, barra minn hekk, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit ikkonfermat li l-bank ma kienx suġġett għall-kontroll tal-gvern u ma kienx emanazzjoni tal-Istat (21).

41.      It-tielet nett, il-banek iqisu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li emanazzjonijiet ta’ pajjiżi li ma humiex membri jistgħu jinvokaw il-protezzjoni u l-garanziji relatati ma’ drittijiet fundamentali. Il-Karta tiggarantixxi d-drittijiet ta’ “kulħadd”. Lanqas ma għandu l-prinċipju li huwa l-bażi tal-Artikolu 34 tal-KEDB japplika fid-dritt tal-Unjoni. L-ispjegazzjoni għall-Artikolu 47 tal-Karta (“Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”) tgħid b’mod ċar li l-protezzjoni hija iktar estensiva fid-dritt tal-Unjoni milli fil-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, irrikonoxxiet b’mod sistematiku d-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri f’litigazzjoni quddiemha.

42.      Fl-aħħar nett, anki kieku l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-fatt u fil-liġi, dan ma kienx ikollu impatt fuq ir-riżultat tas-sentenzi appellati. Il-pożizzjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq il-fatt li l-banek straħu fuq drittijiet għall-proprjetà fl-ewwel istanza. Madankollu, dak kien jikkonċerna biss it-tielet motiv f’kull waħda mill-kawżi, li ma kienx eżaminat mill-Qorti Ġenerali. Ir-raġunijiet li minħabba fihom il-Qorti Ġenerali annullat il-miżuri kkontestati kollha kienu relatati ma’ ksur ta’ rekwiżiti proċedurali invokati barra mill-qafas tad-drittijiet tal-bniedem jew fundamentali, u l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati jistgħu jistrieħu fuq rekwiżiti bħal dawn.

43.      Ma naqbilx mall-argument tal-Kunsill li Stati (u l-emanazzjonijiet tagħhom) ma jistgħux igawdu minn drittijiet fundamentali.

44.      Kemm l-Artikolu 34 tal-KEDB u l-kawża Stardust jidhru li huma rrilevanti. Il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta nnotat li l-Artikolu 34 tal-QEDB huwa regola proċedurali b’għan speċifiku b’rabta ma’ proċeduri quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, mhux espressjoni ta’ prinċipju ġenerali applikabbli wkoll fid-dritt kollu tal-Unjoni (22). Jekk għotja ta’ għajnuna tistax tiġi attribwita lil Stat Membru ma għandu l-ebda konsegwenza fuq jekk l-entità li tagħti l-għajnuna għandhiex titqies li hija emanazzjoni tal-Istat għal għanijiet oħra.

45.      Barra dan, kif il-banek innotaw, ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali fil-fatt annullat il-miżuri kkontestati kienu relatati ma’ rekwiżiti proċedurali li kull parti li jittieħdu miżuri restrittivi kontra tagħha tista’ tistrieħ fuqhom, irrispettivament mill-istatus tagħha. Jekk il-banek kinux jew ma kinux emanazzjonijiet tal-Istat Iranjan, għalhekk, ma taffettwax il-validità tar-raġunijiet għall-annullament (23).

46.      Fl-aħħar nett, ma huwiex effettiv l-argument tal-Kunsill li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-istituzzjonijiet ma kinux stabbilew li l-banek kienu emanazzjonijiet tal-Istat. Hija ġurisprudenza stabbilita li lmenti dwar parti mir-raġunament f’sentenza li tkun superfluwa ma jistgħux iservu bħala bażi biex dik is-sentenza titħassar (24). Bħalma huwa ċar mis-sentenzi appellati (25), il-Qorti Ġenerali qieset jekk il-banek kinux fil-fatt emanazzjonijiet tal-Istat Iranjan biss f’ġieħ il-kompletezza, wara li ma laqgħetx l-argument tal-Kunsill li l-banek ma setgħux jistrieħu fuq il-protezzjoni u l-garanziji ta’ drittijiet fundamentali.

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex meħtieġ li jiġi indirizzat l-argument tal-banek li l-Kunsill qiegħed jikkontesta dak li nstab bħala fatt mill-Qorti Ġenerali.

 Obbligu ta’ dikjarazzjoni ta’ motivazzjonijiet

48.      Il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma (26) li kellhom jiġu kkunsidrati ż-żewġ raġunijiet iddikjarati fil-miżuri kkontestati u t-tliet proposti għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi mibgħuta lill-banek mill-Kunsill. Il-miżuri restrittivi kienu bbażati fuq il-proposti. Madankollu, fil-każ tal-Bank Mellat, it-tielet proposta u, fil-każ tal-Bank Saderat Iran, it-tliet proposti kollha kienu żvelati wara li kienu tressqu r-rikorsi u t-talbiet kienu ġew adattati sabiex ikopru d-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010. Għalhekk setgħu jiġu kkunsidrati biss sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012.

49.      Fir-rigward tal-Bank Mellat (27), il-Qorti Ġenerali identifikat fis-seba’ raġunijiet kollha għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (l-ewwel erbgħa ddikjarati fil-miżuri kkontestati, l-aħħar tlieta fiż-żewġ proposti nnotifikati fit-13 ta’ Settembru 2010):

(i)      skont id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010, il-bank huwa proprjetà tal-Istat;

(ii)      kien involut f’tendenza ta’ aġir li jgħin u jiffaċilita l-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran;

(iii) kien ipprovda servizzi bankarji lil entitajiet elenkati tal-UE u tan-NU, entitajiet li jaġixxu f’isimhom proprju jew diretti minnhom, jew entitajiet proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom;

(iv)      kien il-bank parent ta’ FEE Bank, indikat fil-UNSCR 1929;

(v)      ipprovda servizzi bankarji lil AEOI u Novin, it-tnejn suġġetti għal miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà;

(vi)      jamministra l-kontijiet ta’ uffiċjali tal-AIO u ta’ aġent ta’ akkwisti Iranjan;

(vii) sa mill-inqas 2003 kien iffaċilita l-moviment ta’ miljuni ta’ dollari għall-programm nukleari Iranjani.

50.      Minn dawk ir-raġunijiet il-Qorti Ġenerali sabet li (i), (iv) u (v) kienu ddettaljati biżżejjed, iżda (ii), (iii), (vi) u (vii) ma kinux, biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, jiġifieri, li jagħtu informazzjoni biżżejjed għall-persuna kkonċernata sabiex tiddetermina jekk il-miżura kellhiex bażi tajba jew kinitx ivvizzjata minn żball, u sabiex il-Qrati jirrevedu l-legalità tagħha.

51.      Fil-każ tal-Bank Saderat Iran (28), kienu identifikati ħames raġunijiet (l-ewwel erbgħa kienu ddikjarati fil-miżuri kkontestati, il-ħames kienet iddikjarata biss fit-tielet proposta għal-listi, innotifikati bħala anness għar-replika):

(i)      il-bank kien proprjetà tal-Istat Iranjan (94 % jew “parzjalment”, skont miżuri differenti);

(ii)      kien ipprovda servizzi finanzjarji lil entitajiet li kienu jagħmlu akkwisti f’isem il-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran, inklużi entitajiet suġġetti għall-UNSCR 1737;

(iii) f’Marzu 2009 kien għadu qed jittratta ħlasijiet u ittri ta’ kreditu ta’ DIO u IEI, it-tnejn suġġetti għal miżuri restrittivi;

(iv)      fl-2003, ittratta ittri ta’ kreditu għal MEC, li kellha rabta mal-programm nukleari Iranjan;

(v)      ipprovda servizzi finanzjarji lil SIG.

52.      Il-Qorti Ġenerali sabet li (i), (iii), (iv) (v) kienu ddettaljati biżżejjed. Hija qieset li (ii) ma kinitx allegazzjoni ġenerali ssupplimentata u illustrata mir-raġunijiet li ġejjin, iżda pjuttost raġuni indipendenti u, bħala tali, eċċessivament vaga, minħabba li ma tidentifikax l-entitajiet li lilhom kienu ngħataw servizzi finanzjarji.

53.      Konsegwentement, fir-rigward tar-raġunijiet (ii), (iii), (vi) u (vii) dwar il-Bank Mellat u tar-raġuni (ii) fil-każ tal-Bank Saderat Iran, il-Kunsill kien qed jikser l-obbligi tiegħu li jiddikjara l-motivazzjonijiet u li jiżvela lill-banek il-materjal li huwa kien qed jistrieħ fuqu kontrihom (29).

54.      Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt meta qieset kull element fid-dikjarazzjonijiet tal-motivazzjonijiet separatament minflok ma kkunsidrathom kollha kemm huma flimkien, u b’hekk ikkonkludiet b’mod żbaljat li r-raġunijiet (ii) u (iii) fil-każ tal-Bank Mellat u r-raġuni (ii) fil-każ tal-Bank Saderat Iran kienu wisq vagi sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-raġunijiet huma b’mod ċar relatati ma’ xulxin: fil-każ tal-Bank Mellat, ir-raġuni (iii) (servizzi bankarji lil entitajiet elenkati tan-NU u tal-UE) tispeċifika b’mod iktar preċiż it-tendenza tal-aġir imsemmi fir-raġuni (ii); fil-każ tal-Bank Saderat Iran, ir-raġunijiet (iii) u (iv) (trattament ta’ ħlasijiet u ittri ta’ kreditu ta’ DIO u IEI, u f’isem MEC) jispeċifikaw b’mod iktar preċiż l-aġir imsemmi fir-raġuni (ii) (servizzi finanzjarji lil entitajiet li kienu jagħmlu akkwisti f’isem il-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran, inklużi entitajiet indikati min-NU). Ir-raġunijiet meħudin flimkien għalhekk ippermettew lill-banek jiddeterminaw jekk il-miżuri kkontestati kellhomx bażi tajba jew jekk kinux ivvizzjati minn żball, u lill-qrati jirrevedu l-legalità tagħhom. Minkejja li l-entitajiet elenkati ma kinux identifikati b’isimhom, il-banek setgħu vverifikaw il-listi tan-NU u tal-UE mal-listi tagħhom stess ta’ klijenti. L-istess huwa minnu dwar ir-raġuni (vi) fil-każ tal-Bank Mellat (amministrazzjoni tal-kontijiet ta’ uffiċjali tal-AIO u ta’ aġent ta’ akkwisti).

55.      Il-Kummissjoni taqbel li r-raġunijiet għandhom jinqraw flimkien, fil-kuntest tagħhom (inklużi l-listi rilevanti tan-NU ta’ entitajiet li l-banek misshom evitaw li jagħtuhom servizzi). Kull waħda mir-raġunijiet ma għandhiex tissodisfa, separatament, ir-rekwiżiti kollha tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Jekk ir-raġunijiet kollha flimkien kienu jippermettu lill-banek ikunu jafu li klijent kien elenkat u ppermettewlhom jiddeterminaw jekk il-miżuri kkontestati kinux fondati, ma kinux ivvizzjati minn żball ta’ fatt u taw informazzjoni biżżejjed biex tippermetti lill-qrati jirrevedu l-legalità tal-listi, allura l-Kunsill ma setax kiser l-obbligu tiegħu li jiddikjara l-motivazzjonijiet.

56.      Ir-Renju Unit jiċċita dak li tgħid il-Qorti tal-Ġustizzja f’Kadi II: “Fir-rigward tan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, […] il-qorti tal-Unjoni tikkunsidra li, tal-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija […] hija biżżejjed preċiża u konkreta, li huwa sostnut u li jikkostitwixxi fih innifsu bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, iċ-ċirkustanza li oħrajn minn dawn il-motivi ma jkunux ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. […]” (30)

57.      Iż-żewġ banek iqisu li huwa essenzjali li r-raġunijiet għandhom jitqiesu waħda waħda u li dawk li jkunu wisq vagi ma għandhomx jitħallew jgħaddu sabiex ikunu eżaminati dwar jekk jistax ikollhom żbalji ta’ evalwazzjoni.

58.      Il-Bank Mellat isostni li fil-każ tiegħu r-raġunijiet (ii), (iii), (vi) u (vii) korrettement instabu li kienu eċċessivament vagi. Ir-raġunijiet (ii) (tendenza ta’ aġir li jappoġġa u jiffaċilita l-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran) u (iii) (servizzi lil entitajiet elenkati, entitajiet li jaġixxu f’isimhom proprju jew diretti minnhom, jew entitajiet proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom) ma fihomx dettalji. Sabiex jiġi aċċertat liema klijenti setgħu kienu kkonċernati, il-bank kien ikollu jivverifika mhux biss l-ismijiet tal-entitajiet elenkati tan-NU u tal-UE, iżda wkoll dwar “entitajiet li jaġixxu f’isimhom proprju jew diretti minnhom, jew għal entitajiet proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom”, li ma jistgħux ikunu identifikati mil-listi nfushom u li setgħu prattikament ikunu ta’ għadd illimitat, fuq perijodu kunsiderevoli ta’ żmien. Minħabba li l-Kunsill bilfors kien jaf liema entitajiet kien sar riferiment għalihom, huwa seta’ u missu identifikahom. Għalhekk, kemm jekk ir-raġunijiet (ii) u (iii) jitqiesu separatament jew flimkien, huma jibqgħu eċċessivament vagi. Fir-rigward tar-raġuni (vi) (amministrazzjoni tal-kontijiet ta’ uffiċjali tal-AIO u ta’ aġent ta’ akkwisti), l-unika stqarrija tal-Kunsill hija li r-rekords tal-banek kienu jinkludu identitajiet tal-persuni li jimpjegaw il-klijenti, iżda ma nġabet l-ebda prova. Minħabba li l-Kunsill ma jsemmix ir-raġuni (vii), għandu jiġi preżunt li huwa aċċettat li r-raġuni kienet eċċessivament vaga.

59.      Il-Bank Saderat Iran iressaq argumenti simili. Huwa jżid li fir-rigward tar-raġunijiet (iii) (trattament ta’ ħlasijiet u ittri ta’ kreditu ta’ DIO u IEI) u (iv) (trattament ta’ ittri ta’ kreditu għal MEC), ma kien hemm l-ebda indikazzjoni dwar jekk l-entitajiet li msemmija kinux lista eżawrjenti jew le, u n-nuqqas ta’ ċarezza kien aggravat mill-fatt li entitajiet elenkati tan-NU kienu ddikjarati li kienu “fost” dawk l-entitajiet li għalihom kienet tirreferi r-raġuni (ii) (servizzi lil entitajiet ta’ akkwisti f’isem il-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran, inklużi entitajiet suġġetti għall-UNSCR 1737).

60.      Jidhirli li l-pożizzjoni meħuda mill-istituzzjonijiet u mir-Renju Unit hija korretta fil-prinċipju: meta raġunijiet jingħataw b’mod sekwenzjali huma għandhom jinqraw flimkien, u raġunijiet konsekuttivi jistgħu jkunu ta’ sostenn u spjegazzjoni għal xulxin. Dan huwa partikolarment minnu għar-raġunijiet mogħtija fil-miżuri kkontestati nfushom, li jinsabu f’paragrafu wieħed għal kull bank. Huwa wkoll minnu, madankollu, għal raġunijiet mogħtija separatament (bħal dawk fil-miżuri kkontestati minn naħa waħda, u dawk f’kull proposta għal-listi kkomunikati fil-waqt minn naħa oħra), minħabba li huwa ċar li l-obbligu għall-istituzzjonijiet huwa li jingħataw raġunijiet li, moqrija f’kuntest, jagħtu informazzjoni biżżejjed lill-partijiet milquta ħażin u lill-qrati tal-Unjoni (31). Madankollu, kif ir-Renju Unit innota korrettement, ikun biżżejjed li raġuni waħda bħal din tkun iddikjarata b’mod adegwat.

61.      Għalhekk, naqbel li f’kull każ ir-raġuni (ii), għalkemm ċertament vaga meta meqjusa waħedha, issir iktar espliċita bir-raġunijiet sussegwenti (ir-raġunijiet (v) u possibbilment (vi) fil-każ tal-Bank Mellat; ir-raġunijiet (iii), (iv) u (v) fil-każ tal-Bank Saderat Iran), u kellha tiġi evalwata flimkien magħhom. Għalhekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-approċċ tagħha għall-evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

62.      Konsegwentement, fil-każ tal-Bank Saderat Iran, ir-raġuni (ii) (servizzi lil entitajiet ta’ akkwisti f’isem il-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran, inklużi entitajiet suġġetti għall-UNSCR 1737) ma kinitx eċċessivament vaga meta moqrija flimkien mar-raġunijiet (iii), (iv) u (v), li identifikaw erba’ entitajiet speċifiċi. Lanqas, f’dak il-kuntest, il-fatt li entitajiet elenkati tan-NU kienu ddikjarati li kienu “fost” dawk l-entitajiet li għalihom ir-raġuni (ii) kienet tirreferi ma jagħti lok għal inċertezza. Madankollu, filwaqt li r-raġunijiet (iii), (iv) u (v) bla dubju jiċċaraw ir-raġuni (ii), din tal-aħħar ma żżid xejn ma’ tal-ewwel u ma tagħti ebda kjarifika minnha nfisha. Għalhekk, għalkemm jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali missha qieset li r-raġuni (ii) ipprovdiet qafas għar-raġunijiet (iii), (iv) u (v), li hija sabet li kienet iddikjarata b’mod adegwat, dak l-iżball fl-approċċ ma jistax jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

63.      Fir-rigward tal-Bank Mellat, naqbel mal-bank li r-raġuni (iii) (servizzi lil entitajiet elenkati, entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew diretti minnhom, jew entitajiet proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom) ma żżidx b’mod suffiċjenti mal-preċiżjoni tar-raġuni (ii) (tendenza ta’ aġir li jappoġġa u jiffaċilita l-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran). Filwaqt li ma kienx ikun neċessarjament eċċessivament diffiċli għall-bank li jaċċerta jekk il-klijenti tiegħu kinux jinkludu entitajiet attwalment elenkati, il-verifika jekk kinux jinkludu entitajiet li kienu jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ entitajiet elenkati bħal dawn jew kinux proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom setgħet kienet eċċessivament diffiċli fil-prattika jekk l-ewwel verifika kienet tkun negattiva. Barra minn hekk, il-Kunsill preżumibbilment kien jaf bl-entitajiet li għalihom kien qed jirreferi u seta’ kkommunika l-identitajiet tagħhom. Billi ma għamilx hekk huwa naqas li jipprovdi informazzjoni biżżejjed sabiex il-bank jeżerċita effettivament id-drittijiet tiegħu ta’ difiża u sabiex il-Qorti Ġenerali twettaq stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Huwa minnu li f’dawn il-kawżi l-banek fil-fatt iddeċidew li jikkontestaw l-inklużjoni tagħhom fil-lista, iżda dan ma jistax jinnega l-fatt li nuqqas ta’ informazzjoni tista’ tagħmilha iktar diffiċli għal rikorrent potenzjali li jagħmel tiegħu dik id-deċiżjoni jew (fl-ambitu ta’ dik il-kontestazzjoni) li jġib provi kontra allegazzjoni li tkun saret f’termini vagi.

64.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali sabet li r-raġuni (v) (servizzi lil AEOI u Novin) kienet iddikjarata b’mod adegwat, u l-Bank Mellat ma kienx ikkontesta dak li kien instab. B’mod paragunabbli mas-sitwazzjoni tal-Bank Saderat Iran, ir-raġunijiet (ii), (iii) u (v) moqrija flimkien jistgħu, għalhekk, jitqiesu li jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni, anki għalkemm ir-raġunijiet (ii) u (iii) waħedhom, u tal-aħħar fil-fatt, ma jistgħu xejn siewi mad-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet.

65.      Fir-rigward tar-raġuni (vi) (amministrazzjoni tal-kontijiet ta’ uffiċjali tal-AIO u ta’ aġent ta’ akkwisti), naqbel li, sabiex l-argument tiegħu jirnexxi, il-Kunsill kien ikun jeħtieġlu jsostni l-asserzjoni tiegħu li r-rekords tal-bank kienu jinkludu identitajiet tal-persuni li jimpjegaw il-klijenti. Jekk informazzjoni bħal din kinitx inkluża hija, barra minn hekk, kwistjoni ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tiddetermina fl-appell. Fl-aħħar nett, kif il-bank jinnota, il-Kunsill ma jidhirx li qed jikkontesta dak li nstab li r-raġuni (vii) kienet eċċessivament vaga.

66.      Għalhekk, anki għalkemm jiena naċċetta l-argument tal-Kunsill dwar il-ħtieġa li raġunijiet għandhom ikunu evalwati flimkien, inqis li huwa ma identifika, f’dak ir-rigward, ebda raġuni għal annullament tas-sentenzi appellati.

 Aċċess għall-fajl

67.      Wara li l-banek kienu ġew elenkati fis-26 ta’ Lulju 2010, u qabel ma rreveda dawk il-listi fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill innotifika żewġ proposti għal-listi mibgħuta minn Stati Membri lill-Bank Mellat fit-13 ta’ Settembru 2010 u lill-Bank Saderat Iran fit-28 ta’ Ottubru 2010. Proposta oħra, it-tielet waħda, kienet innotifikata liż-żewġ banek bħala anness għar-repliki fl-ewwel istanza, ippreżentata f’Ġunju 2011. Madankollu, l-banek kellhom jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 sal-15 ta’ Settembru 2010.

68.      Fis-sentenzi fl-appell (32), il-Qorti Ġenerali nnotat li t-tielet proposta fil-każ tal-Bank Mellat u t-tliet proposti kollha fil-każ tal-Bank Saderat Iran kienu nnotifikati biss wara li kien skada l-perijodu sabiex jintbagħtu osservazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 u wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010. Hija kompliet tgħid li, meta l-Kunsill ikollu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq informazzjoni mibgħuta minn Stat Membru sabiex jadotta miżuri restrittivi, huwa għandu jiżgura, qabel ma jadotta l-miżuri, li l-entità kkonċernata tkun tista’ tiġi nnotifikata filwaqt bl-informazzjoni sabiex tkun tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod effettiv. F’dawk il-każijiet il-banek ma kellhomx dik l-opportunità fir-rigward tal-proposti nnotifikati wara l-15 ta’ Settembru 2010.

69.      Fl-appell il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet, mill-ġurisprudenza fis-sens li entità elenkata għandha tkun mgħarrfa bil-materjal miġjub kontriha u għandha tingħata l-opportunità b’mod effettiv li tesprimi l-opinjoni tagħha dwaru (33), li proposti għal-listi mingħand Stati Membri kellhom jiġu kkomunikati lill-banek. Dik il-ġurisprudenza ġejja minn żmien meta ma kinux jingħataw raġunijiet speċifiċi sabiex ikunu indikati persuni u entitajiet elenkati. Raġunijiet bħal dawn illum jingħataw; għalhekk ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għaliex jeħtieġ li proposti għal-listi jiġu kkomunikati separatament meta huma jiġu inklużi fid-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet; lanqas ma jeħtiġilhom ikunu kkomunikati separatament meta ma jkunux inklużi, minħabba li ma jistax jiġi preżunt li l-Kunsill ikun ibbaża ruħu fuqhom. Il-Qorti Ġenerali kellha pjuttost tapplika l-ġurisprudenza b’mod li, meta informazzjoni biżżejjed preċiża tkun ġiet żvelata, b’mod li tippermetti lill-entità kkonċernata sabiex tkun tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod effettiv dwar il-materjal miġjub kontriha, ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ma jkunx ifisser li l-istituzzjoni għandha minn rajha tagħti aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajl tagħha (34). F’kull każ, l-informazzjoni fir-raġunijiet mogħtija kienet biżżejjed sabiex tgħin lill-banek jesprimu l-opinjoni tagħhom.

70.      Ir-Renju Unit jiċċita Kadi II (35): “[…] ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata […] tal-inqas, is-sunt tar-raġunijiet ipprovdut […], sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha [...]”. Hija d-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet iktar minn kull proposta għal-listi li għandha tiġi żvelata skont dik is-sentenza. Proposta għal-listi tkun ta’ valur biss jekk tkun differenti mid-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet.

71.      Il-banek isostnu li l-Kunsill huwa żbaljat fil-prinċipju. Il-materjal inkwistjoni “[għandu jiġi kkomunikat] […], [sa fejn huwa] possibbli, simultanjament jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar tal-fondi” (36). La l-fatt li l-fajls kien fihom biss il-proposti għal-listi, lanqas id-dikjarazzjoni li dawk il-proposti ma kienu jkunu ta’ ebda użu għall-banek ma jeħilsu lill-Kunsill mir-rekwiżit li jipprovdihom. Kienu l-banek, u mhux il-Kunsill, li kellhom jevalwaw x’kien rilevanti bil-għan li jippreżentaw osservazzjonijiet. Barra minn hekk, il-proposti għal-listi kien fihom allegazzjonijiet li ma kinux fid-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet, li kellhom jiġu żvelati, u kienu l-uniku materjal fil-fajl, għalhekk ma setgħux jinżammu meta ntalab aċċess – kif fil-fatt inżammu. Entità elenkata ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kunsill mingħajr ma jkun żvelat il-materjal bażiku. F’dawn il-kawżi d-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet fil-fatt kienet differenti mill-proposti għal-listi u l-banek ma kienu jafu xejn dwar il-kontenut tal-fajl tal-Kunsill ħlief f’parti mill-istadju tal-proċeduri.

72.      B’riferiment għal Kadi II, il-banek isostnu, l-ewwel, li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti rriteniet li entità indikata għandha d-dritt ta’ aċċess għall-fajl (37) u għall-materjal kollu li l-Kunsill ikun ibbaża ruħu fuqu meta jkun iddeċieda li jindikaha. Il-Kunsill ma jargumentax li l-iżvelar ma tħalliex isir għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Fiċ-ċirkustanzi ta’ Y. A. Kadi (li kien diġà ġie indikat min-NU, bl-indikazzjoni tal-UE bħala miżura “ta’ segwitu”), jista’ jkun biżżejjed li jiġu kkomunikati r-raġunijiet fil-qosor tan-NU. Hawnhekk, b’kuntrast, l-UE kienet qed taġixxi bis-setgħa awtonoma tagħha li tieħu sanzjonijiet u għandha tikkomunika l-materjal kollu.

73.      Kif nifhem jiena din il-kwistjoni, id-domanda magħmula mill-Kunsill hija jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta qieset li n-nuqqas li jiġu kkomunikati proposti għal-listi tal-Istati Membri lill-banek, sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet dwar dawk il-proposti, kien ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

74.      Ma huwiex ikkontestat li l-proposti kollha għal listi kienu fl-aħħar nett ikkomunikati lill-banek, li xi wħud minnhom ma ġewx ikkomunikati fil-waqt sabiex osservazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 sabiex jiġu mibgħuta sal-15 ta’ Settembru 2010 jew li – b’eċċezzjoni waħda – dawk li ma kinux ikkomunikati f’waqtu fil-fatt ma kellhomx provi jew informazzjoni li kienu jmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet fil-miżuri kkontestati. L-eċċezzjoni kienet it-tielet proposta fil-każ tal-Bank Saderat Iran, li kienet tgħid li l-bank kien ipprovda servizzi finanzjarji lil SIG, entità indikata tan-NU u tal-UE. Għalhekk huwa biss fir-rigward ta’ dak il-punt ta’ informazzjoni li komunikazzjoni iktar qabel setgħet fil-fatt taffettwa l-kapaċità li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet.

75.      Madankollu, naqbel mal-banek li huma kellhom jingħataw aċċess għal dak kollu li kien jinkludi l-fajl li fuqu bbaża ruħu l-Kunsill – tal-inqas sa fejn ma kienx fih informazzjoni kunfidenzjali (38) – b’ħin biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Ma kienx possibbli għalihom li jkunu ċerti li l-osservazzjonijiet tagħhom kienu kompleti sakemm ma kellhomx aċċess sħiħ tal-inqas għall-elementi mhux kunfidenzjali tal-fajl li fuqhom l-indikazzjoni proposta tagħhom kellha tkun ibbażata.

76.      Lanqas ma kien il-Kunsill li kellu jiddeċiedi liema punti kienu jew ma kinux rilevanti għall-finijiet tal-kummenti tal-banek (39). Il-fatt li, minbarra r-riferiment għal SIG fit-tielet proposta fil-każ tal-Bank Saderat Iran, il-proposti li ma kinux ikkomunikati fil-ħin ma kienx fihom informazzjoni li ma kinitx diġà magħrufa mill-banek, ma jistax jiġġustifika ż-żamma jew id-dewmien tal-komunikazzjoni tagħhom. Il-banek ma setgħux ikunu jafu b’dak il-fatt qabel ma raw il-proposti.

77.      Fl-aħħar nett, huwa ċar mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Kunsill stess li “meta ssir talba mill-parti kkonċernata […] [i]l-Kunsill huwa obbligat jagħti [...] aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni” (40), u l-Kunsill qal fit-trattazzjoni tiegħu fl-ewwel istanza li l-banek kienu talbu iktar informazzjoni dwar l-fajl. Il-“prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur”, li rrefera għalih il-Kunsill f’dik it-trattazzjoni iżda li dwaru ma appellax, ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jagħti status kunfidenzjali, għall-finijiet tar-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ entità li l-assi tagħha jkunu ser jiġu ffriżati, lil dokument li l-kontenut uniku tiegħu jkun jikkonċerna l-aġir jew l-allegat aġir tal-entità inkwistjoni. Kontenut bħal dak ma jistax ikun kunfidenzjali vis-à-vis dik l-entità.

78.      Għalhekk inqis li l-argument tal-Kunsill ma identifika l-ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward fis-sentenzi appellati.

 Difetti fl-evalwazzjoni tal-Kunsill

79.      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom fl-ewwel istanza, il-banek sostnew li l-Kunsill ma kienx wettaq evalwazzjoni ġenwina taċ-ċirkustanzi tal-każ, u sempliċement adotta l-proposti sottomessi minn Stati Membri, difett li affettwa kemm l-evalwazzjoni inizjali kif ukoll ir-reviżjoni regolari tal-miżuri restrittivi.

80.      Meta ttrattat dak l-argument (41), il-Qorti Ġenerali saħqet dwar id-dmir tal-Kunsill li jiżgura li l-miżuri kkontestati kienu ġġustifikati. Fl-adozzjoni ta’ att inizjali, huwa għandu jevalwa r-rilevanza u l-validità tal-informazzjoni u l-provi mressqa quddiemha minn Stat Membru fil-kuntest tal-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413. Fl-adozzjoni ta’ atti sussegwenti li jaffettwaw lill-istess entità, huwa għandu jeżamina mill-ġdid il-ħtieġa li jinżammu l-miżuri fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ dik l-entità. F’dawn il-kawżi ma kienx hemm indikazzjoni li l-Kunsill kien ivverifika r-rilevanza u l-validità tal-materjal imressaq qabel l-adozzjoni tal-atti inizjali li kienu jelenkaw il-banek; tabilħaqq, id-dikjarazzjonijiet mhux korretti dwar proprjetà tal-Istat indikaw li ma kinitx saret verifika bħal dik. Għalhekk “il-Kunsill ma osservax l-obbligu li jeżamina r-rilevanza u l-fondatezza tal-elementi ta’ informazzjoni u ta’ prova dwar ir-rikorrent mibgħuta lilu, u għalhekk ivvizzja l-imsemmija atti b’illegalità”. Madankollu, fil-miżuri sussegwenti l-Kunsill ikkoreġa d-dikjarazzjonijiet mhux korretti u rreaġixxa għall-osservazzjonijiet tal-banek, billi wera li kien eżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet.

81.      Il-Qorti Ġenerali, iżda, ma speċifikatx fuq liema waħda mir-raġunijiet ta’ annullament stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (nuqqas ta’ kompetenza, ksur (tar-rekwiżit) tal-forom proċedurali sostanzjali, [dwar] ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tagħhom, jew [dwar] l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom) hija bbażat dak li sabet, jiġifieri li l-miżuri inizjali kienu mtebba’ b’illegalità. Mitluba mill-Qorti, il-partijiet fil-proċeduri tal-appell esprimew il-fehmiet tagħhom dwar dan il-punt.

82.      Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qalet li, meta fl-adozzjoni tal-att inizjali li jimponi miżuri restrittivi, huwa għandu jevalwa r-rilevanza u l-validità tal-informazzjoni u l-provi mressqa mill-Istati Membri. X’elementi jeħtieġ jinġiebu sabiex jintwera li verifika bħal din tkun twettqet? Barra minn hekk, il-provi dwar l-appoġġ tal-banek għall-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran kienu ġew minn sorsi kunfidenzjali li l-membri tal-Kunsill kollha flimkien ma kellhomx aċċess għalihom; huma ma setgħux jagħmlu verifika bħal din u dak li nstab, jiġifieri li huma ma għamlux hekk, kien, għalhekk, irrilevanti.

83.      Fir-rigward tal-bażi legali għall-annullament, il-Kunsill jinnota li l-motiv tal-banek kien ibbażat fuq raġunijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-“ksur tar-rekwiżit tal-forom proċedurali sostanzjali”. Madankollu, id-difett identifikat mill-Qorti Ġenerali ma kienx ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew ta’ drittijiet tad-difiża jew għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dawk id-drittijiet ma jistgħux japplikaw qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni inizjali sabiex jiġu ffriżati fondi; jeħtieġ li jiġi ppreżervat l-effett ta’ sorpriża essenzjali sabiex il-miżura tkun effettiva (42). Drittijiet tad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jistgħu jinkisru biss wara li tittieħed deċiżjoni bħal din. F’kull każ, ma hemmx “rekwiżit tal-forom proċedurali sostanzjali” sabiex il-Kunsill jevalwa r-rilevanza u l-validità tal-informazzjoni ppreżentata lilu insostenn għal proposta sabiex ikunu imposti miżuri restrittivi (43).

84.      Il-banek isostnu li l-Qorti Ġenerali ma sabitx li l-fajls għandhom juru li kienu saru verifiki, sempliċement li ma sarux. Il-Kunsill ma jiċħadx li huwa għandu jevalwa r-rilevanza u l-validità tal-informazzjoni u l-provi mressqa quddiemu, lanqas li ma għamel ebda verifika; huwa jsostni li ma setax jagħmel hekk minħabba t-tħassib tiegħu dwar il-kunfidenzjalità. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq in-nuqqas ta’ provi li l-Kunsill kien għamel xi verifika xierqa sabiex sabet li ma kienx għamel hekk. Jekk l-allegati provi kienu ġew minn sorsi kunfidenzjali li għalihom il-Kunsill kollu kemm hu ma kellux aċċess, allura huwa ċar li dan ma setax jiġi vverifikat. Għalhekk il-banek kienu ġew elenkati abbażi ta’ provi li dawk li ħadu d-deċiżjoni ma rawx u li ma kienu disponibbli la għalihom u lanqas għall-Qorti.

85.      Fir-rigward tal-bażi legali għal annullament, il-banek iqisu li, billi naqas milli jevalwa r-rilevanza u l-validità tal-informazzjoni u l-provi kontrihom, il-Kunsill (i) wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u/jew kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom (ksur ta’ regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattati), kif ukoll (ii) naqas li jwettaq evalwazzjoni preliminari tal-proposta għal-listi (ksur ta’ rekwiżit tal-forom proċedurali sostanzjali).

86.      L-Artikoli 20(1)(b) u 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413 jagħmlu lill-Kunsill responsabbli sabiex jelenka lil dawk li l-assi tagħhom ikollhom jiġu ffriżati. Jista’ ma jiddelegax dik ir-responsabbiltà lill-Istati Membri. Hu u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’kooperazzjoni leali u jiżguraw li persuni li jissodisfaw il-kriterji, u dawk il-persuni biss, jiġu elenkati fl-Anness II. Nuqqas fil-proċess ta’ evalwazzjoni meħtieġ sabiex ikunu applikati dawk l-artikoli jammonta għal ksur ta’ regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattati.

87.      Id-dmir tal-Kunsill għandu wkoll jitqies fid-dawl ta’ Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518), b’mod partikolari l-obbligu stabbilit fil-punti 114 u 115 ta’ dik is-sentenza: (i) “li [jeżamina] bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati [sabiex entità jew individwu jiġu elenkati]”, meta jiġi deċiż li tinżamm lista wara osservazzjonijiet mill-individwu indikat; u (ii) li jqis jitlobx lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU u, permezz tiegħu, lill-membru tan-NU li jkun ippropona l-inklużjoni tal-persuna jew entità fil-lista, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, li jippermettu lill-awtorità kompetenti tal-UE twettaq dan id-dmir ta’ eżami bir-reqqa u b’imparzjalità. Tal-inqas xi ħaġa minn dak il-materjal iktar tard għandu jsir disponibbli għall-qrati tal-Unjoni sabiex fir-rigward tal-“istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew li jinżamm l-isem ta’ persuna partikolari” il-qrati jkunu jistgħu “[jiżguraw] li din id-deċiżjoni tistrieħ fuq bażi fattwali solida biżżejjed”. Il-punt 118 ta’ dik is-sentenza jagħmilha ċara li dawk l-obbligi jkunu “garanziji proċedurali”; għalhekk huma għandhom ikunu forom proċedurali sostanzjali skont l-Artikolu 263 TFUE. Id-difett misjub mill-Qorti Ġenerali għandu jitqies li huwa tal-istess raġuni legali għal annullament bħal ksur tal-obbligi msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Kadi II.

88.      Madankollu, skont l-osservazzjonijiet tal-banek, Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill (44) taqbel ma’ konklużjoni alternattiva li l-obbligu tal-Kunsill huwa li jevalwa l-informazzjoni u l-provi ppreżentati lilu insostenn ta’ proposta għal-listi, u li l-ksur ta’ obbligu bħal dan jammonta għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li għandhom jitqiesu li huma ksur ta’ regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattat.

89.      Xejn minn dan ta’ hawn fuq, iżda, ma jipprekludi konklużjoni li n-nuqqas tal-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tal-banek, li jkopru d-dmir li jingħata aċċess għall-fajl u, loġikament, li jiġi vverifikat ukoll li l-fajl ikun fih l-informazzjoni u l-provi minimi meħtieġa. Il-ksur ta’ drittijiet tad-difiża huwa ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, li huma regoli tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattati.

90.      Il-Kummissjoni ma taċċettax li l-fajl tal-Qorti Ġenerali għandu jipprovdi prova li l-Kunsill ivverifika r-rilevanza u l-validità tal-provi mressqa quddiemu qabel ma adotta l-atti rilevanti. Lanqas dikjarazzjoni mhux korretta fil-fajl ma tista’ tkun indikazzjoni li ma tkunx saret verifika. L-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran huma minnhom infushom klandestini, għalhekk il-provi miġbura bilfors huma kunfidenzjali ħafna sabiex il-kooperazzjoni internazzjonali u l-persuni li jiksbu informazzjoni ma jisfgħux fil-perikolu. Minħabba li l-eżami tal-Kunsill ta’ dik l-informazzjoni għandu jingħata grad ekwivalenti ta’ kunfidenzjalità, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tgħid li ma kinitx saret verifika. Barra minn hekk, li l-banek huma elenkati huwa oġġettivament kredibbli: huma banek Iranjani importanti bi preżenza internazzjonali sinjifikattiva, taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern Iranjan; ma jiċħdux li jinnegozjaw ma’ ċerti entitajiet elenkati; u jissemmew mill-Kunsill tas-Sigurtà. F’dan id-dawl, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma jistgħux jinżammu responsabbli li sempliċement bbażaw ruħhom fuq proposti ta’ Stati Membri oħra meta ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom fil-Kunsill, kif timplika l-Qorti Ġenerali.

91.      Fir-rigward tal-bażi legali għal annullament, il-Kummissjoni taqbel mal-Kunsill u żżid li f’Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill (T‑434/11, EU:T:2013:405) il-Qorti Ġenerali qieset argument paragunabbli taħt l-intestatura ta’ “żball manifest ta’ evalwazzjoni”. Ir-raġuni legali rilevanti kienet, għalhekk, “ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tagħhom”. In-nuqqas tal-Kunsill li jevalwa l-informazzjoni mressqa quddiemu f’dawn il-kawżi ma affettwax id-drittijiet tad-difiża tal-banek, ma għamilx l-istħarriġ ġudizzjarju impossibbli u lanqas ma kiser xi regola istituzzjonali fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

92.      Fir-rigward tal-bażi legali għal annullament, ir-Renju Unit iqis li r-raġuni tista’ tkun biss “ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tagħhom”. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jikkonċerna l-mod li bih il-Kunsill ħa d-deċiżjoni, mhux aspetti proċedurali (bħal dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet jew id-dritt għal smigħ) li jinqalgħu wara li tkun ittieħdet. Il-miżuri kkontestati huma regoli tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattati. F’kuntesti oħra, meta korp kompetenti japplika l-liġi ħażin, jagħmel żball fl-evalwazzjoni tal-fatti jew jeċċedi l-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu, id-deċiżjoni tiġi annullata abbażi ta’ żball ta’ evalwazzjoni. B’hekk kull żball ta’ evalwazzjoni fl-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq il-banek ikun ksur tar-regoli tad-dritt li jippermetti li jiġu imposti miżuri bħal dawn.

93.      Jidhirli li jeħtieġ inkunu ċari dwar il-bażi li fuqha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-nuqqas tal-Kunsill li jkun konformi mal-“obbligu li jeżamina r-rilevanza u l-fondatezza tal-elementi ta’ informazzjoni u ta’ prova dwar ir-rikorrent mibgħuta lilu” kellha l-konsegwenza li l-miżuri inizjali kienu “ivvizzjati b’illegalità”.

94.      Fil-fehma tiegħi, dik il-bażi tista’ biss tkun ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali jew ksur ta’ regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattati (jiġifieri, f’dawn il-kawżi, l-obbligu li l-fatti jiġu evalwati b’mod korrett). Billi ttrattat il-kwistjoni taħt l-intestatura ġenerali ta’ “ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”, il-Qorti Ġenerali tidher li qisitha li kienet relatata ma’ ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali.

95.      Madankollu, jidher li ma hemmx preċedent sabiex jitqies li evalwazzjoni preċedenti tar-rilevanza u l-validità tal-informazzjoni jew ta’ provi qabel l-ewwel inklużjoni fil-lista, mixtieqa kemm hi bla dubju mixtieqa fil-prinċipju kull meta ċ-ċirkustanzi jippermettu, tikkostitwixxi “rekwiżit proċedurali sostanzjali” sabiex tittieħed deċiżjoni. Kieku kien hekk, kull nuqqas li ma jiġix evalwat il-materjal disponibbli kollu li jsostni raġuni sabiex tiġi adottata miżura jista’ jwassal għall-invalidazzjoni awtomatika ta’ dik il-miżura. Għalhekk jidher preferibbli li l-approċċ għal dan ikun abbażi li nuqqas bħal dan jidher li probabbilment iżid b’mod sinjifikattiv ir-riskju ta’ żball ta’ evalwazzjoni li mbagħad jista’ jikkostitwixxi ksur ta’ regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-Trattati.

96.      Approċċ ieħor huwa li jitqies li n-nuqqas tal-Kunsill li jeżamina bir-reqqa u b’mod sħiħ il-proposti għal-listi mressqa lilu jikser id-drittijiet tad-difiża tal-banek. Huwa stabbilit fid-dritt li r-rispett tad-dritt għal smigħ, li fil-proċeduri kollha jista’ jwassal għal miżura li tolqot ħażin persuna, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi, u li jitlob li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li b’mod sinjifikattiv jolqtu l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu juru l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv (45), u dak id-dritt huwa rekwiżit proċedurali sostanzjali (46). Jekk il-Kunsill stess ma evalwax il-provi li kienu jsostnu l-proposti għal-listi, il-banek evidentement ma setgħux jitqiegħdu f’pożizzjoni li juru l-fehmiet tagħhom dwar dawk il-provi.

97.      Madankollu, in-nuqqas li tiġi evalwata r-rilevanza u l-validità tal-provi qabel ma tittieħed deċiżjoni inizjali loġikament ma jistax jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni sakemm dik il-persuna kellha (bħalma ma kienx il-każ hawnhekk) dritt għal smigħ qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni inizjali (47). Liema informazzjoni jew provi setgħu jew kellhom jiġu żvelati lill-banek fi stadju iktar tard u/jew li l-Qorti Ġenerali kellha tara hija kwistjoni għal kollox separata. Kif il-Kunsill jinnota, id-deċiżjonijiet inizjali kienu jitolbu effett ta’ sorpriża (48). Fil-mument meta l-banek setgħu jikkontestaw dawk id-deċiżjonijiet, huma setgħu jsemmu kull nuqqas bħal dak ta’ evalwazzjoni. Id-drittijiet tagħhom ta’ difiża ma kinux, għalhekk, affettwati minn xi nuqqas intern fil-proċess iktar qabel ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

98.      Konsegwentement, jidhirli li l-kritika proċedurali tal-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tar-rilevanza u tal-validità tal-informazzjoni u l-provi insostenn tal-proposti għal-listi ma setgħetx tikkostitwixxi raġuni minnha nfisha għall-annullament taż-żewġ miżuri kkonċernati. Dan ma jimplikax li l-kritika ma kinitx iġġustifikata, iżda jidher iktar preferibbli jitqies li n-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li l-Kunsill evalwa r-rilevanza jew il-validità tal-informazzjoni jew tal-provi fil-pussess tiegħu kien fattur li seta’ ġie kkunsidrat fl-eżami tal-kwalità sostantiva tal-evalwazzjoni tal-Kunsill.

99.      Għalhekk inqis li l-Kunsill huwa ġġustifikat fl-argument tiegħu fl-appell sa fejn il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li nuqqas li ssir evalwazzjoni tar-rilevanza u l-validità tal-informazzjoni u tal-provi insostenn tal-proposti għal-listi jivvizzja l-miżuri inizjali b’illegalità. Madankollu, dik il-konklużjoni bħala tali ma tfissirx li s-sentenzi fl-appell għandhom jitħassru għal dik ir-raġuni biss. Kwistjonijiet dwar nuqqas ta’ provi (jew nuqqas li dawn jiġu evalwati) jinqalgħu wkoll fir-rigward tal-aggravju li jmiss.

 Żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kunsill

100. Fl-ewwel istanza, il-banek sostnew li r-raġunijiet li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Deċiżjoni 2010/413, bir-Regolament Nru 423/2007, bir-Regolament Nru 961/2010 u bir-Regolament Nru 267/2012, u ma kinux issostanzjati bi provi. Konsegwentement, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adotta miżuri restrittivi abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet.

101. Fiż-żewġ sentenzi (49), il-Qorti Ġenerali fakkret fil-ġurisprudenza tagħha (50) fis-sens li stħarriġ ġudizzjarju ta’ miżura li timponi miżuri restrittivi jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkustanzi li wieħed ikun straħ fuqhom bħala ġustifikazzjoni għaliha, u għall-provi u l-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom dik l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jippreżenta dawk il-provi u dik l-informazzjoni għal stħarriġ mill-qrati. Il-Qorti Ġenerali eżaminat f’dak id-dawl jekk dawk ir-raġunijiet li ma kinux eċċessivament vagi kellhomx bażi tajba.

102. Fir-rigward tal-Bank Mellat (51), il-Qorti Ġenerali sabet li r-raġuni (i) (proprjetà tal-Istat, l-unika bażi użata fid-Deċiżjoni 2010/413 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010) kienet żbaljata u ma setgħetx tiġġustifika l-miżuri restrittivi f’dawk l-atti.

103. Fir-rigward tar-raġuni (iv) (il-bank parent ta’ FEE Bank, indikat mill-Kunsill tas-Sigurtà), il-UNSCR 1929 iġġustifikat l-indikazzjoni ta’ FEE Bank biss abbażi tal-allegat involviment tal-Bank Mellat fi proliferazzjoni nukleari, f’termini li jikkorrispondu, essenzjalment, mar-raġuni (vii) (faċilitar tal-moviment ta’ miljuni ta’ dollari għall-programm nukleari Iranjan sa mill-2003). Din kienet ibbażata biss fuq sempliċi allegazzjoni, ma kinitx distinta mir-raġunijiet li kienu jikkonċernaw lill-Bank Mellat stess u ma setgħetx tiġġustifika miżuri restrittivi kontrih.

104. Fir-rigward tar-raġuni (v) (servizzi lil AEOI u Novin), ma kienx hemm provi jew informazzjoni li l-Bank Mellat kien ipprovda servizzi lil AEOI. Il-bank ammetta li pprovda servizzi lil Novin iżda spjega li waqaf jagħmel hekk malli kienu ttieħdu l-miżuri restrittivi kontra Novin. Dawn is-servizzi kienu ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari skont it-tifsira tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 423/2007, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012? Id-domanda kienet jekk il-bank aġġixxiex biex itemm il-provvista ta’ servizzi malli sar jaf jew seta’ raġonevolment issuspetta li Novin kienet involuta fi proliferazzjoni nukleari. Il-Kunsill ma kienx bagħat provi jew informazzjoni dettaljati u speċifiċi li kienu jissuġġerixxu li l-bank kien jaf bl-involviment ta’ Novin qabel ma kienu adottati l-miżuri restrittivi tan-NU. Għall-perijodu sussegwenti, l-istituzzjonijiet aċċettaw li, fuq istruzzjonijiet immedjati tal-bank, ma kienu ngħataw ebda servizzi oħra lil Novin, ħlief pagamenti li kienu dovuti li ma kinux relatati ma’ proliferazzjoni nukleari. Filwaqt li nnotat li l-Artikolu 20(6) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 267/2012 jippermettu, essenzjalment, li fondi ma jibqgħux iffriżati sabiex isiru pagamenti dovuti skont obbligi li l-entitajiet ikkonċernati jkunu daħlu għalihom qabel ma kienu ġew elenkati, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm rabta ma’ proliferazzjoni nukleari, il-Qorti Ġenerali qieset li ċ-ċirkustanzi ma kinux jiġġustifikaw miżuri restrittivi kontra l-bank. Minħabba li l-miżuri restrittivi ma kinux iġġustifikati bir-raġunijiet (i), (iv) jew (v), il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni motiv tal-Bank Mellat.

105. Fir-rigward tal-Bank Saderat Iran (52), il-Qorti Ġenerali sabet li r-raġuni (i) (94 % proprjetà tal-Istat fid-Deċiżjoni 2010/413 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010, proprjetà parzjali tal-Istat f’miżuri sussegwenti) kienet żbaljata fir-rigward ta’ sehem ta’ 94 % u mhux suffiċjenti fir-rigward tal-proprjetà parzjali, sabiex timplika li l-bank kien qed jagħti appoġġ lil proliferazzjoni nukleari. Hija, għalhekk, ma ġġustifikatx il-miżuri restrittivi.

106. Fir-rigward tar-raġuni (iv) (trattament ta’ ittri ta’ kreditu għal MEC fl-2003), il-Kunsill ma stabbilixxiex li kienu pprovduti servizzi lil MEC, jew li l-bank kien jaf bl-involviment ta’ dik il-kumpannija, li fl-2003 ma kinitx għadha suġġetta għal miżuri restrittivi, fi proliferazzjoni nukleari. Dik ir-raġuni, għalhekk, ma kinitx tiġġustifika miżuri restrittivi.

107. L-istess huwa minnu għar-raġuni (v) (servizzi lil SIG), sa fejn kellhom x’jaqsmu d-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u r-Regolament Nru 267/2012. Il-Kunsill ma kien ipproduċa xejn sabiex juri li l-bank kien ipprovda servizzi finanzjarji lil SIG wara li kienu adottati l-miżuri restrittivi kontrih jew li kien jaf minn qabel dwar l-involviment tal-grupp fi proliferazzjoni nukleari.

108. Fir-rigward tar-raġuni (iii) (servizzi lil DIO u IEI), il-bank aċċetta li DIO u IEI kienu involuti fi proliferazzjoni nukleari u li huwa fl-imgħoddi kien ittratta l-ittri ta’ kreditu tagħhom, iżda mhux li dawk is-servizzi kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi – dawn kienu servizzi bankarji ordinarji relatati ma’ ittri ta’ kreditu ta’ esportazzjoni maħruġa minn bank terz, mhux relatati ma’ proliferazzjoni nukleari. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, talbet lill-Kunsill għal informazzjoni dwar l-ittri ta’ kreditu, iżda l-Kunsill ma pproduċa xejn. Il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx l-argument li l-bank kien naqas ukoll milli jipproduċi kwalunkwe materjal. Kien il-Kunsill li kellu jipproduċi l-provi u l-informazzjoni li fuqhom straħ. Il-fatt li kien impossibbli li jiġi ddeterminat jekk l-argumenti tal-bank kellhomx bażi tajba ma kellux jippreġudikah. Minħabba li r-raġuni kienet in-nuqqas tal-Kunsill li jissodisfa l-obbligu tiegħu li jipprovdi provi u informazzjoni rilevanti, it-tieni motiv intlaqa’.

109. Fl-appell, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta laqgħet it-talbiet tal-banek.

110. L-ewwel nett, huwa jsostni li d-dubji tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kadi II (53) dwar jekk il-ġurisprudenza dwar kemm isir bir-reqqa l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi għandhom ikunu applikati f’każijiet ta’ terroriżmu, u jekk l-analiżi ta’ tagħrif u ta’ sorsi għandhiex tkun suġġetta għall-qrati tal-Unjoni, għandhom japplikaw b’rabta mal-attivitajiet nukleari klandestini tal-Iran. Meta l-provi u l-informazzjoni sostantivi għal proposta għal-listi jiġu minn sorsi kunfidenzjali, il-Kunsill jista’ leġittimament jipproteġi dawk is-sorsi billi jipproċedi abbażi tad-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet proposta mill-Istat Membru kkonċernat, bil-kundizzjoni li jkunu oġġettivament plawżibbli. Dak kien il-każ fir-rigward ta’ banek importanti Iranjani magħrufa internazzjonalment, taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern Iranjan, konsistenti mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u bejn dan tal-aħħar u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali tal-Artikolu 4(3) TUE.

111. Il-Kunsill imbagħad jiċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem: “il-jedd li jkunu żvelati provi rilevanti ma huwiex dritt assolut. F’kull proċedura kriminali jista’ jkun hemm interessi jikkompetu, bħas-sigurtà nazzjonali jew il-ħtieġa li jiġu protetti xhieda f’riskju ta’ tpattija jew li jinżammu sigrieti metodi tal-pulizija ta’ investigazzjoni ta’ reati, li għandhom jiġu bbilanċjati mad-drittijiet tal-akkużat […] F’xi każijiet jista’ jkun meħtieġ li tinżamm xhieda mid-difiża sabiex ikunu ppreservati d-drittijiet fundamentali ta’ persuna oħra jew jitħares interess pubbliku importanti” (54). Dik id-dikjarazzjoni kienet tikkonċerna akkużi kriminali u għandha tapplika a fortiori għal miżuri restrittivi li jkunu sempliċement miżuri prekawzjonarji. Kieku kellhom ikunu żvelati provi kunfidenzjali, il-ħajja jew is-sigurtà ta’ individwi, kif ukoll il-metodi użati jistgħu jitqiegħdu f’perikolu. Meta informazzjoni tingħata kunfidenzjalment minn pajjiż terz, għandha tinżamm il-kooperazzjoni internazzjonali.

112. Il-Kunsill iqis ukoll li l-Qorti Ġenerali ma tantx tat piż biżżejjed lill-UNSCRs meta evalwat il-ġustifikazzjoni. F’Kadi I, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li jeħtieġ li “l-Komunità fil-fatt għandha tagħti importanza partikolari għall-fatt li, skont l-Artikolu 24 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà, ta’ riżoluzzjonijiet taħt il-Kapitolu VII ta’ din il-Karta tikkostitwixxi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà prinċipali li biha dan il-korp internazzjonali huwa inkarigat li jżomm, fuq livell dinji, il-paċi u s-sigurtà […]” (55). Kif osserva l-Avukat Ġenerali Bot f’Kadi II, fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, hemm bżonn “[i]l-fiduċja u l-kollaborazzjoni […] iktar milli s-suspett” bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti, li jaqsmu l-istess valuri li jikkonċernaw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali (56). Dawk l-osservazzjonijiet huma konformi mal-Artikoli 3(5) u 21(1) u (2)(c) TUE u mad-Dikjarazzjoni Nru 13 tat-13 ta’ Diċembru 2007.

113. Il-Kunsill imbagħad jagħmel osservazzjonijiet speċifiċi dwar kull waħda mis-sentenzi appellati.

114. Fil-kawża Bank Mellat, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li r-raġuni (iv) (kumpannija parent ta’ FEE Bank, indikata fil-UNSCR 1929) kellha tkun distinta mir-raġunijiet l-oħra li jikkonċernaw il-Bank Mellat. B’mod iktar fundamentali, meta ma laqgħetx id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li l-Bank Mellat kien iffaċilita operazzjonijiet għal entitajiet nukleari, missilistiċi u ta’ difiża tal-Iran bħala biss allegazzjoni, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-UNSCRs, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-Unjoni. Kien imissha kkunsidrat li d-dikjarazzjoni ċara tal-Kunsill tas-Sigurtà tipprovdi ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-miżuri restrittivi tal-Unjoni kontra l-Bank Mellat.

115. Fir-rigward tal-konstatazzjoni li r-raġuni (v) (servizzi bankarji għal Novin) ma kinitx tiġġustifika l-miżuri kkontestati minħabba li l-bank kien temm ir-relazzjoni tiegħu malli sar jaf bl-indikazzjoni ta’ Novin, il-Kunsill isostni li l-għoti ta’ servizzi lil Novin waqt li kienet involuta fl-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran juri li l-bank aktarx jagħti servizzi bħal dawn fil-ġejjieni lil oħrajn involuti fl-istess attivitajiet. L-iffriżar ta’ assi bħala prekawzjoni kien, għalhekk, iġġustifikat, irrispettivament minn jekk il-bank ikunx attwalment jista’ jkun jaf li entitajiet bħal dawn kienu involuti fi, jew li s-servizzi mogħtija jkunu ser jintużaw b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet. Is-servizzi lil Novin kienu jikkostitwixxu appoġġ għall-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran skont it-tifsira tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod eċċessivament strett. B’hekk hija ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha stess flok dik tal-Kunsill fid-dawl tal-fatti li kienu jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-iffriżar tal-assi, għall-kuntrarju għal dak li tgħid il-ġurisprudenza tagħha stess (57).

116. Fil-kawża tal-Bank Saderat Iran, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali b’mod ħażin naqset tqis il-UNSCR 1803, li għamlet sejħa lill-Istati “sabiex jeżerċitaw viġilanza fuq l-attivitajiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorji tagħhom […] b’mod partikolari mal-[…] Bank Saderat, u l-fergħat u s-sussidjarji [tiegħu] barra l-pajjiż, sabiex jevitaw li attivitajiet bħal dawn jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni tal-attivitajiet nukleari sensittivi, jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni 1737 (2006)”. Bilfors li kien hemm raġuni tajba sabiex jitqies li l-bank kien qiegħed jikkontribwixxi għal attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran, iżda l-Qorti Ġenerali naqset li tirrikonoxxi dak il-fatt.

117. Barra dan, ir-raġuni (iii) (trattament ta’ ittri ta’ kreditu għal DIO u IEI, meta t-tnejn kienu diġà ġew indikati min-NU u mill-UE) kienet fiha nfisha biżżejjed sabiex tiġġustifika l-miżuri restrittivi. Ittri ta’ kreditu għal prodotti esportati minn DIO u IEI setgħu kienu indirettament rilevanti għal attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran. Huwa ħażin, għalhekk, li jitqies li t-trattament ta’ ittri ta’ kreditu ta’ esportazzjoni għal entitajiet indikati ma setgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-iffriżar ta’ assi kontra l-bank. Għal darb’oħra, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni eċċessivament stretta u ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha stess flok dik tal-Kunsill. F’kull każ, minħabba li l-Kunsill indika d-data meta l-bank ittratta l-ittri ta’ kreditu (Marzu 2009) u l-entitajiet elenkati kkonċernati (DIO u IEI), u minħabba li dawk il-fatti ma kinux miċħuda, il-bank, mhux il-Kunsill, missu kien jeħtieġlu jipprovdi iktar informazzjoni.

118. Il-Kummissjoni tisħaq li l-attivitajiet tal-banek għandhom jitqiesu globalment. L-inklużjonijiet fil-listi kienu jitqiesu fil-livell tal-Kunsill tas-Sigurtà, u l-Kunsill għandu jqis gwida bħal din. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx sempliċement tara l-provi tal-Kunsill dwar operazzjonijiet speċifiċi u ma tagħtix kas il-fatt li l-attivitajiet tal-banek kienu tqiesu suspettużi internazzjonalment b’rabta mal-proliferazzjoni nukleari Iranjana. Il-miżuri restrittivi kienu deċiżi b’reazzjoni għall-programm nukleari tal-Iran li kien baqa’ għaddej fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-IAEA. L-assi ta’ għadd ta’ banek Iranjani kienu ġew iffriżati minħabba li l-Iran juża faċilitajiet bankarji sabiex iħallas għal materjali u teknoloġija importati. Importatur Iranjan aktarx li jdur fuq bank internazzjonali Iranjan għal ittri ta’ kreditu. Meta bank bħal dan jinqata’ minn suq maġġuri jinqeda l-għan tal-komunità internazzjonali. Il-Qorti Ġenerali nsiet issemmi d-diskrezzjoni politika tal-Kunsill li jiddetermina l-gravità tat-theddida u l-mezzi li jagħżel għall-prevenzjoni tagħha.

119. Fir-rigward tal-Bank Mellat, il-Kummissjoni targumenta li l-għoti fl-imgħoddi ta’ servizzi lil Novin juri biċ-ċar li l-bank jista’ jipprovdi servizzi lil importaturi involuti fl-iżvilupp nukleari u fil-proliferazzjoni. Il-Kunsill għandu jkun jista’ jipprevjeni li fil-ġejjieni jingħataw servizzi bħal dawn mingħajr ma jkollu għalfejn jressaq prova ta’ rabta diretta bejn servizzi jew operazzjonijiet speċifiċi u proliferazzjoni nukleari. Meta jkun qed jibbilanċja d-drittijiet ta’ entitajiet elenkati mal-interessi ta’ sigurtà tal-Unjoni l-Kunsill għandu jkollu element ta’ diskrezzjoni sabiex jiddetermina jekk l-għoti ta’ servizzi finanzjarji jgħinx lil entitajiet elenkati fil-proliferazzjoni ta’ attivitajiet nukleari.

120. Fir-rigward tal-Bank Saderat Iran, il-Kummissjoni tinnota li l-bank jammetti li pprovda servizzi mill-inqas lil DIO u lil IEI, it-tnejn involuti fi proliferazzjoni nukleari; il-kriterju tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012 (“jipprovdu [appoġġ] għal attivitajiet nukleari ta’ natura sensittiva fir-rigward tal-proliferazzjoni”) huwa, għalhekk, sodisfatt. Ma hemmx għalfejn ikun hemm prova li servizzi jew operazzjonijiet speċifiċi kellhom rabta diretta ma’ attivitajiet bħal dawn; il-fondi u assi ta’ entitajiet magħrufa li jkunu involuti fi proliferazzjoni nukleari aktarx li ma jkunux kompartimentalizzati sabiex ikun hemm distinzjoni bejn attivitajiet relatati man-nukleari u attivitajiet oħra. Kif il-Qorti Ġenerali stess qalet f’Bank Mellat (58), stabbiliment finanzjarju barrani għandu jtemm kull relazzjoni ma’ klijent hekk kif raġonevolment jissuspetta li dak il-klijent ikun involut, direttament assoċjat ma’ jew jipprovdi għajnuna għall-proliferazzjoni nukleari.

121. Ir-Renju Unit jaqbel maż-żewġ istituzzjonijiet u jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma ħaditx approċċ simili bħal dak f’Bank Melli Iran (59). Il-pagamenti f’kull każ (boroż ta’ studju u spejjeż ta’ korp ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam nukleari, li ġġustifika li jiġi elenkat il-Bank Melli Iran, u li ttratta ittri ta’ kreditu għal korpi tal-industrija tad-difiża u tal-elettriku f’dan il-każ) kienu saru wara l-indikazzjoni tal-entitajiet rilevanti. Ir-Renju Unit jinnota wkoll li l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn it-tħassib dwar is-sigurtà u l-assigurazzjoni li deċiżjonijiet meħuda minn istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti u msejsa sewwa kienet issemmiet f’Fulmen (60).

122. Il-banek innotaw li l-Kunsill isostni mhux li l-allegazzjonijiet kienu ssostanzjati minn provi, iżda li huwa ma jeħtiġlux jissostanzja jew li jġib provi. Jinnotaw ukoll li l-insuffiċjenza tar-raġuni (i) fiż-żewġ kawżi (kontroll mill-Istat) ma hijiex ikkontestata. Imbagħad, il-Kunsill ma huwiex intitolat jargumenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra sewwa s-sorsi kunfidenzjali tal-provi bażiċi, minħabba li ma kienet għamlet l-ebda riferiment għall-kunfidenzjalità fl-ewwel istanza. L-argument li l-prinċipji ta’ fiduċja u kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jippermettu lill-Kunsill jistrieħ fuq Stat Membru wieħed sabiex jgħarrfu li jeżistu provi jmur kontra r-regola tad-dritt. Kull wieħed mill-banek jagħmel sitt punti oħra f’dan ir-rigward.

123. L-ewwel nett, id-dmir tal-Kunsill li jġib provi ġej mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Stħarriġ ġudizzjarju adegwat tal-legalità sostantiva ta’ deċiżjoni ta’ inklużjoni fil-lista jestendi għal evalwazzjoni tal-korrettezza tal-fatti, provi u informazzjoni li fuqha tkun ibbażata, mhux sempliċement ta’ probabbiltà astratta (61).

124. It-tieni nett, meta l-oneru tal-prova jitqiegħed fuq l-entità sanzjonata, din ikun jeħtiġilha ġġib prova fin-negattiv, tluq sinjifikattiv u inadatt mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

125. It-tielet nett, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jeħtieġ li l-Istati Membri jkunu onesti mal-Kunsill u l-Kunsill ikun miftuħ u onest fi proċeduri ġudizzjarji.

126. Ir-raba’ nett, il-pożizzjoni tal-Kunsill tammonta f’fiduċja fi Stat Membru wieħed sabiex jevalwa jekk ikunx hemm provi validi u affidabbli ta’ aġir li jissodisfa l-kriterju għal indikazzjoni. Dan irendi frivolu r-rekwiżit li l-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu meta jimponi miżuri restrittivi (62) u l-ħtieġa ovvja għal min jieħu deċiżjonijiet sabiex jaġixxi abbażi ta’ provi li huwa jifhem u jiżen. Id-delega ta’ dik il-funzjoni lil Stat Membru wieħed hija abdikazzjoni ta’ responsabbiltà, hija manifestament kontra l-liġi u ma hijiex permessa (wisq inqas meħtieġa) skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali.

127. Fil-ħames nett, il-ħtieġa li informazzjoni kunfidenzjali tiġi protetta tista’ tiġġustifika li l-provi ma jiġux ikkomunikati lill-partijiet jew lill-avukati tagħhom. Ma tistax tiġġustifika li provi li l-Kunsill ikun ibbaża ruħu fuqhom jinżammu milli tarahom il-Qorti Ġenerali li quddiemha jkollha rikors għal annullament. Il-Kunsill imur ferm lil hinn mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Jasper (63). Huwa rrilevanti li r-Regoli tal-Proċedura ma jipprovdux espliċitament sabiex il-Qrati tal-Unjoni jqisu provi li ma jkunux ġew ikkomunikati lill-partijiet jew lill-avukati; ir-regoli għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-obbligu tal-kunfidenzjalità tad-dritt primarju li jorbot lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja (64). Il-qorti, għalhekk, tista’ tipprovdi sabiex hija tkun tista’ tara provi kunfidenzjali iżda mhux il-partijiet jew l-avukati tagħhom.

128. Fis-sitt nett, il-Kunsill ma jistax sempliċement isostni li jeżisti tħassib dwar is-sigurtà; huwa għandu jagħti dettalji biżżejjed għall-qorti sabiex tevalwa li t-tħassib jeżisti u jiġġustifika limitu għal drittijiet proċedurali. F’kuntest nazzjonali fejn wieħed jistrieħ fuq kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà sabiex jiġi ġġustifikat żvelar inkomplet, hija l-awtorità kompetenti li għandha turi li s-sigurtà tkun mod ieħor ippreġudikata; wieħed ma jistax jassumi li r-raġunijiet invokati jeżistu u huma validi (65). L-istess għandu japplika b’analoġija għall-Kunsill.

129. B’risposta lir-Renju Unit, il-banek jiddistingwu ċ-ċirkustanzi ta’ Bank Melli Iran (T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397) minn dawk tal-kawżi tagħhom stess. F’dik il-kawża l-Qorti Ġenerali sabet bħala fatti li r-rikorrent kien għamel pagamenti f’isem AEOI u li, minħabba li persunal ikkwalifikat ħafna huwa ta’ importanza massima għal żvilupp u riċerka nukleari, il-pagament ta’ fondi ta’ boroż ta’ studju anki relattivament żgħar bil-ħsieb li tiġi żgurata l-edukazzjoni f’dak il-qasam jikkostitwixxi għajnuna għal dawk l-attivitajiet. Hawnhekk ma kienx possibbli li tinstab xi ħaġa paragunabbli dwar fatti, minħabba li l-Kunsill ma pproduċa ebda dettall. Fir-rigward tar-riferiment għal Fulmen (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), il-banek iqisu li l-punti 57 sa 83 tas-sentenza f’dik il-kawża jivvendikaw il-pożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari l-punt 78: “[…] peress li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni rrifjutat li tipproduċi l-provi quddiem il-Qorti tal-Unjoni, din tal-aħħar, hekk kif jirriżulta mill-punt 68 tas-sentenza preżenti, għandha tibbaża biss fuq l-elementi li ġew ikkomunikati lilha”.

130. Fir-rigward tar-raġuni (iv) (il-bank parent ta’ FEE Bank, indikat fil-UNSCR 1929) fil-kawża tiegħu, il-Bank Mellat isostni li r-rekwiżit li l-Qrati tal-Unjoni għandhom jirrispettaw kif imiss lin-Nazzjonijiet Uniti ma jistax jeħlishom milli jirrevedu l-legalità ta’ atti tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura reviżjoni sħiħa, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali skont id-dritt tal-Unjoni, jew ta’ kull miżura tal-Unjoni maħsuba li ġġib fis-seħħ riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (66). Barra minn hekk, il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li ma jindikax il-Bank Mellat. Il-Kunsill ma kienx qed jimplementa sanzjonijiet tan-NU, u hija meħtieġa reviżjoni sħiħa tal-fatti bażiċi li wasslu għall-inklużjoni fil-lista. Ir-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għandha tkun evalwata f’dak il-kuntest. Lanqas ma hemm provi li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq dawk id-dikjarazzjonijiet. Ir-raġuni (iv) hija biss li l-Bank Mellat huwa l-prinċipali ta’ FEE Bank li huwa stess huwa indikat; ma hemm ebda riferiment għad-dikjarazzjoni vaga tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Bank Mellat.

131. Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raġuni (v) (servizzi lil AEOI), il-bank jiċħad l-argument li l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali jintitola lill-Kunsill jibbaża ruħu mingħajr verifika fuq provi mhux żvelati miġjuba minn Stat Membru wieħed. Skont l-Artikolu 4(3) TUE l-istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw ma’ korpi nazzjonali biss sabiex jgħinuhom fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati (67). Jekk dik id-dispożizzjoni wieħed jista’ jistrieħ fuqha sabiex jevadi drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ, l-istituzzjonijiet ikunu fil-fatt jgħinu Stat Membru sabiex imur lura minn kelmtu dwar l-obbligi tiegħu skont it-Trattati. Il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali jitlob li l-Istati Membri jikkooperaw mal-istituzzjonijiet sabiex jgħinu attivitajiet tal-Unjoni u sabiex jiżguraw konformità ma’ drittijiet fundamentali, u mhux sabiex ifixklu l-funzjonament sewwa tagħhom. L-Istati Membri għandhom dmir primarju li jgħinu l-objettivi tal-Unjoni u, l-iktar, dmir sekondarju tal-istituzzjonijiet li jagħtu l-appoġġ tagħhom għal politiki nazzjonali li ma jkollhomx kunflitt ma’ politiki tal-Unjoni. Meta l-Kunsill jistrieħ fuq informazzjoni mhux issostanzjata minn Stat Membru wieħed sabiex jadotta sanzjonijiet mal-Unjoni kollha huwa jkun qed imur kontra d-dritt għal reviżjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-konformità mad-drittijiet fundamentali kollha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. F’ċirkustanzi bħal dawn il-prinċipju jkun effettivament qed idgħajjef il-primat tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali.

132. Fir-rigward tat-tieni parti tar-raġuni (v) (servizzi lil Novin), l-ewwel nett, il-Kunsill jista’ ma jikkontestax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-fatti jew jitlob lil din il-Qorti tissostanzja l-evalwazzjoni tagħha stess. It-tieni nett, “is-sempliċi riskju li l-entità kkonċernata tagħti appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fil-futur ma huwiex suffiċjenti” (68). It-tielet nett, ma hemmx riskju bħal dan u ma hemmx bażi sabiex dan ikun allegat. Il-Qorti Ġenerali sabet li l-bank ma kien ta għajnuna lil ebda attività b’riskju ta’ proliferazzjoni. Tkun konklużjoni irrazzjonali li l-bank aktarx kien ser jipprovdi servizzi bankarji fil-ġejjieni li kienu jikkostitwixxu għajnuna bħal din; anzi, minħabba li l-bank ma kienx qabel għen il-proliferazzjoni nukleari Iranjana, ma kienx hemm raġuni biex wieħed jissupponi li kien ser jagħmel hekk fil-ġejjieni.

133. Il-Bank Saderat Iran jgħid, fir-rigward tar raġunijiet (iv) (ittratta ittri ta’ kreditu fl-2003 f’isem MEC) u (v) (servizzi finanzjarji lil SIG), li huwa kien ċaħad l-allegazzjonijiet u li l-Kunsill ma kien ġab l-ebda prova sabiex jissostanzjahom. Il-Qorti Ġenerali kienet, għalhekk, korretta meta sabet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

134. Fir-rigward tar-raġuni (iii) (trattament ta’ ittri ta’ kreditu f’isem DIO u IEI), il-bank irrikonoxxa l-involviment tiegħu f’ittri ta’ kreditu ta’ esportazzjoni favur DIO u IEI (maħruġa u mħallsa minn banek internazzjonali li ma kinux indikati), iżda mhux li huwa ttratta ittri ta’ kreditu ta’ DIO u ta’ IEI jew li kien involut wara li huma kienu indikati. Il-Kunsill ma ġabx provi li dawn ma kinux servizzi bankarji ordinarji mhux relatati ma’ proliferazzjoni nukleari. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, sewwa rriteniet li l-Kunsill kien jeħtieġlu jipprovdi dettalji, minħabba li kien straħ fuq ittri ta’ kreditu speċifiċi allegatament ittrattati mill-bank, u l-bank ma għandux jiġi żvantaġġat minħabba l-fatt li kien impossibbli jiġi ddeterminat jekk l-argumenti kellhomx bażi tajba. Il-Qorti Ġenerali sabet bħala fatt li l-Kunsill kien naqas milli jistabbilixxi li “trattament” ta’ ittri ta’ kreditu ta’ esportazzjoni jista’ jikkostitwixxi għajnuna għal attivitajiet nukleari tal-Iran skont it-tifsira tal-miżuri kkontestati.

135. Ma hijiex l-entità suġġetta għal miżuri restrittivi li għandha ġġib provi kontra l-bażi għall-impożizzjoni tagħhom, iżda huwa l-Kunsill li jġib provi favur l-allegazzjonijiet tiegħu. Tabilħaqq, Stat Membru għandu jikkonfuta allegazzjonijiet fi proċeduri ta’ ksur, iżda l-Istati Membri għandhom jikkooperaw lealment sabiex jiżguraw li jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni. Entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi ma għandhomx dan id-dmir. Madankollu, il-bank effettivament ta informazzjoni minn rajh dwar is-servizzi bankarji tiegħu lil DIO u IEI; il-Kunsill ma rreċiprokax, kuntrarjament għad-dmir tiegħu li jikkoopera b’mod leali mal-Qorti Ġenerali.

136. Fl-aħħar nett, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma tistax titħassar abbażi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, li ma hija marbuta mal-ebda raġuni mogħtija sabiex il-bank jiġi indikat; lanqas ma tista’ dik id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi raġuni bħal dik minħabba li ma hijiex imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet jew f’xi proposta għal inklużjoni fil-lista u ma tissodisfax il-kriterji għall-inklużjoni. Il-Kunsill lanqas ma jispjega kif l-analiżi tal-Qorti Ġenerali setgħet ġiet affettwata bir-“rikonoxximent” ta’ dik id-dikjarazzjoni, li ma tipprovdi l-ebda prova dwar x’kien allegat mill-Kunsill. Hija spekulazzjoni pura li jingħad li l-Kunsill tas-Sigurtà bilfors kellu raġuni tajba sabiex iqis li l-banek kienu qed jikkontribwixxu għal attivitajiet nukleari tal-Iran. Jekk kienx hemm xi kontribuzzjoni hija kwistjoni ta’ fatt, li l-Kunsill għandu jġib provi dwarha. Hija ugwalment spekulazzjoni li jiġi ddikkjarat li l-Kunsill tas-Sigurtà ma indikax il-bank minħabba interessi politiċi u ekonomiċi diverġenti. L-inferenza t-tajba hija li ma kienx hemm provi sabiex jiġġustifikaw indikazzjoni.

137. Fid-dawl ta’ dawk l-argumenti kollha, jidhirli li hemm żewġ settijiet ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati.

138. L-ewwel nett, x’kellu jagħmel il-Kunsill sabiex ikun jista’ leġittimament jimponi miżuri restrittivi fuq il-banek? B’mod partikolari: kien meħtieġ (kif, essenzjalment, qieset il-Qorti Ġenerali), li jiġu stabbiliti mumenti ta’ aġir speċifiku li, b’xi mod jew ieħor skont it-tifsira tal-kriterji msemmija fir-Regolament Nru 423/2007, fid-Deċiżjoni 2010/413, fir-Regolament Nru 961/2010 jew fir-Regolament Nru 267/2012, skont il-każ, għenu attivitajiet nukleari tal-Iran li jistgħu jwasslu għal proliferazzjoni? Jew kien suffiċjenti (kif il-Kunsill issa essenzjalment qed isostni) li l-banek għandhom ikunu oġġettivament f’pożizzjoni li jipprovdu għajnuna bħal din fil-ġejjieni permezz ta’ operazzjonijiet ta’ xorta inerenti fin-negozju tagħhom u li, meqjus il-kuntest globali (inklużi dikjarazzjonijiet fil-UNSCRs u aġir fl-imgħoddi, li ma jeħtiġilhomx prova li kienu jikkostitwixxu għajnuna b’mod intenzjonat jew konxju jew li kellhom xi rabta diretta mal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran), ikun probabbli li huma jagħmlu hekk?

139. It-tieni sett ta’ kwistjonijiet jikkonċerna d-disponibbiltà ta’ provi li jissostanzjaw ir-raġunijiet mogħtija għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi. Ma huwiex konċepibbli li miżuri bħal dawn jistgħu jkunu ġġustifikati mingħajr provi ta’ xejn, iżda għandu jitqies sa fejn il-provi, partikolarment fil-każ li jkunu kunfidenzjali min-natura tagħhom, għandhom ikunu disponibbli għal dawk suġġetti għall-miżuri, għall-Qorti Ġenerali u tabilħaqq għall-Kunsill innifsu sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti kemm ta’ evalwazzjoni korretta tal-fatti, kif ukoll ta’ stħarriġ ġudizzjarju adegwat ta’ dik l-evalwazzjoni.

140. Fir-rigward taż-żewġ settijiet ta’ kwistjonijiet, jidhirli li l-Kunsill naqas milli jistabbilixxi kwalunkwe żball ta’ liġi li jista’ jiġġustifika t-tħassir tas-sentenzi fl-appell.

141. L-ewwel nett, il-kriterji sabiex persuni, entitajiet jew korpi jiġu inklużi fil-listi ta’ dawk li l-assi u r-riżorsi tagħhom għandhom jiġu ffriżati huma dawk li l-Kunsill ikun impona fuqu nnifsu. Huma ċari u speċifiċi. Huma fattwali fin-natura tagħhom u jistgħu jiġu pprovati bi provi fattwali. Huma relatati ma’ mġiba (jew status) attwali, aċċertabbli tal-partijiet ikkonċernati, mhux mal-possibbiltà astratta ta’ tipi partikolari ta’ mġiba fil-ġejjieni.

142. B’mod partikolari, il-kriterji stabbiliti (69) ma jinkludux sempliċement il-fatt li jkunu ddikjarati li kienu ffaċilitaw operazzjonijiet (bħalma kien il-każ tal-Bank Mellat fil-UNSCR 1929) jew li kienu rrakkomandati għall-viġilanza (bħalma kien il-każ tal-Bank Saderat – possibbilment mhux l-istess entità bħall-Bank Saderat Iran – fil-UNSCR 1803) f’UNSCR, meta ma kien hemm ebda indikazzjoni attwali, fi jew skont UNSCR, għal assi u riżorsi sabiex jiġu ffriżati. Lanqas ma jinkludu sempliċement il-fatt li jkunu f’pożizzjoni li, jew aktarx li, jinvolvu lilhom infushom f’imġiba tax-xorta msemmija, iżda biss – u espliċitament – il-fatt li (minħabba li jkunu identifikati bħala) li jkunu involuti f’imġiba bħal din. Fl-aħħar nett, il-kriterji fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal inklużjoni f’lista ta’ dawk li l-assi u r-riżorsi finanzjarji tagħhom għandhom jiġu ffriżati ma jinkludux biss suspett, jew anki bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen, li l-kriterji iktar speċifiċi jkunu tħarsu. Dik l-aħħar pożizzjoni fil-fatt tista’ tidher li hija ftit differenti mill-punt 21 tal-UNSCR 1929, li tinkludi l-iffriżar ta’ assi u riżorsi bħala mod ta’ azzjoni x’tittieħed meta Stat ikollu “informazzjoni li raġonevolment tagħti lok sabiex wieħed jemmen li […] assi jew riżorsi bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari tal-Iran sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni […]” (70). Madankollu, għad hemm rekwiżit għal informazzjoni bażika. Barra minn hekk, mod ieħor ta’ azzjoni msemmi fl-istess punt f’ċirkustanzi bħal dawn huwa l-monitoraġġ aħjar ta’ operazzjonijiet finanzjarji, u kienet dik l-għażla li l-Kunsill adotta (71).

143. Barra dan, ir-raġunijiet mogħtija mill-Kunsill biex ikunu elenkati l-banek huma fihom infushom fattwali fin-natura tagħhom u jistgħu jkunu pprovati bi provi fattwali, u jkollhom rabta mal-imġiba jew status aċċertabbli oġġettivament tal-banek. Madankollu, mhux ir-raġunijiet kollha jikkorrispondu speċifikament mal-kriterji għall-inklużjoni fil-listi stabbiliti mill-Kunsill stess. Fil-każ tal-Bank Mellat, li tkun il-kumpannija parent ta’ FEE Bank indikat mill-UNSCR formalment ma jaqax taħt xi wieħed minn dak il-kriterji (72).

144. Diġà esprimejt il-fehma tiegħi li r-raġunijiet mogħtija għandhom ikunu evalwati kollha flimkien, b’mod li, moqrija kumulattivament, ikunu jistgħu jagħtu spjegazzjoni u għajnuna reċiproka. Jiena, għalhekk, inqis li l-Qorti Ġenerali ma misshiex injorat ir-rilevanza possibbli ta’, pereżempju, proprjetà parzjali mill-Istat tal-Bank Saderat Iran (73) jew il-proprjetà tal-Bank Mellat ta’ FEE Bank għall-evalwazzjoni tar-raġunijiet l-oħra iktar speċifiċi, sa fejn elementi bħal dawn kienu bbażati fuq provi adegwati jew ma kinux ikkontestati.

145. Madankollu, ma nqisx li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi kkritikata talli ma siltitx konklużjonijiet vis-à-vis l-Bank Mellat minn kwalunkwe spekulazzjoni mhux issostanzjata li kien biss nuqqas ta’ qbil politiku fil-Kunsill tas-Sigurtà li ta lok għall-indikazzjoni ta’ FEE Bank imma mhux tal-Bank Mellat. Huwa biss jekk attwalment kien hemm xi prova dwar ir-raġunijiet (ċertament, mal-ewwel daqqa t’għajn, sorprendenti) għad-differenza li l-Qorti Ġenerali kien ikun jeħtiġilha tqis raġunijiet bħal dawn.

146. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiġi kkritikata talli ma kkonkluditx, abbażi tal-fatt li l-banek kienu pprovdew servizzi lil ċerti entitajiet involuti fl-iżvilupp nukleari iżda kienu indikati biss sussegwentement, li probabbilment fil-ġejjieni kienu ser jagħtu servizzi lil entitajiet oħra bħal dawn, u li din il-probabbiltà, kieku kellha sseħħ, setgħet tiġġustifika miżuri restrittivi. Minn naħa, jidhirli li (partikolarment minħabba li l-banek ċaħdu li kienu jafu minn qabel dwar involviment nukleari min-naħa tal-klijenti tagħhom) ċirkustanza bħal din ma tiġġustifikax li huma jitqiesu iktar propensi minn kull bank ieħor li jagħtu servizzi bħal dawn fil-ġejjieni; min-naħa l-oħra, f’kull każ mhux il-probabbiltà li jingħataw servizzi finanzjarji lil entitajiet indikati, iżda li attwalment jingħataw servizzi bħal dawn li jikkostitwixxi l-kriterju sabiex dawk li l-assi u r-riżorsi tagħhom ikollhom jiġu ffriżati jiddaħħlu fil-lista.

147. Ngħaddi, għalhekk, għat-tieni kwistjoni wiesgħa, li tikkonċerna d-disponibbiltà tal-provi, fir-rigward b’mod partikolari tal-possibbiltà tan-natura kunfidenzjali tagħhom, kwistjoni li dwarha ma nistax naċċetta l-argumenti tal-Kunsill.

148. Kif innotajt, il-kriterji kollha għal-inklużjoni fil-lista, u r-raġunijiet kollha mogħtija mill-Kunsill sabiex il-banek jiġu inklużi, huma elementi fattwali li jistgħu jiġu pprovati. Xi wħud minn dawk ir-raġunijiet (bħall-involviment f’tendenza ta’ mġiba li tiffaċilita programmi nukleari, jew li tagħti servizzi lil entitajiet mhux speċifikati) jistgħu jkunu iktar diffiċli sabiex jiġu pprovati, filwaqt li oħrajn (proprjetà parzjali tal-Istat jew l-għoti ta’ servizzi lil entitajiet imsemmija) jistgħu jkunu iktar faċli; madankollu, jistgħu lkoll, fil-prinċipju, jiġu stabbiliti bi provi.

149. F’dak ir-rigward, mhux biss ir-raġunijiet għal-inklużjoni fil-lista, meta jinqraw flimkien, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex ikun stabbilit li, għall-inqas, kriterju wieħed għal listi jitħares, iżda neċessarjament għandu jkun hemm provi tal-bażi fattwali għal dawn ir-raġunijiet li jkunu rilevanti għal dak il-kriterju jew għal dawk il-kriterji (74).

150. Kif, meta u lil min għandhom dawk il-provi jkunu disponibbli?

151. L-ewwel u qabel kollox, hija ċertament ħaġa mixtieqa li l-Kunsill ikollu provi fiż-żmien meta dak il-korp jieħu d-deċiżjoni tiegħu. F’dak ir-rigward qist li n-nuqqas li jiġu eżaminati l-provi qabel ma tittieħed id-deċiżjoni inizjali għall-inklużjoni fil-listi, li normalment għandha jkollha effett ta’ sorpriża (75), ma jistax bħala tali jikser id-drittijiet tad-difiża tal-banek (76). Barra minn hekk, għal miżuri restrittivi tax-xorta inkwistjoni hawnhekk, jista’ kultant (għalkemm mhux dejjem) ikun jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni inizjali malajr abbażi ta’ informazzjoni mogħtija minn Stat Membru, li ma tkunx tista’ tiġi vverfikata materjalment mill-Kunsill bħala korp fiż-żmien disponibbli.

152. Madankollu, kunsiderazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux jeħilsu lill-Kunsill mid-dmir tiegħu li jeżamina sewwa u b’imparzjalità meta jkun qed jeżamina mill-ġdid dik id-deċiżjoni inizjali bil-għan li jikkonfermaha (77). Għalhekk, f’dak iż-żmien, għandhom ikunu disponibbli għall-Kunsill provi adegwati. Konsegwentement, li fi stadju wara l-Kunsill fl-intier tiegħu, jibbaża ruħu fuq provi li jkunu ġew evalwati minn Stat Membru wieħed biss (jew, f’dawn il-kawżi, minn, massimu tliet Stati Membri, minħabba li kien hemm tliet proposti għal-listi) u ma kinux disponibbli għall-Kunsill, ma jistgħux jikkostitwixxu evalwazzjoni adegwata. Bħala materja ta’ prinċipju, il-Kunsill ma jistax jikkuntenta lilu nnifsu billi japprova b’mod awtomatiku dak li jkun intqal lilu mill-Istati Membri kostitwenti tiegħu. L-Istati Membri individwalment huma preżenti fil-Kunsill, imma l-istituzzjoni nfisha hija korp separat u għandha taqdi r-responsabbiltajiet tagħha stess. Jekk dak ma seħħx f’dawn il-kawżi, hemm, fil-fehma tiegħi, ġustifikazzjoni biżżejjed sabiex il-miżuri kkontestati jiġu annullati abbażi ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn kienu bbażati fuq raġunijiet li huma stess kienu bbażati fuq provi li ma kinux evalwati mill-Kunsill.

153. Il-Qorti Ġenerali, madankollu, ma bbażatx il-konklużjoni li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni b’mod speċifiku fuq il-fatt li l-Kunsill innifsu ma kien evalwa l-ebda prova iżda, pjuttost, fuq il-fatt li irrispettivament minn jekk il-Kunsill bħala tali kellux fil-pussess tiegħu jew kienx evalwa xi provi sostantivi, l-ebda prova ma kienet disponibbli għall-Qorti Ġenerali fl-istadju tal-litigazzjoni. Il-Kunsill issa jsostni li ma setax jipproduċi dawn il-provi għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità marbuta mal-ħtieġa li jiġu protetti sorsi ta’ informazzjoni, u li l-Qorti Ġenerali missha aċċettat dik is-sitwazzjoni u qieset li l-asserzjonijiet li hemm fil-proposti għal-listi sottomessi mill-Istati Membri kienu jikkostitwixxu provi suffiċjenti, bil-kundizzjoni li kienu plawżibbli.

154. Dik il-pożizzjoni ma hijiex fil-fehma tiegħi tenibbli, l-ewwel u qabel kollox, minħabba li l-Kunsill ma straħ qatt fl-ewwel istanza fuq il-kunfidenzjalità tal-provi jew tal-informazzjoni bħala l-bażi tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbaża d-deċiżjoni għal inklużjoni fil-lista, minkejja li l-banek kienu semmew fil-motivi tagħhom li setgħet kienet teżisti informazzjoni kunfidenzjali (78). Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ma tistax tiġi kkritikata talli bbażat il-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-motivi ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dak li tqiegħed quddiemha. Hija kellha l-jedd kollu teżamina l-evalwazzjoni tal-Kunsill abbażi ta’ dawk il-provi skont kif kienu disponibbli u ta’ dawk il-fatti li dwarhom il-partijiet kienu qablu (79).

155. Barra dan, u f’kull każ, insibha diffiċli naċċetta mingħajr iktar spjegazzjoni d-dikjarazzjoni mingħajr riżervi tal-Kunsill li l-iżvelar ta’ provi jista’ jkun ta’ perikolu għal dawk li jkunu taw l-informazzjoni jew għall-mezzi li bihom tkun inkisbet, jew li n-nuqqas li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta minn pajjiż terz jista’ jdgħajjef il-kooperazzjoni internazzjonali. Essenzjalment, l-uniċi provi li l-Kunsill seta’ kien qed jistrieħ fuqhom – minbarra dik tal-proprjetà tal-Istat jew, fil-każ tal-Bank Mellat, il-kumpannija parent ta’ FEE Bank, li fir-rigward tiegħu jidher li ma hemmx kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità – kienu jikkonċernaw operazzjonijiet attwalment jew allegatament imwettqa mill-banek f’dati speċifiċi għal klijenti speċifiċi. Il-Kunsill ma ta l-ebda indikazzjoni dwar l-imposibbiltà li dawn il-provi jiġu prodotti mingħajr ma jsiru magħrufa sorsi jew metodi, jew għaliex pajjiż terz li s-servizzi tiegħu kienu kisbu l-provi seta’ ma xtaqx li jiġu żvelati. Barra minn hekk, il-provi nfushom (kuntrarju għall-mod kif inkisbu) jikkonċernaw kwistjonijiet li l-banek jafu dwarhom, li kontrihom il-Kunsill ma jistax, għalhekk, jistrieħ għal kull pretensjoni dwar il-kunfidenzjalità. Lanqas ma jista’ jistrieħ fuq talba bħal din fil-konfronti tal-Qorti Ġenerali (80).

156. Fil-qosor, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kunsill tal-fatti bażiċi tar-raġunijiet mogħtija sabiex il-Bank Mellat jiġi elenkat: l-ewwel nett, il-Kunsill ma kkontestax li l-Qorti Ġenerali ma laqgħetx ir-raġuni (vii) (iffaċilita l-moviment ta’ miljuni ta’ dollari għall-programm nukleari Iranjan); it-tieni nett, ma ġabx provi li l-bank kien ipprovda servizzi lil AEOI, lil uffiċjali ta’ AIO jew lil aġent ta’ akkwisti Iranjan (parti mir-raġuni (v) u r-raġuni (vi)); it-tielet nett, la qal u lanqas ma stabbilixxa li kienu ngħataw xi servizzi ġodda (81) lil Novin wara l-indikazzjoni ta’ Novin mill-Kunsill tas-Sigurtà jew li l-bank kien sar jaf bl-involviment ta’ Novin fl-iżvilupp nukleari (il-bqija tar-raġuni (v)), u l-fatt li qabel kienu ngħataw servizzi ma kienx, u ma ssostanzjax, kriterju għall-inklużjoni fil-lista; ir-raba’ nett, mingħajr ma kienu ssostanzjati r-raġunijiet (v) u (vi), ma kinux lanqas issostanzjati r-raġunijiet (ii) u (iii) (involviment f’tendenza ta’ aġir li jappoġġa u jiffaċilita l-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran, u l-għoti ta’ servizzi lil entitajiet elenkati tan-NU u tal-UE, rispettivament); il-ħames nett, li kien il-kumpannija parent ta’ FEE Bank (raġuni (iv)) ma kinitx raġuni li kienet tissodisfa kriterju għall-inklużjoni fil-lista; fl-aħħar nett, proprjetà tal-Istat (raġuni (i)) minnha nfisha ma kienet tissodisfa l-ebda kriterju għall-inklużjoni fil-lista, kienet biss parzjali (u ma ntweriex kemm kienet il-proprjetà sabiex tingħata xi “influwenza predominanti” fuq l-Istat) u, f’kull każ, il-Kunsill ibbaża ruħu fuqha biss fid-Deċiżjoni 2010/413 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010.

157. Għalhekk nikkonkludi li l-Kunsill ma identifika ebda żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali li jiġġustifika li s-sentenza titħassar fl-appell fil-każ tal-Bank Mellat.

158. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kunsill tal-fatti bażiċi tar-raġunijiet mogħtija sabiex il-Bank Saderat Iran jiġi elenkat: l-ewwel nett, il-Kunsill naqas milli jġib provi jew informazzjoni dettaljata dwar is-servizzi allegatament mogħtija mill-bank lil DIO, IEI, MEC jew SIG (raġunijiet (iii), (iv) u (v)); it-tieni nett, mingħajr ma kienu ssostanzjati dawk ir-raġunijiet, ma kinitx ukoll issostanzjata r-raġuni (ii) (provvista ta’ servizzi lil entitajiet ta’ akkwisti f’isem il-programmi nukleari u ta’ missili ballistiċi tal-Iran, inklużi entitajiet suġġetti għall-UNSCR 1737); fl-aħħar nett, proprjetà tal-Istat (raġuni (i)) minnha nfisha ma kienet tissodisfa ebda kriterju għall-inklużjoni fil-listi u, b’mod żbaljat, kien ingħad li kienet tammonta għal 94 % fid-Deċiżjoni 2010/413 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 (u ma ntweriex kemm kienet il-proprjetà sabiex tingħata xi “influwenza predominanti” fuq l-Istat).

159. Għalhekk nikkonkludi li l-Kunsill ma identifika ebda żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali li jiġġustifika li s-sentenza titħassar fl-appell fil-każ tal-Bank Saderat Iran.

160. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-allegazzjonijiet kollha tal-Kunsill dwar żbalji ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali fl-analiżi tagħha tal-motivi tal-banek dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni jiġu miċħuda.

 Provi li jikkonċernaw il-Bank Saderat Iran (appell inċidentali mill-Bank Saderat Iran)

161. Fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet: “il-fajl ma jinkludi ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-Kunsill ivverifika r-rilevanza u l-fondatezza tal-provi fil-konfront tar-rikorrent li kienu ppreżentati lili qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolamenti ta’ implimentazzjoni Nru 668/2010”. Fil-punt 96, hija għaddiet sabiex tqis li, għalhekk, kien ċar li, “fl-adozzjoni tal-atti kkontestati suċċessivi, il-Kunsill eżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi tal-każ fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, peress li aġġusta l-indikazzjoni li tirrigwarda s-sehem tal-Istat Iranjan fil-kapital ta’ dan tal-aħħar u li kien esprima ruħu fuq l-argument tiegħu li jikkonċerna l-attivitajiet li jirrigwardaw in-noti ta’ kreditu”.

162. Fl-appell inċidentali tiegħu, il-Bank Saderat Iran isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-informazzjoni li fuqha l-Kunsill ibbaża d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 kien fiha “provi li jikkonċernaw lir-rikorrent”, li setgħu ġew evalwati. Konsegwentement, kompliet tiżbalja meta qalet li n-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-provi ma vvizzjax il-miżuri sussegwenti. Fl-ewwel istanza, il-bank kien enfasizza li l-evalwazzjoni tal-Kunsill kienet ibbażata mhux fuq provi imma sempliċement fuq proposti għal inklużjoni fil-listi, b’tali mod li ma jista’ jkun hemm ebda evalwazzjoni ta’ provi dwarha. Il-Qorti Ġenerali, madankollu, ibbażat il-punt 95 tas-sentenza tagħha fl-appell fuq il-premessa żbaljata li kien hemm provi x’jiġu evalwati. Fil-fatt ma kinux ippreżentati provi lill-Kunsill, li jirrikonoxxi fl-appell tiegħu li ma ra xejn, minħabba li kull prova li setgħet eżistiet kienet kunfidenzjali. Kemm il-miżuri inizjali kif ukoll dawk sussegwenti misshom, għalhekk, ġew annullati għal din ir-raġuni biss.

163. Il-Kunsill jaċċetta li, kieku ma kienx hemm informazzjoni jew provi ta’ xejn dwar l-indikazzjoni tal-bank, huwa ma kienx ikun jista’ jwettaq evalwazzjoni. Madankollu, xi provi u informazzjoni kienu disponibbli, u l-Kunsill seta’ jevalwahom. Il-kwistjoni jekk l-informazzjoni u l-provi kinux biżżejjed jew issostanzjati biżżejjed sabiex jiġġustifikaw li l-bank jiġi elenkat hija distinta mill-kwistjoni jekk il-Kunsill setax iwettaq evalwazzjoni inizjali u jekk kienx twettaq eżami sussegwenti. Konsegwentement, anki jekk instiltet il-konklużjoni l-ħażina mill-informazzjoni u l-provi disponibbli, dak ma jfissirx li ma setgħux isiru evalwazzjoni inizjali jew eżami mill-ġdid sussegwenti. Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta sabet li l-Kunsill kien eżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi li fihom il-bank kien ġie elenkat qabel ma adotta l-miżuri sussegwenti kontrih.

164. Jidhirli, l-ewwel nett, li din il-parti tal-appell inċidentali tal-Bank Saderat Iran hija inammissibbli fis-sens li, kuntrarju għall-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma titlobx li titħassar, parzjalment jew fl-intier tagħha, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jiġifieri, id-dispożittiv tas-sentenza appellata. Dak li l-bank jitlob espliċitament lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tħassar dik is-sentenza “limitatament fir-rigward tar-raġunijiet żbaljati […] identifikati”. Appell ifformulat b’dak il-mod huwa inammissibbli (82).

165. Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata annulla l-miżuri kollha (kemm inizjali kif ukoll sussegwenti) li l-annullament tagħhom kien mitlub mill-bank, limitatament sa fejn kienu jikkonċernaw lilu. Il-bank ma jitlobx li dak l-annullament b’xi mod jitħassar, u lanqas li l-argument tiegħu, jekk jirnexxi, jista’ jkollu dak l-effett. Kulma jitlob il-bank f’din il-parti tal-appell inċidentali tiegħu (83) huwa rikonoxximent li l-miżuri setgħu ġew annullati biss abbażi tal-fatt li l-Kunsill ma ra ebda provi.

166. F’kull każ, inqis li l-bank qiegħed jiffoka fuq dettall terminoloġiku hawnhekk – u possibbilment fuq traduzzjoni infeliċi. Il-verżjoni Franċiża tas-sentenza appellata (li, kif huwa magħruf, hija l-verżjoni li fiha s-sentenza kienet abbozzata u maħsuba) tuża l-kelma iktar ġenerali “elementi” (“materjal”) fejn l-Ingliż juża “provi”. Minkejja dak li seta’ għamel jew ma għamilx il-Kunsill, huwa ċar li kien ingħata materjal qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010. Ir-rilevanza u l-validità ta’ dak il-materjal kellhom jiġu evalwati f’dak l-istadju. Il-Qorti Ġenerali sabet li ma kienx. Ma jidhirx li huwa rilevanti ssir distinzjoni bejn provi u (s’issa) dikjarazzjonijiet mhumiex korroborati f’dak il-kuntest. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali kienet sempliċement li l-Kunsill ma kienx wettaq dmiru li jeżamina r-rilevanza u l-validità ta’ dak li kien tressaq quddiemu. Meta aċċettat li l-Kunsill kien qies l-osservazzjonijiet sussegwenti tal-bank fl-eżaminazzjoni mill-ġdid dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma kienet bl-ebda mod qed tieħu bħala l-premessa tagħha li l-materjal ta’ qabel kien jikkostitwixxi provi, fis-sens strett, dwar ir-rikorrent.

167. Għalhekk nissuġġerixxi li dan l-aggravju tal-appell inċidentali jiġi miċħud.

 Artikolu 60 tal-Istatut (appell inċidentali mill-Bank Saderat Iran)

168. Fl-Artikolu 288 TFUE, regolament huwa ddefinit bħala li għandu jkollu applikazzjoni ġenerali u jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, filwaqt li deċiżjoni li tispeċifika lil min tkun indirizzata għandha torbot lilhom biss. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut jipprovdi li appell ma għandux ikollu effett sospensiv. Madankollu, skont it-tieni paragrafu, deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jiddikjaraw regolament bla effett għandhom ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tal-perijodu għall-preżentata ta’ appell jew, jekk appell jiġi ppreżentat f’dak il-perijodu, mid-data meta r-regolament ikun ġie ddikjarat bla effett.

169. Matul il-proċedura fl-ewwel istanza, il-Bank Saderat Iran ġibed l-attenzjoni għad-digriet Akhras vs Il-Kunsill, f’appell kontra digriet li ċaħad talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ atti, inklużi regolamenti, li jimponu miżuri restrittivi fuq persuni u entitajiet relatati mar-reġim fir-Sirja. F’dak id-digriet, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjara li “[a]nki jekk, kif sostna r-rikorrent b’argumenti li ma jidhrux li ma humiex mingħajr bażi, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut […] ma huwiex applikabbli fil-każ ta’ regolamenti bħal dawk ikkontestati fil-proċeduri prinċipali mill-appellant, jibqa’ l-każ li l-għoti ta’ miżuri interim f’dan il-każ kien irrifjutat mhux minħabba l-effetti ta’ dik id-dispożizzjoni […] imma [...] minħabba li l-kundizzjoni relatata mal-urġenza ma kinitx tħarset”  (84).

170. Il-Qorti Ġenerali qieset (85) li “Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminax, b’mod iddettaljat, l-applikabbiltà tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut għar-regolamenti li jimponu miżuri restrittivi, peress li sempliċement ikkonstata li, għalkemm l-argumenti ppreżentati fuq dan il-punt mir-rikorrent […] ma kinux jidhru li kienu ‘mingħajr bażi’, dawn l-argumenti kienu, għall-kuntrarju, ineffettivi” (86). Hija, għalhekk, iddeċidiet, b’mod partikolari, li r-Regolament Nru 267/2012 kellu n-natura ta’ regolament li għalih kien japplika t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut, b’mod li l-Kunsill seta’, fit-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ appell, jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri restrittivi ġodda fil-konfront tal-bank (jew, impliċitament, jippreżenta appell li jkollu effett sospensiv fir-rigward tal-annullament). Konsegwentement, sabiex ma tkunx ippreġudikata ċ-ċertezza legali, l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413 (li, kif emendata, imponiet fuq il-bank miżuri identiċi għal dawk tar-Regolament Nru 267/2012) kienu nżammu wkoll sakemm l-annullament tar-Regolament Nru 267/2012 kellu effett.

171. Fl-appell inċidentali tiegħu, il-Bank Saderat Iran isostni li, analizzati sewwa, ir-regolamenti kkontestati kollha ma humiex regolamenti vera iżda deċiżjonijiet fil-forma ta’ regolamenti, li jkunu indirizzati u li jikkonċernaw lil għadd limitat ta’ entitajiet speċifiċi. L-annullament tal-inklużjoni tal-bank fil-listi missu, għalhekk, kellu effett immedjat. Huwa jislet analoġija ma’ artikolu ta’ regolament antidumping li jimponi dazji fuq il-prodotti ta’ produtturi msemmija b’isimhom, jew analoġija ma’ regolament li jalloka liċenzji ta’ importazzjoni abbażi ta’ applikazzjonijiet individwali, li t-tnejn kienu ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala deċiżjonijiet individwali (87). In-natura deċiżjonali tal-inklużjoni fil-listi tax-xorta inkwistjoni hija kkaratterizzata mid-dmir li ssir notifika individwali skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, u kienet aċċettata mill-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Bank Melli Iran (88). L-Artikolu 60 tal-Istatut iżomm regolament fis-seħħ li japplika mal-UE kollha sakemm jinqata’ kwalunkwe appell, sabiex inaqqas l-effetti ta’ regoli ġenerali ta’ invalidazzjoni li f’appell jistgħu jkunu validi. L-istess tħassib ma japplikax għal regolament indirizzat lil individwu u li jkun fih dik li ratione materiae tkun deċiżjoni, li taqa’ fil-prinċipju ġenerali fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut.

172. Il-Kunsill ma jaċċettax l-analoġija tal-bank ma’ regolamenti li jimponu dmirijiet ta’ antidumping jew li jallokaw liċenzji ta’ importazzjoni. Is-sentenzi ċċitati mill-bank kienu jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ fejn persuna “tkun ikkonċernata direttament u individwalment” din għandha locus standi sabiex tikkontesta att. F’Kadi I (89) u f’Bank Melli Iran (90) il-Qorti qieset li l-listi fl-annessi ta’ regolamenti li jimponu miżuri restrittivi kienu ta’ applikazzjoni ġenerali, jorbtu fl-intier tagħhom u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, bħal kull regolament. L-istess għandu japplika hawnhekk. Barra minn hekk, il-miżuri kkontestati jolqtu mhux biss lill-persuni u lill-entitajiet indikati, iżda wkoll lil ħafna oħrajn li jagħmlu negozju magħhom. Flimkien ma’ dan, ir-Regolament Nru 267/2012 jeżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu multi xierqa għal ksur, u huwa imperattiv li tiġi evitata kull inċertezza legali sakemm jinqata’ l-appell. Fl-aħħar nett, kieku t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut ma kienx japplika, u r-regolamenti dwar l-iffriżar ta’ fondi kienu annullati mill-Qorti Ġenerali b’effett immedjat, rikorrenti li jirnexxilhom ikunu jistgħu jiddisponu mill-assi tagħhom sabiex jevitaw l-effetti ta’ kull iffriżar sussegwenti ta’ assi. Appell kontra annullament bħal dan, anki jekk jirnexxi, ma jifdallu ebda effett prattiku.

173. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-obbligi stabbiliti fil-miżuri kkontestati huma indirizzati mhux lill-persuni jew entitajiet elenkati iżda lil dawk li għandhom fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma ta’ jew ikkontrollati minn persuni jew entitajiet bħal dawk, jew li jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli għalihom.

174. Jiena nqis li din il-parti tal-appell inċidentali għandha tiġi miċħuda wkoll.

175. L-ewwel nett, huwa immedjatament ċar mid-definizzjonijiet ta’ “regolament” u “deċiżjoni” fl-Artikolu 288 TFUE li r-Regolament Nru 267/2012 jaqa’ taħt l-ewwel u mhux it-tieni definizzjoni. Għalhekk għandu jitqies li huwa regolament vera skont it-tifsira kemm ta’ dik id-dispożizzjoni, kif ukoll tal-Artikolu 60 tal-Istatut.

176. It-tieni nett, f’kull każ il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat espliċitament din il-kwistjoni fis-sentenza Kadi I (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), fil-punt 241 et seq, fejn sabet li regolament analogu ħafna huwa tabilħaqq ta’ natura ta’ regolament għall-finijiet tad-definizzjoni tat-Trattat. Ir-raġunijiet li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat dak li sabet – li l-Bank Saderat Iran lanqas biss jirreferi għalihom fl-appell inċidentali tiegħu – huma essenzjalment l-istess bħal dawk li taw issa l-istituzzjonijiet.

177. B’kuntrast, ir-riferimenti tal-bank għall-ġurisprudenza dwar ir-regolamenti antidumping u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Bank Melli Iran (C‑548/09 P, EU:C:2011:426) ma humiex rilevanti. Iż-żewġ sentenzi li huwa jiċċita jikkonċernaw il-locus standi ta’ rikorrent sabiex jikkontesta att li jikkonċernah direttament u individwalment, u huwa wkoll f’dak ir-rigward li l-Avukat Ġenerali Mengozzi qies li dak ir-Regolament Nru 423/2007 kien miżura ibrida – miżura ta’ applikazzjoni ġenerali, li madankollu kien jeħtiġilha tiġi nnotifikata lill-individwi affettwati. Ir-rekwiżit ta’ notifika individwali lil dawk li l-fondi jew l-assi tagħhom għandhom jiġu ffriżati ma jaffettwax l-applikazzjoni ġenerali ta’ regolament bħal dan fil-konfronti ta’ dawk kollha li jistgħu jkunu fil-pussess ta’ fondi jew assi bħal dawn jew ikun jeħtiġilhom iżommu ċ-ċertezza legali sakemm jinqata’ appell.

178. Għalhekk inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-Regolament Nru 267/2012 huwa ta’ natura ta’ regolament vera, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ġenerali fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut.

 Konklużjoni

179. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad iż-żewġ appelli u l-appell inċidentali tal-Bank Saderat Iran bħala infondati. Skont l-Artikoli 138, 140 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija flimkien,

–        il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u dawk tal-banek fir-rigward tal-appelli prinċipali;

–        il-Bank Saderat Iran għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u dawk tal-Kunsill fir-rigward tal-appell inċidentali; u

–        ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess fir-rigward taż-żewġ appelli u tal-appell inċidentali.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Sentenzi Bank Mellat vs Il-Kunsill, T ‑ 496/10, EU:T:2013:39 (“Bank Mellat”), u Bank Saderat Iran vs Il-Kunsill, T‑494/10, EU:T:2013:59 (“Bank Saderat Iran”) (iktar ’il quddiem “is-sentenzi appellati”).


3 – Riżoluzzjoni 1737 (2006) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-5612-il laqgħa tiegħu fit-23 ta’ Diċembru 2006.


4 – Riżoluzzjoni 1747 (2007) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-5647 laqgħa tiegħu fl-24 ta’ Marzu 2007.


5 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969), kif sussegwentement emendat.


6 – Riżoluzzjoni 1929 (2010) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-6335 laqgħa tiegħu fid-9 ta’ Ġunju 2010.


7 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożiżżjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39, u l-corrigendum ĠU L 197, p. 19).


8 –      Riżoluzzjoni 1803 (2008) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fil-5848 laqgħa tiegħu fit-3 ta’ Marzu 2008.


9 – Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25).


10 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 281, p. 81).


11 – Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1).


12 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71).


13 – Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 tal-1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11).


14 – Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran [u] li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).


15 – Sentenza Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, EU:C:1994:247, punt 40.


16 – Fl-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, tal-4 ta’ Marzu 1953 (Journal Officiel 1953, Nru 3, p. 37), l-estensjonijiet kienu mifruxa minn jum wieħed għal partijiet residenti fil-Belġju għal xahrejn għal dawk residenti barra mill-Ewropa.


17 – Ara Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, punti 35 sa 46, u Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punti 33 sa 44.


18 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 83, p. 389; iktar ’il quddiem “il-Karta”).


19 – Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


20 – Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294 (“Stardust”), punti 55 sa 57.


21 – Bank Mellat (Appellant) vs Her Majesty’s Treasury (Respondent) (No 1) u (No 2), [2013] UKSC 38, punt 66, u [2013] UKSC 39, punti 15, 16 u 32.


22 – Ara wkoll il-punt 61 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:470 (“Kala Naft”).


23 – Ara, b’mod ġenerali, punti 57 sa 75 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:470.


24 – Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Kvaerner Warnow Werft, C‑181/02 P, EU:C:2004:271, punt 49.


25 – Ara l-kliem ta’ introduzzjoni tal-punt 42 tas-sentenza Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, u l-punt 40 tas-sentenza Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59.


26 – Ara Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, punti 63 sa 65, u Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punti 61 sa 63.


27 – Ara Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, punti 66 sa 67.


28 – Ara Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punti 64 sa 73.


29 – Ara Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, punt 77, u Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punt 73.


30 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518 (“Kadi II”), punt 130.


31 – Ara s-sentenza Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punti 70 u 71.


32 – Ara Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, punti 78 sa 96, u Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punti 74 sa 90.


33 – Sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384 (“OMPI”), punt 93.


34 – Sentenza Bank Melli Iran vs Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 97.


35 – Sentenza Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 111.


36 – Sentenza OMPI, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 137.


37 – Sentenzi Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775 (“Fulmen”), punt 60, u Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 99.


38 – F’dawn il-kawżi, il-proposti għal listi jidher li ma jqajmu ebda kwistjoni ta’ kunfidenzjalità li setgħet iġġustifikat kull nuqqas ta’ rieda li jiġu kkomunikati. Ma fihomx informazzjoni lil hinn mir-raġunijiet sabiex il-banek jiġu elenkati kif stabbilit fis-sentenzi appellati (punti 49 u 51 iktar ’il fuq; ara wkoll il-punt 147 et seq iktar ’il quddiem).


39 – Ma neskludix il-possibbiltà li l-Kunsill jiddeċiedi li jibbaża ruħu biss fuq ċerti punti fil-fajl, billi jkun iddeċieda li kienu suffiċjenti sabiex jissostanzjaw ir-raġunijiet sabiex il-banek ikunu elenkati. F’dak il-każ, iżda, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-banek jekk il-Kunsill sussegwentement jiddeċiedi li jibbaża ruħu, fil-każ ta’ kontestazzjoni ġudizzjarja, fuq punti oħra li kienu nżammu u li fuqhom il-banek ma kellhomx, għalhekk, opportunità li jikkummentaw.


40 – Sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 97.


41 – Ara Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, punti 97 sa 104, u Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punti 91 sa 98.


42 – Sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461 (“Kadi I”), punti 338 sa 341.


43 – L-Artikolu 3(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill jgħid: “Punti biss li dwarhom id-dokumenti jkunu ntbagħtu lill-membri tal-Kunsill u lill-Kummissjoni mhux iktar tard mid-data li fiha tkun intbagħtet l-aġenda provviżorja jistgħu jitqiegħdu f’dik l-aġenda” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ma jispeċifikax, madankollu, li jkunu meħtieġa dokumenti partikolari għal deċiżjoni partikolari.


44 – Sentenza Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill, T‑434/11, EU:T:2013:405, punti 166 sa 170, li l-Qorti Ġenerali rreferiet għaliha fid-domanda tagħha lill-partijiet (ara l-punt 81 iktar ’il fuq).


45 – Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21 u ġurisprudenza ċċitata.


46 – Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, 31/69, EU:C:1970:10, punt 13. Madankollu, jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet (ara, pereżempju, is-sentenza Il-Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, EU:C:2004:265, punti 57 sa 60), fejn l-issekondar ta’ uffiċjal tal-Unjoni f’kariga temporanja miżmuma fid-diskrezzjoni ta’ grupp politiku seta’ jiġi tterminat mingħajr ma l-uffiċjal neċessarjament jingħata smigħ meta l-grupp ikun tilef il-fiduċja fl-uffiċjal ikkonċernat.


47 – Filwaqt li ninnota l-osservazzjonijiet ta’ Lord Sumption f’Bank Mellat vs Her Majesty’s Treasury (No 2), iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, fil-punt 32 et seq, dawn kienu saru f’kuntest proċedurali differenti. Min-naħa tiegħi, m’iniex lesta neskludi l-possibbiltà li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna effett ta’ sorpriża jista’ ma jkunx essenzjali. (Eżempju jista’ jkun meta l-persuna ssuspettata tkun diġà legalment miżmuma f’ċirkustanzi fejn ma tkunx f’pożizzjoni li tittrasferixxi fondi bil-quddiem qabel ma jkun hemm l-inklużjoni fil-lista). Evidentement, iżda, tkun meħtieġa s-sorpriża sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja.


48 – Ara l-punt 83 u nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq; ara wkoll is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 90.


49 – Ara Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, punti 109 sa 112, u Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punti 103 sa 106.


50 – Sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punti 37 u 107.


51 – Ara Bank Mellat, T‑496/10, EU:T:2013:39, punti 113 sa 139.


52 – Ara Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punti 106 sa 117.


53 – Konklużjonijiet Il-Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:176 (“Kadi II”), punt 66.


54 – Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Jasper vs Ir-Renju Unit [GC], Nru 27052/95, § 52, 16 ta’ Frar 2000.


55 – Sentenza Kadi I, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 294.


56 – Konklużjonijiet Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:176, punt 85.


57 – Ara s-sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata.


58 – T‑496/10, EU:T:2013:39, punt 125.


59 – Sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punti 143 sa 149.


60 – Sentenza Fulmen, C‑280/12 P, EU:C:2013:775.


61 – Sentenzi E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 57; Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 46; OMPI, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 159; Fulmen vs Il-Kunsill, T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142, punti 96 u 97; u Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 142.


62 – Artikolu 31(1) TEU.


63 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54.


64 – Sentenza Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, EU:C:1985:448, punt 28.


65 – Sentenza ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 61.


66 – Sentenza Kadi I, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 283 sa 285, 299, 303, 304, 306 sa 308 u 326.


67 – Ara wkoll is-sentenza X, C‑429/07, EU:C:2009:359, punt 21.


68 – Sentenza Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill, T‑509/10, EU:T:2012:201, punt 115.


69 – Ara l-punt 4 et seq iktar ’il fuq.


70 – Ara l-punt 7 iktar ’il fuq.


71 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 423/2007; il-premessa 21 tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 10(1)(d) tagħha; l-Artikoli 5(3), 12(2) u 23(1)(d) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikoli 3(5), 5(3), 18(2) u 32(1)(d) tar-Regolament Nru 267/2012.


72 – Kieku FEE Bank kien il-kumpannija parent u l-Bank Mellat kien sussidjarju, dan tal-aħħar kien ikun “proprjetà u taħt il-kontroll ta’” entità indikata (ara wkoll is-sentenza Melli Bank vs Kunsill, T‑246/08 u T‑332/08, EU:T:2009:266, punt 103). Huwa forsi sorprendenti li l-kriterji għall-inklużjoni fil-lista ma jinkludux ukoll “il-proprjetà u l-kontroll” ta’ entità indikata, minħabba li huwa ċar li kumpannija parent aktarx teżerċita influwenza kunsiderevoli fuq l-imġiba ta’ sussidjarja, kif konsistentement ġie rrikonoxxut partikolarment fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni (ara, pereżempju, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 54 et seq).


73 – Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-Bank Mellat hija differenti, fis-sens li l-Kunsill straħ, fid-Deċiżjoni 2010/413 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010, fuq l-asserzjoni żbaljata li l-bank kien proprjetà tal-Istat, u ma għamel ebda riferiment għal ebda grad ta’ proprjetà tal-Istat fil-miżuri sussegwenti.


74 – Sentenza Kadi II, EU:C:2013:518, punt 119.


75 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 iktar ’il fuq.


76 – Punt 97 iktar ’il fuq.


77 – Sentenza Kadi II, EU:C:2013:518, punti 114 u 115. Ara wkoll il-punt 72 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fi Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:482.


78 – Hawnhekk ninnota li d-dritt ta’ żvelar ma huwiex assolut (ara, pereżempju, Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Jasper, iċċitata fil-punt 111 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 iktar ’il fuq; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, A. et vs Ir-Renju Unit [GC], Nru 3455/05, § 205 et seq, QEDB 2009, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


79 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Fulmen, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punti 78 u 79, u Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 123 u 127.


80 – Sentenza Kadi II, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 125.


81 – Il-Kunsill ma jidhirx li qed jikkontesta s-sejbiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw il-pagamenti ta’ ammonti dovuti skont strumenti maħruġa qabel l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra Novin.


82 – Ara, pereżempju, is-sentenza Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Pays-Bas vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 sa 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.


83 – Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa kkontestat fit-tieni parti tal-appell inċidentali (ara l-punt 168 et seq iktar ’il quddiem). Huwa minnu li fil-punt 3 tad-dispożittiv “[I]l-kumplament tar-rikors huwa miċħud”, madankollu, minn naħa, ma nistax insib “kumplament” x’jiġi miċħud wara l-punti 1 u 2 u, min-naħa l-oħra, il-Bank Saderat Iran ma jagħmilx riferiment għall-punt 3 tad-dispożittiv.


84 – Digriet Akhras vs Council, C‑110/12 P(R), EU:C:2012:507, punt 29, enfasi miżjuda minni.


85 – Ara Bank Saderat Iran, T‑494/10, EU:T:2013:59, punti 122 sa 126.


86 – Punt 122 tas-sentenza appellata.


87 – Sentenzi NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 113/77, EU:C:1979:91, punt 11, u International Fruit Company et vs Il-Kummissjoni, 41/70 to 44/70, EU:C:1971:53, punt 21.


88 – Konklużjonijiet Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:426, punt 41.


89 – Sentenza Kadi I, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 241.


90 – Sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 45.