Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija) fit-28 ta’ April 2021 – EPIC Financial Consulting Ges.m.b.H. vs Ir-Repubblika tal-Awstrija u Bundesbeschaffung GmbH

(Kawża C-274/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: EPIC Financial Consulting Ges.m.b.H.

Konvenuti: Ir-Repubblika tal-Awstrija, Bundesbeschaffung GmbH

Domandi preliminari

Il-proċeduri interlokutorji previsti fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi 1 , fil-verżjoni tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni 2 , previsti wkoll fuq livell nazzjonali fl-Awstrija quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), f’liema proċeduri huwa possibbli li tinkiseb projbizzjoni temporanja tal-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas jew ta’ kuntratti ta’ provvista, jikkostitwixxu tilwima fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 3 ? Tali proċeduri interlokutorji kif hemm riferiment għalihom fid-domanda preċedenti jikkostitwixxu minn tal-inqas kwistjoni ċivili skont l-Artikolu 81(1) TFUE? Tali proċeduri interlokutorji skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665, fil-verżjoni tad-Direttiva 2014/23, huma proċeduri bil-għan li jiġu adottati miżuri provviżorji skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012?

Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi drittijiet suġġettivi lill-individwi kontra l-Istat Membru u li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi li jipprovdu li l-qorti, qabel ma tistħarreġ talba għal proċeduri interlokutorji kif prevista fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665, fil-verżjoni tad-Direttiva 2014/23, għandha tiddetermina t-tip ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u l-valur (stmat) tal-kuntratt kif ukoll in-numru totali ta’ deċiżjonijiet kontestabbli separatament li jirriżultaw minn proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt speċifiċi, kif ukoll, skont il-każ, il-lottijiet li jirriżultaw minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt speċifika sabiex il-president tal-awla kompetenti jadotta ordni għar-regolarizzazzjoni għall-finijiet tal-irkupru tal-ispejjeż u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, l-awla kompetenti li tisma’ t-talba timponi l-ispejjeż proċedurali qabel jew mhux iktar tard miċ-ċaħda tat-talba għal proċeduri interlokutorji minħabba nuqqas li jitħallsu l-ispejjeż mitluba, taħt piena ta’ telf ta’ intitolament, filwaqt li fi kwistjonijiet ċivili (oħra) fl-Awstrija, bħal pereżempju, fil-każ ta’ rikorsi għad-danni jew ordnijiet għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, in-nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż, indipendentement mill-ammont dovut, ma jipprekludix it-trattament tat-talba għal proċeduri interlokutorji u t-trattament ta’ rikors mill-qrati ċivili responsabbli mit-talbiet għal proċeduri interlokutorji indipendenti ma huwiex prekluż min-nuqqas ta’ ħlas ta’ spejjeż b’rata fissa u barra minn hekk, f’oqsma oħra tad-dritt, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ spejjeż għal appelli kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi jew għal appelli fuq punti ta’ liġi kontra deċiżjonijiet ta’ qrati amministrattivi quddiem il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) jew il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ma jwassalx għaċ-ċaħda tal-appell minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż u, pereżempju, ma jwassalx sabiex talbiet għal rikonoxximent tal-effett sospensiv jiġu miċħuda biss permezz taċ-ċaħda tagħhom f’tali appelli jew f’appelli fuq punti ta’ liġi?

2.1    Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi li jipprovdu li l-president tal-awla li jiddeċiedi bħala imħallef uniku għandu, qabel ma jistħarreġ talba għal proċeduri interlokutorji kif prevista fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665, fil-verżjoni tad-Direttiva 2014/23, jadotta ordni għar-regolarizzazzjoni għall-finijiet tal-irkupru tal-ispejjeż fin-nuqqas ta’ ħlas suffiċjenti tal-ispejjeż b’rata fissa, u dan l-imħallef uniku għandu jiċħad it-talba għal proċeduri interlokutorji fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-ispejjeż, filwaqt li, fi kwistjonijiet ċivili fl-Awstrija, taħt il-Gerichtsgebührengesetz (il-Liġi dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji), ma għandhom jitħallsu ebda spejjeż ġudizzjarji addizzjonali b’rata fissa, fil-prinċipju, għal talba għal proċeduri interlokutorji li titressaq flimkien ma’ rikors fl-ewwel istanza u, barra minn hekk, fir-rigward ta’ talbiet għall-għoti ta’ effett sospensiv li jitressqu flimkien ma’ appell minn deċiżjoni amministrattiva quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva), appell fuq punti ta’ liġi quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema), jew appell quddiem il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali), li minn perspettiva funzjonali, għandhom għan identiku jew simili għal talba għal proċeduri interlokutorji, ebda spejjeż ma għandhom jitħallsu għal tali talbiet anċillari għall-għoti ta’ effett sospensiv?

Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665, fil-verżjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE 4 , li jipprovdi li għandhom jittieħdu ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevienu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi dritt suġġettiv għal deċiżjoni immedjata dwar it-talba għal proċeduri interlokutorji u jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi li jipprovdu li l-qorti, anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ trasparenza tal-għoti tal-kuntratt u qabel ma tistħarreġ talba għal proċeduri interlokutorji intiża li tipprekludi akkwisti supplimentari mill-awtorità kontraenti, għandha tiddetermina, mingħajr ma dan ikun rilevanti għad-deċiżjoni tal-qorti, it-tip ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u l-valur (stmat) tal-kuntratt kif ukoll in-numru totali ta’ deċiżjonijiet kontestabbli separatament li jirriżultaw minn proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt speċifiċi, kif ukoll, skont il-każ, il-lottijiet li jirriżultaw minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt speċifika sabiex il-president tal-awla kompetenti jadotta ordni għar-regolarizzazzjoni għall-finijiet tal-irkupru tal-ispejjeż u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, l-awla kompetenti li tisma’ t-talba timponi l-ispejjeż proċedurali qabel jew mhux iktar tard miċ-ċaħda tat-talba għal proċeduri interlokutorji minħabba nuqqas li jitħallsu l-ispejjeż mitluba, taħt piena ta’ telf ta’ intitolament fil-konfront tar-rikorrent?

Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal smigħ xieraq quddiem qorti skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 5 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi drittijiet suġġettivi fuq l-individwi u li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi li jipprovdu li l-qorti, anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ trasparenza tal-għoti tal-kuntratt u qabel ma tistħarreġ talba għal proċeduri interlokutorji intiża li tipprekludi akkwisti supplimentari mill-awtorità kontraenti, għandha tiddetermina, mingħajr ma dan ikun rilevanti għad-deċiżjoni tal-qorti, it-tip ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u l-valur (stmat) tal-kuntratt kif ukoll in-numru totali ta’ deċiżjonijiet kontestabbli separatament li jirriżultaw minn proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt speċifiċi, kif ukoll, skont il-każ, il-lottijiet li jirriżultaw minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt speċifika sabiex il-president tal-awla kompetenti jadotta ordni għar-regolarizzazzjoni għall-finijiet tal-irkupru tal-ispejjeż u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, l-awla kompetenti li tisma’ t-talba timponi l-ispejjeż proċedurali qabel jew mhux iktar tard miċ-ċaħda tat-talba għal proċeduri interlokutorji minħabba nuqqas li jitħallsu l-ispejjeż mitluba, taħt piena ta’ telf ta’ intitolament fil-konfront tar-rikorrent?

Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi drittijiet suġġettivi fuq l-individwi kontra l-Istat Membru u li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi li jipprovdu li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ spejjeż b’rata fissa għall-preżentazzjoni ta’ talba għal proċeduri interlokutorji fis-sens tad-Direttiva 89/665 fil-verżjoni fis-seħħ, awla ta’ qorti amministrattiva li tippresjedi bħala qorti għandha timponi spejjeż b’rata fissa (bil-konsegwenza ta’ limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ rimedji ġudizzjarji għall-parti li tħallas l-ispejjeż), filwaqt li spejjeż għal rikorsi, talbiet għal proċeduri interlokutorji u appelli fi proċeduri ġudizzjarji ċivili huma imposti, fin-nuqqas ta’ ħlas, minn deċiżjoni skont il-Gerichtlichem Einbringungsgesetz (il-Liġi dwar il-Ġabra ta’ Spejjeż Ġudizzjarji), u fil-każ tad-dritt amministrattiv, l-ispejjeż ta’ appell għal appelli quddiem qorti amministrattiva jew quddiem il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali) jew għal appelli fuq punti ta’ liġi quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il Qorti Amministrattiva Suprema), huma ġeneralment imposti, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ dawk l-ispejjeż, permezz ta’ avviż tal-awtorità tat-taxxa (deċiżjoni ta’ impożizzjoni fiskali) li jista’ jiġi appellat quddiem qorti amministrattiva u sussegwentement, permezz ta’ appell fuq punti ta’ liġi quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il Qorti Amministrattiva Suprema) jew appell quddiem il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali)?

Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, fil-verżjoni tad-Direttiva 2014/23, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjoni ta’ ftehim qafas ma’ operatur ekonomiku uniku skont l-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2014/24 tikkostitwixxi l-konklużjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 89/665, fil-verżjoni tad-Direttiva 2014/23?

6.1.    Il-formulazzjoni “kuntratti bbażati fuq dan il-ftehim” fl-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2014/24 għandha tiġi interpretata fis-sens li kuntratt ikun ibbażat fuq il-ftehim qafas meta l-awtorità kontraenti tattribwixxi kuntratt speċifiku espressament fuq il-bażi tal-ftehim qafas konkluż? Jew il-formulazzjoni “kuntratti bbażati fuq dan il-ftehim” għandha tiġi interpretata fis-sens li meta l-kwantità totali koperta mill-ftehim qafas skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice 6 , (punt 64), tkun diġà ġiet eżawrita, ma jkunx hemm iktar kuntratt ibbażat fuq il-ftehim qafas inizjalment konkluż?

7.    Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal smigħ xieraq quddiem qorti skont l-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni li tipprovdi li l-awtorità kontraenti indikata fit-tilwima fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha, fi proċeduri interlokutorji, tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa u tipproduċi d-dokumenti kollha meħtieġa, fejn in-nuqqas fiż-żewġ istanzi jista’ jwassal għal deċiżjoni fil-kontumaċja, jekk l-uffiċjali jew l-impjegati ta’ din l-awtorità kontraenti li huma marbuta jipprovdu din l-informazzjoni f’isem l-awtorità kontraenti jistgħu jinkorru r-riskju li jinkriminaw ruħhom skont id-dritt kriminali jekk jipprovdu l-informazzjoni jew jipproduċu d-dokumenti?

8.    Fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta u fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżit fl-Artikolu 1(1) tad- Direttiva 89/665, fil-verżjoni tad-Direttiva 2014/24, li jipprovdi li proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti għandhom, b’mod partikolari, jiżvolġu b’mod effettiv, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonferixxu drittijiet suġġettivi u jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jipprovdu li l-parti li tfittex rimedju ġudizzjarju permezz ta’ talba għal proċeduri interlokutorji hija marbuta tispeċifika fit-talba tagħha għal proċeduri interlokutorji l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt speċifika u d-deċiżjoni speċifika tal-awtorità kontraenti, anki fejn, fil-każ ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt, din il-parti ma tkunx taf kemm il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt mhux trasparenti tmexxiet mill-awtorità kontraenti u kemm ittieħdu deċiżjonijiet ta’ għoti fil-proċeduri ta’ għoti mhux trasparenti?

9.    Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal smigħ xieraq quddiem qorti skont l-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tikkonferixxi drittijiet suġġettivi u tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jipprovdu li l-parti li tfittex rimedju ġudizzjarju permezz ta’ talba għal proċeduri interlokutorji hija marbuta tispeċifika fit-talba tagħha għal proċeduri interlokutorji l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt speċifika u d-deċiżjoni speċifika kontestabbli separatament ta’ awtorità kontraenti, anki fejn, fil-każ ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt li ma humiex trasparenti għall-imsemmi parti, din ġeneralment ma jistax ikollha għarfien ta’ kemm-il proċedura għall-għoti ta’ kuntratt mhux trasparenti tmexxiet mill-awtorità kontraenti u ta’ kemm ittieħdu deċiżjonijiet ta’ għoti fil-proċeduri ta’ għoti mhux trasparenti?

10.    Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal smigħ xieraq quddiem qorti skont l-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tikkonferixxi drittijiet suġġettivi u tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jipprovdu li l-parti li tfittex rimedju ġudizzjarju permezz ta’ talba għal proċeduri interlokutorji, hija marbuta tħallas spejjeż b’rata fissa ta’ ammont li hija ma tistax tistabbilixxi bil-quddiem peress li, fil-każ ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż tal-kuntratt li ma humiex trasparenti għall-imsemmija parti, din ġeneralment ma jistax ikollha għarfien ta’ jekk proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt mhux trasparenti tmexxewx mill-awtorità kontraenti u, fl-affermattiv, in-numru ta’ proċeduri u l-valur tal-kuntratt stmat tagħhom u kemm-il deċiżjoni ta’ għoti kontestabbli separatament ittieħdet diġà fil-proċeduri ta’ għoti mhux trasparenti?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44

2 ĠU L 2014, L 94, p. 1

3 ĠU L 2012, L 351, p. 1

4 ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68

5 ĠU 2012, C 326, p. 391

6 C-216/17, EU:C:2018:1034