Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2022 minn Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fit-30 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża T-325/17, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-385/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (rappreżentanti: R. Wesseling u F. Brouwer, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkonstata li l-Kummissjoni hija kompetenti biex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għal servizzi ta’ merkanzija bl-ajru inbound fuq rotot bejn iż-ŻEE u Stati terzi; u

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru. (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (id-Deċiżjoni); jew

sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni sa fejn tikkonstata li l-appellanti kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru inbound fuq rotot bejn iż-ŻEE u Stati terzi; u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravji segwenti.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi kkonkludiet li s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija inbound jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

L-ewwel parti: il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 101 TFUE billi kkonkludiet li s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija inbound ipproduċew effetti rilevanti fiż-ŻEE.

It-tieni parti: il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 101 TFUE billi kkonkludiet li s-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija inbound ipproduċew effetti probabbli fiż-ŻEE.

It-tielet parti: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq argumenti u provi li ma kinux tressqu mill-Kummissjoni.

Ir-raba’ parti: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 101 TFUE billi kkonkludiet li l-ksur uniku u kontinwu jista’ jestendi l-kompetenza tal-Kummissjoni għal aġir barra ż-ŻEE.

____________