Language of document : ECLI:EU:F:2009:85

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Lulju 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave annwali – Attivitajiet ta’ rappreżentant tal‑persunal – Kollokament part-time għal finijiet ta’ rappreżentanza sindakali – Attivitajiet ta’ rappreżentanza statutorja – Assenza mhux awtorizzata – Tnaqqis mid-dritt għal leave annwali – Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża F‑39/08,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Giorgio Lebedef, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Senningerberg (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn F. Frabetti, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Berscheid u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn S. Gervasoni, President, H. Kreppel u H. Tagaras (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-28 ta’ Marzu 2008 permezz ta’ faks (il-preżentata tar-rikors oriġinali seħħet fil-31 ta’ Marzu segwenti), ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tad-29 ta’ Mejju, tal-20 ta’ Ġunju, tat-28 ta’ Ġunju u tas-6 ta’ Lulju 2007, kif ukoll taż-żewġ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Lulju 2007 u tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2007, fejn dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw komplessivament it-tnaqqis ta’ 32 jum mid-dritt għal leave tiegħu għas-sena 2007.

 Il-kuntest ġuridiku

 Dritt għal leave tal-uffiċjali

2        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“L-uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal leave fis-sena ta’ mhux anqas minn 24 jiem utli lanqas aktar minn 30 jiem utli għal kull sena kalendarja, skond ir-regoli mniżżla bil-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet, wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.”

3        L-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“1. Uffiċjal li jipprovdi evidenza li mhux kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu minħabba mard, jew inċident għandu, awtomatikament ikun intitolat għall-vaganzi tal-mard.

L-uffiċjal ikkonċernat għandu jinnotifika l-istituzzjoni tiegħu bl-inkapaċità tiegħu, mill-aktar fis possibbli u fl-istess ġin [ħin] jiddikjara l-indirizz kurrenti tiegħu. Huwa għandu jipproduċi ċertifikat mediku jekk huwa assenti għal aktar minn tlett ijiem. Dan iċ-ċertifikat irid jintbagħat fil-ħames ġurnata ta’ l-assenza l-aktar tard, kif huwa ppruvat mid-data tat-timbru tal-posta. Fin-nuqqas ta’ dan, u sakemm jonqos li jibgħat iċ-ċertifikat minħabba raġunijiet barra l-kontroll tiegħu, l-assenza ta’ l-uffiċjal għandha tkun ikkunsidrata mhux awtorizzata.

[…]

2. Jekk, fuq perjodu ta’ 12-il xahar, uffiċjal huwa assenti sa tlett ijiem minħabba mard għal total ta’ aktar minn 12-il ġurnata, huwa għandu jipproduċi ċertifikat mediku għal kull assenza oħra minħabba mard. L-assenza tiegħu titqies mhux iġġustifikati mit-tlettax-il ġurnata ta’ assenza fuq bażi ta’ mard, mingħajr ċertifikat mediku.

3. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar proċeduri dixxiplinari, fejn ikun il-każ, kull assenza li titqies mhux iġġustifikata taħt il-paragrafi 1 u 2, għandha titnaqqas mill-vakanzi tas-sena ta’ l-uffiċjal ikkonċernat. Fil-każ li luffiċjal ma baqalux intitolament għal vakanzi, għandu jitlef il-benefiċċju tar-remunerazzjoni għall-perjodu li jikkorrospondi.

[…]”

4        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Ħlief fil-każ ta’ mard jew inċident, uffiċjal ma jistax ikun assenti mingħajr permess minn qabel tas-superjur tiegħu dirett fuqu. Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri dixxiplinari li jistgħu japplikaw, kull assenza mhux awtorizzata li hija stabbilita sew għandha titnaqqas mill-leave ta’ kull sena ta’ l-uffiċjal konċernat. Jekk uża l-leave ta’ xogħol tiegħu, għandu jitlef ir-remunerazzjoni tiegħu għal perjodu ekwivalenti.”

 Rappreżentanza tal-persunal

5        L-Artikolu 10c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“Kull istituzzjoni tista’ tikkonkludi ftehim dwar il-persunal tagħha mat-trade unions u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħha tal-persunal. It-tali ftehim ma jistax ikun fihom emendi tar-Regolamenti tal-Persunal jew xi impennji ta’ estimi, lanqas ma jistgħu jaffettwaw l-ħidma ta’ l-istituzzjoni kkonċernata. It-trade unions u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal, li huma firmatarji, għandhom joperaw f’kull istituzzjoni, suġġetti għas-setgħat statutorji tal-kumitat tal-persunal.”

 Drittijiet ta’ rappreżentanza tal-persunal

6        Fir-rigward tal-Kumitat tal-Persunal (iktar ’il quddiem il-“KP”), is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Id-dmirijiet li jieħdu l-membri tal-[KP] u l-uffiċjali maħtura mill-Kumitat ta’ organi stabbiliti taħt ir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-istituzzjoni jitqiesu parti mi[s]-servizz normali tagħhom fl-istituzzjoni tagħhom. Il-fatt li jitwettqu t-tali dmirijiet bl-ebda mod ikun ta’ preġudizzju għall-persuna kkonċernata.”

7        Il-Ftehim Qafas li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u t-trade unions u l-organizzazzjonijiet professjonali (iktar ’il quddiem it-“TUOP”), daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Jannar 2006 għal terminu ta’ 18-il xahar (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), jistipula fl-Artikolu 1(2):

“Is-sħubija fi TUOP, il-parteċipazzjoni f’attività sindakali jew l-eżerċizzju ta’ mandat sindakali ma jistgħu taħt ebda forma jew titolu jikkawżaw dannu għas-sitwazzjoni professjonali jew għall-iżvolġiment tal-karriera tal-persuna kkonċernata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanza tal-persunal

8        Ir-rappreżentanza tal-persunal fi ħdan il-Kummissjoni kienet is-suġġett ta’ numru ta’ ftehim bejn l-istituzzjoni u t-TUOP, li involvew ukoll il-KP u li kienu jikkonċernaw b’mod partikolari r-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanza tal-persunal.

9        Fil-“Ftehim bejn il-Viċi President [tal-Kummissjoni] u t-[TUOP]” tal-4 ta’ April 2001 (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar ir-riżorsi tal-2001”), ġie indikat li t-TUOP impenjaw rwieħhom sabiex jiżguraw tqassim tar-riżorsi kemm fi ħdan it-TUOP, kif ukoll fi ħdan il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal u l-Kumitati Lokali tal-Persunal, abbażi tar-rappreżentattività tat-TUOP, fid-dawl tar-restrizzjonijiet ta’ natura lokali. Kien ukoll previst li t-tqassim tar-riżorsi huwa rregolat minn protokoll bejn it-TUOP, flimkien mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni”. Fl-aħħar nett, ġie konkluż li l-Kummissjoni kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni tat-TUOP 31.5-il kollokament, li minnhom 19.5-il kollokament għall-KP, fejn dawn il-kollokamenti kollha ġew iddistribwiti bejn it-TUOP abbażi tar-rappreżentattività.

10      Fir-rigward tal-każ inkwistjoni, il-“[p]rotokoll ta’ ftehim bejn it-[TUOP] u d-[DĠ ‘Persunal u amministrazzjoni’] dwar l-allokazzjoni ta’ riżorsi għar-rappreżentanza tal-persunal għas-sena 2007” ipprovda għall-attribuzzjoni ta’ 20 kollokament – li magħhom jiżdied kollokament addizzjonali – għall-KP, jiġifieri l-Kumitat Ċentrali tal-Persunal u l-Kumitati Lokali tal-Persunal. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tat-tqassim ta’ dawn l-20-il kollokament, 10 kollokamenti ngħataw lill-Alleanza Konfederali tas-Sindakati Ħielsa.

11      Fil-prattika, jistgħu jeżistu metodi differenti ta’ kollokament, fi ħdan TUOP, għal skopijiet sindakali, u/jew fi ħdan KP, għal skopijiet statutorji, għall-istess uffiċjal jew aġent ikkollokat, b’mod partikolari kif ġej:

–        100 % għal skopijiet statutorji, jew fi ħdan il-Kumitat Ċentrali tal-Persunal, jew fi ħdan Kumitat tal-Persunal Lokali, jew 100 % għal skopijiet sindakali;

–        50 % għal skopijiet statutorji u 50 % għal skopijiet sindakali;

–        50 % għal skopijiet statutorji jew għal skopijiet sindakali, bl-assenjazzjoni tal-aġent ikkonċernat għall-50 % tal-ħin ta’ xogħol li jifdal f’dipartiment tal-Kummissjoni.

12      Ir-rappreżentanti tal-persunal suġġetti għal kollokament għal skopijiet sindakali u/jew għal skopijiet statutorji jintgħażlu mit-TUOP, iżda d-deċiżjonijiet ta’ kollokamenti jiġu adottati mill-Kummissjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13      Permezz ta’ deċiżjoni tas-Sur Reichenbach tat-12 ta’ Marzu 2004, li dak iż-żmien kien id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, ir-rikorrent, uffiċjal tal-Kummissjoni f’Eurostat, ibbenefika minn kollokament ta’ 100 % mill-ħin tiegħu għal skopijiet sindakali mill-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2004, data li fiha huwa kellu jiġi assenjat lura għad-dipartiment inizjali tiegħu, Eurostat. Meta ngħatat din id-deċiżjoni ta’ kollokament, ir-rikorrent kien jokkupa l-kariga ta’ segretarju politiku tal-Alleanza Konfederali tas-Sindakati Ħielsa.

14      Fix-xahar ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent ġie elett fil-kariga ta’ Viċi President tal-Kumitat tal-Persunal Lokali tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem il-“KPL”).

15      Permezz ta’ deċiżjoni tas-Sur Chêne, suċċessur ta’ Reichenbach fid-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, tat-23 ta’ Diċembru 2004, li ġiet issostitwita minn deċiżjoni tal-istess Chêne tal-10 ta’ Frar 2005, ir-rikorrent ġie assenjat mill-ġdid f’Eurostat għal 50 % mill-ħin tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2005. Għalhekk għall-50 % tal-ħin li kien jifdal huwa kompla jibbenefika minn kollokament bħala rappreżentant sindakali.

16      Fil-verità, minkejja dan kollu, matul is-snin 2005 u 2006, ir-rikorrent ħadem esklużivament għar-rappreżentanza tal-persunal għal skopijiet statutorji u għal skopijiet sindakali (ara, rispettivament, il-punti 14 u 15 ta’ din is-sentenza), fejn għal dawn l-attivitajiet (iktar ’il quddiem l-“attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal”) huwa iddedika 100 % mill-ħin tax-xogħol tiegħu, b’tali mod li ma ddedika ebda ħin tax-xogħol għad-dipartiment li fih ġie assenjat. Huwa paċifiku li din is-sitwazzjoni ma kellhiex konsegwenzi fuq id-dritt tiegħu għal leave.

17      Permezz ta’ nota tas-27 ta’ Settembru 2006 indirizzata lir-rikorrent, il-Kap tad-Diviżjoni E.5 “Kooperazzjoni statistika internazzjonali” tad-Direttorat E “Statistika agrikola u ambjentali, kooperazzjoni statistika” (iktar ’il quddiem il-“Kap tad-Diviżjoni tar-rikorrent” jew “il-Kap tad-Diviżjoni tiegħu”) talab lir-rikorrent, b’mod partikolari, sabiex minn issa ’l quddiem jippreżenta ruħu għax-xogħol fid-Diviżjoni E.5 għal 50 % mill-ħin tax-xogħol tiegħu, sabiex jeżegwixxi l-kompiti relatati mal-kariga tiegħu u sabiex jilħaq l-għanijiet hekk kif stabbiliti u diskussi matul is-sena 2005 kif ukoll sabiex fi tmiem kull xahar jippreżentalu rapport dwar “il-progress milħuq”, il-Kap tad-Diviżjoni tar-rikorrent speċifikalu li “dan [kien] bla ħsara għal konsegwenzi eventwali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ preżenza fil-post tax-xogħol [tiegħu] u [min-]nuqqas ta’ twettiq ta’ xogħlijiet matul il-perijodu sa mid-data tal‑assenjazzjoni [tiegħu] fid-Diviżjoni E.5”.

18      F’ittra tal-5 ta’ Ottubru 2006 indirizzata lill-Kap tad-Diviżjoni tiegħu, ir-rikorrent, b’riferenza għas-“semi-kollokament” tiegħu u fil-kariga tiegħu bħala Viċi President tal-KPL, stagħġeb li kien fit-tort, meta, f’perijodu li matulu huwa ma kienx ikkollokat u kien jeżerċita inqas attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal, id-deċiżjonijiet li ma jiġix promoss minħabba li ma kien ipprovda ebda xogħol għal Eurostat kienu ġew annullati mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2004, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑175/02, ĠabraSP p. I‑A‑73 u II‑313, u Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑4/03, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑337) . Ir-rikorrent żied li “dan huwa bla ħsara għall-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ostakolu [għall-]attività sindakali tiegħi, mill-ksur tal-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-ksur tal-Ftehim Qafas bejn il-Kummissjoni u t-TUOP, u mill-fastidju psikoloġiku […] mġarrab […] għal numru ta’ snin [minħabba] Eurostat”.

19      Permezz ta’ nota tat-3 ta’ Novembru 2006, b’riferenza għas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2004, Lebedef vs Il‑Kummissjoni (T‑4/03, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 u 64), ir-rikorrent indika b’mod partikolari lill-Kap tad-Diviżjoni tiegħu li l-preżenza tiegħu u x-xogħol tiegħu fir-rappreżentazzjoni tal-persunal “[kienet] tgħodd ukoll għal Eurostat”, u ppropona wkoll li “jasal għal kompromess” fuq sistema ta’ kontroll tal-preżenza tiegħu mir-rappreżentazzjoni tal-persunal, fil-każ li t-tali kontroll ikun meħtieġ minħabba raġunijiet prattiċi u formali.

20      F’nota tas-17 ta’ Novembru 2006, id-Direttur Ġenerali ta’ Eurostat indika lir-rikorrent li l-ġestjoni tal-fajl tiegħu kienet ġiet fdata lill-Kap tad-Diviżjoni A.1 “Persunal” tad-Direttorat A “Riżorsi” ta’ Eurostat (iktar ’il quddiem il-“Kap tad-Diviżjoni tal-persunal ta’ Eurostat”).

21      F’ittra tas-16 ta’ Jannar 2007, il-Kap tad-Diviżjoni tar-rikorrent informa lil dan tal-aħħar li, wara li kkonsulta d-dipartimenti kompetenti tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, huwa ma kellux jaċċetta l-pożizzjoni adottata mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 2006. Huwa żied:

“Fil-fatt, assenza totali mix-xogħol għall-diviżjoni ta’ assenjazzjoni mhijiex possibbli mingħajr kollokament formali. Għaldaqstant, inqis li din l-assenza mhijiex konformi mar-Regolamenti tal-Persunal u għaldaqstant hija irregolari. Nerġa’ ntenni l-istruzzjonijiet li tajt fin-nota tiegħi tas-27 ta’ Settembru 2006 […] li timxi mas-sistema ta’ xogħol normali għall-ħin li matulu inti assenjat f’Eurostat. Nitolbok tinnotifikani bil-quddiem fir-rigward ta’ kull assenza tkun [liema] tkun ir-raġuni. Dawn l-assenzi għandhom ikunu suġġetti għal kunsens mogħti minn qabel min-naħa tiegħi.”

22      Skont ir-rikorrent, mid-29 ta’ Jannar 2007, huwa nduna li kull darba li ma kienx preżenti f’jum tax-xogħol fil-Kummissjoni, inklużi l-jiem li fihom huwa kien fuq xogħol ta’ rappreżentanza sindakali, nofs jum ġie rreġistrat bħala assenza irregolari fis-sistema informatika ta’ ġestjoni tal-persunal imsejħa “SysPer 2” (iktar ’il quddiem “SysPer 2”).

23      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 2007 indirizzata lill-Kap tad-Diviżjoni tar-rikorrent, ir-rappreżentant legali tar-rikorrent fakkar li ż-żmien li matulu huwa ma kienx jieħu ħsieb il-kompiti assenjati minn Eurostat kien jiddependi “esklużivament mill-kwantità tax-xogħol tiegħu għar-rappreżentanza tal-persunal għal skopijiet statutorji” u fakkar l-argumenti tar-rikorrent li jirreferu għall-ksur “tad-drittijiet sindakali” u tal-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li l-uffiċjali jgawdu mid-dritt ta’ assoċjazzjoni u jistgħu jkunu membri ta’ TUOP.

24      Permezz ta’ noti tat-12 ta’ Marzu u tal-14 ta’ Mejju 2007 indirizzati lill-Kap tad-Diviżjoni tal-persunal ta’ Eurostat, is-Sur Frankin, President tal-KPL, iċċertifika, minn naħa, il-preżenza tar-rikorrent, fir-rigward tax-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April 2007, jew għar-rappreżentanza għal skopijiet sindakali jew għal skopijiet statutorji, jew fi Brussell għal missjonijiet ta’ rappreżentanza sindakali (missjonijiet tal-11 u tat-30 ta’ Jannar 2007, tal-14 ta’ Frar 2007, tat-2 u tat-22 ta’ Marzu 2007), u min-naħa l-oħra, innota l-perijodi ta’ leave u ta’ mard tar-rikorrent; fil-fatt, ir-rikorrent kien fuq leave approvat minn Eurostat fid-9 ta’ Jannar 2007 u matul il-perijodu mid-19 sat-28 ta’ Frar 2007 u, matul il-perijodu mit-18 ta’ Jannar sas-26 ta’ Jannar 2007, fuq mard irrappurtat lil Eurostat, iżda inizjalment kien ukoll l-isptar u sussegwentement fuq leave tal-mard “approvat” minn Eurostat matul il-perijodi mis-26 sat-30 ta’ Marzu 2007 u mit-2 sat-30 ta’ April 2007. F’dawn l-istess noti, il-President tal-KPL żied jgħid li, skont ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Ftehim Qafas, l-attivitajiet tar-rikorrent fi ħdan ir-rappreżentanza tal-persunal kienu jgħoddu bħala attivitajiet fi ħdan id-dipartiment tiegħu u, għalhekk, bħala preżenza fi ħdan Eurostat.

25      Hekk kif jirriżulta minn tabella intitolata “Żvilupp tal-kwota” u li milli jidher ittieħdet minn SysPer2 (iktar ’il quddiem it-“tabella SysPer2”), fid-29 ta’ Mejju 2007, ġew irtirati ħmistax-il jum u nofs ta’ leave annwali, mid-dritt għal leave annwali tar-rikorrent, kif ukoll jumejn fl-20 ta’ Ġunju segwenti, tlett ijiem fit-28 ta’ Ġunju segwenti u tlett ijiem fis-6 ta’ Lulju segwenti, fejn dawn il-jiem ta’ leave imnaqqsa kienu jirreferu għall-erba’ perijodi rispettivament mid-29 ta’ Jannar 2007 sat-23 ta’ Marzu 2007, mill-15 ta’ Ġunju 2007 sal-20 ta’ Ġunju 2007, mill-21 ta’ Ġunju 2007 sat-28 ta’ Ġunju 2007 u, fl-aħħar nett, fid-29 ta’ Ġunju 2007 sas-6 ta’ Lulju 2007.

26      Fir-rigward tax-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2007, permezz ta’ nota tal-5 ta’ Lulju 2007 indirizzata lill-Kap tad-Diviżjoni tal-persunal ta’ Eurostat, il-President tal-KPL, minn naħa, iċċertifika l-preżenza tar-rikorrent, inkluż fil-jiem li matulhom kien qiegħed fuq xogħol part-time minħabba raġunijiet mediċi (jiġifieri tnax-il jum, mit-2 sal-25 ta’ Mejju 2007, imbagħad tmint ijiem mill-4 sal-15 ta’ Ġunju 2007), kemm għal rappreżentanza għal skopijiet sindakali jew statutorji, kif ukoll fi Brussell għal missjonijiet ta’ rappreżentenza sindakali (missjonijiet tat-2, tal-15 u tas-16 ta’ Mejju 2007 u tas-7, tal-14 u tat-28 ta’ Ġunju 2007), u min-naħa l-oħra, jindika perijodu ta’ leave approvat minn Eurostat, għall-perijodu mit-28 ta’ Mejju sal-1 ta’ Ġunju 2007. F’din l-istess nota, il-President tal-KPL żied jgħid li, skont ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Ftehim Qafas, l-attivitajiet tar-rikorrent fi ħdan ir-rappreżentanza tal-persunal kienu jgħoddu bħala attivitajiet fi ħdan id-dipartiment tiegħu u, għalhekk, bħala preżenza fi ħdan Eurostat.

27      Permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Lulju 2007, indirizzata lir-rikorrent, il-Kap tad-Diviżjoni tiegħu rrifjuta talba għal leave min-naħa tiegħu għal 34 jum – bejn it-30 ta’ Lulju 2007 u l-14 ta’ Settembru segwenti – peress li ma kienx għad fadallu iżjed minn tmint ijiem u nofs leave. Skont il-Kap tad-Diviżjoni tar-rikorrent, kull darba li r-rikorrent ikun assenti mix-xogħol, jew ma jippreżentax ċertifikat approprjat, l-amministrazzjoni ta’ Eurostat għandha l-obbligu li tirreġistra l-assenza tiegħu bħala waħda mhux awtorizzata, hekk kif indikat fin-nota tas-16 ta’ Jannar 2007.

28      Permezz ta’ nota tat-23 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrent ta r-reazzjonijiet tiegħu għall-posta elettronika tas-16 ta’ Lulju 2007 imsemmija iktar ’il fuq, billi kkwalifika d-deċiżjonijiet tal-Kap tad-Diviżjoni tiegħu bħala “fastidju psikoloġiku ripetittiv u kontinwu”.

29      Permezz tal-posta elettronika tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2007, il-Kap tad-Diviżjoni tar-rikorrent ikkonferma r-rifjut tiegħu li jilqa’ t-talba għal leave ta’ 34 jum, billi speċifika li l-assenzi tar-rikorrent ma kinux ġew awtorizzati minn qabel, u indika li kien għad fadallu biss erbat ijiem u nofs leave. Fl-istess jum, hekk kif jirriżulta mit-tabella SysPer2, tnaqqsu tlett ijiem u sussegwentement erbat ijiem mid-dritt għal leave annwali tar-rikorrent, liema jiem ta’ leave imnaqqsa kienu jikkonċernaw il-perijodi rispettivament mid-9 sas-16 ta’ Lulju 2007 u mis-17 sas-26 ta’ Lulju 2007.

30      Permezz ta’ posta elettronika tal-1 ta’ Awwissu 2007 indirizzata lill-Kap tad-Diviżjoni tiegħu, ir-rikorrent indika, fl-ewwel lok, li kien fuq leave tal-mard mill-1 sal-24 ta’ Awwissu 2007, li barra minn hekk jirriżulta mit-tabella SysPer2, u fit-tieni lok, li talab leave għal perijodu ta’ sebat ijiem, mis-27 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru 2007.

31      Permezz ta’ posta elettronika tat-2 ta’Awwissu 2007, il-Kap tad-Diviżjoni tar-rikorrent irrifjuta t-talba tiegħu għal leave minħabba li kien għad fadallu biss jum u nofs leave, filwaqt li indikalu li kien lest jaċċetta talba għal ħamest ijiem jew inqas. Fl-istess jum, hekk kif jirriżulta mit-tabella SysPer2, tnaqqas jum u nofs mid-dritt għal leave tar-rikorrent. Dan il-leave li tnaqqas kien jikkonċerna l-perijodu mis-27 sal-31 ta’ Lulju 2007.

32      Fir-rigward tax-xahar ta’ Lulju 2007, permezz ta’ nota tas-27 ta’ Awwissu 2007 indirizzata lill-Kap tad-Diviżjoni tal-persunal ta’ Eurostat, il-President tal-KPL iċċertifika l-preżenza tar-rikorrent, minn naħa, kemm għar-rappreżentanza sindakali jew statutorja, kif ukoll fi Brussell għal missjonijiet ta’ rappreżentanza sindakali (missjonijiet, tat-12, tat-18 u tas-26 ta’ Lulju 2007), u min-naħa l-oħra, fir-rigward, tax-xahar ta’ Awwissu 2007, identifika perijodu ta’ leave tal-mard għal dan ix-xahar kollu, ħlief, skont din in-nota, fit-2 ta’ Awwissu 2007, data li fiha r-rikorrent kien missjoni fi Brussell fuq rappreżentanza sindakali. Bħal fiċ-ċertifikati preċedenti, imsemmija fil-punti 24 u 26 ta’ din is-sentenza, il-President tal-KPL żied jgħid li, skont ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Ftehim Qafas, l-attivitajiet tar-rikorrent fl-ambitu tar-rappreżentanza tal-persunal kienu jgħoddu bħala attivitajiet fi ħdan id-dipartiment tiegħu u, għalhekk, bħala preżenza fi ħdan Eurostat.

33      Fid-29 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra d-deċiżjonijiet tad-29 ta’ Mejju, tal-20 ta’ Ġunju, tat-28 ta’ Ġunju u tas-6 ta’ Lulju 2007 kif ukoll kontra ż-żewġ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Lulju 2007 u d-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2007, dwar it-tnaqqis ta’ 32 jum mid-dritt għal leave tiegħu għas-sena 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). Fl-ilment tiegħu, ir-rikorrent invoka, minn naħa, il-ksur tal-Artikoli 57, 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Qafas, u l-ostakolu għal-libertà li tikkonċerna l-attività sindakali, u min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u tar-regola patere legem quam ipse fecisti.

34      Fit-18 ta’ Diċembru 2007, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet b’mod espliċitu l-ilment tar-rikorrent minħabba li huwa ma setax juża l-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant tal-persunal sabiex jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu bħala uffiċjal assenjat għal Eurostat, fir-rigward ta’ 50 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu. Barra minn hekk, u ġaladarba Eurostat osservat bir-reqqa l-proċeduri u ġaladarba l-konverżjoni tal-assenzi irregolari f’jiem ta’ leave hija sempliċement l-applikazzjoni stretta, b’mod partikolari tal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tista’ tiġi kkonstatata ebda illegalità fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

35      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjonijiet tad-29 ta’ Mejju, tal-20 ta’ Ġunju, tat-28 ta’ Ġunju u tas-6 ta’ Lulju 2007, kif ukoll iż-żewġ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Lulju u d‑deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2007, dwar it-tnaqqis ta’ 32 jum mid-dritt għal leave tiegħu għas-sena 2007;

–        jiddeċiedi fuq il-ħlasijiet, l-ispejjeż u l-onorarji u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tagħhom.

36      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

37      Skont l-Artikolu 56 tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku pproċeda għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li ġew innotifikati lill-partijiet permezz ta’ ittri tat-8 ta’ Jannar 2009 u tat-3 ta’ Frar 2009. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri.

38      Fil-kuntest tat-tweġibiet tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent indika, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni waqt is-seduta fuq dan il-punt, li, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Awwissu 2007 sas-6 ta’ Settembru 2007, huwa kien fuq leave tal-mard mill-1 sal-24 ta’ Awwissu 2007 (ara wkoll il-punt 32 ta’ din is-sentenza), imbagħad mis-27 ta’ Awwissu sas-6 ta’ Settembru 2007. Barra minn hekk, għall-perijodu mill-10 ta’ Settembru sal-21 ta’ Diċembru 2007, huwa ddikjara, dejjem mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni, li kien fuq xogħol part-time minħabba raġunijiet mediċi u li kien iddedika esklużivament il-bqija tal-ħin tax-xogħol tiegħu għar-rappreżentanza statutorja u sindakali mingħajr ma ġie rtirat jum mid-dritt għal leave tiegħu minn Eurostat, li kkunsidratu preżenti għax-xogħol matul dan il-perijodu.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

39      Insostenn tat-talbiet għal annullament, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi, li minnhom l-ewwel wieħed huwa bbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikoli 57, 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Qafas, u min-naħa l-oħra, fuq l-ostakolu għal-libertà sindakali, filwaqt li t-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-regola patere legem quam ipse fecisti.

40      Fir-rigward tal-ewwel motiv, wara li rrefera għas-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2004, Lebedef vs Il‑Kummissjoni (T‑175/02) u Lebedef vs Il-Kummissjoni (T‑4/03), iċċitati iktar ’il fuq, ir-rikorrent isostni li l-attivitajiet tiegħu ta’ rappreżentanza tal-persunal jinvolvu iktar minn seba’ sigħat u nofs kuljum, mingħajr ma jkun possibbli għalih li jagħmel distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet ta’ rappreżentanza sindakali u ta’ rappreżentanza statutorja. Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li l-ksur invokat isir iktar manifest minħabba l-fatt li Eurostat irrifjutat saħansitra li tirregolarizza l-assenzi marbuta ma’ missjoni ta’ rappreżentanza sindakali u jistaqsi għalfejn l-assenzi ta’ qabel Jannar 2007 ma kinux tqiesu bħala assenzi mhux iġġustifikati. Barra minn hekk, filwaqt li osserva li r-Regolamenti tal-Persunal ma jimponix limiti fir-rigward tal-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal, ir-rikorrent isostni li l-każ tiegħu huwa każ ad hoc u li “wieħed ma jistax jiġġeneralizza”.

41      Fir-rigward tat-tieni motiv, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq aspettattivi leġittimi, isostni li Eurostat bdiet tirtira l-jiem mid-dritt għal leave tiegħu mingħajr ma qatt informatu li l-amministrazzjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċertifikati tal-President tal-KPL (ċertifikati msemmija fil-punti 24, 26 u 32 ta’ din is-sentenza) u jqis li skont il-prinċipju ta’ pacta sunt servanda, hija l-Kummissjoni li għandha tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 57, 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Qafas.

42      Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni li xejn ma jeħles lir-rikorrent mill-obbligu tiegħu, fil-każ ta’ assenza, li jikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjur ġerarkiku tiegħu jew li jinforma lil dan tal-aħħar minn qabel. Issa, din l-awtorizzazzjoni jew informazzjoni kull darba hija nieqsa f’din il-kawża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-portata tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Perunal timplika li, minbarra l-funzjonijiet li minnhom huma inkarigati r-rappreżentanti tal-persunal, parti oħra mill-funzjonijiet għandha tiġi imperattivament eżerċitata fid-dipartiment ta’ assenjazzjoni, ħlief fil-każ ta’ kollokament full-time. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2004, Lebedef vs Il‑Kummissjoni (T‑175/02) u Lebedef vs Il‑Kummissjoni (T‑4/03), iċċitati iktar ’il fuq, jillimitaw rwieħhom sabiex jannullaw deċiżjonijiet li jikkonċernaw rifjut ta’ promozzjoni, mingħajr lanqas jikkunsidraw jekk ir-rikorrent kellux jew le l-obbligu li jwettaq ix-xogħol tiegħu fid-dipartiment li fih huwa assenjat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li f’dan il-każ jeżisti abbuż ta’ dritt kif ukoll li s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Mejju 2008, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑36/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, tikkonferma li r-rikorrent ma jista’ f’ebda każ jiddeċiedi huwa stess dwar kif għandu jqassam il-ħin tiegħu meta jkun assenjat f’Eurostat. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrent bosta drabi, b’mod partikolari permezz tan-nota tagħha tas-16 ta’ Jannar 2007, li tirreferi għal dik tas-27 ta’ Settembru 2006, dwar liema kienu l-obbligi tiegħu, fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tal-assenzi irregolari billi jitnaqqas id-dritt għal leave tiegħu hija għalhekk sempliċement l-applikazzjoni stretta, b’mod partikolari, tal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.

43      Fir-rigward ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-argument ibbażat fuq l-allegat ksur tar-regola patere legem quam ipse fecisti għandu jiġi miċħud, fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha ġew korrettement applikati fil-każijiet inkwistjoni. Għall-istess raġuni, l-allegazzjoni li tikkonċerna l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma tistax tintlaqa’, u dan peress li r-rikorrent qatt ma ngħata wegħda personali u bil-kontra ġie avżat dwar il-“konsegwenzi eventwali tal-irregolarità tal-imġiba tiegħu”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li, anki jekk jinvoka l-Ftehim Qafas, ir-rikorrent jibqa’ f’rabta statutorja u mhux kuntrattwali fir-rigward tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ pacta sunt servanda ma japplikax.

44      Fir-replika, ir-rikorrent jallega li l-Kap tal-Diviżjoni tiegħu u l-ġerarkija kienu informati dwar l-attivitajiet tiegħu. Huwa jsostni wkoll li ma jeżistix abbuż ta’ dritt iżda pjuttost kunflitt ta’ “interessi” jew iktar preċiżament kunflitt minn naħa, bejn id-dmirijiet u l-obbligi li huwa għandu lejn id-dipartiment tiegħu, u min-naħa l-oħra, ir-rappreżentanza tal-persunal. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li, jekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2008, Lebedef vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku aċċetta l-kritika fformulata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-imġiba tar-rikorrent, huwa “ma tax deċiżjoni dwar l-hekk imsejħa […] assenzi”.

45      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-fatt li l-Kap tad-Diviżjoni u l-ġerarkija tar-rikorrent kienu informati dwar l-attivitajiet tiegħu bħala rappreżentant tal-persunal ma kienx jgħodd bħala informazzjoni minn qabel u lanqas bħala awtorizzazzjoni minn qabel.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

 Fuq il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikoli 57, 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Qafas, u min-naħa l-oħra, fuq l-ostakolu għal-libertà sindakali

46      Ir-rappreżentanza tal-persunal hija ta’ importanza kardinali għall-ħidma t-tajba tal-istituzzjonijiet Komunitarji, u għaldaqstant, sabiex jitwettqu l-missjonijiet tagħhom.

47      B’rikonoxximent ta’ din l-importanza, il-leġiżlatur statutorju pprovda fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal, li l-funzjonijiet li bihom huma inkarigati l-membri tal-KP għandhom jiġu kkunsidrati bħala “parti mi[s]-servizz normali tagħhom fl-istituzzjoni tagħhom” kif ukoll li “l-fatt li jitwettqu t-tali dmirijiet bl-ebda mod ikun ta’ preġudizzju” Bl-istess mod, l-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Qafas jipprovdi b’mod partikolari li l-attivitajiet ta’ rappreżentanza sindakali ma jistgħu “taħt ebda forma jew titolu jikkawżaw dannu għas-sitwazzjoni professjonali jew għall-iżvolġiment tal-karriera tal-persuna kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

48      Barra minn hekk, l-esperjenza miskuba fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji fil-qasam tar-rappreżentanza tal-persunal ippermettiet li jiġu kkonstatati l-vantaġġi tal-applikazzjoni ta’ sistema li tipprovdi li ċerti uffiċjali jew aġenti jiddedikaw 50 % jew 100 % tal-ħin tax-xogħol tagħhom għal funzjonijiet ta’ rappreżentanza, liema sistema hija esposta fil-punt 11 ta’ din is-sentenza.

49      Madankollu, ma huwiex possibbli u lanqas ma hu mixtieq li r-rappreżentanza tal-persunal tkun żgurata biss għal uffiċjali jew aġenti kkollokati, sew jekk ikun għal 50 % sew jekk għal 100 % mill-ħin tax-xogħol tagħhom. Jeżisti interess ċert sabiex parti mill-obbligi ta’ rappreżentanza tal-persunal jiġu koperti minn persunal mhux ikkollokat. Madankollu, is-sistema li għaliha qed issir riferenza fil-punt preċedenti u li tipprovdi speċifikament għall-għoti ta’ kollokamenti lil ċerti rappreżentanti tal-persunal timplika li, fil-każ ta’ uffiċjali jew aġenti mhux ikkollokati, il-parteċipazzjoni fir-rappreżentanza tal-persunal tkun ta’ natura okkażjonali u li, ikkalkolata fuq bażi ta’ sitt xhur jew ta’ tliet xhur, tkopri perċentwali ta’ ħin ta’ xogħol relattivament limitat.

50      Huwa minnu li d-delimitazzjoni eżatta tan-natura “okkażjonali” tal-parteċipazzjoni fir-rappreżentanza tal-persunal, kif ukoll tad-delimitazzjoni eżatta tal-perċentwali ta’ ħin iddedikat għaliha huma, minnhom infushom, impossibbli u jistgħu jsiru biss fid-dawl tal-każ partikolari. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, il-każ li wieħed jaċċetta li uffiċjal jew aġent mhux ikkollokat jiddedika għar-rappreżentanza tal-persunal kważi l-ħin tax-xogħol kollu tiegħu jew saħansitra l-ħin tax-xogħol kollu tiegħu, b’tali mod li jiddedika biss ftit jew saħansitra ebda ħin tax-xogħol lid-dipartiment li fih huwa assenjat, għandu bħala effett li tiġi abbużata s-sistema stabbilita mill-ftehim differenti konkluż bejn il-Kummissjoni u t-TUOP (ara l-punti 8, 9 u 10 ta’ din is-sentenza) u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, li l-qorti Komunitarja tista’ tasal sabiex tissanzjona (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni, T‑271/04, Ġabra p. II‑1375, punti 100 et seq; iktar speċifikament, fil-qasam tas-servizz pubbliku, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Angelini vs Il‑Kummissjoni, T‑222/95, ĠabraSP p. I‑A‑491 u II‑1277, punti 35 u 36, u Costantini vs Il‑Kummissjoni, T‑57/96, ĠabraSP p. I‑A‑495 u II‑1293, punti 28 u 29; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2001, Gogos vs Il‑Kummissjoni, T‑95/98 DEP, ĠabraSP p. I‑A‑123 u II‑571, punt 24).

51      Fi kwalunkwe każ, sabiex isolvi l-kwistjoni quddiemu, ma hemmx lok li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq il-limiti eżatti, fin-nuqqas ta’ kollokament jew fil-preżenza ta’ kollokament li jinvolvi 50 % tal-ħin tax-xogħol, li għandhom josservaw ir-rappreżentanti tal-persunal fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom ta’ rappreżentanza. Lanqas ma hemm lok għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent eventwalment wettaqx abbuż ta’ dritt, u lanqas li jeżamina l-imġiba tal-istituzzjoni, sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ dan l-abbuż, b’mod partikolari n-natura stabbli u kontinwa tal-interpretazzjoni tagħha u tal-implementazzjoni tar-regoli statutorji rilevanti, kif ukoll iċ-ċarezza u l-koerenza tal-attitudni tagħha fil-konfront tar-rikorrent, fejn in-nuqqas ta’ tali elementi jista’ jikkontribwixxi għal dan l-abbuż.

52      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, matul is-sena 2007, ir-rikorrent ma ddedika ebda ħin tax-xogħol għad-dipartiment li fih huwa kien assenjat. Matul il-perijodu kkonċernat mid-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-perijodu mid-29 ta’ Jannar 2007 sat-23 ta’ Marzu 2007 u mill-15 ta’ Ġunju 2007 sal-31 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrent, – hekk kif jindika fir-rikors tiegħu – iddedika 60 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu għall-attivitajiet ta’ rappreżentanza sindakali, li għaliha huwa kien jibbenefika minn kollokament ta’ madwar 50 %, filwaqt li kien jiddedika l-ħin li jifdal għar-rappreżentanza statutorja. Barra minn hekk, mir-risposti mogħtija mir-rikorrent għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li għall-bqija tas-sena 2007, li ċertament ma kinitx ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ikkontestata, huwa kien jew fuq leave tal-mard, jew fuq xogħol part-time minħabba raġunijiet ta’ mard, fejn, f’dan il-kuntest, il-ħin tax-xogħol tiegħu kien “iddedikat esklużivament għar-rappreżentanza sindakali u statutorja tal-persunal” għal dan l-aħħar perijodu, l-ebda jum ma tnaqqas mid-dritt għal leave tiegħu).

53      Issa, għal ebda waħda mill-assenzi li, qabel kollox, tqiesu bħala irregolari mill-amministrazzjoni ta’ Eurostat, sussegwentement, tnaqqsu mid-dritt għal leave tar-rikorrent bħala ħin tax-xogħol li huwa missu pprovda fi ħdan id-dipartiment li fih huwa kien assenjat, jiġifieri ta’ madwar 50 %, u fl-aħħar nett, taw lok għad-deċiżjonijiet ikkontestati, is-superjur ġerarkiku tar-rikorrent f’Eurostat, jiġifieri l-Kap tad-Diviżjoni tiegħu, ma kienx awtorizzah minn qabel sabiex ikun assenti, u lanqas ma kien informah minn qabel dwar l-assenzi tiegħu.

54      B’hekk, ir-rikorrent ma kkonformax ruħu mal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal li jeżiġi l-awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjur ġerarkiku tal-persuna kkonċernata għal kull assenza, ħlief fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident, u lanqas ma pproċeda, kif tat x’tifhem li kien aċċettabbli l-Kummissjoni matul is-seduta, sabiex jinforma lill-Kap tad-Diviżjoni tiegħu minn qabel, permezz ta’ informazzjoni tat-tip bħal dik prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 2665 tal-15 ta’ Lulju 2005 fuq it-titjib tad-djalogu soċjali fi ħdan din l-istituzzjoni, liema deċiżjoni hija ċċitata fin-nota, tal-4 ta’ Jannar 2007, tal-Kap tad-Diviżjoni B.5 “Djalogu soċjali, tkabbir u relazzjonijiet mal-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali” tad-DĠ “Persunal u amministrazzjoni”, indirizzata lill-Kap tad-Diviżjoni tal-persunal ta’ Eurostat u annessa mar-risposti tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (liema artikolu jgħid li l-membri tal-kummissjonijiet u tal-kumitati konġunti, fosthom ir-rappreżentanti tal-persunal, għandhom jinnotifikaw minn qabel lis-superjur ġerarkiku tagħhom dwar kull assenza relatata mal-parteċipazzjoni tagħhom fix-xogħlijiet ta’ kummissjoni/ta’ kumitat).

55      Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, iċ-ċertifikati ex post tal-President tal-KPL, tat-12 ta’ Marzu, tal-14 ta’ Mejju, tal-5 ta’ Lulju u tas-27 ta’ Awwissu 2007, indirizzati lill-Kap tad-Diviżjoni tal-persunal ta’ Eurostat, ma setgħux jippermettu li l-assenzi irregolari tar-rikorrent jiġu awtorizzati wara, fejn it-tali awtorizzazzjoni setgħet issir biss fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident, skont l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fi kwalunkwe każ, anki fil-preżenza ta’ ċertifikati ex post, l-amministrazzjoni kompetenti għandha jkollha l-possibbiltà li żżomm ċertu dritt ta’ kontroll u li tevalwa l-fondatezza ta’ regolarizzazzjoni posterjuri tan-nuqqas meqjus bħala irregolari.

56      Huwa minnu li, sabiex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu li jitlob awtorizzazzjoni minn qabel jew li jipproċedi sabiex jinforma minn qabel lill-Kap tad-Diviżjoni tiegħu, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq diffikultajiet prattiċi u ta’ kunfidenzjalità inerenti għall-attivitajiet tiegħu ta’ rappreżentanza tal-persunal.

57      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva madankollu li l-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrent, li uffiċjali jew aġenti oħrajn tal-Kummissjoni rnexxilhom jikkonċiljaw il-kompiti relatati mad-dipartiment li fih huma assenjati u dawk ta’ rappreżentanza tal-persunal, filwaqt li josservaw l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, għalkemm jista’ jiġi aċċettat li, f’ċerti ċirkustanzi, diffikultajiet prattiċi jew restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità jistgħu jipprekludu lir-rappreżentanti tal-persunal milli josservaw l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (jew, minn tal-inqas u fis-sens indikat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, dik tal-informazzjoni minn qabel) mis-superjur ġerarkiku tagħhom, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrent f’dan il-każ qatt ma talab l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kap tad-Diviżjoni tiegħu (jew, minn tal-inqas informah minn qabel) għall-assenzi tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrent, b’mod partikolari waqt is-seduta, ma ċċita ebda każ konkret li fih diffikultajiet prattiċi jew restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità pprekluduh milli josserva l-obbligu msemmi iktar ’il fuq. B’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni li tikkonċerna l-kunfidenzjalità, u minbarra l-fatt li bosta informazzjoni relatata mal-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal ma humiex kunfidenzjali, b’mod partikolari l-postijiet, il-ħinijiet u l-parteċipanti għal-laqgħat uffiċjali, u li għalhekk l-obbligu ta’ kunfidenzjalità jikkonċerna biss parti minn dawn l-attivitajiet, għandu jiġi kkonstatat li, anki fil-preżenza ta’ data kunfidenzjali, dejjem jibqa’ possibbli li rappreżentant tal-persunal jipprovdi informazzjoni ġenerali mhux kunfidenzjali lis-superjur ġerarkiku tiegħu, bħat-tul approssimattiv ta’ laqgħa. B’hekk, l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet prattiċi jew ta’ restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu bħala rappreżentant tal-persunal, liema argument barra minn hekk ma ġiex issostanzjat, ma jista’ fl-ebda każ jeżentah totalment mill-obbligu tiegħu li jirrikorri għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kap tad-Diviżjoni tiegħu (jew, minn tal-inqas fis-sens indikat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li jinforma minn qabel lill-istess Kap).

58      Barra minn hekk, il-fatt li l-amministrazzjoni ta’ Eurostat, u għaldaqstant il-Kap tal-Diviżjoni tar-rikorrent, kienu informati dwar l-attivitajiet tiegħu ta’ rappreżentanza tal-persunal mhux waqt il-ħin tax-xogħol iddedikat għall-kollokament sindakali lanqas ma jista’ jkollu l-konsegwenza li jiġġustifika l-imġiba tar-rikorrent. Għarfien ġenerali u ta’ natura vaga, bħal f’dan il-każ, tal-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal tal-uffiċjal mid-dipartiment li fih dan l-uffiċjal huwa assenjat ma jistax jitqies bħala informazzjoni minn qabel fis-sens indikat fil‑punt 54 ta’ din is-sentenza, u lanqas a fortiori, bħala awtorizzazzjoni minn qabel tas-superjur ġerarkiku.

59      Barra minn hekk, għalkemm, f’posta elettronika tat-3 ta’ Novembru 2006 indirizzata lill‑Kap tal-Diviżjoni tiegħu, ir-rikorrent ippropona li jsir kontroll tal-assenzi tiegħu mir-“rappreżentanza tal-persunal”, dan il-kontroll ma huwiex opportun f’każ bħal dak inkwistjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-rikorrent jappartjeni għal żewġ strutturi ġerarkiċi, l-ewwel waħda li hija dik tar-rappreżentanza tal-persunal tikkonċerna l-attivitajiet tiegħu bħala rappreżentant sindakali, it-tieni waħda hija dik ta’ Eurostat fil-kuntest tal-assenjazzjoni tiegħu f’dan id-dipartiment. Issa, għalkemm ir-rappreżentanza tal-persunal hija kompetenti sabiex teżerċita kontroll tal-assenzi tar-rikorrent fil-kuntest tal-kollokament sindakali tiegħu, l-istess ma jgħoddx fir-rigward tal-assenzi tiegħu li jikkonċernaw il-ħin tax-xogħol li għandu jiddedika għad-dipartiment tiegħu li fih huwa assenjat, fejn hija biss Eurostat li hi kompetenti fir-rigward ta’ dawn l-assenzi.

60      Fl-aħħar nett, il-fatt li, minn naħa (bħal ma ddikjara r-rikorrent matul is-seduta u jekk jitqies li din id-dikjarazzjoni tirrifletti l-verità), il-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-persunal mhux ikkollokati jiddedikaw ftit ħin għar-rappreżentanza tal-persunal, filwaqt li persuni oħra, fosthom hu, iwettqu kompiti importanti u neċessarji għall-preparazzjoni u l-iżvolġiment tajjeb tal-laqgħat tal-KP, u min-naħa l-oħra, li l-assenzi tar-rikorrent ma jaqgħux taħt il-qasam tal-isfera privata iżda taħt l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ rappreżentanza tal-persunal, ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jikkonfuta l-pożizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

61      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, it-tnaqqis mill-jiem ta’ leave tar-rikorrent min-naħa tal-amministrazzjoni ta’ Eurostat ma jmurx kontra l-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal.

62      L-istess jgħodd fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra invokati mir-rikorrent insostenn tal-ewwel motiv tiegħu, kif ukoll tal-ostakolu għal-libertà sindakali. B’mod partikolari dan huwa l-każ tal-allegat ksur tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal invokat mir-rikorrent, fejn dan l-artikolu jipprovdi sempliċement id-dritt għal leave tal-uffiċjali, li f’dan il-każ ma ġiex miċħud lir-rikorrent. Fir-rigward tal-Artikolu 59 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan jikkonċerna l-uffiċjali li ma jistgħux jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba mard jew inċident, filwaqt li, f’dan il-każ, il-kwistjoni kontenzjuża tad-dritt għal leave ma tikkonċernax tali ipoteżijiet. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ma pprovda ebda argument awtonomu fuq l-allegat ksur ta’ dawn l-aħħar żewġ artikoli. Barra minn hekk, la mill-assimilazzjoni tal-funzjonijiet tal-membri tal-KP għas-servizzi li għandhom l-obbligu li jiżguraw fl-istituzzjoni tagħhom (bħal dawk imsemmija fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal), la mill-projbizzjoni magħmula lill-istituzzjonijiet li ma għandhom jippreġudikaw b’ebda mod lir-rappreżentanti tal-persunal (bħal ma jipprovdi s-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Qafas), u lanqas, fl-aħħar nett, mill-kunċett stess ta’ libertà sindakali invokat mir-rikorrent, ma jista’ wieħed jiddeduċi dritt ġenerali tar-rappreżentanti tal-persunal li jkunu assenti mill-post tax-xogħol tagħhom fid-dipartiment li fih huma assenjati mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel (jew minn tal-inqas fis-sens indikat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, mingħajr informazzjoni minn qabel) tas-superjur ġerarkiku, u li ma jiddedikaw ebda ħin tax-xogħol lid-dipartiment li fih huma assenjati. Dan huwa iżjed minnu meta dawn l-assenzi jkopru parti essenzjali, jew saħansitra l-ħin kollu tax-xogħol tagħhom u ġaladarba lanqas ma jkun ġie allegat u wisq inqas ipprovat li l-amministrazzjoni kienet irrifjutat li tagħti lill-persuna kkonċernata l-faċilitajiet neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ rappreżentanza.

63      Il-konklużjonijiet li jasal għalihom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza huma validi wkoll għall-jiem ta’ leave li tnaqqsu għall-missjonijiet li r-rikorrent wettaq fl-2007 fi Brussell għar-rappreżentanza sindakali, fit-30 ta’ Jannar, fl-14 ta’ Frar, fit-2 u fit-22 ta’ Marzu, fit-28 ta’ Ġunju kif ukoll fit-12, fit-18 u fis-26 ta’ Lulju. Anki għall-assenzi marbutin ma’ dawn il-missjonijiet, ir-rikorrent kellu l-obbligu li jitlob l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kap tal-Diviżjoni tiegħu f’Eurostat (jew, minn tal-inqas fis-sens indikat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li jinforma minn qabel lil dan tal-aħħar). Dan minkejja li, fir-rigward tal-laqgħat uffiċjali pprogrammati, ma jistgħux jeżistu problemi bħal dawk indikati fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, jiġifieri diffikultajiet prattiċi jew obbligu ta’ kunfidenzjalità.

64      Barra minn hekk, jekk, għal kull missjoni li fiha huwa pparteċipa fi Brussell bħala rappreżentant sindakali, kien ġustifikat li r-rikorrent jiddedika jum sħiħ tax-xogħol tiegħu u b’hekk, peress li jibbenefika biss minn kollokament sindakali li jammonta għal 50 %, jeċċedi l-ħin tax-xogħol li seta’ jiddedika għat-tali attivitajiet, ir-rikorrent madankollu kellu l-obbligu li jikkumpensa għal din is-sitwazzjoni billi, għal kull jum ta’ missjoni fi Brussell, huwa jaħdem għal jum sħiħ fl-diviżjoni li fiha huwa assenjat fi ħdan Eurostat. Fi kwalunkwe każ, dan jikkonċerna biss ilment relatat mat-tnaqqis ta’ erbat ijiem ta’ leave minħabba tmint ijiem ta’ missjoni fi Brussell għar-rappreżentanza sindakali. Issa, matul il-perijodu kkonċernat mid-deċiżjonijiet ikkontestati, Eurostat ma naqsitx leave għall-jiem li matulhom ir-rikorrent kien qed jaħdem part-time minħabba raġunijiet ta’ natura medika u madankollu ma kien iddedika ebda ħin ta’ xogħol għad-dipartiment li fih huwa assenjat. Fil-fatt, l-amministrazzjoni ta’ Eurostat aċċettat li, matul dawn il-jiem (ara l-punt 26 ta’ din is-sentenza), ir-rikorrent jiddedika l-50 % tal-ħin tax-xogħol tiegħu li jifdal għar-rappreżentanza tal-persunal filwaqt li, hekk kif osservat il-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, f’dan il-kuntest Eurostat setgħet tnaqqas ċerti jiem mid-dritt għal leave tar-rikorrent (għal numru ta’ jiem ogħla minn dak li tnaqqas għall-jiem ta’ missjoni fi Brussell) u tqis wara kollox li għandha d-dritt li tagħmel dan “li kieku t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kellux isegwi l-argumenti [tal-Kummissjoni]”. Bl-istess mod, jirriżulta mit-tweġibiet tar-rikorrent għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li, għall-perijodu (mhux ikkonċernat mid-deċiżjonijiet ikkontestati) li matulu huwa kien qed jaħdem part-time minħabba raġunijiet ta’ natura medika, jiġifieri mill-10 ta’ Settembru sal-21 ta’ Diċembru 2007, Eurostat ma rtirat ebda jum mid-dritt għal leave tiegħu, u dan meta kien iddedika l-bqija tal-ħin tax-xogħol tiegħu esklużivament għar-rappreżentanza statutorja u sindakali tal-persunal.

65      B’hekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fuq ir-regola patere legem quam ipse fecisti.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tintalab protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi ruħu għal kull individwu li jista’ jgawdi minn assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti pprovduti mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1996, Galtieri vs Il-Parlament, T‑235/94, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑129, punti 63 u 65, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il‑Kummissjoni, T‑329/03, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑315, punt 79; sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-21 ta’ Frar 2008, Skoulidi vs Il‑Kummissjoni, F‑4/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 79, u tal-4 ta’ Novembru 2008, Van Beers vs Il‑Kummissjoni, F‑126/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 70).

67      F’dan il-każ, anki li kieku kellu jitqies li n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Eurostat matul is-snin 2005 u 2006, fir-rigward tal-assenzi kontinwi tar-rikorrent mid-dipartiment li fih huwa assenjat huwa assimilat, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għal “assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti” tal-amministrazzjoni, li kienet ittollerat, minn naħa, li l-persuna kkonċernata teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ rappreżentanza tal-persunal mingħajr ma tipprovdi ebda xogħol fid-diviżjoni li fiha tinsab assenjata, u min-naħa l-oħra, li jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel (jew, minn tal-inqas u fis-sens indikat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, ta’ informazzjoni minn qabel) tal-Kap tal-Diviżjoni tiegħu, fi kwalunkwe każ, din il-konstatazzjoni hija biss valida sa meta ntbagħtet in-nota tas-27 ta’ Settembru 2006 lir-rikorrent, jew, l-iktar tard, dik tas‑16 ta’ Jannar 2007. Fil-fatt, permezz ta’ dawn in-noti, il-Kap tal-Diviżjoni tiegħu talbu sabiex jippreżenta ruħu fil-futur fid-dipartiment tiegħu għal 50 % mill-ħin tax-xogħol tiegħu u sabiex jeżegwixxi l-kompiti relatati ma’ dan ix-xogħol, imbagħad indika li assenza totali mix-xogħol għad-dipartiment li fih huwa assenjat ma kinitix konformi mar-Regolamenti tal-Persunal u kienet għalhekk irregolari fin-nuqqas ta’ kollokament formali, u fl-aħħar nett talbu sabiex jinformah minn qabel dwar kull assenza, sabiex ikun hemm ftehim minn qabel. Barra minn hekk, fin-nota tas-27 ta’ Settembru 2006, il-Kap tal-Diviżjoni tar-rikorrent iddikjara li l-kontenut ta’ din in-nota kien “bla ħara għal konsegwenzi eventwali li jirriżultaw min-nuqqas ta’ preżenza fil-post tax-xogħol u min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet matul il-perijodu mid-data [ta’ assenjazzjoni] fid-Diviżjoni E.5”.

68      B’hekk, minn meta rċieva dawn in-noti u iktar tard, jiġifieri matul il-perijodu kkonċernat mid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrent ma setax jibbenefika minn xi tip ta’ assigurazzjoni li kienet tagħtih l-amministrazzjoni ta’ Eurostat, u wisq inqas minn aspettattiva leġittima fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, u lanqas mid-dritt għaż-żamma tas-sitwazzjoni li kienet teżisti matul is-snin 2005 u 2006.

69      Barra minn hekk, mill-qari tal-proċess jidher li, anki jekk l-interpretazzjoni u l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet statutorji rilevanti minn Eurostat ma kinux stabbli u kontinwi fil-każ inkwistjoni u l-attitudni tal-amministrazzjoni fil-konfront tal-parti kkonċernata ma kinitx dejjem ċara u koerenti, xorta jibqa’ l-fatt li Eurostat aġixxiet b’mod diliġenti billi informat lir-rikorrent, permezz tan-noti tas-27 ta’ Settembru 2006 u tas-16 ta’ Jannar 2007, iċċitati iktar ’il fuq, dwar l-obbligu tiegħu li jippreżenta ruħu fil-futur fid-dipartiment tieħu f’Eurostat, dwar l-irregolarità tal-assenzi tiegħu fejn jikkonċernaw ir-Regolamenti tal-Persunal u dwar il-ħtieġa ta’ notifika u ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tal-assenzi tiegħu.

70      Fir-rigward tal-ilmenti marbutin mal-obbligu tal-Kummisjoni li, skont il-prinċipju pacta sunt servanda, tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 57, 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Qafas, u apparti l-fatt li, fir-rigward tal-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rabta ta’ impjieg bejn ir-rikorrent u l-amministrazzjoni hija ta’ natura statutorja u mhux kuntrattwali, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel motiv, dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.

71      B’hekk, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-regola patere legem quam ipse fecisti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ħlief għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens. Skont l-Artikolu 87(2), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, skont il-prinċipju ta’ ekwità, li l-parti li titlef il-kawża tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż, jew saħanstira li ma tiġix ikkundannata f’dan is-sens.

73      F’dan il-każ, ir-rikorrent huwa l-parti li tilfet il-kawża. Għalhekk, u fin-nuqqas ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      G. Lebedef għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Gervasoni

Kreppel

Tagaras

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Lulju 2009.

W. Hakenberg

 

       S. Gervasoni

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.